EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0303(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU C 81, 3.3.2016, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 81/08)

Il-Kummissjoni approvat din l-applikazzjoni għal emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“LAMMEFJORDSKARTOFLER”

UE Nru: DK-PGI-0205-01365 – 23.9.2015

( ) DOP ( X ) IĠP ( ) STG

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Lammefjordens Grøntsagslaug.

Højgårdsvej 9

4540 Fårevejle

DANMARK

Telephone: +45 59621234

E-mail: mail@lammefjorden.dk

Lammefjordens Grøntsagslaug hija l-assoċjazzjoni li rreġistrat DK/PGI/0005/00952 “Lammefjordskartofler”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Id-Danimarka

3.   Intestatura fl-ispeċifiċità tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Affarijiet Oħra [Daqs tal-Imballaġġ]

4.   Tip ta’ emenda(i)

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha dokument uniku (jew l-ekwivalenti) ma ġiex ippubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ STG rreġistrata li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda(i)

L-applikazzjoni tikkonċerna żewġ emendi:

I:

Dan li ġej jiżdied mat-taqsima “E. Produzzjoni” tal-ispeċifiċità tal-prodott:

“Pakketti tal-patata tal-Lammefjord ippreżentati lill-konsumaturi finali jistgħu jiżnu sa 15-il kg.”

B’mod simili, taħt il-punt “3.6 Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.” tad-dokument uniku, l-aħħar sentenza:

“Pakketti tal-patata tal-Lammefjord ippreżentati lill-konsumaturi finali jistgħu jiżnu bejn kg u 15-il kg.”

tiġi sostitwita minn:

“Pakketti tal-patata tal-Lammefjord ippreżentati lill-konsumaturi finali jistgħu jiżnu sa 15-il kg.”

Raġuni għall-emenda:

Ir-raġuni għall-emenda hija li minn meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippreżentata, is-suq tal-patata għall-konsum evolva fid-Danimarka u issa hemm talba għal pakketti ta’ patata li jiżnu anqas minn kg.

II:

Fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima “H. Regoli speċifiċi għat-tikkettar”, fl-ispeċifiċità tal-prodott, punt (b): Jitħassar “(b) il-logo tal-Lammefjordens Grøntsagslaug (L-Assoċjazzjoni tal-Ħxejjex tal-Lammefjord)”.

Għalhekk l-ewwel paragrafu jaqra:

“L-imballaġġ kollu, kemm jekk f’forma ppakkjata minn qabel jew miftuħa, għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)

Identifikazzjoni: ‘Lammefjordskartofler’ L-isem u l-indirizz taċ-ċentru tal-ippakkjar

(b)

Patata għall-konsum

(c)

Daqs kif indikat fl-ispeċifiċità tal-prodott

(d)

Varjetà”.

It-taqsima rilevanti tad-dokument uniku hija konsegwentement emendata.

Ir-raġuni għall-emenda:

Il-Lammefjordens Grøntsagslaug issa tqis li l-użu tal-logo għandu jkun fakultattiv aktar milli mandatorju. Għandu jkun innutat li ma hemm l-ebda obbligu biex l-impriżi li jippakkjaw IĠP “Lammefjordskartofler” ikunu membri tal-Lammefjordens Grøntsagslaug, l-organizzazzjoni tal-produtturi li għamlet ir-reġistrazzjoni. Ma jkunx xieraq li dawk li mhumiex membri jkunu meħtieġa jużaw il-logo tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

DOKUMENT UNIKU

“LAMMEFJORDSKARTOFLER”

UE Nru: DK-PGI-0205-01365 – 23.9.2015

( ) DOP ( X ) IĠP

1.   Isem

“Lammefjordskartofler”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Id-Danimarka

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Il-Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-patata tal-Lammefjord hija kkaratterizzata mill-fatt li l-ġilda tagħha hija fina u ħafna aktar lixxa u tleqq minn dik ta’ patata mkabbra fi bnadi oħra. L-irquqija tal-ġilda tal-patata tal-Lammefjord tiddistingwiha minn patata għall-konsum oħra peress li din tista’ tittiekel bil-ġilda b’kollox. Dan ifisser ukoll li laħamha jżomm il-kulur pallidu tiegħu waqt li tinħażen filwaqt li l-wiċċ tal-patata għall-konsum imkabbra f’tipi ta’ ħamrija oħra jiskura b’mod gradwali u laħamha jsir dejjem aktar fl-isfar. Il-ġilda tagħha tikseb din il-karatteristika speċifika mit-tip tassew distintiv ta’ ħamrija fil-Lammefjord u dan iżommha milli ssirilha ħsara meta l-patata tikber u tinħasad.

Il-patata tal-Lammefjord hija patata matura, jiġifieri mhijiex “patata ġdida”. Hija timmatura fl-art u għalhekk ma tinħasadx qabel madwar il-bidu ta’ Settembru.

Il-patata tal-Lammefjord tinħasel.

Il-patata tal-Lammefjord tibqa’ adatta għall-għali matul l-istaġun.

Hija għandha tikkonforma mal-istandards tal-kwalità għall-patata għall-konsum tal-Klassi 1, ara l-Ordni Nru 450 tas-16 ta’ Mejju 2011 dwar il-produzzjoni, eċċ., ta’ patata, l-Anness 13, jew ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard tal-NU/KEE għall-patata għall-konsum (FFV- 52).

Mhux aktar minn 5 % tal-wiċċ tal-patata jista’ jitgħatta bi scab komuni, scab forma ta’ trab, scab f’forma ta’ xibka jew scab iswed. Mhux aktar minn 8 % (bil-piż) tat-tuberi f’lott ta’ “Lammefjordskartofler” jistgħu juru dawn id-difetti.

Iċ-ċirkonferenza tal-patata li tinsab f’pakkett wieħed tista’ tvarja fid-daqs b’mhux iktar minn 15-il mm sabiex il-konsumaturi jingħataw prodott ta’ dimensjonijiet uniformi.

3.3.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Tkabbir

Il-patata tal-Lammefjord (IĠP) titkabbar skont l-istandard tal-GAP Globali (Sħubija Globali għal Prattiċi Agrikoli Tajba). Il-patata tal-Lammefjord għandha titkabbar mingħajr ma jintuża l-ħama bħala fertilizzant.

Il-patata tal-Lammefjord ma tinħasadx qabel madwar il-bidu ta’ Settembru sabiex ikun żgurat li din tkun immaturat biżżejjed u għalhekk tkun tajba biex tinħażen. Fejn possibbli, il-patata tinħasad sa nofs Ottubru minħabba t-temperaturi dejjem aktar baxxi.

Ħażna

Il-patata tinħażen f’kaxex żgħar tal-injam u mhux titħalla maħlula jew f’munzell. Għandha tinħażen f’temperatura li ma tkunx ogħla minn 5 °C u għandha tissaħħan qabel ma tiġi ppakkjata. Dan jimminimizza r-riskju ta’ ħsara għall-patata.

Għażla

L-għażla tal-patata tal-Lammefjord f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi dwar l-iscab komuni, l-iscab f’forma ta’ trab, l-iscab f’forma ta’ xibka u l-iscab iswed titlob għarfien espert u attenzjoni partikolari u għal dik ir-raġuni titwettaq f’ċentri ta’ ppakkjar irreġistrati fil-Lammefjord.

L-impriżi li jippakkjaw il-patata tal-Lammefjord huma soġġetti wkoll għall-istandard GAP.

Il-pakketti tal-patata tal-Lammefjord ippreżentati lill-konsumaturi finali jista’ jiżen sa 15-il kg.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed jirreferi l-isem irreġistrat

L-imballaġġ kollu, kemm jekk f’forma ppakkjata minn qabel jew miftuħa, għandu juri dan li ġej:

(a)

Identifikazzjoni: “Lammefjordskartofler” Isem u indirizz taċ-ċentru tal-ippakkjar

(b)

Patata għall-konsum

(c)

Daqs kif indikat fl-ispeċifiċità tal-prodott

(d)

Varjetà.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Ir-reġjun tal-Lammefjord huwa magħmul minn erba’ żoni reklamati ta’ firxa ta’ baħar f’Odsherred f’Zealand:

il-parti reklamata tal-Lammefjord, li hija fiżikament delimitata mir-Ringkanal u mid-diga ta’ Audebo;

Svinninge Vejle, li hija kkonfinata min-Nofsinhar, mill-Punent u mit-Tramuntana mir-Ringkanal u mil-Lvant mil-linja ferrovjarja Svinninge-Hørve;

Sidinge Fjord, li hija delimitata mid-diga Sidinge u minn kanal tal-ilma tal-wiċċ;

Klintsø, li hija delimitata mill-kanali tad-drenaġġ.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-prodott jitkabbar f’qiegħ il-baħar reklamat tal-Lammefjord bis-saff ta’ ħama tiegħu. Fi ħdan ir-reġjun tal-Lammefjord, Sidinge Fjord kienet l-ewwel żona li ġiet skulata, mill-1841 'il quddiem, u warajha kien hemm Svinninge Vejle. Ir-reklamazzjoni tal-ikbar żona, il-Lammefjord, bdiet fl-1873. Klintsø kienet l-aħħar żona li ġiet skulata.

Taħt il-ħamrija huwa magħmul mit-tafal u l-lom jew ramel bil-ħama taħt saff ta’ ħama oħxon diversi metri ffurmat minn sustanzi veġetali jew tal-annimali. Partijiet kbar tal-Lammefjord huma ftit jew wisq ħielsa mill-ġebel u l-għadd kbir ta’ qxur tal-arzelli u tal-gajdri jagħti lill-ħamrija kontenut għoli naturali ta’ kalċju.

Bix-xtiewi moderati u s-sjuf friski tiegħu, u b’xita stabbli matul is-sena, il-Lammefjord għandu klima ideali għat-tkabbir tal-patata. Filwaqt li Odsherred ikollha relattivament ftit xita, il-kanali tad-drenaġġ fiż-żona ta’ madwar il-Lammefjord jippermettu irrigazzjoni effettiva. B’dan il-mod, il-produtturi lokali jkunu jistgħu sa ċertu punt jistabbilixxu huma stess kemm ikun qed jiġi pprovdut ilma lill-patata tagħhom. Peress li b’mod ġenerali x-xita naturali mhix biżżejjed, il-produtturi jistgħu huma stess jottimizzaw il-kundizzjonijiet tat-tkabbir — bil-kontra ta’ partijiet oħra tal-pajjiż fejn ix-xita eċċessiva tista’ tolqot b’mod avvers il-ħsad tal-patata.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-patata mir-reġjun tal-Lammefjord hija differenti minn dik li tikber f’żoni oħra minħabba li hija żżomm wiċċ pallidu karatteristiku tagħha anki matul il-ħażna. Hija żżomm il-kulur tagħha għax ir-ramel fil-ħamrija jkun ġie llustrat u jkun aktar lixx u tond mill-ħamrija ramlija klassika, u dan ifisser li l-patata ma tkunx imxaqqa meta tinħasad. Għalhekk, il-patata li ġejja mir-reġjun tal-Lammefjord tista’ tinżamm fi mħażen li jkessħu u tista’ tiġi ttrattata matul is-sena kollha bla ma wiċċha jitlef il-kulur. Il-wiċċ imxaqqaq ta’ patata jiskura matul il-ħażna.

Bil-kontra ta’ patata għall-konsum matura oħra, il-patata tal-Lammefjord tista’ tittiekel bil-qoxra b’kollox.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-kwalità speċifika tal-patata tal-Lammefjord hija marbuta mal-kundizzjonijiet tat-tkabbir ipprovduti minn dak li qabel kien qiegħ il-fjord. Il-kundizzjonijiet speċjali tal-ħamrija jippermettu trattament ġentili tal-patata li b’konsegwenza għandja wiċċ lixx. Il-frak tar-ramel ittundjat fil-ħamrija ramlija jwaqqaf il-wiċċ tal-patata milli jixxaqqaq meta tinħasad, u dan ifisser li l-wiċċ jibqa’ lixx meta tinħażen. Il-patata li jkollha wiċċ lixx hija inqas suxxettibbli għall-iscab minn dik li tikber f’ħamrija b’kontenut akbar ta’ partikuli tal-ġebel u tar-ramel li jistgħu jkunu l-kawża li l-patata tixxaqqaq meta din tikber u tinħażen. Għalhekk il-patata tal-Lammefjord hija adattata sew għall-ħażna.

L-isem “Lammefjordskartoffel” huwa magħruf madwar id-Danimarka. Ħafna ħwienet tal-merċa jbigħuha f’pakketti bit-tikketta “Lammefjordskartofler”, u ta’ kuljum it-trakkijiet bil-logos kbar “Lammefjordskartofler” iqajmu sensibilizzazzjoni dwar iż-żona tal-Lammefjord billi jittrasportaw il-patata tagħha lejn terminals ta’ ħwienet tal-merċa kbar madwar il-kapitali u fil-Jutland.

Il-patata tal-Lammefjord hija waħda mir-raġunijiet għala l-pubbliku ġenerali jassoċja l-Lammefjord ma’ ħaxix ta’ kwalità għolja, u b’mod partikolari l-patata. L-enċiklopedija kbira Daniża (Den store danske Encyklopædi) tiddeskrivi l-Lammefjord kif ġej: “Il-qiegħ tal-firxa tal-ilma skulat huwa fertili ħafna, u jipproduċi ċereali, żerrigħat u ħxejjex. Il-Lammefjord huwa rinomat għall-karrotti u l-patata tiegħu. Sal-1980 kellu reputazzjoni wkoll għall-basal tal-fjuri u għall-asparagus.”

Il-Lammefjord huwa spiss identifikat f’rapporti tal-media Daniża u barranija minħabba s-suċċess li gawdew f’dawn l-aħħar snin ir-ristoranti Daniżi b’menus ibbażati fuq ingredjenti Nordiċi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifiċità tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal- Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.foedevarestyrelsen.dk/SiteCollectionDocuments/Kemi%20og%20foedevarekvalitet/Varestandarder-handelsnormer-kvalitet/Varespecifikation%20for%20Lammefjordskartofler%20-%20ændring.pdf


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top