Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0344

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA tal-KUNSILL dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-Unjoni Ewropea

SWD/2016/0344 final - 2016/0338 (CNS)

Strasburgu, 25.10.2016

SWD(2016) 344 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal DIRETTIVA tal-KUNSILL

dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-Unjoni Ewropea

{COM(2016) 686 final}
{SWD(2016) 343 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar it-titjib tal-Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja (DTDRMs, Double Taxation Dispute Resolution Mechanisms)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

It-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu minn Stati Membri differenti għandha impatt negattiv fuq l-investiment transfruntier u twassal għal distorsjonijiet u ineffiċjenzi ekonomiċi li joħolqu ambjent instabbli kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-mekkaniżmi eżistenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE, bħall-Proċeduri ta’ Ftehim Reċiproku (“MAP”) bħala parti mill-Konvenzjonijiet kontra t-Taxxa Doppja (“DTC”) jew il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-UE għat-tilwim dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment (“UE-AC”), juru diversi nuqqasijiet f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, effettività u effiċjenza. L-informazzjoni disponibbli tipprovdi evidenza għal każijiet fejn jiġi miċħud l-aċċess, il-proċeduri jkunu imblukkati jew ikollhom dewmien jew il-piż tal-konformità għall-kontribwenti jkun għali wisq. L-impatt negattiv ta’ dawn in-nuqqasijiet qiegħed jiżdied minħabba x-xejriet tal-globalizzazzjoni, xprunati miż-żieda tat-tranżazzjonijiet transfruntiera, l-għadd inkrimentali u d-daqs tal-verifiki tat-taxxa u l-kumplessità ġenerali tar-regoli tat-taxxa. Fil-preżent, ħafna drabi ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri sabiex jassiguraw soluzzjoni definittiva u konklużiva tat-tilwim fil-ħin u b’mod effiċjenti. Barra minn hekk hemm nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi tas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-UE.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-għan huwa li jittejbu d-DTDRMs fl-UE sabiex tiġi assigurata soluzzjoni effettiva u konklużiva tal-każijiet ta’ tilwim dwar it-tassazzjoni doppja b’eliminazzjoni sħiħa tat-tassazzjoni doppja. Il-fokus huwa fuq it-titjib tal-mekkaniżmi preżenti bil-għan li jinħoloq perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-proċedura, kamp ta’ applikazzjoni uniformi u usa’ fl-UE kif ukoll effiċjenza u ċertezza akbar f’termini ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni finali.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-valur miżjud tal-UE huwa bbażat fuq il-fatt li hija neċessarja l-implimentazzjoni uniformi u kkoordinata sabiex is-soluzzjoni tat-tilwim tittejjeb b’mod effettiv. Huwa neċessarju wkoll li dawn jiġu indirizzati b’mod konsistenti fil-kuntest attwali tal-ġlieda globali kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Inizjattiva bħal din se toħloq valur miżjud għall-acquis tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni u b’mod partikolari għall-qafas tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment f’termini ta’ effiċjenza u infurzar meta tkun kombinata mas-soluzzjoni proposta.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

Ġew ikkunsidrati għażliet differenti, fosthom

rakkomandazzjonijiet sabiex jittejjeb il-funzjonament tad-DTDRM eżistenti fl-UE,

rakkomandazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tiġi involuta bħala arbitru f’każijiet fejn ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim reċiproku

direttiva sabiex tassigura qafas legali ta' abilitazzjoni għall-applikazzjoni ta’ DTDRM usa' fl-UE

direttiva li tipprevedi strument legali komprensiv ġdid b’regoli dwar il-kunflitti u DTDRM.

Il-valutazzjoni tal-għażliet differenti wasslet għal għażla ppreferuta li tieħu l-forma ta’ Direttiva. L-iżvilupp ta’ strument legali komprensiv ġdid b’regoli speċifiċi dwar il-kunflitti huwa meqjus bħala anqas xieraq minħabba l-fatt li fi kważi r-relazzjonijiet bilaterali kollha, regoli bħal dawn dwar il-kunflitti diġà jeżistu fid-DTC. Saff addizzjonali ta’ regoli dwar il-kunflitti jkun pjuttost detrimentali. Minflok, intgħażlet proposta għal direttiva fejn il-mekkaniżmi eżistenti se jiġu kkombinati ma’ fażi obbligatorja u vinkolanti ta’ arbitraġġ bħala l-aħħar rimedju u jingħata rikors lill-kontribwenti quddiem il-qrati tat-taxxa domestiċi sabiex isolvu d-dewmien jew iċ-ċaħda tal-aċċess għall-proċedura. L-analiżi turi li din l-għażla għandha vantaġġi ċari f’termini ta’ effettività u tempestività billi tibbaża fuq il-prattiċi eżistenti u tkun ta’ vantaġġ meta mqabbla mal-alternattiva li ma tittieħed l-ebda azzjoni jew li tinħareġ rakkomandazzjoni.

Min jappoġġa liema għażla?

L-inizjattiva rċeviet appoġġ ġenerali minn grupp ta’ partijiet ikkonċernati tan-negozju u minn għadd ta’ Stati Membri li huma primarjament ikkonċernati mill-impatti negattivi. L-NGOs, l-individwi privati u persuni oħra li wieġbu l-konsultazzjoni ma esprimewx pożizzjoni negattiva iżda b’kuntrast enfasizzaw l-impatt pjuttost pożittiv ta’ inizjattivi oħra bħall-BKKTK.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

L-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta hija mistennija li żżid is-sens ta’ ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u toħloq kundizzjonijiet ekwi billi effettivament tneħħi t-tassazzjoni doppja fl-UE. Dan jgħin biex ikun assigurat li l-korporazzjonijiet iħallsu sehem ġust tal-piż tat-taxxa u jżid il-ġustizzja ġenerali tas-sistemi tat-taxxa. Barra minn hekk, jiġu eliminati effettivament l-ostakoli tat-taxxa bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE. Jitnaqqsu d-distorsjonijiet ekonomiċi sostanzjali u b’hekk jinħoloq klima favorevoli għat-tkabbir u l-investiment. Ma hemmx disponibbli dejta kwantitattiva u projezzjonijiet dettaljati dwar dawn il-benefiċċji mistennija fuq livell tal-kontribwenti jew tal-Istati Membri. Madankollu, id-daqs attwali tal-każijiet taħt id-DTDRM eżistenti fl-aħħar tal-2014 kien stmat għal 910 każijiet li jinvolvu EUR 10.5 biljuni, li jikkorrispondu għal 3 % tat-taxxa korporattiva totali imposta fl-UE għas-sena 2014 (EUR 351 biljun).

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

L-ispejjeż tal-proposta f’termini tad-dħul mit-taxxa nazzjonali jiddependu fuq il-mod kif l-Istati Membri jaġġustaw ir-riżorsi tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom previsti skont il-proposta. Dawn l-ispejjeż madankollu għandhom ikunu limitati u ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-ispejjeż imġarrba bħalissa għad-DTDRM billi l-inizjattiva hija mibnija fuq l-acquis eżistenti u fuq kombinazzjoni ottimizzata mal-qafas ġenerali tal-UE għall-Ipprezzar ta’ Trasferiment. Huma għandhom joħolqu wkoll ekonomiji ta’ skala billi se jkun meħtieġ investiment simili fir-riżorsi u l-kapaċità amministrattiva fil-livell tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jilħqu għanijiet simili fuq livell internazzjonali (OECD BEPS Azzjoni 14). Ma hija disponibbli l-ebda dejta kwantitattiva dwar l-ispejjeż tal-amministrazzjoni għall-awtoritajiet tat-taxxa fil-kuntest deskritt hawn fuq.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-inizjattiva se taffettwa lill-kontribwenti kollha li għandhom introjtu min-negozju u toħloq kundizzjonijiet aktar ekwi fi ħdan l-UE. Hija mfassla biex taqbel mal-partikolaritajiet tal-SMEs biex tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jipproponu mekkaniżmi aktar xierqa ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (eż. medjazzjoni) jew ta' soluzzjonijiet rapidi. B’mod ġenerali, is-soluzzjonijiet proposti joffru benefiċċji, eż. f’termini ta’ spejjeż aktar baxxi ta’ konformità u effiċjenza akbar. Għaldaqstant, l-impatt huwa pożittiv.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

B’mod ġenerali fuq terminu medju, l-inizjattiva għandu jkollha konsegwenzi pożittivi għall-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi u huwa mistenni impatt pożittiv fuq il-ġbir futur tat-taxxi u l-konsolidament tad-dħul mit-taxxa.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

L-inizjattiva se ttejjeb l-attraenza tal-UE fir-rigward tal-investiment u hija mistennija li żżid il-kompetittività tal-UE b’mod ġenerali billi se tipprovdi bażi aktar stabbli u ċerta għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment. L-attivitajiet tan-negozju huma mistennija li jkunu aktar profittabbli u l-ekonomija tkun aktar reżiljenti.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-politika se tiġi evalwata ħames snin wara l-implimentazzjoni tagħha. Perjodu bħal dan jidher raġonevoli minħabba li l-kontribwenti u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jridu ż-żmien biex jaġġustaw fil-ġestjoni tal-każijiet tagħhom ta’ tilwim dwar it-tassazzjoni doppja u biex jipprovdu d-dejta rilevanti.

Top