Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR1319

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE

    ĠU C 164, 8.5.2018, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 164/19


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE

    (2018/C 164/04)

    Relatur:

    is-Sur Martínez Suárez (ES/PSE), Ministru tal-Presidenza tal-Prinċipat tal-Asturji

    Dokument ta’ referenza:

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini f’Unjoni ta’ tibdil demokratiku Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE

    COM(2017) 30 final/2

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni u sfond

    1.

    jirrikonoxxi li f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza li tinsab fihom l-Unjoni, huwa essenzjali li jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza, parteċipazzjoni u aktar qrubija taċ-ċittadini għall-proġett tal-integrazzjoni żviluppat f’dawn l-aħħar sittin sena. Il-mudell Ewropew qed ikompli juri li hu attraenti, iżda l-progress lejn l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini f’kull qasam (politiku, soċjali, ekonomiku u kulturali) għandu jkun wieħed mill-modi li jagħtu l-ħajja lill-proċess. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadinanza Ewropea – li nħolqot 25 sena ilu bit-Trattat ta’ Maastricht u mfassla bħala status komuni għall-Ewropej – tista’ tikkostitwixxi għodda xierqa għal dawk l-għanijiet;

    2.

    jargumenta li jkun ta’ benefiċċju li jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini fil-kuntest ta’ proċess ta’ globalizzazzjoni li joħloq kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għaċ-ċittadini tagħna. Fid-dawl ta’ dan, jilqa’ b’sodisfazzjon il-perjodu reċenti ta’ riflessjoni mniedi mill-Kummissjoni sabiex tindirizza dan il-proċess ta’ globalizzazzjoni, tiżgura l-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini Ewropej permezz tal-iżvilupp ta’ politiki soċjali b’saħħithom, tikkontribwixxi biex tintlaħaq konverġenza ’l fuq tal-livell tal-għajxien, kif ukoll l-appoġġ meħtieġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, b’involviment speċjali tas-settur privat, u jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari lejn ir-rwol li jistgħu jaqdu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex jiġu indirizzati dawn il-miżuri fir-rigward tar-reġjuni vulnerabbli;

    3.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kemm fil-livell lokali kif ukoll fil-livell reġjonali, peress li huwa f’dawn il-livelli li ċ-ċittadini jistgħu jifhmuh, minħabba l-fatt li – kif irrimarka dan il-Kumitat (1) – permezz tal-kuntatti tagħhom maċ-ċittadini fid-diversità kollha tagħhom, il-kważi 100 000 awtorità lokali u reġjonali li jeżistu fi ħdan l-Unjoni jassumu l-maġġoranza tar-responsabbiltà biex japplikaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

    4.

    itenni, f’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rapporti preċedenti relatati maċ-ċittadinanza, li m’għandhomx jitwarrbu d-dimensjoni soċjali inerenti għaliha u r-responsabbiltajiet speċjali li jassumu l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Minn din il-perspettiva, il-Kumitat jilqa’ l-impenn espress mill-istituzzjonijiet sabiex jgħinu biex tintlaħaq konverġenza ’l fuq tal-livelli ta’ għajxien u jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jrid jiġi rispettat fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jiġbed l-attenzjoni għall-impatt li l-Kapitolu III ta’ dan il-pilastru – relatat mal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali – għandu fuq il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward, fost affarijiet oħra, tal-miżuri relatati mal-protezzjoni tat-tfal, il-paga minima, l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà, l-aċċess għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi soċjali, eċċ. (2). Jenfasizza li kwalunkwe tisħiħ ta’ dawn id-drittijiet – kif propost mid-dokument – irid ikun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt territorjali sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rispettati;

    5.

    huwa ferm imħasseb dwar l-implikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza li jistgħu jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; iqis li huwa assolutament neċessarju li jiġu żgurati – biċ-ċarezza dovuta u r-rispett sħiħ lejn is-sigurtà legali – id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom residenti fir-Renju Unit u ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-prinċipju tar-reċiproċità; minħabba n-numru tagħhom u l-effetti serji li jistgħu jinqalgħu u fis-snin li ġejjin għandha tingħata attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni. B’mod partikolari, dan ifisser li huwa meħtieġ li l-ftehim futur jipprevedi l-garanziji meħtieġa, effettivi, mhux diskriminatorji u l-usa’ possibbli sabiex jinżammu drittijiethom, inkluż id-dritt għal residenza permanenti fir-Renju Unit ta’ ċittadini tal-UE u fl-UE ta’ ċittadini tar-Renju Unit. Ovvjament, fl-interessi ta’ soluzzjoni ġusta, dawn id-drittijiet, barra minn hekk, għandhom ikunu garantiti fuq bażi reċiproka;

    6.

    imħeġġeġ mill-attitudni tal-partijiet fil-proċess ta’ negozjati b’rabta ma’ dawn il-kwistjonijiet, u waqt li jixtieq jikseb informazzjoni li tkun wiesgħa kemm jista’ jkun, kontinwa u aġġornata dwar l-iżvilupp tiegħu, jemmen li għandha tiġi żgurata l-identifikazzjoni preċiża tal-benefiċjarji, id-drittijiet bażiċi li għandhom jiġu garantiti – inklużi l-aċċess u t-tgawdija għall-edukazzjoni u għas-servizzi tas-saħħa u soċjali – kif ukoll il-preservazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet (l-Irlanda ta’ Fuq u Ċipru) fejn id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej jistgħu jkunu partikolarment affettwati. Iqis li matul dan il-proċess kollu, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandha tingħata l-aktar informazzjoni estensiva possibbli lill-persuni kkonċernati, kif ukoll tiġi prevenuta kwalunkwe diskriminazzjoni jew ksenofobija kontrihom;

    7.

    filwaqt li jitqiesu l-punti preċedenti, jilqa’ b’mod pożittiv ħafna l-proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017, kif ukoll l-adegwatezza tagħha sabiex tindirizza pass ġdid fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, iżda jsostni li l-kontenut tiegħu jista’ jiġi arrikkit;

    Il-promozzjoni tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE u l-valuri komuni tal-UE

    8.

    jinnota li ċ-ċittadini Ewropej jafdaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-aktar u li l-politiċi lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol ferm aktar b’saħħtu fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE filwaqt li tiġi promossa l-perspettiva taċ-ċittadini;

    9.

    iqis li l-ħidma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ser tkun deċiżiva biex il-proposti tal-Kummissjoni rigward is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini jkomplu jipprogressaw. Għandna nfittxu li ninvolvuhom sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess immedjat għal din l-informazzjoni, minħabba li, min-natura tagħhom, l-amministrazzjonijiet huma l-eqreb u l-aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini. F’dan ir-rigward, ikun rakkomandabbli li jiġi ottimizzat ir-rwol taċ-Ċentri Ewropej ta’ Informazzjoni (Europe Direct) favur is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom tal-UE u opportunitajiet ta’ finanzjament, avvenimenti u seminars b’tema Ewropea, u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ organizzazzjonijiet rilevanti;

    10.

    iħoss li s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini għandha tkun immirata primarjament lejn iż-żgħażagħ. Sa issa kienu dawk li l-aktar intlaqtu mill-kriżi ekonomika u għandhom jitqiesu b’mod partikolari t-telf ta’ fiduċja tagħhom fi proċess ta’ integrazzjoni u status ta’ ċittadinanza li ma jiżgurawx l-iżvilupp personali u professjonali sħiħ. Il-miżuri li għandhom jiġu adottati – u li fihom għandhom jaqdu rwol essenzjali l-awtoritajiet lokali u reġjonali – għandhom jinkludu mhux biss it-tnedija tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, iżda wkoll miżuri ta’ kull tip (aċċess għall-impjieg, mobbiltà, edukazzjoni, żvilupp tal-ħiliet, eċċ.), kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda;

    11.

    iqis li fir-rigward tat-tisħiħ tal-prinċipju demokratiku, il-kontribut tal-awtoritajiet lokali huwa kruċjali bħala punt primarju u immedjat sabiex tiġi espressa d-demokrazija rappreżentattiva għaċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogi maċ-ċittadini u fid-dibattiti pubbliċi jikkontribwixxu għall-promozzjoni tad-demokrazija parteċipattiva, u għandu jiġi żviluppat aktar fil-futur;

    12.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jrid ikollhom ukoll rwol importanti biex jiggarantixxu d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor, bħala provvedituri ta’ għajnuna jew benefiċċji soċjali. Fi kwalunkwe każ, l-attività tagħhom fil-qasam taċ-“ċittadinanza soċjali” għandha tkun iggwidata mill-kriterji stabbiliti fil-liġi Ewropea – u speċifikati mill-ġurisprudenza – li l-għarfien u t-tixrid tagħha huma partikularment meħtieġa.

    13.

    jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-libertà tal-moviment ta’ persuni mogħtija permezz ta’ skambji tat-turiżmu, kulturali, edukattivi u ekonomiċi kkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ sens ta’ ċittadinanza Ewropea u l-promozzjoni ta’ fehim reċiproku; jirrikonoxxi li, meta jissaħħu dawn il-kuntatti, ikun hemm sens ta’ għaqda fost iċ-ċittadini Ewropej. Għal dan jista’ jikkontribwixxi b’mod partikolari t-tisħiħ tad-diversità kulturali u l-wirt tagħna, kif irrikonoxxew l-istituzzjonijiet Ewropej, dan meta għamlu l-2018 s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi strateġiċi importanti fl-attivitajiet u l-inizjattivi li għandhom jiġu promossi fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

    Il-promozzjoni u t-titjib tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE

    14.

    jaqbel li waħda mid-dimensjonijiet ewlenin taċ-ċittadinanza – apparti li hija l-aktar waħda immedjata – tikkonċerna l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali; barra minn hekk, jenfasizza li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ residenza hija wkoll espressjoni importanti tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, iżda l-fatt li dawn l-elezzjonijiet huma rregolati minn diversi regoli nazzjonali jmur kontra l-approċċ pan-Ewropew; għalhekk jissuġġerixxi li jiġu adottati l-proposti tal-Parlament Ewropew sabiex il-kampanji elettorali jsiru aktar Ewropej, u tiġi adottata l-idea ta’ listi transnazzjonali għall-elezzjoni tal-MEPs;

    15.

    iwissi, madankollu, li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet reġjonali mhijiex inkluża fid-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Din hija kwistjoni li teħtieġ proċedura leġislattiva speċjali soġġetta għal votazzjoni b’unanimità (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 TFUE) u għalhekk jistħoqqilha aktar riflessjoni. Sadanittant, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna jiżviluppaw forom differenti ta’ parteċipazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE;

    16.

    iqis li ż-żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fl-elezzjonijiet lokali ma tistax tevita li jiġu adotatti – f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali – diversi miżuri (tixrid ta’ informazzjoni, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, semplifikazzjoni tal-formalitajiet tar-reġistru elettorali, eċċ.). Fl-istess waqt, bit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fl-elezzjonijiet lokali, id-dritt ta’ parteċipazzjoni politika sħiħa tal-persuni b’diżabbiltà għandu jiġi indirizzat mingħajr dewmien, u l-ostakli kollha li jeżistu bħalissa għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-Istati Membri għandhom jiġu eliminati fejn ikun hemm bżonn. Il-kwistjoni – li tmur lil hinn mill-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali – għandha titqies mill-Kummissjoni bħala parti mill-proposti tagħha.

    17.

    huwa tal-fehma li anke ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-politika fil-livell lokali u reġjonali skont il-liġi tal-pajjiż tar-residenza;

    18.

    ifakkar li sa mit-Trattat ta’ Lisbona, l-involviment taċ-ċittadini mhuwiex limitat għall-eżerċitar tad-dritt tal-vot, iżda jimplika wkoll l-involviment tagħhom fil-proċess demokratiku permezz ta’ forom differenti ta’ demokrazija parteċipattiva. B’mod konsistenti ma’ dan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkontribwixxu sabiex iżidu l-firxa u l-għarfien ta’ dawn il-modi ġodda ta’ parteċipazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jintegrawhom fil-prattiki tagħhom;

    19.

    jenfasizza li dawn l-għodod jinkludu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) li tispeċifika d-dimensjoni l-iktar viżibbli s’issa tad-demokrazija parteċipattiva fi ħdan l-UE – u li tista’ tikkonsolida din id-dimensjoni ta’ immedjatezza bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet li tagħhom jagħmlu parti wkoll l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali. Il-Kummissjoni tippreżenta, fir-rapport tagħha, stampa sodisfaċenti tal-ħames snin li matulhom kienet tapplika l-inizjattiva, iżda hemm bżonn ċar li dawn l-istrumenti jiġu żviluppati aktar u jsiru aktar faċli għall-utenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal demokratiku sħiħ tagħhom. Il-KtR ser ikompli jiskrutinizza l-iżvilupp tal-IĊE u bħalissa qed jaħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għar-reviżjoni proposta tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;

    20.

    jilqa’ l-każistika reċenti tal-Qorti Ġenerali b’rabta mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u li għandha t-tendenza li tillimita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni favur li testendi l-kapaċità tal-Inizjattiva sabiex tinfluwenza kull tip ta’ proċedura (3), u għalhekk jitlob li ssir riforma tal-mekkaniżmu biex jiġi żgurat l-għoti ta’ setgħa ġenwin liċ-ċittadini fil-proċeduri politiċi u legali tal-UE;

    Semplifikazzjoni tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE

    21.

    iwissi li l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali huma meħtieġa, ta’ kuljum, jindirizzaw ħafna mill-formalitajiet speċifikati miċ-ċittadini. Barra minn hekk huma l-ewwel punt ta’ kuntatt amministrattiv;

    22.

    jinnota li ċ-ċittadini Ewropej, madankollu, jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni, it-tul u l-kumplessità tal-maġġorparti tal-proċeduri amministrattivi li għandhom jitwettqu sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u għar-residenza fi Stati Membri oħra. Din il-kritika tista’ tkun sintomu tan-nuqqas ta’ attenzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi – inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali – għas-suġġerimenti, l-istennijiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini fil-kuntatti tagħhom magħhom. Jenfasizza l-importanza ta’ regoli sempliċi u trasparenti sabiex jippermettu liċ-ċittadini tal-UE jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja soċjali tal-pajjiż. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, fejn il-livelli kollha tal-gvern għandhom jaħdmu flimkien biex jiffaċilitaw dan il-proċess;

    23.

    iqis li l-miżuri previsti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ “portal diġitali uniku” għandhom jinkludu mhux biss lill-amministrazzjonijiet nazzjonali iżda wkoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, waqt li jiġi adottat approċċ ġenerali għal dan l-ewwel pass lejn proċess neċessarju ta’ semplifikazzjoni amministrattiva f’dan ir-rigward. Għalhekk, jikkunsidra li, peress li t-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea, ibbażat fuq il-valuri demokratiċi kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa marbut direttament mad-diversi amministrazzjonijiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza, ikun ta’ għajnuna kbira jekk l-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jikkooperaw magħhom u jipprovdulhom l-għodod tekniċi u r-riżorsi finanzjarji adegwati biex jiżguraw li l-prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba jiġu implimentati b’mod effettiv fid-diversi livelli ta’ amministrazzjoni pubblika Ewropea, kif ukoll spazji għall-iskambju u l-evalwazzjoni tal-esperjenzi;

    24.

    jinnota li minħabba li jgħixu qrib ta’ fruntiera, ir-residenti f’reġjuni konfinali b’mod partikolari ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment. B’mod partikolari, il-ħaddiema transkonfinali jħabbtu wiċċhom ma’ għadd kbir ta’ ostakli għall-mobilità minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri rispettivi fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni diretta u vantaġġi fiskali, kif ukoll il-leġislazzjoni dwar ix-xogħol, li jżommuhom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-impjiegi. Il-kwistjoni dwar x’timplika jew tista’ timplika ċ-ċittadinanza tagħhom tal-UE għandha tkun ukoll rilevanti għall-UE, minħabba li huwa partikolarment f’dawn ir-reġjuni konfinali Ewropej li diġà jidhru l-ideat u l-valuri Ewropej. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffaċilita d-djalogu, il-proċessi u l-parteċipazzjoni transkonfinali fir-reġjuni konfinali u fil-kooperazzjoni transkonfinali; hija għandha tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkoordinaw il-leġislazzjoni tagħhom b’mod aktar effettiv bil-għan li jitħarsu d-drittijiet tal-persuni fir-reġjuni tal-fruntiera;

    25.

    jikkunsidra li jista’ jkun xieraq li jitqiesu l-prattiki tajba li joħorġu mill-involviment tal-awtoritajiet lokali fil-Programm “Bliet Intelliġenti”, li l-fatt li jiġi kkunsidrat jista’ jwassal sabiex jitjiebu l-għodod ġodda meqjusa mill-Kummissjoni;

    It-tisħiħ tas-sigurtà u l-promozzjoni tal-ugwaljanza

    26.

    jenfasizza li l-miżuri li jieħdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partikolarment rilevanti fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet; f’dan ir-rigward, peress li l-inklużjoni finanzjarja hija aspett indispensabbli taċ-ċittadinanza fl-UE minħabba li din għandha rwol importanti fit-tnaqqis tal-faqar, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi fid-dħul u ż-żieda fit-tkabbir ekonomiku, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiżviluppaw sħubijiet biex jistabbilixxu miżuri sabiex jiġu preveduti u miġġielda l-esklużjoni finanzjarja u d-dejn żejjed, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-aktar ċittadini vulnerabbli;

    27.

    jemmen li fil-każ tal-miżuri proposti għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, huwa essenzjali li l-Istati Membri jitħeġġu biex jimplimentaw id-Direttiva 2011/99/UE, tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u jittieħed inkonsiderazzjoni r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba l-eżistenza tal-programmi fil-livell reġjonali jew lokali marbuta ma’ din il-kwistjoni (gwida, iż-żamma ta’ postijiet ta’ kenn għall-vittmi, allowances u assistenza finanzjarja, eċċ.), kif ukoll il-viċinanza fiżika mal-vittmi;

    28.

    jinnota li, fir-rigward tal-miżuri li l-għan tagħhom huwa li jinstab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, ir-rwol ta’ dawn l-amministrazzjonijiet huwa wkoll importanti, peress li huwa responsabbli għall-miżuri ta’ sostenn, il-ħinijiet tal-iskola, eċċ. F’dan ir-rigward, jinnota b’sodisfazzjon il-proposti li jinsabu fl-inizjattiva leġislattiva dwar is-suġġett ippreżentat mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-faċilitazzjoni għall-ħajja tal-familja, jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ promozzjoni fuq livell Ewropew tal-aħjar prattiki u ta’ politiki żviluppati individwalment minn reġjuni u awtoritajiet lokali bħala appoġġ lill-familji f’diffikultà, speċjalment dawk aktar numerużi;

    29.

    jenfasizza li l-inizjattivi mwettqa fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali li tagħhom huma vittma l-gruppi LGBTI huma wkoll partikolarment rilevanti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza;

    30.

    ifakkar fir-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromovu l-miżuri ta’ integrazzjoni u parteċipazzjoni ugwali tal-persuni b’dizabilità. B’rabta ma’ dan, japprova l-proġett marbut mal-Karta tad-Diżabilità tal-UE: strument li jippermetti lil persuni b’diżabilità li jgawdu min uħud mill-benefiċċji speċifiċi (speċjalment fil-qasam tal-kultura, it-trasport, il-ħin liberu u l-isport) f’kull pajjiż parteċipanti;

    31.

    jenfasizza li fir-rigward tal-miżuri b’rabta mal-minoranzi Sinti/Roma, kif ukoll minoranzi oħra, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali fi kwistjonijiet bħall-għajnuna soċjali, l-edukazzjoni jew l-akkomodazzjoni;

    32.

    jinnota li l-miżuri proposti għall-ugwaljanza ma jqisux il-bżonnijiet partikolari taż-żgħażagħ. Id-diffikultajiet fl-aċċess għall-impjieg jew is-sitwazzjoni prekarja tagħhom huma elementi li jfixklu t-tgawdija ta’ drittijiet indaqs bħala ċittadini u bnedmin, drittijiet mogħtija mit-Trattati fundaturi u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan il-kuntest, l-iskuntentizza fost iż-żgħażagħ tista’ tinbidel f’ostilità miftuħa għall-proġett Ewropew – imkewsa mill-movimenti populisti u ksenofobiċi – jew f’radikalizzazzjoni;

    33.

    jikkunsidra li t-titjib indiskutibbli fit-taħriġ taż-żgħażagħ Ewropej permezz ta’ aktar aċċess għall-programmi Ewropej ta’ edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport – li llum huma miġbura fil-programm “Erasmus+” – jagħmel aktar indispensabbli l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol, u b’hekk iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu kwalifiki ġodda u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom, bis-saħħa tal-inizjattivi diġà implimentati mill-awtoritajiet lokali fil-qasam (pereżempju permezz tal-FSE), u permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi kkonċernati, waqt li tingħeleb il-kontradizzjoni li l-ġenerazzjoni Ewropea mħarrġa aħjar hija dik li l-aktar għandha diffikultajiet biex issib impjieg li jkun ta’ kwalità. Jenfasizza fl-aħħar nett kemm hi essenzjali l-promozzjoni tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fid-dawl tat-tentattivi biex iż-żgħażagħ jerġgħu joqorbu lejn l-Unjoni Ewropew u l-valuri tagħha.

    Brussell, it-30 ta’ Novembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  Kumitat tar-Reġjuni, RESOL-VI/020, “L-istat tad-dritt fl-UE mill-perspettiva lokali u reġjonali”, il-122 Sessjoni Plenarja, 22-23 ta’ Marzu 2017.

    (2)  Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Brussell, 26.4.2017 COM(2017) 251 final. Ara wkoll: https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights_en (aċċessat fil-15.5.2017).

    (3)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2017, Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe v. European Commission, T-646/13, ECLI:EU:T:2017:59; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2017, Michael Efler and others v. European Commission, T-754/14.


    Top