Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0862

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE

    COM/2016/0862 final - 2016/0377 (COD)

    Brussell, 30.11.2016

    COM(2016) 862 final

    2016/0377(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2016) 410}
    {SWD(2016) 411}
    {SWD(2016) 412}
    {SWD(2016) 413}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-iskop ta’ dan ir-Regolament propost huwa li jiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw għodod xierqa għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u għat-tħejjija għalihom. Anki meta s-swieq u s-sistemi jkunu jaħdmu sew, ir-riskju ta’ kriżi tal-elettriku bħala riżultat ta’ firxa ta’ ċirkustanzi (eż. ċirkustanzi ta’ temp estrem, attakki malizzjużi inklużi ċiberattakki, nuqqas ta’ fjuwil) ma jistax jiġi eskluż. Barra minn hekk, peress li s-sistemi tal-elettriku huma integrati, meta jseħħu sitwazzjonijiet ta’ kriżi, dawn spiss ikollhom effett transfruntier. Ċerti ċirkustanzi (eż. kesħa għal żmien twil jew mewġa ta’ sħana) jistgħu jaffettwaw lil diversi Stati Membri fl-istess ħin u anki inċidenti li jibdew f’livell lokali malajr jistgħu jinfirxu u jaqsmu l-fruntieri.

    Bħalissa, l-Istati Membri jġibu ruħhom b’mod differenti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u mal-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u mat-tħejjija għalihom. Ir-regoli u l-prattiki nazzjonali għandhom tendenza li jiffokaw fuq il-kuntest nazzjonali biss, filwaqt li jinjoraw x’jiġri lil hinn mill-fruntiera tagħhom. Il-valutazzjoni tal-oqfsa legali u l-prattiki attwali nazzjonali madwar l-Ewropa wriet li:

    (a)l-Istati Membri jivvalutaw riskji differenti;

    (b)l-Istati Membri spiss jieħdu settijiet ta’ miżuri differenti sabiex jipprevjenu u jimmanniġġaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u li t-tali miżuri jiskattaw f’waqtiet differenti 1 ;

    (c)ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ivarjaw; u li

    (d)ma hemm ebda fehim komuni dwar x’jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ kriżi.

    Barra minn hekk, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u trasparenza huma limitati ħafna fil-preparamenti tal-Istati Membri għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u fil-ġestjoni tagħhom. Pereżempju, meta jintebħu li s-sistemi tal-elettriku tagħhom jistgħu jkunu taħt pressjoni serja fix-xhur li ġejjin, l-Istati Membri spiss jieħdu azzjoni b’mod konġunt mal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) tagħhom, mingħajr ma jinformaw lil oħrajn b’mod sistematiku.

    Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat ta’ diskrepanza regolatorja. Il-qafas legali attwali tal-UE (id-Direttivi 2005/89/KE 2 u 2009/72/KE 3 ) jistabbilixxi biss objettivi ġenerali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu kif jiksbuhom. B’mod partikolari, filwaqt li r-regoli jippermettu lill-Istati Membri jieħdu “miżuri ta’ salvagwardja” f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, dawn ma jistabbilixxux kif l-Istati Membri għandhom iħejju għal sitwazzjonijiet bħal dawn u kif jimmaniġġawhom.

    Il-leġiżlazzjoni attwali ma għadhiex tirrifletti r-realtà tas-suq tal-elettriku interkonness tal-lum, fejn il-probabbiltà ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jaffettwaw lil diversi Stati Membri fl-istess ħin qiegħda tikber fl-istess ħin.

    Il-problemi identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    (1)    il-pjanijiet u l-azzjonijiet waqt kriżijiet għadhom iffokati biss fuq livell nazzjonali;

    (2)    hemm nuqqas ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza; u

    (3)    ma hemm ebda approċċ komuni għall-identifikazzjoni u għall-valutazzjoni tar-riskji.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Ir-Regolament propost jikkomplementa d-dispożizzjonijiet tat-Tielet Pakkett 4 , li huwa rivedut b’mod parallel. It-Tielet Pakkett rivedut ser ikollu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku, fost l-oħrajn billi jagħti aktar flessibbiltà u billi jillimita l-kamp ta' applikazzjoni għal sussidji għall-adegwatezza tal-provvista ġġenerata, inkluż permezz ta’ valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi fit-tul. Ser ikollu wkoll l-għan li jtejjeb is-sigurtà tas-sistema permezz ta’ kooperazzjoni aħjar bejn it-TSOs f’livell reġjonali permezz tal-ħolqien ta’ ċentri operazzjonali reġjonali.

    Ir-Regolament propost jistabbilixxi x’għandhom jagħmlu l-Istati Membri sabiex jipprevjenu u jimmaniġġaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u kif għandhom jikkooperaw ma’ xulxin għal dan l-għan, speċjalment billi jipprovdu metodi komuni għall-valutazzjoni tar-riskji, billi jġibu aktar komparabilità u trasparenza għall-fażi ta’ tħejjija u matul kriżi tal-elettriku, u billi jiżguraw li, anki fil-kriżi, l-elettriku jiġi fornit fejn huwa l-aktar meħtieġ. Jipprovdi wkoll qafas għal monitoraġġ aktar sistematiku ta’ kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Jikkontribwixxi għat-Tielet Pakkett rivedut billi jiżgura li, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, tingħata prijorità lil miżuri bbażati fuq is-suq u li s-swieq ikunu jistgħu jaħdmu kemm jista’ jkun.

    Ir-Regolament propost jieħu post id-Direttiva 2005/89/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija), li offriet qafas wiesa’ ħafna ta’ objettivi li jridu jinkisbu mill-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, iżda ftit li xejn kellha valur operazzjonali. Għaldaqstant, id-Direttiva ser titħassar, hekk ukoll uħud mid-dispożizzjonijiet fit-Tielet Pakkett attwali li huma relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, b’mod partikolari l-Artikolu 4 (li jeħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz ta’ rapporti nazzjonali) u l-Artikolu 42 (li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu “miżuri ta’ salvagwardja” fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fis-settur tal-elettriku) tad-Direttiva dwar l-Elettriku 5 .

    Il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 6 stabbilew prinċipji armonizzati għall-ippjanar operazzjonali u għall-proċessi ta’ skedar meħtieġa sabiex jiġu antiċipati diffikultajiet tas-sigurtà operazzjonali f’ħin reali. L-abbozz tar-Regolament jikkomplementa dawn ir-rekwiżiti tekniċi billi jipprovdi mekkaniżmi amministrattivi u politiċi li jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jipprevjenu u jimmaniġġaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi f’kooperazzjoni ma’ xulxin, filwaqt li jevitaw xekkil żejjed tas-suq u tal-kompiti tat-TSOs.

    Ir-Regolament propost jibni b’mod partikolari fuq il-Linji gwida dwar l-operazzjoni tas-sistema 7 u fuq il-Kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr 8 , li joffru rekwiżiti tekniċi għat-TSOs dwar kif jiżguraw is-sigurtà tas-sistema, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Dawk ir-regoli għandhom jippermettu lit-TSOs jindirizzaw ħafna mill-inċidenti b’mod effettiv, iżda ma jiggarantixxux minnhom infushom li l-Istati Membri huma mħejjin kif xieraq għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi fuq skala akbar u li jistgħu jimmaniġġawhom, speċjalment dawk li jestendu lil hinn mill-fruntieri u li spiss jeħtieġu t-teħid ta’ deċiżjonijiet politikament sensittivi (eż. dwar l-interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku).

    Ir-Regolament propost huwa konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà u tal-infrastruttura kritika. Dwar iċ-ċibersigurtà, id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva dwar l-NIS) 9 tistabbilixxi regoli ġenerali, filwaqt li bħala prijorità ser jiġu żviluppati regoli speċifiċi permezz ta’ kodiċi tan-netwerk kif previst fir-Regolament dwar l-Elettriku rivedut, li se jikkunsidra riskji ġodda li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija. Ir-Regolament propost jikkomplementa d-Direttiva dwar l-NIS billi jiżgura li ċ-ċiberinċidenti jiġu identifikati kif xieraq bħala riskju u li l-miżuri meħuda sabiex jiġu indirizzati jkunu riflessi kif xieraq fil-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji. Ir-Regolament propost jikkomplementa wkoll lid-Direttiva 2008/114/KE 10 tal-Kunsill, li stabbiliet proċedura komuni għall-identifikazzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi Ewropej (“ECIs”) bħal, pereżempju, infrastrutturi u faċilitajiet għall-ġenerazzjoni u għat-trażmissjoni u għall-protezzjoni tagħhom kontra attakki terroristiċi u riskji fiżiċi oħrajn. Ir-Regolament propost jiffoka b’mod aktar ġenerali fuq kif għandha tiġi ssalvagwardjata r-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku inġenerali u kif għandhom jiġu ġestiti s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi meta jseħħu.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Ir-Regolament propost ifittex li jimplimenta l-objettivi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija, kif definiti fl-Istrateġija Qafas għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares lejn il-ġejjieni.

    Ir-Regolament propost huwa konsistenti wkoll mal-għan tal-Unjoni li ssaħħaħ il-Komunità tal-Enerġija. Peress li s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u jinvolvu wkoll pajjiżi li jinsabu fil-Komunità tal-Enerġija, l-Unjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija fil-prevenzjoni u fil-ġestjoni tal-kriżi tal-elettriku u jħejju għaliha sabiex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-kriżi fi ħdan it-territorju Ewropew aktar vast.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    Ir-Regolament propost jipproponi miżuri għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku fl-UE u għat-tħejjija għalihom. Għalhekk, il-bażi ġuridika għar-Regolament hija l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

    L-Artikolu 194 tat-TFUE jagħraf li grad ta’ koordinazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni fit-tfassil tal-politiki tal-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni.

    Il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE hija bbażata fuq l-evidenza li l-approċċi nazzjonali mhux biss iwasslu għal miżuri subottimali, iżda fil-fatt bihom l-impatti ta’ kriżi jkunu aktar akuti. Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi spiss ma jkunux limitati għal fruntieri nazzjonali u jistgħu jaffettwaw lil diversi Stati Membri b’mod dirett jew indirett. Għalhekk, l-azzjoni nazzjonali f’termini ta’ tħejjija u ta’ mitigazzjoni ma għandhiex tiġi stabbilita purament f’livell nazzjonali, fid-dawl tal-impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fi Stat Membru tal-viċinat u/jew fuq id-disponibbiltà ta’ miżuri għall-indirizzar tan-nuqqasijiet possibbli.

    L-interkonnessjoni dejjem akbar tas-swieq tal-elettriku tal-UE teħtieġ li l-miżuri relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jkunu kkoordinati. Fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni bħal din, il-miżuri meħudin f’livell nazzjonali biss aktarx li jxekklu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fi Stati Membri oħrajn jew fil-livell tal-UE. Sitwazzjonijiet bħall-kesħa twila tal-2012 urew li azzjoni ta’ koordinazzjoni u solidarjetà hija vitali sabiex jiġi żgurat li l-elettriku jkun disponibbli fejn ikun l-aktar meħtieġ. Azzjoni f’pajjiż tista’ tipprovoka riskji ta’ blekawts f’pajjiżi ġirien (pereżempju, deċiżjoni unilaterali ta’ pajjiż li jimponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni kellha effetti negattivi serji fuq is-setturi tal-elettriku u tal-gass ta’ pajjiżi oħrajn). Min-naħa l-oħra, il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiftaħ firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet.

    Il-potenzjal għal miżuri aktar effiċjenti u li jiswew anqas bħala riżultat tal-koordinazzjoni reġjonali ma ġiex sfruttat għalkollox 11 u dan huwa ta’ detriment għall-konsumaturi tal-UE.

    Il-proporzjonalità

    Ir-Regolament propost huwa mfassal sabiex jinkiseb livell adegwat ta’ tħejjija madwar l-Ewropa, jissaħħu l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u jiġi mmitigat l-impatt fuq il-klijenti f’każ ta’ kriżi bħal din. Sabiex jilħaq dan l-objettiv, huwa joffri regoli u prinċipji komuni li jridu jiġu rrispettati, kif ukoll mekkaniżmi għall-kooperazzjoni transfruntiera. .

    Il-proposta ma tinvolvix armonizzazzjoni sħiħa, iżda l-miżuri kollha huma stabbiliti fil-livell tal-UE.

    Il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri hija neċessarja biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema attwali, li fiha l-kooperazzjoni volontarja hija limitata għat-TSOs, u tippermetti li l-problemi jiġu solvuti f’livell reġjonali.

    L-għażla tal-istrument

    L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Elettriku (l-att legali ewlieni f’dan il-qasam) stabbiliet li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fil-livell tal-UE rriżultat fi frammentazzjoni ta’ regoli u prattiki nazzjonali li jvarjaw madwar l-UE.

    Regolament huwa strument aktar xieraq għall-iżgurar ta’ implimentazzjoni koerenti u trasparenti tal-miżuri għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta’ kriżijiet tal-elettriku u għat-tħejjija għalihom.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-Kummissjoni evalwat id-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija billi studjat il-prestazzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ ħames kriterji: ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet huma riflessi fl-identifikazzjoni tal-problema fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-konklużjonijiet ewlenin jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    id-Direttiva kienet ineffettiva fil-kisba tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari dik ta’ kontribuzzjoni għas-sigurtà aħjar tal-provvista tal-enerġija fl-Ewropa. Uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ttiħdilhom posthom minn leġiżlazzjoni sussegwenti (b’mod partikolari t-Tielet Pakkett u r-Regolament dwar it-TEN-E 12 ); min-naħa l-oħra għad hemm diskrepanzi regolatorji, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u mal-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

    intervent skont id-Direttiva ma għadux rilevanti, peress li d-dispożizzjonijiet tagħha ma għadhomx rilevanti għall-isfidi relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija li naffaċċjaw illum il-ġurnata. Peress li s-sistemi tal-elettriku qed isiru dejjem aktar interkonnessi, approċċi purament nazzjonali ma jistgħux jibqgħu meqjusin xierqa; u

    il-valur miżjud tad-Direttiva kien limitat ħafna, peress li ħolqot qafas ġenerali, iżda fil-parti l-kbira ħalliet f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-istandards tagħhom stess dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Konsultazzjoni pubblika dwar it-tħejjija għar-riskji fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku (mill-15 ta’ Lulju sad-9 ta’ Ottubru 2015) attirat 75 tweġiba, fost l-oħrajn mingħand awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija), korpi Ewropej (l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E)) u ħafna mill-partijiet ikkonċernati rilevanti (kumpaniji u assoċjazzjonijiet). L-għan kien li jsiru magħrufin l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari fuq kif l-Istati Membri għandhom iħejju u jikkooperaw ma’ oħrajn, bil-għan li jiġu identifikati u ġestiti r-riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Ir-riżultati ewlenin tal-konsultazzjoni u r-risponsi riċevuti huma miġburin fil-qosor hawn taħt u huma disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Kummissjoni 13 . Id-diversi opinjonijiet ġew riflessi fil-valutazzjoni tal-impatt.

    Il-konsultazzjoni wriet li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (kumpaniji, assoċjazzjonijiet u gvernijiet) huma tal-fehma li l-qafas legali attwali (id-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija) mhuwiex biżżejjed sabiex jindirizza l-interdipendenzi ta’ suq tal-elettriku Ewropew integrat.

    Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    Ir-Regolament propost u l-valutazzjoni tal-impatt tħejjew fuq il-bażi ta’ firxa kbira ta’ materjal (ara r-referenzi fin-noti f’qiegħ il-paġni fil-valutazzjoni tal-impatt). Saret ukoll reviżjoni tar-regoli u tal-prattiki nazzjonali attwali relatati mat-tħejjija għar-riskji fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija 14 b’mod speċifiku għall-valutazzjoni tal-impatt.

    Matul il-proċess ta’ abbozzar, ġew diskussi diversi aspetti ta’ din il-proposta mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-qafas tal-Forum Regolatorju Ewropew tal-Elettriku (3-4 ta’ Marzu 2016) u tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku (16 ta’ Novembru 2015 u 3 ta’ Mejju 2016).

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-miżuri kollha proposti kienu appoġġati mill-valutazzjoni tal-impatt.

    Il-Bord għall-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva fl-4 ta’ Novembru 2016.

    Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat erba’ alternattivi ta’ politika:

    0+    titjib fl-implimentazzjoni/fl-infurzar (approċċ mhux regolatorju);

    1.    regoli minimi li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri;

    2.    regoli minimi li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri flimkien ma’ kooperazzjoni reġjonali; u

    3.    armonizzazzjoni sħiħa u teħid ta’ deċiżjonijiet f’livell reġjonali

    L-għażla 0+ ma ġietx adottata, għaliex implimentazzjoni u infurzar aħjar ma jħallux frott, peress li l-qafas leġiżlattiv attwali jistabbilixxi prinċipji ġenerali biss u jagħti diskrezzjoni vaga ħafna lill-Istati Membri dwar kif jimplimentawhom.

    L-għażla 1 tipprova tistabbilixxi komparabilità u trasparenza akbar bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tħejjija għar-riskji, iżda ma taħsibx għall-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera.

    L-għażla 2 tindirizza ħafna min-nuqqasijiet tal-għażla 1, u tipprovdi pakkett aktar effettiv ta’ soluzzjonijiet. B'mod partikolari, pjanijiet ikkoordinati f’livell reġjonali jiżguraw li r-riskji jiġu identifikati f’livell reġjonali u li jiġu adottati miżuri konsistenti sabiex jiġu evitati u ġestiti sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

    L-għażla 3 tirrappreżenta approċċ intrusiv li jfittex li jindirizza r-riskji possibbli billi jirrikorri għal armonizzazzjoni sħiħa tal-prinċipji u jippreskrivi soluzzjonijiet speċifiċi.

    L-għażla ppreferuta hija l-għażla 2.

    Ġew ikkunsidrati l-effetti li ġejjin meta ġiet eżaminata l-għażla 2:

    1.    Impatti ekonomiċi

    L-analiżi tikkonkludi li l-għażla 2 ser twassal għal tħejjija aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi b'anqas spejjeż permezz ta’ koordinazzjoni reġjonali msaħħa. Ir-riżultati tas-simulazzjonijiet 15 juru li swieq integrati sew u koordinazzjoni reġjonali matul perjodi ta’ kundizzjonijiet estremi tat-temp huma kruċjali sabiex jiġu indirizzati s-sigħat ta’ stress qawwi (domanda għolja) u sabiex tiġi mminimizzata l-probabbiltà ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku.

    Fuq kollox, approċċ f’livell nazzjonali jinjora l-kontribuzzjoni tal-pajjiżi ġirien f’sitwazzjoni ta’ kriżi, filwaqt li approċċ reġjonali jġib miegħu użu aħjar tal-impjanti tal-enerġija u probabbiltà akbar ta’ evitar tat-telf tat-tagħbija. Dan huwa mkejjel permezz tal-indikatur tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija “enerġija mistennija mhux servita” (EENS) li huwa l-elettriku mhux fornit lill-konsumatur matul blekawt mogħti bħala perċentwal tad-domanda annwali. Meta l-Istati Membri jikkooperaw, il-perċentwal ta’ elettriku mhux servit jonqos b’mod sinifikanti (l-EENS tmur minn valur ta’ 0.36% f’xenarju ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni għal 0.02% meta sseħħ kooperazzjoni reġjonali).

    Il-koordinazzjoni msaħħa tnaqqas il-kost ġenerali tas-sistema u dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi. Għall-kuntrarju, nuqqas ta’ koordinazzjoni dwar kif jiġu evitati u ġestiti sitwazzjonijiet ta’ kriżi jkun jinvolvi kostijiet tal-għażla sinifikanti. Studju riċenti wera li l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku Ewropew tista’ tipprovdi benefiċċji sinifikanti (EUR 12.5-40 biljun fil-perjodu sal-2030). Madankollu, dan l-ammont jitnaqqas bi EUR 3-7.5 biljuni jekk l-Istati Membri “jaħsbu għal rashom biss” biex jilħqu l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija 16 .

    2.    Min se jiġi affettwat u kif?

    L-għażla 2 ser tħalli effett pożittiv fuq is-soċjetà inġenerali u fuq il-konsumaturi tal-elettriku b’mod partikolari, peress li tgħin tevita sitwazzjonijiet ta’ kriżi u qtugħ żejjed u sproporzjonat. Il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet ser isiru aktar effettivi għaliex din l-għażla tesiġi li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien b’mod effettiv u jimplimentaw għodod sabiex jissorveljaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku.

    Il-miżuri ser ikollhom ukoll effett pożittiv fuq iċ-ċrieki kummerċjali, peress li ser ikun hemm aktar trasparenza u komparabilità fir-rigward ta’ kif l-Istati Membri jħejju għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u kif biħsiebhom jimmaniġġawhom. Dan ser iżid iċ-ċertezza legali għall-investituri, għall-ġeneraturi tal-enerġija u għal swieq tal-iskambju tal-enerġija, iżda anki għal TSOs li jieħdu ħsieb sitwazzjonijiet ta’ kriżi ta’ terminu qasir.

    Fost l-aktar partijiet ikkonċernati affettwati ser ikun hemm l-awtoritajiet kompetenti (eż. ministeri, NRAs) bħala l-atturi responsabbli għat-tħejjija tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji (ara l-valutazzjoni tal-impatti fuq l-awtoritajiet pubbliċi hawn taħt).

    Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

    Il-proposta tista’ żżid il-piżijiet amministrattivi, iżda sa ċertu punt limitat biss. B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali ser ikollhom jaqblu bil-quddiem fuq parti mill-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji tagħhom f’livell reġjonali. Madankollu, l-esperjenza turi li approċċ aktar reġjonali għall-valutazzjoni tar-riskju u għat-tħejjija għar-riskji huwa aktar teknikament u legalment fattibbli, u għandu benefiċċji importanti għall-konsumaturi u għall-ekonomija inġenerali. Peress li fil-prattika l-partijiet reġjonali tal-pjanijiet jitħejjew minn ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali bejn it-TSOs, il-piż żejjed ġenerali għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jkun limitat u kkumpensat biċ-ċar mill-benefiċċji prattiċi ta’ kooperazzjoni bħal din 17 .

    Aktar kooperazzjoni reġjonali ser tippermetti wkoll sabiex l-Istati Membri joħolqu sinerġiji, jitgħallmu mingħand xulxin u jiżviluppaw l-aħjar prattiki b’mod konġunt. Maż-żmien, dan għandu jwassal għal tnaqqis fl-impatti amministrattivi.

    Atturi Ewropej bħall-Kummissjoni u l-ENTSO-E ser jipprovdu gwida u jiffaċilitaw il-proċess ta’ tħejjija għar-riskji u l-ġestjoni tiegħu. Dan ser jgħin sabiex jitnaqqsu l-impatti fuq l-Istati Membri.

    Ma huwa qed jinħoloq ebda korp ġdid u qed jiġu inkorporati l-obbligi eżistenti. Pereżempju, il-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku huwa korp eżistenti li diġà jiltaqa’ b’mod regolari; l-intenzjoni hija li dan isir aktar effettiv billi jingħata kompiti speċifiċi. Barra minn hekk, l-obbligi nazzjonali ta’ rapportar ser jitnaqqsu (eż. permezz tat-tħassir tal-obbligu skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Elettriku) u r-rapportar fil-livell tal-UE ser iseħħ fil-kuntest ta’ rapporti u ta’ obbligi ta’ rapportar eżistenti (eż. ir-rapport annwali tal-ACER li jissorvelja s-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali).

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-uniku impatt baġitarju assoċjat ma’ din il-proposta jikkonċerna r-riżorsi tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER). Dan l-impatt huwa deskritt fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta parallela tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-ACER.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni ser tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri fir-Regolament propost min-naħa tal-Istati Membri. Fejn hemm bżonn, ser toffri sabiex tgħinhom jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u torganizza sessjonijiet ta’ ħidma mal-Istati Membri kollha (eż. permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku) jew laqgħat bilaterali dwar l-abbozzar tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji. Jekk hemm bżonn, il-Kummissjoni ser issegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 tat-TFUE jekk xi Stat Membru jonqos milli jaqdi dmiru li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni ser tissorvelja wkoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE fuq bażi kurrenti f’kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Regolament propost fih l-elementi li ġejjin:

    1.Regoli komuni dwar il-prevenzjoni tal-kriżijiet u għodod għall-iżgurar tal-kooperazzjoni transfruntiera:

    ·L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti li tkun inkarigata mit-twettiq tal-kompiti stipulati fir-Regolament, b’mod partikolari l-abbozzar tal-pjan tat-tħejjija għar-riskji;

    ·L-Istati Membri jridu jfasslu pjan tat-tħejjija għar-riskji, wara li jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jiżguraw livell massimu ta’ tħejjija għar-riskji għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u ġestjoni effettiva tat-tali sitwazzjonijiet jekk iseħħu. Il-pjanijiet għandhom jiġu żviluppati fuq il-bażi tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku identifikati mill-ENTSO-E u mill-Istati Membri, rispettivament, u jistabbilixxu l-miżuri ppjanati jew meħudin għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni tax-xenarji;

    ·Qabel ma tadotta pjan, l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta abbozz lill-awtoritajiet kompetenti fir-reġjun u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għall-konsultazzjoni. Wara l-konsultazzjoni, il-pjan finali għandu jintbagħat lill-Kummissjoni, jiġi ppubblikat u aġġornat kull tliet snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jesiġux aġġornamenti aktar spissi;

    ·Il-pjanijiet għandhom jikkonsistu f’żewġ partijiet, l-istabbiliment tal-miżuri nazzjonali u tal-miżuri kkoordinati maqbulin bejn l-Istati Membri f’kull reġjun. Għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u jistabbilixxu biċ-ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti.

    ·Il-miżuri kollha li jinsabu fil-pjanijiet għandhom ikunu stabbiliti biċ-ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. Ma għandhomx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni sħiħa; u

    ·Il-pjanijiet għandhom jinkludu miżuri biex ikun żgurat li sitwazzjonijiet ta’ kriżi simultanji jiġu evitati u ġestiti kif xieraq. Iridu jkunu maqbulin f’kuntest reġjonali u tal-anqas jinkludu:

    (a)in-nomina ta’ maniġer jew ta’ tim għal kriżijiet reġjonali;

    (b)mekkaniżmi għall-kondiviżjoni, għall-informar u għall-kooperazzjoni fi ħdan reġjun;

    (c)miżuri għall-mitigazzjoni tal-impatt ta’ kriżi, inkluża sitwazzjoni ta’ kriżi simultanja (eż. pjanijiet reġjonali għat-tneħħija tat-tagħbija jew ftehimiet ta’ assistenza reċiproka oħrajn);

    (d)kwalunkwe skema ta’ kumpens għall-kostijiet marbutin mal-arranġamenti ta’ assistenza; u

    (e)proċeduri għat-twettiq ta’ testijiet annwali tal-pjanijiet.

    2.Il-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku:

    ·Ir-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jinformaw lill-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku. Iridu jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-kawżi tal-kriżi, il-miżuri meħudin u dawk pjanati għall-mitigazzjoni tagħha u l-ħtieġa possibbli ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħrajn;

    ·L-Istati Membri huma meħtieġa jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku jekk ikollhom informazzjoni speċifika, serja u affidabbli li jista’ jseħħ avveniment li aktarx iġib miegħu deterjorament sinifikanti fil-provvista tal-elettriku;

    ·L-Istati Membri għandhom jikkooperaw fi spirtu ta’ solidarjetà sabiex iħejju għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u jimmaniġġawhom, bl-għan li jiżguraw li l-elettriku jiġi fornit fejn huwa l-aktar meħtieġ, bil-ħlas ta’ kumpens; u

    ·Fil-każ ta’ kriżi tal-elettriku, l-Istati Membri jridu jaġixxu f’konformità sħiħa mar-regoli dwar is-suq intern tal-elettriku. Miżuri mhux ibbażati fuq is-suq jistgħu jintużaw biss bħala l-aħħar alternattiva u jridu jkunu neċessarji, proporzjonati, nondiskriminatorji u temporanji.

    3.L-indikaturi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-valutazzjonijiet tar-riskju:

    ·Il-proposta teħtieġ li l-ENTSO-E jiżviluppa metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ xenarji ta’ kriżi tal-elettriku f’livell reġjonali, filwaqt li tal-anqas iqis ir-riskji li ġejjin:

    (a)perikli naturali rari u estremi;

    (b)perikli aċċidentali li jmorru lil hinn mill-kriterju ta’ sigurtà N-1 18 ;

    (c)perikli konsegwenti bħal nuqqas ta’ fjuwil; u

    (d)attakki malizzjużi;

    ·Għat-tħejjija tal-pjan tat-tħejjija għar-riskji, l-ENTSO-E u l-Istati Membri għandhom jużaw din il-metodoloġija sabiex jidentifikaw l-aktar xenarji ta’ kriżi rilevanti; u

    ·L-ENTSO-E għandu jiżviluppa wkoll metodoloġija għall-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ terminu qasir, jiġifieri l-adegwatezza staġjonali kif ukoll il-previżjonijiet ta’ adegwatezza tal-provvista ġġenerata ta’ ġimgħa bil-quddiem sa tal-istess ġurnata. Ladarba din tiġi approvata mill-ACER, għandha tintuża mill-Istati Membri u mill-ENTSO-E fil-valutazzjonijiet ta’ terminu qasir tagħhom. Il-valutazzjoni tal-adegwatezza proposta għal terminu qasir tikkomplementa l-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi fit-tul proposta fir-Regolament rivedut dwar l-Elettriku, li jiżgura valutazzjoni kkoordinata Ewropea dwar l-adegwatezza għall-valutazzjoni tal-bżonn ta’ mekkaniżmi tal-kapaċità.

    4.Evalwazzjoni u monitoraġġ:

    ·Sabiex jiżguraw it-trasparenza wara kriżi tal-elettriku, l-Istati Membri affettwati għandhom iwettqu evalwazzjoni ex post tal-kriżi u tal-impatti tagħha;

    ·Il-proposta tinvolvi monitoraġġ sistematiku permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku, tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE.

    2016/0377 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 194 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 20 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)Is-settur tal-elettriku fl-Unjoni għaddej minn trasformazzjoni profonda, ikkaratterizzata minn swieq aktar deċentralizzati b’aktar atturi, sistemi interkonnessi aħjar u sehem ogħla ta’ enerġija rinnovabbli. Bi tweġiba, id-Direttiva xxx/ ir-Regolament xxx [Referenza għad-Direttiva dwar l-Elettriku u r-Regolament dwar l-Elettriku proposti] għandhom l-għan li jtejbu l-qafas legali li jirregola s-suq intern tal-Unjoni dwar l-elettriku, sabiex jiżguraw li s-swieq u n-netwerks jaħdmu b’mod ottimali, għall-benefiċċju tan-negozji u tal-konsumaturi.

    (2)Swieq u sistemi li jaħdmu sew huma l-aħjar garanzija ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Madankollu, anki meta s-swieq u s-sistemi jkunu jaħdmu sew, ir-riskju ta’ kriżi tal-elettriku (bħala riżultat ta’ kundizzjonijiet ta’ temp estrem, attakki malizzjużi jew nuqqas ta’ fjuwil) ma jistax jiġi eskluż. Il-konsegwenzi tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi spiss jinfirxu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Anki meta l-inċidenti jibdew f’livell lokali, l-effett tagħhom malajr jista’ jinfirex lil hinn mill-fruntieri. Ċerti ċirkustanzi estremi, bħal perjodu twil ta’ kesħa, mewġa ta’ sħana jew ċiberattakk, jistgħu jaffettwaw lil reġjuni sħaħ fl-istess ħin.

    (3)F’kuntest ta’ swieq u ta’ sistemi tal-elettriku interkonnessi, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet ma jistgħux jitqiesu li huma responsabbiltà purament nazzjonali. Jenħtieġu qafas komuni ta’ regoli u proċeduri kkoordinati sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri u atturi oħrajn jikkooperaw b’mod effettiv b’mod transfruntier fi spirtu ta’ trasparenza u ta’ solidarjetà.

    (4)Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 tistabbilixxi l-miżuri neċessarji li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija b’mod ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva fil-parti l-kbira ttiħdilhom posthom minn leġiżlazzjoni sussegwenti, b’mod partikolari rigward kif is-swieq għandhom jiġu organizzati sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed kapaċità disponibbli, kif l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw għall-garanzija ta’ stabbiltà tas-sistema 22 u rigward il-ħtieġa li jiġi żgurat li hemm l-infrastruttura xierqa fis-seħħ 23 . Dan ir-Regolament jindirizza l-kwistjoni speċifika tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-elettriku.

    (5)Il-Linji gwida dwar l-operazzjoni tas-sistema 24 u l-Kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr 25 jikkostitwixxu ġabra tar-regoli ddettaljata li tirregola kif l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u atturi rilevanti oħrajn għandhom jaġixxu u jikkooperaw sabiex jiżguraw is-sigurtà tas-sistema. Dawn ir-rekwiżiti tekniċi għandhom jiżguraw li ħafna mill-inċidenti relatati mal-elettriku jiġu indirizzati b’mod effettiv f’livell operazzjonali. Dan ir-Regolament jiffoka fuq is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku li jista’ jkollhom skala u impatt akbar. Jistabbilixxi x’għandhom jagħmlu l-Istati Membri sabiex jevitaw it-tali sitwazzjonijiet u x’miżuri jistgħu jieħdu jekk ir-regoli operazzjonali tas-sistema ma jkunux biżżejjed. Madankollu, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ir-regoli operazzjonali tas-sistema għandhom ikomplu jiġu rrispettati bis-sħiħ.

    (6)Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni ta’ regoli dwar kif tipprevjeni u timmaniġġa sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u kif tħejji għalihom, sabiex b’hekk tinkiseb aktar trasparenza fil-fażi ta’ tħejjija u matul kriżi tal-elettriku u jiġi żgurat li, anki fi kriżi, l-elettriku jiġi fornit fejn huwa l-aktar meħtieġ. Jeħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw f’livell reġjonali, fi spirtu ta’ solidarjetà. Huwa jistabbilixxi wkoll monitoraġġ effettiv tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Ewropa permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Dan għandu jirriżulta fi tħejjija aħjar għar-riskju b’anqas spejjeż. Għandu jsaħħaħ ukoll is-suq intern tal-enerġija billi jsaħħaħ il-fiduċja u l-kunfidenza bejn l-Istati Membri u jelimina interventi żejda mill-istat f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari jevita tnaqqis għalxejn tal-flussi transfruntiera.

    (7)Id- Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-Direttiva dwar l-NIS) 26 tipprovdi regoli ġenerali, filwaqt li ser jiġu żviluppati regoli speċifiċi dwar iċ-ċibersigurtà permezz ta’ kodiċi tan-netwerk kif previst fir-[Regolament propost dwar l-Elettriku]. Dan ir-Regolament jikkomplementa d-Direttiva dwar l-NIS billi jiżgura li ċ-ċiberinċidenti jiġu identifikati kif xieraq bħala riskju, u li l-miżuri meħuda sabiex jiġu indirizzati jkunu riflessi kif xieraq fil-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji.

    (8)Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE 27 tistabbilixxi proċess li għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà ta’ infrastruttura kritika Ewropea speċifikata, inkluż ċerta infrastruttura tal-gass fl-Unjoni. Id-Direttiva 2008/114/KE flimkien ma’ dan ir-Regolament tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ approċċ komprensiv għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.

    (9)Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE 28 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-Istati Membri sabiex jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju f’livell nazzjonali jew subnazzjonali xieraq kull tliet snin, u sabiex jiżviluppaw u jirfinaw l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastru. L-azzjonijiet speċifiċi ta’ prevenzjoni, ta’ tħejjija u ta’ ppjanar għar-riskju f’dan ir-Regolament għandhom ikunu koerenti mal-valutazzjonijiet nazzjonali usa’ tar-riskju ta’ diversi perikli meħtieġa skont id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

    (10)Sabiex jiffaċilitaw il-prevenzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-evalwazzjoni “ex post” tal-kriżijiet tal-elettriku, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda bħala punt ta’ kuntatt. Dan jista’ jkun entità eżistenti jew waħda ġdida.

    (11)Approċċ komuni għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kriżi jeħtieġ, fuq kollox, li l-Istati Membri jużaw l-istess metodi u definizzjonijiet sabiex jidentifikaw riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u huma f’pożizzjoni li jqabblu b’mod effettiv kemm huma u l-ġirien tagħhom sejrin tajjeb f’dak il-qasam. Ir-Regolament jidentifika żewġ indikaturi għas-sorveljanza tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-Unjoni: “enerġija mistennija mhux servita” (EENS), espressa f’GWh/sena, u “telf bit-tagħbija mistenni” (LOLE), espress f’sigħat/sena. Dawn l-indikaturi huma parti mill-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), skont l-[Artikolu 19 tar-Regolament propost dwar l-Elettriku]. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għandu jwettaq monitoraġġ regolari tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dawn l-indikaturi. L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha tuża dawn l-indikaturi anki meta tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fir-rapporti annwali tagħha ta’ monitoraġġ tas-suq tal-elettriku, skont [l-Artikolu 16 tar-Regolament propost tal-ACER].

    (12)Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-valutazzjonijiet tar-riskju li tibni l-fiduċja bejn l-Istati Membri f’sitwazzjoni ta’ kriżi, hemm bżonn ta’ approċċ komuni għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ riskju. Għaldaqstant, l-ENTSO-E għandu jiżviluppa metodoloġija komuni għall-identifikazzjoni tar-riskju f’kooperazzjoni mal-Aġenzija, bl-ENTSO-E li jipproponi l-metodoloġija u bl-Aġenzija li tapprovaha.

    (13)Fuq il-bażi ta’ din il-metodoloġija komuni, l-ENTSO-E għandu jfassal u jaġġorna b’mod regolari xenarji ta’ kriżi reġjonali u jidentifika l-aktar riskji rilevanti għal kull reġjun bħal kundizzjonijiet ta’ temp estrem, diżastri naturali, nuqqas ta’ fjuwil jew attakki malizzjużi. Fid-dawl tax-xenarju tal-kriżi ta’ nuqqas ta’ fjuwil tal-gass, ir-riskju ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tax-xenarji ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura żviluppati min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass skont l-Artikolu 6.6 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass [ir-Regolament propost dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass]. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw ix-xenarji ta’ kriżi nazzjonali tagħhom fuq din il-bażi, fil-prinċipju kull tliet snin. Ix-xenarji għandhom jipprovdu l-bażi għall-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji. Meta jidentifikaw ir-riskji f’livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu wkoll ir-riskji possibbli li jaraw b’rabta mas-sjieda tal-infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista, u l-miżuri possibbli meħudin, jekk jeżistu, sabiex jiġu indirizzati t-tali riskji (bħal liġijiet ġenerali jew speċifiċi għas-settur dwar l-analiżi ta’ investimenti, id-drittijiet speċjali għal ċerti azzjonisti, eċċ.), b’indikazzjoni dwar għaliex jaħsbu li huma ġġustifikati t-tali miżuri.

    (14)Approċċ ġenerali għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ riskju u għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni għandu jġib miegħu benefiċċji sinifikanti f’termini tal-effikaċja tal-miżuri u tal-użu ottimali tar-riżorsi. Barra minn hekk, fi kriżi tal-elettriku simultanja, approċċ ikkoordinat u miftiehem minn qabel ser jiżgura rispons konsistenti u jnaqqas ir-riskju ta’ tixrid ta’ effetti negattivi li jista’ jkollhom miżuri purament nazzjonali fi Stati Membri ġirien. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw f’kuntest reġjonali.

    (15)Kif iddikjarat fir-[Regolament propost dwar l-Elettriku], iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom jivvalutaw b’mod regolari r-riskji rilevanti peress li huma inkarigati bl-immaniġġjar operazzjonali tat-tali sitwazzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bl-għan li jiġu evitati u mmitigati inċidenti fuq skala akbar, il-kooperazzjoni reġjonali meħtieġa skont dan ir-Regolament għandha tibni fuq l-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali użati f’livell tekniku, jiġifieri l-gruppi ta’ Stati Membri li jaqsmu l-istess ċentru operazzjonali reġjonali.

    (16)Ir-[Regolament propost dwar l-Elettriku] jippreskrivi l-użu ta’ metodoloġija komuni għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi fit-terminu medju sa fit-tul (minn 10 snin bil-quddiem sa sena bil-quddiem), bl-għan li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri rigward il-ħtiġijiet ta’ investiment possibbli jsiru fuq bażi trasparenti u maqbula b’mod komuni. Din il-valutazzjoni għandha skop differenti mill-valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ terminu qasir li jintużaw għall-identifikazzjoni ta’ problemi possibbli relatati mal-adegwatezza f’perjodi qosra, jiġifieri rapporti ta’ prospettiva staġjonali (sitt xhur minn qabel) u valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ ġimgħa bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Rigward il-valutazzjonijiet ta’ terminu qasir, hemm bżonn ta’ approċċ komuni għall-mod kif jiġu identifikati l-problemi possibbli relatati mal-adegwatezza. L-ENTSO-E jrid joħroġ rapporti ta’ prospettiva għax-xitwa u għas-sajf sabiex iwissi lill-Istati Membri u lil operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni dwar riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija li jistgħu jinqalgħu fis-sitt xhur li jmiss. Sabiex jitjiebu dawn ir-rapporti ta’ prospettiva, dawn għandhom ikunu bbażati fuq metodoloġija probabilistika komuni proposta mill-ENTSO-E u approvata mill-Aġenzija. Sabiex jissaħħaħ l-approċċ reġjonali għall-valutazzjoni tar-riskji, l-ENTSO-E għandu jkun kapaċi jiddelega kompiti relatati mar-rapporti ta’ prospettiva staġjonali lil ċentri operazzjonali reġjonali.

    (17)L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom japplikaw il-metodoloġija użata għat-tħejjija ta’ rapporti ta’ prospettiva staġjonali meta jwettqu xi tip ieħor ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ terminu qasir, jiġifieri l-previżjonijiet tal-adegwatezza tal-provvista ġenerata ta’ ġimgħa bil-quddiem sa tal-istess ġurnata pprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ linja gwida dwar it-tħaddim ta’ sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku.

    (18)Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kriżijiet, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tfassal pjan tat-tħejjija għar-riskji, wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati. Il-pjanijiet għandhom jiddeskrivu miżuri effettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji li jindirizzaw ix-xenarji tal-kriżi kollha identifikati. Il-pjanijiet għandhom jipprovdu trasparenza speċjalment fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jittieħdu miżuri mhux tas-suq sabiex jiġu mmitigati sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-miżuri previsti kollha mhux tas-suq għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (19)Il-pjanijiet għandhom jikkonsistu f’żewġ partijiet, li jistabbilixxu l-miżuri nazzjonali u l-miżuri reġjonali maqbulin bejn l-Istati Membri fir-reġjun. Il-miżuri reġjonali huma neċessarji speċjalment f’każ ta’ kriżi simultanja, meta approċċ ikkoordinat u miftiehem minn qabel ser jiżgura rispons konsistenti u jnaqqas ir-riskji ta’ effetti ta’ tifrix negattivi. Il-pjanijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Istat Membru u jistabbilixxu biċ-ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti. Il-miżuri nazzjonali għandhom iqisu l-miżuri reġjonali maqbulin bis-sħiħ u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mill-kooperazzjoni reġjonali. Il-pjanijiet għandhom ikunu ta' natura teknika u operattiva, bil-funzjoni tagħhom li tkun li jgħinu fil-prevenzjoni tal-preżenza jew tal-eskalazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku kif ukoll sabiex itaffu l-effetti tagħha.

    (20)Il-pjanijiet għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari. Sabiex jiżguraw li l-pjanijiet dejjem ikunu aġġornati u effettivi, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull reġjun għandhom jorganizzaw simulazzjonijiet annwali f’kooperazzjoni ma’ ċentri operazzjonali reġjonali sabiex jittestjaw l-adegwatezza tagħhom.

    (21)Il-mudelli għandhom jiffaċilitaw it-tħejjija tal-pjanijiet u tal-konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn fir-reġjun rilevanti u mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Il-konsultazzjoni fi ħdan ir-reġjun u permezz tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għandha tiżgura li l-miżuri meħudin fi Stat Membru jew f’reġjun wieħed ma jixħtux f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stati Membri jew ta’ reġjuni oħrajn.

    (22)L-iskambju ta’ informazzjoni fil-każ ta’ simulazzjoni ta’ kriżi sabiex jiġu żgurati azzjoni kkoordinata u assistenza mmirata. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jobbliga lill-Istati Membri sabiex jinformaw lill-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta tinqala’ kriżi tal-elettriku. Għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-kawżi tal-kriżi, il-miżuri meħudin u ppjanati għall-mitigazzjoni tagħha u l-ħtieġa possibbli ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħrajn; Meta din l-assistenza tmur lil hinn mis-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għandu jibqa’ l-qafas leġiżlattiv applikabbli.

    (23)Huwa importanti li jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u l-għarfien bejn l-Istati Membri, kull meta jkollhom informazzjoni speċifika, serja u affidabbli li jista’ jseħħ avveniment li aktarx li jġib miegħu deterjorament sinifikanti fil-provvista tal-elettriku. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku mingħajr dewmien, filwaqt li jipprovdu, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-kawżi tad-deterjorament, il-miżuri ppjanati għall-prevenzjoni ta’ kriżi tal-elettriku u l-ħtieġa possibbli ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħrajn.

    (24)Fil-każ ta’ kriżi tal-elettriku, l-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fi spirtu ta’ solidarjetà u jiżguraw li l-elettriku jiġi fornit fejn ikun l-aktar meħtieġ. Din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq miżuri miftehmin minn qabel stabbiliti fil-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji. Meta jiġu biex jiftehmu fuq il-kooperazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu fatturi soċjali u ekonomiċi, inkluża s-sigurtà taċ-ċittadini, u l-proporzjonalità. Huma mħeġġin jaqsmu l-aħjar prattika u jużaw il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku bħala pjattaforma ta’ diskussjoni sabiex jiġu identifikati l-għażliet disponibbli għall-kooperazzjoni u l-arranġamenti ta’ solidarjetà, inklużi mekkaniżmi ta’ kumpens. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita t-tħejjija tal-miżuri kkoordinati reġjonalment fir-reġjun ikkonċernat.

    (25)Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-intrapriżi u lill-konsumaturi tal-elettriku sabiex jiddependu fuq mekkaniżmi tas-suq kif stipulat fid-[Direttiva proposta dwar l-Elettriku u r-Regolament propost dwar l-Elettriku] kemm hemm bżonn meta affaċċjati minn sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku. Ir-regoli li jirregolaw is-suq intern u r-regoli dwar it-tħaddim tas-sistemi għandhom ikunu rrispettati anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Dan ifisser li miżuri mhux tas-suq, bħal skonnessjoni tad-domanda furzata, jew il-forniment ta’ provvisti żejda barra l-funzjonament normali tas-suq għandhom jittieħdu biss bħala l-aħħar alternattiva, meta jkunu ġew ippruvati l-possibbiltajiet kollha offruti mis-suq. Għaldaqstant, skonnessjoni tad-domanda furzata tista’ tiġi introdotta biss wara li jkunu ġew ippruvati l-possibbiltajiet kollha għal skonnessjoni tad-domanda volontarja. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura mhux tas-suq għandha tkun neċessarja, proporzjonata, nondiskriminatorja u temporanja.

    (26)Sabiex jiżguraw it-trasparenza wara kriżi tal-elettriku, l-Istati Membri affettwati għandhom iwettqu evalwazzjoni “ex post” tal-kriżi u tal-impatti tagħha, u b’hekk jassoċjaw l-awtorità regolatorja nazzjonali tagħha kif xieraq. Evalwazzjoni bħal din għandha tqis, fost l-oħrajn, l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-miżuri meħudin kif ukoll il-kost ekonomiku tagħhom. Għandha tkopri wkoll kunsiderazzjonijiet transfruntiera bħall-impatt tal-miżuri fuq Stati Membri oħrajn u l-livell ta’ assistenza riċevuta mingħandhom.

    (27)L-obbligi ta’ trasparenza għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha meħudin għall-prevenzjoni jew għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi jirrispettaw ir-regoli dwar is-suq intern b’konformità mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni u ta’ solidarjetà li huma l-bażi tal-Unjoni tal-Enerġija.

    (28)Fl-2012, inħoloq il-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku bħala forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u għat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija 29 . Permezz ta’ dan ir-Regolament, jissaħħaħ ir-rwol tiegħu. Għandu jwettaq kompiti speċifiċi, speċjalment b’rabta mat-tħejjija tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji, u ser ikollu rwol prominenti fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u fl-iżvilupp tal-aħjar prattika fuq din il-bażi.

    (29)Kriżi tal-elettriku tista’ testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u tinvolvi wkoll lil pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija. Sabiex tiżgura ġestjoni effiċjenti tal-kriżijiet fi fruntieri bejn l-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti, l-Unjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija meta jipprevjenu u jikkontrollaw kriżi tal-elettriku u meta jħejju għaliha.

    (30)Sabiex ikun hemm rispons rapidu tal-Unjoni għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu fir-rigward tat-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku, is-setgħa sabiex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi tal-mudelli għall-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskju. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż f'livell espert. Meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura li dokumenti rilevanti jiġu trażmessi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f’ħin adegwat u b’mod xieraq.

    (31)L-Istati Membri li jaġixxu waħedhom ma jistgħux jiksbu l-objettiv ta’ dan ir-Regolament b’mod sodisfaċenti, jiġifieri li jiggarantixxu l-aktar stat ta’ tħejjija effettiv u effiċjenti għar-riskju fi ħdan l-Unjoni. Meta wieħed iqis l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, dan jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (32)Id-Direttiva 2005/89/KE għandha titħassar.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I
    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    Artkolu 1
    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni ta’ kriżijiet tal-elettriku u tat-tħejjija għalihom fi spirtu ta’ solidarjetà u ta’ trasparenza u b’kunsiderazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv għall-elettriku.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Elettriku [id-Direttiva proposta dwar l-Elettriku] u fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Elettriku [ir-Regolament propost dwar l-Elettriku].

    2.Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (a)“sigurtà tal-provvista tal-elettriku” tfisser il-ħila ta’ sistema tal-elettriku li tiggarantixxi provvista mhux interrotta ta’ elettriku lill-konsumaturi b’livell definit ċar ta’ prestazzjoni;

    (b)“kriżi tal-elettriku” tfisser sitwazzjoni ta’ nuqqas sinifikanti ta’ elettriku jew impossibbiltà li jitwassal l-elettriku lill-konsumaturi finali, eżistenti jew imminenti;

    (c)“kriżi simultanja” tfisser kriżi tal-elettriku li taffettwa lil aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin;

    (d)“maniġer jew tim tal-kriżi” tfisser persuna, grupp ta’ persuni jew istituzzjoni inkarigati bl-aġir bħala punt ta’ kuntatt u li jikkoordinaw il-fluss tal-informazzjoni matul kriżi tal-elettriku;

    (e)“miżura mhux tas-suq” tfisser kwalunkwe miżura fin-naħa tal-provvista jew tad-domanda li tiddevja mir-regoli tas-suq jew minn ftehimiet kummerċjali, bl-għan li timmitiga kriżi tal-elettriku;

    (f)“reġjun” tfisser grupp ta’ Stati Membri li jaqsmu l-istess ċentru operazzjonali reġjonali, kif maħluq skont l-Artikolu 33 tar-Regolament dwar l-Elettriku [ir-Regolament propost dwar l-Elettriku].

    Artikolu 3
    Awtorità kompetenti

    1.Mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità governattiva jew regolatorja nazzjonali bħala l-awtorità kompetenti tiegħu inkarigata mit-twettiq tal-kompiti stipulati f’dan ir-Regolament. L-Awtoritajiet Kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti, ladarba jinnominawha.

    Kapitolu II
    Valutazzjoni tar-riskji

    Artikolu 4
    Valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija

    L-Istati Membri għandhom jaraw li r-riskji kollha relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku huma vvalutati skont ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Elettriku [ir-Regolament propost dwar l-Elettriku]. Għal dan l-għan, dawn għandhom jikkooperaw mal-ENTSO-E u maċ-ċentri operazzjonali reġjonali.

    Artikolu 5
    Il-metodoloġija għall-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku f’livell reġjonali

    1.Sa [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-ENTSO-E għandu jissottometti għand l-Aġenzija proposta għal metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-aktar xenarji ta’ kriżi tal-elettriku rilevanti f’kuntest reġjonali.

    2.Ix-xenarji ta’ kriżi għandhom ikunu identifikati fuq il-bażi ta’ mill-anqas ir-riskji li ġejjin:

    (a)perikli naturali rari u estremi;

    (b)perikli aċċidentali li jmorru lil hinn mill-kriterju ta’ sigurtà N-1;

    (c)perikli konsegwenti inkluż in-nuqqas ta’ fjuwil;

    (d)attakki malizzjużi.

    3.Il-metodoloġija proposta għandha tinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a)kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi nazzjonali u reġjonali rilevanti kollha;

    (b)l-interazzjoni u l-korrelazzjoni tar-riskji f’livell transfruntier;

    (c)simulazzjonijiet ta’ xenarji ta’ kriżi simultanja;

    (d)il-klassifikazzjoni tar-riskji skont l-impatt u l-probabbiltà tagħhom.

    Meta jqis ir-riskji ta’ interruzzjoni tal-gass fil-kuntest tal-identifikazzjoni tar-riskji skont il-paragrafu 2(c), l-ENTSO-E għandu juża x-xenarji ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura żviluppati min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass skont l-Art. 6.6 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass [ir-Regolament propost dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass].

    4.Qabel ma jissottometti l-metodoloġija proposta, l-ENTSO-E għandu jwettaq eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li jinvolvi tal-anqas l-organizzazzjonijiet industrijali u tal-konsumatur, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn. L-ENTSO-E għandu jieħu f’kunsiderazzjoni kif xieraq ir-riżultati tal-konsultazzjoni.

    5.Fi żmien xahrejn mindu jirċievi l-metodoloġija proposta, l-Aġenzija għandha tapprova jew inkella temenda l-proposta. F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, għandha tikkonsulta mal-ENTSO-E qabel ma tadotta l-verżjoni emendata u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.

    6.L-ENTSO-E għandu jaġġorna u jtejjeb il-metodoloġija b’mod regolari skont il-paragrafi 1 sa 5. L-Aġenzija jew il-Kummissjoni tista’ titlob it-tali aġġornamenti u titjib jekk dawn ikunu ġġustifikati. Fi żmien sitt xhur mit-talba, l-ENTSO-E għandu jissottometti abbozz tat-tibdiliet proposti lill-Aġenzija. Fi żmien perjodu ta’ xahrejn mindu tirċievi l-abbozz, l-Aġenzija għandha temenda jew tapprova t-tibdiliet u tippubblikah fuq is-sit web tagħha.

    Artikolu 6
    L-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku f’livell reġjonali

    1.Sa [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: għaxar xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u fuq il-bażi tal-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 5, l-ENTSO-E għandu jidentifika l-aktar xenarji ta’ kriżi tal-elettriku rilevanti għal kull reġjun. Jista’ jiddelega kompiti relatati mal-identifikazzjoni ta’ xenarji ta’ kriżi reġjonali liċ-ċentri operazzjonali reġjonali.

    2.L-ENTSO-E għandu jissottometti x-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku reġjonali identifikati lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għal konsultazzjoni.

    3.L-ENTSO-E għandu jaġġorna x-xenarji kull tliet snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

    Artikolu 7
    L-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku f’livell nazzjonali

    1.Sa [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: għaxar xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aktar xenarji ta’ kriżi tal-elettriku rilevanti fil-livell nazzjonali.

    2.Ix-xenarji ta’ kriżi għandhom ikunu identifikati fuq il-bażi ta’ mill-anqas ir-riskji msemmijin fl-Artikolu 5(2) u għandhom ikunu konsistenti max-xenarji reġjonali identifikati skont l-Artikolu 6. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw ix-xenarji kull tliet snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

    3.Sa [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: għaxar xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku u lill-Kummissjoni dwar ir-riskji possibbli li jaraw b’rabta mas-sjieda ta’ infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u dwar kwalunkwe miżura meħuda għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni tat-tali riskji, b’indikazzjoni dwar għaliex it-tali miżuri huma meqjusin neċessarji u proporzjonati.

    Artikolu 8
    Il-metodoloġija għal valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ terminu qasir

    1.Sa [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-ENTSO-E għandu jissottometti lill-Aġenzija proposta għal metodoloġija għall-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ terminu qasir, jiġifieri l-adegwatezza staġjonali kif ukoll l-adegwatezza ta’ ġimgħa bil-quddiem sa tal-istess ġurnata, li għandha tkopri tal-anqas dawn li ġejjin:

    (a)l-inċertezza tal-inputs bħall-probabbiltà ta’ indisponibilità tal-kapaċità ta’ trażmissjoni, il-probabbiltà ta’ indisponibilità mhux ippjanata ta’ impjanti tal-enerġija, kundizzjonijiet serji tat-temp, il-varjabbiltà fid-domanda u l-varjabbiltà tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

    (b)il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ sitwazzjoni kritika;

    (c)il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi simultanja;

    Il-metodoloġija għandha tipprovdi għal approċċ probabilistiku u tqis il-kuntest wiesa’ reġjonali u tal-Unjoni, inkluż, kemm jista’ jkun, pajjiżi mhux fl-UE li jinsabu fi ħdan żona sinkronika tal-Unjoni.

    2.Qabel ma jissottometti l-metodoloġija proposta, l-ENTSO-E għandu jwettaq konsultazzjoni li tinvolvi tal-anqas l-industrija u l-konsumaturi, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn. L-ENTSO-E għandu jikkunsidra kif xieraq ir-riżultati tal-konsultazzjoni.

    3.Fi żmien xahrejn minn mindu tirċievi l-metodoloġija proposta, l-Aġenzija għandha tapprova jew inkella temenda l-proposta. F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, għandha tikkonsulta mal-ENTSO-E qabel ma tadotta l-verżjoni emendata u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.

    4.L-ENTSO-E għandu jaġġorna u jtejjeb il-metodoloġija b’mod regolari skont il-paragrafi 1 sa 3. L-Aġenzija jew il-Kummissjoni tista’ titlob it-tali aġġornamenti u titjib jekk dawn ikunu ġġustifikati. Fi żmien sitt xhur mit-talba, l-ENTSO-E għandu jissottometti abbozz tat-tibdiliet proposti lill-Aġenzija. Fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn mindu tirċievi l-abbozz, l-Aġenzija għandha temenda jew tapprova t-tibdiliet u tippubblikahom fuq is-sit web tagħha.

    Artikolu 9
    Valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ terminu qasir

    1.Il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ terminu qasir għandhom jitwettqu skont il-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8.

    2.L-ENTSO-E għandu joħroġ rapporti ta’ prospettiva tal-adegwatezza staġjonali skont il-metodoloġija żviluppata b’konformità mal-Artikolu 8. Għandu jippubblika r-riżultati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena għall-prospettiva tax-xitwa u sal-1 ta’ Ġunju għall-prospettiva tas-sajf. Jista’ jiddelega kompiti relatati mal-prospettivi liċ-ċentri operazzjonali reġjonali. Għandu jippreżenta r-rapporti ta’ prospettiva lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku, li jista’ jagħti rakkomandazzjonijiet dwar ir-riżultati, fejn xieraq.

    3.Iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-adegwatezza ta’ ġimgħa bil-quddiem sa tal-istess ġurnata għar-reġjuni rispettivi tagħhom fuq il-bażi tal-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 8.

    Kapitolu III
    Pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji

    Artikolu 10
    L-istabbiliment ta’ pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji

    1.Fuq il-bażi tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku reġjonali u nazzjonali identifikati skont l-Artikoli 6 u 7, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tistabbilixxi pjan tat-tħejjija għar-riskji, wara li jikkonsulta lill-intrapriżi tal-elettriku u tal-gass, lill-organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi residenzjali u industrijali tal-elettriku u lill-awtorità regolatorja nazzjonali (fejn din ma tkunx l-awtorità kompetenti).

    2.Il-pjan għandu jikkonsisti f’miżuri nazzjonali u f’miżuri reġjonali kif spjegat fl-Artikoli 11 u 12. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 15, il-miżuri kollha ppjanati jew meħudin għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku u għat-tħejjija għalihom għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-elettriku u t-tħaddim tas-sistemi. Għandhom ikunu definiti biċ-ċar, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji.

    3.Il-pjan għandu jiġi żviluppat skont il-mudell fl-Anness. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 19 biex temenda dan il-mudell.

    4.Qabel ma tadotta pjan, l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta abbozz lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn fir-reġjun ikkonċernat u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għall-konsultazzjoni.

    5.Fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn fir-reġjun u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għandhom jirreveduh u jistgħu jagħmlu xi rakkomandazzjonijiet.

    6.Fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjan, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jadotta l-pjan, filwaqt li jqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Għandu jissottometti l-pjan adottat lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku mingħajr dewmien.

    7.L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-pjanijiet pubbliċi, filwaqt li jiżguraw li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva, b’mod partikolari informazzjoni dwar miżuri relatati mal-prevenzjoni u mal-mitigazzjoni ta’ attakki malizzjużi.

    8.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw l-ewwel pjan sa mhux aktar tard minn [OPOCE jrid idaħħal id-data eżatta: sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Għandhom jaġġornawhom kull tliet snin, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx aġġornamenti aktar spissi.

    Artikolu 11
    Il-kontenut tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji fir-rigward tal-miżuri nazzjonali

    1.Kull pjan għandu jistabbilixxi l-miżuri kollha ppjanati jew meħuda għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u għat-tħejjija għalihom kif identifikati skont l-Artikoli 6 u 7. Tal-anqas għandu:

    (a)ikun fih sommarju tax-xenarju ta’ kriżi tal-elettriku definit għall-Istati Membri u għar-reġjun rilevanti, skont il-proċedura fl-Artikoli 6 u 7;

    (b)jistabbilixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtorità kompetenti;

    (c)jiddeskrivi l-miżuri mfasslin għat-tħejjija għar-riskji u għall-prevenzjoni tar-riskji identifikati skont l-Artikoli 6 u 7;

    (d)jinnomina maniġer jew tim nazzjonali għall-kriżijiet u jistabbilixxi l-kompiti tiegħu;

    (e)jistabbilixxu proċeduri ddettaljati li għandhom jiġu segwiti f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku, inklużi l-iskemi korrispondenti dwar il-flussi tal-informazzjoni;

    (f)jidentifika l-kontribuzzjoni tal-miżuri bbażati fuq is-suq sabiex ikampaw mas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku;

    (g)jidentifika miżuri possibbli mhux tas-suq li għandhom jiġu implimentati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku, filwaqt li jispeċifika l-iskattatur, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tagħhom, u jindika kif jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 15;

    (h)jipprovdi pjan iddettaljat ta’ tneħħija tat-tagħbija, filwaqt li jistipula meta għandhom jitneħħew it-tagħbijiet, f’liema ċirkustanzi u x’valuri tat-tagħbija għandhom jitneħħew. Il-pjan għandu jispeċifika liema kategoriji ta’ utenti tal-elettriku ser jirċievu protezzjoni speċjali kontra l-iskonnessjoni, u jiġġustifika l-bżonn ta’ protezzjoni bħal din, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza pubblika u tas-sigurtà personali;

    (i)iddeskrivi l-mekkaniżmi użati sabiex il-pubbliku jiġi informat dwar kwalunkwe kriżi tal-elettriku.

    2.Il-miżuri nazzjonali kollha għandhom iqisu l-miżuri reġjonali maqbulin skont l-Artikolu 12 u ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni inġenerali.

    Artikolu 12
    Il-kontenut tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji fir-rigward tal-miżuri kkoordinati f’livell reġjonali

    1.Minbarra l-miżuri elenkati fl-Artikolu 11, il-pjan għal kull Stat Membru għandu jinkludi miżuri reġjonali sabiex jiżgura li sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’impatt transfruntier jiġu evitati u ġestiti kif xieraq. Dawn il-miżuri għandhom ikunu maqbulin fi ħdan ir-reġjun ikkonċernat u tal-anqas jinkludu:

    (a)in-nomina ta’ maniġer jew ta’ tim għal kriżijiet reġjonali;

    (b)mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni fi ħdan reġjun;

    (c)miżuri li jimmitigaw l-impatt ta’ kriżi inkluż sitwazzjoni ta’ kriżi simultanja. Dawn għandhom jinkludu pjanijiet reġjonali ta’ tneħħija tat-tagħbija u arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji rigward l-assistenza reċiproka sabiex jiġi żgurat li l-elettriku jista’ jitwassal fejn l-aktar li jkun meħtieġ u b’mod ottimali. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu, fost l-oħrajn, l-iskattatur għall-assistenza, il-formula ta’ kalkolu jew l-ammont, il-partijiet tal-pagamenti u dawk riċeventi u r-regoli ta’ arbitraġġ;

    (d)proċeduri għat-twettiq ta’ testijiet annwali tal-pjanijiet.

    2.Il-miżuri reġjonali li jridu jiddaħħlu fil-pjan għandhom ikunu maqbulin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-reġjun ikkonċernat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku dwar il-ftehimiet milħuqin tal-anqas tmien xhur qabel l-iskadenza għall-adozzjoni jew għall-aġġornar tal-pjan. Jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma rnexxilhomx jilħqu ftehim, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil. F’każijiet bħal dawn il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija biex, b’konsultazzjoni mal-ENTSO-E, tiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehim.

    3.F’kooperazzjoni maċ-ċentri operazzjonali reġjonali u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull reġjun għandhom iwettqu simulazzjonijiet ta’ kriżi annwali, b’mod partikolari testijiet fuq il-mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

    Kapitolu IV
    Il-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku

    Artikolu 13
    Twissija bikrija u dikjarazzjoni ta’ kriżi

    1.Meta prospettiva tal-adegwatezza staġjonali jew sors ieħor jipprovdu informazzjoni speċifika, serja u affidabbli li jista’ jseħħ avveniment li aktarx li jirriżulta f’deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tagħti twissija bikrija mingħajr dewmien żejjed lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-kawżi tad-deterjorament, dwar il-miżuri meħudin jew ippjanati għall-prevenzjoni ta’ kriżi tal-elettriku u dwar il-ħtieġa possibbli ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħrajn. L-informazzjoni għandha tinkludi l-impatti possibbli tal-miżuri fuq is-suq intern tal-elettriku, inkluż fi Stati Membri oħrajn.

    2.Meta taffaċċja sitwazzjoni tal-kriżi tal-elettriku, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni għandha tiddikjara l-kriżi tal-elettriku u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Għandha tinformahom ukoll bir-raġunijiet għad-dikjarazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku, bil-miżuri meħudin u ppjanati għall-mitigazzjoni tagħha u bil-ħtieġa possibbli ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħrajn.

    3.F’każijiet fejn l-informazzjoni pprovduta titqies li mhix suffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

    4.Meta awtorità kompetenti toħroġ twissija bikrija jew tiddikjara kriżi tal-elettriku, l-azzjonijiet stabbiliti fil-pjan tat-tħejjija għar-riskji għandhom jiġu segwiti kemm jista’ jkun.

    Artikolu 14
    Il-kooperazzjoni u l-assistenza

    1.L-Istati Membri għandhom jaġixxu u jikkooperaw fi spirtu ta’ solidarjetà sabiex jipprevjenu u jimmaniġġaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku, bl-għan li jiżguraw li l-elettriku jiġi fornit fejn huwa l-aktar meħtieġ bl-għan li jkunu protetti s-sikurezza pubblika u s-sigurtà personali.

    2.Meta jkun hemm bżonn u meta jkun possibbli, l-Istati Membri għandhom joffru assistenza lil xulxin sabiex jipprevjenu jew jimmitigaw kriżi tal-elettriku. Tali assistenza għandha tkun soġġetta għal kumpens.

    Artikolu 15
    Ir-rispett tar-regoli tas-suq

    1.Il-miżuri meħudin għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku għandhom jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-elettriku u t-tħaddim tas-sistemi.

    2.Miżuri mhux tas-suq jistgħu jiġu attivati f’sitwazzjoni ta’ kriżi u jekk ikunu ġew eżawriti l-għażliet kollha pprovduti mis-suq biss. Ma għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni għalxejn u l-funzjonament effettiv tas-suq tal-elettriku. Għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati, nondiskriminatorji u temporanji.

    3.Tnaqqis ta’ tranżazzjoni inkluż it-tnaqqis ta’ kapaċità transżonali diġà allokata, il-limitazzjoni tal-provvista ta’ kapaċità transżonali għall-allokazzjoni tal-kapaċità jew il-limitazzjoni tal-provvista ta’ skedi għandhom jitnedew biss f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Elettriku [ir-Regolament propost dwar l-Elettriku] u mar-regoli adottati sabiex tiġi speċifikata din id-dispożizzjoni.

    Kapitolu V
    Evalwazzjoni u monitoraġġ

    Artikolu 16
    Evalwazzjoni ex post

    1.Mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jiddikjaraw sitwazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, f’konsultazzjoni mal-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom (meta din ma tkunx l-awtorità kompetenti), għandhom jipprovdu rapport ta' evalwazzjoni lill-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku u lill-Kummissjoni.

    2.Tal-anqas ir-rapport għandu jinkludi:

    (a)deskrizzjoni tal-avveniment li wassal għall-kriżi;

    (b)deskrizzjoni tal-miżuri preventivi, preparatorji u mitiganti meħudin u valutazzjoni tal-proporzjonalità u tal-effikaċja tagħhom;

    (c)valutazzjoni tal-impatt transfruntier tal-miżuri meħudin;

    (d)rendikont tal-assistenza pprovduta lill-Istati Membri ġirien u lill-pajjiżi mhux fl-UE jew riċevuta mingħandhom;

    (e)l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-elettriku u l-impatt tal-miżuri meħudin fuq is-settur tal-elettriku, b’mod partikolari l-volumi ta’ enerġija mhux servita u l-livell ta’ skonnessjoni manwali tad-domanda (inkluż paragun bejn il-livell ta’ skonnessjoni tad-domanda volontarja u furzata);

    (f)kwalunkwe titjib possibbli jew titjib propost fil-pjan tat-tħejjija għar-riskji.

    3.F’każijiet fejn l-informazzjoni pprovduta fir-rapport titqies li mhix suffiċjenti, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu li l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

    4.L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jippreżentaw ir-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Elettriku.

    Artikolu 17
    Il-monitoraġġ mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku

    1.Minbarra li jwettaq kompiti speċifiċi oħrajn kif stipulati f’dan ir-Regolament, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku għandu jiddiskuti u jirrevedi:

    (a)ir-riżultati tal-pjan ta’ żvilupp tan-netwerks fl-elettriku għal 10 snin imħejji mill-ENTSO-E;

    (b)il-koerenza tal-pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji, adottati mill-Istati Membri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10;

    (c)ir-riżultati tal-valutazzjonijiet Ewropej tal-adegwatezza tar-riżorsi mħejjija mill-ENTSO-E kif imsemmi fl-Artikolu 19 (3) tar-Regolament dwar l-Elettriku [ir-Regolament propost dwar l-Elettriku];

    (d)il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija filwaqt li tal-anqas jitqiesu l-indikaturi kkalkolati fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi, jiġifieri l-enerġija mistennija mhux servita (EENS) u t-telf bit-tagħbija mistenni (LOLE);

    (e)ir-riżultati tal-prospettivi staġjonali msemmija fl-Artikolu 9;

    (f)l-informazzjoni riċevuta mingħand l-Istati Membri skont l-Artikolu 7 (3);

    (g)ir-riżultati tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ex post, kif imsemmija fl-Artikolu 16.

    2.Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri b’relazzjoni mas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1, li l-Istati Membru kkonċernat għandu jqis bl-aħjar mod.

    Kapitolu VI:
    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 18
    Il-kooperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija

    L-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija huma mistiedna jikkooperaw mill-qrib fil-proċess tal-identifikazzjoni tax-xenarji ta’ kriżi tal-elettriku u fl-istabbiliment ta’ pjanijiet tat-tħejjija għar-riskji sabiex ma tittieħed ebda miżura li tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri, tal-Partijiet Kontraenti jew tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jistgħu jieħdu sehem fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku fuq stedina mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom.

    Artikolu 19
    Eżerċizzju tad-delega

    1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati kif imsemmija fl-Artikolu 10(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [OPOCE jrid idaħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10(3) tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 30 .

    5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill.

    Artikolu 20
    Tħassir

    Id-Direttiva 2005/89/KE hija mħassra.

    Artikolu 21
    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ara l-analiżi fir-Rapport Interim tal-Inkjesta Settorjali dwar Mekkaniżmi ta’ Kapaċità (C(2016) 2107 final) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SWD(2016) 119 final).
    (2)    Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22).
    (3)    Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).
    (4)

       It-Tielet Pakkett dwar l-elettriku huwa msawwar mid-Direttiva (KE) Nru 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, mir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija.

    (5)

       Id-Direttiva (KE) Nru 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

    (6)

       Ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).

    (7)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) …/… ta’ XXX li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU [...]).
    (8)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) …/… ta’ XXX li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku (ĠU [...]).
    (9)

       Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1-30).

    (10)

       Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

    (11)    L-istrateġiji makroreġjonali eżistenti tal-UE u l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri, madankollu, din il-kooperazzjoni reġjonali ma tkoprix il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku.
    (12)    Ir-Regolament (UE) 347/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009. (ĠU L 115. 25.04.2013. p. 39).
    (13)     https://ec.europa.eu/energy/en/consultations/public-consultation-risk-preparedness-area-security-electricity-supply
    (14)     https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/DG%20ENER%20Risk%20preparedness%20final%20report%20May2016.pdf  
    (15)    Artelys (2016): Studju S16: Analysis revenue related risks for power producers. Artelys (2016): Studju S4: Generation and System Adequacy Analysis.
    (16)    Benefits of an integrated European energy market (2013), BOOZ&CO.
    (17)    It-TSOs, ir-regolaturi u l-awtoritajiet tal-enerġija Nordiċi jikkooperaw permezz tal-Forum Nordiku għall-Kontinġenza u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet (NordBER). Dan jinvolvi l-iskambju ta’ informazzjoni, gruppi konġunti ta’ ħidma u ppjanar ta’ kontinġenza għas-settur ġenerali Nordiku sħiħ tal-enerġija sabiex jikkomplementaw il-ħidma nazzjonali ta’ emerġenza u l-kooperazzjoni tat-TSOs ( www.nordber.org ).
    (18)    Skont il-“Linja Gwida dwar l-operazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni”, “il-kriterju (N-1)” tfisser ir-regola li skontha l-elementi operazzjonali li jifdal fi ħdan żona ta’ kontroll ta’ TSO wara l-okkorrenza ta’ kontinġenza jkunu kapaċi jakkomodaw is-sitwazzjoni operazzjonali l-ġdida mingħajr ma jiksru l-limiti ta’ sigurtà operazzjonali.
    (19)    ĠU C , , p. .
    (20)    ĠU C , , p. .
    (21)    Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22).
    (22)    Referenza għat-Tielet Pakkett rivedut
    (23)    Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar Linji Gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU L 115, 24.4.2013, p. 39.
    (24)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) …/…ta’ XXX li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku, ĠU [...]
    (25)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) …/… ta’ XXX li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku, ĠU [...].
    (26)    Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, ĠU L 194, 19.07.2016, p. 1-30.
    (27)    Id-Direttiva 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).
    (28)    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 24).
    (29)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 li twaqqaf Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Elettriku (2012/C 353/02), ĠU C 353, 17.11.2012, p. 2.
    (30)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
    Top

    Brussell, 30.11.2016

    COM(2016) 862 final

    ANNESS

    ta' [...]

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE


    ANNESS

    Mudell għall-pjan tat-tħejjija għar-riskju

    Il-mudelli li ġejjin għandhom jimtlew bl-Ingliż.

    Tagħrif ġenerali

    Isem tal-Awtorità Kompetenti responsabbli mit-tħejjija ta’ dan il-pjan

    Stati Membri fir-reġjun

    1.Sommarju tax-xenarji tal-kriżi tal-elettriku

    Iddeskrivi fil-qosor ix-xenarji ta’ riskju identifikati fil-livell reġjonali u dak nazzjonali skont l-Artikoli 6 u 7, inkluż deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet applikati.

    2.Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Awtorità Kompetenti

    Iddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Awtoritajiet Kompetenti u tal-korpi li l-kompiti ġew iddelegati lilhom.

    3.Il-proċeduri u l-miżuri fil-kriżi tal-elettriku

    3.1.Proċeduri u miżuri nazzjonali

    (a)Iddeskrivi l-proċeduri li jridu jiġu segwiti fil-każijiet ta’ kriżi tal-elettriku, inklużi l-iskemi korrispondenti fuq il-flussi tal-informazzjoni;

    (b)Iddeskrivi l-miżuri preventivi u preparatorji;

    (c)Iddeskrivi l-miżuri għall-mitigazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-elettriku, b’mod partikolari miżuri fin-naħa tad-domanda u fin-naħa tal-provvista, filwaqt li tindika f’liema ċirkustanzi jistgħu jintużaw dawn il-miżuri, speċjalment l-iskattatur ta’ kull miżura. Meta jiġu kkunsidrati miżuri mhux tas-suq, dawn iridu jiġu ġustifikati kif xieraq fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 15;

    (d)Ipprovdi pjan dettaljat tat-tneħħija tat-tagħbija, inkluż meta t-tagħbijiet għandhom jitneħħew, f’liema ċirkustanzi, il-valuri tat-tagħbija li jridu jitneħħew u lil min. Speċifika liema kategorija ta’ utenti tal-elettriku għandhom jirċievu protezzjoni speċjali kontra skonnessjoni, u spjega għaliex tenħtieġ il-protezzjoni tagħhom biex tkun protetta s-sikurezza personali;

    (e)Iddeskrivi l-mekkaniżmi użati biex il-pubbliku jiġi informat dwar il-kriżi tal-elettriku.

    3.2.Proċeduri u miżuri reġjonali

    (a)Iddeskrivi l-mekkaniżmi miftiehma għall-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjun u biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni xierqa qabel il-kriżi tal-elettriku u matulha, inkluż il-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għal reazzjoni xierqa fil-livell reġjonali;

    (b)Iddeskrivi l-miżuri miftiehma li jridu jintużaw f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi simultanja, inkluż il-prijoritizzazzjoni tal-konsumaturi u l-pjanijiet reġjonali tat-tneħħija tat-tagħbija, kif ukoll l-arranġamenti finanzjarji għall-assistenza biex tiġi evitata jew mitigata l-kriżi tal-elettriku. Meta tiddeskrivi dawn l-arranġamenti, inkludi elementi bħad-definizzjoni tal-iskattatur tal-assistenza, il-formula tal-kalkolu jew l-ammont, il-partijiet tal-pagamenti u r-riċeventi u r-regoli għall-arbitraġġ. Speċifika meta u kif għandhom jiskattaw il-pjanijiet reġjonali tat-tneħħija tat-tagħbija;

    (c)Iddeskrivi l-mekkaniżmi li hemm fis-seħħ biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni tal-azzjonijiet qabel il-kriżi tal-elettriku u matulha ma’ Stati Membri oħrajn barra r-reġjun kif ukoll ma’ pajjiżi terzi fi ħdan iż-żona sinkronika rilevanti.

    4.Maniġer jew tim tal-kriżi

    Indika min huwa l-maniġer jew it-tim tal-kriżi u ddefinixxi r-rwol tiegħu. Speċifika d-dettalji ta’ kuntatt.

    5.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Skont l-Artikolu 10(1), jekk jogħġbok iddeskrivi l-mekkaniżmu użat għall-konsultazzjonijiet imwettqa u r-riżultati tagħhom, għall-iżvilupp ta’ dan il-Pjan, ma’:

    (a)intrapriżi tal-elettriku u tal-gass;

    (b)organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-familji;

    (c)organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi ta’ konsumaturi industrijali tal-elettriku, inklużi intrapriżi tal-gass;

    (d)awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    6.Testijiet ta’ emerġenza

    (a)Indika l-kalendarju għas-simulazzjonijiet annwali b’rispons f’ħin reali li jsiru fir-reġjun (jekk applikabbli anki fil-livell nazzjonali) tas-sitwazzjonijiet tal-kriżi tal-elettriku;

    (b)Skont l-Artikolu 12(1) d), indika l-proċeduri miftiehma u l-atturi involuti.

    Għall-aġġornamenti tal-Pjan: iddeskrivi fil-qosor it-testijiet imwettqin minn mindu ġie adottat l-aħħar Pjan u r-riżultati ewlenin. Indika liema miżuri ġew adottati bħala riżultat ta’ dawn it-testijiet.

    Top