Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0822

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

    COM/2016/0822 final - 2016/0404 (COD)

    Brussell, 10.1.2017

    COM(2016) 822 final

    2016/0404(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2016) 462 final}
    {SWD(2016) 463 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    Suq intern aktar profond u aktar ġust huwa prijorità ewlenija tal-Kummissjoni: “li npoġġu l-politiki li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fiċ-ċentru tal-aġenda politika” 1 . Il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li “l-kisba ta’ suq uniku aktar approfondit u ġust ser tkun strumentali fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, fil-promozzjoni tal-produttività u fl-iżgurar ta’ klima attraenti għall-investiment u l-innovazzjoni” 2 . Ir-rwol sinifikanti tas-servizzi professjonali fl-ekonomija tal-UE ma jistax jiġi sopravvalutat u hemm bosta studji li juru benefiċċji mhux sfruttati għall-avvanz tas-Suq Uniku fis-servizzi.

    Fin-nuqqas ta rekwiżiti armonizzati fil-livell tal-UE, ir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali tibqa’ prerogattiva tal-Istati Membri. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk hemmx bżonn li jintervjeni u jimponi regoli u restrizzjonijiet għall-aċċess jew l-eżerċitar ta’ professjoni, sakemm il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u proporzjonalità jiġu rispettati. Fil-maġġoranza tal-każijiet, ir-regolamentazzjoni hija ġġustifikata u saħansitra merħba biha, bħal pereżempju meta niġu għal kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni hija tajba għall-iskop u ma toħloqx piżijiet mhux ġustifikati, hija għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa sabiex jiġi apprezzat b’mod sħiħ l-effett tagħha fuq il-partijiet ikkonċernati u l-ambjent kummerċjali usa’. B’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni tal-impjiegi u tat-tkabbir, huwa essenzjali li jiġi żgurat ambjent regolatorju ottimali. Dan huwa għaliex il-passi biex jiddaħħal “test tal-proporzjonalità” ex-ante fir-riforma tar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali ġew mħabbra fl-Istrateġija tas-Suq Waħdieni 3 .

    Id-dritt għax-xogħol fis-sens tal-libertà li wieħed iwettaq il-professjoni magħżula tiegħu jew imexxi intrapriża huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-benefiċċji ewlenin tas-Suq Uniku tal-UE jinkludu l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-piż tal-limitazzjonijiet għal dawn il-libertajiet huwa partikolarment diffiċli biex jingħeleb mill-SMEs. Il-miżuri regolatorji għandhom fil-fatt ikunu debitament ġustifikati bħala miksuba permezz ta’ valutazzjoni approfondita tal-proporzjonalità.

    “Professjonijiet regolati” tirreferi għal attivitajiet fejn tkun meħtieġa kwalifika professjonali speċifika u professjonijiet ta’ dan it-tip huma preżenti fis-setturi kollha tal-ekonomija. Maż-żmien ġew introdotti regolamenti differenti minn kull Stat Membru. Dawn jirriflettu t-tradizzjonijiet li ilhom stabbiliti, jew fil-forma ta’ regolamentazzjoni mill-Istat jew ta’ awtoregolamentazzjoni minn assoċjazzjonijiet professjonali. Ġeneralment kien hemm raġunijiet tajbin għar-regolamentazzjoni, ibbażati fuq il-ħtieġa li jiġu protetti objettivi essenzjali ta’ interess pubbliku u dan iġib valur għas-soċjetà billi, pereżempju, jiġu ċċarati l-għarfien tekniku, it-taħriġ u l-kompetenzi li l-professjonisti għandu jkollhom biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini huma protetti. Madankollu, ir-regolamentazzjoni mhux xierqa tista’ tgħabbi lill-professjonist, lin-negozju u lill-konsumatur b’piż żejjed; dawn il-piżijiet jistgħu jinkludu rekwiżiti ta’ kwalifiki sproporzjonati, attivitajiet riżervati estensivi, sħubija obbligatorja f’assoċjazzjonijiet professjonali jew miżuri oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li, anki jekk tiġi applikata mingħajr ebda diskriminazzjoni, ir-regolamentazzjoni nazzjonali tal-professjonijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kwalifiki huma aktar ta’ tfixkil jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali grantiti bit-Trattat, għaċ-ċittadini tal-UE u għall-kumpaniji 4 . Il-Qorti qieset ukoll li l-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li r-regoli ta’ dan tal-aħħar huma sproporzjonati u inkompatibbli mad-dritt tal-UE. Huma l-Istati Membri li jridu jivvalutaw fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kont meħud tal-kuntest regolatorju kollu għal dik il-professjoni, jekk huwiex neċessarju li jimponu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-attivitajiet professjonali u t-twettiq tagħhom u liema restrizzjonijiet ikunu l-aħjar biex jindirizzaw it-tħassib speċifiku ta’ interess pubbliku.

    Fl-2013, id-Direttiva 2005/36/KE, id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, ġiet emendata bid-Direttiva 2013/55/​UE bil-għan li timmodernizza d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-professjonijiet regolati. Hija introduċiet ukoll eżerċizzju ta’ trasparenza u evalwazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri tal-professjonijiet regolati kollha tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti matul il-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka, jidher li t-twettiq ta’ valutazzjoni bħal din ippreżenta sfida għal bosta Stati Membri 5 . Il-fatt li l-maġġoranza tal-valutazzjonijiet ma kinux motivati kif suppost jissuġġerixxi problema sottostanti li tikkonċerna l-mod kif il-ħtieġa għal regolamentazzjoni u l-effetti tagħha fuq l-ambjent aktar wiesa’ tan-negozju huma evalwati. Il-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka wera li d-deċiżjonijiet regolatorji bħalissa mhumiex dejjem ibbażati fuq analiżi soda u oġġettiva jew li hija mwettqa b’mod miftuħ u trasparenti. Barra minn hekk, u minkejja d-diskussjonijiet fil-fond u l-gwida mogħtija mill-Kummissjoni s’issa, xorta baqgħu jiġu introdotti miżuri ġodda restrittivi mingħajr ebda analiżi objettiva u komprensiva. L-Istati Membri introduċew regolamentazzjoni ġdida bħal pereżempju dik dwar l-eżerċizzju tal-professjoni legali, jew inkella introduċew jew wessgħu r-riżervi ta’ attivitajiet pereżemju bħal konsulenza dwar it-taxxa jew il-gwidi turistiċi mingħajr valutazzjoni tal-proporzjonalità jew inkella valutazzjoni superfiċjali mmens.

    L-iskrutinju irregolari attwali tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet madwar l-UE għandu impatt negattiv fuq il-provvista ta’ servizzi u l-mobilità tal-professjonisti. Azzjoni mill-Istati Membri individwali waħedhom mhux se tiżgura qafas legali koerenti tal-UE għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali prevista u mhux se tindirizza l-problemi eżistenti li jiffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali. L-objettivi prinċipali tal-azzjoni għall-introduzzjoni ta’ aktar ċarezza fil-kriterji applikabbli, it-tisħiħ tal-affidabbiltà, it-trasparenza u l-komparabbiltà madwar l-Istati Membri u l-garanzija li r-regoli huma applikati b’mod ugwali biex ma jkomplux jiżdiedu l-piż u l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku, jistgħu jinkisbu b’aktar suċċess fil-livell tal-UE bis-saħħa tal-iskala u l-effetti tagħha permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ valutazzjoni komuni mifruxa mal-UE kollha, applikata b’mod komparabbli mill-Istati Membri kollha. Fid-dawl tal-bidliet frekwenti għar-regolamentazzjoni professjonali, mingħajr azzjoni tal-UE, hemm ir-riskju li d-distakk bejn dawk li diġà japplikaw il-prattiċi regolatorji tajbin u li jevalwaw kif suppost il-proporzjonalità qabel ma jiddeċiedu jekk jadottawx ir-regolamentazzjoni 6 u dawk li ma jagħmlux hekk se tikber, u minħabba f’hekk se tiżdied id-diverġenza fil-kwalità tar-regolamentazzjoni. Dan fl-aħħar mill-aħħar għandu effett negattiv fuq l-aċċess għall-professjonijiet u konsegwenzi negattivi għall-konsumaturi u l-ekonomija bl-istess mod.

    Sabiex tindirizza l-kwistjoni, il-Kummissjoni fl-Istrateġija tas-Suq Uniku ħabbret inizjattiva li tistabbilixxi test tal-proporzjonalità li għandu jintuża mill-Istati Membri qabel ma jadottaw jew jemendaw ir-regolamenti nazzjonali tal-professjonijiet. Hemm potenzjal konsiderevoli biex l-Istati Membri jkattru l-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ żieda fit-trasparenza tal-professjonijiet regolati tagħhom u t-tlestija ta’ analiżi aktar dettaljata tal-proporzjonalità tagħhom qabel ma jadottaw kwalunkwe regoli ġodda, filwaqt li fl-istess ħin ilestu r-riformi fil-professjonijiet regolati tagħhom biex jimmodernizzaw ir-rekwiżiti tagħhom. Kif deskritt fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, diversi studji juru kif għażliet regolatorji ħżiena jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni billi jirrestrinġu d-dħul fis-suq u għalhekk jistgħu jirriżultaw f’opportunitajiet ta’ impjieg mitlufa b’mod sostanzjali, fi prezzijiet ogħla għall-konsumaturi u fi tfixkil tal-moviment liberu. F’dak li għandu x’jaqsam purament mal-ħolqien tal-impjiegi, studju akkademiku jissuġġerixxu li jistgħu jinħolqu madwar 700 000 aktar impjieg 7 fl-UE permezz tal-indirizzar tar-regolamenti mhux meħtieġa u sproporzjonati.

    It-test tal-proporzjonalità huwa għalhekk imfassal biex jappoġġja prattiki regolatorji aħjar u, fl-aħħar mill-aħħar, l-eżiti tagħhom. Japplika għal rekwiżiti introdotti ġodda jew riveduti dwar l-aċċess għal professjoni regolati jew l-eżerċitar tagħha. Jikkonsolida l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proporzjonalità tar-rekwiżiti, u jirrestrinġi l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom, iżda jħalli d-deċiżjoni ta’ dak li jrid jiġi rregolat u l-mod kif għandu jiġi rregolat f’idejn l-Istati Membri, sakemm din id-deċiżjoni tkun imsejsa fuq l-evidenza wara valutazzjoni bir-reqqa, trasparenti u oġġettiva. Huwa jqis bis-sħiħ l-ispeċifiċità ta’ kull professjoni u l-ambjent regolatorju tagħha. Il-benefiċċji ta’ din l-inizjattiva għall-professjonisti, il-konsumaturi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jinsabu prinċipalment fil-fatt li hija tiżgura regolamentazzjoni aħjar tal-professjonijiet billi tipprevjeni l-adozzjoni ta’ regoli sproporzjonati. L-objettiv ta’ din il-proposta huwa fil-biċċa l-kbira l-kodifikazzjoni ta’ każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tbegħid minn din il-każistika jista’ jbiddel għal kollox in-natura tal-proposta. Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-proposta jekk in-natura tagħha tinbidel.

    Direttiva tal-UE għandha tiffaċilita b’mod sinifikanti l-obbligu għall-Istati Membri biex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità u tiggarantixxi li l-Istati Membri jimplimentaw it-test tal-proporzjonalità b’mod ekwivalenti fil-livelli kollha ta’ regolamentazzjoni sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku.

    L-inizjattiva għandha l-għan li tintroduċi ċarezza u tippromwovi testijiet tal-proporzjonalità oġġettivi, affidabbli u komprensivi sabiex jitkattru l-fiduċja u l-innovazzjoni permezz ta’ reviżjonijiet regolari tar-regolamentazzjoni nazzjonali tal-professjonijiet. L-għan bażiku ta’ din l-azzjoni huwa li mhux biss tappoġġja l-Istati Membri fil-kisba ta’ dawn l-objettivi kondiviżi iżda li dan jitwettaq b’mod strutturat u simplifikat sabiex jiġu ffaċilitati d-dmirijiet amministrattivi tagħhom.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva 2005/36/KE u tikkumplimentahom.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Istrateġija għal Suq Uniku (SMS) kif ukoll l-objettivi tal-UE li jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jkun żgurat moviment liberu tal-professjonisti, it-titjib tal-ambjent għan-negozji u l-konsumaturi jkollhom l-għażla.

    Azzjoni oħra mħabbra fl-SMS hija l-gwida perjodika dwar bżonnijiet speċifiċi. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tidentifika l-problemi għal kull pajjiż u għal kull professjoni fejn ir-riforma tal-qafas regolatorju tkun ekonomikament ta’ benefiċċju, u abbażi ta’ dan il-Kummissjoni se tirrakkomanda azzjoni fil-livell tal-Istati Membri. Dawn iż-żewġ azzjonijiet huma kumplimentari, fis-sens li t-test tal-proporzjonalità se jipprovdi l-qafas ġenerali tal-kriterji li jridu jintużaw fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità ta’ regolamentazzjoni prevista, u klawżola ta’ “estinzjoni” filwaqt li l-gwida perjodika dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma se tiffoka fuq kwistjonijiet speċifiċi, identifikati fir-regolamenti eżistenti f’ċerti professjonijiet jew setturi.

    Din il-proposta hija konsistenti mal-inizjattiva biex jitjiebu n-notifiki skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u tikkumplimentaha. Filwaqt li din tal-aħħar tikkumplimenta l-proċedura ta’ notifika eżistenti applikabbli għar-restrizzjonijiet skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, din il-proposta tipprovdi ċarezza dwar il-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-abbozzi tal-liġijiet nazzjonali, li jirregolaw il-professjonijiet u li jaqgħu fi ħdan id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Xi rekwiżiti fir-regolamentazzjoni nazzjonali tal-professjonijiet (bħal ma’ huma l-forma legali jew ir-rekwiżiti tal-azzjonisti) jaqgħu kemm fi ħdan id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u kif ukoll fi ħdan id-Direttiva dwar is-Servizzi. F’każijiet bħal dawn, l-valutazzjoni tal-proporzjonalità jkollha ssegwi r-regoli li hemm f’din il-proposta u l-informazzjoni li trid tingħata fil-proċedura tan-notifika li taqa’ fi ħdan id-Direttiva dwar is-Servizzi jkollha tibbaża fuq din l-evalwazzjoni u tirriflettiha. Il-konsistenza bejn iż-żewġ strumenti qed tiġi garantita u din il-proposta ma tintroduċix xi proċeduri ta’ notifika ġodda.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tat-TFUE.

    L-Unjoni Ewropea għandha d-dritt li taġixxi fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet għall-kisba tal-objettivi tas-Suq Intern abbażi tal-Artikoli fit-TFUE dwar il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi. B’mod partikolari, l-Artikolu 46 tat-TFUE jipprovdi għal dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom ikunu adottati fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 53(1) tat-TFUE jipprovdi għall-ħruġ ta’ Direttivi dwar il-bidu u t-twettiq ta’ attivitajiet minn persuni li jaħdmu għal rashom u l-Artikolu 62 tat-TFUE huwa l-bażi għal atti legali dwar l-eżerċitar tal-libertà tal-forniment ta’ servizzi.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE għandha taġixxi biss fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u fejn l-objettivi jistgħu jintlaħqu aħjar mill-UE. Kif qed jintwera mill-informazzjoni miksuba fil-valutazzjoni reċiproka, il-kriterji użati u l-intensità tal-valutazzjonijiet jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Dan l-iskrutinju attwali irregolari tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet madwar l-UE, u l-impatti li jirriżultaw minnu, għandu effett sostanzjali fuq l-ekonomija usa’ tal-UE, il-provvista ta’ servizzi u l-mobilità tal-professjonisti. Studji, mwettqa indipendentement kif ukoll dawk ikkuntrattati mill-Kummissjoni juru li r-regolamentazzjoni sproporzjonata għandha impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir, l-għażla tal-konsumatur, il-prezzijiet, l-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ 8 . Barra minn hekk, rajna x’tip ta’ benefiċċji rriżultaw mill-passi meħuda biex titwettaq ir-riforma tar-regolamentazzjoni u li nstab li ma kellhom l-ebda impatt dirett fuq il-protezzjoni ta’ interessi pubbliċi leġittimi:

    Fl-Italja, ir-riforma Bersani tal-2006 ġabet parteċipanti ġodda fis-suq, li wassal għal għadd ogħla ta’ impjiegi globali għal spiżjara żgħażagħ 9 .

    Fil-Polonja, ir-riforma tal-avukati li tintroduċi regoli ta’ aċċess oġġettivi ttriplat l-għadd ta’ avukati bejn l-2005 u l-2015 u kważi rduppjat l-għadd ta’ konsulenti legali mingħajr effetti negattivi fuq il-pagi u l-kwalità 10 .

    Fil-Greċja r-riformi rriżultaw fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi tas-servizzi tal-aġenti tal-proprjetà immobbli, il-professjonijiet legali, il-kontabilisti, il-konsulenti tat-taxxa u l-fiżjoterapisti li ġew liberalizzati mir-riforma adottata fl-2011. In-numru ta’ negozji ġodda għal nutara, awdituri, gwidi turistiċi u stimaturi kwalifikati aktar minn irdoppja fl-2014 meta mqabbel mal-medja fis-sena qabel il-liberalizzazzjoni 11 .

    Madankollu, azzjoni mill-Istati Membri individwali weħedhom mhux se tiżgura qafas legali koerenti tal-UE għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali u tindirizza l-problemi eżistenti li jiffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, l-objettivi tal-azzjoni, jiġifieri l-affidabbiltà u l-komparabbilità tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità jistgħu jintlaħqu b’iktar suċċess fil-livell tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ valutazzjoni komuni mifruxa mal-UE kollha applikat mill-Istati Membri b’mod simili bis-saħħa tal-iskala u l-effetti tiegħu. Il-liġi nazzjonali b’hekk tirrifletti l-kriterji stabbiliti fl-azzjoni proposta u li jkollha tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet nazzjonali meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali fil-professjonijiet.

    Approċċ tal-UE għalhekk jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu kontrolli komprensivi u komparabbli tal-proporzjonalità billi joħloq qafas legali trasparenti u prevedibbli għall-valutazzjoni tal-ostakoli għall-professjonijiet regolati. Il-Kunsill Ewropew ripetutament talab għal azzjoni f’dan il-qasam. Fi Frar 2015 il-Kunsill Ewropew talab li jingħata gwida 12 , u wara dan il-Kunsill laqa’ l-inklużjoni tat-test tal-proporzjonalità fl-Istrateġija tas-Suq Waħdieni u qal li “jtenni li s-Suq Uniku huwa l-magna prinċipali tal-Ewropa għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u l-muftieħ għall-investiment u ż-żieda fil-kompetittività Ewropea. Jenfasizza li t-tisħiħ u l-approfondiment tas-Suq Uniku jirrikjedu azzjonijiet urġenti u ambizzjużi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, biex jagħtu riżultati konkreti u pragmatiċi li jibbenefikaw direttament lill-konsumaturi u lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs 13 . Iktar reċentament f’Ġunju 2016 il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tieħu passi “biex tkompli ssegwi bil-qawwa l-isforzi lejn regolamentazzjoni aħjar” 14 .

    Proporzjonalità

    Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE. L-alternattiva politika magħżula timmira li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-iżgurar tal-objettivi ta’ interess pubbliku u l-kwalità tas-servizzi minn naħa waħda flimkien mat-titjib tal-aċċess għal professjonijiet regolati u l-eżerċitar tagħhom għall-professjonisti innifishom, filwaqt li tiżgura għażla akbar għall-konsumaturi min-naħa l-oħra. Din il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità peress li s-soluzzjonijiet jimplikaw il-kosteffiċjenza u jnaqqsu l-piż kumplessiv fuq l-amministrazzjoni pubblika minħabba li din tipprovdi kriterji ċari għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet u għandha tostakola l-introduzzjoni ta’ piżijiet implimentattivi li jirriżultaw minn miżuri futuri bla bżonn. Il-piż amministrattiv ta’ twettiq ta’ test tal-proporzjonalità diġà ġie vvalutat fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali li sar fl-2013. B’konformità ma’ din il-valutazzjoni, l-ispejjeż li jinħolqu mill-proposta attwali, tal-impożizzjoni ta’ ittestjar tal-proporzjonalità għal impożizzjonijiet regolatorji futuri, għandu jkollhom impatt limitat 15 . Dan l-effett jista’ jkun kemxejn għola għal dawk l-Istati Membri li bħalissa mhumiex konformi mal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu huwa mistenni li se jkun hemm effett pożittiv inġenerali fir-rigward tal-ispejjeż amministrattivi, minħabba li b’riżultat ta’ sistema mtejba huwa wisq inqas probabbli li l-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ proċeduri ta’ ksur. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tkompli tgħinhom fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u bl-għan li l-ispejjeż ikomplu jitnaqqsu aktar. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti u hija tabilħaqq l-aktar waħda adattata għall-objettivi tagħha. L-evalwazzjoni reċiproka segwiet rotta ta’ ‘gwida’ u żvelat l-iskarsezza ta’ evidenza li tissuġġerixxi li d-deċiżjonijiet regolatorji bħalissa qed jiġu bbażati fuq analiżi soda u oġġettiva u li qed jitwettqu b’mod miftuħ u trasparenti. L-evalwazzjoni reċiproka ilha li tnehdiet kważi tliet snin ilu u madwar terz tat-testijiet tal-proporzjonalità għadhom ma ġewx sottomessi u minn dawk sottomessi madwar 70 % ikkonkludew li jżommu l-istatus quo regolatorju tagħhom minkejja t-test tat-proporzjonalità dgħajjef li jakkumpanjahom. Minbarra dan, ir-rata ta’ bidla regolatorja fil-professjonijiet hija għolja u l-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li l-professjonijisti qed jitgħabbew kontinwament b’piżijiet regolatorji ġodda mingħajr ma titwettaq kwalunkwe analiżi preċedenti bbażata fuq il-proporzjonalità dwar il-bżonn, il-valur jew l-impatt ta’ dawn il-piżijiet.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument magħżul huwa Direttiva ġdida, li tagħti lill-Istati Membri ċerta flessibilità f’termini ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni biex ikunu jistgħu jidentifikaw l-essenza legali u n-natura multidimensjonali tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Direttiva hija vinkolanti fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb u għalhekk tikkostitwixxi strument xieraq għall-kisba tas-Suq Intern mil-lati tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi. Minbarra l-fatt li dawn huma objettivi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat wkoll ipoġġi aspettattivi ġuridiċi fuq l-Istati Membri sabiex b’hekk filwaqt li l-għażla dwar jekk u kif għandhom jirregolaw il-professjonijiet tibqa’ l-kompetenza tagħhom, din tibqa’ fi ħdan il-mandat tal-ġustifikazzjoni, tal-proporzjonalità u tan-neċessità.

    Il-valutazzjoni tal-impatt tiddeskrivi b’mod sħiħ l-iskala tal-kwistjoni fil-professjonijiet regolati u l-effetti li r-regolamentazzjoni bla bżonn għandha fuq l-ekonomija Ewropea usa’, kif ukoll tenfasizza l-kwistjonijiet li l-Istati Membri jiffaċċjaw biex jindirizzaw dan b’mod xieraq. Direttiva se tippermetti lill-Istati Membri biex jassimilaw valutazzjoni tal-proporzjonalità komprensiva fil-proċeduri leġiżlattivi eżistenti tagħhom stess, u peress li ebda metodoloġija waħda ma hija qed tiġi infurzata mill-Kummissjoni, dan jippermetti lill-Istati Membri biex joperaw b’livell ta’ diskrezzjoni li jakkomoda l-istrutturi tagħhom stess u mingħajr ma dan jaffettwa l-objettiv aħħari tad-Direttiva: li jinħoloq proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet komparabbli, trasparenti, affidabbli, oġġettiv, u bbażat fuq l-evidenza. Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni qieset li Direttiva hija l-aktar rispons xieraq u effettiv.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Qabel ir-reviżjoni sostanzjali tagħha fl-2013, id-Direttiva 2005/36/KE kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni bir-reqqa dwar in-nuqqasijiet tal-proċess eżistenti għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-professjonisti. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, id-Direttiva 2013/55/UE, li temenda d-Direttiva 2005/36/KE introduċiet, fost rekwiżiti oħrajn, obbligu għall-Istati Membri li jivvalutaw il-proporzjonalità tar-regolamenti professjonali tagħhom. Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet, skont l-Artikolu 59(9), sa Jannar tal-2017 il-Kummissjoni hija mistennija li tippreżenta s-sejbiet finali tagħha dwar il-ħarsa ġenerali tar-regolamenti nazzjonali tal-professjonijiet u dwar il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mmexxija mill-Istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjati fejn xieraq bi proposti għal aktar inizjattivi. Din il-proposta ma ġietx żviluppata minn valutazzjoni globali tad-Direttiva għaliex ġiet riveduta biss reċentement, madankollu, tirriżulta mill-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u hija parti mill-inizjattivi ta’ segwitu indikati skont l-Artikolu 59(9) tad-Direttiva 2013/55/UE bħala konklużjoni għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-possibbiltà għal proposta ulterjuri għalhekk kienet prevista bħala parti mill-passi ta’ segwitu sabiex titjieb l-implimentazzjoni u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Konsultazzjoni pubblika twettqet bejn is-27 ta’ Mejju u t-22 ta’ Awwissu 2016. Ġew riċevuti total ta’ 420 reazzjoni. Dawn kienu jinkludu sottomissjonijiet minn individwi, membri ta’ professjonijiet regolati, assoċjazzjonijiet professjonali, korpi regolatorji, awtoritajiet governattivi u akkademiċi. Kien hemm kunsens wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati li l-azzjoni jenħtieġ li tittieħed fuq livell tal-UE biex tintroduċi ċarezza u approċċ komuni fir-rigward ta’ testijiet tal-proporzjonalità. Mid-demografija ta’ dawk li wieġbu rċevejna appoġġ maġġoritarju għal soluzzjoni vinkolanti (permezz ta’ Direttiva) : l-utenti; il-fornituri, kemm negozji kbar u kif ukoll żgħar; l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-unions kollha approvaw il-proposta. Xi assoċjazzjonijiet professjonali kienu inqas pożittivi. Speċifikament, is-setturi tal-artiġjanat Ġermaniżi u Awstrijaċi taw tweġibiet identiċi organizzati minn madwar 100 assoċjazzjoni tal-artiġjanat biex jiċħdu l-idea ta’ kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE permezz ta’ direttiva jew approċċ ta’ gwida. Aħna ddeċidejna li nżommu dan ir-rispons organizzat 16 fil-ġabra tar-riżultati tal-konsultazzjoni u b’hekk xorta żammejna appoġġ maġġoritarju għall-proposta tagħna. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni wriet il-bżonn ta’ azzjoni minħabba li ġew skoperti differenzi fl-approċċi għall-analiżi mhux biss madwar l-UE iżda wkoll fi ħdan Stati Membri individwali. Sabet nuqqas ta’ ċarezza dwar l-eżistenza ta’ aspettattivi analitiċi u bbażati fuq il-proporzjonalità fit-tfassil tar-regolamentazzjoni kif ukoll approċċ sporadiku għall-konsultazzjoni u t-trasparenza.

    Sommarju tar-riżultati jinsab fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/ .

    Barra minn hekk, konferenza ta’ livell għoli li saret mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2016 ippermettiet skambju ulterjuri ta’ fehmiet.

    Il-kwistjonijiet ġew diskussi wkoll mal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli tat-3 ta’ Mejju 2016 u tal-10 ta’ Novembru 2016.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ir-riżultati tal-evalwazzjoni reċiproka tal-professjonijiet regolati, immexxija mill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni kkontribwixxew għat-tħejjija ta’ din il-proposta.

    Studji tal-OECD juru li l-mobilità tax-xogħol hija fattur determinanti ewlieni tal-produttività li ssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku 17 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkuntrattat studji ekonomiċi dwar l-effetti tar-riformi għar-rekwiżiti regolatorji tal-aċċess għal professjonijiet magħżula f’erba’ pajjiżi differenti: il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja u r-Renju Unit 18 .

    Barra minn hekk, skont stħarriġ reċenti mwettaq f’April 2015 fit-28 Stat Membru kollha, mill-inqas 21 % tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea (50 miljun ruħ) jistgħu jitqiesu bħala li qed jaħdmu fi professjoni regolata 19 .

    Valutazzjoni tal-impatt

    B’konformità mal-politika ta’ “tfassil aħjar tal-liġijiet”, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu valutazzjoni tal-impatt fejn ġew analizzati l-għażliet differenti ta’ politika u l-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati 20 .

    L-għażliet differenti eżaminati fil-valutazzjoni tal-impatt kienu:

    Għażla 1 - il-ħruġ ta’ linjigwida tal-proporzjonalità u skambju ta’ informazzjoni approfondit bejn l-awtoritajiet bl-istabbiliment ta’ test tal-proporzjonalità applikabbli madwar l-UE kollha għall-professjonijiet irregolati li jkun jinkludi diversi għażliet.

    Għażla 2a - L-istabbiliment tal-kriterji minimi għat-twettiq ta’ kontrolli tal-proporzjonalità, ibbażati fuq il-ġurisprudenza u li jikkumplimentawha u li jintroduċu t-trasparenza fil-valutazzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta’ strument vinkolanti (Direttiva).

    Għażla 2b - Implimentazzjoni tal-istess approċċ bħal dak ta’ 2a iżda permezz ta’ Rakkomandazzjoni.

    Għażla 3a - L-inklużjoni ulterjuri ta’ aspetti proċedurali flimkien ma’ dawk tal-għażla 2a, bħal konsultazzjonijiet pubbliċi u rieżami perjodiku permezz ta’ strument vinkolanti (Direttiva).

    Għażla 3b - L-istess bħall-għażla 3 a iżda permezz tal-istrument ta’ Rakkomandazzjoni.

    Abbażi tal-konsultazzjoni, l-esperjenza u l-evidenza ppreżentati permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aħjar għażla biex titjieb is-sitwazzjoni eżistenti hija l-Għażla 3a:

    Għażla 1 - Approċċ ta’ gwida diġà ġie ttestjat: L-ewwel permezz tal-ħruġ ta’ Komunikazzjoni fl-2013 imbagħad permezz ta’ grilja u gwida pprovduti biex isostnu l-evalwazzjoni reċiproka ta’ sentejn li ma kinitx kapaċi tindirizza l-kwistjonijiet skoperti b’mod adegwat. Minnbarra dan, il-Kummissjoni ilha taħdem b’mod intensiv mal-Istati Membri biex tinkoraġġihom jitrattaw aħjar il-kwistjonijiet ta’ proporzjonalità (permezz ta’ żjarat fl-Istati Membri, Konferenza, Fora dwar is-Suq Uniku u workshops).

    Għażla 2a - Din tindirizza l-kwistjonijiet iffaċċjati mill-Istati Membri fl-interpretazzjoni tal-każistika kif ukoll iċ-ċarezza dwar il-kriterji li għandhom jiġu evalwati u b’hekk kieku tgħin mhux ħażin fit-titjib tal-kwalità tal-valutazzjonijiet u r-riżultati aħħarija tagħhom.

    Għażla 2b - Kemm din l-għażla u kif ukoll 3b għandhom l-istess żvantaġġi bħall-għażla 1. Rotta ‘fakultattiva’ ma tindirizzax il-kwistjoni fejn l-Istati Membri jinjoraw il-prattika tat-twettiq ta’ test tal-proporzjonalità u għalhekk ma tistax titqies li timpedixxi l-introduzzjoni futura ta’ piżijiet bla bżonn, jew bħala mekkaniżmu effettiv għall-eliminazzjoni ta’ kwistjonijiet identifikati permezz ta’ rieżamijiet bħal dawn. Fl-aħħar nett dawn l-istess restrizzjonijiet jillimitaw il-possibiltà li l-informazzjoni tinqasam b’aktar trasparenza maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati.

    Għażla 3a - rieżamijiet perjodiċi jiżguraw li regolamentazzjoni li m’għadhiex xierqa titneħħa filwaqt li l-inklużjoni ta’ konsultazzjoni tappoġġa l-involviment aħjar tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż il-korpi tal-konsumaturi u ċ-ċittadini, biex l-interessi tagħhom żgur li jittieħdu inkusiderazzjoni.

    Għażla 3b - simili għal 2b, approċċ fakultattiv ma jiżgurax li dawn il-passi jittieħdu.

    Meta wieħed jikkunsidra l-esperjenza u l-valutazzjonijiet li saru fil-preparazzjoni ta’ din il-proposta, jista’ jiġi konkluż li rotta diskrezzjonali, jiġifieri Rakkomandazzjoni, ma tqanqalx l-analiżi meħtieġa u speċjalment fil-każijiet l-aktar diffiċli. L-obbligu ġenerali li jsiru rieżamijiet perjodiċi, li l-partijiet interessati jkunu kollha infurmati u l-obbligu li jkunu żgurati minimu ta’ objettività u imparzjalità jstgħu biss jiġu indirizzati jekk ikunu implimentati legalment u dan jista’ jkun iggarantit biss b’Direttiva.

    Fid-9 ta’ Ottubru 2016 il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar din l-inizjattiva. Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-Bord kienu li l-proposta għandha tespandi aktar fuq il-konkorrenza tagħha ma’ inizjattivi oħra, tispjega aktar l-iskala tal-problema u għalfejn l-istrutturi attwali mhumiex kapaċi jindirizzawha, tiżviluppa aktar dwar kif id-dispożizzjonijiet fil-proposta se joperaw u tespandi fuq il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll l-impatti fuq l-SMEs, il-konsumaturi u l-awtoritajiet nazzjonali. Dan ġie kkunsidrat kif xieraq.

    L-opinjoni tista’ tinstab fuq:
    http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm#grow .

    L-għażliet ta’ politika differenti u l-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati ġew analizzati fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li hija disponibbli fuq is-sit web li ġej:

    http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8827 .

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Evalwazzjoni reċiproka mwettqa mill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni fl-2014-2016 żvelat l-iskrutinju irregolari ta’ miżuri regolatorji nazzjonali u n-nuqqas ta’ ċarezza fil-kriterji li jridu jintużaw għall-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità. Il-konklużjoni hija li valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, mwettqa fil-livell nazzjonali u abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-approċċi nazzjonali, fil-forma attwali tagħhom mhumiex qed jilħqu l-potenzjal tagħhom li jżidu l-valur għall-kisba tas-Suq Uniku.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta qiegħda tippromwovi d-drittijiet imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri l-libertà ta’ għażla tal-professjoni u l-libertà ta’ intrapriża.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

    Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tat-test tal-proporzjonalità fil-livell nazzjonali. Din l-evalwazzjoni hija ppjanata li titwettaq fl-istess ħin bħall-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Din il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni addizzjonali li jakkumpanjaw it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali, peress li hija bbażata fuq il-ġurisprudenza eżistenti u l-prinċipji bażiċi ta’ regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tagħti aktar gwida.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikoli 1 u 2 jittrattaw is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri li jinħoloq qafas legali għat-twettiq ta’ valutazzjonjiet tal-proporzjonalità qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda jew l-emendar ta’ dawk eżistenti li jimpedixxu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom. Testijiet tal-proporzjonalità li jkopru r-regolamentazzjoni ta’ professjonijiet speċifiċi, introdotti minn strumenti oħra tal-UE, mhumiex koperti b’din id-Direttiva.

    L-Artikolu 3 jistipula d-definizzjonijiet użati fil-proposta, li huma fil-biċċa l-kbira komuni għad-definizzjonijiet skont id-Direttiva 2005/36/KE. Barra minn hekk, huma pprovduti d-definizzjonijiet għaż-żewġ tipi ewlenin ta’ regolamentazzjoni tal-professjonijiet, jiġifieri “attivitajiet riżervati” u “titolu professjonali protett”.

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex iwettqu valutazzjoni tal-proporzjonalità ex-ante, sostanzjata b’evidenza kwalitattiva u, fejn ikun possibbli, kwantitattiva.

    L-Artikolu 5 jelenka l-ġustifikazzjonijiet għal objettivi ta’ interess pubbliku fuq il-bażi tat-TFUE jew rikonoxxuti bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ibbażat fuq ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet ta’ natura purament ekonomika li għandhom għan jew effetti essenzjalment protezzjonisti, jew raġunijiet purament amministrattivi ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti.

    L-Artikolu 6(1) jistabbilixxi obbligu ġenerali għall-Istati Membri qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda jew il-modifika ta’ dawk eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati, biex jivvalutaw jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex meħtieġa u xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-objettiv imfittex u jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. L-Artikolu 6(2) jistipula wkoll il-kriterji ewlenin, li jridu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti, bħan-natura tar-riskji, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet, irriżervati għal professjoni, ir-rabta bejn il-kwalifiki u l-attivitajiet, l-impatt ekonomiku tal-miżura eċċ. L-Artikolu 6(3) jispeċifika l-użu ta’ mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-objettiv imfittex, bħall-użu ta’ titolu professjonali protett, mingħajr ma l-attivitajiet ikunu riżervati għal professjoni speċifika. L-Artikolu 6(4) jagħti ħarsa ġenerali lejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni meta jiġi eżaminat l-effett kumulattiv tal-miżuri eżistenti kollha, li jirrestrinġu l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet.

    L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-obbligu li jiġu infurmati l-partijiet ikkonċernati kollha qabel ma jiġu introdotti miżuri ġodda u li dawn jingħataw il-possibbiltà li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    L-Artikolu 8 jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti, li jippermetti lill-Istat Membru li jkun beħsiebu jirriforma professjoni li jiġbor l-informazzjoni dwar l-esperjenza ta’ Stati Membri oħra.

    L-Artikolu 9 jipprovdi għat-trasparenza tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità.

    L-Artikolu 10 jipprevedi reviżjoni perjodika tad-Direttiva.

    L-Artikolu 11 jittratta t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

    L-Artikolu 12 jispeċifika d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

    Artikolu 13 jistabbilixxi l-indirizzi tad-Direttiva.

    2016/0404 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46, l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 21 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 22 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-libertà professjonali hija dritt fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-libertà professjonali, kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża. Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern minquxin fit-Trattat. Jenħtieġ li r-regoli nazzjonali li jorganizzaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati għaldaqstant ma jikkostitwixxu l-ebda ostaklu mhux ġustifikat u sproporzjonat għall-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet fundamentali.

    (2)Fejn id-dritt tal-Unjoni ma jistipulax dispożizzjonijiet speċifiċi li jarmonizzaw ir-rekwiżiti dwar l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, hija l-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk u kif għandhom jirregolaw professjoni fi ħdan il-limiti tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u proporzjonalità.

    (3)Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza 23 isegwi li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jenħtieġ li jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: jenħtieġ li dawn jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju; jenħtieġ li dawn ikunu ġġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku; jenħtieġ li dawn ikunu adatti biex jiżguraw il-ksib tal-objettiv li jsegwu; u jenħtieġ li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

    (4)Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 li stabbiliet l-obbligu għall-Istati Membri biex jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti tagħhom li jirrestrinġu l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati u sabiex jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-valutazzjoni, li tniedi dak li jissejjaħ proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka. Dak il-proċess kien ifisser li l-Istati Membri kellhom iwettqu analiżi tal-leġiżlazzjoni kollha tagħhom dwar il-professjonijiet regolati kollha fit-territorju tagħhom.

    (5)Ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka wrew nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma u jevalwaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti li jillimitaw l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati, kif ukoll l-iskrutinju irregolari ta’ tali miżuri fuq il-livelli kollha ta’ regolamentazzjoni. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u jiġu eliminati l- ostakli għall-bidu u t-tkomplija ta’ ċerti attivitajiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni, li jipprevjeni l-adozzjoni ta’ miżuri sproporzjonati.

    (6)Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2015: “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju ” 25 , il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġi adottat qafas tal-proporzjonalità analitiku għall-Istati Membri biex jużawh meta jirrevedu r-regolamenti eżistenti tal-professjonijiet jew jipproponu oħrajn ġodda.

    (7)L-attivitajiet koperti b’din id-Direttiva jenħtieġ li jikkonċernaw il-professjonijiet regolati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE. Din id-Direttiva għandha tapplika flimkien mad-Direttiva 2005/36/KE u bla preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra stipulati f’att separat tal-Unjoni dwar l-aċċess għal, u l-eżerċitar ta’ professjoni regolata partikolari

    (8)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju komuni bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jikkonċernaw il-modi differenti biex tiġi regolata professjoni fl-Unjoni kollha. Hemm diversi modi biex tiġi regolata professjoni, pereżempju billi l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attività partikolari jkunu riżervati għal detenturi ta’ kwalifika professjonali. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu wkoll jirregolaw wieħed mill-modi ta’ eżerċitar ta’ professjoni fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ titoli professjonali.

    (9)L-oneru tal-prova ta’ ġustifikazzjoni u ta’ proporzjonalità jinsab fuq l-Istati Membri. Ir-raġunijiet għar-regolamentazzjoni invokati minn Stat Membru permezz ta’ ġustifikazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu akkumpanjati minn analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata mill-Istat u minn evidenza speċifika li tissostanzja l-argument tiegħu.

    (10)Huwa xieraq li l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati tiġi sorveljata fuq bażi regolari u bi frekwenza xierqa għar-regolamentazzjoni kkonċernata. Reviżjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-professjonijiet regolati jenħtieġ li tkun ibbażata mhux biss fuq l-objettiv ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-leġiżlazzjoni, ivvalutati wara l-adozzjoni tagħha. Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-iżviluppi li seħħew fil-qasam minn mindu ġiet adottata l-leġiżlazzjoni.

    (11)Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-proporzjonalità b’mod oġġettiv u indipendenti, inkluż fejn professjoni hija regolata b’mod indirett, billi korp professjonali partikolari jingħata s-setgħa li jagħmel dan. B’mod partikolari, filwaqt li l-valutazzjoni tal-awtoritajiet lokali, tal-korpi regolatorji jew tal-organizzazzjonijiet professjonali, li l-prossimità akbar tagħhom għall-kundizzjonijiet lokali u l-għarfien speċjalizzat jistgħu f’ċerti każi jpoġġuhom f’pożizzjoni aħjar biex jidentifikaw l-aħjar mod biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku, hemm raġuni partikolari għal tħassib fil-każijiet fejn l-għażla politika magħmula minn dawk l-awtoritajiet jew korpi tipprovdi benefiċċji għall-operaturi stabbiliti b’detriment għall-parteċipanti ġodda fis-suq.

    (12)Fejn il-bidu u t-twettiq ta’ ċerti attivitajiet ta’ impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom jiddependu fuq il-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kwalifiki professjonali speċifiċi, stabbiliti direttament jew indirettament mill-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn id-dispożizzjonijiet huma ġġustifikati mill-objettivi ta’ interess pubbliku, bħal dawk fi ħdan it-tifsira tat-Trattat, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-objettivi ta’ interess pubbliku jkunu identifikati b’mod xieraq sabiex tiġi ddeterminata l-intensità tar-regolamentazzjoni. Pereżempju, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri jenħtieġ li jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedu dwar il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika u l-mod li bih għandha tinkiseb dik il-protezzjoni. Huwa neċessarju wkoll li jiġi ċċarat li fost ir-raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur, tar-riċevituri ta’ servizzi u tal-ħaddiema; is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; l-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; is-sigurtà fit-toroq; il-protezzjoni tal-ambjent u tal-ambjent urban; is-saħħa tal-annimali; il-proprjetà intellettwali; is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali, l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali. Skont ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet purament ekonomiċi, li għandhom miri essenzjalment protezzjonisti, kif ukoll raġunijiet purament amministrattivi, bħat-twettiq ta’ kontrolli jew il-ġbir ta’ statistika, ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali.

    (13)Fejn Stat Membru beħsiebu jirregola professjoni jew jemenda regoli eżistenti, jenħtieġ li jieħu kont tan-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għall-konsumaturi, għall-professjonisti jew partijiet terzi. Jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, fil-qasam tas-servizzi professjonali, normalment ikun hemm nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-professjonisti. Il-professjonisti juru livell għoli ta’ għarfien tekniku li l-konsumaturi jista’ ma jkollhomx u l-konsumaturi għalhekk isibuha diffiċli biex jiġġudikaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti lilhom.

    (14)Biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li l-miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-objettiv imfittex. Jenħtieġ li miżura tiġi kkunsidrata xierqa sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-objettiv imfittex biss jekk, tabilħaqq, hija tirrifletti għan li jinkiseb l-objettiv b’mod koerenti u sistematiku, pereżempju fejn riskji simili relatati ma’ ċerti attivitajiet huma indirizzati b’mod komparabbli u fejn kwalunkwe eċċezzjonijiet għar-restrizzjonijiet involuti huma applikati b’konformità mal-objettiv iddikjarat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-miżura nazzjonali tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv segwit u għalhekk, fejn ma jkollha l-ebda effett fuq il-bażi għal ġustifikazzjoni, jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata bħala xierqa.

    (15)Rekwiżiti marbuta mal-kwalifiki professjonali jenħtieġ li jitqiesu bħala meħtieġa biss meta l-miżuri eżistenti, bħal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adatti jew ġenwinament effettivi biex jinkiseb l-objettiv imfittex.

    (16)Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn li ġejjin huma tal-akbar rilevanza: ir-rabta bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet professjonali koperti minn professjoni u l-kwalifika professjonali meħtieġa; il-kumplessità tal-kompiti b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa; l-eżistenza ta’ rotot differenti biex tinkiseb il-kwalifika professjonali; il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet professjonali, riżervat għal titolari ta’ kwalifika professjonali partikolari, u b’mod partikolari jekk l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonisti jistgħux jiġu kondiviżi ma’ professjonisti oħra; il-grad ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata b’mod partikolari fejn l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost.

    (17)Meta Stat Membru jirregola professjoni, jenħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jnaqqsu l-assimetrija tal-informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-professjonisti. Minħabba l-ħeffa tal-bidla teknoloġika u l-progress xjentifiku, aġġornamenti fir-rekwiżiti għall-aċċess jistgħu jkunu ta’ importanza partikolari għal numru ta’ professjonijiet.

    (18)L-impatt ekonomiku tal-miżura, inkluża analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, b’attenzjoni partikolari għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq u l-kwalità tas-servizz ipprovdut, kif ukoll l-impatt fuq id-dritt għax-xogħol u fuq il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu kkunsidrati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti. Abbażi ta’ din l-analiżi, l-Istati Membri jenħtieġ li jaraw, b’mod partikolari, jekk l-estent tar-restrizzjoni tal-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati fi ħdan l-Unjoni huwiex proporzjonat mal-importanza tal-objettivi segwiti u l-kisbiet mistennija.

    (19)Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu paragun bejn il-miżura nazzjonali inkwistjoni u l-alternattiva u s-soluzzjonijiet inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess objettiv filwaqt li jimponu inqas restrizzjonijiet. Fejn il-miżuri huma ġustifikati mill-ħarsien tal-konsumatur u fejn ir-riskji identifikati huma limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur mingħajr ma jaffettwaw b’mod negattiv partijiet terzi, l-objettiv jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi mir-riżervazzjoni tal-attivitajiet għall-professjonisti, bħall-protezzjoni tat-titolu professjonali jew ir-reġistrazzjoni f’reġistru professjonali. Ir-regolamentazzjoni permezz ta’ attivitajiet riżervati jenħtieġ li tintuża biss f’każijiet fejn il-miżuri għandhom l-għan li jipprevjenu riskju ta’ dannu gravi għall-objettivi ta’ interess pubbliku.

    (20)L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni globali taċ-ċirkostanzi li taħthom hija adottata u implimentata l-miżura restrittiva u jeżaminaw b’mod partikolari l-effett kumulattiv ta’ impożizzjoni ta’ diversi rekwiżiti minbarra l-kwalifika professjonali speċifika. Il-bidu u t-tkomplija ta’ ċerti attivitajiet tista’ tiddependi fuq il-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet bħal regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, is-sħubija obbligatorja ta’ korp professjonali, l-etika professjonali, is-superviżjoni u r-responsabbiltà. Għalhekk, meta jevalwaw l-effett kumulattiv tal-miżuri, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu wkoll rekwiżiti oħra eżistenti, bħall-iżvilupp kontinwu professjonali, is-sħubija obbligatorja ma’ kamra, l-iskemi ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-restrizzjonijiet territorjali, ir-restrizzjonijiet multidixxiplinarji u r-regoli tal-inkompatibbiltà, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kopertura ta’ assigurazzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex jipprattikaw il-professjoni. Miżura introdotta minn Stat Membru ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv imfittex jekk essenzjalment tiddupplika r-rekwiżiti li jkunu diġà ġew introdotti fil-kuntest ta’ regoli jew proċeduri oħra.

    (21)Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li jkun żgurat li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jew lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra qabel l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda li jillimitaw l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom u li tingħatalhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    (22)Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki, kull Stat Membru jenħtieġ li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jaqsmu l-informazzjoni adegwata u aġġornata b’mod regolari ma’ Stati Membri oħra dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet.

    (23)Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu promossi l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità bbażati fuq kriterji komparabbli, huwa importanti li l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri tkun aċċessibbli faċilment fil-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati sabiex dan jippermetti lill-partijiet interessati kollha jressqu l-kummenti.

    (24)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet sproporzjonati fuq l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ipprovdut f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar qafas komuni għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-proporzjonalità qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda li jillimitaw l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati, jew l-emendar ta’ dawk eżistenti, bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.Din id-Direttiva għandha tapplika għar-rekwiżiti taħt is-sistemi legali tal-Istati Membri li jirrestrinġu l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha, jew wieħed mill-modi tat-twettiq tagħha, inkluż l-użu ta’ titoli professjonali u l-attivitajiet professjonali permessi skont dan it-titolu, li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE.

    2.Fejn arranġamenti speċifiċi dwar ir-regolamentazzjoni ta’ professjoni partikolari huma stabbiliti f’att separat tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36/KE.

    Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“titolu professjonali protett” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-użu tat-titolu f’attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa soġġett għal kwalifika professjonali partikolari fil-qasam rilevanti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, jew direttament , jew inkella indirettament, u fejn l-użu mhux xieraq ta’ dan it-titolu huwa soġġett għal sanzjonijiet jew miżuri oħra.

    (b)“attivitajiet riżervati” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-aċċess għal attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa riżervat, b’mod dirett jew indirett, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi għal membri ta’ professjoni regolata, inkluż meta l-attività hija maqsuma ma’ professjonijiet regolati oħrajn.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni ex ante ta’ miżuri ġodda

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom, jew l’ emendar ta’ dawk eżistenti, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jwettqu valutazzjoni tal-proporzjonalità tagħhom skont ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2.Kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata li tippermetti evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    3.Ir-raġunijiet biex jitqies li dispożizzjoni hija ġġustifikata, meħtieġa u proporzjonata għandhom jiġu sostanzjati b’evidenza kwalitattiva u, fejn ikun possibbli, kwantitattiva.

    4.L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jillimitaw l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom fuq bażi regolari u bi frekwenza xierqa għar-regolamentazzjoni kkonċernata, b’kunsiderazzjoni dovuta għal kull żvilupp li jkun seħħ mill-adozzjoni tal-miżura kkonċernata ’l hawn.

    5.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq b’mod oġġettiv u indipendenti inkluż permezz tal-involviment ta’ korpi ta’ skrutinju indipendenti.

    Artikolu 5

    Ġustifikazzjoni għall-objettivi ta’ interess pubbliku

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jillimitaw l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati li jkunu beħsiebhom jintroduċu u l-emendi li jkunu beħsiebhom jagħmlu għad-dispożizzjonijiet eżistenti huma ġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku.

    2.L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex oġġettivament ġustifikati abbażi tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika, jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, bħall-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, ir-riċevituri ta’ servizzi u l-ħaddiema, is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, is-sigurtà fit-toroq, il-ħarsien tal-ambjent u l-ambjent urban, is-saħħa tal-annimali , il-proprjetà intellettwali, is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali, l-objettivi ta’ politika soċjali u l-objettivi ta’ politika kulturali.

    3.Raġunijiet ta’ natura purament ekonomika li għandhom għan jew effett essenzjalment protezzjonista jew raġunijiet purament amministrattivi ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, li jiġġustifika restrizzjoni fuq l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħahom.

    Artikolu 6

    Proporzjonalità

    1.Qabel ma jiġu introdotti dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom, jew l’emendar ta’ dawk eżistenti, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex meħtieġa u xierqa sabiex jiggarantixxu l-ksib tal-objettiv imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    2.Meta jkunu qed jivvalutaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari:

    (a)in-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għall-konsumaturi, għall-professjonisti jew partijiet terzi;

    (b)l-adegwatezza tad-dispożizzjoni, jiġifieri fir-rigward tal-adegwatezza tagħha sabiex jinkiseb l-objettiv imfittex u jekk din verament tirriflettix dan l-objettiv b’mod koerenti u sistematiku u għaldaqstant, tindirizza r-riskji identifikati b’mod simili bħal f’attivitajiet komparabbli;

    (c)il-ħtieġa tad-dispożizzjoni u b’mod partikolari jekk ir-regoli ta’ natura speċifika jew iżjed ġenerali, bħal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti jew il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur eżistenti, humiex biżżejjed biex jipproteġu l-objettiv segwit;

    (d)ir-rabta bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet koperti minn professjoni jew riżervati għaliha u l-kwalifika professjonali meħtieġa;

    (e)ir-rabta bejn il-kumplessità tal-kompiti u l-pussess meħtieġ ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa, kif ukoll l-eżistenza ta’ rotot differenti biex tinkiseb il-kwalifika professjonali;

    (f)il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet professjonali riżervati għal min ikollu kwalifika professjonali partikolari, jiġifieri jekk u għaliex l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonijiet jistgħu jew ma jistgħux ikunu kondiviżi ma’ professjonijiet oħra;

    (g)il-grad ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata u l-impatt tal-arranġamenti organizzattivi u superviżorji fuq il-kisba tal-objettiv segwit, b’mod partikolari meta l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost;

    (h)l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li jistgħu jnaqqsu l-assimetrija tal-informazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi;

    (i)l-impatt ekonomiku tal-miżura, b’attenzjoni partikolari għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq u l-kwalità tas-servizz ipprovdut, kif ukoll l-impatt fuq il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi fi ħdan l-Unjoni;

    (j)il-possibilità li jintużaw mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess pubbliku;

    (k)l-effett kumulattiv tar-restrizzjonijiet għall-aċċess għal professjoni u l-eżerċitar tagħha, u b’mod partikolari kif kull wieħed minn dawk ir-rekwiżiti jikkontribwixxi għal objettiv ta’ interess pubbliku u jekk huwiex neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

    3.Għall-finijiet tal-paragrafu 2(j), fejn il-miżuri jkunu ġustifikati bil-protezzjoni tal-konsumatur u fejn ir-riskji identifikati huma limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur mingħajr ma jaffettwaw b’mod negattiv partijiet terzi, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jevalwaw b’mod partikolari jekk l-objettiv jistax jintlaħaq permezz ta’ titolu professjonali protett mingħajr ma jirriżervaw l-attivitajiet.

    4.Għall-finijiet tal-paragrafu 2(k), l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jevalwaw b’mod partikolari l-effett kumulattiv tal-impożizzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti:

    (a)attivitajiet riżervati, li jeżistu flimkien mat-titolu professjonali protett;

    (b)rekwiżiti għal żvilupp professjonali kontinwu;

    (c)regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, l-etika professjonali u s-superviżjoni;

    (d)sħubija obbligatorja ma’ kamra, skemi ta’ reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni, b’mod partikolari fejn dawk ir-rekwiżiti jimplikaw il-pussess ta’ kwalifika professjonali partikolari;

    (e)restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari r-rekwiżiti li jillimitaw l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prattika, jew li jiffissaw numru minimu jew massimu ta’ impjegati, maniġers jew rappreżentanti li għandhom kwalifiki professjonali partikulari;

    (f)rekwiżiti ta’ forma legali speċifika jew rekwiżiti relatati mal-parteċipazzjoni azzjonarja jew il-ġestjoni ta’ kumpanija, sa fejn dawn ir-rekwiżiti huma marbuta direttament mal-eżerċitar tal-professjoni regolata;

    (g)restrizzjonijiet territorjali, b’mod partikolari fejn il-professjoni hija regolata f’partijiet tat-territorju ta’ Stat Membru b’mod differenti;

    (h)rekwiżiti li jirrestrinġu l-eżerċitar ta’ professjoni regolata b’mod konġunt jew bi sħab, kif ukoll regoli ta’ inkompatibbiltà;

    (i)rekwiżiti li jikkonċernaw il-koperatura tal-assigurazzjoni jew mezzi oħra ta’ kopertura personali jew kollettiva li jirrigwardaw ir-responsabbiltà professjonali;

    (j)rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex tiġi prattikata l-professjoni.

    Artikolu 7

    Informazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati

    L-Istati Membri għandhom, b’mezzi xierqa, jinformaw liċ-ċittadini, lil dawk li jirċievu servizz, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra minbarra l-membri tal-professjoni qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom, jew jemendaw dawk eżistenti, u jagħtuhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    Artikolu 8

    L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

    1.Għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva, qabel ma jiġu introdotti dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għal professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom, jew li jemendaw dawk eżistenti, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra dwar kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, bħall-mod partikolari li jirregolaw professjoni jew l-effetti tar-regolamentazzjoni identifikata f’setturi ta’ attivitajiet simili, fuq bażi regolari, jew, fejn xieraq, fuq bażi ad hoc.

    2.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-trażmissjoni u l-wasla ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

    Artikolu 9

    Trasparenza

    1.Ir-raġunijiet biex jitqies li d-dispożizzjonijiet, valutati skont din id-Direttiva, huma ġustifikati, neċessarji u proporzjonati, u li huma kkomunikati lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36/KE, għandhom jiġu reġistrati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati, imsemmija fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE u wara jiġu pubblikati mill-Kummissjoni.

    2.L-Istati Membri u partijiet interessati oħra jistgħu jissottomettu kummenti lill-Kummissjoni jew lill-Istat Membru li jkun innotifika d-dispożizzjonijiet.

    Artikolu 10

    Reviżjoni

    1.Sat-18 ta’ Jannar 2024 u darba kull ħames snin minn dakinhar ’l hemm, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż, fost aspetti oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-effettività tagħha.

    2.Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposti rilevanti.

    Artikolu 11

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn  . Dawn għandhom jgħaddu t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza ta’ dan it-tip fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl- [għoxrin] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 13

    Id-destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) https://ec.europa.eu/priorities/index_mt .
    (2) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/28-euco-conclusions/ .
    (3) https://ec.europa.eu/growth/single-market_en .
    (4) ara l-Kawżi C-340/89 Vlassopoulou u C-55/94 Gebhard.
    (5) Kif spjegat b’mod aktar komplet fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanjaha; madwar terz tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità għadhom ma twettqux allavolja kważi għaddiet sena mit-traspożizzjoni ‘l hawn. Minn dawk riċevuti madwar 70 % ddeċidew li jżommu l-istatus quo abbażi ta’ valutazzjonijiet imwettqa b’mod sottożviluppat.
    (6) The World Bank Regular Economic Report Fall 2016: Growth, Jobs and Integration: Services to the Rescue, http://www.worldbank.org/en/region/eca/publication/eurer .
    (7) “Measuring Prevalence and Labour Market impacts of Occupational Regulation in the EU”, Maria Koumenta, Queen Mary University of London u Mario Pagliero, Collegio Carlo Alberto Torino.
    (8)

       Ara pereżempju f'COM(2013)676; “L-Ispiża tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku għal servizzi”, Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, 2014; “L-istima ta' valwazzjonijiet pożittivi fis-settur tas-servizzi determinati minn Indikaturi tar-riforma strutturali”, Kummissjoni Ewropea, 2015; “L-eteroġeneità regolatorja bħala ostaklu għan-negozju tas-servizzi internazzjonali”, H. KOX, A. Lehour, 2005; “L-effett diskriminatorju tar-regolamenti domestiċi fuq in-negozju tas-servizzi internazzjonali: evidenza minn data fil-livell ta' impriża”, EFIGE, 2012; “Sevizzi tan-negozju – Valutazzjoni tal-Ostakli u tal-Impatt Ekonomiku tagħhom”, Kummissjoni Ewropea, 2015; “L-Impatt Ekonomiku tal-Liberalizzazzjoni tas-Servizzi Professjonali”, Kummissjoni Ewropea, 2014, http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/economic_paper/2014/pdf/ecp533_en.pdf

    (9)

        http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9018  

    (10) Ibid.
    (11) Ibid.
    (12)

       Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika tas-Suq Uniku 2/3 ta' Marzu 2015

          http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6197-2015-INIT/en/pdf

    (13) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6622-2016-INIT/en/pdf .
    (14) http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/european-council/2016/06/28-29/ .
    (15) Ara l-valutazzjoni tal-impatt mehmuża.
    (16) Prattika aċċettata f’każijiet bħal dawn tkun li t-tweġibiet organizzati jingħaddu bħala waħda biss.
    (17) http://www.oecd.org/eco/growth/OECD-2015-The-future-of-productivity-book.pdf .
    (18) http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9018 .
    (19) M. Koumenta u M. Pagliero (2016), “Il-Kejl tal-Prevalenza u l-Impatti fis-Suq tax-Xogħol tar-Regolamentazzjoni Okkupazzjonali fl-UE”. Ara: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20362 .
    (20) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Impact Assessment accompanying this proposal (SWD(2016) 463) (Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja lil din il-proposta).
    (21) ĠU C , , p. .
    (22) ĠU C , , p. .
    (23) Il-Kawża C-55/94 Reinhard Gebhard vs Consiglio dell’Ordine degli avvocati e procuratori di Milano [1995] Ġabra I-4165.
    (24) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
    (25) COM (2015)550 final.
    Top