Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5659

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” (COM(2017) 0482 final — 2017/0220 (COD))

    EESC 2017/05659

    ĠU C 237, 6.7.2018, p. 74–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 237/74


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej”

    (COM(2017) 0482 final — 2017/0220 (COD))

    (2018/C 237/12)

    Relatur:

    Kinga JOÓ

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 13.9.2017 — Parlament Ewropew, 2.10.2017 — Kunsill, 11.10.2017

    Bażi legali

    L-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sottokumitat kompetenti

    Sottokumitat SC/049 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

    Adottata fis-Sottokumitat

    7.2.2018

    Adottata fil-plenarja

    14.3.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    533

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    201/0/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 (1) dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq jenfasizza r-rwol ċentrali taċ-ċittadini tal-UE fil-proġett Ewropew u li l-mekkaniżmu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) jista’ jgħin biex jiġi eliminat id-defiċit demokratiku billi jippromovi ċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva.

    1.2.

    L-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-2016 (2) enfasizzat il-problemi tekniċi, legali u burokratiċi sinifikanti fit-tfassil tal-ECI, flimkien ma’ eċċess ċar ta’ setgħat allokati lill-Kummissjoni. Dan illimita l-ambitu tad-dibattitu pubbliku li l-ECI setgħet tiġġenera u wassal għal segwitu legali limitat għal inizjattivi ta’ suċċess.

    1.3.

    Il-KESE jqis li r-reviżjoni attwali tar-Regolament 211/2011 tal-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija pass importanti biex l-ECI tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, b’mod konformi mal-opinjonijiet diġà espressi mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman Ewropew.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ t-titjib li ġej li jinsab fil-proposta l-ġdida mill-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri li f’dan is-sens:

    1.4.1.

    il-grupp ta’ organizzaturi jitħallew jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fid-data tal-għażla tagħhom;

    1.4.2.

    jingħata rikonoxximent legali lill-kumitati taċ-ċittadini sabiex tiġi llimitata r-responsabilità penali tal-organizzaturi għal frodi u negliġenza serja;

    1.4.3.

    tiġi stabbilita pjattaforma kollaborattiva onlajn fejn iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni u l-pariri dwar l-ECI, bil-kundizzjoni li dan ikun jappoġġja lill-organizzaturi tal-ECI permezz tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-inizjattivi u ġbir tal-appoġġ; Il-KESE jixtieq ikun involut fil-pjattaforma kollaborattiva onlajn u jiġi infurmat dwar l-iżviluppi tagħha. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-utenti tal-pjattaforma jkunu infurmati biżżejjed dwar is-servizzi relatati mal-ECI li joffri l-KESE lill-organizzaturi tal-ECIs;

    1.4.4.

    il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għas-servizz tat-traduzzjoni offrut sa mill-2015 mill-KESE lill-organizzaturi kollha tal-ECI, u li l-Kummissjoni tipprovdi t-traduzzjoni tal-kontenut tal-ECI fil-lingwi uffiċjali tal-UE mar-reġistrazzjoni ta’ ECI;

    1.4.5.

    l-Istati Membri jintalbu jissemplifikaw, iċekknu u jarmonizzaw is-sistema tal-istandards nazzjonali stabbiliti għall-ġbir u l-verifika tad-data u li d-dritt tal-appoġġ għal ECI jkun ibbażat fuq in-nazzjonalità, li għandhom jiżguraw li l-ebda ċittadin tal-UE ma jiġi eskluż mill-ECI;

    1.4.6.

    kull Stat Membru jippromovi b’mod attiv l-ECI, u jistabbilixxi punti ta’ kuntatt li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-organizzaturi tal-ECI dwar kwistjonijiet tekniċi u ta’ kampanja relatati tal-ECI;

    1.4.7.

    is-sistema tal-ġbir ta’ firem onlajn (OCS) mingħajr ħlas (3) tiġi offruta mill-Kummissjoni Ewropea fuq bażi permanenti sabiex tissemplifika l-ġbir u l-ġbir f’katalogi tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kif ukoll il-verifika ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-fatt li din l-għodda se tkun disponibbli għall-persuni b’diżabilità;

    1.4.8.

    il-Kummissjoni tkun impenjata biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-eżistenza tal-ECI.

    1.5.

    Il-KESE jippreżenta dawn il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, fir-rigward tal-proposta l-ġdida:

    1.5.1.

    Ir-rwoli ta’ mentor istituzzjonali u ta’ persuna li tieħu d-deċiżjonijiet fir-reġistrazzjoni, li t-tnejn li huma fil-preżent jitwettqu mill-Kummissjoni, għandhom ikunu sseparati. Il-KESE jtenni li huwa lest li jkompli jappoġġja l-inizjattivi u li jkun kandidat naturali biex jaqdi r-rwol ta’ faċilitatur u ta’ mentor istituzzjonali.

    1.5.2.

    Fuq l-eżempju tal-KESE li jistieden l-organizzaturi tal-ECI għal diversi dibattiti fil-grupp tal-ECI, fis-sezzjonijiet u fis-sessjonijiet plenarji tiegħu (4), l-organizzaturi tal-ECI għandu jkollhom aktar opportunitajiet ta’ djalogu matul u wara l-kampanja tagħhom, u d-djalogu ma’ ECIs li jirnexxu m’għandux neċessarjament jintemm bir-rispons formali tal-Kummissjoni.

    1.5.3.

    Il-KESE jqis li huwa importanti wkoll li abbażi tal-konferenza annwali tiegħu, jinħoloq Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala post għal djalogu, biex issir enfasi akbar fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-organizzaturi u biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ netwerking għall-organizzaturi fil-perjodu attwali u li jirnexxu.

    1.5.4.

    L-inizjattivi ta’ suċċess għandu jkollhom segwitu xieraq. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jittama li jara l-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti ndaqs fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-organizzaturi biex jippreżentaw u jiddibattu l-inizjattivi tagħhom, f’konformità mal-eżempju tal-KESE li jistieden lill-organizzaturi tal-ECIs għal diversi dibattiti. Il-KESE jqis li huwa partikolarment importanti li l-inizjattivi ta’ suċċess li jiġu diskussi fis-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew biex tiżdied id-dimensjoni politika tad-dibattitu Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

    1.5.5.

    Fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tiegħu biex jiġi garantit tqassim bbilanċjat tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-ECI (5), il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni espressa mis-soċjetà ċivili (6) li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jkun l-uniku organizzatur tas-smigħ pubbliku għal inizjattivi ta’ suċċess, u l-Kummissjoni tkun rappreżentata fil-livell xieraq. Is-seduti ta’ smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew jikkostitwixxu avveniment kruċjali għal organizzaturi ta’ ECIs li jirnexxu sabiex jesprimu l-għanijiet tagħhom, u biex jimpenjaw ruħhom mal-Membri Parlamentari Ewropej, li huma r-rappreżentanti tal-korp usa’ taċ-ċittadini tal-UE.

    1.5.6.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet dettaljati u ċari għad-deċiżjonijiet kollha tagħha biex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva, kemm jekk ikun rifjut parzjali kif ukoll jekk totali.

    1.5.7.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ parti minn proposta ta’ ECI. Madankollu, għandha tinżamm deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni unika.

    1.5.8.

    Minħabba l-importanza tal-ECI għad-demokrazija tal-UE, l-introduzzjoni reċenti tagħha, u meta jitqies li ż-żmien li se jkun meħtieġ biex jiġi implimentat it-tibdil li jirriżulta mir-reviżjoni leġiżlattiva attwali ser ikun sinifikanti, il-perjodu ta’ żmien għar-reviżjoni tal-ECI għandu jibqa’ ta’ tliet snin.

    1.5.9.

    Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea tal-valur u l-ħtieġa kontinwa tas-servizz tat-traduzzjoni pprovdut mill-KESE sa mill-2015. Il-provvista futura tal-Kummissjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni għandha tinkludi wkoll it-traduzzjoni tal-annessi għal proposta ECI. Dan huwa importanti sabiex jiġi ffaċilitat fehim pubbliku aktar sħiħ tal-proposti tal-inizjattiva (7).

    1.5.10.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-valur ta’, u l-ħtieġa għal aktar dibattitu biex jiġi deċiż jekk għandhiex titbaxxa l-età minima għall-appoġġ ta’ ECI.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija strument innovattiv introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, u parti importanti tal-iżvilupp preżenti u futur ta’ demokrazija parteċipattiva transnazzjonali fl-UE (8). L-ECI hija dritt li jirriżulta mid-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. L-ECI għandha tiffaċilita l-involviment attiv ta’ kull ċittadin fit-tfassil tal-aġenda u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, billi tiżviluppa dibattitu pubbliku madwar l-UE, u billi tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini jitolbu direttament lill-Kummissjoni biex tipproponi att legali tal-Unjoni.

    2.2.

    Ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-ECI huma stipulati f’Regolament tal-UE adottat fis-16 ta’ Frar 2011 u ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ April 2012 (9). Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament ġdid fit-13 ta’ Settembru 2017 bħala parti mill-pakkett li jakkumpanja l-Istat tal-Unjoni.

    2.3.

    Skont ir-Regolament attwali, ECI tista’ tiġi organizzata jew iffirmata miċ-ċittadini tal-UE kollha li jkunu laħqu l-età legali biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (10). L-inizjattivi jiġu stabbiliti minn kumitat taċ-ċittadini. L-organizzazzjonijiet jistgħu jippromovu jew jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, sakemm jagħmlu dan b’trasparenza sħiħa.

    2.4.

    Il-proċedura tal-ECI tinvolvi tliet fażijiet:

    2.4.1.

    Il-fażi inizjali tinvolvi l-istabbiliment ta’ kumitat taċ-ċittadini (11), ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva (12) soġġetta għal valutazzjoni ta’ eliġibbiltà mill-Kummissjoni (13) u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistema tal-ġbir ta’ firem onlajn (14).

    2.4.2.

    Fil-fażi ta’ ġbir, iridu jinġabru minimu ta’ miljun “dikjarazzjoni ta’ appoġġ” (firem) fuq perjodu massimu ta’ tnax-il xahar u tal-anqas minn seba’ pajjiżi tal-UE (15). Il-firem jiġu ċċertifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (16) u ECI li tirnexxi tiġi mbagħad ippreżentata lill-Kummissjoni.

    2.4.3.

    Wara l-preżentazzjoni, l-inizjattiva ta’ suċċess tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, qabel il-laqgħa mal-organizzaturi. Ikun hemm smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni jkollha tliet xhur li fihom tiddeċiedi sa liema punt se tadotta l-proposta leġiżlattiva fl-inizjattiva, jekk tadottaha, u twieġeb permezz ta’ komunikazzjoni.

    2.5.

    Sa issa, aktar minn 8 miljun ċittadin tal-UE ffirmaw ECI. Għalkemm ġew ippreżentati 69 inizjattiva, 48 biss ġew irreġistrati mill-Kummissjoni, li minnhom erbgħa ġabru tal-anqas miljun firma (17). Kien hemm xi reazzjonijiet limitati għall-inizjattivi ta’ suċċess; inizjattiva ta’ suċċess waħda biss wasslet għal impenn mill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta leġiżlattiva ġdida (18).

    2.6.

    Issa huwa aċċettat b’mod wiesa’ mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzaturi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata li, minkejja xi tibdil tekniku pożittiv, l-istrument tal-ECI għadu “l bogħod milli jilħaq il-potenzjal demokratiku sħiħ tiegħu. F” Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 2017 (19) il-Kummissjoni ħabbret li kienet se twettaq reviżjoni leġiżlattiva sħiħa. Din hija opportunità importanti biex jissaħħaħ id-dibattitu pubbliku tal-UE, u l-kapaċità tal-pubbliku fit-tfassil tal-aġenda u fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jinfluwenza l-politika tal-UE permezz tal-ECI. Barra minn hekk, hemm qbil ġenerali li l-ECI għandha l-potenzjal li tlaqqa’ liċ-ċittadini tal-UE flimkien għall-kawżi li jgħaqqduhom, u biex jissaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea.

    2.7.

    L-organizzaturi tal-ECI enfasizzaw li hemm ukoll il-valur fil-proċess tal-ECI innifsu f’termini tal-iżvilupp ta’ netwerks għal kawżi komuni, li jikkomplementa l-għan li jinġabru miljun firma.

    3.   Ir-rispons istituzzjonali għall-ECI

    3.1.

    Il-KESE saħħaħ il-profil tal-ECI f’Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (20) annwali tiegħu u stabbilixxa helpdesk għall-ECI (21) li pprovda lill-organizzaturi tal-inizjattivi, fost l-oħrajn, bi traduzzjonijiet ta’ deskrizzjonijiet tal-ECI (fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol mit-talba), pubblikazzjonijiet stampati u onlajn dwar l-ECI u diversi opportunitajiet għall-preżentazzjoni tal-ECIs f’laqgħat tal-Grupp ad hoc dwar l-ECI tal-KESE, fis-sezzjonijiet u fis-sessjonijiet plenarji (22).

    3.2.

    Il-KESE adotta l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2016 (23) li fiha rrakkomanda li jagħmel l-ECI aktar effiċjenti, viżibbli u faċli għaċ-ċittadin.

    3.3.

    Il-konklużjonijiet tal-istudju tal-Parlament Ewropew (24) ġew inklużi f’Ottubru 2015 f’Riżoluzzjoni (25) li fiha l-Parlament formalment talab reviżjoni tar-Regolament dwar l-ECI u għamel rakkomandazzjonijiet b’saħħithom lill-Kummissjoni dwar it-tibdil. Il-Parlament Ewropew ħareġ ukoll abbozz ta’ rapport fuq inizjattiva proprja fl-2017 (26) li jipproponi tibdil fir-Regolament dwar l-ECI.

    3.4.

    F’Marzu 2015, wara inkjesta fuq inizjattiva proprja, l-Ombudsman Ewropew fasslet 11-il linja gwida għal aktar titjib fl-ECI (27) u f’Lulju 2017 hija bagħtet ittra miftuħa lill-Kummissjoni li tirrinforza dan (28).

    3.5.

    F’Ottubru 2015 il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni favur ir-reviżjoni rapida u sostanzjali tar-Regolament (29), u ser jivvota dwar Opinjoni oħra fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Marzu 2018.

    3.6.

    Il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ progress f’April 2015, u rispons għall-proposti tal-Parlament Ewropew fi Frar 2016, li rrikonoxxew id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini li jorganizzaw u jappoġġjaw l-ECIs.

    3.7.

    L-organizzaturi tal-ECI kkontestaw numru ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-ECIs fil-Qorti tal-Ġustizzja (30) u permezz ta’ lmenti lill-Ombudsman Ewropew (31). Id-deċiżjonijiet f’dawn il-każijiet żiedu mal-pressjoni biex jinbidel ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, speċjalment b’rabta mar-reġistrazzjoni parzjali ta’ ECI u d-dmir tal-Kummissjoni li tispjega d-deċiżjoni tagħha.

    4.   Ir-rwol tal-KESE u l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

    4.1.

    Il-KESE, bħala l-pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata, kien involut mill-bidu fid-dibattitu dwar l-ECI. Dan jintwera mill-Opinjonijiet adottati sal-lum (32), mill-appoġġ ipprovdut għall-ECI, u mill-istabbiliment ta’ grupp ad hoc għall-monitoraġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (33).

    4.2.

    Il-KESE se jkompli jkun involut b’mod attiv fl-impenn multiistituzzjonali fil-proċess tal-ECI, bi rwol doppju ta’ faċilitatur u mentor istituzzjonali. Fost l-inizjattivi u l-kompetenzi tal-KESE nsibu dawn li ġejjin:

    4.2.1.

    il-“Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej”, organizzat mill-KESE kull sena biex jgħolli l-profil tal-ECI, kellu rwol importanti fiż-żamma tal-ECI fuq quddiem tal-aġenda istituzzjonali tal-UE. Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej diġà huwa opportunità importanti għad-djalogu bejn l-organizzaturi tal-ECI, l-istituzzjonijiet tal-UE, u partijiet interessati oħrajn, sabiex tiġi vvalutata l-qagħda tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-ECI; u sabiex tiġi skambjata l-aqwa prattika u jiġi faċilitat in-netwerking fost l-organizzaturi u l-partijiet interessati l-oħrajn; u biex tkun pjattaforma ta’ djalogu għall-ECIs ta’ suċċess. Il-KESE ser ikompli jibni fuq is-suċċess tal-Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u ser iwessa’ l-ambitu u r-rwol tal-konferenza, pereżempju permezz ta’ reviżjoni regolari tas-segwitu mill-Kummissjoni bi tweġiba għal ECIs li jirnexxu; Jum l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej huwa organizzat mill-grupp ad hoc f’kooperazzjoni mal-imsieħba strateġiċi rilevanti;

    4.2.2.

    it-tfassil ta’ gwida prattika – li issa waslet fit-tielet edizzjoni tagħha – biex titqajjem kuxjenza u tiġi promossa l-ECI (34). L-ECI kienet ukoll fiċ-ċentru ta’ pubblikazzjoni oħra tal-Kumitat, il-Passaport Ewropew għaċ-Ċittadinanza Attiva (35) (disponibbli f’forma stampata u f’verżjoni HTML (36)), li għandha l-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom u tipprowovi d-demokrazija parteċipattiva transnazzjonali;

    4.2.3.

    l-istedina lill-organizzaturi tal-ECI b’inizjattivi li jaqgħu fl-ambitu tal-oqsma ta’ politika tal-Kumitat biex jippreżentaw l-inizjattivi tagħhom lill-KESE. (37) Dawn l-opportunitajiet jippermettu lill-KESE jipprovdi lill-organizzaturi tal-ECI bi pjattaforma biex jinvolvu ruħhom mar-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali, u jsaħħaħ il-profil tal-ECI bħala għodda demokratika, filwaqt li jżomm pożizzjoni newtrali rigward il-kwistjoni tal-politika speċifika kkonċernata;

    4.2.4.

    dejjem jipprovdi opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess, fejn dan jaqa’ fl-ambitu tal-ħidma tal-KESE;

    4.2.5.

    Ir-rappreżentanti tal-KESE għandhom jipparteċipaw f’kull smigħ pubbliku tal-Parlament Ewropew għal inizjattivi ta’ suċċess, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-għall-proċess ta’ analiżi interistituzzjonali dwar kif għandha tkun ir-reazzjoni għal ECI ta’ suċċess. Il-KESE għandu jiġi mistieden għal seduta tas-smigħ pubblika b’mod awtomatiku (38). L-opinjoni tal-KESE ser tkun ibbażata fuq diskussjonijiet f’sessjoni plenarja tal-KESE li l-organizzaturi huma mistiedna għaliha.

    4.2.6.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjattaforma kollaborattiva onliajn, u jixtieq li jkun involut u infurmat dwar l-iżviluppi tagħha. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-utenti tal-pjattaforma jkunu infurmati biżżejjed dwar is-servizzi relatati mal-ECI li joffri l-KESE lill-organizzaturi tal-ECIs;

    4.2.7.

    Il-KESE għandu jkompli l-kampanja għal ECI aktar b’saħħitha u effiċjenti, u biex titqajjem il-kuxjenza fuq livell nazzjonali u lokali, bħal permezz tal-inizjattivi “Going local” tiegħu.

    5.   Kummenti dwar it-tibdil fir-Regolament

    5.1.

    L-ECI kellha tkun ċara, sempliċi u faċli għall-utent. Madankollu, ħafna organizzaturi tal-ECI, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (39), kummentaturi akkademiċi (40) u atturi istituzzjonali rrapportaw kwistjonijiet tekniċi u legali sinifikanti relatati mal-ECI. Il-KESE jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni għal riforma tar-Regolament sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet istituzzjonali, legali u organizzazzjonali aktar kumplessi, u jiġi promoss id-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet. Dan, min-naħa tiegħu, ser itejjeb id-dibattiti madwar l-UE liffaċilitati mill-ECI, irrispettivament minn jekk l-ECI tilħaqx miljun firma jew le.

    5.2.

    Il-KESE jtenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni xierqa u kompleta tal-ECI tista’ tgħin biex tagħlaq id-distakk bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE u b’mod sinifikanti ttejjeb l-involviment tal-pubbliku fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Huwa wkoll pass importanti għall-iżvilupp usa’ tad-demokrazija parteċipattiva fl-UE.

    5.3.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-appoġġ interistituzzjonali b’saħħtu għall-ECI u jilqa’ l-proposti għal tibdil mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Ombudsman Ewropew. Kull istituzzjoni għandha rwol importanti matul u wara l-kampanji tal-ECI sabiex tipprovdi għajnuna u opportunitajiet għad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzaturi.

    5.4.

    Il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru jistabbilixxi punti ta’ kuntatt li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-organizzaturi tal-ECI dwar kwistjonijiet tekniċi kif ukoll attivitajiet ta’ kampanja, kwistjonijiet relatati mal-ECI u biex jippromovu b’mod attiv l-ECI fuq il-livell nazzjonali u lokali;

    5.5.

    Il-KESE jissuġġerixxi dawn il-proposti li ġejjin għar-riforma tar-Regolament bil-ħsieb li l-mekkaniżmu tal-ECI jkun aktar sempliċi u aktar effettiv:

    5.5.1.

    Ir-rwoli tal-Kummissjoni bħala mentor istituzzjonali (41) għall-organizzaturi ta’ ECI u bħala dik li tieħu d-deċiżjonijiet waqt ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu separati. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi rimedjat il-kunflitt ta’ interess potenzjali fi ħdan il-Kummissjoni u biex il-mekkaniżmu tal-ECI jkun jista’ jiġi implimentat bis-sħiħ u b’mod effettiv. Il-KESE jkun il-kandidat naturali għar-rwol ta’ mentor istituzzjonali.

    5.5.2.

    Għandu jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ djalogu mal-organizzaturi tal-ECI, matul u wara l-kampanja biex jogħla l-profil politiku tal-kampanji tal-ECI. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jittama li jara l-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti ndaqs fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-organizzaturi biex jippreżentaw u jiddibattu l-inizjattivi tagħhom, f’konformità mal-eżempju tal-KESE li jistieden lill-organizzaturi tal-ECIs għal diversi dibattiti. Is-seduta ta’ smigħ tal-plenarja fil-Parlament Ewropew hija ċentrali għal dawn l-opportunitajiet ta’ djalogu.

    5.5.3.

    Għandu jiġi ggarantit segwitu xieraq għall-inizjattivi ta’ suċċess. Filwaqt li jirrispetta d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tistenna li tfassal proposta leġiżlattiva fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tal-kampanja, jew tagħti ġustifikazzjoni sħiħa meta tiddeċiedi li ma tippreżenta l-ebda proposta.

    5.5.4.

    Minbarra s-smigħ li jsir fil-Parlament Ewropew u l-laqgħa tal-Kummissjoni mal-organizzaturi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll rabtiet aktar mill-qrib mal-organizzaturi tal-ECI. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm involviment mal-organizzaturi f’attivitajiet li jsiru fir-rigward tas-suġġett ta’ ECI ta’ suċċess wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni inizjali tagħha.

    5.5.5.

    Sabiex jiġi żgurat il-bilanċ xieraq ta’ kompiti u kompetenzi, il-KESE jappoġġja l-fehma espressa mis-soċjetà ċivili matul seduta tal-KESE li l-Parlament għandu jkompli jkun l-uniku organizzatur tas-smigħ pubbliku dwar l-ECI ta’ suċċess.

    5.5.6.

    Għandu jkun hemm raġunijiet dettaljati u ċari għad-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni biex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva, kemm jekk ikun rifjut parzjali kif ukoll jekk totali.

    5.5.7.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti reġistrazzjoni parzjali. Madankollu, fl-interess tal-adozzjoni ta’ proċeduri u kriterji ċari u sempliċi għar-reġistrazzjoni tal-ECI, għandha tinżamm deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni waħda. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi lill-organizzaturi b’pariri dwar il-bażi legali tal-proposta tagħhom qabeljippreżentawha, u tipproponi soluzzjonijiet possibbli sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà.

    5.5.8.

    Il-KESE għandu jsewgi d-diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima biex wieħed jappoġġja ECI u jieħu sehem fiha. Il-KESE huwa konxju li din il-kwistjoni tqajjem ħafna mistoqsijiet, iżda fl-istess waqt huwa jagħraf il-ħtieġa għal aktar diskussjoni.

    5.5.9.

    Huwa importanti li l-perjodu ta’ żmien għal reviżjoni tal-ECI jibqa’ ta’ tliet snin. Dan huwa minħabba l-importanza tal-ECI għad-demokrazija tal-UE, l-introduzzjoni riċenti tagħha, u minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ biex jiġu implimentati l-bidliet li jirriżultaw mir-reviżjoni leġiżlattiva attwali.

    5.5.10.

    Il-proċeduri biex jiġu infurmati ċ-ċittadini u biex titqajjem kuxjenza dwar l-ECI għandhom jissaħħu. Dan għandu jsir l-ewwel nett permezz ta’ kampanji ad hoc promossi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jipproponi wkoll li jippermetti lill-grupp ta’ organizzaturi jinfurmaw lil dawk li jappoġġjaw u li huma interessati dwar l-iżviluppi u l-kisbiet tal-kampanja (ladarba s-sostenituri jkunu awtorizzaw dan il-kuntatt). L-istess japplika għall-Kummissjoni, li għandha tippubliċizza aħjar is-segwitu ta’ inizjattivi ta’ suċċess b’mod aktar effettiv, kif ukoll billi l-ewwel nett tinforma lill-grupp ta’ organizzaturi.

    5.5.11.

    Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa għas-servizz ta’ traduzzjoni pprovdut sa mill-2015 mill-KESE. Il-provvista futura tal-Kummissjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni għandha tinkludi wkoll it-traduzzjoni tal-annessi għal proposta ECI (42). Dan huwa importanti sabiex jiġi ffaċilitat fehim pubbliku aktar sħiħ tal-proposti ta’ inizjattiva.

    5.5.12.

    Għandhom jiġu esplorati metodi ġodda biex il-ġbir tal-firem onlajn ikun marbut mal-midja soċjali u diġitali sabiex tintlaħaq udjenza dejjem akbar.

    Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU L 65,11.3.2011, p. 1.

    (2)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 35.

    (3)  L-OCS hija l-abbrevjazzjoni għal softwer tal-ġbir onlajn (online signature collection), li huwa għodda pprovduta b’xejn mill-Kummissjoni Ewropea għall-ġbir tal-firem onlajn. Din l-għodda tissemplifika kemm il-ġbir tad-data kif ukoll il-verifika ta’ dik id-data mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-OCS jikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1179/2011 tal-Kummissjoni. https://joinup.ec.europa.eu/software/ocs/description

    (4)  Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-KESE tal-14.10.2014 dwar il-kriterji interni għall-istedina tal-organizzaturi għas-sessjonijiet plenarji u għal-laqgħat tas-sezzjoni.

    (5)  Punt 1.4.5 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (reviżjoni) (opinjoni fuq inizjattiva proprja) mit-13 ta’ Lulju 2016.

    (6)  Il-KESE organizza seduta pubblika dwar il-proposta l-ġdida tal-ECI mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-12.12.2017.

    (7)  Għal diskussjoni dwar l-importanza tal-annessi, ara l-paragrafi 47-58 fil-Kawża Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni T-529/13.

    (8)  L-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011.

    (10)  L-età legali għall-vot hija ta’ 18-il sena fl-Istati Membri kollha, ħlief fl-Awstrija, fejn hija 16.

    (11)  Kumitat taċ-ċittadini għandu jkun magħmul minn tal-anqas seba’ ċittadini tal-UE, li jkunu residenti f’seba’ Stati Membri differenti tal-UE.

    (12)  L-inizjattiva trid tiġi deskritta b’massimu ta’ 800 karattru (100 għat-titolu, 200 għad-deskrizzjoni u 500 għad-dettalji tal-objettivi).

    (13)  L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. L-aktar importanti huwa l-Artikolu 4(2)(b), li jirrikjedi li ECI proposta ma taqax b’mod manifest barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Għal valutazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni ara James Organ, “Decommissioning direct democracy? A critical analysis of Commission decision-making on the legal admissibility of European Citizens Initiative proposals”, 10 EuConst (2014), 422–443.

    (14)  L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. Ir-Regolament jistipula li dan il-proċess huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

    (15)  Ir-Regolament jistipula li għandhom jinġabru numru minimu ta’ firem minn kull pajjiż, skont in-numru ta’ abitanti http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/signatories?lg=mt

    (16)  L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011.

    (17)  Il-proposti li ġejjin kienu ta’ suċċess: L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem!) L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!); Stop vivisection; Wieħed Minna;Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi): http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/successful

    (18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi, C(2017) 8414 final. Fl-1 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li hija parzjalment reazzjoni għall-ECI Right2Water.

    (19)  Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej hija konferenza annwali organizzata mill-KESE. L-imsieħba tal- Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 2017 kienu l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Kampanja tal-ECI, is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni taċ-Ċittadini, l-Università ta’ Liverpool, l-Iskola tal-Liġi u l-Ġustizzja Soċjali, Democracy International, l-’Initiative and Referendum Institute Europe’ u People2power. Ir-reviżjoni tal-ECI ġiet imħabbra mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans fis-sessjoni inawgurali.

    (20)  L-ewwel edizzjoni tal-Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej saret fit-30.3.2012, ġurnata qabel ma r-Regolament daħal fis-seħħ. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-KESE organizza sitt edizzjonijiet li jsiru f’April ta’ kull sena. Is-seba’ edizzjoni tal-2018 ser issir fl-10 ta’ April.

    (21)  Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-pubblikazzjoni tal-KESE: “Helpdesk tal-ECI fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”.

    (22)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

    (23)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (reviżjoni, (C 389, 21.10.2016, p. 35).

    (24)  Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, “L-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. L-esperjenza tal-ewwel tliet snin”, 2015.

    (25)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Ottubru 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (2014/2257(INI). Relatur: György Schöpflin: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0382+0+DOC+XML+V0//MT

    (26)  Abbozz ta’ rapport – Reviżjoni tar-Regolament (UE) 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, 11.9.2017: http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/afco/draft-reports.html?ufolderComCode=AFCO&ufolderLegId=8&ufolderId=09289&linkedDocument=true&urefProcYear=&urefProcNum=&urefProcCode=

    (27)  Każ: OI/9/2013/TN miftuħ fit-18.12.2013 u d-Deċiżjoni fl-4.3.2015: http://www.ombudsman.europa.eu/mt/cases/decision.faces/mt/59205/html.bookmark

    (28)  Każ: SI/6/2017/KR, ittra bid-data tal-11.7.2017:

    https://www.ombudsman.europa.eu/cases/correspondence.faces/mt/81311/html.bookmark

    (29)  Il-Kumitat tar-Reġjuni, Opinjoni dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 423, 17.12.2015, p. 1).

    (30)  B’mod partikolari r-rikużi ta’ suċċess fis-sentenzi tal-Qorti bid-data tat-3.2.2017 fil-Kawża T-646/13 (Minority SafePack); bid-data tal-10.5.2017 fil-Kawża T-754/14 (Stop TTIP); u bid-data tat-12.9.2017 fil-Kawża C-589/15 P (One million signatures for a Europe of solidarity).

    (31)  Id-deċiżjonijiet fil-Kawża 1086/2017/PMC bid-data tal-4.10.2017 (Mum, Dad & Kids), fil-Kawża 1609/2016/JAS bid-data tat-18.4.2017 (Stop Vivisection) u l-ilmenti 402/2014/PMC (kunfidenzjali) bid-data tat-3.3.2015 u 2071/2013/EIS bid-data tat-12.12.2014 (Stop Vivisection).

    (32)  Opinjoni tal-KESE dwar L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (l-Artikolu 11) (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59).

    Il-Kumitat tar-Reġjuni, Opinjoni dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 182).

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (reviżjoni) (ĠU C 389, 21.10.2016 p. 35).

    (33)  Il-grupp ad hoc tal-KESE dwar l-ECI ġie stabbilit f’Ottubru 2013 biex jipprovdi gwida politika dwar l-ECI u jimmonitorja l-iżviluppi f’dan il-qasam.

    (34)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-04-15-566-mt-n.pdf

    (35)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-04-15-149-mt-n.pdf

    (36)  http://www.eesc.europa.eu/eptac/en

    (37)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

    (38)  Fit-2.2.2014, Henri Malosse, li dak iż-żmien kien il-President tal-KESE, bagħat lill-President tal-Parlament Ewropew ta’ dak iż-żmien, Martin Schulz, ittra uffiċjali li fiha esprima l-interess tal-KESE li jkun mistieden fuq bażi regolari biex għas-seduti ta’ smigħ pubbliku dwar l-ECIs li jirnexxu.

    (39)  C. Berg, J. Tomson, An ECI that works! Learning from the first two years of the European Citizens’ Initiative, 2014: http://ecithatworks.org/

    (40)  Artikli riċenti jinkludu: Organ, “EU Citizen Participation, openness and the European Citizens Initiative: the TTIP legacy”, 54 CMLRev 1713–1748 (2017); Karatzia, “The European Citizens Initiative and the EU institutional balance: On realism and the possibilities of affecting EU lawmaking”, 54 CML Rev. (2017), 177–208; u Vogiatzis, “‘Between discretion and control: Reflections on the institutional position of the Commission within the European citizens’ initiative process”, European Law Journal 2017; 23; 250-271.

    (41)  Ara l-punti 1.2 u 4.3.2 tal-Opinjoni tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 182).

    (42)  Għal diskussjoni dwar l-importanza tal-annessi, ara l-paragrafi 47-58 fil-Kawża Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni T-529/13.


    Top