Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR1995

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-Żona tal-Atlantiku — Il-Provvediment ta’ Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv

ĠU C 164, 8.5.2018, pp. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/77


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-Żona tal-Atlantiku — Il-Provvediment ta’ Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv

(2018/C 164/13)

Relatur:

Jerry LUNDY (IE/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Sligo

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku — Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

COM(2013) 279 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

Jilqa’ bi pjaċir ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Istrateġija tal-Atlantiku kif propost mill-Kummissjoni Ewropea li għandu jitlesta qabel tmiem l-2017 u li l-Kumitat ġie kkonsultat mill-Kummissjoni Ewropea b’talba għall-adozzjoni ta’ opinjoni dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu, li ser jikkontribwixxi għar-rieżami globali li sabiex jiġi diskuss mill-Istati Membri u r-reġjuni;

2.

Jinnota l-ħidma preċedenti tal-Kumitat fuq suġġetti relatati mal-Ekonomija Blu (inklużi NAT-VI-018; NAT-VI-019; NAT-V-21, NAT-V-44 u COTER-VI-022) (1);

3.

Jinnota li l-isfidi li qed jaffaċċjaw ir-reġjuni u n-nazzjonijiet tal-Atlantiku jistgħu jiġu indirizzati b’mod aktar effiċjenti u jagħtu riżultati aktar konkreti taħt il-kappa ta’ pjan ta’ azzjoni, u l-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jiksbu riżultati aktar konkreti permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib;

4.

Jirrikonoxxi li l-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jiżgura li politiki u strumenti ta’ finanzjament differenti tal-UE jista’ jkollhom impatt akbar meta jkunu allinjati aktar mill-qrib iżda jinnota li meta jiġu implimentati strumenti ta’ finanzjament tal-UE permezz ta’ strumenti nazzjonali u/jew programmi reġjonali, ir-rwol ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali u reġjonali huwa determinanti;

5.

Jinnota n-natura fraġli ta’ bosta komunitajiet kostali fiż-żona tal-Atlantiku u l-ħtieġa li jsir aktar biex jiġi attirat l-investiment u l-attività fis-settur privat b’mod speċjali fl-ekonomija blu sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn iż-żoni;

6.

Iqis li l-użu effettiv tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tal-UE huwa kruċjali sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija iżda jinnota bi tħassib li attwalment ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu xieraq sabiex jitkejjel l-impatt tal-ekonomija blu f’dawn iż-żoni (2);

7.

Jirrikonoxxi li permezz tal-adozzjoni ta’ approċċ ta’ ekosistema u permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Ippjanar Spazjali Marittimu, l-awtoritajiet issa jeħtieġ jieħdu kunsiderazzjoni sħiħa tal-attivitajiet kollha meta jallokaw spazju fl-ibħra tagħhom iżda jinnota li l-pjani rilevanti jistgħu finalment ma jiġux adottati sa Marzu 2021. L-ikbar kontribut sa issa ta’ dan ir-rekwiżit kien li ffaċilita l-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota l-kontribut li taw bosta Programmi Interreg għal dan il-proċess u l-appoġġ li ngħata mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għal proġetti transkonfinali bejn l-2014-2016 sabiex jassistu fil-proċess tal-ippjanar marittimu;

8.

Jinnota li l-azzjonijiet meħuda taħt l-inizjattiva Leadership 2020 tal-Kummissjoni Ewropea sabiex ma jkunx hemm spariġġ bejn il-ħiliet disponibbli u d-domanda tas-suq tax-xogħol b’mod speċjali fil-bini ta’ bastimenti, fil-ħiliet marbutin mas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u l-ħiliet marittimi innovattivi ġodda qed jibdew jagħtu l-frott. Jinnota wkoll li, barra minn hekk, il-perspettiva tal-innovazzjoni u s-sħubija qed tiġi indirizzata mill-Orizzont 2020 iżda jappoġġja s-sejħa mill-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi (CPMR) biex jiżdied il-baġit għas-sejħa tal-FEMS għall-proġetti “Karrieri Blu fl-Ewropa” li tqis il-ħtiġijiet ta’ taħriġ madwar il-baċiri tal-ibħra Ewropej speċjalment għal dawk il-karrieri relatati mas-settur marittimu u tas-sajd, li qegħdin ibatu minn problema sejra ta’ tiġdid ġenerazzjonali;

9.

Jaqbel mal-fehma espressa fid-dokument tal-Kummissjoni “Report of the Blue Growth Strategy – Towards more sustainable growth and jobs in the blue economy SWD (2017) 128 Final” [mhux disponibbli bil-Malti] li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) għandhom il-potenzjal li jippermettu l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi iżda jinnota li, sa issa, ma hemm l-ebda KKI li b’mod speċifiku tindirizza kwistjonijiet marittimi u tal-baħar. għalhekk, itenni s-sejħa tiegħu għall-ħolqien ta’ Komunità speċifika ta’ Għarfien u Innovazzjoni għall-Ekonomija Blu bħala miżura ulterjuri għall-iżvilupp tal-ħiliet u biex l-ideat mir-riċerka tal-baħar jissarrfu fis-settur privat (3);

10.

Jenfasizza l-potenzjal li t-teknoloġija tal-baħar tipprovdi impjiegi ġodda u sorsi ta’ dħul addizzjonali u l-kapaċità tas-settur li jikber f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli u d-dimostrazzjoni tat-teknoloġija tal-baħar iżda bl-istess mod jirrikonoxxi r-riskju potenzjali involut f’dan it-tip ta’ investiment u l-fatt li n-nuqqas ta’ għarfien u data rilevanti jagħmlu d-dħul f’dan is-settur aktar diffiċli. Il-Kumitat jappoġġja l-prijoritizzazzjoni skont l-Orizzont 2020 għal sejħiet speċifikament immirati għat-tkabbir blu iżda jirrikonoxxi li jridu jsiru sforzi akbar sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għal negozji u inizjattivi innovattivi f’dan il-qasam;

11.

jinnota l-importanza li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-attivitajiet marittimi u tas-sajd fl-Atlantiku jkomplu jissalvagwardjaw il-potenzjal ekonomiku u soċjali, li tiġi rikonoxxuta l-importanza tagħhom u li jiġi rikonoxxut li l-qbid tal-ħut qiegħed jadatta b’mod progressiv għal sostenibbiltà ambjentali. Bl-istess mod, jenfasizza li jistgħu jikkontribwixxu biex jiddistribwixxu mill-ġdid il-ġid u joħolqu koeżjoni soċjali, kif ukoll għall-potenzjal tal-industrija li tipproċessa u tikkumerċjalizza prodotti tal-baħar sabiex jinkiseb valur miżjud u jinżamm ir-rwol ewlieni tagħhom fil-provvista ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja.

12.

Huwa mħasseb li l-miżuri tal-immaniġġjar meħuda biex l-UE tippreserva ekosistemi vulnerabbli, b’mod speċjali dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sajd f’baħar fond, sa issa kellhom riżultati mħallta u li qed toqrob l-iskadenza għar-rapportar ta’ status ambjentali tajjeb skont id-Direttiva Qafas tal-Istrateġija tal-Baħar;

13.

Jirrikonoxxi l-progress li sar fl-indirizzar tat-theddid u l-emerġenzi, b’mod speċjali l-adozzjoni tal-Programm Copernicus fl-2014, li pprovda data aktar stabbli għall-kejl tat-temperatura tal-wiċċ tal-oċeani u anke servizz ta’ tbassir tal-oċean b’linja bażi operattiva aktar effettiv. Barra minn hekk, l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar kien l-eżitu ta’ kooperazzjoni l-aktar konkret li rriżulta sa mit-tnedija fl-2013 tad-Dikjarazzjoni ta’ Galway ta’ Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada;

L-importanza ta’ data għall-iżvilupp metodoloġiku tal-Ekonomija Blu fil-livell lokali u reġjonali

14.

Jinnota li l-impatt tal-ekonomija blu fil-livell reġjonali u lokali sa issa għadu ma tkejjilx kollu kemm hu, peress li għad trid tiġi żviluppata sistema ta’ indikaturi bbażati fuq data affidabbli, li tkejjel l-effett preċiż tal-attivitajiet li direttament jew indirettament jiddependu fuq il-baħar; dan ser jirrikjedi kooperazzjoni sinifikanti bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-diversi Stati Membri (4). F’dan ir-rigward, il-KtR jinnota l-ħidma tal-Kummissjoni COTER relatata mal-emendi proposti għar-Regolament NUTS, b’mod speċifiku fis-sejħa biex it-tipoloġiji territorjali futuri jinkludu tipi “kostali” u “tal-gżejjer”. Dan għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta’ indikaturi xierqa (lil hinn mill-PDG) għall-kejl tal-attività ekonomika blu.

15.

Jirrakkomanda, minħabba l-kumplessità u l-firxa tar-riżorsi meħtieġa sabiex b’mod metodoloġiku tiġi żviluppata l-ekonomija blu fil-livell lokali u reġjonali, li l-istrateġiji reġjonali eżistenti għal speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jintużaw bħala l-bażi li permezz tagħha jistgħu jiġu identifikati aktar opportunitajiet fis-setturi tal-Ekonomija Blu. Flimkien ma’ eżerċizzji ta’ impatt immirat, strateġiji bħal dawn għandhom jgħinu lil-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs) jidentifikaw is-setturi l-aktar xierqa li għandhom jiġu segwiti.

Skjerament aktar Intelliġenti tal-Istrumenti ta’ Finanzjament

16.

Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jintegraw l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku fil-Programmi Operazzjonali tal-FEŻR rispettivi tagħhom; is-suċċess tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku jiddependi kompletament fuq l-impenn tal-Istati Membri tal-Atlantiku biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-oqsma ta’ kooperazzjoni definiti fil-Pjan ta’ Azzjoni;

17.

Jaqbel mal-osservazzjoni segwenti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Report on the Blue Growth Strategy Towards more sustainable growth and jobs in the blue economy” SWD(2017) 128 final [mhux disponibbli bil-Malti]:

“b’mod ġenerali jidher li relattivament ftit finanzjament ġie allokat b’mod speċifiku għall-prijoritajiet tal-Istrateġija għall-Atlantiku fil-Programmi Operazzjonali differenti ta’ dawn il-fondi, filwaqt li finanzjament konsiderevoli jista’ potenzjalment ikun disponibbli għal azzjonijiet u prijoritajiet li mhumiex speċifiċi għas-settur marittimu. Hawnhekk tinsab sfida kbira għall-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni nazzjonali u reġjonali. Għall-kuntrarju, il-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ġie mmirat lejn l-objettiv tal-Istrateġija għall-Atlantiku”;

18.

Jargumenta li, għall-kredibbiltà, strateġija komuni għall-iżvilupp taż-żona tal-Oċean Atlantiku u tar-reġjuni tal-Atlantiku tal-Ewropa jistħoqqilha strument ta’ finanzjament iddedikat; id-disponibbiltà ta’ fond adegwat li jippermetti l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għandha tkun parti mid-diskussjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li ser ikun il-bażi għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE lil hinn mill-2020; l-integrazzjoni tal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni u l-istrateġija għall-Atlantiku fil-QFP hija partikolarment rilevanti fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea u l-impatt negattiv li dan ser ikollu fuq il-baġit globali tal-UE;

19.

F’dan il-kuntest itenni l-Opinjoni tal-KtR dwar il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni lil hinn mill-2020 billi jinnota li l-istrateġiji makroreġjonali u marittimi għar-reġjuni parteċipanti u dawk li jgħixu hemm jikkostitwixxu valur miżjud sinifikanti, sakemm l-għodod ta’ finanzjament eżistenti u futuri jkunu jistgħu jintużaw għall-istrateġiji b’mod ikkoordinat;

20.

ifakkar fil-proposta li saret fl-Opinjoni NAT-VI/019 għall-ħolqien ta’ pjattaformi reġjonali jew interreġjonali tal-ekonomija blu u jirrimarka li diversi territorji tar-reġjun tal-Atlantiku jistgħu jkunu kandidati għall-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ pjattaforma li ser tikkostitwixxi mekkaniżmu biex jiġu identifikati proġetti, tkun ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tagħhom, u timmobilizza għodod finanzjarji lokali, nazzjonali u Ewropej. Pjattaformi bħal dawn ser ikunu ġestiti mir-reġjuni u l-proġetti tagħhom ikunu ffinanzjati fil-qafas tal-Pjan Juncker 2.0;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex ifittxu aktar titjib tal-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-appoġġ għal proġetti u l-iskambju tal-aħjar prattiki b’kunsiderazzjoni tal-eżempji ta’ suċċess li rriżultaw sa issa mill-Istrateġija għall-Atlantiku;

22.

Itenni li l-Politika ta’ Koeżjoni, permezz tal-FEŻR u l-FSE, fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kienet l-għodda ta’ investiment l-aktar importanti fl-UE, u li għas-suċċess futur tal-proġetti taħt il-kappa tal-Istrateġija għall-Atlantiku se jkun essenzjali li jsir l-akbar użu ta’ dawn ir-riżorsi flimkien mal-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli permezz tal-FEMS u l-FAEŻR; is-simplifikazzjoni ulterjuri fil-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-Fondi SIE ser tkompli tagħti spinta lill-kapaċità tal-komunitajiet lokali biex jagħmlu użu mill-finanzjament għal proġetti lokali;

23.

Jinnota li fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali ħafna mill-Programmi Operazzjonali relatati esperjenzaw dewmien sinifikanti fit-tnedija; il-KtR jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppaw il-proposti tagħhom għall-perjodu wara l-2020 malajr kemm jista’ jkun sabiex jippermettu tranżizzjoni bla xkiel bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni;

24.

jitlob li l-proġetti interreġjonali, nazzjonali u transnazzjonali, li huma f’konformità mal-istrateġiji tal-baċiri tal-baħar u l-S3 ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-ġbir kollettiv ta’ fondi reġjonali, nazzjonali u Ewropej f’qafas issemplifikat u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn bonus komunitarju mingħajr il-ħtieġa ta’ sejħiet ġodda għal proġetti;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jniedu, b’mod partikolari fejn mhux diġà l-każ, strateġiji adatti bbażati fuq il-post u minn isfel għal fuq għal speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali; strateġiji bħal dawn għandhom jibnu l-pedamenti għall-infiq futur u jiffukaw fuq il-punti pożittivi u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull reġjun; l-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali fil-prattika, isservi biex iżżid ir-rata ta’ assorbiment tal-finanzjament disponibbli fir-reġjuni;

26.

Fid-dawl tal-fatt li kemm il-finanzjament nazzjonali kif ukoll dak Ewropew jirrappreżentaw in-nefqa pubblika, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex b’mod konġunt itejbu l-kwalità tar-rapportar u l-feedback dwar il-proġetti taħt il-kappa tal-Pjan ta’ Azzjoni u biex jiżviluppaw il-Mekkaniżmu ta’ Assistenza bħala għodda li tipprovdi ħarsa ġenerali trasparenti lejn l-inizjattivi ta’ suċċess u l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli;

27.

Fir-rigward tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jtejbu l-komponent tematiku tal-politiki varati (pjuttost milli dawk ġeografiċi), bħala mezz biex jissaħħu l-valuri u l-għanijiet komuni Ewropej;

Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD)

28.

Jenfasizza l-importanza li jinżamm u li jiġi estiż l-approċċ tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD) peress li dan l-istrument tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) jista’ jintwera li jirrappreżenta wieħed mill-aktar modi effettivi biex il-komunitajiet jiksbu finanzjament mill-UE għall-proġetti lokali tagħhom stess. L-appoġġ għas-CLLD huwa partikolarment importanti għal reġjuni aktar imbiegħda u periferiċi, inklużi komunitajiet kostali, reġjuni u gżejjer iżgħar b’aċċess alternattiv limitat għal finanzjament;

29.

jissuġġerixxi li l-komunitajiet lokali tal-gżejjer u t-territorji kostali jkunu jistgħu jimmobilizzaw il-fondi Ewropej kollha, inkluż l-FEMS, sabiex jiffinanzjaw l-istrateġiji tagħhom tal-iżvilupp marittimu f’qafas uniku, abbażi tal-mudell tal-programm Leader u tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità;

30.

Jappella lill-awtorità baġitarja biex tuża l-flessibilità eżistenti fil-finanzjament tal-ESI biex tipprevedi żidiet gradwali fil-finanzjament tas-CLLD disponibbli fi ħdan l-FEMS għall-benefiċċju tal-komunitajiet kostali Ewropej;

Il-Mekkaniżmu ta’ Assistenza għall-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku

31.

jinnota li l-istruttura tal-mekkaniżmu ta’ assistenza (5), b’unitajiet nazzjonali u uffiċċju ċentrali fi Brussell, tilqa’ sew għall-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku, minkejja li hemm bżonn li jiġi appoġġjat il-kompitu ta’ tixrid u riklamar dwar il-Pjan u dwar il-funzjoni tiegħu li jipprovdi gwida, koordinazzjoni u assistenza;

32.

Jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ assistenza għall-Istrateġija tal-Atlantiku peress li attwalment huwa l-unika linja baġitarja ddedikata li tipprovdi għas-sorveljanza u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Atlantiku;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura soluzzjoni aktar fit-tul sabiex il-mekkaniżmu ta’ assistenza jiżgura l-kontinwità fl-operazzjonijiet tiegħu;

34.

Iħeġġeġ lill-unitajiet nazzjonali biex jaħdmu kemm jista’ jkun mill-qrib mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw li l-opportunitajiet disponibbli taħt id-diversi strumenti ta’ finanzjament ikunu spjegati biċ-ċar lill-benefiċjarji potenzjali;

Il-konsegwenzi tad-deċiżjoni, wara r-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016, tar-Renju Unit li jinvoka l-Artikolu 50 tat-TUE u li joħroġ mill-UE għall-opportunitajiet u l-istruttura tal-finanzjament tal-QFP lil hinn mill-2020

35.

Jinnota li, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati mar-Renju Unit, l-UE qed titlef wieħed mill-ħames Stati Membri tal-Atlantiku tagħha, nazzjon marittimu ewlieni u wieħed mill-pajjiżi bl-akbar livell ta’ investimenti fl-oqsma tal-ekonomija u r-riċerka tal-baħar; barra minn hekk, ir-Renju Unit huwa wieħed mill-esportaturi ewlenin tal-UE tal-frott tal-baħar;

36.

Jinnota li r-Renju Unit attwalment huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-baġit tal-UE, u t-tneħħija tiegħu mill-karta bilanċjali tal-UE ser tirrikjedi l-analiżi dettaljata tal-alternattivi kollha disponibbli rigward il-finanzjament futur tal-Politika ta’ Koeżjoni;

37.

Jenfasizza li mill-2021, l-impatti prattiċi tal-“Brexit” jistgħu jikkoinċidu mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid, u jitlob lill-awtorità baġitarja biex tikkunsidra l-allokazzjoni ta’ mezzi finanzjarji adatti għall-politiki li attwalment mhumiex meqjusa bħala l-ewwel prijorità bħall-iżvilupp tal-ekonomija blu;

38.

itenni t-talba tiegħu, kif preżentata fl-opinjoni dwar “Il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni lil hinn mill-2020”, lir-Renju Unit u ‘l-UE biex jaqblu li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali tar-Renju Unit ikunu jistgħu jkomplu jipparteċipaw fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u fi programmi oħra mifruxin madwar l-UE kollha b’mod simili għal Stati Membri mhux fl-UE bħan-Norveġja u l-Iżlanda;

39.

Ser ikun hemm bżonn li l-eżitu tan-negozjati tal-Brexit jitqies u jiġi indirizzat fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq il-futur tal-Istrateġija Marittima tal-Atlantiku u l-Pjan ta’ Azzjoni. Jenfasizza li, fil-kuntest ta’ Brexit, issa huwa aktar importanti għall-bqija tal-Istati Membri tal-Atlantiku tal-UE li jipprijoritizzaw kooperazzjoni u integrazzjoni aktar mill-qrib tal-attivitajiet fil-qasam marittimu sabiex jingħeleb id-distakk li jirriżulta fix-xjenza u l-innovazzjoni, is-sorveljanza, id-difiża, l-enerġija mill-oċean u l-investimenti marittimi inġenerali li jista’ jġib miegħu t-tluq tar-Renju Unit permezz ta’ Brexit;

40.

Huwa allarmat bil-konsegwenzi potenzjali għall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit b’mod speċjali fl-aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit b’impatt partikolari fuq is-setturi tas-sajd tal-pajjiżi ġirien. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-qabdiet bi tnaqqis konsegwenti fl-impjiegi f’settur diġà fraġli minbarra distorsjoni fil-kompetizzjoni f’oqsma bħall-kwoti, l-obbligu ta’ ħatt l-art, l-għadd massimu ta’ jiem fuq il-baħar, ir-regoli tal-għajnuna mill-istat għas-settur u ż-żamma tal-bijodiversità (6).

Programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali

41.

Jinnota r-rwol importanti li jista’ jkollhom il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali fit-tkomplija tal-objettivi tal-Istrateġija għall-Atlantiku li tinkludi enfasi fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni sabiex ikomplu jsaħħu l-ispazju Atlantiku f’konformità mat-termini tal-istrateġija;

42.

Iqis li l-punti 27-30 li saru fl-Opinjoni NAT-V-021 (2012) għadhom rilevanti b’mod speċjali r-rwol li jista’ jkollhom l-għaxar Programmi li joperaw fiż-żona funzjonali;

43.

Jinnota, b’mod partikolari, ir-rwol kruċjali potenzjali għall-programm ta’ Kooperazzjoni taż-Żona tal-Atlantiku minħabba l-fokus tiegħu fuq kwistjonijiet marittimi u l-firxa ġeografika tiegħu madwar l-ispazju Atlantiku;

44.

Jaqbel mal-punti li tqajmu mill-Kummissjoni tal-Ark tal-Atlantiku (Atlantic Arc Commission) tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR) fid-dikjarazzjoni finali tagħha fl-Assemblea Ġenerali tal-2017 ġewwa Les Sables d’Olonne (3 ta’ Marzu 2017), b’mod speċjali rigward miżuri ta’ simplifikazzjoni bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu u rati ta’ finanzjament aktar flessibbli (bonus ta’ 5 %) sabiex tħeġġeġ proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-Istrateġija tal-Atlantiku;

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjonijiet preċedenti tal-KtR:

CDR 6621/2016 NAT-VI-018 “Governanza internazzjonali tal-oċeani, aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”;

CDR 6622/2016 NAT-VI-019 “Stadju ġdid għall-politika Ewropea ta’ tkabbir blu”;

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 1, NAT-V-21 “L-iżvilupp ta’ strateġija marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku”;

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 24, NAT-V-44 “L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir”

CDR 0019/2017 COTER-VI-22 “L-intraprenditorija fil-gżejjer: kontribut għall-koeżjoni territorjali”

(2)  Il-proġett Marnet iffinanzjat taħt il-Programm Interreg 2007-14 għaż-Żona tal-Atlantiku żviluppa serje ta’ indikaturi soċjoekonomiċi komparabbli relatati mal-baħar biex jitkejjel l-impatt tal-attività kostali/tal-baħar fil-5 Stati Membri.

(3)  NAT-V-44

(4)  Il-proġett Marnet li żviluppa serje ta’ data soċjoekonomika tal-baħar madwar ir-reġjuni tal-Atlantiku jista’ jkun element addizzjonali utli għal dan il-proċess.

(5)  Il-finanzjament allokat lil fornitur tas-servizzi sabiex jipprovdi gwida lil organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, istituzzjonijiet tar-riċerka u universitajiet, investituri istituzzjonali u privati kif ukoll promoturi u partijiet interessati oħrajn li jixtiequ jressqu u jiżviluppaw proġetti sabiex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku.

(6)  CPMR Technical note for Atlantic Arc regions February 2017.


Top