Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE6235

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2017) 637 final)

    EESC 2017/06235

    ĠU C 227, 28.6.2018, p. 58–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 227/58


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (COM(2017) 637 final)

    (2018/C 227/08)

    Relaturi:

    Christophe LEFÈVRE

    Jorge PEGADO LIZ

    Lech PILAWSKI

    Konsultazzjoni

    Kunsill Ewropew, 17.11.2017

    Parlament Ewropew, 13.11.2017

    Bażi legali

    Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fil-plenarja

    15.2.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    532

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    160/5/13

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Id-differenza bejn id-dritt kuntrattwali fl-Istati Membri differenti ma tħeġġiġx lill-konsumaturi jixtru f’pajjiżi oħra tal-UE.

    1.2.

    Min-naħa l-oħra, il-fiduċja tal-intraprendituri fil-bejgħ transkonfinali għadha mhix qiegħda titjieb. Skont l-aħħar stħarriġ li sar fil-livell tal-UE, 58 % tal-bejjiegħa bl-imnut kollha fl-UE jgħidu li jħossuhom kunfidenti meta jbigħu onlajn; madankollu, 28 % biss iħossuhom kunfidenti meta jbigħu onlajn f’pajjiżi oħra tal-UE (1).

    1.3.

    Il-pożizzjonijiet adottati kemm mill-Parlament Ewropew (PE) kif ukoll mill-Kunsill dwar il-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni fl-2015 (2) rigward il-bejgħ ta’ oġġetti onlajn u wiċċ imb wiċċ urew li, kif stqarr il-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar dawn il-proposti (3), ir-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għandhom ikunu l-istess irrispettivament mill-mezz tal-bejgħ.

    1.4.

    Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta emendata għal Direttiva testendi għall-bejgħ ta’ oġġetti wiċċ imb wiċċ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn.

    1.5.

    Il-KESE jistieden madankollu lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fil-proposta tagħha għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom:

    (a)

    il-proposta ma għandhiex twassal għal tnaqqis tal-perjodu ta’ garanzija f’ċerti Stati Membri jew il-ħolqien ta’ ġerarkija ta’ drittijiet;

    (b)

    il-possibbiltà ta’ deroga imperattiva tad-direttiva, minn sempliċi ftehim bejn il-partijiet kontraenti għandha tkun possibbli biss jekk tali ftehim jiggarantixxi l-awtonomija u l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur;

    (c)

    il-proposta għandha tippermetti li l-konsumaturi jieħdu azzjoni legali diretta kontra l-produttur;

    (d)

    il-kriterju ta’ sostenibbiltà (stokks ta’ unitajiet ta’ tiswija) għandu jiġi integrat fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva;

    (e)

    il-proposta għandha tinkludi regolai rigward l-estensjoni tal-garanzija marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ prodott waqt li jkun qiegħed jissewwa jew waqt in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizz;

    (f)

    il-proposta għandha tinkludi dettalji preċiżi dwar is-sigurtà tal-pjattaformi tal-pagamenti jew fir-responsabbiltà konġunta tal-pjattaformi tax-xiri (Marketplace) f’każi ta’ qerq jew tal-implimentazzjoni tal-garanzija;

    (g)

    il-produttur u l-bejjiegħ għandhom ikunu koresponsabbli f’każijiet fejn il-konsumatur jagħżel li jsewwi jew jissostitwixxi l-merkanzija, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju li huwa diġà previst fl-Artikolu 16 u fuq talba preliminari tal-bejjiegħ;

    (h)

    l-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-terminu ta’ 14-il jum għar-ritorn u r-rimborż għandha tkun iċċarata.

    1.6.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kummenti li jinsabu f’din l-opinjoni.

    2.   L-għan u l-isfond tal-proposta emendata għal Direttiva

    2.1.   L-għan tal-proposta emendata għal Direttiva

    2.1.1.

    Il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha wkoll l-għan li testendi għall-bejgħ ta’ oġġetti wiċċ imb wiċċ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u ta’ kwalunkwe bejgħ mill-bogħod ieħor ta’ oġġetti.

    2.1.2.

    Għalhekk għandha tiffaċilita l-progress rapidu f’qasam li jinsab fil-qalba tal-istrateġiji tas-Suq Uniku, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2016.

    2.1.3.

    Filwaqt li tapplika għall-bejgħ kollu, il-proposta emendata għandha l-istess għan u tikkontribwixxi aktar mill-proposti preċedenti (5): din tirrispondi għall-inċertezzi u għall-effetti negattivi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali fid-dritt kuntrattwali.

    2.1.4.

    Il-proposta riveduta tikkomplementa u tikkonforma ma’ sensiela ta’ atti leġislattivi diġà fis-seħħ fl-UE, kemm dawk orizzontali kif ukoll dawk settorjali (6), u ma’ proposti leġislattivi li qegħdin jiġu diskussi bħalissa.

    2.2.   Sommarju fil-qosor tal-proposti għad-direttivi preċedenti (7)

    2.2.1.

    Fil-proposti preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kienet iġġustifikat id-deċiżjoni tagħha li tadotta żewġ strumenti leġislattivi li jargumentaw li l-ispeċifiċità tal-kontenut diġitali timponi regoli differenti minn dawk applikabbli għal prodotti oħra.

    2.2.2.

    Biż-żewġ proposti, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tikseb ħames għanijiet:

    (a)

    tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżultaw minn differenzi fil-kuntratt;

    (b)

    ċertezza legali għan-negozji;

    (c)

    tħeġġiġ tax-xiri transkonfinali onlajn fl-UE;

    (d)

    tnaqqis tal-ħsarat fil-kontenut diġitali difettuż mixtri;

    (e)

    bilanċ ġenerali bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tan-negozji u t-titjib tal-ħajja ta’ kuljum.

    2.2.3.

    Skont il-Kummissjoni, il-proposti tagħha joħolqu bilanċ xieraq bejn livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi fl-UE u opportunitajiet ta’ negozju ferm akbar.

    2.3.   L-opinjoni tal-KESE dwar il-proposti inizjali (8)

    2.3.1.

    Fl-opinjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2016, il-KESE kien ikkritika l-għażla ta’ żewġ direttivi minflok ta’ waħda; b’dan il-mod, il-Kummissjoni ħolqot trattament differenti għall-bejgħ tal-oġġetti onlajn u offlajn u kkawżat, b’dannu għall-konsumaturi u għall-intraprendituri, in-nuqqas ta’ ċarezza fit-traspożizzjoni nazzjonali;

    2.3.2.

    Il-KESE jirrimarka wkoll dwar in-nuqqas ta’ azzjoni fuq sensiela ta’ kwistjonijiet li qies li kien essenzjali li jiġu armonizzati: il-possibbiltà li persuni minorenni jikkonkludu kuntratti fl-ambjent diġitali, id-definizzjoni ta’ kategoriji ta’ klawsoli inġusti speċifiċi għall-kuntratti onlajn li mhumiex previsti mid-Direttiva 93/13/KEE, il-prattika reċenti tal-buttuna “ħallas issa” (pay now) u l-inklużjoni ta’ klawsola standard dwar il-koregolamentazzjoni.

    2.3.3.

    Fl-aħħar nett, il-KESE fakkar li l-opinjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali kienu konsistenti fil-linja gwida fundamentali li teħtieġ li d-drittijiet rikonoxxuti fil-qafas ta’ bejgħ wiċċ imb wiċċ għandhom ikunu konsistenti mal-qafas tal-bejgħ onlajn jew mill-bogħod, irrispettivament mill-forma tat-tranżazzjoni diġitali. U dan kollu, dejjem sabiex jissaħħu dawn id-drittijiet minflok jiddgħajfu.

    2.3.4.

    Il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill matul id-dibattiti tagħhom dwar dawn il-proposti kkonfermaw il-pożizzjoni tal-KESE dwar il-ħtieġa li tiġi evitata l-frammentazzjoni legali.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-proposta emendata tal-Kummissjoni tippreżenta sett ta’ proposti u ta’ għażliet li huma konsistenti mal-pożizzjonijiet preċedenti tal-KESE, bħall-għażla msemmija hawn fuq favur sistema waħda għall-bejgħ ta’ oġġetti onlajn u offlajn.

    3.2.

    Emendi oħrajn introdotti mid-dispożizzjoni l-ġdida jistħoqqilhom ukoll il-qbil mill-KESE. Dan huwa partikolarment il-każ rigward:

    (a)

    l-Artikolu 2 — l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “produttur” u kjarifika dwar is-sostituzzjoni ta’ oġġetti “mingħajr ħlas”;

    (b)

    l-Artikolu 8 — il-ħolqien ta’ perjodu ta’ preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ugwali għal dak tal-garanzija, peress li s-sitwazzjoni opposta fil-prattika tqassar il-perjodu tal-garanzija legali, ġaladarba l-konsumatur ma jkollux, fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-possibbiltà li jagħti prova dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett;

    (c)

    ħafna titjib u kjarifiki rigward it-terminoloġija legali użata.

    3.3.

    Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 18 tal-proposta, li jkun hemm deroga imperattiva tad-direttiva sempliċement bi ftehim bejn il-partijiet kontraenti, għandha teżisti biss jekk il-ftehim inkwistjoni jiżgura protezzjoni effettiva u l-awtonomija tad-deċiżjonijiet tal-konsumatur.

    3.4.

    Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-proposta emendata għandha:

    (a)

    tinkludi regoli li jippermettu li l-konsumatur jieħu azzjoni legali diretta kontra l-produttur f’każi ta’ nuqqas ta’ konformità bejn l-oġġetti u l-kuntratt, kif meħtieġ minn bosta liġijiet nazzjonali;

    (b)

    tintegra fid-dispożizzjonijiet tagħha kriterji ta’ sostenibilità, kif il-KESE talab diversi drabi fl-opinjonijiet tiegħu (9);

    (c)

    jipprevedi durata massima ta’ tiswija (10) skont il-prattiki tajba tal-professjoni;

    (d)

    tobbliga lill-produtturi jżommu ħażna suffiċjenti ta’ partijiet ta’ rikambju għal tul il-ħajja medja tal-oġġett, bħalma huwa l-każ f’diversi leġislazzjonijiet nazzjonali (11);

    (e)

    tinkludi garanziji oħrajn offruti mill-bejjiegħ (ditta/produttur/assigurazzjoni ta’ apparat…) għall-oġġetti u għas-servizzi;

    (f)

    tinkludi fil-kontenut obbligatorju tad-dikjarazzjoni tal-garanzija informazzjoni dettaljata dwar in-natura gratwita jew għalja, dwar it-tariffi u dwar il-forma tal-pagament;

    (g)

    tistipula li f’każ ta’ trasferiment tas-sjieda tal-oġġetti u tas-servizzi, u fil-qafas ta’ kondizzjonijiet normali ta’ użu, id-drittijiet li jirriżultaw mill-garanzija jiġu wkoll ittrasferiti bis-sħiħ;

    (h)

    tipprevedi r-responsabbiltà diretta u konġunta tal-produttur u tal-bejjiegħ fir-rigward tal-konsumatur, f’każi meta l-konsumatur jagħżel li jsewwi jew li jissostitwixxi l-oġġett, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju diġà previst fl-Artikolu 16 u fuq talba preliminari tal-bejjiegħ;

    (i)

    tipprevedi r-responsabbiltà konġunta tal-pjattaformi onlajn, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma sempliċiment intermedjarji, meta l-konsumatur ikun akkwista l-oġġetti permezz ta’ pjattaforma tax-xiri (Marketplace) mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   Artikolu 1

    4.1.1.

    Il-KESE jistaqsi dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni prevista fil-paragrafu 4 dwar il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti użati li jinxtraw minn irkantijiet meta l-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jattendu l-bejgħ personalment.

    4.2.   Artikolu 9

    4.2.1.

    Il-KESE jfakkar fil-kummenti li għadda fl-opinjoni preċedenti (12) filwaqt li jżomm f’moħħu li b’din il-proposta, u bil-limiti fuq id-drittijiet tal-konsumaturi, inizjalment biss id-dritt għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, id-drittijiet tal-konsumatur f’xi Stati Membri huma inqas protetti minn kemm huma bħalissa bis-sistemi diġà fis-seħħ.

    4.2.2.

    L-iskema prevista fil-punti 3(b) u (d) tagħmel ukoll l-applikazzjoni ta’ dik l-iskema dipendenti minn kunċetti indeterminati. Fil-fatt, l-espressjoni “impossibbli” titħalla għad-diskrezzjoni tal-bejjiegħ, u għalhekk ikun xieraq li dan it-terminu jinbidel għal “teknoloġikament impossibbli”.

    4.3.   Artikolu 10

    4.3.1.

    Il-KESE jitlob li l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-istess kundizzjonijiet diġà stipulati fil-punt 3.3. hawn fuq.

    4.4.   Artikolu 11

    4.4.1.

    Il-KESE jerġa’ jtenni li d-dritt għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni huwa limitat mid-diskrezzjoni tal-bejjiegħ dwar jekk, f’ċerta sitwazzjoni individwali u konkreta, l-eżerċizzju ta’ xi wieħed minn dawn id-drittijiet jimponix spejjeż sproporzjonati meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha.

    4.5.   Artikolu 13

    4.5.1.

    Il-KESE jemmen li l-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-terminu ta’ 14-il jum għar-ritorn u r-rimborż għandha tkun iċċarata.

    4.5.2.

    Il-KESE jistaqsi jekk id-dispożizzjoni tal-inċiż (d) ta’ dan l-artikolu tapplika biss, kif jidher li huwa l-każ, għal sitwazzjonijiet ta’ telf u l-qerda tal-merkanzija.

    4.6.   Artikolu 14

    4.6.1.

    Il-KESE jitlob li jinżamm il-perjodu ta’ garanzija l-iktar għoli li jeżisti f’ċerti Stati Membri peress li fil-każ kuntrarju, dan jirrappreżenta tnaqqis fid-drittijiet tal-konsumaturi f’dawn l-Istati Membri.

    Brussell, il-15 ta’ Frar 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Skont l-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-liġi tal-konsumatur u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE, 46 % tal-bejjiegħa bl-imnut li jużaw mezzi ta’ bejgħ mill-bogħod jemmnu li l-ispejjeż marbuta mal-konformità ma’ diversi prinċipji tal-protezzjoni tal-konsumatur u mad-dritt kuntrattwali jikkostitwixxu ostakolu ewlieni għall-bejgħ transkonfinali. Għal 72 % tal-konsumaturi, id-differenzi fid-drittijiet tal-konsumatur f’każi ta’ prodotti difettużi huma importanti ħafna meta jsiru deċiżjonijiet ta’ xiri bil-preżenza fiżika, f’pajjiż ieħor tal-UE.

    (2)  COM(2015) 634 final u COM(2015) 635 final.

    (3)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57.

    (4)  COM(2015) 635 final.

    (5)  COM(2015) 634 final u COM(2015) 635 final. L-opinjoni tal-KESE (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57).

    (6)  Ara b’mod partikolari d-Direttiva 2011/83/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 u (KE) Nru 593/2008.

    (7)  COM(2015) 634 final u COM(2015) 635 final.

    (8)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57.

    (9)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57 (punt 4.2.5.4).

    (10)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57 (punt 4.2.5.7).

    (11)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 57 (punt 4.2.5.7).

    (12)  ĠU C 264, 20.7.2017, p. 57.


    Top