EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0160

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-Tielet Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

COM/2017/0160 final

Brussell, 5.4.2017

COM(2017) 160 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tielet Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tielet Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Parti IV tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra

1.Introduzzjoni

L-2016 kienet it-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-Pilastru tan-Negozju (il-Parti IV) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u Amerika Ċentrali li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem, "il-Ftehim") 1 . Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra 2 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament"), il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport preżenti huwa ppreżentat biex jissodisfa dan ir-rekwiżit.

2.IL-VALUTAZZJONI KUMPLESSIVA: L-EVOLUZZJONI TAL-KUMMERĊ

2.1.    Metodoloġija

B'konformità mal-metodoloġija użata fir-rapporti preċedenti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim 3 , l-importazzjonijiet tal-UE huma kkalkulati fuq il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT estratta f'Ottubru 2016 filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali huma bbażati fuq l-istatistika Ċentru-Amerikana. Peress li l-istatistika Ċentru-Amerikana tiġi pprovduta f’dollari Amerikani, dawn inqalbu f’euro bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju annwali użata mill-EUROSTAT 4 .

Naturalment, il-kawżi għall-fluttwazzjoni tal-flussi kummerċjali jirriflettu għadd ta' fatturi u ma jistgħux jiġu attribwiti biss għall-eżistenza jew il-grad ta’ avvanz fl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.2.    L-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali globali mal-Amerika Ċentrali (merkanzija)

Fuq il-bażi tal-istatistika ppreżentata mis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika tal-Amerika Ċentrali (SIECA), mill-2014 sal-2015 il-flussi kummerċjali minn naħa bejn il-pajjiżi Ċentru-Amerikani u l-bqija tad-dinja naqsu b'6%. Min-naħa l-oħra, il-flussi kummerċjali tal-UE mal-bqija tad-dinja żdiedu bi 3,6% tul l-istess perjodu (EUROSTAT). Fil-kuntest ta' din it-tendenza usa', il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali wera li hu pjuttost reżiljenti: Il-fluss kummerċjali totali bejn iż-żewġ reġjuni naqas biss moderatament (b'0,7%) għal EUR 10,5 biljun. Il-bilanċ kummerċjali tal-UE mal-Amerika Ċentrali ppreżenta bilanċ ta' EUR 162 miljun fl-2015 (wara li wera defiċit ta' EUR 853 miljun is-sena ta' qabel).

Il-fluss kummerċjali bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali u t-tkabbir annwali

(f'miljuni ta' Euro - 2015)

Pajjiż  

Esportazzjonijiet tal-UE(*)

Importazzjonijiet tal-UE(**)

Fluss totali

Il-Costa Rica

1 312

23,1%

2 250

-40,4 %

3562

-35 %

Il-Gwatemala

1 194

22,3 %

865

25 %

2059

23,3 %

Il-Honduras

592

29,1 %

1 015

20,5 %

1606

24 %

In-Nikaragwa

379

54,2 %

326

14,5 %

705

32 %

Il-Panama

1 278

8,2 %

555

26,1 %

1833

13 %

El Salvador

603

29,8 %

195

5,5 %

798

23 %

TOTAL

5358

22 %

5 196

-16,8 %

10 526

-0,7 %

*Dejta tal-esportazzjoni bbażata fuq statistika rrappurtata f'kull pajjiż fir-reġjun

**Dejta tal-importazzjoni bbażata fuq il-EUROSTAT

Sors: EUROSTAT u SIECA

L-2015 ra żieda kumplessiva ta' 22% fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali, skont l-istatistika Reġjonali Ċentru-Amerikana, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE mill-Amerika Ċentrali bħala valur naqsu b'16,8%. Madankollu, ta' min jinnota tendenzi kumplessivament pożittivi bejn l-UE u kull pajjiż Ċentru-Amerikan individwali, ħlief il-Costa Rica, li l-kummerċ għaliha naqas minn EUR 3,77 biljun għal EUR 2,25 biljun, minħabba li l-esportazzjonijiet ta' manifatturi ta' tagħmir għall-uffiċċju u tat-telekomunikazzjoni minn multinazzjonali tal-ITC kbira fil-pajjiż prattikament spiċċaw.

Għat-tieni sena konsekuttiva, ir-rilokazzjoni lejn ix-Xlokk tal-Ażja ta' dak li kien esportatur ewlieni tagħha tal-komponenti tal-IT kellha impatt negattiv sinifikanti fuq il-valur totali tal-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE. L-importazzjonijiet fl-UE mill-Costa Rica ta' tagħmir għall-uffiċċju u tat-telekomunikazzjoni naqas bi kważi 94% fl-2015. L-esportazzjonijiet totali ta' tagħmir tal-IT nieżel minn EUR 2 372 miljun fl-2013 għal EUR 147 miljun fl-2015.

 

2013

2014

2015

2013-15
bidla fil-%

Tagħmir għall-Uffiċċju u tat-Telekomunikazzjoni

2 372

1 925

147

-93,8 %

It-Tqassim tal-importazzjonijiet tal-UE mill-Amerika Ċentrali u l-evoluzzjoni annwali tagħhom (f’m ta' Euro)

Sors: EUROSTAT u d-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (DG TRADE)

B'mod ġenerali, f'din it-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-Ftehim – u jekk ma jitqiesx it-tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta' komponenti tal-IT mill-Costa Rica – l-esportazzjonijiet tal-UE u l-importazzjonijiet tal-UE lejn u minn kull wieħed mis-sitt pajjiżi fir-reġjun żdied b'iktar minn 20% fi 8 mit-12-il kumbinazzjoni ta' esportazzjoni/importazzjoni possibbli. Dan hu rifless fi flussi kummerċjali totali li żdiedu b'iktar minn 20% għal 4 mis-6 pajjiżi (u 'l fuq minn 10% għall-ħames wieħed). Il-Costa Rica tibqa' l-barranija fl-2016 minħabba raġunijiet speċifiċi u endoġeni li diffiċli li jkomplu fis-snin li ġejjin.

Il-konċentrazzjoni ta' esportazzjonijiet Ċentru-Amerikani lejn l-UE għal għadd ta' prodotti ta' esportazzjoni ewlenin għadu għaddej minkejja li, skont is-SIECA, 5 l-għadd ta' prodotti esportati lejn l-UE żdied fl-2015 b'5,3% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Issa jkopri 1615-il prodott (6 linji tariffarji diġitali CA HS).

Dawn li ġejjin kienu s-setturi ta' importazzjoni ewlenin mill-Amerika Ċentrali (skont it-taqsima tal-HS) għall-2015: prodotti veġetali (51%); prodotti alimentari, xorb u tabakk (11,1%); strumenti ottiċi u fotografiċi (8,1%). Is-setturi ta' esportazzjoni ewlenin tal-UE lejn ir-reġjun kienu: makkinarji u apparati (23,8%), prodotti tal-industriji kimiċi jew alleati (22,6%), tagħmir tat-trasport (14,3%).

Id-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali fl-2015 kienu l-Costa Rica (25%) segwita mill-Panama u mill-Gwatemala (24% u 22% rispettivament). L-iktar prodotti esportati fl-2015 kienu l-farmaċewtiċi (11% tal-esportazzjonijiet tal-UE) segwiti mill-vetturi bil-mutur (7%), u l-artikli magħmula mill-azzar (5%).

Fl-istess ħin, ġie rreġistrat tkabbir sinifikanti fl-esportazzjonijiet Ċentru-Amerikani fl-2015 għall-prodotti li ġejjin 6 :

·L-importazzjonijiet ta' strumenti ottiċi u fotografiċi (HS 90) fl-UE żdiedu b'46% minn EUR 284,8 miljun għal EUR 417-il miljun.

·L-importazzjonijiet fl-UE ta' apparati mediċi żdiedu bi 32% (minn EUR 194 miljun għal EUR 257 miljun).

·L-importazzjonijiet tal-kafè żdiedu bi 33% (minn EUR 702 miljun għal EUR 935 miljun). Ir-reġjun irnexxielu jegħleb it-telf ikkawżat mill-epidemija tas-sadid tal-kafè li laqgħet bl-ikrah il-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-kafè tal-Amerika Ċentrali fl-2014.

Il-Gwatemala żiedet l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE minn EUR 691 miljun fl-2014 għal EUR 865 miljun fl-2015. Xi wħud mill-prodotti esportati li wrew tkabbir importanti huma: il-frott u l-ġewż li jittiekel (HS08) żdied għal EUR 70 miljun (tkabbir ta' iktar minn 130 %), il-metalli minerali mhux maħduma (HS26) żdiedu b'EUR 69,2 miljun (tkabbir ta' 168%) u l-ħxejjex li jittieklu (HS07) żdiedu għal EUR 50,3 miljun (żieda ta' 30%).

In-Nikaragwa kellha l-ogħla perċentwal ta' tkabbir fil-flussi kummerċjali (32% fl-2015). Dan id-dinamiżmu huwa mmarkat b'żieda qawwija fl-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-pajjiż (żieda ta' 54%) kif ukoll fl-importazzjonijiet tal-UE li żdiedu b'14.5% minn EUR 284 miljun għal EUR 326,5 miljun. Iż-żieda ta' esportazzjonijiet tal-UE lejn in-Nikaragwa kienet intensa b'mod partikolari fl-intestaturi li ġejjin: 141% f'Makkinarju elettriku (HS85) żieda għal EUR 87 miljun, 202% f'Bolol u Kotba Stampati (HS 49) żieda għal EUR 11-il miljun u 63% f'Gomma (HS40). Bl-istess mod, iż-żidiet fl-importazzjoni min-Nikaragwa kienu sinifikanti, b'mod partikolari taħt l-intestaturi li ġejjin: L-importazzjonijiet ta' frott u ġewż li jittiekel (HS08) żdiedu għal EUR 6,5 miljun, tal-kafè żdiedu għal EUR 94 miljun (żieda ta' 47%) u taż-żrieragħ żejtnija (HS12) minn EUR 25 miljun għal EUR 35 miljun (żieda ta' 29%).

Il-flussi kummerċjali bejn il-Honduras u l-UE wkoll urew żieda sinifikanti. L-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu l-iktar taħt l-intestaturi li ġejjin: 88% f'Makkinarju Elettriku (HS85) żieda għal EUR 132 miljun, 154% fi Prodotti Farmaċewtiċi (HS30) u 98% fi Prodotti Kimiċi (HS38). L-importazzjonijiet totali fl-UE żdiedu minn EUR 841 miljun fl-2014 għal EUR 1,01 biljun is-sena ta' wara. Xi wħud mill-prodotti tradizzjonali li wrew l-ikbar tkabbir kienu: il-kafè (HS09) minn EUR 447,3 miljun għal EUR 607,5 miljun (żieda ta' 36%), it-tabakk (HS24) żieda ta' 56% u l-ħxejjex li jittieklu (HS07) li żdiedu minn EUR 11,6 miljun għal EUR 19,3 miljun (żieda ta' 66%). 7

L-importazzjonijiet tal-UE mill-Panama żdiedu b'27% minħabba t-tkabbir f'intestaturi bħal: tajers (HS4011) żieda għal EUR 62,4 miljun (żieda ta' 72%), Għalf għall-Annimali (HS23) żieda għal EUR 7,6 miljun (123%) jew tranżazzjonijiet iktar importanti fl-industrija tat-tbaħħir, Vapuri u Dgħajjes (HS89) iktar milli rduppjaw għal EUR 201 miljun. L-esportazzjonijiet tal-kafè (HS09) – mhux komodità tradizzjonali mill-Panama lejn l-UE - ukzoll żdiedu b'66%.

Kien hemm ukoll varjazzjonijiet sinifikanti fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Costa Rica (żieda ta' 23%) u El Salvador (żieda ta' 30%). Fil-Costa Rica, l-intestaturi li ġejjin kellhom saħħa partikolari: 21% fi Prodotti Farmaċewtiċi (HS30), 79% f'Vetturi (HS 87) u 38% fi Prodotti Kimiċi (HS38). F'El Salvador, iż-żidiet ta' 53% f'Makkinarju Mekkaniku (HS84), 75% f'Makkinarju Elettriku (HS85) u 60% f'Apparati Mediċi (HS90) ħaqqhom attenzjoni speċjali.

2.3.    L-użu ta’ preferenzi tariffarji skont il-Ftehim

L-użu tal-preferenzi tariffarji mogħtija mill-Ftehim jista’ jiġi stmat billi tiġi vvalutata l-frazzjoni tal-fluss kummerċjali li qed isir fi ħdan il-qafas tal-Ftehim. Dan jirrikjedi dejta tal-approvazzjoni doganali dettaljata. L-Amerika Ċentrali informat lill-UE li l-bażijiet ta’ dejta ġestiti mill-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom mhumiex attwalment adattati għal skambju regolari ta’ statistika dettaljata biex tiġi analizzata l-preferenza tariffarja, bl-eċċezzjoni tal-Costa Rica li pprovdiet din id-dejta lill-UE.

Għall-2015, l-istatistika tal-Costa Rica turi li 16,6% tal-esportazzjonijiet totali tal-UE lejn il-Costa Rica saru bil-benefiċċji pprovduti mill-Ftehim u addizzjonalment 13,2% tal-linji tariffarji kienu kompletament liberalizzati. Fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-UE li joriġinaw mill-Amerika Ċentrali, 53% ta’ dan il-fluss (fil-valur) sar skont dan il-Ftehim.

2.4.    L-Użu ta' kwoti tar-rata tariffarja (TRQs)

Il-Ftehim jistipula diversi kwoti tar-rata tarrifarja (TRQs) li jagħtu trattament tariffarju preferenzjali lill-parti l-oħra sal-limitu kwantitattiv tal-kwota. 'Il fuq minn dan il-limitu, l-importazzjonijiet huma soġġetti għat-tariffa tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN) applikabbli.

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jagħti tmien TRQs lill-Amerika Ċentrali fuq prodotti li ma kellhom l-ebda aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Fl-2015, l-Amerika Ċentrali użat it-TRQs disponibbli għall-prodotti li joriġinaw fl-Amerika Ċentrali għal żewġ kategoriji biss (iz-zokkor tal-kannamiela u r-rum).

Oriġini

Prodotti

Unità

Volum tat-TRQ

Importazzjoni tal-UE

Rata ta' utilizzazzjoni

L-Amerika Ċentrali

Tewm

tunnellati

550

0

0 %

Ross

22 000

0

0 %

Laħam taċ-ċanga

10 450

0

0 %

Faqqiegħ

275

0

0 %

Lamtu tal-manjoka

5 000

0

0 %

Qamħirrum ħelu

1 680

0

0 %

L-Amerika Ċentrali ħlief il-Panama

Zokkor

159 000

158 993

100 %

Rum fil-kontenitur > 2 l

Litri Alkoħol Pur

7 600

2 187

28,8 %

TRQs mogħtija mill-UE lill-Amerika Ċentrali — Utilizzazzjoni fl-2015

Barra mit-TRQs, l-UE tat ukoll lill-Amerika Ċentrali deroga għar-regoli tal-oriġini taħt kwoti speċifiċi għal 118-il linja tariffarja. Fit-tieni sena tal-applikazzjoni (2015), l-importazzjonijiet taħt dawn il-kwoti baqgħu baxxi ħafna. Xi wħud mill-prodotti li bbenefikaw mit-trattament preferenzjali kienu flettijiet tat-tonn (kwota Ċentru-Amerikana) b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 18%, briefs u qliezet ta’ taħt mill-Costa Rica b'27%, riċipetti mill-Costa Rica b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 100% u pantyhoses minn El Salavador b'14%.

L-Amerika Ċentrali tat it-TRQs lill-UE għal erba’ prodotti speċifiċi. L-esportaturi tal-UE użaw l-opportunitajiet offruti minn dawn it-TRQs fl-2015, għalkemm għad hemm marġni ta' tkabbir peress li r-rati ta' utilizzazzjoni attwali għadhom taħt il-50% fl-aqwa każijiet:

 Prodotti

Kwoti (tn)

Żieda annwali

Volum (tn)

Rata ta' utilizzazzjoni

Prieżet ippreżervati

990

45

260

26 %

Ħalib tat-trab

1 240

95

148

14 % 8

Ġobon

2 345

150

1 155

44 % 9

Laħam tal-majjal ippreparat

990

45

51

4,9 %

TRQs mogħtija mill-Amerika Ċentrali lill-UE – Utilizzazzjoni fl-2015

2.5.    Kummerċ fis-Servizzi

S'issa ma kienx hemm dejta disponibbli għall-kummerċ fis-servizzi (id-dewmien komparat mad-dejta dwar il-prodotti huwa magħruf), għalhekk se jiġu eżaminati ċ-ċifri għall-2014. Dawn ammontaw għal EUR 5,9 biljun (tnaqqis ta' 3% meta mqabbel mal-2013). Fl-2014, il-Panama baqa' s-sieħeb kummerċjali ewlieni fis-servizzi (53% tal-fluss tas-servizzi totali fir-reġjun) segwit mill-Costa Rica (21%) u l-Gwatemala (13%).

Pajjiż

2013

2014

%

Kreditu

Debitu

Total

Kreditu

Debitu

Total

Total

Il-Costa Rica

631,3

499,3

1130,6

678,1

563,2

1241,3

10 %

El Salvador

224,8

90,1

314,9

231,7

83,4

315,1

0 %

Il-Gwatemala

874,9

202,5

1077,4

535,2

225,8

761,0

-29 %

Il-Honduras

195,0

187,4

382,4

160,3

89,6

249,9

-35 %

In-Nikaragwa

204,7

48,7

253,4

153,7

91,1

244,8

-3 %

Il-Panama

1456,4

1580,1

3036,5

1525,4

1644,4

3169,8

4 %

Total

3587,1

2608,1

6195,2

3284,4

2697,5

5981,9

-3 %

Il-kummerċ fis-servizzi bejn l-Amerika Ċentrali u l-UE fl-2014 (f'm ta' Euro)

Sors: EUROSTAT

Il-Honduras u n-Nikaragwa – inqas minn EUR 300 miljun kull wieħed fi flussi totali – raw fluttwazzjonijiet sinifikanti (f'termini ta' perċentwali) taċ-ċifri kummerċjali tagħhom mill-2013 sal-2014 bi tnaqqis drammatiku fuq in-naħa tad-debitu (-52%) fil-każ tal-Honduras u kważi rduppjar tal-istess ċifri (87%) fil-każ tan-Nikaragwa.

Is-swieq ikbar tal-Panama, il-Costa Rica u l-Gwatemala raw varjazzjonijiet aktar moderati (ġeneralment inqas minn 10%) bħalma għamlu ta' El Salvador.

3.ATTIVITAJIET TAL-KORPI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

3.1.    Is-Sottokumitat dwar Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT)

Fit-2 ta' Ġunju 2016, is-sottokumitat dwar it-TBT irreveda s-suġġetti li ġejjin permezz ta’ vidjokonferenza (VCR):

·L-UE qajmet tħassib kummerċjali speċifiku fuq proċessi ta' reġistrazzjoni onerużi meħtieġa biex iqiegħdu prodotti fis-suq fl-Amerika Ċentrali, u nuqqas ta’ progress lejn proċessi interni ta' armonizzazzjoni teknika.

·L-UE ppreżentat tħassib kummerċjali speċifiku dwar l-introduzzjoni ta' regolamenti tekniċi (ġelati, meraq tal-frott, u xorb alkoħoliku) mill-Panama.

·L-UE esprimiet ukoll tħassib dwar "iċ-ċertifikati tal-bejgħ ħieles" mitluba fil-Gwatemala.

Finalment, l-Amerika Ċentrali ġiet mistiedna biex tagħmel iktar progress dwar l-implimentazzjoni effettiva ta' sensiela ta' regolamenti tekniċi għar-reġjun kollu li huma lesti biex jiġu adottati biex tiżgura segwitu għall-Artikolu 305 tal-ftehim u għal integrazzjoni ekonomika reġjonali ulterjuri.

3.2.    Il-Bord dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

Mill-14 sas-16 ta’ Ġunju 2016, l-UE u l-Amerika Ċentrali kellhom il-laqgħat tal-istituzzjonijiet inkarigati biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim (ara l-parti 4 iktar 'l isfel).

3.3.    Is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali

Fil-15 ta' Ġunju 2016, saret it-tielet laqgħa tas-sottokumitat dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (IPR) biex issir reviżjoni, b’mod partikolari, dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

·Il-protezzjoni u l-eżekuzzjoni tal-IPR fl-Amerika Ċentrali u speċjalment l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (GIs), kif ukoll l-istudju ta' modi kif jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta' reġistrazzjoni.

·Azzjonijiet possibbli biex jitrawwem ambjent abilitanti għal trasferiment tat-teknoloġija possibbli (essenzjalment ta' proprjetà privata).

Dwar il-GIs, l-UE esprimiet tħassib dwar il-litiġju fil-Gwatemala bejn "Parmigiano Reggiano" u "Prosciutto di Parma" u l-marka kummerċjali lokali "Parma", kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni fil-Honduras ta' lista ta' termini allegatament ġeneriċi, li wħud minnhom iqajmu tħassib fir-rigward tal-kunflitt possibbli ma' GIs tal-UE protetti mill-Ftehim.

Din il-laqgħa offriet ukoll l-opportunità għal skambju ta' opinjonijiet dwar l-arranġamenti possibbli ta' ħidma għall-faċilitazzjoni tal-aġġornament tal-lista ta’ GIs protetti.

3.4.    Is-Sottokumitat dwar il-Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (SPS)

Fit-tielet laqgħa ta’ dan is-sottokumitat, li saret fl-14–15 ta’ Ġunju 2016, l-UE enfasizzat dan li ġej:

·L-importanza għall-Amerika Ċentrali li tissodisfa l-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni biex tiżgura li talbiet għal aċċess għas-suq jiġu ttrattati b'mod trasparenti u f’waqtu, inkluża l-approvazzjoni tal-listi ta' twaqqif u verifiki;

·L-importanza ta’ konformità ma’ standards, linji gwida u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards;

·Il-bżonn li tiġi ppreżentata informazzjoni xjentifika bħala appoġġ għal-leġiżlazzjoni u għar-rekwiżiti ta' importazzjoni li jiddevjaw mill-istandards internazzjonali.

·Il-bżonn biex pajjiżi Ċentru-Amerikani jkomplu bil-proċess ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-integrazzjoni ekonomika reġjonali li tiffaċilita r-relazzjonijiet kummerċjali.

3.5.    Is-Sottokumitat dwar il-Proċeduri Doganali, il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, u r-Regoli tal-Oriġini

Is-suġġetti diskussi fit-13 u l-14 ta' Ġunju 2016 f'dan is-sottokumitat kienu jinkludu:

·L-issodisfar tal-impenji lejn l-integrazzjoni reġjonali tal-Amerika Ċentrali fil-qasam; u

·L-abbozzar ta' żewġ noti ta' spjegazzjoni fil-qasam tar-regoli tal-oriġini biex jissolvew problemi li ltaqgħet magħhom l-Amerika Ċentrali.

Il-Partijiet ħadmu għal ftehim dwar l-interpretazzjoni komuni ta’ ċerti aspetti tal-Anness II permezz ta' Noti ta' Spjegazzjoni dwar il-mili ta' ċertifikati ta' moviment EUR.1 u t-trattament xieraq ta' erruri u żbalji minuri.

Barra minn hekk, il-Partijiet qablu li jaġġornaw is-sistema ta’ klassifikazzjoni bid-dħul fis-seħħ tal-aħħar verżjoni tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata tad-WCO (HS 2012). Il-lista finali tkun adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bi proċedura bil-miktub.

Finalment, l-Amerika Ċentrali talbet li testendi l-possibilità li takkumula t-tonn li joriġina mill-Messiku u ċ-Ċilì. L-UE qablet li tanalizza l-kwistjoni bil-kundizzjoni li l-kooperazzjoni meħtieġa bejn il-pajjiżi tkun fis-seħħ.

3.6.    Is-Sottokumitat għall-Aċċess tas-Suq għall-Oġġetti

Fit-13 ta' Ġunju 2016, waqt il-laqgħa ta' dan is-sottokumitat, il-Partijiet irrevedew l-impenji li ħadu waqt il-laqgħa preċedenti u ddiskutew kwistjonijiet ta' interess għall-UE, partikolarment:

·L-impenn tal-Costa Rica li tirrevedi s-sistema tagħha tad-dazju tas-sisa għall-birer;

·L-impenn li ħadet il-Costa Rica biex tneħħi d-diskriminazzjoni tat-taxxa fuq l-ispirti sal-1 ta' Ottubru 2017 (kif stipulat fil-Ftehim);

·Li n-Nikaragwa qed timponi ħlas għall-iskenjar ta' prodotti fil-punti ta' kontroll fil-fruntiera;

·Is-sistema ta' liċenzjar ta' importazzjoni għall-importazzjoni tal-basal.

L-UE u l-Amerika Ċentrali qablu li l-aċċess għal statistika affidabbli, aġġornata u dettaljata kien essenzjali għall-politika kummerċjali u impenjaw ruħhom biex jiskambjaw l-istatistika fil-livell reġjonali.

3.7.    Laqgħa ad hoc dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

Il-partijiet qablu li joħolqu grupp ta' ħidma tekniku temporanju ad hoc dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern li ltaqa’ għall-ewwel darba fis-16 ta' Ġunju 2016. Filwaqt li l-Ftehim ma jistabbilix sottokumitat għal dan is-suġġett, kien ċar li jkun xieraq li l-akkwist pubbliku mill-gvern ikun indirizzat skont il-ftehim. Il-partijiet skambjaw informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni f'pajjiżi differenti tal-Amerika Ċentrali u l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. L-UE saħqet b’mod partikolari dwar prattiki adottati reċentement mill-awtoritajiet Panamani li kienu jeħtieġu reviżjoni fid-dawl tal-Ftehim. Peress li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern kienu attwalment qed jiġu riveduti, l-UE ħeġġet lill-Panama biex tintroduċi l-bidliet meħtieġa għal-leġiżlazzjoni tagħha.

3.8.    Il-Kumitat ta' Assoċjażżjoni

Fit-23 ta' Ġunju 2016, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni kellu t-tielet laqgħa tiegħu biex jirrevedi x-xogħol imwettaq f’sottokumitati differenti u biex jiddiskuti kwistjonijiet oħra relatati mal-kummerċ.

L-UE spjegat l-importanza ta’ protezzjoni sħiħa tal-GI fl-Amerika Ċentrali u esprimiet tħassib fir-rigward ta' prattiki reċenti fil-Gwatemala u l-Honduras. Barra minn hekk, l-UE fakkret fl-impenji tal-Amerika Ċentrali biex tagħmel l-almu tagħha għall-implimentazzjoni ta' standards maqbula internazzjonalment, fost oħrajn, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-evażjoni tat-taxxa. L-UE ppreżentat l-inizjattivi tagħha dwar it-tassazzjoni korporattiva (il-lista PAN-UE, BEPS) u stiednet lill-Amerika Ċentrali taħdem magħha fuq dawn il-kwistjonijiet.

L-UE ħeġġet ukoll lill-Costa Rica biex ittemm id-diskriminazzjoni fit-taxxa applikata attwalment fuq il-birra u kif maqbul fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, flimkien mal-Panama, li jikkonformaw mal-kapitolu tal-Ftehim dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern.

Fir-rigward tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali, l-Amerika Ċentrali spjegat li l-issodisfar tal-impenji meħuda fil-konfront tal-UE ġie segwit mill-qrib ħafna mill-ministri tal-Kummerċ tal-Amerika Ċentrali fil-laqgħat tagħhom bħala COMIECO fil-qafas tas-SIECA. L-UE saħqet dwar l-importanza tal-implimentazzjoni ta' ċerti regolamenti tekniċi malajr kemm jista’ jkun.

Fir-rigward ta' emendi għall-Ftehim bħala riżultat tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE, il-Partijiet għarfu li, minkejja li sar xi progress, għad hemm distakk bejn l-approċċi fir-rigward tal-metodoloġija biex jiġu vvalutati l-kumpens possibbli wara l-adeżjoni tal-Kroazja. L-UE ħeġġet lill-Amerika Ċentrali tadotta approċċ kostruttiv, speċjalment fid-dawl li l-UE kienet diġà kkonkludiet diskussjonijiet mas-sħab preferenzjali l-oħra kollha tal-UE fl-Amerika Latina b'soluzzjonijiet sodisfaċenti għaż-żewġ partijiet. Ġie miftiehem li jitkompla d-djalogu bil-ħsieb li jintlaħaq qbil malajr kemm jista’ jkun.

4.    L-ISSODISFAR TAL-OBBLIGI DWAR IL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI

4.1    L-Aspetti Istituzzjonali

It-tielet laqgħa tal-Bord dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli saret il-Honduras fil-15-16 ta’ Ġunju 2016.

Il-Bord skambja l-informazzjoni dwar kwistjonijiet industrijali u ambjentali inkluż suġġetti bħad-djalogu soċjali, in-nondiskriminazzjoni, ktajjen ta’ valur responsabbli, l-ekonomija ċirkolari, u l-kummerċ f'organiżmi selvaġġi. Il-Komunikazzjoni "Trade for All" kienet enfasizzata mill-UE, bl-aġenda ta' valuri tagħha tkun ta' rilevanza partikolari għall-Bord tat-TSD.

Fis-17 ta' Ġunju 2016 saret laqgħa tal-Forum ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili – li jinkludi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Amerika Ċentrali. Għal-laqgħa kienu preżenti rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-UE u mill-pajjiżi Ċentru-Amerikani kollha ħlief il-Panama. Saru wkoll sessjoni ta' ħidma dwar l-Iskemi Kummerċjali u l-Prattiki għal Żvilupp Sostenibbli u laqgħa tal-membri tal-grupp konsultattiv miż-żewġ reġjuni. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ppreżentaw dikjarazzjoni konġunta lill-Bord, li l-Bord impenja ruħu li jwieġeb iktar tard. Għal aktar informazzjoni ara http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-3rd-eu-central-america .

4.2 L-Implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)

Waqt il-laqgħa tal-Bord dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Partijiet taw rapport tal-implimentazzjoni minnhom tal-konvenzjonijiet tal-ILO, u dwar żviluppi leġiżlattivi reċenti. El Salvador u l-Gwatemala wieġbu mistoqsijiet li għamlet l-UE fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni, li ġew diskussi rispettivament bħala każ serju u każ estremament serju u urġenti fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-ġimgħa ta’ qabel.

Ġie nnutat li El Salvador u l-Gwatemala kienu qed jiddiskutu mal-mekkaniżmi Sorveljatorji tal-ILO f'Ġunju 2016 rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u d-Dritt għall-Organizzazzjoni, dwar każijiet ta' vjolenza u qtil ta' rappreżentanti tal-ħaddiema. L-UE se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-ILO f'dan ir-rigward.

4.3. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali

Waqt il-laqgħa tal-Bord, il-Partijiet skambjaw ukoll l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali u i.a. il-Costa Rica ddeskriviet l-istrateġija tagħha li tuża l-miri ambizzjużi tagħha għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju biex tagħti spinta lill-innovazzjoni f'setturi produttivi bħal tal-kafè u tal-bhejjem. L-UE ssenjalat żviluppi inkluż il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi.

Il-partijiet Ċentru-Amerikani u l-UE nnutaw li kkooperaw fuq għadd ta' kwistjonijiet fil-Konferenza tal-Partijiet CITES li saret f'Settembru 2016, inkluż permezz ta' appoġġ mill-UE għal proposta mill-Gwatemala u tliet membri CITES oħrajn li jirregolaw il-kummerċ fl-ispeċijiet Dalbergia (injam tal-warda) kollha.

4.4. L-iżvilupp ta’ aġenda pożittiva għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

Komplew id-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta' aġenda pożittiva, b'xi fehmiet diverġenti dwar il-fokus ewlieni ta' attivitajiet bħal dawn. Proposta għall-organizzazzjoni ta' avveniment dwar il-ktajjen ta' valur mondjali fil-bidu tal-2017 irċeviet appoġġ ġenerali.

5.    L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (MEKKANIŻMU TA’ STABBILIZZAZZJONI GĦALL-BANANA)

Il-Ftehim jipprevedi dazju doganali preferenzjali fuq il-banana għal kull pajjiż Ċentru-Amerikan taħt l-intestatura 0803.00.19 (banana friska) mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim sas-sena 2020 (indikat f'tabella ta' tnaqqis tat-tariffa skont is-sena u l-pajjiż). Dan it-trattament speċjali huwa bbażat fuq il-klawżola ta' stabbilizzazzjoni li tistabbilixxi volum ta' skatt annwali għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Jekk minħabba t-tnaqqis tad-dazji doganali, il-livell tal-importazzjonijiet tal-banana jibqa' tali li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju għas-settur tal-banana fl-UE, ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri xierqa li jridu jiġu adottati biex jiġi evitat id-dannu lis-settur. Il-Kummissjoni qed tissorvelja l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-banana mill-pajjiżi Ċentru-Amerikani (skont l-Artikoli 3 u 13 tar-Regolament) biex jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament humiex issodisfati biex tinbeda investigazzjoni ta' salvagwardja jew jiġu introdotti miżuri ta' sorveljanza minn qabel.

Filwaqt li l-importazzjonijiet tal-banana mill-Gwatemala qabżu l-livell ta' skatt b'27% fl-2015, il-Kummissjoni la bdiet u lanqas ma rċiviet talbiet biex tibda, investigazzjoni ta' salvagwardja jew l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza minn qabel. Dawn l-importazzjonijiet ma tqisux li huma ta' theddida għas-settur tal-banana tal-UE. Fl-istess waqt, il-pajjiżi Ċentru-Amerikani l-oħrajn ma qorbux lejn il-livelli ta' skatt skont il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni. Fil-fatt, fi tmiem l-2015 il-volum totali kumplessiv li kien ibbenefika minn trattament preferenzjali fl-Amerika Ċentrali kien biss ta' 65% tal-livell limitu stabbilit.

Pajjiż

Volum Użat

Livelli tal-Iskatt

%

IL-GWATEMALA

79 068 834

62 500 000

127

IL-HONDURAS

4 440 601

62 500 000

7

IN-NIKARAGWA

8 389 294

12 500 000

67

IL-PANAMA

207 829 771

468 750 000

44

IL-COSTA RICA

927 260 997

1 281 250 000

72

EL SALVADOR

0

2 500 000

0

TOTAL

1 226 989 497

1 890 000 000

65

L-importazzjoni fl-2015 ta’ banana taħt il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni (f’kg)

6.    KONKLUŻJONI

Wara tliet snin minn meta daħal fis-seħħ, il-proċess ta' implimentazzjoni qed javvanza b'mod konsistenti u l-qafas istituzzjonali skont il-Ftehim qed jaħdem sew.

Minkejja xejriet globali negattivi fl-ambjent kummerċjali Ċentu-Amerijan, il-flussi kummerċjali tal-UE mal-Amerika Ċentrali kienu pjuttost dinamiċi. Ir-rilokazzjoni ta' esportatur reġjonali ewlieni (komponenti tal-IT) fl-Amerika Ċentrali kompliet tħalli impatt negattiv qawwi – bħalma għamlet fl-2014 – għalkemm l-esportazzjonijiet li jifdal mill-Amerka Ċentrali lejn l-UE żdied bħala medja bi 13,8% fl-2015, bil-kontribuzzjoni konsiderevoli tal-irkupru fl-esportazzjonijiet mill-industrija tal-kafè, li żdiedet b'34% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali żammew il-pass ma’ dan il-livell ta’ tkabbir, b'żieda robusta ta' 22% tul l-2015.

Minkejja dan it-tkabbir solidu, l-użu tal-preferenzi eżistenti għadu pjuttost baxx għall-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali, iżda huwa konsiderevolment aħjar għall-importazzjonijiet tal-UE mill-Amerika Ċentrali. Huwa possibbli li jinħtieġu sforzi ta' komunikazzjoni ulterjuri fl-UE biex jiżdied l-għarfien tal-benefiċċji li jipprovdi l-Ftehim għall-esportaturi tal-UE. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata f’azzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-atturi ekonomiċi fir-rigward tal-opportunitajiet ippreżentati mill-Ftehim. Azzjoni mill-Istati Membri tkun rilevanti wkoll.

Peress li l-kwoti tar-rata tariffarja baqgħu fil-biċċa l-kbira ma jintużawx biżżejjed, għad hemm opportunitajiet evidenti għall-atturi ekonomiċi biex jiżviluppaw relazzjonijiet kummerċjali ulterjuri.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni tal-banana, l-importazzjonijiet totali mill-Amerika Ċentrali baqa' kumplessivament stabbli u sew taħt il-livelli ta' skatt akkumulati. Għalkemm l-importazzjonijiet tal-banana mill-Gwatemala qabżu l-livell ta' skatt, ma tqiesx li jkun neċessarju li tiġi kkunsidrata sospensjoni tad-dazji doganali preferenzjali, peress li ma tqiesx li kienu se jiddestabilizzaw is-suq tal-UE.

F'termini tal-kummerċ fis-servizzi, għall-2014, il-flussi bejn iż-żewġ reġjuni naqas marġinalment għal EUR 5,9 biljun. Il-Panama, il-Costa Rica, u l-Gwatemala għadhom l-iktar sħab kummerċjali importanti f’din iż-żona ekonomika. Madankollu, is-serje ta' kummerċ għadha limitata wisq biex ikun jista' jiġi vvalutat l-impatt tal-Ftehim fuq il-fluss kummerċjali fis-servizzi.

L-UE se jkollha l-prijorità li tibqa' żżomm u ssaħħaħ il-kooperazzjoni pożittiva stabbilita mal-Amerika Ċentrali bl-għan komuni li tinkiseb l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim mill-atturi rilevanti kollha. B'hekk, l-atturi ekonomiċi, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili miż-żewġ reġjuni se jkunu jistgħu jieħdu kull vantaġġ mill-opportunitajiet ipprovduti mill-Ftehim u jkomplu jibnu fuqhom filwaqt li jikkonsolidaw iktar relazzjoni reċiprokament vantaġġjużi.

Il-funzjonament korrett tal-istituzzjonijiet skont il-Ftehim huwa kruċjali għall-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Huma jipprovdu l-forum fejn isiru d-diskussjonijiet u jfittxu soluzzjonijiet aċċettabbli għall-Partijiet kollha dwar kwistjonijiet li jvarjaw miż-żamma tal-impenji li jsiru skont Titoli differenti tal-Ftehim (bħall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, l-Akkwist Pubbliku u oħrajn) sa kwistjonijiet dwar l-aċċess għas-suq u ġeneralment jgħinu biex l-isfidi ta' implimentazzjoni jiġu ttrattati b'mod strutturat u bi qbil reċiproku.

F'dan ir-rigward, sforzi iktar reċenti ffukaw fuq il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet industrijali u standards ambjentali, b'mod aktar wiesa' f'termini tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, id-djalogu soċjali, l-ekonomija ċirkolari u l-ktajjen tal-valur - dawn kollha b'konformità mal-politika kummerċjali attwatli tal-UE. 10

Il-Kummissjoni se tkompli tkun involuta fil-proċess ta' implimentazzjoni mal-Amerika Ċentrali u tindirizza kull tħassib marbut mal-implimentazzjoni tal-Ftehim li jkollhom il-kumpaniji, iċ-ċittadini jew partijiet interessati oħrajn. Il-Kummissjoni ssejjaħ bl-istess mod lill-Istati Membri tal-UE u lill-Parlament Ewropew biex ikomplu jagħtu sehemhom b'mod attiv f'dan il-proċess.

(1)      ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.
(2)      ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13.
(3)      COM (2016) 73 final.
(4)      Ir-rati tal-kambju medji EUR/USD kienu 1,3281 fl-2013, 1,3285 fl-2014 u 1,1095 fl-2015
(5) Sistema de Integración Económica de Centroamérica.
(6) Sors: Eurostat/ DG-Trade.
(7) Sors: Eurostat
(8) Perċentwal medju bbażat fuq dejta disponibbli għal kull pajjiż tal-Amerika Ċentrali.
(9) Ara d-dokument ta’ politika "Trade for All" (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf)
Top