Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP0302

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018 (2017/2043(BUD))

    ĠU C 334, 19.9.2018, p. 253–262 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 334/253


    P8_TA(2017)0302

    Baġit 2018 – Mandat għat-Trilogu

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018 (2017/2043(BUD))

    (2018/C 334/38)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Mejju 2017 (COM(2017)0400),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni (4),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2018 (06522/2017),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0249/2017),

    Abbozz ta' baġit għall-2018: inwettqu l-objettivi fl-oqsma tat-tkabbir, l-impjiegi u s-sigurtà

    1.

    Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017, il-Parlament ikkonferma li t-tkabbir sostenibbli, impjiegi diċenti, ta' kwalità u stabbli, il-koeżjoni soċjoekonomika, is-sigurtà, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima huma l-kwistjonijiet fil-qalba tal-baġit tal-UE għall-2018 u l-prijoritajiet ewlenin tiegħu;

    2.

    Jemmen li, f'termini ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni hija punt ta' tluq tajjeb għan-negozjati ta' din is-sena, filwaqt li jikkunsidra li l-baġit tal-UE għall-2018 irid jippermetti li l-UE tkompli tiġġenera t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi filwaqt li tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u tindirizza l-isfidi fil-qasam tal-migrazzjoni; jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tikkorrispondix kompletament mal-appell tal-Parlament għal azzjoni kontra t-tibdil fil-klima;

    3.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fl-abbozz ta' baġit ir-riżultati tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, saħansitra qabel l-adozzjoni formali tagħha min-naħa tal-Kunsill, biex b'hekk bagħtet sinjal qawwi dwar l-importanza ta' din ir-reviżjoni tal-QFP, u l-ħtieġa għal żieda tal-flessibilità fil-baġit tal-UE li tkun tista' tippermetti li l-Unjoni twieġeb b'mod effikaċi għal emerġenzi ġodda u tiffinanzja l-prijoritajiet politiċi tagħha;

    4.

    Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li, sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli u tal-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità fl-UE, huwa essenzjali li tingħata spinta għall-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs); jilqa' f'dan ir-rigward il-proposti għat-tisħiħ ta' Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-programm Erasmus+, peress li dawn il-programmi se jikkontribwixxu direttament biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jikkunsidra madankollu li se jkun hemm bżonn ta' tisħiħ ulterjuri, b'mod speċjali minħabba t-tnaqqis li sar għall-finanzjament ta' dawn il-politiki li gawda minnu l-finanzjament tal-FEIS;

    5.

    Ifakkar fir-rwol kruċjali li jiżvolġu l-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment, u jissottolinja li l-finanzjament adegwat tagħhom irid jibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-allokazzjoni proposta għall-programm COSME hija ta' 2,9 % aktar baxxa meta mqabbla ma' dik tal-baġit 2017, u jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jsaħħaħ ulterjorment dan il-programm fil-baġit 2018; jindika l-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għall-SMEs u jappella biex l-impenji finanzjarji tal-programm jiġu kompletament sodisfatti fis-snin li jifdal tal-QFP attwali; jilqa' t-tentattiv li qed tagħmel il-Kummissjoni biex tissemplifika l-finanzjament għall-SMEs f'Orizzont 2020;

    6.

    Ifaħħar ir-rwol li qed jiżvolġi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex jegħleb id-diskrepanza fl-investiment madwar l-UE u bejn territorju u ieħor tal-UE, u biex jgħin fl-implimentazzjoni ta' investimenti strateġiċi li jipprovdu livell għoli ta' valur miżjud lill-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà; jappoġġa għaldaqstant l-estensjoni tiegħu sal-2020; jirrileva l-fatt li l-fondi jiġu assorbiti rapidament fil-Komponent tal-SMEs tal-FEIS u jilqa' l-intenzjoni li jiġi amplifikat; jiddispjaċih, madankollu, rigward in-nuqqas ta' approċċ olistiku għall-finanzjament tal-SMEs li kieku jippermetti li dak li jkun jieħu idea ċara tal-fondi totali disponibbli; jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa li ma jkun xieraq li jsir l-ebda tnaqqis ieħor għall-programmi eżistenti tal-UE sabiex tiġi finanzjata din l-estensjoni; jikkunsidra li ma jkunx xieraq li l-FEIS, li l-fond ta' garanzija tiegħu fil-biċċa l-kbira huwa finanzjat mill-baġit tal-UE, jagħti l-appoġġ tiegħu għall-entitajiet stabbiliti jew inkorporati fil-ġurisdizzjonijiet elenkati taħt il-politika rilevanti tal-UE rigward il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jew li ma jkunux effettivament konformi mal-istandards fiskali dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE jew f'dak internazzjonali;

    7.

    Jieħu nota pożittiva tal-inizjattivi tal-UE fl-oqsma tar-riċerka dwar id-difiża u tal-iżvilupp u l-akkwist tat-teknoloġija, li se jikkontribwixxu biex jinkisbu l-ekonomiji ta' skala fis-settur u koordinament akbar bejn l-Istati Membri u li, jekk jiġu żviluppati b'mod korrett, se jwasslu għal infiq aktar razzjonali fil-qasam tad-difiża u jippermettu li jiġu frankati r-riżorsi fil-livell nazzjonali; jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tad-difiża Ewropea; ifakkar fil-pożizzjoni preċedenti tagħha li jkun xieraq li l-inizjattivi ġodda f'dan il-qasam jiġu ffinanzjati minn fondi addizzjonali u m'ma jkunux ta' detriment għall-programmi eżistenti, inkluża s-CEF;

    8.

    Jinnota li l-Kummissjoni ma tatx segwitu għat-talba tal-Parlament biex tressaq valutazzjoni u proposti rilevanti għal “Pass Interrail għall-Ewropa f'għeluq it-18-il sena”; jemmen li tali proposti għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-kuxjenza u l-identità Ewropej; jisħaq madankollu li kwalunkwe proġett ġdid irid jiġi finanzjat permezz ta' riżorsi finanzjarji ġodda u mingħajr ma jħalli impatt fuq il-programmi eżistenti, u jkun xieraq li jkun kemm jista' jkun soċjalment inklużiv; itenni l-appell preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti rilevanti f'dan ir-rigward;

    9.

    Jilqa' l-fatt li l-abbozz ta' baġit 2018 jinkludi allokazzjoni addizzjonali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), biex b'hekk iwieġeb għall-appelli preċedenti tal-Parlament biex dan il-programm jitkompla; jinnota, b'mod parallel, il-proposta għall-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2017 li jintegra l-provvediment ta' EUR 500 miljun f'impenji għall-YEI, skont il-qbil li ntlaħaq mill-Parlament u l-Kunsill fil-konċiljazzjoni baġitarja tal-2017; jinsab konvint li huwa ċar li l-ammonti proposti mhumiex biżżejjed biex il-YEI tilħaq l-għanijiet tagħha, u jemmen li sabiex ikun jista' jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod effikaċi, il-YEI trid tkompli tikkontribwixxi għall-objettiv prijoritarju tal-Unjoni ta' tkabbir u impjiegi; jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata tweġiba effikaċi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni, u jissottolinja li l-YEI tista' tittejjeb ulterjorment u ssir aktar effiċjenti, b'mod speċjali billi jiġi żgurat li ġġib valur miżjud Ewropew ta' vera għall-politiki dwar l-impjiegi għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri u ma tissostitwixxix il-finanzjament tal-politiki nazzjonali preċedenti;

    10.

    Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tiżvolġi rwol primarju għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-UE; jisħaq li huwa mistenni li, fl-2018, il-programmi tal-politika ta' koeżjoni se jaċċeleraw u jilħqu r-ritmu operattiv tagħhom; jenfasizza l-impenn li ħa l-Parlament biex jiżgura approprjazzjonijiet adegwati għal dawn il-programmi, li jirrappreżentaw waħda mill-politiki fil-qalba tal-UE; jinsab imħasseb, madankollu, minħabba d-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi fil-livell nazzjonali; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, awditjar u ċertifikazzjoni tiġi konkluża u l-implimentazzjoni titħaffef; jirrikonoxxi li, minħabba n-negozjati twal dwar il-bażijiet ġuridiċi, l-istituzzjonijiet tal-UE involuti fihom għandhom sehem mir-responsabilità għar-rata ta' implimentazzjoni baxxa; jinnota l-fatt li xi Stati Membri jikkunsidraw li fl-ondi ta' koeżjoni jistgħu jkunu għodda li tiggarantixxi s-solidarjetà fil-politiki tal-Unjoni;

    11.

    Jinsab partikolarment imħasseb dwar il-possibilità li jerġa' jiġi akkumulat arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa lejn tmiem il-perjodu tal-QFP attwali, u jfakkar fl-ammont bla preċedent ta' EUR 24,7 biljun li ntlaħaq fl-aħħar tal-2014; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, ipprovdiet għall-ewwel darba previżjoni tal-pagamenti sal-2020, iżda jisħaq li hemm bżonn li din tiġi aġġornata kull sena kif dovut, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' tieħu l-miżuri meħtieġa fil-ħin; iwissi rigward l-effett negattiv li kieku jkollha kriżi ġdida fil-qasam tal-pagamenti, b'mod speċjali fuq il-benefiċjarji tal-baġit tal-UE; jinsab konvint li l-kredibilità tal-UE hija kkollegata wkoll mal-kapaċità tagħha li tiżgura livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-UE li jippermettilha tissodisfa l-impenji tagħha; jissottolinja l-effett negattiv li l-pagamenti tard jkollhom fuq is-settur privat, u b'mod partikolari fuq l-SMEs tal-UE li jkollhom kuntratti ma' korpi pubbliċi;

    12.

    Jirrileva l-importanza li jiġi sodisfatt l-impenn tal-UE li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fil-COP21, b'mod speċjali fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet dan l-aħħar l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li toħroġ mill-ftehim; jissottlonja f'dan ir-rigward li, jekk ma jsirux aktar sforzi, hemm riskju serju li ma jinkisibx l-objettiv li, fil-QFP 2014-2020, jiġi dedikat sehem ta' minn tal-anqas 20 % tal-infiq tal-UE għall-azzjonijiet relatati mal-klima; jinnota bi tħassib iż-żieda modesta ta' 0,1 % fir-rigward tal-bijodiversità; jisħaq fuq l-importanza li l-protezzjoni tal-bijodiversità tiġi integrata fl-azzjonijiet predominanti fil-baġit tal-UE, u jtenni l-appell preċedenti tiegħu favur metodoloġija ta' monitoraġġ li tqis l-infiq kollu relatat mal-bijodiversità u l-effiċjenza tiegħu; jisħaq ukoll li jkun tajjeb li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu mmirati biex ma jħallux impatt negatti fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

    13.

    Jenfasizza li l-mobilizzazzjoni bla preċedent tal-istrumenti speċjali wriet li l-baġit tal-UE ma kienx inizjalment maħsub biex jindirizza kwistjonijiet bħall-kriżi attwali fl-oqsma tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati. jemmen li tranżizzjoni lejn approċċ sussegwenti għal kriżi tkun prematura; jopponi għaldaqstant it-tnaqqis propost fl-Intestatura 3 meta mqabbla mal-baġit 2017, li ma jaqbilx mal-wegħda li għamlet l-UE li tindirizza l-kriżi fl-oqsma tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati b'mod effiċjenti; jisħaq, madankollu, li wara rispons għal sitwazzjoni urġenti bla preċedent, ikun xieraq li jsegwi approċċ aktar sistemiku u proattiv, li jiġi kkomplementat b'użu effikaċ tal-baġit tal-UE; itenni li s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini huma prijorità tal-UE;

    14.

    Jafferma mill-ġdid li t-taqbida kontra l-kawżi li huma fl-għeruq tal-kriżi fl-osma tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati tirrappreżenta soluzzjoni sostenibbli fuq żmien twil, flimkien ma' stabbilizzazzjoni tal-viċinati tal-UE, u li l-investimenti fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti u r-rifuġjati huma essenzjali sabiex jintlaħaq dan l-objettiv; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Investiment Estern u l-qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jitlob għall-implimentazzjoni rapida tal-fond; jinnota għalhekk b'sorpriża t-tnaqqis fl-Intestatura 4 li ma jistax jiġi kompletament iġġustifikat fil-qafas taż-żidiet baġitarji fl-imgħoddi jew ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni; jafferma mill-ġdid li t-taqbida kontra l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni tinkludi l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-faqar, il-qgħad, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ekonomiċi, imma mhix limitat għalihom biss;

    15.

    Jilqa' ż-żieda proposta għall-komponent tal-Lvant tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat bi tweġiba għall-appelli preċedenti tal-Parlament; jinsab konvint li l-appoġġ tal-UE, b'mod speċjali għall-pajjiżi li ffirmaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, huwa essenzjali biex jiġu approfonditi l-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomiċi mal-UE biex jiġu promossi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Viċinat tal-Lvant tagħna; jisħaq li jkun xieraq li tali appoġġ japplika sakemm il-pajjiżi kkonċernati jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità, b'mod speċjali fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tqawwija tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

    16.

    Jenfasizza l-importanza tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) li ġie stabbilit biex iwieġeb għal diżastri naturali kbar u jesprimi solidarjetà Ewropea għal reġjuni milquta minn diżastri fl-Ewropa u jieħu nota taż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u pagamenti għall-FSUE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mingħajr dewmien jekk tkunx meħtieġa żieda ulterjuri filwaqt li tikkunsidra, b'mod partikolari, it-terremoti fl-Italja u n-nirien fi Spanja u fil-Portugall (bit-telfa traġika ta' ħajjiet umani), li kellhom impatt drammatiku u sostanzjali fuq il-ħajja umana, partikolarment f'reġjuni żvantaġġati; jitlob l-adattament tar-regoli għall-mobilizzazzjoni ta' dan il-fond, biex jippermetti mobilizzazzjoni aktar flessibbli u f'waqtha, li tkopri firxa usa' ta' diżastri b'impatti sinifikanti u tnaqqas il-ħin bejn id-diżastru u d-disponibilità ta' fondi;

    17.

    Jinnota li l-abbozz ta' baġit 2018 iħalli marġnijiet limitati ferm jew saħansitra l-ebda marġni taħt il-limiti massimi tal-QFP fl-Intestaturi 1a, 1b, 1, 3 u 4 kollha; jikkunsidra li dan huwa konsegwenza tal-inizjattivi ġodda sinifikanti li ttieħdu mill-2014 (il-FEIS, il-proposti relatati mal-migrazzjoni u, dan l-aħħar, ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà), u li ddeffsu taħt il-limiti massimi tal-QFP li ntlaħaq qbil dwarhom fl-2013; ifakkar li l-QFP, b'mod partikolari wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tiegħu, jipprevedi dispożizzjonijiet ta' flessibilità li, għalkemm limitati, ikun tajjeb li jiġu sfruttati sal-livell massimu possibbli b'mod li jinżamm il-livell ta' ambizzjoni tal-programmi li jirnexxu u jiġu affrontati sfidi ġodda u imprevisti; jesprimi l-intenzjoni tal-Parlament li jattiva dispożizzjonijiet ta' flessibilità ulterjuri ta' dan it-tip bħala parti mill-proċess ta' emenda; jappella, għal darba oħra, favur l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġenwini ġodda fil-baġit tal-UE;

    18.

    Jinnota, f'dan ir-rigward, li l-abbozz ta' baġit jinkludi diversi riferimenti għall-ħtieġa ta' ittra ta' emenda li tista' parzjalment tantiċipa l-pożizzjoni tal-Parlament fil-proċedura baġitarja; jiddispjaċih li, minflok ma inkludiethom diġà fl-abbozz ta' baġit, il-Kummissjoni ħabbret li possibilment jistgħu jiġu proposti inizjattivi ġodda fil-qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni u estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija bħala parti minn ittra emendatorja fil-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi dettalji dwar dawn il-proposti ġejjiena fi żmien utli li jippermetti li l-awtorità baġitarja teżaminahom kif suppost; jisħaq li ma jkunx xieraq li dawn l-inizjattivi potenzjali ma jqisux it-talbiet u l-emendi mressqa mill-Parlament fil-kuntest ta' din il-proċedura baġitarja, u wisq anqas li jeħdulhom posthom;

    19.

    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni “Baġit Iffokat fuq ir-Riżultati” u jappella favur it-titjib kontinwu tal-kwalità u l-preżentazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni, b'mod li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża, ċara u komprensibbli dwar il-prestazzjoni tal-programmi tal-UE;

    Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

    20.

    Jinnota li, meta mqabbla ma' dik tal-2017, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2018 tikkorrispondi għal żieda fl-impenji taħt is-subintestatura 1a ta' +2,5 % biex laħqu EUR 21 841,3 miljun; jilqa' l-fatt li Orizzont 2020, is-CEF u l-programm Erasmus+ jirrappreżentaw parti sinifikanti minn din iż-żieda peress li l-approprjazzjonijiet ta' impenn tagħhom se jkunu żdiedu b'7,3 %, 8,7 % u 9,5 % rispettivament, iżda xorta jinnota li dawn il-livelli huma kemxejn anqas mill-ipprogrammar finanzjarju tagħhom; jirrileva b'mod partikolari r-rata ferm baxxa ta' suċċess għall-applikazzjonijiet taħt Orizzont 2020;

    21.

    Jinsab sorpriż, madankollu, li l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-programm COSME tnaqqsu bi 2,9 % u 31,3 % rispettivament, għalkemm l-appoġġ għall-SMEs ġie identifikat bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE;

    22.

    Itenni, fir-rigward tal-estensjoni tal-FEIS, li l-Parlament jopponi kwalunkwe tnaqqis ulterjuri għas-CEF, u huwa tal-fehma li l-EUR 1,1 biljun addizzjonali li ġew allokati għall-garanzija tal-UE jmisshom jittieħdu biss mill-marġnijiet mhux allokati (ammont ta' EUR 650 biljun) u l-introjtu pożittiv nett mistenni (ammont ta' EUR 450 biljun); ifakkar li l-pakkett tas-CEF (it-taqsima għat-teknoloġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni) jintegra fih ukoll l-inizjattiva Wifi4EU l-ġdida; ifakkar li l-baġit tas-CEF huwa sistematikament soġġett għal sottoskrizzjoni eċċessiva minħabba approprjazzjonijiet insuffiċjenti, b'mod speċjali fir-rigward tat-taqsima għall-infrastruttura;

    23.

    Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES); jinnota bi tħassib madankollu li, minkejja t-twissijiet tal-Parlament, il-proposta leġiżlattiva adottata fit-30 ta' Mejju 2017 tipprevedi li tliet kwarti mill-baġit tal-KES jiġi finanzjat permezz ta' riallokazzjonijiet mill-programmi eżistenti, u prinċipalment mill-programm Erasmus+ (EUR 197,7 miljun); jinsab mħasseb dwar ir-riskju li din is-sitwazzjoni tikkawża lil dawk il-programmi tal-UE u jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jssaħħaħ ulterjoment lill-programm Erasmus+ fil-baġit 2018; itenni li kwalunkwe impenn politiku ġdid imissu jiġi finanzjat permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u mhux minn riżorsi riassenjati mill-programmi eżistenti;

    24.

    Jilqa' l-proposta biex tiġi amplifikata l-azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' proposta leġiżlattiva għal programm għall-iżvilupp fl-industrija tad-difiża;

    Subintestatura 1b – Koezjoni ekonomika, soċjali u territorjali

    25.

    Jinnota li, b'kollox, l-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-subintestatura 1b jammontaw għal EUR 55 407,9 miljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 2,4 % meta mqabbla mal-baġit tal-2017, jekk jiġi inkluż l-abbozz ta' baġit emendatorju 3;

    26.

    Jinnota li l-ammont propost ta' EUR 46 763,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament huwa 25,7 % ogħla milli kien fl-2017, u fil-biċċa l-kbira dan jirrifletti t-tnaqqis li ġġarrab fl-2017 minħabba d-dewmien li kien hemm biex effettivament tnedew il-programmi operattivi l-ġodda; ifakkar li l-previżjonijiet impreċiżi min-naħa tal-Istati Membri wasslu għal sottovalutazzjoni sinifikanti tar-rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt is-subintestatura 1b fl-2016 b'aktar minn EUR 11-il biljun, u jinnota li, mill-previżjonijiet preċedenti, il-livelli proposti għall-2018 diġà ġew riveduti 'l isfel b'EUR 1,6 biljun;

    27.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 tilħaq il-veloċità massima, u jemmen b'mod qawwi li kwalunkwe akkumulazzjoni “anormali” ta' kontijiet mhux imħallsa trid tiġi evitata fil-futur; jappella, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex isolvu, bħala prijorità, kwalunkwe kwistjoni pendenti marbuta mad-dewmien fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ċertifikazzjoni nazzjonali, kif ukoll mal-punti ta' konġestjoni l-oħra għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal pagamenti; jittama sinċerament li kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni tejbu l-estimi tagħhom tal-ħtiġijiet ta' pagament fil-baġit 2018 u li l-livell propost ta' approprjazzjonijiet ta' pagament se jiġu eżegwit kompletament; jirrikonoxxi li n-negozjati mtawlin fir-rigward tal-bażijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE huma fost id-diversi kawżi ta' din ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni li hemm fil-preżent;

    28.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi finanzjata t-tkomplija tal-YEI, u jinnota li qed tiġi proposta l-mobilizzazzjoni ta' EUR 233,3 miljun mill-marġni globali għall-impenji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-indikazzjonijiet tar-rapport riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; ifakkar li kwalunkwe żieda fl-allokazzjoni speċifika għall-YEI għandha tiġi pareġġata bl-ammonti korrispondenti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE); jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jesplora l-possibilitajiet kollha sabiex ikompli jsaħħaħ dan il-programm fil-Baġit 2018;

    29.

    Jissottolinja l-importanza tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati fil-Baġit 2018 sabiex il-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira u l-għanijiet tal-Fond ikunu jistgħu jiġu ssodisfati b'mod adegwat;

    Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali

    30.

    Jieħu nota tal-proposta ta' EUR 59 553,5 miljun f'impenji (+1,7 % meta mqabbla mal-2017) u EUR 56 359,8 miljun f'pagamenti (+2,6 %) għall-Intestatura 2, li jħallu marġni ta' EUR 713,5 miljun taħt il-limitu massimu għal impenji; jinnota li ż-żieda fl-approprjazzjonijiet biex jiġu finanzjati l-ħtiġijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għall-2018 (+2,1 %) tirriżulta l-aktar minn ammont ħafna iktar baxx ta' dħul assenjat mistenni li jkun disponibbli fl-2018;

    31.

    Jinnota li l-Kummissjoni ħalliet marġni ta' EUR 713,5 miljun taħt il-limiti massimi tal-Intestatura 2; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fil-volatilità tas-swieq agrikoli, kif kien il-każ tal-kriżi tas-settur tal-ħalib fil-passat, jista' jipprevedi rikors għal dan il-marġni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-marġni li jitħalla taħt il-limiti massimi huwa biżżejjed biex tiġi indirizzata kwalunkwe kriżi li tista' tinqala';

    32.

    Jenfasizza l-estensjoni ta' miżuri ta' appoġġ eċċezzjonali għal ċertu frott li s-sitwazzjoni tas-suq għadha diffiċli għalihom; jiddispjaċih, madankollu, li attwalment il-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi miżuri ta' appoġġ fis-setturi tal-bhejjem, u b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib, marbuta mal-projbizzjoni Russa fuq importazzjonijiet tal-UE u jistenna, għalhekk, bidla f'dan ir-rigward; jistenna, konsegwentement, li jekk jintuża l-marġni tal-Intestatura 2, parti minnu jiġi allokat għal bdiewa fil-qasam tal-ħalib f'pajjiżi l-aktar milquta mill-embargo Russu; jistenna l-ittra ta' emenda tal-Kummissjoni, mistennija f'Ottubru 2017, li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata tal-finanzjament FAEG, li tivverifika l-ħtiġijiet reali fis-settur agrikolu filwaqt li tqis kif mistħoqq l-impatt tal-embargo Russu u volatilitajiet oħra fis-suq;

    33.

    Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda f'impenji mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (+2,4 %) u l-programm LIFE+ (+5,9 %), f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju, iżda jiddispjaċih li tnaqqis konsiderevoli fl-approprjazzjonijiet ta' pagament jidhru li juru bidu kajman ta' dawk iż-żewġ programmi fil-perjodu 2014-2020;

    Intestatura 3 – Sigurtà u ċittadinanza

    34.

    Jinnota l-proposta għal EUR 3 473,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 3; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet konġunti, komprensivi u sostenibbli għas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u sfidi relatati;

    35.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal żieda ta' EUR 800 miljun dedikati biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà, b'mod speċjali wara s-sensiela ta' attakki terroristiċi fl-UE;

    36.

    Huwa tal-fehma li l-importanza u l-urġenza ta' dawn il-kwistjonijiet mhumiex konformi mat-tnaqqis sinifikanti f'approprjazzjonijiet ta' impenn (-18,9 %) u l-approprjazzjonijiet ta' pagament (-21,7 %) proposti għall-Intestatura 3 meta mqabbla mal-baġit għall-2017, b'mod partikolari fir-rigward tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u l-Programm dwar il-Ġustizzja; jappella għal baġitjar adegwat għal dawn il-fondi; jinsisti li dan it-tnaqqis mhuwiex ġustifikabbli bid-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma u d-dewmien jew bl-adozzjoni tal-proposti legali l-ġodda; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li jkunu previsti riżorsi baġitarji adegwati u li kwalunkwe ħtieġa addizzjonali tiġi indirizzata malajr kemm jista' jkun;

    37.

    Jiddispjaċih li sa issa ma kien hemm ebda sistema effettiva għar-ridistribuzzjoni, li dan wassal għal piż mhux ugwali għal xi Stati Membri, b'mod partikolari l-Italja u l-Greċja; ifakkar li 361 678 refuġjat u migrant waslu fl-UE fl-2016, li 181 405 minnhom waslu l-Italja u 173 447 fil-Greċja, u li l-Italja diġà rċeviet 85 % tar-rifuġjati u l-migranti li waslu fl-UE s'issa fl-2017; jiddispjaċih li l-Italja sa issa rċeviet biss EUR 147,6 miljun mill-AMIF, ċifra li tkopri biss 3 % tal-ispejjeż totali għall-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni tal-pajjiż;

    38.

    Barra minn hekk jemmen li l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri f'materji relatati mas-sigurtà tista' tissaħħaħ aktar permezz ta' appoġġ ikbar mill-baġit tal-UE; jistaqsi kif dan l-objettiv jista' jintlaħaq filwaqt li l-linji baġitarji rilevanti tal-ISF naqsu b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-Baġit 2017; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit il-finanzjament meħtieġ biex jiġu implimentati s-sistemi tal-informazzjoni u tal-fruntieri l-ġodda proposti, bħas-Sistema Ewropej ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema ta' Dħul u Ħruġ;

    39.

    Iqis li l-2018 se tkun sena kruċjali fl-istabbiliment tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, bl-iżvilupp ta' diversi komponenti ewlenin; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu valutati bir-reqqa l-implikazzjonijiet baġitarji ta' għadd ta' proposti leġiżlattivi proposti, bħar-riforma tas-sistema ta' Dublin dwar l-asil komuni u s-Sistema ta' Dħul u Ħruġ u s-Sistema ETIAS il-ġodda, inkluża l-possibilità ta' adozzjoni tardiva tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament adegwat biex jissodisfa l-ambizzjoni tal-Unjoni f'dan ir-rigward u b'mod urġenti jinkiseb l-istabbiliment ta' politika Ewropea effikaċi dwar l-asil u l-migrazzjoni, f'rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u abbażi ta' solidarjetà fost l-Istati Membri;

    40.

    Jirrimarka li l-proposta tal-Kummissjoni, għat-tielet sena konsekuttiva, ma tħalli l-ebda marġni taħt il-limitu massimu għall-Intestatura 3, u dan jixhed id-daqs skadut tal-iżgħar intestatura tal-QFP, kif ġie argumentat mill-Parlament bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mobilizzat l-Istrument tal-Flessibilità għal ammont ta' EUR 817 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jista' jsir possibbli biss bis-saħħa tal-flessibilità addizzjonali miksuba fir-Regolament QFP rivedut; jinsisti li l-livell tan-nefqa għadu insuffiċjenti, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni pposponiet kwalunkwe proposta oħra għal ittra ta' emenda futura;

    41.

    Ifakkar fl-appoġġ qawwi konsistenti mill-Parlament favur il-programmi kulturali u tal-midja; jilqa' ż-żidiet proposti għall-Programm Ewropa Kreattiva meta mqabbel mal-baġit 2017, inkluż għas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali taħt “Azzjonijiet multimedjali”; jinsisti, barra minn hekk, fuq biżżejjed finanzjament għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-inizjattivi taħt il-linja baġitarja tal-“azzjonijiet multimedjali” sabiex tiżgura li l-baġit jappoġġa b'mod effikaċi l-kopertura indipendenti ta' kwalità għolja tal-affarijiet tal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għal arranġament ta' finanzjament pluriennali sostenibbli għal Euranet+; jilqa', fl-aħħar nett, iż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programm Ikel u Għalf u l-Programm tal-Konsumatur meta mqabbla mal-baġit 2017; jenfasizza, finalment, l-importanza ta' Programm tas-Saħħa b'saħħtu u baġit xieraq biex tkun permessa l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa, inklużi innovazzjonijiet ġodda fil-kura tas-saħħa, l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, il-piż tal-mard kroniku, ir-reżistenza antimikrobika, il-kura tas-saħħa transkonfinali u l-aċċess għall-kura;

    Intestatura 4 – Ewropa Globali

    42.

    Jiddispjaċih għat-tnaqqis ġenerali tal-finanzjament għall-Intestatura 4, li jammonta għal EUR 9,6 biljun (-5,6 % meta mqabbel mal-baġit 2017) f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jinnota li t-tnaqqis fl-istrumenti ewlenin tal-Intestatura 4 huwa fil-biċċa l-kbira marbut ma' tisħiħ fil-passat approvat fil-baġit 2017 għall-FRT u l-Qafas il-Ġdid ta' Sħubija taħt l-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni;

    43.

    Jemmen li l-livell ta' tnaqqis għall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), b'mod partikolari l-komponent tan-Nofsinhar ta' dan tal-aħħar, mhuwiex ġustifikat, minħabba l-ħtiġijiet fuq perjodu twil ta' żmien għal azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni li jmorru lil hinn minn patti dwar il-migrazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija u l-impenn tiegħu għall-iżvilupp internazzjonali; jitlob, f'dan il-kuntest, li żieda fir-riżorsi finanzjarji tkun dedikata għall-proċess ta' paċi u l-għajnuna finanzjarja għall-Palestina u l-UNRWA; ifakkar fl-importanza li jiġu żgurati fondi suffiċjenti għall-Viċinat tan-Nofsinhar, ladarba l-istabilità fil-Lvant Nofsani hija element ewlieni għall-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

    44.

    Jilqa', madankollu, iż-żidiet proposti għall-komponent tal-Lvant tal-ENI li se jikkontribwixxu għall-appoġġ ta' riformi demokratiċi u integrazzjoni ekonomika mal-UE, speċjalment fil-pajjiżi li ffirmaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni;

    45.

    Jinnota ż-żieda fl-appoġġ għar-riformi politiċi fit-Turkija (IPA II), speċjalment minħabba li l-pajjiż mar lura fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-fondi ta' qabel l-adeżjoni jekk in-negozjati tal-adeżjoni jiġu sospiżi, u, jekk ix-xenarju jiġi żvelat, dawk il-fondi jintużaw biex tiġi appoġġata direttament is-soċjetà ċivili fit-Turkija, u biex jiġu investiti aktar fil-programmi ta' skambju bejn il-persuni bħall-Erasmus+ għall-istudenti, l-akkademiċi u l-ġurnalisti; jistenna finanzjament suffiċjenti għall-pajjiżi benefiċjarji tal-IPA li għandhom bżonn urġenti ta' sostenn finanzjarju għal riformi;

    46.

    Iqis li, minħabba l-importanza tal-edukazzjoni għolja għal riformi globali fil-pajjiżi sħab, ikun tajjeb li l-mobilità tal-istudenti u l-kooperazzjoni akkademika bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat jirċievu appoġġ kontinwu; jiddispjaċih, għaldaqstant, għat-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-assistenza teknika u finanzjarja taħt it-tliet strumenti esterni (IPA, ENI u DCI) immirati lejn il-promozzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja għall-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+;

    47.

    Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jitħalla marġni ta' EUR 232 miljun taħt il-limitu massimu; jinsab konvint li l-isfidi li l-azzjoni esterna tal-UE qed tiffaċċa jitolbu fondi għal tul ta' żmien li jaqbżu d-daqs attwali taħt l-Intestatura 4; ifakkar li l-marġni ta' kontinġenza ntuża fil-baġit 2017 biex ikun permess finanzjament ogħla mil-limitu; jenfasizza li inizjattivi ġodda għandhom jiġu finanzjati b'approprjazzjonijiet ġodda u li l-għażliet flessibbli kollha għal-livell miftiehem fi ħdan ir-reviżjoni tal-QFP għandhom jintużaw b'mod sħiħ;

    48.

    Jistieden lill-Kummissjoni, li tagħmel referenzi ripetuti għal estensjoni possibbli tal-FRT, biex tressaq proposta ġenwina għall-estensjoni tagħha mill-iktar fis possibbli jekk beħsiebha tagħmel dan; ifakkar fl-impenn mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-istabbiliment tal-FRT u l-fondi fiduċjarji jkun trasparenti u ċar, u konsistenti mal-prinċipju tal-unità tal-baġit tal-Unjoni, b'rispett għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja, inkluż l-iskrutinju parlamentari; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex għal darb'oħra jonoraw, fi żmien xieraq, l-impenji tagħhom li jiffinanzjaw l-FRT u l-fondi fiduċjarji;

    49.

    Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-wegħdiet li għamlet l-UE fil-konferenza ta' Brussell dwar is-Sirja, li jikkonfermaw l-impenji preċedenti ta' Londra; jaqbel mat-tisħiħ tal-ENI u tal-għajnuna umanitarja b'EUR 120 miljun kull wieħed biex tiġi ssodisfata din il-wegħda;

    Intestatura 5 – L-Amministrazzjoni

    50.

    Jinnota li n-nefqa fl-Intestatura 5 żdiedet bi 3,1 % meta mqabbla mal-Baġit 2017, sa EUR 9 682,4 miljun (+EUR 287,9 miljun); jinnota li aktar minn terz ta' din iż-żieda nominali hija spjegata minn approprjazzjonijiet addizzjonali neċċessarji għal pensjonijiet (+EUR 108,5 miljun); jieħu nota li l-approprjazzjonijiet addizzjonali jirriżultaw l-iktar f'għadd dejjem ikbar mistenni ta' pensjonanti (+4,2 %); jieħu nota wkoll li l-għadd ta' pensjonanti huwa mistenni jikber iktar fis-snin li ġejjin; jieħu nota tal-approċċ rigoruż għan-nefqa amministrattiva u l-friża nominali għan-nefqa kollha li mhix relatata mas-salarji;

    51.

    Jinnota li l-marġni effettiv huwa ta' EUR 93,6 miljun taħt il-limitu wara l-kumpens ta' EUR 570 miljun għall-użu tal-marġni ta' kontinġenza għall-Intestatura 3 mobilizzat fl-2017; jissottolinja li s-sehem tal-Intestatura 5 tal-baġit tal-UE żdied bi ftit għal 6,0 % (f'approprjazzjonijiet ta' impenn) minħabba l-pensjonijiet;

    Proġetti pilota – azzjonijiet preparatorji

    52.

    Jenfasizza l-importanza ta' proġetti pilota (PP) u azzjonijiet preparatorji (AP) bħala strumenti għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-UE; beħsiebu jipproċedi bl-identifikazzjoni ta' pakkett bilanċjat ta' PP-AP; jinnota li fil-proposta attwali, il-marġni f'xi intestaturi huwa pjuttost limitat, jew saħansitra ineżistenti, u beħsiebu jesplora modi biex jinħoloq spazju għal PP-AP possibbli mingħajr ma jitnaqqsu prijoritajiet politiċi oħrajn; iqis li fl-implimentazzjoni tagħha tal-PP-AP, il-Kummissjoni jmissha tinforma pass pass lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oriġini tagħhom, biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-ispirtu tal-proposti tagħhom;

    L-Aġenziji

    53.

    Jinnota ż-żieda ġenerali fl-abbozz ta' baġit 2018 għall-aġenziji deċentralizzati bi +3,1 % (mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul assenjat) u + 146 kariga, iżda jenfasizza li hemm differenzi kbar bejn aġenziji “b'veloċità kostanti” (-11,2 %) u aġenżiji “b'kompiti ġodda” (+10,5 %); jassumi li dawn iċ-ċifri jirriflettu b'mod xieraq il-fatt li mill-2013 'l hawn, il-biċċa l-kbira tal-aġenziji temmew it-tnaqqis tal-persunal ta' 5 % jew saħansitra qabżu din iċ-ċifra (xi wħud se jtemmuhom fl-2018), filwaqt li żidiet fil-persunal matul l-istess perjodu kienu limitati għal aġenziji li jindirizzaw il-migrazzjoni u s-sigurtà (+183 kariga), aġenziji finanzjarji superviżorji (+28 kariga) u xi aġenziji inkarigati b'kompiti ġodda (ERA, EASA, GSA) (+18-il kariga); itenni t-talba tiegħu, kif espressa fil-proċedura ta' kwittanza tal-2015 (5), biex jiġu salvagwardjati u fejn meħtieġ jiġu provduti riżorsi addizzjonali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-aġenziji, inkluż is-Segretarjat Permanenti tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE (issa msejjaħ l-Uffiċċju ta' Appoġġ Komuni);

    54.

    Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-aġenziji tal-EU li huma attivi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni jridu jiġu provduti b'mod urġenti bin-nefqa operazzjonali u livelli ta' persunal meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'suċċess il-kompiti u r-responsabilitajiet addizzjonali li ngħataw f'dawn l-aħħar snin; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żieda tal-persunal proposta għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), li huwa jqis bħala minimu assolut biex ikun żgurat li dawn l-aġenziji jistgħu effettivament iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom; jissottolinja li l-livell propost tal-baġit u tal-persunal għall-Europol mhuwiex biżżejjed biex tissodisfa l-kompiti assenjati tagħha, minħabba li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ddeċidew fis-snin preċedenti li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod speċjali fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni għal tfal mhux akkumpanjati; jissottolinja l-lakuni identifikati fl-iskambju eżistenti tal-arkitettura tal-informazzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-eu-LISA bir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex jiġu sodisfatti l-kompiti u r-responsabilitajiet addizzjonali li ġew riċentement assenjati lill-Aġenzija f'dan ir-rigward; jissottolinja r-rwol importanti li għandu l-EASO fl-appoġġ għall-Istati Membri fil-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil, b'mod partikolari fl-indirizzar tal-għadd akbar ta' persuni li jfittxu l-asil; jiddispjaċih għat-tnaqqis fil-livell ta' finanzjament operazzjonali (-23,6 % meta mqabbel mal-2017) u fil-livell tal-persunal (-4 %) għall-Eurojust, li bħalissa qed ikollha tħabbat wiċċha ma' żieda fil-każistika tagħha;

    55.

    Jinnota bi tħassib li l-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-impjieg u t-taħriġ (CEDEFOP, ETF, EU-OSHA, EUROFOUND) kif ukoll fil-qasam tal-azzjoni ambjentali (ECDC, ECHA, EEA, EFSA, EMA) qed ikunu kkunsidrati bħala miri partikolari għal tnaqqis tal-persunal (-5 u - 12-il kariga rispettivament); jemmen li dan imur kontra l-politiki globali tal-Unjoni tal-ħolqien ta' impjiegi diċenti, ta' kwalità u stabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jilqa' ż-żieda fil-persunal u l-baġit għal ACER u GSA, iżda jissottolinja li dawn iż-żidiet mhumiex biżżejjed biex l-aġenziji jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod adegwat;

    56.

    Jinnota li s-sena 2018 hija t-tielet skadenza tar-reġistrazzjoni REACH li taffettwa għadd kbir ta' kumpaniji fl-Ewropa u l-ogħla għadd ta' SMEs sal-lum, li konsegwentement ikollu impatt sinifikanti fuq l-ammont ta' xogħol tal-ECHA; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżomm lura mit-tnaqqis ippjanat ta' sitt karigi ta' aġenti temporanji fl-2018 u tipposponi dan it-tnaqqis sal-2019 sabiex l-ECHA tkun tista' timplimenta l-Programm ta' Ħidma kollu tagħha għall-2018 b'mod effikaċi; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ECHA diġà implimentat tnaqqis tal-persunal ta' 10 % għal REACH mill-2012;

    o

    ο o

    57.

    Ifakkar li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija obbligu legali li jirriżulta direttament mit-Trattati; jitlob l-infurzar tal-ibbaġitjar skont is-sessi fi ħdan il-proċedura baġitarja u biex in-nefqa baġitarja tintuża bħala għodda effikaċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' pjan baġitarju għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif hemm fil-proġett pilota adottat, u anki linja baġitarja speċifika fil-futur għall-ġestjoni tal-koordinazzjoni għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi madwar l-istituzzjonijiet;

    58.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    (3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0085.

    (5)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll (Testi adottati, P8_TA(2017)0155).


    ANNESS

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DATI GĦALL-PROĊEDURA BAĠITARJA U MODALITAJIET GĦALL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT TA' KONĊILJAZZJONI FL-2018

    A.

    F'konformità mal-Parti A tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar id-dati ewlenin li ġejjin għall-proċedura baġitarja tal-2018:

    1.

    Ser jissejjaħ trilogu fit-13 ta' Lulju filgħodu, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

    2.

    Il-Kummissjoni ser tagħmel ħilitha biex tippreżenta Dikjarazzjoni tal-Estimi għall-2018 sa tmiem Mejju;

    3.

    Il-Kunsill ser jagħmel ħiltu biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu u jgħaddiha lill-Parlament Ewropew sas-37 ġimgħa (it-tielet ġimgħa ta' Settembru), sabiex jiġi ffaċilitat ftehim f'waqtu mal-Parlament Ewropew;

    4.

    Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew ser jagħmel ħiltu biex jivvota dwar l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-41 ġimgħa (f'nofs Ottubru);

    5.

    Ser jissejjaħ trilogu fit-18 ta' Ottubru waranofsinhar, qabel il-qari tal-Parlament Ewropew;

    6.

    Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew ser tivvota dwar il-qari tagħha fit-43 ġimgħa (Sessjoni plenarja tat-23-26 ta' Ottubru);

    7.

    Il-perijodu ta' Konċiljazzjoni ser jibda fil-31 ta' Ottubru. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punt c tal-Artikolu 314(4) TFUE, iż-żmien disponibbli għall-konċiljazzjoni ser jiskadi fl-20 ta' Novembru 2017;

    8.

    Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ser jiltaqa’ fis-6 ta’ Novembru waranofsinhar, ospitat mill-Parlament Ewropew, u fis-17 ta’ Novembru, ospitat mill-Kunsill u jista' jerġa' jibda kif xieraq; is-sessjonijiet tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ser jitħejjew permezz ta' trilogu/i. Huwa skedat trilogu fid-9 ta' Novembru filgħodu. Jista' jissejjaħ trilogu/i addizzjonali matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum, inkluż possibbilment fit-13 jew l-14 ta’ Novembru (Strasburgu).

    B.

    Il-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jinsabu fil-Parti E tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali msemmi hawn fuq.

    Top