EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0558

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

COM/2017/0558 final

Brussell, 27.9.2017

COM(2017) 558 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni


1.    Daħla

L-Indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni 2017: “irridu nibqgħu għassa tal-migrazzjoni”

Matul dawn l-aħħar sentejn wasal fl-Ewropa l-akbar ammont ta’ refuġjati u migranti sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kriżi Sirjana kellha sehem importanti fil-ġenerazzjoni ta’ dan l-ammont bla preċedent, u daqstantieħor kellhom il-kunflitti, l-instabbiltà u l-faqar f’ħafna naħat tad-dinja. Is-sistemi ta’ migrazzjoni, ta’ asil kif ukoll ta’ ġestjoni tal-fruntieri spiċċaw taħt pressjoni enormi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma kinux imħejjija biżżejjed biex jirreaġixxu b’mod effettiv. Il-kobor tal-kriżi ħalliet impatt qawwi madwar l-UE. Bdew jitqajmu dubji kemm dwar l-integrità tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil kif ukoll dwar iż-żona Schengen ta’ moviment ħieles għaċ-ċittadini Ewropej

Hekk kif żvolġiet il-kriżi, l-UE ħadmet bla heda biex ikun hemm reazzjoni Ewropea malajr, u li tkun koordinata u effettiva. Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta' Azzjoni ta' Għaxar Punti dwar il-Migrazzjoni tagħha fl-20 ta’ April 2015. Il-pjan ingħata appoġġ mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern, u ġie approvat immedjatament mill-Kunsill Ewropew. 1 F’Mejju 2015, il-Kummissjoni ħarġet b’Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 2 komprensiva sabiex tindirizza kemm l-isfidi immedjati kif ukoll id-dgħjufijiet strutturali tal-politika eżistenti tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil.

Minn dakinhar lil hawn, l-isforzi sostnuti tagħna sabiex jerġa’ jiġi stabbilit l-ordni fis-sistema tal-migrazzjoni bdew iwasslu għal riżultati tanġibbli. L-implimentazzjoni li għadha għaddejja tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, il-Qafas ta’ Sħubija u l-azzjonijiet konġunti li ttieħdu fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali 3 naqqsu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ wasliet irregolari. Sar pass kbir ‘il quddiem fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, ġew stabbiliti hotspots sabiex il-migranti kollha hekk kif jaslu jiġu rreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba', u l-azzjonijiet unilaterali mill-Istati Membri ġew sostitwiti b’reazzjoni Ewropea kkoordinata. Il-ħidma biex tiġi stabbilita mill-ġdid ġestjoni bl-ordni tal-flussi migratorji saret fi spirtu ta’ solidarjetà, inkluż permezz ta’ skemi ta’ rilokazzjoni. Il-migrazzjoni hija prijorità ġdida fir-relazzjoni tal-UE mal-imsieħba kruċjali. Fl-istess ħin, l-UE ħadet fuq spallejha r-responsabbilta globali tagħha li tipprovdi asil lil parti importanti tar-refuġjati tad-dinja: Fl-2016 biss, l-UE ssistemat mill-ġdid, jew tat asil, lil aktar minn 720 000 refuġjat, tliett darbiet aktar mill-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti flimkien.

B’mod parallel ma-reazzjoni immedjata, ġew proposti bidliet strutturali sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u tal-asil. Il-proposti sabiex tiġi stabbilita l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u sabiex tiġi rriformata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil kellhom importanza sinifikanti. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta issa qiegħda topera, iżda l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għadhom ma laħqux qbil dwar il-proposti għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

Hemm bżonn li titkompla l-ħidma sabiex ikompli jiġi żviluppat u implimentat l-approċċ komprensiv tagħna. Hemm bżonn li nsibu l-kompromessi neċessarji sabiex nifformulaw politika tal-migrazzjoni tal-UE li tkun robusta, realistika u ġusta. Għandha tagħraf il-ħtiġijiet tas-soċjetajiet ospitanti u taċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll tkun taħdem mill-qrib ta’ sħab mad-dinja kollha. Hemm bżonn li naraw li nibqgħu nissodisfaw l-obbligi tagħna lejn dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Hemm bżonn li nsibu soluzzjonijiet li jissostitwixxu l-flussi irregolari u mhux ikkontrollati b’mogħdijiet sikuri ġġestiti tajjeb. Hemm bżonn li nħarsu lejn sfidi profondi li jinsabu fl-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, bħal ma hu s-sottożvilupp, id-demografija, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, it-tibdil fil-klima u l-inugwaljanza. B’mod parallel, sabiex ikollna s-sigurtà fiż-żona Schengen, hemm bżonn li nkomplu nsaħħu l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u li naslu għal riżultati aħjar fejn jidħlu r-ritorni u riamissjoni. Tkun biss il-ġestjoni komprensiva tal-migrazzjoni, ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà li twassal għal riżultati sostenibbli.

It-tnaqqis sostnut fil-wasliet irregolari fil-Mediterran tal-Lvant u t-tnaqqis qawwi li kien hemm reċentement fil-Mediterran Ċentrali, joffru opportunità biex issir ħidma lejn soluzzjonijiet aktar stabbli. Hemm bżonn li nibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħna li qegħdin nagħmlu bħalissa u nibqgħu lesti biex nindirizzaw kull pressjoni ġdid li titfaċċa. Iżda issa huwa wkoll il-mument biex nagħmlu sforzi ffukati ħalli nqiegħdu f’posthom l-elementi li għad fadal biex ikollna ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni isservi ta’ analiżi ta’ nofs il-perjodu ta’ dak li nkiseb sa issa fit-tlestija tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Hija tfisser ukoll inizjattivi ġodda mill-Kummissjoni sabiex jiġu indirizzati oqsma kruċjali u tidentifika fejn ikun hemm bżonn sforzi ulterjuri fix-xhur li ġejjin.

2.    L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni wara sentejn: Il-kisbiet u l-lezzjonijiet meħuda

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni pproponiet miżuri immedjati biex jilqgħu għall-kriżi tal-2015, inkluż azzjonijiet sabiex jiġi żgurat li r-regoli eżistenti tal-UE jiġu applikati kif suppost u b’mod sħiħ. Fl-Aġenda tfisser ukoll approċċ komprensiv li jindirizza l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, abbażi tal-erba’ oqsma tal-(1) migrazzjoni irregolari, (2) ġestjoni tal-fruntieti, (3) politika dwar l-asil u (4) migrazzjoni legali bħala ċ-ċavetta biex tiġi stabbilita politika tal-migrazzjoni effettiva u sostenibbli tal-UE, u ppreżentat għadd ta’ azzjonijiet ta’ importanza kruċjali għal kull wieħed minn dawn l-oqsma.

It-taqsima li ġejja tieħu f’kunsiderazzjoni l-azzjonijiet ewlenin implimentati matul dawn l-aħħar sentejn. L-evalwazzjoni tieħu f’kunsiderazzjoni l-kontributi li saru minn ħafna partijiet interessati u mill-istituzzjonijiet tal-UE, bħala reazzjoni għall-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-progress miksub sa issa fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

2.1.    Reazzjoni għall-kriżi u l-assistenza lill-Istati Membri li jkunu taħt pressjoni migratorja mhux tas-soltu

Ir-reazzjoni li ngħatat għas-sitwazzjoni ta’ kriżi kellha impatt pożittiv 4 , bil-miżuri li ttieħdu jvarjaw minn ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni sa eżempji konkreti ta’ solidarjetà kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fil-viċinat.

L-operazzjonijiet konġunti Triton u Poseidon ġew imsaħħa b’mod sinifikanti sabiex ikun hemm reazzjoni immedjata kemm fil-Mediterran Ċentrali, kif ukoll fil-Mediterran tal-Lvant.

L-azzjoni flimkien mill-atturi kollha – l-Istati Membri, pajjiżi terzi, l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-UE – wara l-laqgħa tal-Mexxejja msejħa mill-Kummissjoni f’Ottubru 2015, wasslet biex flok movimenti bla ordni jkun hemm miżuri kkoordinati matul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Ingħata appoġġ lill-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja u l-Greċja, kif ukoll lis-Serbja, taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Barra minn dan, jiġu allokati kważi EUR 23 miljun f’għajnuna umanitarja tal-UE sabiex tingħata għajnuna lir-refuġjati u lill-migranti fil-Balkani tal-Punent. Minn żmien iż-żieda qawwija fil-wasliet fis-sajf tal-2015, ġew allokati EUR 78 miljun mill-assistenza ta’ qabel is-sħubija għall-Balkani tal-Punent, b’sostenn lil dawn il-pajjiżi biex jiġġestixxu l-flussi tal-migrazzjoni fil-fruntiera u biex titjieb il-kapaċità tal-akkoljenza tal-pajjiżi fejn jidħlu migranti u rifuġjati.

Il-ħolqien tal-hotspots fil-Greċja u fl-Italja kienu ta’ suċċess fejn tidħol ġestjoni aħjar tal-flussi. Flimkien mal-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, dan kien ta’ għajnuna biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u kien ta kontribut għal proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn aktar effettivi.

Taħt l-istrument ta’ assistenza għal appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-UE, ġew ikkuntrattati aktar minn EUR 430 miljun bħala appoġġ għall-azzjonijiet ta’ reazzjoni wara l-wasla tar-refuġjati fil-Greċja. L-istrument ġie stabbilit fl-2016 bħala reazzjoni għal kriżijiet jew diżastri mhux mistennija fi ħdan l-Istati Membri tal-UE li jwasslu għal konsegwenzi umanitarji serji u kien ġie attivat għal perjodu ta’ tliet snin sabiex ikun ta’ reazzjoni b’mod speċifiku għall-ħtiġijiet umanitarji tar-refuġjati fi ħdan l-UE.

Ibbażata fuq il-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar il-Migrazzjoni li dwaru kien intlaħaq qbil fid-29 ta’ Novembru 2015, id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 kellha rwol ċentrali biex jitkisser iċ-ċiklu ta’ flussi bla kontroll ta’ migranti li ħolqu kriżi umanitarja mhux sostenibbli. Sa mill-ewwel ġimgħat tal-operat tagħha, id-Dikjarazzjoni wasslet għal tnaqqis qawwi fl-għadd ta’ wasliet irregolari u ta’ telf ta’ ħajja, filwaqt li fl-istess ħin infetħet it-triq legali tas-sistemazzjoni mill-ġdid, li toffri opportunità ġenwina għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni. Dan l-isforz konġunt tal-UE u tat-Turkija ħoloq alternattiva għall-flussi migratorji perikolużi 5 , b’toroq organizzati, bla perikli u legali lejn l-Ewropa 6 , għal dawk intitolati għall-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li ħaffet ukoll ir-ritorni, f’konformità mal-liġi tal-UE u dik internazzjonali, anki jekk għad hemm bżonn aktar sforzi.

Bħala parti minn dan l-isforz, deher ċar li l-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija, b’total ta’ EUR 3 biljun għall-2016 u l-2017 kienet l-għodda t-tajba biex jingħata apoġġ prattiku, minn assistenza umanitarja għal edukazzjoni, ġestjoni tal-migrazzjoni, saħħa, infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Bħalissa, mit-EUR 3 miljun għall-2016-2017, kważi aktar minn nofs dan l-ammont ġie kkuntrattat (EUR 1,66 miljun). L-isforzi biex il-bqija tal-flus jiġu kkuntrattati sa tmiem l-2017 għadhom għaddejjin. L-implimentazzjoni sħiħa u sostnuta tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tenħtieġ sforzi kontinwi u determinazzjoni politika minn kull naħa. Id-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tiddikjara li “meta t-EUR 3 biljun ikunu waslu biex jintużaw kollha, u dment li jintlaħqu l-impenji msemmija hawn fuq, l-UE ser timmobilizza finanzjamenti addizzjonali għall-Faċilità ta' EUR 3 biljun aktar sa tmiem l-2018”. Minħabba s-sitwazzjoni fil-gżejjer Griegi hemm ukoll ħtieġa urġenti ta’ sforzi sinifikanti addizzjonali mill-awtoritajiet Griegi, mill-Aġenziji tal-UE u mill-Istati Membri, inkluż li jitħaffef il-pass tar-ritorni lejn it-Turkija, f’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali. Jenħtieġ li l-pass u l-impenn li għandhom l-Istati Membri bħalissa sabiex ir-refuġjati Sirjani jiġu risistemati mit-Turkija lejn l-Ewropa jinżamm u jitkompla. Issa huwa wkoll iż-żmien li tiġi attivata l-Iskema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja (ara aktar dettalji fit-Taqsima 3.2).

Fil-qalba tar-reazzjoni robusta ta’ assistenza mill-UE għall-kriżi tar-refuġjati Sirjani, il-programmi ta’ għajnuna umanitarja tal-UE u l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE bħala reazzjoni għall-Kriżi Sirjana, sa mill-bidu tal-kriżi, kienu qegħdin ikunu ta’ għajnuna lil nies bil-bżonn fis-Sirja u lil aktar minn 2.5 miljun rifuġjat Sirjan u l-komunitajiet li qegħdin jospitawhom fl-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Balkani tal-Punent.

Barra minn dan, l-UE żiedet b’70% 7  l-iffinanzjar disponibbli taħt il-”Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (Asylum, Migration and Integration Fund - AMIF)”, il-”Fond għas-Sigurtà Interna (Internal Security Fund - ISF)” kif ukoll għall-aġenziji relevanti tal-UE li jsostnu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fir-rigward tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Dan kien ta’ għajnuna sabiex tingħata assistenza lil 814 000 persuna li qegħdin ifittxu l-asil fl-UE, li jingħata sostenn lil 1 915 000 ċittadin ta’ pajjiżi terżi u għall-iffaċilitar tar-ritorn ta’ 83 500 persuna 8 . Sa issa, diġà tħallsu EUR 2,2 biljun mill-AMIF u mill-ISF b’appoġġ għal interventi fl-Istati Membri f’diversi oqsma marbuta mal-migrazzjoni, il-protezzjoni tal-fruntieri u s-sigurtà, kemm f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif ukoll fil-perspettiva għat-tul. Programmi oħra tal-UE ukoll kienu ta’ kontribut. Pereżempju, il-Programm tas-Saħħa kien ta’ sostenn, b’EUR 19,2 miljun matul l-2015-2017, għall-Istati Membri fit-taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam mediku, fost affarijiet oħra.

Il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ asil tal-Greċja u tal-Italja ttaffew permezz tal-ewwel sforz ikkoordinat ta’ rilokazzjoni tal-UE, fuq skala kbira, ta’ applikanti għall-asil lejn Stati Membri oħra. Il-fażi tal-bidu mxiet b’pass kajman, iżda l-għadd ta’ persuni rikolati permezz tal-iskemi kien qiegħed jiżdied b’mod kostanti, li turi li s-solidarjetà tista’ taħdem fil-prattika. Sal-20 ta’ Settembru 2017, aktar minn 28 500 persuna ġew rilokati, ammont li huwa 90% ta’ dawk li għalihom intbagħtu talbiet ta’ rilokazzjoni. Bl-istess mod, l-ewwel skema ta’ sistemazzjoni mill-ġdid ta’ madwar l-UE, imnedija f’Lulju 2015 9 , kisbet riżultati tajba. Aktar minn 23 000 persuna ġew sistemati mill-ġdid taħt din l-iskema u l-iskema stabbilita taħt id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, sa minn mindu tnedew.

Fl-istess waqt, ittieħdu passi b’determinazzjoni f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazjonali u mal-Istati Membri sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Gwardja tal-Kosta Libjana sabiex jiġu indirizzati l-wasliet irregolari kontinwi lejn l-Italja permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali, bl-ewwel sinjal ta’ tnaqqis fix-xhur reċenti. Sforz li mexa id f’id ma’ sħubija aktar qawwija ma’ organizzazzjoniijet internazzjonali sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja u jiġu offruti toroq alternattivi lil dawk il-migranti maqbuda.

Ir-reazzjoni immedjata kkulminat fi sforz komuni u sostnut fil-livell tal-Unjoni, fejn kellhom rwol ċentrali l-azzjonijiet individwali iżda kkoordinati tal-atturi kollha – l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili.

2.2.    It-tnaqqis tal-inċentivi li jwasslu għall-migrazzjoni irregolari

L-Unjoni u l-Istati Membri komplew jaħdmu għal prevenzjoni effettiva tal-flussi irregolari, barra u ġewwa l-Unjoni, kif ukoll komplew jistabbilixxu sistema affidabbli ta’ ritorni li timplimenta b’mod effettiv id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

Il-kawżi fl-għeruq – sostenn lil pajjiżi terzi

Fil-każ tal-ġlieda kontra l-kawżi fl-għeruq, l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom jagħtu l-akbar assitenza għall-iżvilupp, billi pprovdew EUR 75,5 biljun fl-2016, jew kwaiżi 60% tal-assistenza globali mill-membri tal-OECD. Dan il-finanzjament qiegħed ikun ta’ għajnuna biex l-ekonomija ta’ pajjiżi sħab tkun tista’ tagħti opportunità liż-żgħażagħ li jibnu futur, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u dik nutrittiva u sabiex ikun hemm aċċess għall-enerġija, u sabiex jiġu ikkonsolidati l-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, anki fl-Afrika.

B’mod parallel mal-azzjonijiet imnedija fl-2015, bħal ma hu l-proċess tal-Belt Valletta, il-Kummissjoni f’Ġunju tal-2016 ipproponiet approċċ ġdid fil-mod kif tirrelata ma’ pajjiżi ta’ oriġini u dawk ta’ tranżitu. Dan l-approċċ ta’ Qafas ta’ Sħubija 10 għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni għandu l-objettiv doppju li jindirizza l-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni irregolari permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li jħajjar kooperazzjoni akbar minn pajjiżi terzi fl-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluż il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-aċċettazzjoni ta’ riammissjonijiet ta’ ċittadini. Tnediet f’Ġunju 2016 ma’ ħames pajjiżi ta’ prijorità u, minn dak iż-żmien lil hawn, ġiet estiża għal grupp akbar ta’ pajjiżi bil-kisba ta’ xi riżultati importanti, notevolment fejn jidħol l-indirizzar ta’ kawżi fl-għeruq, iż-żarmar taċ-ċrieki tal-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin 11 .

Sabiex dawn l-inizjattivi jiġu sostnuti, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika poġġa għad-dispożizzjoni EUR 3,1 biljun għal 26 pajjiż fir-reġjun tas-Sahel u l-Lag Ċad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq, li minnhom EUR 227,7 miljun biss ġejjin mill-baġits tal-Istati Membri tal-UE u minn sħab oħra. Aktar minn 117 proġett, li b’kollox jiswew kważi EUR 2 biljun, ġew approvati. Il-Kummissjoni tappella bil-qawwa lill-Istati Membri biex ikomplu jagħtu l-kontribut tagħhom lill-Fond.

Il-Fond kellu wkoll rwol importanti fil-Mediterran Ċentrali, pereżempju billi sostna l-ħidma tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati għat-titjib tal-protezzjoni tal-migranti u tar-refuġjati kif ukoll sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u sabiex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fil-komunitajiet ospitanti. F’April 2017 ġie adottat programm ta’ EUR 90 miljun rigward dawn il-kwistjonijiet. Anki l-azzjonijiet taħt il-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (Regional Development and Protection Programmes - RDPP) fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Qarn tal-Afrika, kienu ta’ kontribut għal dan l-iskop aħħari. Barra minn dan, l-isforzi konġunti mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni sa mill-2016 kważi ttripplikaw l-għadd ta’ migranti li voluntarjament irritornaw mil-Libja lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom: Fl-2017 biss, kważi 7 500 persuna ġew irritornati mil-Libja, flimkien ma’ 4 000 min-Niġer, lejn pajjiżhom.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, fl-2015 il-komunità internazzjonali laħqet qbil dwar aġenda innovattiva dwar l-iffinanzjar għall-iżvilupp 12 , li ssejjaħ għal modi ġodda u aktar innovattivi sabiex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp, notevolment sabiex jiġu mmobilizzati r-riżorsi privati sabiex tingħalaq il-lakuna fl-iffinanzjar biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli sal-2030. Il-Pjan ta’ Investiment Estern il-ġdid huwa parti mill-kontribut tal-UE għal dawn l-impenji. Huwa mistenni li jixpruna aktar minn EUR 44 biljun ta’ investimenti f’pajjiżi sħab fl-Afrika u r-reġjun tal-viċinat tal-UE sal-2020.

Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali tal-migranti

L-Unjoni u l-Istati Membri komplew bl-azzjonijiet effettivi tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attività kriminali minn kuntrabandisti u traffikanti matul ir-rotta kollha, ibda mill-pajjiżi ta’ orġini u tranżitu fejn tibda’, sa fi ħdan it-territorju tal-UE. Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali tal-migranti għadha sors profitabbli notevoli ta’ introjtu mill-kriminalità 13 .

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegalita’ Mejju 2015 14 xpruna lill-Istat Membri, l-aġenziji tal-UE u lil organizzazzjonijiet oħra relevanti biex jaħdmu qrib xulxin madwar prijoritajiet ċentrali, li ppermetta l-identifikazzjoni ta’ lakuni u soluzzjonijiet biex dawn jiġu indirizzati. L-implimentazzjoni tal-Pjan għadha għaddejja.

B’mod partikolari, iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, fil-Europol, imniedi fl-2016, kien ta’ valur miżjud sostanzjali fil-provvediment ta’ sostenn operattiv lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. Huwa pprovda sostenn f’investigazzjonijiet proattivi, ta’ profil għoli, kontra netwerks kriminali, b’68 każ sostnut fl-2017, sa issa, u 93 każ fl-ewwel sena tal-operat tiegħu, li wasslu għal 147 każ ta’ arrest fl-2016, u aktar minn 167 sa issa. Iċ-Ċentru qiegħed ukoll ikun ta’ sostenn għat-timijiet konġunti ta’ investigazzjoni (tlieta fl-2017; tnejn fl-2016) u sa issa identifika u ssorvelja 830 bastiment ta’ interess, li setgħu potenzjalment kienu involuti fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.

L-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE ħadu azzjonijiet speċifiċi f'rabta mal-investigazzjonijiet finanzjarji dwar il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, inkluż billi ffukaw fuq ir-rwol tal-Units ta’ Intelligence Finanzjarja u l-kooperazzjoni tagħhom mal-forzi ta’ infurzar tal-liġi fl-intraċċar ta’ flussi finanzjarji illeċti.

B’mod parallel f’Ottubru 2015, ġie stabbilit il-Grupp Tematiku Eurojust dwar il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali sabiex jidentifika u janalizza l-isfidi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, kif ukoll l-aħjar prattiċi f’dan il-qasam. Fl-2017, għaddejjin bil-ħidma tagħhom 10 Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni f’34 każ irreġistrat fil-Eurojust.

L-iskambju tal-informazzjoni ttejjeb f’kull livell, kemm permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ddedikati bejn l-aġenziji tal-UE, kif ukoll bl-istabbiliment ta’ netwerk ta’ punti ta’ kuntatt dedikati f’kull Stat Membru. Issa għandhom jiġu ffokati l-isforzi fuq it-tkissir tal-ħidma iżolata u biex jiġu mmobilizzati dawk kollha involuti li qegħdin jaħdmu f’pajjiżi terzi, u magħhom. Dan jinkludi s-sejba ta’ sinerġiji akbar fl-iskambju tal-informazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-UE u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Il-Kummissjoni lestiet evalwazzjoni dettaljata tal-qafas legali tal-UE fejn tidħol il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali 15 , u se tinvolvi ruħha mal-partijiet interessati u mal-aġenziji tal-UE relevanti, mal-prosekuturi u mas-servizzi tal-infurzar tal-liġi biex tiġi evitata kull kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja fil-qafas tal-migrazzjoni irregolari.

Iżda l-Istati Membri hemm bżonn li jmexxu ‘l quddiem u li jikkonsolidaw ulterjorment il-kapaċità tagħhom li jinvestigaw u li jmexxu kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Dan għandu jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-istrutturi u r-riżorsi li ġew stabbiliti sa mill-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Huwa kruċjali li jkun hemm informazzjoni f’waqtha u proattiva. L-investigaturi nazzjonali għandhom jitkellmu ma’ xulxin u jużaw bis-sħiħ ir-riżorsi pprovduti mill-EMSC fil-Europol, bħala ċentru ta’ informazzjoni u ta’ intelligence. L-osservatorju internazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffika tal-bnedmin li dan l-aħħar tnieda mill-Operazzjoni navali Ewropea Sophia, kif ukoll inizjattivi mnedija minn atturi oħra bħal ma huma l-Interpol, sejrin jimmassimizzaw il-valur miżjud tagħhom billi jikkontribwixxu lejn l-EMSC.

Għar-rigward tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-mudell ta’ kooperazzjoni b’tim konġunt ta’ investigazzjoni, u l-bini ta’ kapaċità li ġie implimentat b’suċċess fin-Niġer 16 huwa eżempju li jenħtieġ li jiġi applikat postijiet oħra. Dan jimplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn in-netwerks tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-UE u tal-Aġenziji u li jiġi żgurat użu effettiv tal-pjattaformi eżistenti. Jenħtieġ li jsir ħsieb dwar il-ħolqien ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni ġodda tal-UE dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali f’pajjiżi terzi ta’ prijorità.

Fl-istess ħin, żdiedu l-missjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) 17 sabiex jingħata sostenn lill-isforzi fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali fi ħdan qafas aktar wiesa’ immirat lejn it-titjib tas-sigurtà u l-istabbiltà. L-Operazzjoni Sophia diġà kienet ta’ kontribut biex ġew arrestati 117-il persuna minħabba suspett ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jew ta’ traffikar, ġew imneħħija fl-ibħra internazzjonali barra l-Libja 478 bastiment użati fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, filwaqt li l-missjonijiet fis-Sahel ipprovdew taħriġ għal aktar minn 24 000 membru tal-forzi tas-sigurtà ċivili u militari.

Permezz tar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni 18 , li se tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni fl-ewwel kwart tal-2018, se jiġu stabbiliti kemm qafas formali komuni kif ukoll mandati ċari għall-persunal stazzjonat f’pajjiżi terzi meta jieħdu azzjonijiet kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. Dan se jippermetti wkoll l-isfruttar bis-sħiħ tal-potenzjal tan-netwerk tal-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni li ġew skjerati fi 12-il pajjiż prijoritarju sabiex jikkoordinaw mill-qrib il-ħidma f’dan il-qasam mal-Istati Membri fuq il-post. 

Fl-aħħar nett, ħafna migranti għadhom ma jifhmux għal kollox ir-riskji li hemm marbuta mal-immigrazzjoni illegali u għandhom perċezzjonijiet impreċiżi ta’ kif tkun ħajjithom wara li jkunu waslu illegalment fl-UE. L-UE diġà ħarġet il-fondi għal kampanji ta’ informazzjoni, b’mod notevoli fin-Niġer, is-Sudan u l-Etjopja, iżda hemm bżonn li jsir aktar sabiex ikun hemm żgur għoti ta’ informazzjoni affidabbli f’pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni li għaddejjin u li se jsiru fil-futur fl-UE u fl-Istati Membri hemm bżonn li jużaw il-potenzjal sħiħ tal-medja tradizzjonali u dik soċjali — bħal fil-qafas tal-proġett InfoMigrants 19 li wasal għand kwart ta’ miljun ruħ sa tmiem Awwissu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel bidliet sostanzjali fil-Portal Ewropew dwar l-Immigrazzjoni 20 .

Ir-ritorni u r-riammissjonijiet

Komplew jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-politika ta’ ritorn tal-UE. B’mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ingħatat mandat innovattiv u ambizzjuż li ssostni lill-Istati Membri u li tara li jkun hemm kooperazzjoni operattiva fl-aspetti kollha tar-ritorn. Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Ritorni tat-2 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif ir-ritorni jisgħu jsiru aktar effettivi billi jingħalqu l-lakuni u li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni li għadha teżisti bejn il-prattiċi nazzjonali tar-ritorn. Permezz ta’ kalendarju sostnut ta’ evalwazzjonijiet ta’ Schengen fil-qasam tar-ritorn, il-Kummissjoni tat lill-Istati Membri qafas li fih jistgħu jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet, filwaqt li bl-assistenza ta’ programmi tal-UE dwar ir-ritorn, ksibna grad ogħla ta’ skambju tal-informazzjoni u ta’ konverġenza, b’mod partikolari fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqsfa konġunti għal Programmi ta’ Ritorn Voluntarju Assistit u ta’ Reintegrazzjoni (Assisted Voluntary Return and Reintegration Programmes - AVRR), madwar l-UE.

Madankollu, skont data mill-EUROSTAT, minn bejn wieħed u ieħor miljun (1) ċittadin ta’ pajjiżi terzi li nstabu preżenti b’mod illegali fl-UE fl-2016, huma biss nofshom li rċevew ordnijiet li jitilqu mill-UE, u anqas minn nofshom (226 000) ġew effetivament ritornati. Quddiemna għad għandna rati ta’ ritorn mhux sodisfaċenti minħabba l-użu ineffiċjenti tal-istrumenti eżistenti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Filwaqt li r-rata totali ta’ ritorn 21 bejn l-2014 u l-2015 żdiedet minn 41,8% għal 42,5%, ir-rata ta’ ritorni effettivi lejn pajjiżi terzi naqset minn 36,6% għal 36,4%. Barra minn dan, jekk wieħed iwarrab ir-ritorn lejn il-Balkani tal-Punent, ir-rata ta’ ritorn tal-Unjoni Ewropea tkompli nieżla għal 27%.

Dan huwa minħabba infurzar mhux effettiv ta’ strumenti eżistenti fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali 22 , flimkien ma’ politika ta’ riammissjoni li għadha mhix għal kollox żviluppata. Minkejja l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet eżistenti ta’ riammissjoni, il-finalizzazzjoni ta’ negozjati oħra għadha staġnata u dawk imnedija fl-2016 għadhom ma mxewx ‘il quddiem kif mistenni. L-attenzjoni għalhekk hija fuq it-titjib ta’ kooperazzjoni prattika. Ġew finalizzati arranġamenti prattiċi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni ma’ ċerti pajjiżi kruċjali ta’ oriġini filwaqt li oħrajn għadhom qegħdin jiġu negozjati.

It-Taqsima 3.3. ta’ din il-Komunikazzjoni tippreżenta ideat konkreti għat-titjib ulterjuri tal-implimentazzjoni tar-ritorni.

L-indirizzar tal-inċentivi ta’ soġġorni irregolari

Parti mill-ekonomija tagħna għadha tiddependi fuq ix-xogħol tal-migranti irregolari, li toħloq fattur ta’ attrazzjoni u timmina l-iżvilupp ta’ politika tal-mobbiltà tax-xogħol imsejsa fuq skemi ta’ migrazzjoni legali. Id-Direttiva dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem ħolqot il-possibbiltà li jiħraxu l-penali minħabba impjieg illegali u li jitjiebu l-mekkaniżmu ta’ detezzjoni. F’konformità ma’ din id-diretiva, l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-impjieg ta’ migranti irregolari u jimponu sanzjonijiet finanzjarji, amministrattivi jew kriminali. Madankollu, il-possibbiltà li jinstab xogħol illegali għadha inċentiv sinifikanti li tixpruna l-migrazzjoni irregolari lejn l-UE. Sabiex din is-sitwzzjoni tiġi indirizzata, il-miżuri mħabbra il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni illegali jenħtieġ li jkun implimentat bis-sħiħ u l-Istat Membri għandhom iżidu l-għadd ta’ spezzjonijiet tax-xogħol f’setturi ekonomiċi fejn hemm riskju għoli ta’ dan. Kull sena l-Kummissjoni se tħejji rapport dwar l-ispezzjoniijet li jkunu saru u tara li jkun hemm implimentazzjoni bis-saħħa tad-Direttiva, u fejn ikun hemm bżonn jinbdew proċedimenti ta’ ksur.

Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-Pjattaforma dwar ix-Xogħol mhux Dikjarat 23 tiġi esplorata bis-sħiħ sabiex jiġi żgurat fehim aħhar tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u sabiex titnaqqas l-illegalità. Jenħtieġ li setturi b’riskju għoli jiġu mqiegħda fil-mira, bl-objettiv ikun li jitferrxu l-aħajar esperjenzi nazzjonali ta’ kif jiġi ffaċċjat l-impjieg ta’ migranti irregolari fost il-partijiet interesati relevanti, bħal ma huma t-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

Barra mill-fattur ta’ attrazzjoni li tippreżenta l-ekonomija mhux uffiċjali, fil-livell tal-UE hemm bżonn li niksbu fehim aħjar tal-fatturi l-oħra kollha li huma ta’ kontribut, direttament jew indirettament, għall-istat ta’ irregolarità tal-migranti fl-UE. Il-Kummissjoni għalhekk se tniedi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u ma’ partijiet oħra involuti sabiex tikkataloga dawn il-fatturi li jikkontribwixxu għad-dħul u s-soġġorn irregolari tal-migranti fit-territorju tal-UE, sabiex tidentifika u tiġbor l-aħjar prassi ta’ kif għandhom isiru d-diżinċentivi. Dan il-proċess se jkun jinkludi kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali apparti dawk li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-migrazzjoni, bħal ma huma s-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, it-taxxa, l-uffiċċji tas-sewqan u tal-liċenzjar tal-vetturi kif ukoll servizzi oħra li jkollhom x’jaqsmu ma’ ċittadini ta’ pajjizi terzi.

Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, bħala parti mill-istrateġija kumplessiva ta’ komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tiżviluppa attivitajiet iddedikati li jinkludu d-diaspora relevanti fi ħdan l-UE li, filwaqt li għandha rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi ta’ oriġini, tista’ tiġi mmobilizzata biex issostni miżuri meħuda fil-livell tal-UE maħsuba biex inaqqsu s-soġġorn irregolari tal-migranti.

2.3.    Il-ġestjoni tal-fruntieri – insalvaw il-ħajjiet u fruntieri esterni sikuri

Li jkun hemm fruntiera esterna komuni tirrekjedi li l-istati kollha fiż-żona ta’ Schengen jikkooperaw u jiskambjaw il-piż tal-ġestjoni tagħha. Il-miżuri meħuda biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntiera esterna għalhekk huma dipendenti fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha.

Is-salvataġġ tal-ħajjiet se tibqa’ l-prijorità tagħna

It-traġedji li ġraw, waħda wara l-oħra matul ir-rotot ewlenin tal-migrazzjoni – partikolarment dawk fuq il-baħar –urew li l-vjaġġi perikolużi tal-migranti huma ta’ periklu għall-ħajjiet umani, mhux lanqas minħabba l-mezzi li jintużaw mill-faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali li huma bla skruplu. Il-protezzjoni tal-fruntieri għalhekk għandha tibqa’ tinkludi operazzjonijiet li jsalvaw il-ħajja. L-UE qawwiet b’mod sostanzjali l-operazzjonijiet konġunti Triton u Poseidom tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Ġew imnedija wkoll operazzjonijiet bl-istess mod mill-Aġenzija fil-Mediterran tal-Punent. L-isforzi ta’ dawn l-operazzjonijiet konġunti, li huma kkoordinati u kkombinati mill-qrib mal-assi skjerati minn EUNAVFOR MED Sophia, kif ukoll ta’ għadd ta’ NGOs u bastimenti merkantili, salvaw 620 000 ħajja umana mill-2015 lil hawn. Fuq ir-rotta tal-Meditterran tal-Lvant, naqas b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ ħajjiet mitlufa fuq il-baħar. Fil-Baħar Eġew kien hemm 113-il każ irreġistrat ta’ mewt u ta’ persuni mitlufa sa minn mindu ġiet attivata d-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, meta mqabbel mal-madwar 1 150 persuna li mietu, jew li ġew irrappurtati nieqsa, matul is-sena ta’ qabel id-Dikjarazzjoni. L-UE qiegħda wkoll tappoġġja lill-Gwardja tal-Kosta Torka b’EUR 20 miljun sabiex tkun tista’ tiżdied il-kapaċità tagħha li twettaq operazzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ.

Minkejja dawn l-isforzi, kull ħajja li tintilef hija wisq. Huwa għalhekk li l-UE u l-Istati Membri qegħdin iħarrġu u jsostnu lill-Gwardja tal-Kosta Libjana biex twettaq operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fl-ibħra territorjali tagħha. F’Lulju 2017 ġie approvat proġett ta’ EUR 46,3 miljun, kofinanzjat bejn l-UE u l-Italja, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntiera fil-Libja, u se jitkompla fis-snin li ġejjin. Parzjalment bis-saħħa tas-sostenn tal-UE lill-Gwardja tal-Kosta Libjana, l-għadd ta’ ħajjiet li ntilfu matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali naqas minn 4 581 fl-2016 għal 2 372 sal-21 ta’ Settembru 2017 24 .

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

L-istabbiliment tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-2016 kienet kisba liema bħalha, li ttrasformat il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE minn kompetenza purament nazzjonali għal waħda ta’ responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u l-Aġenzija. Għall-ewwel darba, f’konformità ma’ dak li kien mitlub fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija jinkludi funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta li jitwettqu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea tal-Kontroll tas-Sajd, bħal ma huma titjiriet konġunti ta’ sorveljanza għall-kontroll tas-sajd u tal-fruntiera fil-Mediterran Ċentrali. Permezz ta’ żieda sostanzjali fir-riżorsi u t-tagħmir, l-Aġenzija żdiditilha l-kapaċità biex tkun tista’ tintervjeni. Bl-istess mod, il-pools mandatorji tar-reazzjoni rapida tejbu l-kapaċità tal-Aġenzija li tirreaġixxi malajr għal xi sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-fruntieri esterni tal-Ewropa.

L-Aġenzija bħalissa tiskjera aktar minn 1 700 gwardja tal-fruntiera u persunal ieħor relevanti f’taqsimiet differenti tal-fruntieri esterni tal-UE. Dalwaqt hija se tiskjera timijiet fit-territorju tas-Serbja u tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex tagħtihom sostenn biex jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom b’mod effettiv. It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ pajjiżi terzi li jiġġestixxu l-fruntieri tagħhom kienet azzjoni oħra importanti li saret appell dwarha fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

Sistemi ta’ informazzjoni aktar robusti u aktar intelliġenti

Il-ħidma fuq il-fruntieri intelliġenti tmexxiet ‘il quddiem bi proposti għas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (Entry-Exit System - EES) u tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System - ETIAS) Malli jkunu qegħdin joperaw, dawn is-sistemi se jippermettu li jkun hemm detezzjoni aħjar tar-riskji migratorji possibbli u tal-abbużi, u se jtejbu s-sigurta pubblika. F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva biex jissaħħaħ il-mandat ta’ eu-LISA, l-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurta u l-ġustizzja. Il-Kummissjoni se tressaq kemm jista’ jkun malajr proposti biex jingħelbu n-nuqqasijiet li fadal li ġew identifikati fejn tidħol il-ġestjoni tad-data, b’mod partikolari billi tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni ċentrali tal-UE li jeżistu f’dan il-qasam. Dan se jkun ta’ kontribut għall-protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE u jtejjeb is-sigurtà interna tagħha, pereżempju billi jiġi żgurat li l-utenti aħħarija — b’mod partikolari l-gwardji tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjari — ikollhom aċċess malajr u bla interruzzjonijiet għall-informazzjoni kollha li jkollhom bżonn biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

Hotspots

B’mod parallel mal-isforzi msemmija hawn fuq għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, l-istabbiliment ta’ hotspots fil-Greċja u l-Italja hija kisba operattiva tanġibbli u eżempju konkret tal-prinċipji tas-solidarjeta u r-responsabbiltà fir-reazzjoni għall-pressjoni li jkollhom quddiemhom dawn l-Istati Membri.

Illum qegħdin joperaw ħames hotspots fil-Greċja, b’kapaċità totali fil-Greċja ta’ aktar minn 7 000 post u aktar minn 1 500 fl-Italja. Huwa stmat li aktar minn 261 000 migrant waslu fil-hotspots bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-15 ta’ Settembru 2017 (185 000 fil-Greċja u aktar minn 76 000 fl-Italja). Huma ġew offruti kura u analiżi medika, ġew identifikati kif imiss, itteħdulhom il-marki tas-swaba’, saru verifiki dwarhom, ġew reġistrati u ngħataw informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom f’post wieħed biss sabiex jiġi żgurat li huma jitqiegħdu mal-ewwel fil-proċedura li tgħodd għalihom, biex b’hekk ikun hemm il-possibbilta li jittieħdu deċiżjonijiet aktar malajr dwar l-istatus tagħhom. Fl-2015, qabel ma kienu ġew stabbiliti l-hotspots, 58% biss tal-migranti kienu jitteħdulhom il-marki tas-swaba hekk kif jaslu l-Italja. Illum, bis-saħħa tal-approċċ tal-hotspots, kważi 100% jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Il-hotspots iffaċilitaw għadd akbar ta’ verifiki sekondarji ta’ sigurtà mill-Europol u mill-awtoritajiet nazzjonali, li kienu ta’ kontribut għall-identifikazzjoni tal-profili riskjużi u fil-ġlieda kontra n-netwerks ta’ faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali. Il-hotspots saru wkoll waħda mill-għodod li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rikolazzjoni fil-Greċja u l-Italja billi jiġi organizzat b’suċċess l-għoti ta’ informazzjoni u t-tqegħid ta’ dawk li huma eliġibbli li jingħataw asil fil-proċeduri ta’ rilokazzjoni. Il-hotspots kienu wkoll ta’ kontribut biex ikunu jistgħu jiġu identifikati aħjar każijiet vulnerabbli (bħal ma huma l-vittmi tat-traffikar, in-nies b’kundizzjonijiet serji ta’ saħħa u minuri mhux akkumpanjati) u li jiġu riferuti għas-servizzi ta’ appoġġ relevanti.

Jenħtieġ li kemm il-Greċja kif ukoll l-Italja jimplimentaw b’mod komprensiv il-potenzjal operattiv sħiħ tal-approċċ tal-hotspots, permezz ta’ ħidma ulterjuri bbażata fuq il-kisbiet li għadhom kif issemmew, b’sostenn koordinat mill-Aġenziji tal-UE. Filwaqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tax-xejriet u tal-ħtiġijiet, iż-żewġ pajjiżi jenħtieġ li jkunu ppreparati li jespandu u jtejbu l-kapaċità ta’ akkoljenza u l-kundizzjonijiet tal-hotspots, u li jindirizzaw b’mod aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi vulnerabbli (evalwazzjoni standardizzata tal-vulnerabbiltà, l-Uffiċjali għall-Protezzjoni tat-Tfal, żoni separati, eċċ.). Għandu jkun hemm ukoll rwoli u responsabbiltajiet ċari fuq il-post, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri ospitanti, b’mod partikolari permezz tat-taskforces reġjonali tal-UE li jenħtieġ li jingħata mandat ċar.

L-approċċ tal-hotspots ta prova li huwa strument tal-UE flessibbli u utli li jista’ jiġi adattat għal kull Stat Membru li jispiċċa fl-istess sitwazzjoni. Abbażi tal-lezzjonijiet meħuda fil-Greċja u l-Italja, il-Kummissjoni se tippreżenta, aktar tard fil-ħarifa, linji-gwida, inkluż mudelli għal proċeduri standard ta’ operat dwar kif għandhom jiġu stabbiliti u użati l-hotspots fil-każ ta’ pressjoni migratorja sproporzjonata fil-fruntiera esterna ta’ kwalunkwe Stat Membru.

2.4.    Dmir l-Ewropa li tipproteġi: Politika qawwija komuni ta’ asil u aktar toroq legali li jwasslu lejn l-Ewropa

Is-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Ewropa trid tittieħed flimkien ma’ politika tal-asil komuni għal kollox effiċjenti, ġusta u umana. Filwaqt li, flimkien mal-Istati Membri, ħadet passi determinati sabiex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja, il-Kummissjoni pproponiet ukoll riforma mill-qiegħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

Rikolazzjoni

Quddiem il-livell bla preċedent ta’ wasliet fis-sajf tal-2015, il-Kunsill, wara proposti mill-Kummissjoni, ddeċieda fuq l-ewwel sforz fuq skala kbira, ikkoordinat mill-UE, biex jiġu rilokati għadd sinifikanti ta’ applikanti għall-asil mill-Italja u l-Greċja, u l-pressjoni fuq is-sistemi tal-asil taż-żewġ pajjiżi effettivament naqset. Bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill, l-Istat Membri qablu li jirrilokaw 160 000 applikant bi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Għal 54 000 minn dawk, l-Istati Membri ngħataw il-possibbiltà li jwettqu l-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom lejn l-Italja u l-Greċja permezz ta’ ammissjoni legali mit-Turkija.

Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-2015 japplikaw għal migranti li jkollhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li jaslu fit-territorju tal-Italja u l-Greċja sas-26 ta’ Settembru 2017. Il-prijorità immedjata jenħtieġ li tkun li jiġi żgurat li l-persuni kollha li jifdal li jkunu waslu sa dik id-data u li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha fid-Deċiżjoniiet tal-Kunsill, jiġi rilokati kemm mill-Italja kif ukoll mill-Greċja malajr. B’kollox, madwar 37 000 persuna mistennija li jiġu effettivament rilokati taħt l-iskema. Għalhekk, huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha — b’mod partikolari l-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, kif ukoll dawk li ma jkunux użaw l-allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni kollha tagħhom — iżidu l-isforzi tagħhom.

Il-pressjoni migratorja fuq l-Italja u l-Greċja għadha qawwija, minħabba x-xogħol b’lura li għadu jinħass wara l-influss matul l-2016 u l-ewwel nofs tal-2017. Għalhekk, l-UE jenħtieġ li tkompli turi solidarjetà mal-Italja u mal-Greċja. Il-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi sostenn finanzjarju lil dawk l-Istati Membri li jkunu qegħdin isostnu l-isforzi tagħhom ta’ rikolazzjoni lil hinn mill-iskemi preżenti. Jenħtieġ li wkoll tkompli l-assistenza li tingħata mill-EASO u minn aġenziji oħra tal-UE lill-Italja u lill-Greċja u, meta jkun hemm bżonn, anki tissaħħaħ.

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

Filwaqt li s-sistema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza pproduċiet riżultati tanġibbli, u taffiet il-pressjoni minn fuq il-Greċja u l-Italja, huwa ċar li l-miżuri ad hoc mhumiex sostenibbli. Il-pressjoni li hemm fuq is-sistema tal-asil tal-UE, u b’mod partikolari n-nuqqasijiet serji ta’ funzjonament li nkixfu fis-sistema ta’ Dublin għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri, tefgħu l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jkun hemm riforma profonda tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Għaldaqstant, f’Mejju u f’Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet riforma mill-qiegħ tal-istrumenti legali ewlenin kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, bl-objettiv ikun li tiġi żgurata sistema aktar armonizzata u effiċjenti fejn dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-asil jiġu ttrattati l-istess mill-Istati Membri kollha fejn jidħlu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, proċeduri u determinazzjoni tal-istat; jiġu affrontati l-abbużi u l-movimenti sekondarji; fejn ikunu biss dawk li ġenwinament ikollhom il-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li jingħataw l-istatus; u fejn ikun hemm tqassim ġust ta’ responsabbiltà għall-applikanti għal-asil madwar l-Unjoni permezz ta’ riforma komprensiva tas-sistema ta’ Dublin.

In-negozjati dwar is-seba’ proposti leġiżlattivi li tressqu mexjin 'il quddiem b’rati differenti. Intlaħaq qbil politiku dwar il-proposta li jkun hemm Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil u bdew isiru trilogi dwar il-proposta tal-Eurodac. Sar ukoll progress fin-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, ir-Regolamenti dwar il-Proċeduri ta’ Kwalifika u tal-Asil kif ukoll dwar il-proposta biex ikun hemm Qafas tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni. Madankollu, id-diskussjoni dwar riforma tas-sistema ta’ Dublin għadhom lura ħafna. Hemm bżonn ta’ impenn imġedded sabiex ikun jista’ jsir progress sostanzjali fuq il-fajls kollha, b’mod partikolari fejn tidħol ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin. Is-suġġerimenti dwar kif dan jista’ jinkiseb huma mfissra fit-Taqsima3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni.

Fl-istess ħin, b’mod parallel mal-finalizzazzjoni tan-negozjati dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, għadu ta’ importanza kruċjali li jkun hemm implimentazzjoni koerenti tal-acquis applikabbli tal-UE mill-Istati Membri fejn jidħol l-asil, mhux lanqas peress li dan ikun ta’ kontribut għall-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen ta’ moviment ħieles. F’dan is-sens, u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-applikazzjoni koerenti tar-Regolament ta’ Dublin, jenħtieġ li l-Greċja tkompli bl-isforzi tagħha li timplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2016 sabiex tiżgura li l-Greċja ftit ftit terġa’ tibda’ terfa’ r-responsabbiltà tagħha skont ir-Regolament ta’ Dublin. Ir-rilokazzjoni kontinwata mill-Greċja wkoll għandha tkun ta’ kontribut fil-faċilitazzjoni biex hija ftit ftit terġa’ tibda terfa’ din ir-responsabbiltà. Jenħtieġ li l-Ungerija tieħu azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-ittra kumplimentari ta’ intimazzjoni, speċjalment meta wieħed iqis li dawn in-nuqqasijiet qegħdin iwasslu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jissospendu t-trasferimenti ta’ Dublin lejn l-Ungerija. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr għat-talbiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà li jsiru mill-Italja u mill-Greċja, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq rabtiet ta’ familja.

Tfal fil-migrazzjoni

Hemm bżonn ukoll li nkabbru u nikkoordinaw l-isforzi tagħna biex nimplimentaw l-azzjonijiet meħtieġa b’urġenza għat-tisħiħ tal-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni, kif identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fil-Migrazzjoni tat-12 ta’ April 2017 25 , u li dwar saħqu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Ġunju 2017 26 . L-għadd sinifikanti ta’ tfal migranti li waslu fl-Ewropa fl-aħħar snin poġġa pressjoni fuq is-sistemi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali u żvela diversi nuqqasijiet fil-protezzjoni tat-tfal migranti. Diġà sar xi progress fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet (pereżempju, fil-kopertura tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni urġenti fl-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni, b’sostenn mill-UE u mill-aġenziji tagħha jew fl-għoti ta’ edukazzjoni f’emerġenzi), iżda għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi (u kkoordinati aħjar) kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri f’rabta mas-sitt oqsma ewlenin ta’ intervent identifikati fil-Komunikazzjoni 27 . Sar progress malajr fil-livell tal-UE lejn il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew dwar it-tutela. Il-promozzjoni ta’ alternattivi għad-detezzjoni hija wkoll kwistjoni ċentrali tal-Forum Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru 2017.

Ir-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u forom oħra ta’ ammissjoni legali

Sabiex il-flussi migratorji perikolużi u irregolari lejn l-UE jiġu sostitwiti b’toroq sikuri u legali sa mill-bidu nett tal-kriżi, l-UE ħadmet sabiex tipprovdi aktar kanali legali għall-għadd dejjem jikber ta’ persuni spustjati li jkollhom il-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, l-ewwel skema ta’ risistemazzjoni ta’ madwar l-UE tnediet f’Lulju 2015 wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ risistemazzjoni “One for One” skont id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Dawn l-iskemi, li huma parti integrali mir-reazzjoni komprensiva tagħna, kienu żviluppi pożittivi. Matul il-perjodu bejn l-2015 u l-2017, xi Stati Membri wettqu risistemazzjoni għall-ewwel darba filwaqt li pajjiżi aktar esperjenzati kabbru l-impenji tagħhom u pproċessaw numri akbar minn qabel. Bħala riżultat, aktar minn 23 000 persuna ġew risistemati permezz tal-iskemi Ewropew matul dak il-perjodu. Fl-2016 biss, l-Istat Membri rrisistemaw aktar minn 14 200 refuġjat permezz ta’ skemi nazzjonali u multilaterali — żieda sinifikanti meta mqabbla mat-8 155 persuna risistemati fl-2015, 6 500 fl-2014 u bejn 4 000 u 5 000 kull sena fil-perjodu bejn l-2010 u l-2013. Din iż-żieda uriet il-valur miżjud u l-potenzjal tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE fil-qasam tar-risistemazzjoni kif ukoll ta’ aktar iffinanzjar mill-UE biex jiġu sostnuti l-isforzi ta’ rissistemazzjoni tal-Istati Membri.

2.5.    Migrazzjoni legali, viżi u integrazzjoni

Il-migrazzjoni legali

Jekk ikun hemm migrazzjoni legali ġġestita tajjeb din tista’ tkun ta’ għajnuna biex l-UE tindirizza l-isfidi marbuta ma’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qiegħda tiċkien u mal-eżistenza ta’ nuqqasijiet struttuali fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol tagħha u b’hekk tikkumplimenta l-isforzi għat-titjib fil-ħiliet u tal-impjiegi tal-forza lavorattiva eżistenzi. Is-sena l-oħra l-Kummissjoni kienet diġà ppreżentat proposta għal Direttiva dwar il-Blue Card aktar effettiva, u tappella lill-koleġiżlaturi biex iħaffu l-pass tan-negozjati u jilħqu ftehim ambizzjuż u malajr dwar din il-kwistjoni importanti. Skema Ewropea tal-Blue Card li jkollha livell għoli ta’ ambizzjoni hija neċessarja biex l-UE tkun tista’ tiġbed lejha ħaddiema b’ħiliet kbar li tenħtieġ l-ekonomija tagħha.

B’mod parallel, il-kummissjoni kienet qiegħda tevalwa l-acquis eżistenti dwar il-migrazzjoni legali 28 , sabiex tidentifika xi lakuni, kwistjonijiet problematiċi u inkonsistenzi sinifikanti li jista’ jkun hemm, u tikkundistra modi possibbli ta’ simplifikazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-qafas preżenti. Hija esplorat ukoll sistemi ta’ “turija ta’ interess” użati minn xi pajjiżi mhux tal-UE. Dan, flimkien ma’ implimentazzjoni aħjar tad-Direttivi dwar il-migrazzjoni legali speċjalment fejn jidħlu studenti u riċerkaturi, ħaddiema staġjonali jew trasferimenti fi ħdan kumpanija, jista’ jkun ta’ kontribut għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-UE u biex jiġu attirati ħiliet speċifiċi skont il-ħtiġijiet tal-ekonomiji tal-UE.

Viżi

Il-politika komuni tal-UE dwar il-viżi hija għodda essenzjali għall-faċilitazzjoni tat-turiżmu u tan-negozju, iżda politika dwar il-viża li tkun taħdem tajjeb hija wkoll għodda kruċjali biex jiġu eliminati r-riskji ta’ sigurtà jew ir-riskji ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

F’April 2014 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti dwar Riformulazzjoni tal-Kodiċi tal-Viża u Viża għat-Turiżmu bil-ħsieb li jinġieb ‘il quddiem it-tkabbir ekonomiku permezz ta’ faċilitazzjoni tal-viżi li twassal għat-turiżmu u għall-kummerċ. In-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dawn il-proposti ma għamlu l-ebda progress sostanzjali. Intant, is-sitwazzjoni migratorja u ta’ sigurtà nbidlet b’mod sostanzjali.

Bħala reazzjoni għall-isfidi preżenti migratorji u ta’ sigurtà, dan l-aħħar ittieħdu xi miżuri rigward ivvjaġġar mingħajr il-ħtieġa ta’ viża lejn l-UE, bħal ma hi l-adozzjoni kmieni fl-2017 ta’ mekkaniżmu ta’ sospensjoni msaħħaħ li jippermetti lill-UE li b’mod temporanju tissospendi l-ivvjaġġar mingħajr viża fil-każ ta’ pajjiżi li jistgħu jkunu ta’ riskju sostanzjali migratorju jew ta’ sigurtà, jew il-proposta ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).

Madankollu, il-politika komuni dwar il-viża hemm bżonn li tkompli tiġi adattata għall-isfidi preżenti billi jittieħed kont ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-IT u li jiġu bbilanċjati l-benefiċċji ta’ viża ffaċilitata u ta’ vvjaġġar mingħajr il-ħtieġa ta’ viża (pereż, fejn jidħlu l-kummerċ, it-turiżmu, il-kuntatti bejn in-nies) ma’ ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, tas-sigurtà u tal-ġestjoni tal-fruntieri.

Abbażi ta’ konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni sejra għalhekk, f’Jannar 2018, tippreżenta l-ideat tagħha dwar kif għandha tiġi mmodernizzata l-politika komuni tal-UE dwar il-viżi kemm fuq perjodu qasir kif ukoll twil. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa b’mod kritiku jekk il-politika preżenti dwar il-viża għadhiex taqbel mal-isfidi preżenti u futuri. L-objettivi ewlenin se jkunu dawk li l-politika tal-viża tinġieb f’qagħda li tlaħħaq mal-iżviluppi f’sistemi ġodda ta’ ġestjoni tal-fruntieri (EES u ETIAS), li tintuża aħjar il-politika tal-viża fil-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjizi terzi u li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn preokkupazzjonijiet dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà, kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u relazzjonijiet ġenerali esterni.

Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li jiġu indirizzati l-prattiċi preżenti tant differenti minn xulxin li jwasslu għal kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fil-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu billi tiġi stabbilita politika tal-viżi aktar armonizzata. Fl-istess ħin, jenħtieġ li xi regoli dwar il-ħruġ ta’ viżi (pereżempju dawk relatati ma’ viżi li jkollhom validità twila u l-miżati għall-viżi) jiġu riveeduti sabiex jiġi żgurat li jistgħu jkollhom sehem fil-politika ta’ riammissjoni tagħna. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta mmirata f’Jannar 2018 sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati. Barra minn dan, f’Ġunju 2018, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-qafas legali tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viżi (il-VIS) bil-għan li jkompli jittejjeb l-ipproċessar tal-viżi, inkluż f’aspetti marbuta mal-protezzjoni tad-data u l-aċċess għall-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġijiet, sabiex ikompli jespandi l-użu tal-VIS għal kategoriji u użi ġodda ta’ data u sabiex isir użu sħiħ mill-istrumenti tal-interoperabbiltà. Dawn iż-żewġ proposti se jkunu ta’ kontribut għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, biex tissaħħaħ is-sigurtà u biex jitjieb il-kontroll tal-fruntieri esterni.

L-integrazzjoni

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ir-rwol primarju li jiżviluppaw strateġiji u politiki ta’ integrazzjoni, l-esperjenza u l-kapaċità tagħhom fil-qasam tal-integrazzjoni jvarjaw ħafna. Għalhekk l-UE għandha rwol importanti biex tgħinhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji effettivi ta’ integrazzjoni, jiskambjaw l-aqwa prattiċi u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-integrazzjoni fil-livell tal-UE. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ippreżentat fl-2016, diġà wassal għal riżultati fuq ħafna fronti. Eżempji ta’ tali riżultati kienu r-riforma tan-Netwerk Ewropew ta’ Integrazzjoni – għat-tisħiħ tal-iskambji u t-tagħlim reċiproku bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-integrazzjoni, it-tnedija tal-Għodda dwar il-Profil tal-Ħiliet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-għoti ta’ sostenn lill-Istati Membri fl-analiżi bikrija tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-migranti, u s-sostenn finanzjarju bla preċedenti tal-atturi kollha li għandhom rwol fl-integrazzjoni, inkluż is-soċjetà ċivili.

Il-ħidma biex jiġu ffaċċjati l-isfidi speċifiċi marbuta mal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajiżi terzi fis-soċjetajiet tagħna tibqa’ prijorità kemm fuq perjodu qasir kif ukoll twil u għalhekk il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu importanza adegwata lil din il-materja.

F’Mejju 2017 il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva “Min Iħaddem favur l-integrazzjoni”, sabiex tippromwovi l-isforzi ta’ min iħaddem li jkunu mmirati lejn l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjizi terzi fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll taħdem biex tistabbilixxi tisħib ma’ sħab soċjali u ekonomiċi fil-livell Ewropew biex taħdem aktar mill-qrib magħhom għall-promozzjoni tal-integrazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effettiva tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol Ewropew. L-għoti ta’ sostenn finanzjarju konkret se jkomplu jsostni dan il-proċess u jippromwovi azzjonijiet konkret fl-Istati Membri.

Waqt li tagħraf ir-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tal-integrazzjoni, il-Kummissjoni ħadmet ukoll sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u s-sostenn għalihom, b’mod partikolari permezz tas-Sħubija tal-Aġenda Urbana dwar l-Inklużjoni tal-Migranti u r-Refuġjati. Dan se jkompli billi pereżempju tiġi ppilotata Akkademja Urbana dwar l-integrazzjoni, kif ukoll permezz ta’ ffinanzjar immirat li jagħti sostenn lil netwerks transnazzjonali ta’ bliet li jaħdmu dwar il-migrazzjoni.

3.    Il-passi li jmiss fit-tlestija tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Il-migrazzjoni se tibqa’ kwistjoni ċentrali għall-UE għas-snin li ġejjin. L-isforzi tal-passat u dawk li għaddejjin fl-oqsma differenti kif elenkati hawn fuq, inkluż il-ġestjoni tal-fruntiera esterna, hemm bżonn li jkomplu, peress li r-riskju tal-migrazzjoni u l-ħtieġa li jiġu salvati l-ħajjiet għadhom hemm.

Barra minn dan, u b’mod parallel għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli eżistenti kollha u l-għoti tal-kontribuzzjonijiet neċessarji għall-azzjonijiet u l-fondi konġunti, biex l-Unjoni tkun tista’ tasal li twettaq bis-sħiħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, huwa issa neċessarju li jiġu intensifikati l-isforzi f’erba’ oqsma ta’ prijorità: jiġi stabbilit il-qafas legali t-tajjeb sabiex is-Sistema Ewropea Komuni dwar l-Asil tkun vijabbli fil-futur, jitjiebu t-toroq legali li jissostitwixxu l-migrazzjoni irregolari, tiżdied l-effettività tar-ritorni biex ir-riżorsi jintużaw aktar minn min għandu bżonn u ssir ħidma ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet ta’ prijorità sabiex il-migrazzjoni tiġi ġġestita flimkien.

3.1.    Ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

Fil-waqt li l-isforzi li saru sa issa mill-Unjoni bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ kriżi, inkluż il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza, kellhom riżultati tanġibbli, ma nistgħux inkomplu nistrieħu fuq miżuri ad hoc. Ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil hija elementi kruċjali tal-istrateġija komprensiva dwar il-migrazzjoni, fejn se jkun hemm bżonn li l-ħidma tkompli fil-livelli differenti tal-migrazzjoni sabiex jinkisbu r-riżultati.

Biex din ir-riforma tirnexxi s-sistema trid tkun waħda li kapaċi tirreżisti l-kriżijiet. Dan jitlob li sitwazzjonijiet mhux mistennija jkunu indirizzati b’mod effettiv, li s-sistemi nazzjonali jitqarrbu aktar lejn xulxin u li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tiġi approfondita, inkluż permezz ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jiżgura kondiviżjoni xierqa tar-responsabbiltà.

Kif qal il-President Juncker fl-Indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, biex jinkiseb riżultat tajjeb fir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil in-naħat kollha jridu jersqu lejn xulxin. Il-Kummissjoni se tkun miftuħa għall-kompromess sakemm ir-riżultat ikun dak tajjeb għall-Unjoni u jkun ġust għall-Istati Membri kollha.

Kif irrimarka l-Kunsill Ewropew 29 , jeżisti fehim komuni li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil jeħtieġ li ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà u li hemm bżonn li tiżgura li jkun hemm reżiljenza quddiem kriżijiet fil-futur. Is-sistema trid tkun effiċjenti, tkun tiflaħ għall-pressjoni migratorja, tevita fatturi ta’ attrazzjoni kif ukoll movimenti sekondarji, tkun konformi mal-liġi internazzjonali, tiġġieled kontra l-abbuż u tipprovdi sostenn adegwat lill-Istati Membri l-aktar milquta. Il-Kunsill Ewropew se jerġa’ jagħrbel din il-kwistjoni u għalhekk stieden lill-Kunsill biex jibqa’ għaddej bin-negozjati, bl-għajnuna attiva tal-Kummissjoni.

L-unika soluzzjoni strutturali hija riforma fis-sistema ta’ Dublin u l-fattur determinanti biex titlesta r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil huwa li jkun hemm progress urġenti li jwassal għal ftehim politiku dwar din il-kwistjoni. Hemm issa perjodu ta’ opportunità biex titmexxa ‘il quddiem il-ħidma dwar il-punti li fadal pendenti u biex isir aktar progress billi jiġu ddefiniti l-kontorni ta’ ftehim kumplessiv li jista’ jintlaħaq fil-futur dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sa tmiem is-sena.

B’mod parallel man-negozjati dwar ir-riforma ta’ Dublin, hemm bżonn li jibqa’ għaddej il-progress dwar il-proposti l-oħra kollha: il-proposta ta’ analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, il-proposti dwar il-kwalifiki tal-asil u l-proċeduri tal-asil kif ukoll il-proposta li tistabbilixxi qafas tal-UE dwar ir-risistemazzjoni.

Filwaqt li huma importanti li dawn l-inizjattivi interkonnessi jiġu adottati malajr f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 30 , il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir il-progress tajjeb li diġà nkiseb dwar il-proposti ta’ riforma tal-Eurodac u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tal-Asil. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħaq ftehim dwar dawn l-għodod importanti, u tappoġġja l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, bil-fehim li ċerti aspetti hemm bżonn li jiġu emendati fid-dawl tal-ftehim kumplessiv. Tali approċċ jiżgura wkoll li s-sistema miftiehma tista’ tkun operattiva kemm jista’ jkun malajr.

3.2.    Jittejbu t-toroq legali

3.2.1. Risistemazzjoni

Ir-risistemazzjoni (u forom oħra ta’ ammissjoni umanitarja) tibqa’ għodda kruċjali ta’ protezzjoni. Hija turija ċara ta’ solidarjetà globali ma’ pajjiżi terzi u kondiviżjoni ta’ responsabbiltà għal persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ l-appell tal-Kummissarju Għoli tan-NU Grandi biex issir risistemazzjoni ta’ 40 000 refuġjat ulterjuri mil-Libja u mill-pajjiżi madwar. L-isforzi ta’ risistemazzjoni huma wkoll parti mill-politika tal-UE tagħna dwar l-asil u l-migrazzjoni. Dawn il-mogħdijiet legali, bħala alternattivi għal vjaġġi irregolari u perikolużi, jgħinu biex jiġu salvati l-ħajjiet, jikkontribwixxu biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari u jtaffu l-pressjoni migratorja fuq Stati Membri milquta.

Jenħtieġ li l-UE, abbażi tal-isforzi akbar matul l-aħħar sentejn, u bi ħtiġijiet globali ta’ risistemazzjoni li għadhom fl-ogħla livell li qatt kien ta’ 1,2 miljun, ikollha l-għan li tirrisistema mill-anqas 50 000 persuna addizzjonali fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali sa Ottubru 2019. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni qiegħda tirrakkomanda llum ir-risistemazzjoni ta’ mill-anqas 50 000 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u se tpoġġi EUR 500 miljun għad-dispożizzjoni, għal dak l-iskop. Din ir-rakkomandazzjoni ssegwi l-eżerċizzju ta’ impenn ta’ risistemazzjoni li sar fl-4 ta’ Lulju 2017, li wassal sa issa għal madwar 14 000 wegħda ta’ risistemazzjoni. B’din l-inizjattiva l-ġdida jenħtieġ li niżguraw li tibqa’ għaddejja r-risistemazzjoni mit-Turkija sabiex titwettaq id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (anki fid-dawl tal-Iskema Voluntarja ta’ Ammissjoni Umanitarja), mill-Ġordan u mil-Libanu, li t-tnejn li huma qegħdin jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati, kif ukoll minn pajjiżi matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali fl-Afrika ta’ Fuq u l-Qarn tal-Afrika, jiġifieri l-Libja, l-Eġittu, in-Niġer, is-Sudam, iċ-Ċad u l-Etjopja. Jekk ikun hemm aktar attenzjoni fuq ir-risistemazzjoni mill-pajjiżi matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali dan ikun ta’ għajnuna wkoll fis-sostenn tal-mekkaniżmu temporanju għall-evakwazzjoni ta’ emerġenza mil-Libja li l-UNCHR qed tippjana li tistabbilixxi. Jenħtieġ li l-impenji jsiru sa tmiem Ottubru.

Madankollu, l-UE jenħtieġ li timxi minn skemi ad hoc għal qafas stabbli. F’Lulju 2016 il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi Qafas tal-Unjoni tar-Risistemazzjoni bl-ambizzjoni li jinħoloq qafas sod ta’ toroq sikuri u legali ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali minn barra l-UE. L-adozzjoni ta’ din il-proposta ssir urġenti sabiex tiġi kostruwita politika tal-migrazzjoni tal-UE komprensiva u sostenibbli.

B’mod parallel, l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu użu sħiħ minn toroq legali oħra disponibbli għal persuni li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġa jesploraw modi kif jistabbilixxu skemi ta’ sponsorjar privat fejn is-sostenn għas-sistemazzjoni u l-integrazzjoni għal persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni, inkluż il-kosti relatati ma’ dan, jkunu jistgħu jiġu pprovduti minn gruppi privati ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Sabiex dawn l-isforzi jiġu ffaċilitati u sabiex tkompli l-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet li jiġu żviluppati dawn l-iskemi fl-UE, il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-EASO biex jikkoordina proġett-pilota 31 dwar skemi ta’ sponsorjar privat ma’ Stati Membri interessati u li jimpenja ruħu ma’ varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet relevanti tas-soċjetà ċivili, organizzazzjoniiet internazzjonali u sponsors privati potenzjali f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

3.2.2. Proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali

Ir-rwol ta’ kanali ta’ migrazzjoni legali fil-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjiżi terzi hemm bżonn li jsir element aktar importanti sabiex ikunu jistgħu jinkisbu riżultati konkreti, u jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet soċjoekonomiċi preżenti u futuri tagħna Il-migrazzjoni legali diġà hija element importanti fil-flussi ta’ migrazzjoni lejn l-UE. Il-kooperazzjoni mtejba u mfassla apposta fejn tidħol il-migrazzjoni legali ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u transitu tal-migranti tista’ tkun ta’ għajnuna biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari billi jiġu offruti alternattivi sikuri u legali lil persuni li jkunu jixtiequ jemigraw; tista’ tagħlaq lakuni f’ċerti setturi tas-swieq tax-xogħol fi Stati Membri tal-UE; filwaqt li tiffaċilita l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet bħal ma huma l-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u r-riammissjoni u r-ritorn ta’ migranti irregolari.

Għalhekk, fir-rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Istati Membri kif stabbiliti fit-Trattati, il-Kummissjoni hija lesta biex fl-2018 tikkoordina proġetti pilota ma’ pajjiżi terzi, u tipprovdi sostenn finanzjarju relatat, fejn l-Istati Membri jwegħdu rwieħhom li jirċievu ċertu numru ta’ migranti li jkunu ġejjin minn kanali legali, b’mod partikolari li jkunu jinkludu skopijiet ekonomiċi. Għall-ewwel, dawn il-proġetti pilota jistgħu jiġu esplorati ma’ pajjiżi terzi magħżula abbażi tal-kwalità tas-sħubija fejn tidħol il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-livell ta’ kooperazzjoni konkreta fil-ġlieda kontra l-flussi irregolari u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari. F’dan il-proċess, huwa importanti li jiġi promoss l-involviment tas-settur privat, u b’mod partikolari dak tal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali. It-tisħib pubbliku-privat, li kien effettiv ħafna fil-qasam tal-integrazzjoni, huwa essenzjali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-UE, in-nuqqasijiet eżistenti, kif ukoll biex jiġi evalwat kif il-migrazzjoni tista’ tgħin biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet u sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aktar effettiva fis-suq tax-xogħol.

3.3.    Politika aktar effettiva dwar ir-ritorni

Skont l-informazzjoni statistika pprovduta mill-Istati Membri, kien hemm kważi miljun (1) ċittadin ta’ pajjżi terzi li nstab li kien preżenti b’mod illegali fl-UE fl-2016, bl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu ġew ordnati li jitilqu mill-UE jkun ta’ kważi 500 000 dik is-sena biss. B’madwar 2,6 miljun applikant għall-asil biss fl-2015/2016, u b’rata ta’ għarfien fl-ewwel istanza ta’ 57% fl-2016 (50% fl-ewwel kwart tal-2017), l-Istati Membri jistgħu jaffaċċjaw aktar minn miljun (1) persuna u nofs biex jirritornaw fil-futur.

Hekk kif huma biss 36% tal-migranti irregolari li jiġu ritornati, huwa ċar li hemm bżonn inħaffu l-pass tal-ħidma tagħna b’mod sinifikanti. L-uniku mod li bih l-Ewropa tkun tista’ turi solidarjetà mar-refuġjati li jkollhom tassew bżonn ta’ protezzjoni huwa billi jkun hemm sistema effettiva li biha, dawk li ma jkollhomx dritt jibqgħu, jiġu ritornati.

Ir-ritorni effettivi jkunu wkoll sinjal qawwi biex dawk li jkunu beħsiebhom jagħmlu vjaġġi irregolari perikolużu lejn l-UE jerġgħu jaħsbuha. Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE 32 diġà tipprovdi ġabra komuni ta’ regoli li s-sistemi tar-ritorn nazzjonali jistgħu jsegwu u jimplimentaw.

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni preżenti mhux sodisfaċenti, issa huwa essenzjali li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jagħmlu sforzi addizzjonali, bis-sostenn tal-Kummissjoni, u jaraw li r-ritorni jkunu effettivi. Dan ma jistax jinkiseb mingħajr ma tittieħed azzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni, konġuntement u sistematikament, ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li l-obbligi għar-riammissjoni taċ-ċittadini proprja jitwettqu, abbażi tal-Qafas tas-Sħubija, is-segwitu tal-Belt Valletta, u kwalunkwe opportunità politika kif imiss.

Ġestjoni msaħħa ta’ ritorn tal-UE permezz tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 

L-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha l-mandat li torganizza, tikkoordina u tagħmel operazzjonijiet ta’ ritorn u interventi ta’ ritorn u tipprovdi l-assistenza neċessarja lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni ta’ tali operazzjonijiet fil-livell tal-UE. Sabiex tkun tista’ tagħmel dan, l-Aġenzija trid taċċellera t-tranżizzjoni minn approċċ immexxi mid-domanda, fejn l-Aġenzija taġixxi biss meta tintalab minn Stat Membru wieħed, jew aktar, lejn approċċ ta’ ġestjoni tar-ritorn proattiv, li fih l-Aġenzija ssir mutur tassew għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Sabiex twettaq dan il-mandat, l-unità preżenti inkarigata mir-ritorni jenħtieġ li tiġi ttrasformata f’Dipartiment tar-Ritorn apposta fi ħdan l-Aġenzija, li jkun mgħammar kif suppost u bil-persunal meħtieġ. Dan id-Dipartiment irid ikun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-miżuri u tal-għodod kollha pprovduti mir-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-Aġenzija trid tiżvilupp pjani operattivi b’objettivi konkreti fejn jidħol ir-ritorn sa nofs l-2018 għal kull Stat Membru skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom ta’ ritorn, u tiffoka fuq dawk il-pajjiżi terzi li jkollhom stabbiliti arranġamenti ta’ riammissjoni, sabiex ir-riżultati jiġu massimizzati. Jekk ikun hemm bżonn, l-Aġenzija tista’ tikkunsidra li tistabbilixxi antenni operattivi fi Stati Membri kruċjali.

Jenħtieġ ukoll li l-Aġenzija tfassal proġetti pilota li jiżviluppaw u jippruvaw soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni konġunta tar-ritorni, pereżempju billi jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-kapaċità bejn l-Istati Membri (inkluż ġestjoni u akkwist tal-iżvilupp ta’ proġetti konġunti u kkuntrattjar kondiviż inkluż fejn jidħlu titijiriet kummerċjali, kapaċità ta’ detenzjoni u ġestjoni ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni kondiviżi, sostenn konsulari kondiviż).

L-azzjonijiet tal-Istati Membri

Iżda l-azzjonijiet tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun ta’ suċċess biss jekk jimxu id f’id ma’ sforzi akbar mill-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu bl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Mġedded dwar ir-Ritorni, bl-applikazzjoni sħiħa tal-flessibbiltà disponibbli fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Huma għandhom jirrazzjonalizzaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ ritorn sabiex jiffavorixxu l-integrazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ ritorn fil-livell tal-UE kif organizzat mill-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, notevolment billi tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-ippjanar indikattiv tal-operazzjonijiet nazzjonali ta’ ritorn, inkluż dwar l-għadd ta’ dawk ritornati u l-pajjiżi terzi ta’ ritorn, fuq bażi regolari.

Permezz ta’ sostenn koordinat mill-Aġenziji tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri fil-fruntiera esterna jimplimentaw ukoll b’mod komprensiv il-potenzjal operattiv sħiħ tal-approċċ tal-hotspots, sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta’ ritorn ikunu jistgħu jiġu ġestiti b’mod aktar ħafif u effiċjenti, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ żieda sinifikanti fil-wasliet irregolari. Dan jista’ jimplika li jiġu stabbiliti miżuri neċessarji bil-ħsieb li jiġu identifikati malajr dawk li b’mod manifest ma jkollhomx il-bżonn ta’ protezzjoni, jew dawk li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu inammissibbli, flimkien mal-mezzi effettivi sabiex jiġi żgurat li dawn il-persuni jkunu jistgħu jiġu ritornati.

Jenħtieġ li l-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (Irregular Migration Management Application - IRMA), immexxija mill-Kummissjoni, tiġi żviluppata ulterjorment u matul l-2018 tiġi integrata fil-fluss tax-xogħol dwar il-ġestjoni tar-ritorni kemm tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kif ukoll tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti regolari, se tagħti rendikont tal-progress li jkun sar. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri sabiex iżżomm għajnejha fuq il-progress fejn jidħlu r-ritorni, taqsam l-informazzjoni dawn l-iżviluppi fil-qasam tal-migrazzjoni irregolari u se tipprovdi reazzjonijiet regolari dwar il-prestazzjoni tas-sistemi tar-ritorn madwar l-UE, b’mod li tkopri kemm l-Istati Membri kif ukoll lill-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Jekk tibqa’ l-frammentazzjoni, u b’mod aktar importanti, jekk ir-rati tar-ritorn mhux sodisfaċenti jibqgħu l-istess, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li ssir esplorazzjoni għal konverġenza akbar. Din tista’ tikkonċerna l-istandardizzazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċess ta’ ritorn, mill-identifikazzjoni/l-apprensjoni sat-twettiq tar-ritorn, it-tqarrib tar-regoli dwar ir-riskju ta’ ħarbiet, ir-raġunijiet tad-detenzjoni u r-regoli dwar il-ħruġ ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul u jkun hemm analiżi dwar aktar koerenza mal-proċeduri tal-asil kif ukoll l-iffaċilitar tal-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn tal-Istati Membri permezz ta’ validità madwar l-UE kollha, il-qsim tar-responsabbiltà għall-infurzar tagħhom bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

3.4.    Id-dimensjoni esterna: il-Qafas tas-Sħubija dwar il-Migrazzjoni

Sa minn mindu ġiet adottata l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-UE bdiet tistabbilixxi diversi elementi li jikkostitwixxu politika sħiħa dwar il-migrazzjoni esterna li tikkomplimenta l-impenn aktar wiesa’ estern u ta’ żvilupp tagħna. Jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jkomplu jaħdmu flimkien u jikkoordinaw b’mod sistematiku l-azzjonijiet tagħhom permez tal-oqsfa offruti mill-Qafas ta’ Sħubija u l-proċess tal-Belt Valletta, sabiex jikkonsolidaw il-progress li sar lejn il-ġestjoni kondiviża tal-flussi tal-migrazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu.

Wara li l-Qafas ta’ Sħubija ilu jiġi implimentat għal aktar minn sena, qiegħed jidher li l-approċċ wassal għall-azzjoni fil-pajjiżi sħab sabiex dawn jirriformaw is-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u li jaffaċċjaw il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali b’mod aktar effettiv, iżda għad ma kienx hemm twettiq sħiħ tal-kooperazzjoni mtejba fejn jidħlu r-ritorni. Sabiex isir progress hemm bżonn ta’ investiment addizzjonali f’ghadd ta’ oqsma.

Jenħtieġ li r-riżorsi tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, u b’mod partikolari l-parti tiegħu li tinvolvi l-Afrika ta’ Fuq, jiġu msaħħa aktar permezz ta’ finanzjar addizzjonali mill-Istati Membri. Peress li l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika se jiskadi fl-2020, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-Unjoni, għall-aktar soluzzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat finanzjament effettiv għall-politika dwar il-migrazzjoni esterna. Barra minn dan, ir-riżorsi għall-missjonijiet tal-PSDK hemm bżonn li jiġu sostnuti aktar, inkluż bl-għoti tar-riżorsi neċessarji sabiex jingħalqu l-lakuni kollha fejn jidħlu l-iskjeramenti.

Il-kisba ta' riżultati aħjar fejn jidħlu r-ritorni u r-riammissjoni titlob li jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku u effettiv in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ oriġini ċentrali, bil-mobilizzazzjoni tal-inċentivi u tas-saħħa kollha disponibbli, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. Dan jimplika t-twessigħ tal-firxa tal-politiki tal-UE li jikkontribwixxu f’dan l-isforz, pereżempju l-offerta ta’ toroq legali għall-migrazzjoni regolari permezz ta’ proġetti pilota fil-livell tal-UE jew it-tisħiħ tas-sostenn għar-reintegrazzjoni. B’mod parallel man-negozjati formali l-UE se tkompli għaddejja b’arranġamenti informali bħal ma huma l-proċeduri operattivi standard. F’każijiet fejn ikun hemm nuqqas persistenti ta’ kooperazzjoni, l-inizjattiva tal-Istati Membri li jikkoordinaw ir-reazzjoni tagħhom peremzz ta’ miżuri li jolqtu l-viżi, kif ikun meħtieġ, fi ħdan ir-regoli preżenti dwar il-viżi, tista’ tipprovdi saħħa addizzjonali.

Ir-reazzjoni għall-pressjoni migratorja li qiegħda tiżdied matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali saret punt fokali ta’ azzjoni anki fi ħdan il-Qafas ta’ Sħubija. Għadha għaddejja l-ħidma sabiex jiġi żgurat segwitu effettiv għall-istrateġija mfissra fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-"Migrazzjoni fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali” ta’ Jannar 2017 u għall-azzjonijiet imfissra fid-Dikjarazzjoni ta’ Malta ta’ Frar 207 u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2017 33 . Inizjattivi multilaterali, bħal ma hu l-grupp ta’ Kuntatt għall-Mediterran, u l-laqgħa ta’ Pariġi tat-28 ta’ Awwissu, saħħew il-ħidma li għaddejja sabiex jiġi akkwistat mill-ġdid il-kontroll tal-flussi migratorji matul ir-rotta.

Biex jiġu kkonsolidati r-riżultati sa issa, l-UE se tkompli tħaffef il-pass tal-inizjattivi neċessarji biex tipprovdi reazzjoni għall-migranti maqbuda fil-Libja, billi tiffoka fuq l-aktar ħtiġijiet immedjati tagħhom, b’mod notevoli tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-migranti, b’mod partikolari billi:

·żżid il-ħidma li qiegħda ssir permezz tal-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni għall-protezzjoni u l-assistenza tal-migranti; ittejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jgħixu dawk li jinsabu f’detenzjoni; żżid l-aċċess għall-protezzjoni tal-migranti l-aktar vulnerabbli; tippromwovi alternattivi għad-detenzjoni inkluż bil-ħolqien ta’ akkomodazzjoni apposta għall-persuni vulnerabbli;

·tiżviluppa proġetti ġodda taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, immirati lejn muniċipalitajiet lokali u li jippromwovu opportunitajiet soċjoekonomiċi għall-komunitajiet lokali;

·jitħaffef il-pass tax-xogħol sabiex l-għadd ta’ migranti maqbuda fil-Libja kull ma jmur jonqos, billi tiġi aċċellerata aktar il-ħidma mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni dwar ir-ritorni voluntarji assistiti u mal-UNHCR billi jiġu sostnuti l-pjani għal mekkaniżmu ta’ evakwazzjoni temporanju;

·tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet Libjani li jikkontrollaw il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-pajjiż u billi titkabbar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien.

F’dan il-kuntest, l-UE se tkompli tappoġġja lin-Nazzjonijiet Uniti fil-ħidma lejn soluzzjoni politika fil-Libja peress li huma biss l-istabbilità u l-paċi li jistgħu joħolqu l-kundizzjonijiet għat-tul neċessarji biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-flussi migratorji.

Is-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE li ġej, li se jsir f’Abidjan, se jkun okkażjoni tajba biex jittieħed rendikont tal-isfidi komuni mal-Afrika, inkluż fil-qasam tal-migrazzjoni, għat-tisħiħ tas-sħubija tagħna, li ilha żmien, fejn tidħol firxa wiesgħa ta’ oqsma u li jiffukaw b’mod partikolari fuq iż-żgħazagħ.

Il-ħidma taħt il-Qafas ta’ Sħubija se tkun kontribut kruċjali għad-diskussjonijiet fil-livell Globali bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ New York adottata fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2016. L-UE se tikkoordina mill-qrib mal-Istati Membri u tuża l-impuls kollu politiku u diplomatiku tagħha biex tikseb Patt Global tan-NU għal Migrazzjoni ambizzjuż għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, u l-iżvilupp tal-Patt Globali għar-Refuġjati u l-Qafas ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati, flimkien ma’ pajjiżi pilota.

4.    Konklużjoni

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni adottata fl-2015 stabbiliet il-qafas sabiex titmexxa ‘il quddiem ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha. Hija fasslet ir-reazzjoni tal-Unjoni għas-sitwazzjoni ta’ kriżi u pprovdiet qafas sod għal bidliet strutturali meħtieġa fis-sistemi tagħna tal-migrazzjoni u l-asil.

Il-Kummissjoni tqis li mod effettiv sabiex jiġi xprunat it-twettiq fil-prattika huwa l-monitoraġġ regolari flimkien mar-rappurtar. Sabiex dan l-approċċ jissaħħaħ, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport regolari, konsolidat dwar il-progress li jkun inkiseb, li jkun ikopri d-dimensjonijiet kollha tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

Jekk ma naħtfux din l-opportunità ppreżentata mill-miżuri ta’ stabbilizzazzjoni li hemm issa, hemm ir-riskju li nipperikolaw dak li nkiseb sa issa u li ninqabdu fi stat permanenti ta’ ġestjoni ta’ kriżi. Għalhekk issa huwa ż-żmien biex kulħadd jirdoppja l-isforzi konġunti tagħna biex naraw li jkun hemm qafas aktar stabbli fil-futur.

(1)

     Laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April 2015.

(2)

 Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2015) 240 finali (it-13 ta’ Mejju 2015).

(3)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Malta mill-membri tal-Kunsill Ewropew dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni: li tindirizza r-rotta tal-Mediterran Ċentrali: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-3091_en.htm .

(4)

Il-Komunikazzjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM (2016) 85 finali tal-10 ta’ Frar 2016 identifikat il-miżuri immedjati kollha meħuda f’dan ir-rigward.

(5)

 L-għadd ta’ vjaġġi irregolari huwa ta’ 78 kuljum, bħala medja, bejn il-21 ta’ Marzu 2016 u s-17 ta’ Settembru 2017.

(6)

Sal-20 ta’ Settembru kien hemm diġà 9 700 Sirja sistemati mill-ġdid mit-Turkija fl-UE.

(7)

Għall-perjodu 2014-2020.

(8)

Valuri kkomunikati mill-Istati Membri fir-rapportit ta’ implimentazzjoni tagħhom, li jkopru l-perjodu 2014-2106.

(9)

Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015, jinstabu hawn: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11130-2015-INIT/en/pdf.

(10)

COM(2016) 385 finali tas-7 ta’ Ġunju 2016.

(11)

Il-Kummissjoni qiegħda b’mod regolari tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija, ara l-aħħar rapport COM (2017) 471 finali tas-6 ta’ Settembru 2017.

(12)

http://www.un.org/esa/ffd/publications/aaaa-outcome.html.

(13)

Rapport Konġunt Europol-INTERPOL, Mejju 2016: Il-fatturat annwali tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali tal-migranti kienet stmata li tiswa bejn USD 5 u 6 miljun fl-2015, li tirrappreżenta waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ ġenerazzjoni ta’ qligħ għall-kriminali organizzat fl-Ewropa.

(14)

COM(2015) 285 finali tas-27 ta’ Mejju 2015.

(15)

SWD(2017) 117 finali.

(16)

Fl-ewwel sitt xhur tal-2017, ġew arrestati 101 persuna, li ttellgħu quddiem qorti; Ġew ikkonfiskati u ssiġillati 66 vettura u tmien muturi; Ġew arrestati 79 persuna minħabba atti kriminali marbuta mat-traffikar tal-bnedmin.

(17)

 L-Operazzjoni Sophia, u EUBAM Libya, kif ukoll fir-reġjun Sahel EUCAP Sahel Niger, EUCAP Sahel Mali u EUTM Mali.

(18)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p.1).

(19)

http://www.infomigrants.net/

(20)

 Dan jipprovdi informazzjoni lil migranti potenzjali dwar modi legali li bihom jistgħu jiġu fl-Ewropa u dwar ir-riskji u l-konsegwenzi marbuta mad-dħul jew is-soġġorn b’mod irregolari fl-UE: http://ec.europa.eu/immigration/.

(21)

Din tinkludi r-ritorn lejn pajjiżi terzi kif ukoll il-passaġġ lura ta’ migranti irregolari minn Stat Membru għal ieħor, abbażi ta’ ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p.98).

(22)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar politika aktar effettiva ta' ritorn fl-Unjoni Ewropea – Pjan ta' Azzjoni Mġedded, COM(2017) 200 finali tat-2 ta’ Marzu 2017.

(23)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat (ĠU L 65, 11.3.2016, p.12).

(24)

Ċifri tal-IOM, http://missingmigrants.iom.int/region/mediterranean.

(25)

COM(2017)211 finali tat-12 ta’ April 2017.

(26)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10085-2017-INIT/en/pdf.

(27)

1) l-indirizzar tal-kawżi fl-għeruq tal-migrazzjoni (azzjoni ċetnrali tal-UE); 2) identifkazzjoni u reġistrazzjoni malajr u komprensiva; 3) l-għoti ta’ akkoljenza adegwata fl-UE; 4) jiġi żgurat aċċess malajr u effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus, u l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji ta’ proċedura; 5) jiġi żgurat li jkun hemm soluzzjonijiet sostenibbli; U 6) azzjonijiet trasversali (ir-rispett tal-ogħla interessi tat-tfal, użu aktar effettiv ta’ data, riċerka, taħriġ u fondi).

(28)

Għal valutazzjoni dwar is-sistema tal-migrazzjoni legali, ara:    
  http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/docs/2016_home_199_fitnesscheck_legal_migration_en.pdf

(29)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22/23 ta’ Ġunju 2017, http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/06/23-euco-conclusions/

(30)

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/commission/publications/joint-declaration-eus-legislative-priorities-2017_en  

(31)

 Dan se jsir b’mod parallel mal-istudju li tnieda dan l-aħħar mill-Kummissjoni dwar is-sostenibbiltà u l-valur miżjud ta’ skemi ta’ sponsorjar bħala mogħdija possibbli għal kanali sikuri għall-ammissjoni fl-UE.

(32)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(33)

 SEC(2017), 4 ta’ Lulju 2017.

Top