IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.10.2017
COM(2017) 592 final
KOMUNIKAZZJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja
KOMUNIKAZZJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja
“Id-demokrazija hija dwar kompromessi. U fl-aħħar mill-aħħar, il-kompromess it-tajjeb jagħmel lil kulħadd rebbieħ. Unjoni aktar magħquda għandha tħares lejn il-kompromess, mhux bħala xi ħaġa negattiva imma bħala l-arti li permezz tagħha nnaqqsu d-differenzi. Id-demokrazija ma tistax tiffunzjona mingħajr il-kompromess. L-Ewropa ma tistax tiffunzjona mingħajr il-kompromess."
Jean-Claude Juncker, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, it-13 ta’ Settembru 2017
1. Sfond u objettivi
Kif enfasizzat mill-President Juncker fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tiegħu fit-13 ta’ Settembru 2017,
l-Unjoni Bankarja trid titlesta biex din tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha bħala parti minn Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) b’saħħitha. Flimkien mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU), Unjoni Bankarja kompluta se tippromwovi sistema finanzjarja stabbli u integrata fl-Unjoni Ewropea. Din se żżid ir-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fil-konfront ta’ xokkijiet negattivi billi tiffaċilita b’mod sostanzjali l-kondiviżjoni transfruntiera tar-riskji privati, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-ħtieġa għal kondiviżjoni tar-riskji mis-settur pubbliku.
Din hi kwistjoni li għaliha hemm appoġġ u kunsens mifruxa fl-Unjoni Ewropea. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja minn Ġunju 2016 (minn hawn ’il quddiem il-“Pjan Direzzjonali tal-2016 tal-Kunsill”) u fir-Rapport Annwali dwar l-Unjoni Bankarja ta’ Marzu 2016 kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew irriaffermaw l-importanza tal-Unjoni Bankarja bl-għan li din titlesta.
Issa hu ż-żmien li jinħataf il-momentum politiku – rifless mhux l-anqas fl-invit mill-President Tusk għas-Summit tal-Euro f’format inklużiv f’Diċembru – u li din l-ambizzjoni kondiviża b’mod wiesa’ tiġi trasformata f’azzjoni konkreta, sabiex l-Unjoni Bankarja titlesta sal-2019, kif mitlub diġà mir-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015 u mid-Dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (minn hawn ’il quddiem “id-dokument ta’ riflessjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”).
Il-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran li esperjenzat l-Unjoni Ewropea matul dan l-aħħar deċennju wrew li l-qafas ekonomiku u finanzjarju mhux komplut tal-Unjoni Ewropea ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni l-emerġenza ta’ politiki mhux sostenibbli matul is-snin ta’ tkabbir jew biex jippermetti li x-xokkijiet negattivi jkunu assorbiti b’mod aktar effettiv matul il-fażi tal-korrezzjoni makroekonomika sussegwenti. B’mod partikolari, il-kriżijiet żvelaw l-eżistenza ta’ konnessjonijiet mhux mixtieqa bejn is-setturi bankarji nazzjonali u s-sovrani tagħhom – l-hekk imsejjaħ ċirku vizzjuż. L-Unjoni Bankarja nħolqot biex tkisser dik il-konnessjoni u tevita li l-kontribwenti jkunu l-ewwel li jkollhom isalvaw lill-banek f’diffikultà.
Superviżjoni, ġestjoni ta’ kriżijiet u assigurazzjoni tad-depożiti komuni se jippermettu integrazzjoni finanzjarja aktar fil-fond imsejsa fuq sistema finanzjarja stabbli. Dan se jsaħħaħ l-istabbilità finanzjarja, kemm fl-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja kif ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, settur bankarju aktar stabbli se jfisser ukoll opportunitajiet ikbar ta’ finanzjament għall-kumpaniji ta’ kull daqs u aktar xogħol u tkabbir għaċ-ċittadini Ewropej. Integrazzjoni finanzjarja aktar fil-fond hi essenzjali wkoll biex tingħata firxa usa’ ta’ servizzi bi prezzijiet aktar baxxi. Sabiex tagħmel il-benefiċċji tal-integrazzjoni tanġibbli għaċ-ċittadini Ewropej, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur, il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tipproponi emendi għar-Regolament dwar ħlas transfruntier sabiex tnaqqas il-miżati għal tranżazzjonijiet bankarji transfruntieri fil-muniti kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-prospett li iktar Stati Membri jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja u maż-żona tal-euro jagħmel it-tlestija tal-Unjoni Bankarja iktar attraenti. Unjoni Ekonomika u Monetarja stabbli, kemm ekonomikament kif ukoll finanzjarjament, u attraenti wkoll għal Stati Membri oħrajn mhux parteċipanti, hija strument ewlieni biex tiġi ffaċilitata stabbiltà ekonomika u finanzjarja usa’, u b’hekk jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni Ewropea li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ d-diskussjonijiet fid-Danimarka, fl-Iżvezja u fil-Bulgarija dwar il-possibbiltà li jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja. Sabiex dan il-proċess jiġi ffaċilitat, jenħtieġ li l-elementi istituzzjonali u regolatorji kollha tal-Unjoni Bankarja jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun. Diversi elementi prinċipali tal-Unjoni Bankarja diġà huma stabbiliti: L-ewwel, il-Ġabra Unika tar-Regoli tipprovdi sett wieħed ta’ regoli prudenzjali armonizzati li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jridu jirrispettaw fis-Suq Uniku. L-Unjoni Bankarja hi ankrata fis-sod fuq din il-bażi li tapplika fl-Istati Membri kollha. It-tieni, il-banek kollha fl-Unjoni Ewropea huma ssorveljati skont l-istess standards, bil-banek l-aktar sinifikanti fiż-żona tal-euro jkunu ssorveljati b’mod ċentrali mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kapaċità superviżorja tiegħu fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). It-tielet, fil-każ ta’ falliment, il-banek jistgħu jiġu riżolti b’mod ċentrali u skont l-istess standards fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Mechanism, SRM), li hu appoġġat minn Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, SRF). L-istabbiliment ta’ din l-arkitettura l-ġdida għall-Unjoni Bankarja kien akkumpanjat minn analiżi komprensiva tal-kwalità tal-assi, minn test tal-istress u minn eżerċizzji ta’ rikapitalizzazzjoni għall-banek li kienu qed jipparteċipaw fl-2014. Għalhekk, il-qafas istituzzjonali u regolatorju għall-banek Ewropej ġie msaħħaħ b’mod fundamentali, li rriżulta fi tnaqqis sostanzjali tar-riskji fis-settur bankarju. Matul dawn l-aħħar snin, il-livelli ta’ kapitalizzazzjoni tal-banek żdiedu bil-qawwa: it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ ingranaġġ madwar il-banek kollha tal-Unjoni Ewropea u taż-żona tal-euro kollha hu possibbilment il-prova l-aktar ċara tar-robustezza kurrenti tas-settur bankarju u tal-aċċettazzjoni mis-suq tar-riformi superviżorji u regolatorji li l-Ewropa pproponiet u implimentat b’determinazzjoni.
L-esperjenza sal-lum tissuġġerixxi li l-partijiet lesti tal-Unjoni Bankarja qed jaħdmu sew. Illum, il-Kummissjoni qed tippubblika l-ewwel analiżi tagħha tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li turi li l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kumplessivament kien suċċess. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni wkoll huwa stabbilit u qed jopera u rnexxa fl-ewwel każ tiegħu ta’ riżoluzzjoni ta’ bank, bl-ebda spiża għall-kontribwenti. Dan juri li s-sistema l-ġdida tista’ timmaniġġa r-riżoluzzjoni ta’ bank b’mod effiċjenti u f’perjodu ta’ żmien verament qasir, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti opzjonijiet differenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, kif ipprovdut fil-qafas legali. Dan jippermetti li tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-banek individwali, li hu partikolarment importanti billi għad hemm kwistjonijiet ta’ legat sinifikanti f’partijiet mis-settur bankarju tal-Unjoni Ewropea u hemm elementi tal-Unjoni Bankarja li għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ.
L-esperjenza mill-każijiet reċenti se tgħin lill-atturi kollha involuti biex ikomplu jtejbu l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Unjoni Ewropea u l-funzjonament tas-sistema. Dan jikkonċerna pereżempju l-modalitajiet prattiċi ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi Ewropej u nazzjonali kollha li huma involuti fl-intervent bikri u fir-riżoluzzjoni, il-proċeduri li jwasslu għal deċiżjoni dwar jekk bank hux qed ifalli jew probabbilment se jfalli u l-użu ta’ analiżijiet tal-kwalità tal-assi sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għal rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja. Hemm ukoll tħassib marbut mal-akkumulazzjoni rapida ta’ obbligazzjonijiet adegwati li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament (fil-forma tar-Rekwiżit Minimu għal fondi proprji u Obbligazzjonijiet Eliġibbli – RMOE), li hi kruċjali biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ banek f’diffikultà mhux vijabbli u li jistgħu jkomplu jinbnew fil-kundizzjonijiet tas-suq kurrenti. It-titjib jikkonċerna wkoll il-kwistjoni li jiġi żgurat li l-likwidità meħtieġa tkun disponibbli qabel, matul u wara r-riżoluzzjoni sabiex jiġu applikati, fil-każ imsemmi l-aħħar, l-għodod ta’ riżoluzzjoni l-aktar xierqa anke fin-nuqqas ta’ xerrej privat immedjat għal bank f’diffikultà. Ta’ min jgħid li l-esperjenza kurrenti bil-qafas tal-Unjoni Bankarja turi wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji li probabbilment ikunu se jġarrbu telf fi kriżi bankarja jinżammu u li t-telf jiġġarrab mill-investituri privati li huma infurmati biżżejjed biex jifhmu r-riskji involuti.
Filwaqt li hemm lok għal titjib prattiku fit-terminu qasir mill-atturi rilevanti, kwistjonijiet oħra jistgħu jiġu ttrattati bis-sħiħ biss meta l-elementi kollha miftiehma tal-Unjoni Bankarja jkunu introdotti kompletament u l-Unjoni Bankarja tkun tlestiet.
F’dan il-kuntest, Skema unika Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) tibqa’ waħda mill-partijiet neqsin. Jenħtieġ li d-depożitanti kollha fl-Unjoni Bankarja jgawdu mill-istess livell ta’ protezzjoni. B’dan il-mod, l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti ssejjes l-istabbiltà fis-settur bankarju billi tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni b’saħħitha u uniformi għad-depożitanti kollha bħal dawn, indipendentement minn fejn jinsabu ġeografikament fl-Unjoni Bankarja.
L-Unjoni Bankarja għadha nieqsa wkoll minn garanzija ta’ kontinġenza effettiva u komuni. Il-ħolqien ta’ garanzija ta’ kontinġenza bħal din għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni diġà kien miftiehem mill-Istat Membri kważi erba’ snin ilu, fl-2013. Din teħtieġ tibda topera issa sabiex issaħħaħ il-kredibbiltà kumplessiva tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni Bankarja. Hu essenzjali li l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jkunu jgawdu l-fiduċja assoluta tal-partijiet ikkonċernati kollha biex l-objettivi prinċipali tar-riżoluzzjoni f’termini taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u tat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-kontribwenti jinkisbu kompletament. Flimkien mal-applikazzjoni ta’ għodod oħra ta’ riżoluzzjoni (jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni interna, id-disponibbiltà tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni), jenħtieġ li l-aċċess għal garanzija ta’ kontinġenza komuni tal-aħħar istanza jservi biex jipprovdi din il-fiduċja. Dan ikun jinkludi, pereżempju, l-użu ta’ finanzjament komuni f’kombinazzjoni mal-istrumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew biex ikopri n-nuqqas ta’ likwidità u jkun hemm iktar żmien biex jinstab l-aħjar akkwirent ta’ bank f’sitwazzjoni speċifika.
Fl-istess ħin, filwaqt li sar progress importanti u kif ġie enfasizzat mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2017, iridu jkomplu l-isforzi biex ikompli jonqos ir-riskju u titjieb il-ġestjoni tar-riskju fil-banek. L-Unjoni Bankarja tista’ tiffunzjona biss jekk it-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju jaħdmu id f’id. Għadd ta’ inizjattivi mmirati għall-kisba ta’ dan l-għan qed jiġu nnegozjati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: F’Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat pakkett leġiżlattiv komprensiv ta’ miżuri għat-tnaqqis tar-riskju biex ikomplu jsaħħu r-reżiljenza tal-banek tal-Unjoni Ewropea, li wħud minnhom huma soġġetti għal negozjati mgħaġġla fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Minkejja l-progress li sar fuq it-tnaqqis tar-riskju, l-Unjoni Bankarja għadha fil-bidu tagħha. Diversi riskji li qed jidhru issa fil-karti bilanċjali tal-banek akkumulaw qabel ma nħolqot l-Unjoni Bankarja, meta s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni kienu esklussivament taħt ir-responsabbiltà nazzjonali. Dawn il-kwistjonijiet ta’ legat iridu jiġu indirizzati b’mod konvinċenti jekk l-Unjoni Ewropea se tipproċedi rapidament lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Waħda mill-isfidi li jifdal hi biex titkompla b’mod deċiżiv ix-xejra riċenti ta’ tnaqqis tal-livelli għoljin ta’ self improduttiv (NPLs) f’partijiet tas-settur bankarju. Sar ħafna xogħol b’konsegwenza tal-forzi tas-suq u miżuri regolatorji, li diġà ta riżultati. Madankollu, il-kompetittività ta’ xi banek Ewropej u l-kapaċità tagħhom li jisilfu lill-ekonomija hija mxekkla. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa dan il-proċess permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ulterjuri biex jitnaqqas il-livell ta’ Selfiet Improduttivi. Ir-riskji fis-sistema bankarja Ewropea jridu jkomplu jitnaqqsu wkoll billi tkompli tinħall l-interkonnessjoni bejn il-banek u l-“pajjiż ta’ oriġini” tagħhom, li kien wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Bankarja sa mill-bidu tagħha. Bis-superviżjoni u bir-riżoluzzjoni ta’ banek ikbar u sistemiċi li issa qed jitwettqu b’mod ċentrali u mhux aktar fil-livell nazzjonali, l-għoti ta’ għajnuna lill-banek biex jiddiversifikaw ġeografikament l-investimenti tagħhom f’bonds sovrani se jkompli jdgħajjef il-konnessjoni bejn il-banek u l-emittent sovran nazzjonali u b’hekk isaħħaħ il-kondiviżjoni tar-riskju transfruntier permezz tas-settur privat. Filwaqt li l-Unjoni Bankarja tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja, hija mistennija wkoll li tagħti benefiċċji ekonomiċi permezz ta’ integrazzjoni akbar tas-settur bankarju Ewropew u permezz ta’ allokazzjoni tal-assi ġeografikament diversifikata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq l-approfondiment tal-Unjoni Bankarja bl-għan li jinkiseb ir-rikonoxximent tagħha bħala ġuriżdizzjoni waħda.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (minn hawn ‘il quddiem "il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015") u l-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016 identifikaw il-passi prinċipali u, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi fl-2015 u fl-2016. Issa wasal iż-żmien biex il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltà politika u jaqblu dwar l-atti legali neċessarji biex ilestu l-Unjoni Bankarja sal-2019.
Jekk il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kollettivament jonqsu mill-azzjoni u l-ambizzjoni fis-sena li ġejja, minħabba l-kalendarju politiku, hemm ir-riskju reali li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ għal snin sħaħ mingħajr perspettiva li titlesta l-Unjoni Bankarja, u b’livelli subottimali ta’ ambizzjoni fir-rigward tal-iffinalizzar tal-proċessi tat-tnaqqis tar-riskju u tal-kondiviżjoni tar-riskju. Il-momentum kurrenti, wara d-Diskors tal-Istat tal-Unjoni għandu jintuża biex dan ma jitħalliex iseħħ. Biex jissaħħaħ l-assorbiment tax-xokkijiet permezz ta’ kanali privati fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-Unjoni Ewropea trid issib ekwilibriju li fih jirbaħ kulħadd, b’livell għoli ta’ ambizzjoni kemm fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju kif ukoll fir-rigward tal-kondiviżjoni tar-riskji.
Din il-Komunikazzjoni tipprova tistabbilixxi triq ambizzjuża iżda realistika fuq kif jista’ jinkiseb ftehim biex titlesta l-Unjoni Bankarja, fuq il-bażi tal-impenji eżistenti meħuda mill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-progress sinifikanti li nkiseb diġà, irid jintlaħaq ftehim fuq il-miżuri meħtieġa biex titlesta l-Unjoni Bankarja sal-aħħar tal-2018, filwaqt li l-applikazzjoni sħiħa ta’ ċerti elementi se tieħu iktar żmien u tista’ tiġi introdotta gradwalment.
Il-Kummissjoni se toħroġ f’Diċembru 2017, pakkett komprensiv ta’ miżuri biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Impenn sod u azzjonijiet deċiżivi biex titlesta l-Unjoni Bankarja, kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni, huma parti integrali minn dawn l-isforzi.
2. It-tnaqqis tar-riskju permezz tal-Pakkett Bankarju ta’ Novembru 2016
Il-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016
|
Status
|
Il-passi li jmiss
|
a.Jiġu proposti emendi għall-qafas leġiżlattiv fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-istandard tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC) u jiġi rieżaminat ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Il-Kunsill se jaħdem biex jiżgura regoli konsistenti u ammonti adegwati għall-buffers tar-rikapitalizzazzjoni interna li jikkontribwixxu għal proċess ta’ riżoluzzjoni effiċjenti u ordnat f’konformità mad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (Bank Recovery and Resolution Directive, BRRD) għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li għalihom ir-rikapitalizzazzjoni interna tkun l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni validata.
b.Tiġi ppreżentata proposta dwar approċċ komuni għall-ġerarkija tal-kredituri tal-bank, sabiex titjieb iċ-ċertezza legali fil-każ ta’ riżoluzzjoni
c.Jiġu proposti emendi għad-Direttiva tar-Rekwiżiti Kapitali/
ir-Regolament tar-Rekwiżiti Kapitali IV bħala parti minn eżerċizzju kumplessiv ta’ rieżami, li jirriżulta:
I.fl-armonizzazzjoni jew fl-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-għażliet u tad-diskrezzjonijiet nazzjonali mogħtija lill-Istati Membri, li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-objettiv tat-tnaqqis tal-frammentazzjoni finanzjarja;
II.fl-implimentazzjoni u fl-iffinalizzar tar-riformi li fadal ta’ Basel inkluż l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ, possibbilment stabbilit għal aktar minn 3 % għall-banek sistemiċi, u l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett.
|
Qed tiġi negozjata proposta leġiżlattiva, li tinkludi l-miżuri kollha indikati fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016.
Dwar l-alternattivi u d-diskrezzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital/ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, minbarra l-proposta leġiżlattiva, il-Bank Ċentrali Ewropew wettaq eżerċizzju komprensiv sabiex jarmonizzahom.
|
Irid jintlaħaq ftehim bejn il-koleġiżlaturi dwar il-proposta leġiżlattiva sa mhux aktar tard minn nofs l-2018
|
Il-Pakkett Bankarju ta’ Novembru 2016 propost mill-Kummissjoni se jissodisfa ħafna mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tal-2016 f’termini ta’ tnaqqis ulterjuri tar-riskji fis-settur bankarju. Dan il-pakkett, li qed jiġi nnegozjat fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, jibni fuq regoli bankarji eżistenti tal-Unjoni Ewropea u jikkompleta l-aġenda regolatorja ta’ wara l-kriżi billi jiżgura li l-qafas regolatorju jindirizza kull sfida pendenti għall-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jiżgura li l-banek jistgħu jkomplu jsostnu l-ekonomija reali. Il-proposti tal-Kummissjoni
se jsaħħu r-regoli tal-Unjoni Ewropea li jeħtieġu li l-banek jibnu bafers ta’ obbligazzjonijiet li jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu rrikapitalizzati internament, bl-implimentazzjoni tal-istandard tat-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja u l-integrazzjoni ta’ dan fir-regoli eżistenti dwar ir-Rekwiżit Minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli; u billi tipprovdi għal regoli armonizzati dwar fejn strumenti ta’ dejn eliġibbli biex jissodisfaw il-buffers tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf / ir-Rekwiżit Minimu għal fondi proprji u Obbligazzjonijiet Eliġibbli qegħdin fil-ġerarkija tal-kredituri tal-banek. L-esperjenza riċenti reġgħet uriet kemm hu importanti li l-banek ikollhom bafers adegwati ta’ obbligazzjonijiet – disponibbli għal rikapitalizzazzjoni interna – miżmuma mill-investituri bl-għarfien xieraq dwar ir-riskji involuti, sabiex jimmaniġġaw il-kriżijiet mingħajr impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja u mingħajr ma l-kontribwenti jkunu l-ewwel li jġarrbu l-ispejjeż. Il-proposti tal-Kummissjoni jipprovdu wkoll għal regoli armonizzati li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ moratorju applikati mis-superviżuri u mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jistabbilizzaw il-banek, li huma ugwalment importanti fuq il-bażi tal-esperjenza riċenti. Barra dan, l-emendi proposti mill-Kummissjoni jipprovdu għall-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ remunerazzjoni, li nstab li jikkontribwixxu b’mod kumplessiv biex inaqqsu t-teħid ta’ riskju eċċessiv u jallinjaw aħjar ir-remunerazzjoni mal-prestazzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għal stabbiltà finanzjarja msaħħa.
Fl-aħħar nett, il-Pakkett Bankarju jipproponi li jiġu implimentati għadd ta’ standards internazzjonali, inkluża l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ u Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett (NSFR), u l-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tagħlaq il-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet regolatorji bankarji, kif ukoll li timplimenta l-istandards miftiehma, u qed issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom f’ġuriżdizzjonijiet oħra.
Il-Kummissjoni hi konxja li l-proposti tagħha li s-superviżuri jkunu awtorizzati jirrinunzjaw għal ċerti rekwiżiti fuq bażi awtonoma għas-sussidjarji tal-gruppi transfruntieri, li hu pass loġiku tal-Unjoni Bankarja u tas-Suq Uniku, qed jintlaqgħu bi tħassib sinifikanti minn għadd ta’ Stati Membri. Il-Kummissjoni lesta li tiddiskuti l-kwistjoni b’mod kostruttiv, bl-għan li tinstab soluzzjoni faċilment li tippreserva l-benefiċċji tal-proposta filwaqt li tikkunsidra b’mod xieraq il-ħtieġa għal bilanċ aċċettabbli bejn il-pajjiż tal-oriġini u dak ospitanti.
Bil-għan li jsir progress mgħaġġel u tintlaħaq adozzjoni rapida kemm jista’ jkun, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mħeġġa jżommu l-kamp ta’ applikazzjoni ddefinit b’mod ċar tal-pakkett. Kwistjonijiet oħra pendenti li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pakkett jistgħu jitqiesu f’analiżijiet leġiżlattivi li jitwettqu aktar ’il quddiem, meta jkunu ġew konklużi n-negozjati li għaddejjin dwar il-Pakkett Bankarju tal-2016.
3. Il-mixja ‘l quddiem lejn Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS)
Il-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016
|
Status
|
Il-passi li jmiss
|
Titkompla l-ħidma kostruttiva fil-livell tekniku. In-negozjati fil-livell politiku se jibdew kif isir biżżejjed progress fuq il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.
|
Il-ħidma teknika għadha għaddejja iżda bi progress politiku limitat.
|
Issa jridu jibdew in-negozjati politiċi bil-għan li jintlaħaq ftehim malajr kemm jista’ jkun matul l-2018.
|
Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015 identifika Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti bħala pass essenzjali biex titlesta l-Unjoni Bankarja. Kif imfakkar sussegwementement fil-Karta ta’ riflessjoni dwar l-Unjoni Ekonmika u Monetarja, tibqa’ l-prijorità li jiġu żgurati l-istabbiltà tas-sistema bankarja tal-Unjoni Ewropea u l-funzjonament tas-suq intern fis-servizzi bankarji. Permezz tat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tad-depożitanti għal xokkijiet lokali kbar (li għalihom l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti għandhom mezzi finanzjarji iktar limitati) u l-konnessjoni bejn il-banek u l-emittent sovran lokali tagħhom, Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti tkun qed iżżid ir-reżiljenza tal-Unjoni Bankarja kontra kriżijiet finanzjarji futuri billi tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni b’saħħitha u uniformi għad-depożitanti kollha indipendentement minn fejn jinsabu ġeografikament fl-Unjoni Bankarja.
Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni f’Novembru 2015 tipprovdi soluzzjoni komprensiva ħafna sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet permezz tat-trasferiment progressiv, skont skeda ta’ żmien definita (li suppost bdiet fl-2017), tal-fondi u tal-immaniġġar tal-avvenimenti ta’ żborż lill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti mill-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali. Fond ċentrali bħal dan b’kapaċità finanzjarja mtejba jkun mgħammar aħjar biex jittratta l-fallimenti bankarji. Fl-istess ħin, l-allinjament ħażin tas-superviżjoni u r-riżoluzzjoni tal-banek ċentralizzati fl-Unjoni Bankarja, minn naħa waħda, u l-assigurazzjoni tad-depożiti nazzjonali, min-naħa l-oħra, ikunu ġew issuperati.
Filwaqt li l-ambizzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ b’saħħitha, diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill żvelaw pożizzjonijiet diverġenti rigward id-disinn tas-sistema fl-istadju finali tagħha (riassigurazzjoni, koassigurazzjoni jew assigurazzjoni sħiħa), it-tempestività tal-istabbiliment ta’ sistema bħal din, u l-grad differenti ta’ kwistjonijiet ta’ legat u ta’ riskji ta’ periklu morali preżenti fis-sistemi bankarji nazzjonali differenti. Ġie espress tħassib dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-banek ikunu robusti biżżejjed fuq bażi awtonoma, qabel ma jinqasam il-piż potenzjali tal-fallimenti bankarji fl-Unjoni Bankarja.
Il-Pjan Direzzjonali tal-2016 ikkonferma li l-Kunsill se jkompli bil-ħidma kostruttiva fil-livell tekniku u li n-negozjati fil-livell politiku se jibdew malli jkun sar biżżejjed progress fuq il-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju.
Sentejn wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, li għadha fuq il-mejda u mhux mibdula, ċertament li wasal iż-żmien li l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, billi mingħajr l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, l-Unjoni Bankarja tista’ tibqa’ vulnerabbli għall-kriżijiet futuri. Sabiex in-negozjati jitkomplew fis-sod, jista’ jiġi kkunsidrat pereżempju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li fin-negozjati kurrenti jintroduċu l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti b’manjiera iżjed gradwali, li tikkorrispondi mal-progress li jkun sar fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju u t-trattament tal-kwistjonijiet ta’ legat, l-ewwel nett b’fażi ta’ riassigurazzjoni aktar limitata u passaġġ gradwali lejn il-koassigurazzjoni.
Fl-ewwel fażi tar-riassigurazzjoni, l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti tista’ tipprovdi biss kopertura ta’ likwidità, u l-ebda kopertura tat-telf.
Fil-każ ta’ inadempjenza ta’ bank, l-ewwel l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali jkollhom jużaw il-fondi tagħhom kollha qabel ma jkun hemm intervent possibbli mill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti. L-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti tipprovdi biss likwidità lill-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali (li fir-realtà hi self billi jenħtieġ li tiġi rkuprata kompletament mingħand is-settur bankarju wara) u tkopri biss sa 30 % min-nuqqas ta’ likwidità fl-ewwel sena (2019), 60 % fit-tieni sena (2020) u 90 % fit-tielet sena (2021). Il-bqija jkun kopert mill-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali bir-riżorsi li ma jiġux ittrasferiti lill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti matul din il-fażi jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex post mill-banek. Billi t-telf jitħalla li jiġi kopert nazzjonalment u bil-provvista ta’ assistenza ta’ likwidità għall-iskemi nazzjonali jekk ikun hemm bżonn, din is-soluzzjoni minn naħa waħda tkun qed tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti mill-bidu (li għalihom hi meħtieġa l-likwidità) u, min-naħa l-oħra, tqis kunsiderazzjonijiet ta’ legat u ta’ periklu morali.
Il-Fond ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (Deposit Insurance Fund, DIF) konġunt immaniġġat taħt l-awspiċi tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni eżistenti u ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-banek jinbena gradwalment.
Idea oħra għall-kunsiderazzjoni tista’ tkun li fi tmiem il-fażi ta’ riassigurazzjoni, it-tranżizzjoni lejn il-fażi ta’ koassigurazzjoni ma tkunx awtomatika, iżda tkun tiddependi fuq sett ta’ kundizzjonijiet. Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib relatat mar-riskji ta’ legat u mal-periklu morali, il-bidu tal-fażi ta’ koassigurazzjoni, u għalhekk l-aċċess għall-kopertura tat-telf mill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, jista’ jkun konness ma’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinkludi Analiżi tal-Kwalità tal-Assi (Asset Quality Review, AQR) mmirata biex jiġu indirizzati s-Selfiet Improduttivi u l-assi tal-Livell III segwita mis-soluzzjoni tal-problemi identifikati (eż. tnaqqis fil-portafolli attivi). Din l-Analiżi tal-Kwalità tal-Assi jenħtieġ li ssir matul il-fażi ta’ riassigurazzjoni (jiġifieri mhux aktar tard minn qabel l-2022), sabiex tiżgura li r-riskji ta’ legat jiġu indirizzati fis-setturi bankarji fejn kienu ġġenerati qabel il-bidu tal-fażi ta’ koassigurazzjoni, abbażi tal-progress sinifikanti fl-indirizzar tal-assi legat li qed isir u li huwa mistenni li jkompli jsir. Din it-tieni fażi tibda biss meta jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet. Pereżempju, fir-rigward tal-Analiżi tal-Kwalità tal-Assi, jista’ jiġi stabbilit livell limitu (eż. ċertu livell ta’ proporzjonijiet ta’ Selfiet Improduttivi u assi tal-Livell III) u l-banek li ma jilħqux il-livell limitu jkunu meħtieġa mill-awtoritajiet superviżorji jħejju strateġiji adattati dwar dawn il-kwistjonijiet.
L-azzjonijiet previsti mill-Kummissjoni u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-Selfiet Improduttivi (ara t-taqsima 5) se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji individwali bħal dawn.
Meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti u l-koassigurazzjoni (it-tieni fażi) tkun bdiet, l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, minbarra l-kopertura sħiħa tal-likwidità, tibda progressivament tkopri wkoll it-telf sakemm il-kundizzjonijiet kollha jiġu sodisfatti b’mod kontinwu. Rigward it-telf, l-Iskemi tal-Garanzija tad-Depożiti nazzjonali u l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti jkunu qed jikkontribwixxu b’mod parallel sa mill-ewwel euro ta’ telf, skont indikatur li jiżviluppa b’mod progressiv, li jibda b’kontribuzzjoni ta’ 30% mill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti sa mill-ewwel sena tal-fażi ta’ koassigurazzjoni.
Dan effettivament ikun qed jindirizza b’mod effettiv it-tħassib relatat mar-riskji ta’ legat u mal-periklu morali, filwaqt li jibqa’ jiżgura koperatura sħiħa tal-likwidità u tat-telf mill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti fl-aħħar stadju. Dan jagħmel kull azzjoni għall-kopertura tat-telf mill-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti soġġetta għall-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-legat mill-Istati Membri, jipprovdi lill-Istati Membri rilevanti biż-żmien adegwat biex jieħdu l-miżuri meħtieġa u jiżgura, fl-istadju finali tiegħu, li l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti tipprovdi l-aktar protezzjoni b’saħħitha possibbli għad-depożitanti u, fl-istess ħin, salvagwardji għall-istabbilità finanzjarja. Fond uniku tal-Unjoni Ewropea hu superjuri f’termini ta’ kapaċità ta’ assorbiment tar-riskju u ta’ ksur taċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani minn kull sistema nazzjonali. L-amministrazzjoni ċentrali tal-fondi tiżgura wkoll ġestjoni aktar rapida u effiċjenti tal-każijiet ta’ inadempjenza, li tista’ tikkontrolla aħjar sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
Ħarġu wkoll xi aspetti oħra matul in-negozjati tal-proposta tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti tal-2015 rigward uħud mill-għażliet u mid-diskrezzjonijiet inklużi fid-Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti li jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (eż. il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, il-livell ta’ mira, l-użu tal-fondi tal-Fond ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti għal miżuri alternattivi). Dawn il-kwistjonijiet se jkollhom jiġu kkunsidrati wkoll b’kont meħud tal-fatt li f’sistema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti, il-parteċipanti kollha se jkunu affettwati mill-mod kif jiġu implimentati dawn l-għażliet u d-diskrezzjonijiet. Għalhekk, trid tintlaħaq soluzzjoni iktar ibbilanċjata li tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali, filwaqt li tiżgura trattament indaqs għall-banek parteċipanti kollha li jikkontribwixxu għall-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti.
Il-Kummissjoni lesta li tiddiskuti attivament u malajr kemm jista’ jkun l-ideat imsemmija hawn fuq mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fil-qafas tan-negozjati tal-proposta tagħha.
Fit-tranżizzjoni lejn il-koassigurazzjoni tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, hemm lok għal aktar titjib fil-koordinazzjoni fost l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali u għal implimentazzjoni aktar koerenti tar-regoli. Id-Direttiva tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti adottata fl-2014 tejbet il-funzjonament tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali u toffri protezzjoni aħjar lid-depożitanti permezz ta’ kopertura armonizzata tad-depożitanti fl-Unjoni Ewropea kollha u perjodu ta’ żmien iqsar għall-iżborżi. Kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015, li takkumpanja l-proposta tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, l-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ depożitu teħtieġ li tagħmel progress b’mod parallel mal-istabbiliment tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett ta’ dik l-Iskema. Jibqgħu ċerti differenzi importanti bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tad-Direttiva tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti, pereżempju dwar il-kundizzjonijiet biex id-depożiti jiġu ddikjarati indisponibbli, l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-finanzjament tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jew l-użu tal-fondi tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti. Għall-Unjoni Bankarja, hija meħtieġa armonizzazzjoni ikbar ta’ dawn id-differenzi billi dawn se jkunu ffinanzjati permezz ta’ fond komuni li l-banek kollha fl-Unjoni Bankarja se jikkontribwixxu għalih iżda din iż-żieda fl-armonizzazzjoni se tibbenefika wkoll is-suq intern kollu.
L-iskambju ta’ informazzjoni u l-istrumenti għall-promozzjoni tal-koordinazzjoni fost l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali wkoll iridu jitjiebu għaliex sabiex l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti taħdem sew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti se jkollhom jikkordinaw bejniethom u mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, f’ċertu ċirkostanzi fi skadenzi stretti ħafna. Is-setgħat mogħtija lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni mill-proposta tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti mhumiex ġenerali, ma jinkludux ċertu aspetti relatati mal-attivitajiet ta' assigurazzjoni tad-depożiti li huma rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu (eż. dikjarazzjoni li d-depożiti mhumiex disponibbli) u huma limitati għall-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja. Huma meħtieġa aġġustamenti għad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti biex jiġu ffaċilitati l-interventi transfruntieri minn dawn l-Iskemi, tiġi mrawma l-konverġenza u jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-awtorità responsabbli mis-salvagwardja tal-integrità, tal-effiċjenza u tal-funzjonament ordnat tas-settur bankarju madwar l-Istati Membri kollha, għandha tingħata s-setgħat li tassisti fi proċessi bħal dawn u tippromwovihom. Dan se jtejjeb il-protezzjoni tad-depożiti fis-suq intern u, bħala konsegwenza, jiffaċilita l-funzjonament tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti. It-titjib fil-kooperazzjoni u fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti minn Stati Membri differenti, permezz tal-Awtorità Bankarja Ewropea, se jiffaċilita wkoll l-interazzjoni mal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li mhumiex fl-Unjoni Bankarja u mal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, kif ukoll l-adeżjoni ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro għall-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti.
It-tneħħija ta’ din il-lakuna se tallinja wkoll l-arkitettura tat-tliet pilastri tal-Unjoni Bankarja (is-superviżjoni, ir-riżoluzzjoni u l-assigurazzzjoni tad-depożiti) billi fit-tlieta li huma se jkun hemm istituzzjoni ċentrali jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea (il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti, rispettivament) responsabbli mill-implimentazzjoni u aġenzija tal-Unjoni Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) li tikkordina l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Fl-aħħar nett, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti għażliet u diskrezzjonijiet nazzjonali stabbiliti fid-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti se tikkontribwixxi biex tnaqqas iktar il-frammentazzjoni finanzjarja u tissimplifika r-rwol ta’ koordinazzjoni li jaqdu l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti u l-Awtorità Bankarja Ewropea.
4. It-tlestija ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-Unjoni Bankarja
Il-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016
|
Status
|
Il-passi li jmiss
|
Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Istati Membri biex jibdew ħidma f’Settembru 2016 jekk u meta l-Istati Membri parteċipanti kollha jkunu ttrasponew b’mod sħiħ id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek.
Jirriafferma l-ħtieġa li l-garanzija ta’ kontinġenza komuni tkun qed topera bi sħiħ sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu tranżitorju tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, jew aktar kmieni skont il-progress li jsir fuq il-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji.
|
Il-ħidma teknika bdiet f’Novembru 2016.
|
In-negozjati politiċi jenħtieġ li jiġu finalizzati sal-2018
|
Meta ġie stabbilit il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, l-Istati Membri qablu li jiżviluppaw garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li jenħtieġ li tkun fiskalment newtrali fit-terminu medju billi l-kontribuzzjonijiet jiġu rkuprati permezz ta’ kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju. Qablu wkoll li din il-garanzija ta’ kontinġenza kellha tkun qed topera bi sħiħ fi żmien għaxar snin.
Għalkemm l-oqsfa Ewropej ta’ superviżjoni u ta’ riżoluzzjoni naqqsu b’mod sinifikanti l-probabbiltà u l-impatt potenzjali tal-fallimenti bankarji, il-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal garanzija ta’ kontinġenza fiskali komuni biex tittejjeb il-kapaċità finanzjarja tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex ilaħħaq mar-riżoluzzjonijiet bankarji ma tistax tiġi eskluża kompletament. L-objettiv ewlieni ta’ garanzija ta’ kontinġenza bħal din hu li tistabbilixxi kunfidenza fis-sistema bankarja billi ssostni l-kredibbiltà tal-azzjonijiet meħudin mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u li tiżgura li dawk l-azzjonijiet igawdu mill-fiduċja assoluta tal-partijiet ikkonċernati kollha. Bħala għodda tal-aħħar istanza, din tiġi attivata biss fil-każ li r-riżorsi disponibbli minnufih tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jirriżultaw li mhumiex biżżejjed għal skopijiet ta’ kapital u ta’ likwidità.
Jibqa’ daqstant ieħor importanti li jkun hemm biżżejjed likwidità disponibbli għall-banek sistemiċi li qed jiffaċċaw problemi fir-riżoluzzjoni, biex jiġi żgurat li d-depożitanti tal-banek, kif ukoll il-partijiet ikkonċernat l-oħra u s-suq b’mod ġenerali, ikunu reżiljenti biżżejjed. Mingħajr preġudizzju għad-disponibbiltà ta’ likwidità minn operazzjonijiet ta’ bank ċentrali u flimkien magħhom, il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun robust biżżejjed u jkollu kapaċità kbira biżżejjed biex jirrassigura lill-partijiet ikkonċernati tal-bank u lis-suq globali li jista’ jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ta’ likwidità possibbli ta’ bank li jkun qed jiffaċċa diffikultà.
Id-dokument ta’ riflessjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja jidentifika ċerti kriterji li l-garanzija ta’ kontinġenza jenħtieġ li tissodisfa biex tkun operazzjonali fil-każ ta’ kriżi: din jenħtieġ li tkun ta’ daqs adegwat biex tissodisfa r-rwol tagħha; tkun attivata b’manjiera rapida, xi ħaġa li hi essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi; U tkun fiskalment newtrali peress li r-Regolament tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, jistipula li l-industrija bankarja tħallas kull żborżament potenzjali mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Ma għandu jifdal l-ebda lok għal kunsiderazzjonijiet jew għal segmentazzjoni nazzjonali. L-arkitettura finanzjarja u istituzzjonali jenħtieġ li tiżgura effiċjenza sħiħa fl-ilħuq tal-objettivi tal-garanzija ta’ kontinġenza. Id-dokument ta’ riflessjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja identifika linja tal-kreditu mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) bħala l-għażla l-aktar effettiva.
Huwa daqstant ieħor importanti li l-garanzija ta’ kontinġenza tiżgura drittijiet u obbligi ekwivalenti bejn l-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja irrispettivament minn jekk humiex membri taż-żona tal-euro jew le. Dan se jiżgura li l-Unjoni Bankarja tibqa’ miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika. Barra dan, il-kunċett eżistenti tal-kundizzjonalità għall-għajnuna għall-istabbiltà mill-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà jkun jenħtieġ li jiġi aġġustat għall-funzjoni tal-garanzija ta’ kontinġenza, filwaqt li jitqies li fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja, l-inċentivi għall-banek biex jaġixxu b’mod prudenti u jirriformaw fejn dan ikun meħtieġ diġà qed jiġu pprovduti permezz tal-għodod tal-ġabra unika tar-regoli, tas-superviżjoni unika u tar-riżoluzzjoni unika.
Il-ħidma fuq il-garanzija ta’ kontinġenza komuni bdiet, u l-Pjan Direzzjonali tal-2016 tal-Kunsill indika li l-garanzija ta’ kontinġenza tista’ ssir operattiva qabel it-tmiem tal-perjodu tranżitorju, soġġett għal li jsir progress fuq il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.
Il-Kummissjoni se tkompli tinsisti li l-garanzija ta’ kontinġenza trid issir operattiva malajr kemm jista’ jkun. B’dak l-isfond, il-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma li tinsab għaddejja tat-Task Force dwar Azzjoni Koordinata (TFAK) rigward linja tal-kreditu mill-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà, xogħol li jenħtieġ li jsir bħala prijorità. Dan il-fluss tax-xogħol se jkollu bżonn jiġi artikolat bil-pakkett ta’ proposti li jmiss tal-Kummissjoni għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li se jinkludi proposta għat-trasformazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà f’Fond Monetarju Ewropew, fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, se jkun importanti wkoll li jiġi żgurat proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti li se jippermetti t-tnedija rapida tal-garanzija ta’ kontinġenza, f’dawk is-sitwazzjonijiet tal-aħħar istanza fejn dan jista’ jkun meħtieġ.
5. Miżuri ġodda addizzjonali: Azzjonijiet biex jiġi indirizzat is-Self Improduttiv
Il-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016
|
Status
|
Il-passi li jmiss
|
Titressaq proposta leġiżlattiva għall-armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-liġi dwar l-insolvenza fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tista’ tappoġġa wkoll l-isforzi biex jitnaqqsu l-livelli tas-Selfiet Improduttivi.
|
Qed tiġi nnegozjata proposta leġiżlattiva għal approċċ ġdid lejn l-insolvenza tan-negozji.
|
Ftehim bejn il-koleġiżlaturi fuq il-proposta leġiżlattiva sa mhux aktar tard minn nofs l-2018.
|
|
|
Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-2017 dwar is-Selfiet Improduttivi.
|
Minbarra l-azzjonijiet previsti fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016 għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, kienu previsti għadd ta’ miżuri addizzjonali sinifikanti matul l-aħħar sena li se jkomplu jnaqqsu r-riskji fl-Unjoni Bankarja. Sa mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 u tal-Pjan Direzzonali tal-Kunsill tal-2016, il-ħtieġa li l-isforzi għat-tnaqqis tar-riskju jkunu ffukati fuq is-Selfiet Improduttivi saret dejjem iktar ċara. Is-Selfiet Improduttivi huma ta’ piż fuq il-profitabbiltà u l-vijabbiltà tal-banek affettwati u b’hekk jirrestrinġu l-abilità tal-banek li jsellfu u jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jostakolaw it-tkabbir ekonomiku. Hu sinjal tajjeb li l-livelli tas-Selfiet Improduttivi qed jonqsu. Anke fl-Istati Membri l-iktar affettwati, il-livelli tas-Selfiet Improduttivi tnaqqsu b’mod sostanzjali. Din ix-xejra jenħtieġ li tiġi mgħaġġla, u l-akkumulazzjoni ta’ Selfiet Improduttivi ġodda trid tiġi evitata.
Filwaqt li l-Istati Membri u l-banek stess għandhom responsabbiltà primarja fl-indirizzar tas-Selfiet Improduttivi, l-integrazzjoni tal-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea hi ġġustifikata biex jitħalla impatt fuq l-akkumulazzjonijiet ta’ Selfiet Improduttivi u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni fil-futur ta’ Selfiet Improduttivi ġodda fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Din il-ħidma tista’ tibni b’mod utli fuq l-attenzjoni sinifikanti li diġà ġiet iddedikata għal diversi snin lill-kwistjoni tar-rinegozjar tas-Selfiet Improduttivi. Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni inċentivat lill-banek, permezz tal-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat, biex jimmaniġġaw u jnaqqsu l-assi danneġġati tagħhom permezz tal-mekkaniżmi tas-suq minflok biċ-ċaqliq tal-piż fuq il-kontribwenti. Għall-banek f’diffikultà li l-vijabbiltà tagħhom kienet mhedda minn dawk l-assi danneġġati, il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ad hoc u għas-sistema kollha bl-objettiv li jitnaqqsu l-akkumulazzjonijiet ta’ Selfiet Improduttivi tal-banek (kultant bħala parti minn programm ta’ għajnuna finanzjarja) permezz ta’ soluzzjonijiet li huma kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Il-ħtieġa li tiġi ddeterminata azzjoni biex tindirizza s-Selfiet Improduttivi kienet enfasizzata wkoll fir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew lill-Istati Membri rilevanti. Is-superviżuri bankarji kellhom rwol deċiżiv fit-tisħiħ tar-rappurtar u s-superviżjoni ta’ Selfiet Improduttivi fl-Ewropa. Il-ħidma f’dan il-qasam trid tkun ibbażata fuq approċċ komprensiv li jikkombina taħlita ta’ azzjonijiet ta’ politika komplementari, fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn xieraq, li jinvolvu azzjonijiet f’erba’ oqsma: (i) is-superviżjoni, (ii) ir-riforma tal-oqfsa tar-istrutturar, tal-insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) it-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-indirizzar tar-riskji li jifdal fis-settur bankarju Ewropew hu ta’ importanza kbira u l-Kummissjoni hi impenjata li tieħu l-miżuri meħtieġa fil-kompetenza tagħha biex tkompli tmexxi dan il-proċess ’il quddiem.
Bħala miżura waħda importanti għall-ittrattar tas-Selfiet Improduttivi, il-Kummissjoni ppreżentat f’Novembru 2016, fil-kuntest tal-ħidma dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, proposta leġiżlattiva dwar l-insolvenza, ir-ristrutturar u t-tieni opportunità fin-negozju. Il-karatteristiċi prinċipali ta’ din il-proposta, b’mod partikolari d-disponibbiltà tal-proċeduri ta’ ristrutturar li jippermettu lill-kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji jevitaw l-insolvenza kif ukoll miżuri li jtejbu l-effettività tal-proċeduri tar-ristrutturar u tal-insolvenza, jikkontribwixxu biex inaqqsu s-Selfiet Improduttivi kif ukoll biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni tagħhom fil-futur. Il-progress rapidu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq dan il-fajl huwa mħeġġeġ u neċessarju u jenħtieġ li jkun prijorità. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill dwar s-Selfiet Improduttivi maħruġ f’Lulju 2017 jmur lil hinn mill-impenji dwar it-tnaqqis tar-riskju stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016 u jinkludi passi speċifiċi li atturi differenti jridu jieħdu biex inaqqsu r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja minħabba s-Selfiet Improduttivi, kemm permezz tat-trattament tas-Selfiet Improduttivi tal-legat if ukoll tat-tnaqqis tar-riskju li jiġu akkumulati Selfiet Improduttivi fil-futur. Il-Kummissjoni tilqa’ dan l-approċċ komprensiv li hu konsistenti mat-talbiet li ilha tagħmel biex jiġu ttrattati s-Selfiet Improduttivi u se tieħu malajr kemm jista’ jkun l-azzjonijiet meħtieġa li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.
Il-miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni jirrappreżentaw pass sinifikanti ’l quddiem fuq it-tnaqqis tar-riskju, flimkien ma’ dawk diġà miftiehma fil-Pjan Direzzjonali tal-2016. Progress f’dan il-qasam jgħin it-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tat-tneħħija tar-riskji ta’ legat mis-settur bankarju Ewropew u se jagħmel lill-banek Ewropej iktar stabbli u kompetittivi. Għalhekk, il-Kummissjoni se tmexxi dawn il-miżuri b’ritmu aktar mgħaġġel.
Bħala l-ewwel pass, fir-Rapport ta’ Rieżami tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikoli rilevanti tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD) u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Il-Kummissjoni qed tikkonferma li s-setgħat superviżorji stabbiliti fih jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex jinfluwenzaw il-politika ta’ proviżjonament ta’ bank fir-rigward tas-Selfiet Improduttivi fil-limiti tal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli u li japplikaw aġġustamenti speċifiċi fejn dan huwa meħtieġ għal skopijiet prudenzjali.
Sar-Rebbiegħa tal-2018, il-Kummissjoni se tadotta pakkett komprensiv ta’ miżuri biex tindirizza s-Selfiet Improduttivi u l-ewwel Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Il-pakkett se jikkonsisti fil-miżuri li ġejjin:
-Pjan ta’ azzjoni dwar kif il-Kumpaniji Maniġerjali tal-Assi (KMA) nazzjonali jistgħu jiġu stabbiliti skont ir-regoli attwali bankarji u dwar l-għajnuna mill-Istat billi dan isir fuq il-bażi tal-aħjar prattiki mitgħallma mill-esperjenzi tal-passat fl-Istati Membri.
-Miżuri għall-iżvilupp ulterjuri tas-swieq sekondarji għas-Selfiet Improduttivi, b’mod speċjali bl-għan li jitneħħew l-ostakoli bla bżonn għas-servizzi ta’ self minn partijiet terzi u t-trasferiment tas-selfiet wara l-valutazzjoni tal-impatt li tinsab għaddejja.
-Miżuri li jtejbu l-protezzjoni tal-kredituri garantiti billi dawn ikollhom disponibbli metodi aktar effiċjenti biex jirkupraw il-valur mis-self garantit. Il-ħidma f’dan il-qasam se tiġi determinata permezz tal-Valutazzjoni tal-Impatt u se tibqa’ konsistenti ma’ u komplementarja għall-proposta tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2016 għal Direttiva dwar, fost affarijiet oħra, oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u mhux se teħtieġ l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet attwali ta’ insolvenza.
-Barra dan, billi oqfsa ta’ infurzar tas-self u ta’ insolvenza iktar effiċjenti u prevedibbli jkunu ta’ benefiċċju għall-ġestjoni tas-Selfiet Improduttivi, il-Kummissjoni qed twettaq ukoll eżerċizzju ta’ parametraġġ referenzjarju tas-sistemi tal-infurzar tas-self biex tistabbilixxi stampa affidabbli tad-dewmien u tal-irkupru tal-valur li l-banek jesperjenzaw meta jiffaċċaw l-inadempjenzi ta’ min jissellef, u titlob kooperazzjoni mill-qrib mingħand l-Istati Membri u s-superviżuri biex jiżviluppaw metodoloġija ta’ parametraġġ referenzjarju soda u sinifikanti. F’dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-insolvenza tan-negozji, ir-ristrutturar u t-tieni opportunità tistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri biex jiġbru data komparabbli dwar il-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ ristrutturar u biex jikkomunikawha lill-Kummissjoni, li jkun kruċjali biex tintwera l-effiċjenza tal-qafas regolatorju fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-debituri insolventi.
-Rapport, akkumpanjat jekk xieraq mill-proposti leġiżlattivi neċessarji biex jiġi emendat ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, rigward l-introduzzjoni possibbli ta’ livelli minimi ta’ proviżjonament li l-banek iridu jagħmlu għas-Selfiet Improduttivi futuri li jirriżultaw minn selfiet oriġinati ġodda, kif mitlub mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill. Dawn l-hekk imsejħa garanziji ta’ kontinġenza statutorji tal-Pilastru 1 se jipprevjenu l-akkumulazzjoni u n-nuqqas ta’ proviżjonament potenzjali ta’ akkumulazzjonijiet ta’ Selfiet Improduttivi futuri madwar l-Istati Membri u l-banek permezz ta’ tnaqqis prudenzjali marbut biż-żmien mill-fondi proprji. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ definizzjoni komuni tal-iskoperturi improduttivi (NPE) f’konformità ma’ dik diġà użata għal skopijiet ta’ rapportar superviżorju
biex tiġi stabbilita bażi ġuridika soda għat-trattament prudenzjali ta’ skoperturi bħal dawn u tiġi żgurata l-konsistenza f’dan it-trattament prudenzjali.
-It-triq ’il quddiem sabiex titrawwem it-trasparenza dwar is-Selfiet Improduttivi fl-Ewropa permezz tat-titjib tad-disponibilità u l-komparabilità tad-data dwar is-Selfiet Improduttivi, u l-appoġġ potenzjali tal-iżvilupp mill-parteċipanti fis-suq ta’ pjattaformi ta’ informazzjoni dwar is-Selfiet Improduttivi jew reġistri tal-kreditu.
6. Miżura ġdida addizzjonali: Qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp ta’ Titoli Ggarantiti b’Bonds Sovrani (SBBS)
Il-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016
|
Status
|
Il-passi li jmiss
|
-
|
-
|
Fid-dawl tal-ħidma tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tintroduċi qafas ta’ abilitazzjoni għat-titoli ggarantiti b’bonds sovrani.
|
L-objettiv li jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja bil-faċilitazzjoni tad-diversifikazzjoni tal-portafolli sovrani tal-banek u billi tkompli titnaqqas ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani hu ta’ importanza kbira għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Rigward it-trattament regolatorju tal-iskoperturi sovrani, il-Kummissjoni se terġa’ tittratta l-kwistjoni meta jkun il-waqt, kif imsemmi fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill tal-2016, li qabel li jistenna l-eżiti tal-Kumitat ta’ Basel, u d-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Sabiex isir progress tanġibbli fuq din il-kwistjoni, l-hekk imsejħa titoli ggarantiti b’bonds sovrani (SBBS) jistgħu bħala l-ewwel pass ikollhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u għat-tisħiħ tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Permezz tar-raggruppament u tas-segmentar potenzjali tal-bonds sovrani minn Stati Membri differenti, it-Titoli Ggarantiti b’Bonds Sovrani jistgħu jappoġġaw diversifikazzjoni ulterjuri tal-portafolli fis-settur bankarju, filwaqt li joħolqu sors ġdid ta’ kollateral ta’ kwalità għolja adattat b’mod partikolari biex jintuża fi tranżazzjonijiet finanzjarji transfruntiera. Barra dan, dan l-istrument il-ġdid jista’ jelimina ħarbiet danneġġanti tal-flus minn ċerti sovrani, li jostakolaw l-allokazzjoni ekonomikament effiċjenti tal-fondi. Dan jista’ jagħmel ukoll il-bonds maħruġa fi swieq oħra żgħar u inqas likwidi iktar attraenti għall-investituri internazzjonali. Dan ikun qed irawwem il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju tas-settur privat u jippromwovi allokazzjoni iktar effiċjenti tar-riskji fost l-operaturi finanzjarji.
Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib u tikkontribwixxi għall-ħidma li għaddejja fuq it-Titoli Ggarantiti b’Bonds Sovrani fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Filwaqt li tibni fuq ir-riżultat ta’ din il-ħidma, f’Diċembru 2017, u fuq il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tressaq proposta leġiżlattiva għal qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp ta’ titoli ggarantiti b’bonds sovrani kmieni fl-2018.
7. Tkompli tiġi żgurata superviżjoni ta’ kwalità għolja
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku issa ġie implimentat bis-sħiħ u hu kompletament operattiv, b’benefiċċji ċari f’termini ta’ kundizzjonijiet ekwi u ta’ fiduċja li qed jirriżultaw mis-superviżjoni integrata tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill adottat fl-istess jum bħal din il-Komunikazzjoni, juri li l-Bank Ċentrali Ewropew ħa f’idejh kompletament ir-rwol superviżorju tiegħu u rnexxielu jistabbilixxi reputazzjoni tajba bħala awtorità superviżorja effettiva u rigoruża minn meta ħa f’idejh dawn il-kompiti superviżorji f’Novembru 2014. Dan jirrappreżenta kisba notevoli speċjalment f’kuntest li fih l-iskedi taż-żmien kienu jippreżentaw sfidi kbar u r-realtajiet superviżorji sottostanti tad-19-il Stat Membru parteċipanti kienu jvarjaw ħafna.
Il-funzjonament tas-sistema tal-Unjoni Bankarja jista’ jkun ostakolat jekk ifeġġu lakuni fis-superviżjoni. Żviluppi strutturali reċenti fis-suq juru xejra fejn il-gruppi bankarji jkollhom strutturi dejjem iżjed kumplessi, li joperaw permezz ta’ entitajiet li jaħarbu s-superviżjoni bankarja, iżda li jwettqu fil-parti l-kbira l-istess attivitajiet bħall-banek. B’mod partikolari, id-ditti tal-investiment kbar iwettqu attivitajiet ta’ bank tal-investiment li huma simili għal dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jqajmu tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja. Kif imħabbar f’Settembru 2017, dan it-tħassib se jiġi indirizzat fil-proposti leġiżlattivi li ġejjin tal-Kummissjoni, li se jirrieżaminaw it-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment.
8. It-triq ’il quddiem
B’kunsiderazzjoni tal-progress li sar s’issa u tal-passi li fadal li huma meħtieġa biex titlesta l-Unjoni Bankarja, kemm f’dak li jirrigwarda l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju kif ukoll għall-kondiviżjoni tar-riskju, it-triq lejn il-kisba tal-finalizzazzjoni miftiehma tal-Unjoni Bankarja tista’ tiġi prevista kif ġej:
2017
-Ftehim mill-koleġiżlaturi fuq l-ewwel punti inklużi fil-pakkett bankarju ta’ Novembru 2016 (Standard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nru 9 - IFRS9, ġerarkija tal-kredituri u skopertura kbira għal dejn iddenominat f’munita barranija) u progress sinifikanti fuq il-bqija tal-pakkett.
-Kjarifika mill-Kummissjoni tas-setgħat superviżorji eżistenti biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mas-Selfiet Improduttivi fil-qafas tar-Rapport ta’ Rieżami tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.
-Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tad-ditti tal-investiment.
2018
-Ksib ta’ pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u ta’ approċċ ġenerali tal-Kunsill (Q4 2017/Q1 2018) u adozzjoni mill-koleġiżlaturi (Q2 2018) tal-Pakkett Bankarju ta’ Novembru tal-2016.
-Ksib ta’ pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u ta’ approċċ ġenerali tal-Kunsill (Q2 2018) u adozzjoni mill-koleġiżlaturi (Q4 2018) tal-proposta tal-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti.
-Il-Ftehim dwar garanzija ta’ kontinġenza komuni (2018).
-Proposti tal-Kummissjoni dwar miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mas-Selfiet Improduttivi (ir-Rebbiegħa tal-2018 – li għandhom jiġu adottati mill-koleġiżlatur sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019).
-Qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp ta’ Titoli Ggarantiti b’Bonds Sovrani (SBBSs) (kmieni fl-2018).
Rebbiegħa 2019
Il-miżuri previsti kollha ta’ tnaqqis tar-riskju u ta’ qsim tar-riskju jenħtieġ li jkunu ġew stabbiliti u l-fażi ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li tkun inbdiet.
|
9. Konklużjonijiet
Minkejja l-progress sinifikanti li sar mill-kriżi finanzjarja ’l hawn, l-Unjoni Bankarja għadha ma tlestietx u għalhekk mhix qed taqdi r-rwol sħiħ tagħha bħala mekkaniżmu għall-assorbiment tax-xokkijiet permezz ta’ kanali privati f’Unjoni Ekonomika u Monetarja b’saħħitha. Il-kwistjonijiet kollha huma magħrufa sew u issa diġà ilhom proposti għal xi żmien. Il-waqt biex tittieħed azzjoni ambizzjuża iżda realistika huwa issa. Ix-xogħol ta’ tiswija tas-saqaf l-aħjar li jsir huwa meta x-xemx tkun għadha qed tiddi u filwaqt li l-ekonomija Ewropea qed tesperjenza rkupru sostnut. L-Istati Membri kollha jitilfu jekk il-momentum attwali ma jintużax. Sabiex jissaħħaħ l-assorbiment tax-xokkijiet permezz ta’ kanali privati fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-Unjoni Ewropea trid issib ekwilibriju li fih jirbaħ kulħadd, u li jikseb riżultati fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju kif ukoll tal-kondiviżjoni tar-riskji. Billi t-tmiem tat-terminu leġiżlattiv qed joqrob, huma meħtieġa deċiżjonijiet politiċi ċari fix-xhur li ġejjin sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq ftehim fuq l-elementi prinċipali pendenti kollha sal-aħħar tal-2018. Għalhekk, il-Kummissjoni qed issejjaħ biex il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri kollha jilħqu ftehim politiku fix-xhur li ġejjin dwar impenn imġedded għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja sal-2019. Il-Kummissjoni lesta biex tikkontribwixxi b’mod attiv għal dawn id-diskussjonijiet u biex tiffaċilitahom.