IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.5.2017
COM(2017) 239 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-Rapport tal-2016 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
{SWD(2017) 162 final}
1. Introduzzjoni
Fl-2016, id-drittijiet fundamentali u l-valuri li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mibnija għaddew minn prova. L-iżviluppi fl-Istati Membri urew li r-rispett għall-valuri u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ma għandux jittieħed qisu ma hu xejn.
L-UE ħabbtet wiċċha ma’ diversi sfidi: il-konsegwenzi tal-wasla bla preċedent tar-refuġjati fil-fruntieri esterni tagħha, l-iżbilanċi ekonomiċi u sensiela ta’ attakki terroristiċi. Il-persuni li jintlaqtu minn diversi kriżijiet ma jkunux fiduċjużi li uliedhom se jkunu f'qagħda aħjar minnhom. Huma jistaqsu jekk l-istituzzjonijiet għadhomx kapaċi jipproteġuhom mill-isfidi u mit-theddida tal-migrazzjoni, tat-taqlib finanzjarju u tat-terroriżmu. F’dan il-kuntest, in-nazzjonaliżmu, il-populiżmu u l-intolleranza jsibu art fertili fejn jaqbdu, u jiffavorixxu l-esklużjoni u iżolament bħala l-uniku mod kif l-isfidi attwali jistgħu jingħelbu.
F’kuntest fejn l-intolleranza qed tiżdied, huwa importanti ukoll li l-UE tafferma mill-ġdid u tippromwovi bis-saħħa l-istess drittijiet għal kulħadd. Fl-2017, it-tielet Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali se jiffoka fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Din se tkun opportunità sabiex jiġu indirizzati t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika u politika tan-nisa, id-drittijiet tan-nisa fl-isferi tal-ħajja pubblika u privata kif ukoll il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-forom kollha tagħha, u din tal-aħħar matul is-sena se tkun ukoll is-suġġett ta’ azzjonijiet iffukati.
Ix-xenarju globali jħalli impatt fuq id-drittijiet fundamentali fl-UE. L-UE trid b’determinazzjoni tagħmel sforz biex tiddefendi l-valuri komuni tagħha tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, kontra l-forzi li qed jippruvaw jippolarizzaw is-soċjetajiet tagħna u jipperikolaw il-mudell tagħna ta’ ftuħ il-moħħ u ta’ solidarjetà. L-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jridu jerġgħu jiksbu l-fiduċja taċ-ċittadini billi juru li kapaċi jiggarantixxu l-libertà, is-sigurtà u l-prosperità. F’dan l-isforz se jkun ċentrali s-suċċess fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u tal-valuri komuni tal-UE, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom imexxu bl-eżempju. F’dan ir-rigward, il-Karta hija għodda li ma għandhiex prezz, u għandu jintuża l-potenzjal kollu tagħha.
2. L-applikazzjoni tal-Karta tal-UE
2.1 Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali
It-twassil tad-drittijiet fundamentali għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea kollha
Fl-2016, l-UE ħadet diversi inizjattivi sabiex id-drittijiet tal-Karta jkollhom effett għall-benefiċċju taċ-ċittadini fl-UE. Uħud minnhom kellhom l-għan biex jiġu żgurati l-korrettezza u l-ġustizzja soċjali. Il-Kummissjoni impenjat ruħha, pereżempju, f’konsultazzjoni pubblika għall-iżvilupp ta’ “pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali”
. Imfassal fuq id-drittijiet soċjali tal-Karta, il-pilastru jappoġġa s-swieq tax-xogħol ġusti u li jaħdmu sew, kif ukoll is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Għall-individwu, jindirizza wkoll kwistjonijiet ta’ importanza ewlenija, bħall-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli.
Twaqqfet ukoll pjattaforma Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ħalli jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat
, u b’hekk jiġi żgurat li d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol korretti u ġusti jiġu rrispettati (l-Artikolu 31 tal-Karta).
Ittieħdu passi fl-2016 sabiex jiġi promoss id-dritt għall-ħajja tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta):
-Il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda skont ir-Regolament Brussell IIa, li ġaladarba jiġi adottat, se jtejjeb il-protezzjoni tat-tfal f’tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri marbuta mal-kustodja
;
-żewġ regolamenti ġodda ġew adottati sabiex il-koppji internazzjonali, kemm jekk ikunu fi żwieġ u kemm jekk ikunu fi sħubija rreġistrata, jiġu megħjuna biex ta’ kuljum jiġġestixxu l-proprjetà tagħhom u biex jaqsmuha jekk jaslu għal divorzju jew xi ħadd minnhom imut
.
Id-dritt għal proċess ġust (l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta) daħal fis-seħħ b’mod konkret permezz tal-adozzjoni ta’ sensiela ta’ direttivi: dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li l-persuna tkun preżenti waqt il-proċess
; dwar l-għajnuna legali
u s-salvagwardji proċedurali għat-tfal
. Dawn tal-aħħar, u r-regoli Brussell IIa l-ġodda se jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta).
Il-Kummissjoni nediet pjattaforma għas-soluzzjonijiet online għat-tilwim
, li tgħin lill-konsumaturi jsolvu barra mill-qorti t-tilwim tagħhom man-negozjanti tal-UE, dwar ix-xiri online, b’mod irħis, sempliċi, malajr u f’kull lingwa uffiċjali tal-UE, biex b’hekk tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta).
Il-protezzjoni tad-dejta personali tal-persuni, fl-UE u kullimkien
Qasam ta’ prijorità ewlieni ieħor fl-2016 kien il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artiolu 8 tal-Karta). L-adozzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (GDPR)
u tad-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Dejta għall-Awtoritajiet tal-Pulizija u tal-Ġustizzja Kriminali
kienet pass kbir ’il quddiem f’dan ir-rigward.
Il-GDPR isaħħaħ u jimmodernizza r-regoli eżistenti: il-persuni se jkollhom aċċess aktar faċli għad-dejta personali tagħhom, id-dritt għat-trasferibbiltà tad-dejta, “id-dritt li jkunu minsija” ċċarat u ċerti drittijiet applikabbli f’każ li jseħħ ksur tad-dejta personali. Il-GDPR jobbliga ukoll lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet biex jinnotifikaw lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali dwar ksur serju tad-dejta mill-aktar fis possibbli, sabiex l-utenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri adegwati. Il-GDPR, barra minn hekk, bħala l-uniku strument legali tal-UE jistabbilixxi ġabra waħda ta’ regoli sabiex l-individwi jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-UE.
Id-Direttiva (UE) 2016/680 għandha l-għan li tistabbilixxi l-iskambju effiċjenti tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar, u li tiżgura li d-dejta tal-vittmi, tax-xhieda u tal-persuni ssuspettati b’reati tkun protetta adegwatament fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jew ta’ azzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-liġi. L-ipproċessar kollu għall-eżekuzzjoni tal-liġi fl-Unjoni se jkollu jikkonforma mal-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u tal-legalità, u joffri salvagwardji xierqa għall-individwi.
Fl-ambitu tal-protezzjoni msaħħa fl-UE, il-Kummissjoni żgurat ukoll protezzjoni adegwata tad-dejta mhux fl-UE. F’Lulju 2016 hija adottat id-deċiżjoni ta’ adegwatezza dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US, li tiżgura l-fluss ħieles ta’ dejta personali ċċertifikat skont it-Tarka tal-Privatezza għal skopijiet kummerċjali bejn kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti, filwaqt li tiżgura d-dritt fundaamentali tal-protezzjoni tad-dejta.
Il-konklużjoni, f’Diċembru, kienet stadju importanti tal-Ftehim Komprensiv
bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jagħti livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta għal kull trasferiment ta’ dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja jew tal-pulizija f'materji kriminali.
Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli
Bosta drabi, fi żminijiet diffiċli, l-agħar li jintlaqtu huma dawk l-aktar vulnerabbli. Għall-UE, fl-2016 qasam ta’ prijorità prinċipali ieħor kien li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni filwaqt li b’mod partikolari jiġi żgurat id-dritt għall-ażil (l-Artikolu 18 tal-Karta) u jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement (l-Artikolu 19 tal-Karta). Il-Kummissjoni, wara l-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA),
f’April 2016 ipproponiet emendi għar-regoli eżistenti li għandhom l-għan li:
(i) jistabbilixxu sistema aktar ġusta u sostenibbli sabiex jitqassmu l-applikanti għall-ażil fost l-Istati Membri (proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin)
u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha (proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament Eurodac)
;
(ii) jarmonizzaw aktar il-proċeduri tal-ażil u l-istandards internazzjonali ta’ protezzjoni sabiex jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni u ta’ akkoljenza kif ukoll salvagwardji adegwati għall-persuni li jfittxu ażil fl-UE kollha, u sabiex jitnaqqsu l-movimenti sekondarji irregolari (proposta għal Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil
, għal Regolament dwar Standards għall-Kwalifika
u għal Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza riformulata
);
(iii) jiffaċilitaw approċċ komuni għall-wasliet sikuri u legali fl-UE għall-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, f’solidarjetà ma’ pajjiżi li jilqgħu għadd kbir ta’ persuni spostati (proposta għal regolament li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni
);
(iv) jibdlu lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil f'Aġenzija vera u proprja tal-UE b’mandat aktar b’saħħtu sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-Sistema ta’ Ażil tal-UE (proposta għal regolament dwar Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil
).
Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (l-Artiklu 24 tal-Karta) kienu fil-qalba ta’ din l-azzjoni leġiżlattiva. Ingħatat attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati f’oqsma ewlenin bħal dawk għall-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, id-dritt tat-tfal li jinstemgħu fi proċeduri tal-ażil u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati u tutela effikaċi.
L-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni biex it-tfal migranti jiġu protetti kien iċ-ċentru tal-
10 Forum Ewropew Annwali dwar id-Drittijiet tat-Tfal
f’Novembru
. F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tiġi msaħħa
, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u tal-gwardji tal-fruntiera biex isibu t-tfal li għebu, inkluż fil-kuntest tal-migrazzjoni.
Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet miftuħin u tolleranti, ħielsa mir-razziżmu
It-tendenza attwali wasslet għal żieda fir-razziżmu u fl-intolleranza kontra minoritajiet etniċi, reliġjużi u minoritajiet oħra fl-Ewropa.
Dan jaffettwa bosta mid-drittijiet fundamentali tal-Karta, inkluż id-dritt għan-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 21), id-dritt għad-dinjità (l-Artikolu 1), u d-dritt għall-integrità tal-persuna (l-Artikolu 3) kif ukoll id-dritt għall-ħajja (l-Artikolu 2)
Il-Kummissjoni pprovdiet pjattaforma għas-soċjetajiet ċivili tal-Istati Membri, għall-aġenziji tal-UE u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali
, sabiex jaħdmu fuq rispons aħjar għar-reati ta’ mibegħda u għad-diskorsi ta’ mibegħda. Saret enfasi fuq
-ir-reġistrazzjoni u l-ġbir ta’ dejta dwar inċidenti li jirrigwardaw ir-reati ta’ mibegħda fl-Istati Membri kollha;
- it-tisħiħ tal-appoġġ lill-vittmi; kif ukoll
-il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online.
Fl-ambitu ta’ dan l-appoġġ għall-politika, il-Kummissjoni kompliet ukoll bi djalogi bilaterali ma’ Stati Membri dwar lakuni kbar fit-traspożizzjoni tagħhom tad-dritt tal-UE
. Uħud minnhom emendaw il-liġijiet kriminali b’riżultat ta’ dan.
Sabiex jiġi kkontrollat id-diskors ta’ mibegħda online u biex l-atturi l-ġodda tal-mezzi tal-informazzjoni jingħataw setgħa, il-Kummissjoni fil-31 ta’ Mejju waslet għal qbil ma’ Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft dwar kodiċi ta’ kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online
. Il-kumpaniji impenjaw ruħhom, inter alia, li:
-jirrieżaminaw f’anqas minn 24 siegħa l-biċċa l-kbira tan-notifiki validi li jaslu miċ-ċittadini u mis-soċjetà ċivili biex jitneħħa l-kontenut illegali li pubblikament iqanqal il-vjolenza u l-mibegħda; kif ukoll
-jivvalutawhom ukoll fid-dawl tal-liġijiet nazzjonali kriminali li ġew trasposti mil-liġi tal-UE.
Il-Kummissjoni qiegħda żżomm taħt monitoraġġ mill-qrib il-progress fil-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, l-Istati membri u l-kumpaniji tal-IT, u ppreżentat l-ewwel riżultati f’Diċembru.
Il-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media, tal-ħsieb kritiku u tal-argumenti bbilanċjati fil-livell bażiku soċjali huma azzjonijiet oħra importanti li l-UE qed tappoġġa, id f’id mal-edukazzjoni, sabiex tagħmel tajjeb għall-intolleranza online u dik li mhix online.
2.2. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali
L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jridu jikkonformaw mal-Karta fl-azzjonijiet kollha tagħhom; kull każ li ma jikkonformax jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ ). Il-Kummissjoni taħdem ħafna sabiex id-drittijiet fundamentali jiġu integrati, jiġifieri jiġi żgurat li jkunu rrispettati bis-sħiħ fil-proposti leġiżlattivi u ta’ politika kollha tagħha.
Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu l-ġdida, li f’Diċembru 2016 qablu dwarha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill,
hija eżempju tajjeb ta’ din l-integrazzjoni. Tinkludi klawsola espliċita dwar id-drittijiet fundamentali – l-ewwel waħda ta’ dan it-tip – filwaqt li ġew ikkunsidrati diversi aspetti tad-drittijiet fundamentali fil-proċess tal-abbozzar u ta’ negozjar, inklużi l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-interferenzi mad-drittijiet tal-moviment liberu, tal-protezzjoni tad-dejta u tal-libertà tal-espressjoni (l-Artikoli 45, 8 u 11 tal-Karta). Tqiesu wkoll kif dovut il-prinċipji tal-legalità u tal-proporzjonalità tar-reati u tal-pieni (l-Artikolu 49 tal-Karta) kif ukoll id-drittijiet tal-vittmi, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47 tal-Karta). Il-valutazzjoni ex post tad-Direttiva tkopri wkoll l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet.
Fl-2016 ġiet adottata proposta mill-Kummissjoni sabiex jiġi aġġornat ir-Regolament dwar il-Kontroll tal-Esportazzjonijiet tal-UE għal oġġetti (b’użu doppju) sensittivi
. Ir-regolament jipprevedi qafas sod biex tiġi kkontrollata l-esportazzjoni tat-teknoloġija tas-sorveljanza ċibernetika meta jkun hemm ir-riskju li din tintuża b’mod ħażin biex iseħħ il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-dritt umanitarju internazzjonali. Barra minn hekk, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, permezz tal-adozzjoni f’Novembru ta’ emenda fir-Regolament ta’ Kontra t-Tortura
, ġew imsaħħin ir-regoli tal-UE li jipprojbixxu l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura f’pajjiżi oħra.
L-integrazzjoni testendi ruħha għal oqsma oħra bħal fl-użu tal-finanzjament mill-UE. Fl-2016, il-Kummissjoni adottat gwida biex tiżgura li l-Karta tiġi rrispettata meta l-Istati Membri jkunu qed jimplimentaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
.
Il-Kummissjoni ddikjarat, fir-rigward tal-migrazzjoni, fil-kuntest tal-inkjesta konġunta mill-Ombudsman Ewropew marbuta mal-valutazzjoni tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, li hija se tkompli żżomm taħt monitoraġġ mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll fit-Turkija, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tibqa’ prijorità għall-Kummissjoni, speċjalment fid-dawl tal-obbligu legali tagħha skont it-Trattat. L-adeżjoni se ssaħħaħ il-valuri komuni tagħna, ittejjeb l-effikaċja tad-dritt tal-UE, u tqawwi l-koerenza tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Madankollu, l-opinjoni tal-QtĠ tal-UE ta’ Diċembru 2014 (li tiddikjara li l-abbozz tal-Ftehim ta’ Adeżjoni tal-2013 huwa inkompatibbli mat-Trattati) qajmet għadd ta’ kwistjonijiet sinifikanti u kumplessi li jirrikjedu li l-abbozz jiġi nnegozjat mill-ġdid dwar diversi punti. Il-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha ta’ negozjatur tal-UE, qed tesplora soluzzjonijiet biex tindirizza l-kwistjonijiet varji mqajma mill-Qorti fil-grupp ta' ħidma tal-Kunsill.
2.3. Is-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta
Sabiex iċ-ċittadini jgawdu kemm huwa possibbli mid-drittijiet fundamentali tagħhom, iċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet fundamentali tagħhom. Jeħtieġ li jkunu jafu ukoll lejn min għandhom iduru meta jinkisru d-drittijiet tagħhom. F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni nediet il-wizard tad-drittijiet fundamentali
, għodda online li tgħin lin-nies f’dan ir-rigward.
Waqt konferenza organizzata mill-Presidenza Olandiża fi Frar 2016 dwar “l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fil-politika nazzjonali", tressqu ’l quddiem għadd ta’ għodod u l-aħjar prattiki sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu megħjuna jivvalutaw meta u kif għandhom japplikaw il-Karta waqt li jkunu qed jiżviluppaw il-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tuża l-finanzjament mill-UE biex tappoġġa l-proġetti u n-netwerks li janalizzaw il-każistika nazzjonali li tirreferi għall-Karta u biex tipprovdi lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja bit-taħriġ dwar l-applikazzjoni tagħha.
Bħala segwitu għar-Rapport dwar il-Karta tal-Kummissjoni tal-2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Karta f’Ġunju
, u l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea f’Diċembru
. Id-diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew ikkontribwew għal aktar sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp u l-isfidi fl-UE tad-drittijiet fundamentali.
2.4 L-iskrutinju mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-istituzzjonijiet tal-UE
Fil-każijiet konġunti Ledra Advertising u Mallis and Malli
l-qorti ċaħdet, fuq appell, ir-rikors għall-annullament u l-kumpens imressaq miċ-ċittadini u n-negozji kontra t-tnaqqis fil-valur tad-depożiti tagħhom f’żewġ banek f’Ċipru. Kien hemm ftehim dwar dan fil-memorandum ta’ qbil tal-2013 bejn l-awtoritajiet Ċiprijotti u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. Il-Qorti enfasizzat li l-Karta tapplika għall-istituzzjonijiet tal-UE anki meta dawn jaġixxu barra mill-qafas legali tal-UE. Osservat ukoll li l-Kummissjoni trid tiżgura li l-memorandum ta’ qbil ikun konsistenti mad-drittijiet fundamentali tal-Karta. Ir-restrizzjoni dwar id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta) kienet ġustifikata fid-dawl tal-objettiv mixtieq, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja kollha fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li kienu jiġu esposti għalih id-depożitanti li kieku ż-żewġ banek fallew. Għaldaqstant ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata li kkontribwiet għall-ksur tal-Karta.
3. L-applikazzjoni tal-Karta fl-Istati Membri u mill-Istati Membri
3.1 Id-drittijiet fundamentali u l-iżviluppi tal-istat tad-dritt
Il-Karta tapplika biss għall-Istati Membri meta dawn ikunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. Il-proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri, rigward il-ksur tal-Karta, jistgħu għaldaqstant jinbdew biss meta tiġi stabbilita rabta suffiċjenti mad-dritt tal-UE.
Madankollu l-Istati Membri, anki meta jkunu qed jaġixxu barra mill-ambitu ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, huma obbligati jirrispettaw il-valuri li fuqhom l-Unjoni hija stabbilita. B’mod partikolari, l-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Fl-2014, il-Kummissjoni introduċiet Qafas li kellu l-għan jindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ theddid sistemiku emerġenti għall-istat tad-dritt li ma setgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv mis-salvagwardji ta’ livell nazzjonali jew mill-istrumenti eżistenti (b’mod partikolari l-proċeduri ta’ ksur) fil-livell tal-UE
.
Ċirkostanzi fil-Polonja li jirrigwardaw b’mod partikolari t-Tribunal Kostituzzjonali wasslu biex il-Kummissjoni toħroġ Rakkomandazzjoni f’Lulju 2016
u Rakkomandazzjoni kumplimentari f’Diċembru 2016
permezz ta’ dan il-Qafas. Il-fatt li l-leġittimità, l-integrità u l-funzjonament tajjeb tat-Tribunal Kostituzzjonali huma milquta ħażin, dan jimpedixxi rieżami kostituzzjonali effettiv. L-indirizzar ta’ din is-sitwazzjoni hija kwistjoni ta’ interess komuni. Il-funzjonament proprju tal-Unjoni huwa pperikolat jekk l-istat tad-dritt ma jibqax jiġi rrispettat f’wieħed mill-Istati Membri tagħha.
F’Ottubru 2016, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
. Il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjon l-objettiv ġenerali tar-riżoluzzjoni, li huwa li jiġi żgurat li l-valuri komuni tal-UE jiġu rrispettati u eżegwiti
. Il-Kummissjoni madankollu tqis li jenħtieġ li jsir l-aħjar użu possibbli tal-istrumenti eżistenti, waqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni. Firxa ta’ għodod eżistenti u atturi diġà jipprovdu sensiela ta’ mezzi komplementari u effikaċi biex jiġu promossi u mħarsa l-valuri komuni. Il-Kummissjoni se tkompli tivvalorizza u tibni fuq dawn il-mezzi. Waħda mill-ideat sottostanti tal-Parlament kienet biex il-varjetà ta’ dejta u rapporti eżistenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri ssir aktar aċċessibbli u viżibbli, anki fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjon dan, peress li għadd ta’ atturi oħra - inkluż il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (EU Agency for Fundamental Rights, FRA) u l-NGOs - jiġbru informazzjoni dwar l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri.
3.2 Il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Istati Membri
Il-QtĠ tal-UE kompliet (skont is-sistema ta’ riferiment għad-deċiżjonijiet preliminari) tiggwida lill-imħallfin nazzjonali dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tal-Karta.
Fil-kawżi magħquda Tele2 Sverige AB
u Tom Watson e.a
, il-Qorti eżaminat il-liġijiet f’żewġ Stati Membri li kienu jeħtieġu ż-żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni tad-dejta dwar it-traffiku u dwar il-lok tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha li kienet relatata mal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika. Sabet li dawn il-liġijiet jirrestrinġu d-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta) Minħabba l-firxa wiesgħa tar-restrizzjonijiet u s-salvagwardji limitati, l-ebda waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet ma tqieset ġustifikata, anki meta l-objettiv kien li tiġi miġġielda l-kriminalità serja. Madankollu, objettiv bħal dan jista’ jiġġustifika ż-żamma tad-dejta dwar it-traffiku u l-lok, dment li tkun limitata għal dak li hu strettament meħtieġ fir-rigward tal-kategoriji ta’ dejta li għandhom jinżammu, il-mezzi ta’ komunikazzjoni affettwati, il-persuni kkonċernati u l-perjodu taż-żamma.
Dwar GS Media BV
, il-Qorti ddeċidiet rigward it-tqegħid ta’ hyperlinks fil-kuntest tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta). Kumpanija tal-media qiegħdet fuq is-sit web tagħha hyperlink li tieħu lil osservaturi lejn siti web fejn kien hemm disponibbli ritratti, meħuda mill-magazine Playboy, ta’ persuna famuża. Peress li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma awtorizzax il-pubblikazzjoni tar-ritratti fuq dawn is-siti web, l-editur tal-magazine sostna li t-tqegħid kien jikser id-drittijiet tal-awtur. Il-kumpanija tal-media ħalliet disponibbli l-hyperlinks jew oħrajn simili, fejn uħud minn dawk preċedenti ma baqgħux disponibbli. Fid-dawl tad-Direttiva applikabbli dwar id-Drittijiet tal-Awtur
, il-Qorti ddeċidiet li kull komunikazzjoni mal-pubbliku ta’ xi xogħol kellha tiġi awtorizzata mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Hija sostniet li t-tqassim, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, tal-hyperlinks għal xogħlijiet, fuq is-siti web inkwistjoni, kienu jikkostitwixxu "komunikazzjoni lill-pubbliku". Hija madankollu tirrikonoxxi li, f’każijiet individwali, jista’ jkun diffiċli għall-persuna li tkun qiegħdet il-link biex tivvaluta jekk kienx hemm awtorizzazzjoni. F’dan il-kuntest, irid jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-dritt tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni tal-persuna li tqiegħed il-link. Madankollu, meta din tal-aħħar kienet konxja mill-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew kellha tkun konxja, bħalma huwa dan il-każ, l-azzjonijiet tagħha jikkostitwixxu “komunikazzjoni lill-pubbliku” mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.
Is-sentenza fil-każijiet magħquda Aranyosi u Caldararu
kienet tirrigwarda l-obbligu tal-Istati Membri biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali skont il-Karta, b’mod partikolari l-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament jew tal-pieni inumani u degradanti , meta jiġi eżegwit Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE). Il-Qorti ddeċidiet li skont l-Artikolu 4 (li jistabbilixxi d-dritt assolut), jekk l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni jkollhom informazzjoni li turi riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-istat emittenti, iridu jevalwaw ir-riskju fir-rigward tal-persuna inkwistjoni meta jiddeċiedu jekk jeżegwux il-MAE. Meta jiġi stabbilit li hemm riskju rigward dik il-persuna, l-eżekuzzjoni tal-MAE trid tiġi rrappurtata u tista’ ma sseħħx, jekk fi żmien raġonevoli ma jkunx possibbli li dan jiġi miċħud. Meta jiġi vvalutat ir-riskju, l-awtorità responsabbli għall-eżekuzzjoni għandha tqis id-dritt fundamentali għal-libertà tal-persuna u l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza (l-Artikoli 6 u 48 tal-Karta).
3.3. Il-każistika nazzjonali li tikkwota l-Karta
L-imħallfin nazzjonali għad għandhom rwol prinċipali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt. L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali
sabet li l-qrati nazzjonali fl-2016 baqgħu jirreferu għall-Karta biex tiggwidahom u tispirahom, anki f’għadd sostanzjali ta’ każijiet li jaqgħu barra mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.
Id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta) kienu partikolarment ċentrali. Kawża quddiem it-tribunal tar-Renju Unit
kienet tirrigwarda ċittadin Niġerjan li kien ilu joqgħod fir-Renju Unit għal 25 sena. It-tfal bniet tiegħu (li għandhom 13 u 11-il sena) kienu ċittadini Brittaniċi. Huwa appella kontra l-ordni ta' deportazzjoni fuq raġunijiet ta' politika pubblika. It-tribunal biddel id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, peress li din naqset milli tirrikonoxxi d-dritt tat-tfal li jżommu fuq bażi regolari relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi tagħhom (l-Artikolu 24). Din id-dispożizzjoni tal-Karta ġiet interpretata bħala “dritt awtonomu” fil-kuntest tal-liġi dwar l-immigrazzjoni.
F’kawża oħra, qorti Żvediża użat l-Artikolu 24 tal-Karta bħala l-uniku sors legali biex tinterpreta l-liġi kriminali nazzjonali b’mod adattat għat-tfal
. Is-sentenza standard għall-persuni li bi ħlas jgħinu lil xi barrani jidħol fl-Iżvezja hija minn tliet xhur ħabs sa erbgħa. Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti rrikonoxxiet li l-persuna kkonċernata kienet immotivata mix-xewqa li tgħin lit-tfal. Hija tat biss sentenza kondizzjonali, flimkien ma’ servizzi fil-komunità, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta u obbligat lill-awtoritajiet tal-Istat jieħdu inkonsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild.
4. It-tema ċentrali: Il-Kollokju Annwali tal-2016 “il-Pluraliżmu fil-media u d-demokrazija” dwar id-Drittijiet Fundamentali
Il-Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali huwa spazju uniku għad-djalogu li jiffavorixxi l-kooperazzjoni reċiproka u l-impenn politiku għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Hija opportunità biex jiġu identifikati u mwassla azzjonijiet konkreti u ta’ politika dwar kwistjonijiet ta’ interess attwali marbutin mad-drittijiet fundamentali.
It-tieni Kollokju Annwali (mis-17 sat-18 ta’ Novembru) għarbel, mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, id-diversi rabtiet li hemm bejn il-media ħielsa u pluralistika u d-demokrazija
. Il-persuni li jfasslu l-politiki nazzjonali u tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk internazzjonali, l-edituri kapijiet, il-ġurnalisti, ir-regulaturi nazzjonali, ir-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, tal-media u ta’ kumpaniji tal-IT differenti, professuri, imħallfin u professjonisti legali oħra pproponew suġġerimenti dwar azzjonijiet importanti għal dawk kollha involuti, li ntwerew fil-konklużjonijiet tal-Kollokju li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni ftit wara l-attività.
Suġġett minnhom kien il-protezzjoni tal-libertà u tal-indipendenza tal-media minn pressjoni politika u finanzjarja. Il-parteċipanti enfasizzaw l-importanza tal-indipendenza tar-regolaturi tal-media u sejħu għal adozzjoni b’ħeffa tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva
.
Qasam ieħor għad-diskussjoni kien l-għoti tas-setgħa lill-ġurnalisti u l-ħarsien tagħhom minn pressjoni, theddid, vjolenza fiżika u diskors ta’ mibegħda. Il-parteċipanti enfasizzaw l-importanza li tiġi miġġielda l-impunità għar-reati u għar-reazzjonijiet ta’ mibegħda kontra l-ġurnalisti, b’mod partikolari n-nisa. Azzjoni ta’ segwitu tinkludi l-finanzjament tal-UE għal proġetti dwar il-pluraliżmu fil-media, għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u biex jiġi miġġieled id-diskors ta’ mibegħda online. F’Novembru 2016 il-Kummissjoni nediet kampanja fl-UE kollha u għamlet sena tiffoka l-azzjoni tagħha fuq il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa,
inkluż fil-media.
Il-parteċipanti ħarsu wkoll lejn l-isfidi u l-opportunitajiet li jistgħu jqumu fil-kuntest ta’ media konverġenti. Ġie diskuss ir-rwol tal-ġurnaliżmu etiku u tal-litteriżmu fil-media, kif ukoll is-sostenibbiltà finanzjarja tal-istampa ta’ kwalità u tal-ġurnaliżmu investigattiv. Ġie kopert ukoll l-impatt li l-użu ta’ alogaritmi jew t-tixrid ta’ aħbarijiet foloz jista’ jkollhom fuq il-pluraliżmu tal-media u fuq id-dibattiti demokratiċi msejjsin fuq l-informazzjoni. L-azzjonijiet ta’ segwitu jinkludu l-finanzjament għal-litteriżmu fil-media, l-appoġġ għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki etiċi sabiex tiġi promossa l-informazzjoni ta’ kwalità kif ukoll it-tnedija ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u ta’ konsultazzjoni pubblika
dwar il-protezzjoni tal-informaturi.
5. Konklużjoni
L-iżviluppi reċenti fl-UE u f’imkejjen oħra huma theddida serja għad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni tibqa’ għassa u impenjata biex id-drittijiet fundamentali tal-UE jkollhom livell għoli ta’ protezzjoni. Hija se żżid l-azzjonijiet tagħha sabiex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tal-UE u l-azzjonijiet kollha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Karta. Hija beħsiebha tiggarantixxi li l-korpi kollha marbutin bil-Karta jkomplu jirrispettawha.
L-importanza tas-sistema ta’ kontrokontrolli f’soċjetajiet demokratiċi, b’mod partikolari r-rwol ewlieni tal-qrati supremi u tal-qrati kostituzzjonali fil-ħarsien tal-valuri komuni tal-UE ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed; dan ir-rwol jenħtieġ li jiġi appoġġat, u li jkun jirrispetta bi sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura. Is-sorveljanza indipendenti esterna (anki permezz tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) hija essenzjali f’soċjetajiet demokratiċi. Ir-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tiġdid tal-impenn għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġi mgħożż u ppreservat.