Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC1210(02)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    C/2016/8211

    ĠU C 461, 10.12.2016, p. 12–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 461/12


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2016/C 461/06)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba saret fit-8 ta’ Settembru 2016 mill-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Inossidabbli Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea (ESTA jew “l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi.

    2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

    Il-prodott soġġett għar-rieżami huwa pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi (ħlief dawk il-pajpijiet u tubi b’tagħmir imwaħħal magħhom li jkunu adatti biex jgħaddu l-gassijiet u l-likwidi minnhom għall-użu fi bċejjeċ tal-ajru ċivili (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7304 11 00, 7304 22 00, 7304 24 00, ex 7304 41 00, 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00 (kodiċijiet TARIC 7304410090, 7304499390, 7304499590, 7304499990 u 7304900091), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ).

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 (3).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    4.1.    Raġunijiet għar-rieżami ta’ skadenza

    It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    4.1.1.   Allegazzjoni ta’ probabilità ta’ rikorrenza ta’ dumping

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) titqies bħala pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-RPĊ abbażi tal-prezz f’bosta pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq, prinċipalment l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Korea. L-allegazzjoni li x’aktarx ikun hemm rikorrenza ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valuri normali stabbiliti b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-allegazzjoni tal-probabilità ta’ rikorrenza ta’ dumping hija bbażata wkoll fuq tqabbil tal-valur normali hekk stabbilit mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott rieżaminat meta dan jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Indja, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka, fid-dawl tal-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni.

    Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri l-eżistenza ta’ dumping, l-applikant jallega li hemm probabilità ta’ rikorrenza ta’ dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.

    4.1.2.   Allegazzjoni dwar il-probabilità li d-dannu jokkorri mill-ġdid

    L-applikant jallega li probabbilment id-dannu jokkorri mill-ġdid. F’dan ir-rigward, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza tal-kapaċità mhux użata tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ u minħabba l-attrattività tas-suq tal-Unjoni minħabba li prezzijiet ogħla jiddominaw f’dan is-suq.

    Fl-aħħar nett, l-applikant jallega li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li jekk dawn jitħallew jiskadu, kwalunkwe rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami fil-kuntest tal-iskadenza se jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri hijiex probabbilment se twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dumping tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami u l-perjodu kkunsidrat

    L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabilità ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabilità ta’ rikorrenza ta’ dumping

    Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkoperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    Il-proċedura sabiex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-RPĊ

    Teħid ta’ kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ li huma involuti f’din l-investigazzjoni tal-iskadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, sabiex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkoperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan l-Avviż.

    Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa fl-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ li jittieħed kampjun, il-produtturi esportaturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-RPĊ.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu f’kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkoperaw (“il-produtturi esportaturi li kkoperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Id-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun mhux se jkun aktar mill-marġini medju peżat tad-dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (5).

    5.2.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    Għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima li titratta l-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat mingħajr ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ il-valur normali se jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

    Fl-investigazzjoni ta’ qabel l-UE ntużat bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-RPĊ. Għall-fini tal-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni tipprevedi li tuża l-Istati Uniti tal-Amerka. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, produtturi oħrajn tal-ekonomija tas-suq jistgħu jinsabu fost l-oħrajn fir-Repubblika tal-Korea, fl-Ukraina, fil-Ġappun, fin-Norveġja u fit-Turkija. Il-Kummissjoni, bl-għan li fl-aħħar nett tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, se tivverifika jekk hemmx produzzjoni u bejgħ reali tal-prodott li qed jiġi rieżaminat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li li għalihom huwa indikat li l-prodott rieżaminat qed ikun prodott. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar l-għażla tal-pajjiż analogu fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.2.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (6)  (7)

    Il-produtturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mir-RPĊ, inklużi dawk li ma kkoperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati, li huma involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (“teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkoperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.3.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-probabilità ta’ rikorrenza ta’ dannu

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabilità ta’ rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Teħid ta’ kampjun tal-produtturi tal-Unjoni

    Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (“teħid ta’ kampjun”). It-teħid tal-kampjun jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.7 aktar ‘l isfel). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkoperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabilità tar-rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fl-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.5.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.7.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Limited” (Ristrett) (8).

    Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma rikjesti li jagħtu sommarju mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw is-sottomissjonijiet u r-rikjesti kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz tal-posta reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz validu tal-posta elettronika tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tan-negozju uffiċjali u operattiv li jkun ikkonsultat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Directorate General for Trade

    Direttorat H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Indirizz elettroniku

    :

    TRADE-SSSPT-R657-DUMPING@ec.europa.eu

    TRADE-SSSPT-R657-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta’ koperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab illi kwalunkwe persuni interessati jkunu pprovdew informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni m’għandhiex tiġi meqjusa u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli.

    Jekk xi parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u għalhekk il-konklużjonijiet ikunu msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkoperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata m’għandux jitqies bħala nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost żejjed mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    7.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ interfaċċja bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsir smigħ li jinvolvi lill-partijiet bil-għan li jippermettilhom jippreżentaw fehmiet differenti u li jressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabilità ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, dumping, dannu, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż).

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    10.   Ipproċessar ta’ dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).


    (1)  ĠU C 117, 2.4.2016, p. 10.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011 li jimponi dazju definittiv antidumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 6).

    (4)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott rieżaminat.

    (5)  B’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhux se jkunu meqjusa.

    (6)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produttur esportatur. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) parti terza li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom: (I) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala persuna li għandha l-kapaċità li twettaq atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (7)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

    (8)  Dokument “Limited” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top