IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 25.10.2016
COM(2016) 685 final
2016/0337(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
{SWD(2016) 341 final}
{SWD(2016) 342 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016PC0685
Proposal for a COUNCIL DIRECTIVE on a Common Corporate Tax Base
Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
COM/2016/0685 final - 2016/0337 (CNS)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 25.10.2016
COM(2016) 685 final
2016/0337(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
{SWD(2016) 341 final}
{SWD(2016) 342 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Fis-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK). Il-proposta, li għadha pendenti fil-Kunsill, hija waħda mill-inizjattivi REFIT tal-Kummissjoni u għandha l-għan li tipprovdi lill-kumpaniji b'sett wieħed ta' regoli dwar it-taxxa korporattiva biex isir in-negozju fis-suq intern. Għalhekk, il-proposta għal BKKTK tal-2011 tippermetti li l-kumpaniji jittrattaw lill-Unjoni bħala suq uniku għall-fini tat-taxxa korporattiva u, b'hekk, jiffaċilitaw l-attività transfruntiera tagħhom u jippromwovu l-kummerċ u l-investiment.
Dan l-aħħar deher biċ-ċar għall-komunità internazzjonali li r-regoli attwali għat-tassazzjoni korporattiva ma għadhomx adatti għall-kuntest modern. Ġeneralment, l-introjtu korporattiv jiġi intaxxat fil-livell nazzjonali, iżda l-ambjent ekonomiku sar aktar globalizzat, mobbli u diġitali. Il-mudelli tan-negozju u l-istrutturi korporattivi huma aktar kumplessi, u b'hekk it-trasferiment tal-profitti sar aktar faċli 1 . Barra minn hekk, id-diverġenza tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva ppermettiet li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jkompli jiffjorixxi matul l-aħħar deċennju. B'hekk, meta r-regoli nazzjonali jiġu abbozzati mingħajr ma tiġi kkunsidrata d-dimensjoni transfruntiera tal-attivitajiet tan-negozju, x'aktarx li jinqalgħu diskrepanzi fl-interazzjoni bejn is-sistemi differenti tat-taxxa korporattiva nazzjonali. Dawn id-diskrepanzi joħolqu riskji ta' tassazzjoni doppja u ta' nontassazzjoni doppja u b'hekk ifixklu l-funzjonament tas-suq intern. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli biex jiġġieldu b'mod effettiv, permezz ta' azzjoni unilaterali, kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa 2 sabiex jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom minn erożjoni u jmorru kontra t-trasferiment tal-profitt.
Meta wieħed iqis il-prijorità tal-Ewropa llum li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-investiment fi ħdan suq ġust u integrat aħjar, huwa meħtieġ qafas ġdid għal tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-profitti korporattivi. F'dan il-kuntest, il-BKKTK isservi bħala għodda effettiva sabiex l-introjtu jiġi attribwit fejn jinħoloq il-valur, permezz ta' formula bbażata fuq tliet fatturi mogħtija l-istess piż (jiġifieri l-assi, ix-xogħol u l-bejgħ). Billi dawn il-fatturi huma marbuta ma' fejn kumpanija tiggwadanja l-profitti tagħha, huma aktar reżiljenti għal prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-metodi mifruxa tal-ipprezzar tat-trasferiment għall-allokazzjoni tal-profitt.
Flimkien mal-funzjoni tal-BKKTK kontra l-evitar tat-taxxa, il-proġett imniedi mill-ġdid iżomm ukoll il-karatteristiċi tiegħu bħala sistema tat-taxxa korporattiva li tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment transfruntiera fis-suq intern. Bħalissa, in-negozji b'attività transfruntiera jridu jikkonformaw ma' xejn inqas minn 28 sistema diverġenti tat-taxxa korporattiva. Dan huwa proċess kumplikat, kemm f'termini ta' ħin kif ukoll ekonomikament, u jiddevja l-isforz mill-motiv ewlieni ta' kif isir in-negozju. Il-BKKTK imnedija mill-ġdid se tkompli toffri l-vantaġġi tal-proposta tal-2011, jiġifieri l-gruppi ta' kumpaniji bi preżenza taxxabbli f'mill-inqas Stat Membru wieħed, se jkunu soġġetti fl-Unjoni Ewropea (UE) kollha, għal sett uniku ta' regoli sabiex tiġi kkalkolata l-bażi għat-taxxa tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jittrattaw ma' amministrazzjoni tat-taxxa waħda ('one-stop-shop'). Il-kumpens transfruntier tat-telf xorta jkun eżitu awtomatiku tal-konsolidazzjoni u r-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment ma jkunux japplikaw fil-grupp, minħabba li d-distribuzzjoni tad-dħul għall-grupp kollu ssir permezz tat-tqassim skont formula speċifika.
Id-differenza, meta mqabbla mal-proposta tal-2011, hija li l-inizjattiva mnedija mill-ġdid tistabbilixxi regoli obbligatorji għal gruppi 'l fuq minn ċertu daqs, sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa. Minkejja dan, huwa importanti wkoll li r-regoli jsiru disponibbli, bħala għażla, għall-entitajiet li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fl-Unjoni, iżda li ma jissodisfawx il-kriterji li jissoġġettawhom għall-qafas komuni.
It-triq 'il quddiem lejn BKKTK
Id-diskussjonijiet fil-Kunsill mill-2011 urew li minħabba li hija proġett ambizzjuż ħafna, x'aktarx il-proposta għal BKKTK, mhux se tiġi adottata fl-intier tagħha, mingħajr approċċ imqassam fi stadji. B'hekk, diversi elementi (speċjalment il-konsolidazzjoni tat-taxxa) taw lok għal dibattitu diffiċli u jista' jkun li qegħdin iżommu lura l-progress fuq karatteristiċi fundamentali oħrajn tas-sistema. Fi sforz biex jiġi evitat dan id-dewmien biex isir il-progress, il-Kummissjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha ta' Ġunju 2015, appoġġatapproċċ gradwali għall-BKKTK. Skont dan l-approċċ, huwa ssuġġerit li l-ħidma fuq il-konsolidazzjoni tiġi posposta sakemm l-ewwel jintlaħaq qbil fuq sett obbligatorju ta' regoli għall-bażi komuni, jiġifieri, il-bażi komuni għat-taxxa korporattiva. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-Kummissjoni se tissottometti ż-żewġ proposti simultanjament, jiġifieri għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva u għal BKKTK, u bħala parti minn inizjattiva waħda. Il-proposta tal-2011 għal BKKTK, li bħalissa hija pendenti fil-Kunsill, se tiġi rtirata fl-istess ħin li l-Kummissjoni tadotta l-proposti ġodda. F'dan ir-rigward, huwa fundamentali li l-konsolidazzjoni tat-taxxa tibqa' element essenzjali tal-inizjattiva ta' BKKTK, minħabba li l-ostakoli tat-taxxa ewlenin li jiffaċċjaw il-kumpaniji fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv fi grupp ikkonsolidat.
Din il-proposta għal Direttiva tiffoka fuq l-hekk imsejjaħ "l-ewwel pass" tal-approċċ fi stadji. B'hekk, hija limitata għall-elementi tal-bażi komuni, jiġifieri r-regoli għall-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa korporattiva, inklużi ċerti dispożizzjonijiet kontra l-evitar tat-taxxa u dwar id-dimensjoni internazzjonali tas-sistema tat-taxxa proposta. Din il-proposta tkopri żewġ suġġetti addizzjonalimill-proposta tal-2011: jiġifieri r-regoli kontra l-preġudizzju favur id-dejn u super tnaqqis mogħti għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). Il-konsolidazzjoni mistennija tkun indirizzata fi proposta separata għal Direttiva (jiġifieri t-tieni pass), li se tiġi eżaminata fit-tieni stadju, jiġifieri wara li jkun intlaħaq qbil politiku fuq l-elementi tal-bażi komuni. Sakemm dan jintlaħaq, il-proposta għal BKKTK se tibqa' pendenti għal eżami fil-Kunsill. Sabiex tpatti għaċ-ċaħda temporanja tal-kontribwenti mill-benefiċċji tal-konsolidazzjoni tat-taxxa, hemm dispożizzjoni għal mekkaniżmu ta' kumpens transfruntier tat-telf bi rkupru sussegwenti. Dan mistenni jibqa' fis-seħħ sakemm tiġi introdotta l-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK), li tagħmel il-kumpens transfruntier tat-telf eżitu awtomatiku tal-applikazzjoni tar-regoli.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika
It-tnedija mill-ġdid tal-proposta għal BKKTK tinsab fil-qalba tal-Komunikazzjoni COM (2015) 302 mill-Kummissjoni 3 dwar Pjan ta' Azzjoni għal Sistema ta' Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-UE, li ġiet adottata fis-17 ta’ Ġunju 2015. Il-Pjan ta' Azzjoni identifika ħames oqsma ewlenin għal azzjoni. Dan jirrevedi l-politiki eżistenti dwar it-taxxa korporattiva fl-Unjoni u jistabbilixxi l-għan li titwaqqaf sistema ta' tassazzjoni korporattiva fl-UE, li permezz tagħha l-profitti tan-negozju jiġu intaxxati fil-ġurisdizzjoni fejn effettivament jinħoloq il-valur. Il-BKKTK hija ppreżentata bħala inizjattiva globali li tista' tkun għodda estremament effettiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' tassazzjoni aktar ġusta u effiċjenti.
Barra minn hekk, il-proposta mnedija mill-ġdid għal BKKTK tinkludi regoli li jindirizzaw uħud mill-Azzjonijiet ewlenin tal-inizjattiva tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). Dawn l-elementi issa ġew inklużi, fil-forma ta' standards minimi, fid-Direttiva tal-Kunsill adottata riċentament Nru 2016/1164/UE 4 (imsejħa wkoll bħala d-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD)). Fil-fatt, għandu jkun mistenni li l-BKKTK tinkorpora l-elementi kontra l-evitar tat-taxxa tal-ATAD iżda fil-kuntest ġuridiku l-ġdid. Jiġifieri, jeħtieġ li n-normi jkunu parti minn sistema komuni ta' taxxa korporattiva għall-UE kollha, kif ukoll li jiġu stabbiliti regoli assoluti, minflok standards minimi.
L-inizjattiva preżenti tat-tnedija mill-ġdid tal-BKKTK għandha post prominenti fost il-proġetti previsti tal-Kummissjoni fil-qasam ta' tassazzjoni aktar ġusta. Huwa ppjanat li din tiġi ppreżentata lill-pubbliku fl-istess jum bħala proposta għal Direttiva dwar id-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi (li se temenda l-ATAD) u Direttiva dwar is-soluzzjoni tat-tilwim. Barra minn hekk, minbarra l-ATAD, il-proposta tibni fuq il-proġetti tat-taxxa adottati riċentament; jiġifieri r-reviżjonijiet (tal-2014 u tal-2015) tad-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji (PSD) u l-Proposta ta' Riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties (IRD) (2011). L-inizjattiva tal-PSD u wħud mill-emendi diskussi b'rabta mal-IRD jirriflettu l-prijoritajiet politiki attwali għat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-UE kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa.
•Konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni
Il-BKKTK taqa' fil-kamp ta' applikazzjonoi tal-inizjattivi tal-Kummissjoni għal tassazzjoni aktar ġusta u tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakoli li joħolqu distorsjonijiet li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Fuq din il-premessa, din tikkumplimenta ħafna l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-liġi tal-kumpaniji u b'mod ġenerali taqbel ma' proġetti bħall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u d-diversi inizjattivi dwar it-trasparenza tat-taxxa, l-iskambju tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-proposta taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). It-test jistipula li l-miżuri ta' approssimazzjoni taħt dan l-artikolu għandhom jaffettwaw direttament it-twaqqif jew il-funzjonament tas-suq intern.
It-tnedija mill-ġdid tal-inizjattiva tal-BKKTK għandha l-għan li tiffaċilita n-negozju fl-UE billi tissoġġetta lill-kontribwenti għal ġabra unika tar-regoli tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa korporattiva li jridu jiġu applikati fis-suq intern, kif ukoll li tagħmel is-sistema aktar robusta u reżiljenti għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Iż-żewġ għanijiet iħallu impatt deċiżiv u dirett fuq is-suq intern, preċiżament minħabba li jimmiraw li jeqirdu t-tfixkil fil-funzjonament tiegħu.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Din l-inizjattiva tikkonforma mal-prinċipju tas-Sussidjarjetà.
Għalkemm il-problemi u r-raġunijiet għall-azzjoni, kif ġie spjegat fit-taqsimiet preċedenti, għandhom oriġini differenti, jidher li l-effetti dannużi tagħhom jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' soluzzjoni komuni: jiġifieri, l-approssimazzjoni tas-sistemi tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni ttaffi d-distorsjonijiet fis-suq billi toħloq ambjent tat-taxxa aktar ġust u koerenti fejn ikunu jistgħu joperaw in-negozji. Huwa evidenti li biex jinkiseb dan l-għan, jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni flimkien b'mod ikkoordinat u li tkun fil-livell tal-Unjoni. L-inizjattivi, ippjanati u implimentati minn kull Stat Membru individwalment, sempliċiment se jipperpetraw, jew saħansitra jaggravaw is-sitwazzjoni attwali, billi l-kontribwenti xorta jkollhom bżonn jittrattaw it-28 sistema tat-taxxa differenti u, xi drabi konfliġġenti.
It-tnedija mill-ġdid prevista tal-BKKTK għandha l-għan li twieġeb għall-ħtieġa ta' aktar tkabbir u ħolqien tal-impjiegi fis-suq intern, kif ukoll il-ġlieda kontra l-prattiki tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dawn l-għanijiet kollha essenzjalment ifittxu li jindirizzaw il-problemi lil hinn minn Stat Membru wieħed u, għalhekk, min-natura tagħhom jeħtieġu approċċ komuni. F'dan id-dawl, kwalunkwe miżura tista' tagħti r-riżultati biss jekk ir-regoli jiġu applikati b'mod uniformi fis-suq intern. Jekk le, ix-xenarju fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva jibqa' frammentat, tant li jippermetti t-tkattir tal-ostakoli tat-taxxa u tal-prattiki inġusti tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa.
Aktar minn hekk, illum il-ġurnata l-prattiki tal-evitar tat-taxxa huma primarjament stabbiliti f'kuntest transfruntier. Hija tabilħaqq l-interazzjoni bejn is-sistemi tat-taxxa differenti li tiġġenera opportunitajiet għal abbuż jew li tiffaċilita t-teħid ta' vantaġġ mid-diskrepanzi fl-interazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva. Barra minn hekk, il-fatt li l-UE hija suq intern b'livell għoli ta' integrazzjoni jippreżumi attività transfruntiera mtejba, li tenfasizza l-importanza li jintlaħaq qbil dwar soluzzjonijiet ikkoordinati.
Meta jitqiesu l-iskala u l-effetti tat-tnedija mill-ġdid prevista, l-għanijiet tagħha, jiġifieri li jittaffew id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-interazzjoni attwali ta' 28 sistema nazzjonali tat-taxxa u li jinħolqu aktar kundizzjonijiet favorevoli għal investiment transfruntier fis-suq uniku, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.
Ħafna mill-karatteristiċi ewlenin tas-sistema ta' BKKTK jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' azzjoni kollettiva. Pereżempju, id-diskrepanzi fil-kwalifika ġuridika tal-entitajiet jew tal-ħlasijiet, li jwasslu għal tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni doppja, jiġu eradikati fir-relazzjonijiet fost il-kumpaniji li japplikaw ir-regoli komuni dwar it-taxxa korporattiva. Fl-aqwa xenarju possibbli, azzjoni li tittieħed separatament mill-Istati Membri ssolvi biss dawn il-kwistjonijiet b'mod bilaterali. Minnu nnifsu, il-kumpens transfruntier tat-telf jista' jaħdem bl-aktar mod effettiv jekk l-Istati Membri kollha jinvolvu ruħhom fl-għoti tiegħu, anki jekk wieħed ma għandux jeskludi l-approċċ bilaterali bħala t-tieni l-aħjar għażla. Barra minn hekk, ir-ristrutturazzjonijiet interni tal-grupp eżentat mit-taxxa, l-eliminazzjoni tal-ipprezzar kumpless ta' trasferiment intragrupp, kif ukoll it-tqassim tad-dħul permezz ta' formula fil-livell ta' grupp għandhom irfid transfruntier u jistgħu jiġu indirizzati biss f'kuntest ta' regolament komuni.
•Proporzjonalità
Il-miżuri previsti huma kemm xierqa kif ukoll neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Ma jmorrux lil hinn mill-armonizzazzjoni tal-bażi għat-taxxa korporattiva, li hija prerekwiżit għat-trażżin tal-ostakoli identifikati li jfixklu s-suq intern. Barra minn hekk, il-BKKTK imnedija mill-ġdid ma tillimitax is-sovranità tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammont mixtieq minnhom ta' dħul mit-taxxa sabiex jilħqu l-miri tal-politika baġitarja tagħhom. F'dan ir-rigward, din ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rati tat-taxxa korporattiva tagħhom stess.
Għalkemm il-Kummissjoni ppromwoviet konsistentement il-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-prattiki tat-taxxa nazzjonali, jidher biċ-ċar li l-koordinazzjoni weħidha mhux se tkun biżżejjed biex jiġu eradikati d-distorsjonijiet relatati mat-taxxa fis-suq intern. L-esperjenza wriet li l-koordinazzjoni hija proċess kajman u r-riżultati tal-eżerċizzji tal-passat s'issa kienu modesti. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tat-taxxa ġeneralment tindirizza biss kwistjonijiet speċifiċi u mmirati u ma tistax tieħu ħsieb il-varjetà wiesgħa ta' problemi ffaċċjati mill-kumpaniji fis-suq intern, li jirrikjedu soluzzjoni olistika.
Huwa previst li l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tal-BKKTK imnedija mill-ġdid jiġi indikat b'mod li jimmira biss għall-kategoriji meħtieġa ta' kontribwenti, jiġifieri gruppi ta' kumpaniji 'l fuq minn ċertu daqs. Dan minħabba li l-gruppi bi dħul għoli għandhom it-tendenza li jkollhom riżorsi suffiċjenti li jippermettulhom jinvolvu ruħhom fi strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa.
Jirriżulta li r-regoli previsti ma jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat għall-funzjonament aħjar tas-suq intern.
•Għażla tal-istrument
Id-distorsjonijiet għas-suq intern, kif identifikati aktar kmieni, jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' regoli legali vinkolanti u permezz ta' qafas leġiżlattiv komuni. Il-liġi mhux vinkolanti tkun għażla riskjuża, minħabba li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jimplimentawhiex jew inkella tista' twassal għal approċċ frammentarju. Dan l-eżitu assolutament mhuwiex mixtieq. Dan jikkawża r-riskju li tinħoloq inċertezza legali għall-kontribwenti, kif ukoll li jiġu pperikolati l-għanijiet għal sistema tat-taxxa korporattiva kkoordinata u koerenti fis-suq intern. Barra minn hekk, billi l-arkitettura tal-bażi komuni għat-taxxa għandha tkun mistennija li tħalli impatt fuq il-baġits nazzjonali, speċjalment permezz tat-tqassim skont formula speċifika, huwa fundamentali li r-regoli li jiddefinixxu l-kompożizzjoni tagħha jiġu applikati b'mod konsistenti u effiċjenti. Huwa ferm aktar probabbli li dan jintlaħaq permezz ta' liġi vinkolanti.
Abbażi tal-Artikolu 115 tat-TFUE, "il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament ... joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta' dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern." Għalhekk, it-Trattat huwa preskrittiv li, fit-tassazzjoni diretta, il-leġiżlazzjoni għandha tkun esklussivament fil-forma ta' direttivi. Skont l-Artikolu 288 tat-TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta' forom u metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinkiseb dan ir-riżultat.. F'dan ir-rigward, id-direttiva għandha tibqa' ġenerali fin-natura tagħha, hekk kif it-teknikalitajiet u d-dettalji għandhom jitħallew biex jiġu deċiżi mill-Istati Membri.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika biex tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha u toffri lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jipprovdu l-kontribut tagħhom għat-tnedija mill-ġdid tal-BKKTK. Kien hemm 175 parteċipant li taw il-kontribut tagħhom f'dan il-proċess ta' konsultazzjoni. L-assoċjazzjonijiet irreġistrati kkontribwew l-akbar sehem ta' tweġibiet (37%), segwiti mill-kumpaniji individwali (32%), li l-maġġoranza tagħhom huma SMEs. Dan jenfasizza l-interess tal-kumpaniji iżgħar fil-proposta.
Skont it-tip ta' parteċipant, hemm differenzi fil-fehmiet dwar jekk il-BKKTK hijiex l-istrument xieraq għall-indirizzar tat-trasferiment tal-profitt u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Filwaqt li, b'mod ġenerali, il-proposta tidher bħala waħda pożittiva, l-enfasi tal-NGOs u tal-korpi pubbliċi hija aktar fuq l-impatt tal-BKKTK fuq l-attivitajiet tal-ippjanar tat-taxxa. Minflok, in-negozji jagħmlu enfasi fuq l-importanza tat-tnaqqis tal-kostijiet ta' konformità u l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għan-negozju bil-għan li jitkattar l-investiment. Madankollu, huma jenfasizzaw ukoll ir-riskji li jiġġarrbu kostijiet amministrattivi ogħla jekk ir-regoli kontra l-evitar tat-taxxa jiddominaw is-sistema.
Il-kontribut riċevut fil-konsultazzjoni pubblika huwa rifless fil-valutazzjoni tal-impatt: issir referenza għalih f'diversi taqsimiet, kif ukoll f'anness iddedikat.
•Ġbir u użu tal-kompetenzi
Il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi r-riżultati minn tliet studji.
1. L-istudju CORTAX ipprovdut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Il-mudell CORTAX huwa mudell ta' ekwilibriju ġenerali intiż biex jevalwa l-effetti tar-riformi tat-taxxa korporattiva fit-28 pajjiż tal-UE, billi juża dejta dettaljata minn diversi sorsi ta' dejta.
2. Studju miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika Ewropea (ZEW) dwar l-effetti tar-riformi tat-taxxa fuq l-indirizzar tal-preġudizzju favur id-dejn u l-ekwità fuq il-kost tal-kapital u r-rati tat-taxxi effettivi. L-istudju jiffoka fuq il-firxa attwali tal-preġudizzju favur id-dejn korporattiv fis-sistemi tat-taxxa tat-28 Stat Membru tal-UE u janalizza jekk l-għażliet ta' riforma differenti jistgħux fil-prinċipju jindirizzaw il-preferenza tad-dejn u jippromwovu l-investiment.
3. Studju miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika Ewropea (ZEW) dwar l-impatt tal-ippjanar tat-taxxa fuq ir-rati tat-taxxa effettivi. L-istudju joħroġ rati medji u marġinali effettivi ta' taxxa li jinkorporaw il-possibbiltà ta' strateġiji tal-ippjanar tat-taxxa sofistikati minn kumpaniji multinazzjonali, inkluż pereżempju l-użu ta' sistemi tat-taxxa preferenzjali.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-għażla politika prinċipali li ġiet ikkunsidrata hija proposta għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, iżda ġew ivvalutati wkoll l-implikazzjonijiet tal-ewwel stadju mingħajr konsolidazzjoni. Għażla ewlenija li trid issir hija relatata mal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-bażi għat-taxxa, jiġifieri għal min se tapplika. L-għażliet ewlenin li ġew ikkunsidrati huma jekk il-BKKTK għandhiex issir obbligatorja għall-impriżi kollha jew inkella sempliċiment għal subsett ta' impriżi. Ġew ikkunsidrati varjetà ta' għażliet sabiex jindirizzaw il-preġudizzju favur id-dejn li rriżulta mis-sistemi tat-taxxa attwali. Huma disponibbli żewġ azzjonijiet prinċipali: li jkun permess it-tnaqqis kemm tad-dejn kif ukoll tal-kostijiet tal-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma jew ma li jkunux permessi t-tnejn. Fir-rigward tal-inċentivi tar-R&Ż, l-għażliet ċentrali jikkunsidraw allowance tat-taxxa għall-ispejjeż għal investimenti ta' R&Ż bi gradi varji ta' ġenerożità.
L-evalwazzjoni tal-għażliet differenti wasslet għal għażla ppreferuta: BKKTK obbligatorja għall-kumpaniji kbar, mgħammra b'"Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment" u b'allowance għall-ispejjeż ta' R&Ż. L-Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment tagħti tnaqqis għall-kostijiet ta' finanzjament għad-dejn u l-ekwità fil-limiti sabiex jiġu evitati l-abbużi u l-ippjanar tat-taxxa. L-allowance għall-ispejjeż ta' R&Ż hija maħsuba biex mill-inqas iżżomm l-inċentivi tat-taxxa eżistenti tar-riċerka u l-iżvilupp. L-analiżi turi li l-BKKTK għandha vantaġġi ċari fuq l-alternattiva li ma tinvolvix it-teħid ta' azzjoni.
L-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta mistennija żżid il-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u toħloq kundizzjonijiet ekwi bħala riżultat tat-tneħħija b'mod effettiv tal-inċentivi għal ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-UE. Din tiffaċilita l-iżgurar li l-korporazzjonijiet iħallsu s-sehem ġust tagħhom mill-piż tat-taxxa u jtejbu l-moral tal-kontribwenti. Barra minn hekk, l-ostakoli tat-taxxa transfruntiera se jiġu eliminati b'mod effettiv fi ħdan l-UE. Filwaqt li l-konsolidazzjoni hija ovvjament element importanti sabiex jitnaqqas l-evitar tat-taxxa, ir-regoli fuq bażi komuni diġà jkunu temmew ċerti forom ta' trasferiment tal-profitti, bħall-isfruttar tad-diskrepanzi fl-interazzjoni fost is-sistemi tat-taxxa. Id-distorsjonijiet fid-deċiżjonijiet ta' finanzjament tal-kumpaniji jitnaqqsu b'Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment, li tpoġġi l-finanzjament tal-ekwità u d-dejn fuq l-istess livell. L-inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp mhux biss inżammu, iżda saħansitra tjiebu u ġew razzjonalizzati.
Il-benefiċċji ekonomiċi mistennija mill-proposta huma pożittivi. Bażi komuni għat-taxxa korporattiva b'kumpens transfruntier tat-telf u b'allowance għat-tkabbir u għall-investiment se twassal għal żieda fl-investiment u fl-impjiegi b'massimu ta' 3.6 % u 0.5 %, rispettivament. B'mod ġenerali, it-tkabbir se jiżdied b'massimu ta'1.3 %. Il-kostijiet ta' konformità mistennija jonqsu, notevolment taħt il-BKKTK (b'10 % fiż-żmien ta' konformità u bi 2.5 % fil-kostijiet ta' konformità). Il-kost għat-twaqqif ta' kumpanija sussidjarja se jonqos b'sa 67 %, tant li jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji (inklużi SMEs) li jmorru barra l-pajjiż.
Ma huwa mistenni ebda impatt ambjentali rilevanti mill-għażla ppreferuta. L-impatti soċjali se jkunu wkoll limitati.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-kostijiet ta' konformità mar-regoli tat-taxxa huma piż importanti għan-negozji u t-tnaqqis tagħhom se jkun ta' vantaġġ kbir fl-implimentazzjoni tal-BKKTK. L-istima tal-kostijiet ta' konformità għall-kumpaniji l-kbar tammonta għal madwar 2 % tat-taxxi mħallsin, filwaqt li l-istima għall-SMEs kienet ta' madwar 30 % tat-taxxi mħallsin. Huwa stmat li l-kostijiet ta' konformità se jiżdiedu bl-attività transfruntiera u bil-proliferazzjoni fl-għadd ta' sussidjarji. Id-dejta dwar ir-riforma tat-taxxa turi li ħafna mir-riformi ta' CIT seħħew wara l-kriżi u ħafna miżuri kienu indirizzati lejn it-tisħiħ tal-qafas internazzjonali kontra l-abbużi. Fid-dawl ta' dan, it-tnaqqis tal-kostijiet ta' konformità meta titwaqqaf kumpanija sussidjarja addizzjonali jibqa' vantaġġ kbir: huwa stmat li l-kostijiet relatati mal-ħin għat-twaqqif ta' kumpanija sussidjarja ġdida fi Stat Membru se jonqsu b'bejn 62 u 67 %. Billi tiffoka fuq il-kostijiet rikorrenti, jiġifieri tinjora l-kostijiet ta' bdil ta' darba, il-Valutazzjoni tal-Impatt tistma tnaqqis fil-ħin imqatta' fuq l-attivitajiet ta' konformità bi 8 % wara l-implimentazzjoni tal-BKKTK. Abbażi ta' dan it-tnaqqis fil-ħin, wieħed jista' jagħmel kalkolu ta' malajr tal-ordni tal-iffrankar tal-kostijiet totali li jirriżultaw taħt il-BKKTK. Jekk 5 % tal-kumpaniji ta' daqs medju jespandu barra l-pajjiż, jista' jkun mistenni ffrankar tal-kostijiet ta' darba ta' madwar EUR 1 biljun. Jekk l-entitajiet multinazzjonali kollha japplikaw il-BKKTK, il-kostijiet ta' konformità rikorrenti jistgħu jitnaqqsu b'madwar EUR 0.8 biljun.
L-amministrazzjonijiet tat-taxxa se jibbenifikaw minn negozjati mnaqqsa bi kwistjonijiet ta' prezzar tat-trasferiment u għadd inqas ta' każijiet sal-punt li l-affarijiet tat-taxxa ta' grupp ta' kumpaniji jiġu indirizzati primarjament mill-amministrazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab il-kumpanija omm. Min-naħa l-oħra, sakemm il-BKKTK ma ssirx obbligatorja għall-impriżi kollha, l-amministrazzjonijiet nazzjonali se jesperjenzaw kostijiet ta' konformità addizzjonali minħabba l-manutenzjoni meħtieġa ta' żewġ sistemi paralleli.
Sabiex jintlaħaq l-għan li tittejjeb il-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa b'mod proporzjonat, l-għażla ppreferuta għall-BKKTK tissuġġerixxi li din issir obbligatorja biss għal subsett ta' impriżi, skont id-daqs tagħhom. B'hekk, il-mikrointrapriżi u l-SMEs huma eżentati mill-applikazzjoni obbligatorja tal-BKKTK. Il-limitazzjoni tal-applikazzjoni obbligatorja għal gruppi ta’ kontabilità b'fatturat ikkonsolidat ta’ grupp ta' aktar minn EUR 750 miljun isservi l-iskop li taqbad il-maġġoranza vasta (ca. 64 %) tal-fatturat iġġenerat mill-gruppi, filwaqt li tillimita r-riskju tal-inklużjoni ta' gruppi purament domestiċi. Il-livell limitu huwa koerenti mal-approċċ meħud f'inizjattivi oħrajn tal-UE sabiex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa. Fl-istess ħin, il-proposta toffri lil dawk il-kumpaniji, li għalihom l-applikazzjoni tal-BKKTK mhijiex obbligatorja, il-possibbiltà li jiġu inklużi fis-sistema tal-BKKTK. Din tippermetti flessibbiltà massima għall-SMEs u għall-mikrointrapriżi, billi toffrilhom il-possibbiltà li jibbenifikaw mill-vantaġġi ta' BKKTK mingħajr ma tkun obbligatorja għal dan is-sett ta' kumpaniji.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta għal Direttiva ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-Kummissjoni se tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim tagħha. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Ara l-Premessa 22.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-proposta hija l-"ewwel pass" (bażi komuni għat-taxxa korporattiva) f'approċċ f'żewġ stadji lejn sistema għat-taxxa korporattiva għall-UE kollha u tistabbilixxi regoli komuni dwar it-taxxa korporattiva għall-komputazzjoni tal-bażi għat-taxxa tal-kumpaniji u tal-istabbilimenti permanenti fl-Unjoni.
Kamp ta' applikazzjoni: b'mod differenti mill-proposta tal-2011, li stipulat sistema fakultattiva għal kulħadd, din id-Direttiva se tkun obbligatorja għall-kumpaniji li jappartjenu għal gruppi lil hinn minn ċertu daqs. Il-kriterju għall-iffissar ta' livell limitu relatat mad-daqs se jirreferi għad-dħul ikkonsolidat totali ta' grupp li jippreżenta dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati. Barra minn hekk, sabiex jintlaħaq ċertu livell ta' koerenza bejn iż-żewġ passi (jiġifieri bażi komuni għat-taxxa korporattiva u l-BKKTK), il-kumpaniji se jkunu mitluba jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-konsolidazzjoni sabiex jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tal-bażi komuni. Dan jiżgura li ladarba l-inizjattiva sħiħa timmaterjalizza bl-adozzjoni ta’ konsolidazzjoni u t-tqassim skont formula speċifika, il-kontribwenti kollha taħt ir-regoli tal-bażi komuni jidħlu awtomatikament fl-iskema tal-BKKTK. Dawn ir-regoli komuni se jkunu disponibbli wkoll, bħala għażla, għall-kumpaniji li ma jikkonformawx ma' dawn il-kundizzjonijiet.
Definizzjoni ta' stabbiliment permanenti: il-kunċett ta' stabbiliment permanenti f'din id-Direttiva huwa definit mill-qrib mad-definizzjoni rakkomandata wara l-BEPS ta' stabbiliment permanenti fil-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD. B'mod differenti mill-proposta tal-2011, id-definizzjoni riveduta tkopri biss l-istabbilimenti permanenti li jinsabu fl-Unjoni u li jappartjenu għal kontribwent li huwa residenti fl-Unjoni għal finijiet ta' taxxa. L-għan se jkun li jiġi żgurat li l-kontribwenti kollha kkonċernati jħaddnu fehim komuni u li tiġi eskluża l-possibbiltà ta' diskrepanza minħabba definizzjonijiet diverġenti. Il-preżentazzjoni ta' definizzjoni komuni ta' stabbilimenti permanenti li jinsabu f'pajjiż terz jew fl-Unjoni, iżda li jappartjenu għal kontribwent li huwa residenti f'pajjiż terz għal finijiet ta' taxxa, ma tqisitx essenzjali. B'hekk, id-dimensjoni ta' pajjiż terz titħalla biex tiġi indirizzata fit-trattati bilaterali dwar it-taxxa u fil-liġi nazzjonali.
Bażi għat-taxxa: hija mfassla b'mod wiesa'. Id-dħul kollu jkun taxxabbli sakemm ma jkunx eżentat b'mod espliċitu. L-introjtu, li jikkonsisti f'dividendi jew rikavati mid-disponiment tal-ishma miżmuma f'kumpanija barra mill-grupp, se jkun eżentat għal parteċipazzjonijiet ta' mill-inqas 10 fil-mija, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ta' investiment dirett barrani. Bl-istess mod, il-profitti tal-istabbilimenti permanenti se jkunu eżentati wkoll mit-taxxa fl-Istat tal-uffiċċju prinċipali.
Id-dħul taxxabbli għandu jitnaqqas bl-ispejjeż tan-negozju u b'ċerti elementi oħrajn. Il-proposta ġdida għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva se tirreplika wkoll, b'xi aġġustamenti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-lista ta' spejjeż mhux deduċibbli li hija inkluża fil-proposta tal-2011. Sabiex tappoġġa l-innovazzjoni fl-ekonomija, din l-inizjattiva ta' tnedija mill-ġdid se tintroduċi super tnaqqis għall-kostijiet tar-R&Ż fis-sistema diġà ġeneruża ta' R&Ż tal-proposta tal-2011. B'hekk, ir-regola bażika ta' dik il-proposta dwar it-tnaqqis tal-kostijiet ta' R&Ż se tkompli tapplika; għalhekk, il-kostijiet ta' R&Ż se jiġu kkalkolati b'mod sħiħ fis-sena mġarrba (bl-eċċezzjoni tal-proprjetà immobbli). Barra minn hekk, il-kontribwenti se jkunu intitolati, għal nefqa massima ta' R&Ż ta' EUR 20 000 000, u għal super tnaqqis addizzjonali ta' 50 % fis-sena. Għan-nefqa tar-R&Ż ta' aktar minn EUR 20 000 000, il-kontribwenti jistgħu jnaqqsu 25 % tal-ammont eċċessiv.
Meta wieħed iqis li waħda mill-inizjattivi ta' politika ewlenin b'rabta mal-funzjonament tas-suq uniku hija li tappoġġa l-intraprenditorija żgħira u innovattiva, il-proposta ta' tnedija mill-ġdid għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva se tagħti super tnaqqis imtejjeb għall-kumpaniji żgħar u ġodda mingħajr intrapriżi assoċjati li huma partikolarment innovattivi (kategorija li se tkopri b'mod partikolari n-negozji l-ġodda). F'dak il-kuntest, il-kontribwenti li jikkwalifikaw, skont id-Direttiva, jistgħu jnaqqsu 100 % tal-kostijiet ta' R&Ż tagħhom sakemm dawn ma jaqbżux l-ammont ta' EUR 20 000 000 u bil-kundizzjoni li dawn il-kontribwenti ma jkollhom ebda intrapriża assoċjata.
Regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax: din hija regola ġdida (assenti mill-proposta tal-2011) li hija inkluża fl-ATAD u li kienet analizzata fid-dettall bħala parti mill-inizjattiva tal-BEPS. Hija tillimita d-deduċibbiltà tal-kostijiet tal-imgħax (u ta' kostijiet finanzjarji oħrajn), sabiex jiġu skoraġġuti prattiki ta' trasferiment tal-profitt lejn pajjiżi b'rata baxxa ta' taxxi. Ir-regola tipprevedi li tkun permessa d-deduċibbiltà sħiħa tal-kostijiet tal-imgħax (u ta' kostijiet finanzjarji oħrajn) sal-punt li dawn ikunu jistgħu jiġu paċuti mad-dħul mill-imgħax taxxabbli (u ma' dħul finanzjarju ieħor). Kwalunkwe eċċess ta' kostijiet tal-imgħax se jkun soġġett għal restrizzjonijiet ta' deduċibbiltà, li jridu jiġu ddeterminati b'referenza għall-qligħ taxxabbli ta' kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament (EBITDA).
Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment (AGI): L-inizjattiva ta' tnedija mill-ġdid għandha l-għan li tindirizza l-assimetrija li permezz tagħha l-imgħax imħallas fuq is-self huwa deduċibbli (soġġett għal xi limiti) mill-bażi komuni tal-kontribwenti, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għad-distribuzzjonijiet tal-profitti. L-eżitu huwa vantaġġ definittiv favur il-finanzjament permezz tad-dejn, għall-kuntrarju tal-ekwità. Minħabba r-riskji li sitwazzjoni bħal din timplika għall-pożizzjoni ta' dejn tal-kumpaniji, il-proposta ta' tnedija mill-ġdid għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva se tinkludi regola kontra l-preġudizzju favur id-dejn, sabiex tinnewtralizza l-qafas attwali li jiskoraġġixxi l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma. Il-kontribwenti se jingħataw allowance għat-tkabbir u għall-investiment li permezz tagħha ż-żidiet fl-ekwità tagħhom se jkunu jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tagħhom soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, bħal miżuri kontra l-effetti kaskata potenzjali u regoli kontra l-evitar tat-taxxa. Bħala parti mir-reviżjoni tal-bażi komuni għat-taxxa, il-Kummissjoni se tikkunsidra speċifikament il-funzjonament tal-AGI bħala bażi biex tikkunsidra aġġustamenti għad-definizzjoni u għall-kalibrar tagħha.
Deprezzament: il-motiv tar-regola li tgħid li l-assi fissi għandhom ikunu deprezzabbli għal finijiet ta' taxxa, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, jibqa' l-istess bħalma hemm fil-proposta tal-2011. Madankollu, issa se jkun hemm aktar assi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' deprezzament individwali, billi l-assi tanġibbli fissi ta' ħajja medja tneħħew mis-sistema kollettiva.
Telf: billi skont il-proposta tal-2011, il-kontribwenti huma permessi li jirriportaw it-telf b'mod indefinit mingħajr restrizzjonijiet fuq l-ammont deduċibbli fis-sena. Id-Direttiva tagħmel konnessjoni bejn ir-regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax u t-trattament tat-taxxa tat-telf. B'hekk, saret għażla politika sabiex tiġi abbozzata regola effettiva ħafna dwar il-limitazzjoni tal-imgħax, fis-sens li kwalunkwe ammonti li jikkwalifikaw bħala telf jirriflettu l-eżitu tal-attività ta' negozjar. Ir-regola kienet imsaħħa wkoll b'dispożizzjoni kontra l-abbużi li tiskoraġġixxi kwalunkwe tentattiv li jiġu evitati r-regoli dwar id-deduċibbiltà tat-telf permezz tax-xiri ta' kumpaniji li qegħdin jagħmlu t-telf.
Kumpens temporanju tat-telf bi rkupru: sabiex tpatti parzjalment għan-nuqqas tal-benefiċċji tal-konsolidazzjoni transfruntiera matul l-'ewwel pass', se jkun hemm il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat, taħt kundizzjonijiet stretti, it-telf imġarrab minn kumpanija sussidjarja immedjata jew stabbiliment permanenti li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Dan il-kumpens se jkun temporanju, minħabba li l-kumpanija omm se żżid lura mal-bażi għat-taxxa tagħha, meta wieħed iqis l-ammont ta' telf imnaqqas qabel, kwalunkwe profitt sussegwenti magħmul mis-sussidjarji immedjati jew stabbilimenti permanenti tagħha. Barra minn hekk, jekk l-inkorporazzjoni ma sseħħx f'ċertu numru ta' snin, it-telf imnaqqas xorta jiġi inkorporat mill-ġdid b'mod awtomatiku.
Regoli kontra l-evitar tat-taxxa: b'mod simili għall-proposta tal-2011, is-sistema se tinkludi firxa ta' regoli kontra l-evitar tat-taxxa. Ir-Regola Ġenerali Kontra l-Abbuż (GAAR) hija abbozzata skont it-test inkluż fl-ATAD u ssupplimentata b'miżuri maħsuba biex irażżnu tipi speċifiċi ta' evitar tat-taxxa. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet diskriminatorji, se jkun fundamentali li jiġi żgurat fil-prattika li l-GAAR tapplika b'mod uniformi għal sitwazzjonijiet domestiċi, fi ħdan l-Unjoni u vis-à-vis pajjiżi terzi, sabiex il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u r-riżultati tal-applikazzjoni f'sitwazzjonijiet domestiċi u transfruntiera ma jkunux differenti.
Sa fejn huma kkonċernati l-miżuri speċifiċi kontra l-evitar tat-taxxa, huwa ġeneralment neċessarju li jiġi indirizzat il-livell ta' tassazzjoni fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontribwent huwiex soġġett għal taxxa fuq l-introjtu ġġenerat minn barra l-pajjiż. Ir-regoli jinkludu klawżola ta' bdil, li hija mmirata kontra ċerti tipi ta' introjtu li joriġina minn pajjiż terz. Hija għandha l-għan li tiżgura li l-introjtu jkun taxxabbli fl-Unjoni jekk kien taxxabbli taħt ċertu livell fil-pajjiż terz. Il-leġiżlazzjoni dwar il-korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż (CFC) tirreferi l-aktar għar-regola fl-ATAD u għandha l-effett li tattribwixxi mill-ġdid l-introjtu ta' kumpanija sussidjarja kkontrollata b'livell baxx ta' taxxi lill-kumpanija omm tagħha fi sforz biex tiskoraġġixxi t-trasferiment tal-profitt. Ir-regoli tas-CFC huma estiżi għall-profitti tal-istabbilimenti permanenti fejn dawk il-profitti ma jkunux soġġetti għat-taxxa jew ikunu eżentati mit-taxxa fl-Istat Membru tal-kontribwent.
Diskrepanzi ibridi: Minħabba li d-diskrepanzi jiġġeneraw minn differenzi nazzjonali fil-kwalifika legali ta' ċerti tipi ta' entitajiet jew ħlasijiet finanzjarji, normalment ma għandhomx iseħħu fost il-kumpaniji li japplikaw ir-regoli komuni għall-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa tagħhom. Madankollu, minħabba li d-diskrepanzi x'aktarx li jippersistu fl-interazzjoni bejn il-qafas ta’ bażi komuni u s-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali jew ta' pajjiżi terzi, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li permezz tagħhom waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet f'diskrepanza tirrifjuta t-tnaqqis ta' pagament jew tiżgura li l-introjtu korrispondenti jiġi inkluż fil-bażi komuni.
2016/0337 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagћat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 5 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,
Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma' ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza u l-interazzjoni ta' 28 sistema differenti tat-taxxa korporattiva. Barra minn hekk, l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa saru dejjem aktar sofistikati maż-żmien, hekk kif dawn jiżviluppaw f'diversi ġurisdizzjonijiet u effettivament jieħdu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema tat-taxxa jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi tat-taxxa jew aktar għall-iskop li titnaqqas l-obbligazzjoni ta' taxxa tal-kumpaniji. Għalkemm dawk is-sitwazzjonijiet jenfasizzaw nuqqasijiet li huma kompletament differenti fin-natura tagħhom, it-tnejn li huma joħolqu ostakoli li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni meħuda biex tikkoreġi dawk il-problemi għandha tindirizza dawn iż-żewġ tipi ta' nuqqasijiet tas-suq.
(2)Sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni għandu jissawwar f'konformità mal-prinċipju li l-kumpaniji jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fil-ġurisdizzjonijiet fejn jiġu ġġenerati l-profitti tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu previsti mekkaniżmi li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi fost is-sistemi tat-taxxa nazzjonali sabiex ibaxxu l-obbligazzjoni tat-taxxa tagħhom. Huwa daqstant ieħor importanti li jiġu stimolati wkoll it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku fis-suq intern permezz tal-iffaċilitar tal-kummerċ transfruntier u tal-investiment korporattiv. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu eliminati r-riskji kemm tat-tassazzjoni doppja kif ukoll tan-nontassazzjoni doppja fl-Unjoni permezz tal-eradikazzjoni tad-differenzi fl-interazzjoni tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva. Fl-istess ħin, il-kumpaniji jeħtieġu qafas ġuridiku u tat-taxxa faċilment operabbli biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attività kummerċjali tagħhom u jespanduha tul il-fruntieri fl-Unjoni. F'dak il-kuntest, għandhom jitneħħew ukoll il-każijiet ta' diskriminazzjoni li jifdal.
(3)Kif ġie rrimarkat fil-proposta tas-16 ta' Marzu 2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) 7 , sistema għat-taxxa korporattiva li tittratta lill-Unjoni bħala suq uniku għall-fini ta' komputazzjoni tal-bażi għat-taxxa korporattiva tal-kumpaniji tiffaċilita l-attività transfruntiera għall-kumpaniji residenti fl-Unjoni u tippromwovi l-għan li din issir post aktar kompetittiv għall-investiment fuq livell internazzjonali. Il-proposta tal-2011 għal BKKTK iffokata fuq l-għan li tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-attività kummerċjali għan-negozji fi ħdan l-Unjoni. Minbarra dak l-għan, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni wkoll li BKKTK tista' tkun effettiva ħafna sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-ġlieda kontra l-iskemi ta' evitar tat-taxxa. F'dan id-dawl, għandha tiġi mnedija mill-ġdid l-inizjattiva għal BKKTK sabiex tindirizza, fuq bażi ugwali, kemm l-aspett tal-iffaċilitar tan-negozju, kif ukoll il-funzjoni tal-inizjattiva fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa. Approċċ bħal dan iservi l-aħjar l-għan tal-eradikazzjoni tad-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern.
(4)Meta wieħed iqis il-ħtieġa li tittieħed azzjoni malajr sabiex jiġi żgurat funzjonament xieraq tas-suq intern billi dan isir, minn naħa waħda, aktar favorevoli għall-kummerċ u għall-investiment u, min-naħa l-oħra, aktar reżiljenti għall-iskemi ta' evitar tat-taxxa, jeħtieġ li l-inizjattiva ambizzjuża ta' BKKTK tinqasam f'żewġ proposti separati. Fl-ewwel stadju, għandhom jiġu ppromulgati regoli dwar bażi komuni għat-taxxa korporattiva, qabel ma tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konsolidazzjoni fit-tieni stadju.
(5)Ħafna strutturi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa għandhom it-tendenza li jkunu inklużi f'kuntest transfruntier, li jimplika li l-gruppi ta' kumpaniji parteċipanti għandhom minimu ta' riżorsi. Fuq din il-premessa, għal raġunijiet ta' proporzjonalità, ir-regoli dwar bażi komuni għandhom ikunu obbligatorji biss għall-kumpaniji li jappartjenu għal grupp ta' daqs sostanzjali. Għal dak il-għan, għandu jiġi ffissat livell limitu relatat mad-daqs fuq il-bażi tad-dħul ikkonsolidat totali ta' grupp li jippreżenta dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn iż-żewġ passi tal-inizjattiva ta' BKKTK, ir-regoli dwar bażi komuni għandhom ikunu obbligatorji għall-kumpaniji li jitqiesu bħala grupp jekk timmaterjalizza l-inizjattiva sħiħa. Sabiex iservu aħjar l-għan li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment fis-suq intern, ir-regoli dwar bażi komuni għat-taxxa korporattiva għandhom ikunu disponibbli wkoll, bħala għażla, għall-kumpaniji li ma jissodisfawx dawk il-kriterji.
(6)Jeħtieġ li jiġi definit il-kunċett ta' stabbiliment permanenti li jinsab fl-Unjoni u li jappartjeni lil kontribwent li huwa residenti fl-Unjoni għal finijiet ta' taxxa. L-għan se jkun li jiġi żgurat li l-kontribwenti kollha kkonċernati jħaddnu fehim komuni u li tiġi eskluża l-possibbiltà ta' diskrepanza minħabba definizzjonijiet diverġenti. Għall-kuntrarju, ma għandux jitqies bħala essenzjali li jkun hemm definizzjoni komuni ta' stabbilimenti permanenti li jinsabu f'pajjiż terz jew fl-Unjoni, iżda li jappartjenu għal kontribwent li huwa residenti f'pajjiż terz għal finijiet ta' taxxa. Ikun aħjar jekk din id-dimensjoni titħalla għat-trattati bilaterali dwar it-taxxa u għal-liġi nazzjonali minħabba l-interazzjoni kkumplikata tagħha mal-ftehimiet internazzjonali.
(7)Sabiex jittaffew ir-riskji tal-evitar tat-taxxa, li jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, għandha titfassal bażi komuni għat-taxxa korporattiva wiesgħa. Abbażi ta' din il-premessa, id-dħul kollu għandu jkun taxxabbli sakemm ma jkunx eżentat b'mod espliċitu. Fir-rigward ta' parteċipazzjonijiet ta' mill-inqas 10 %, l-introjtu li jikkonsisti f'dividendi jew f'rikavati mid-disponiment tal-ishma miżmuma f'kumpanija barra mill-grupp għandu jkun eżentat, sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja f'investiment dirett barrani. Bl-istess mod, il-profitti tal-istabbilimenti permanenti għandhom ikunu wkoll eżentati mit-taxxa fl-Istat tal-uffiċċju prinċipali. Huwa kkunsidrat ukoll li l-eżenzjoni tal-introjtu miksub minn barra l-pajjiż tissodisfa l-ħtieġa għas-sempliċità għan-negozji. Tabilħaqq, fl-għoti ta' kumpens mit-tassazzjoni doppja, ħafna Stati Membri bħalissa qegħdin jeżentaw id-dividendi u r-rikavat mid-disponiment tal-ishma, sabiex b'hekk jevitaw il-komputazzjoni tad-dritt tal-kontribwent għal kreditu għat-taxxa mħallsa barra mill-pajjiż, b'mod partikolari fejn tali dritt għandu jieħu kont tat-taxxa korporattiva mħallsa mill-kumpanija li tqassam id-dividendi.
(8)Id-dħul taxxabbli għandu jitnaqqas bl-ispejjeż tan-negozju u b'ċerti elementi oħra. L-ispejjeż kummerċjali deduċibbli għandhom normalment jinkludu l-kostijiet kollha relatati mal-bejgħ u mal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-assigurazzjoni tal-introjtu. Sabiex tiġi appoġġata l-innovazzjoni fl-ekonomija u jiġi mmodernizzat is-suq intern, għandu jiġi pprovdut tnaqqis għall-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp, inkluż super tnaqqis, u dan għandu jiġi kkalkolat b'mod sħiħ fis-sena mġarrba (bl-eċċezzjoni tal-proprjetà immobbli). Il-kumpaniji żgħar u ġodda mingħajr intrapriżi assoċjati li huma partikolarment innovattivi (kategorija li se tkopri b'mod partikolari n-negozji l-ġodda) għandhom jiġu appoġġati wkoll b'super tnaqqis imtejjeb għall-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, għandu jkun hemm ukoll lista ta' spejjeż mhux deduċibbli.
(9)L-iżviluppi riċenti fit-tassazzjoni internazzjonali enfasizzaw li, fi sforz sabiex titnaqqas l-obbligazzjoni tat-taxxa globali tagħhom, il-gruppi ta' kumpaniji multinazzjonali involvew ruħhom dejjem aktar f'arranġamenti ta' evitar tat-taxxa li wasslu għal erożjoni tal-bażi u għal trasferiment tal-profitt, permezz ta' ħlasijiet ta' imgħax eċċessivi. Għalhekk, jeħtieġ li tkun limitata d-deduċibbiltà tal-kostijiet tal-imgħax (u ta' kostijiet finanzjarji oħrajn), sabiex jiġu skoraġġuti tali prattiki. F'dak il-kuntest, id-deduċibbiltà tal-kostijiet tal-imgħax (u ta' kostijiet finanzjarji oħrajn) għandha tkun permessa biss mingħajr restrizzjonijiet sal-punt li dawk il-kostijiet ikunu jistgħu jiġu paċuti ma' dħul mill-imgħax taxxabbli (u ma' dħul finanzjarju ieħor). Madankollu, kwalunkwe eċċess tal-kostijiet tal-imgħax għandu jkun soġġett għal restrizzjonijiet tad-deduċibbiltà, li jridu jiġu ddeterminati b'referenza għall-qligħ taxxabbli ta' kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament ('EBITDA').
(10)Il-fatt li l-imgħax imħallas fuq is-self huwa deduċibbli mill-bażi għat-taxxa ta' kontribwent, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għad-distribuzzjonijiet tal-profitti, joħloq vantaġġ definittiv favur il-finanzjament permezz tad-dejn, għall-kuntrarju tal-ekwità. Minħabba r-riskji li dan iġib miegħu għall-pożizzjoni ta' dejn tal-kumpaniji, huwa fundamentali li jiġu previsti miżuri li jinnewtralizzaw il-preġudizzju attwali kontra l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma. F'dan id-dawl, huwa previst li l-kontribwenti jingħataw allowance għat-tkabbir u għall-investiment, li permezz tagħha ż-żidiet fl-ekwità ta' kontribwent għandhom ikunu deduċibbli mill-bażi taxxabbli tiegħu soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. B'hekk, se jkun essenzjali li jiġi żgurat li s-sistema ma ssofrix minn effetti kaskata u, għal dan il-għan, se jkun meħtieġ li jiġi eskluż il-valur tat-taxxa tal-parteċipazzjonijiet ta' kontribwent f'intrapriżi assoċjati. Fl-aħħar nett, sabiex l-iskema tal-allowance ssir robusta biżżejjed, se jkun meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli kontra l-evitar tat-taxxa.
(11)L-assi fissi għandhom ikunu deprezzabbli għall-finijiet tat-taxxa, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet. Filwaqt li l-assi tanġibbli u intanġibbli ta' ħajja twila u medja għandhom jiġu deprezzati b'mod individwali, l-assi deprezzabbli l-oħrajn kollha għandhom jitpoġġew fi grupp. Id-deprezzament fi grupp jissimplifika l-affarijiet kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-kontribwenti billi jevita l-ħtieġa li tiġi stabbilita u miżmuma lista ta' kull tip individwali ta' assi fiss u l-ħajja utli tiegħu.
(12)Sabiex jiġi skoraġġut it-trasferiment tal-introjtu passiv (primarjament, finanzjarju) minn kumpaniji intaxxati ħafna, kwalunkwe telf li jistgħu jagħmlu dawn kumpaniji fit-tmiem ta' sena tat-taxxa għandu jitqies li jikkorrispondi l-aktar għar-riżultati tal-attività tan-negozjar. Abbażi ta' dik il-premessa, il-kontribwenti għandhom ikunu permessi jirriportaw it-telf b'mod indefinit mingħajr restrizzjonijiet fuq l-ammont deduċibbli fis-sena. Billi r-riport tat-telf huwa maħsub biex jiżgura li kontribwent iħallas it-taxxa fuq l-introjtu reali tiegħu, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jitpoġġa limitu ta' żmien fuq ir-riport. Fir-rigward tal-prospett għal trasferiment lura tat-telf, mhux se jkun meħtieġ li tiġi introdotta regola bħal din, minħabba li dan huwa relattivament rari fil-prattika tal-Istati Membri u għandu t-tendenza li jwassal għal kumplessità eċċessiva. Barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita dispożizzjoni kontra l-abbużi sabiex ikunu evitati, imfixkla jew miġġielda t-tentattivi li jiġu evitati r-regoli dwar id-deduċibbiltà tat-telf permezz tax-xiri ta' kumpaniji li jkunu qegħdin jagħmlu t-telf.
(13)Sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-likwidità tan-negozji – pereżempju, billi t-telf tan-negozji ġodda fi Stat Membru jiġi kkumpensat bi profitti fi Stat Membru ieħor – u titħeġġeġ l-espansjoni transfruntiera fi ħdan l-Unjoni, il-kontribwenti għandhom ikunu intitolati li temporanjament jieħdu f'kunsiderazzjoni t-telf imġarrab mis-sussidjarji immedjati u l-istabbilimenti permanenti tagħhom li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Għal dak il-għan, kumpanija omm jew uffiċċju prinċipali li jinsabu fi Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jnaqqsu mill-bażi għat-taxxa tagħhom, f'sena tat-taxxa partikolari, it-telf imġarrab fl-istess sena tat-taxxa mis-sussidjarji immedjati jew mill-istabbilimenti permanenti tagħhom li jinsabu fi Stati Membri oħrajn b'mod proporzjonali għall-parteċipazzjoni tagħhom. Imbagħad, il-kumpanija omm għandha tkun mitluba żżid lura mal-bażi għat-taxxa tagħha, wara li tikkunsidra l-ammont ta' telf li kien imnaqqas qabel, kwalunkwe profitti sussegwenti magħmula minn dawk is-sussidjarji immedjati jew l-istabbilimenti permanenti. Billi huwa vitali li jiġi ssalvagwardjat id-dħul mit-taxxa nazzjonali, it-telf imnaqqas għandu wkoll jiġi inkorporat mill-ġdid awtomatikament jekk dan ma jkunx seħħ diġà wara ċertu numru ta' snin jew jekk ir-rekwiżiti sabiex jikkwalifikaw bħala sussidjarji immedjati jew stabbilimenti permanenti ma jibqgħux jiġu ssodisfati.
(14)Sabiex tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa ogħla mit-trasferiment tal-profitti permezz ta' prezzijiet għolja tat-trasferiment lejn pajjiżi b'rati ta' taxxa aktar baxxi, it-tranżazzjonijiet bejn kontribwent u l-intrapriżi assoċjati tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal aġġustamenti tal-prezzijiet f'konformità mal-prinċipju ta' distakkament, li huwa kriterju applikat b'mod ġenerali.
(15)Huwa kruċjali li jiġu previsti miżuri xierqa kontra l-evitar tat-taxxa sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tar-regoli dwar bażi komuni kontra prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa. Speċifikament, is-sistema għandha tinkludi regola ġenerali kontra l-abbuż ('GAAR'), issupplimentata b'miżuri maħsuba biex irażżnu tipi speċifiċi ta' evitar. Minħabba li l-GAARs għandhom il-funzjoni li jindirizzaw prattiki tat-taxxa abbużivi li sa issa għadhom ma ġewx indirizzati permezz ta' dispożizzjonijiet immirati speċifikament, huma jimlew il-lakuni, u għalhekk ma għandhomx jaffettwaw l-applikabbiltà ta' regoli speċifiċi kontra l-evitar tat-taxxa. Fi ħdan l-Unjoni, il-GAARs għandhom jiġu applikati għall-arranġamenti li mhumiex ġenwini. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-GAARs japplikaw b'mod uniformi għal sitwazzjonijiet domestiċi, sitwazzjonijiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni u sitwazzjonijiet transfruntiera li jinvolvu kumpaniji stabbiliti f'pajjiżi terzi, sabiex b'hekk il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u r-riżultati tal-applikazzjoni ma jkunux differenti.
(16)Sa fejn huma kkonċernati l-miżuri speċifiċi kontra l-evitar tat-taxxa, ta' spiss ikun meħtieġ li jiġi aċċertat il-livell ta' tassazzjoni fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontribwent huwiex responsabbli biex iħallas it-taxxa fuq l-introjtu iġġenerat minn barra l-pajjiż. Dan joħloq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-livell ta' taxxa u kompetizzjoni fis-suq intern, kif ukoll jipproteġi lis-suq minn erożjoni tal-bażi vis-à-vis il-pajjiżi terzi. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi prevista klawżola ta' bdil li timmira għal xi tipi ta' introjtu miksub f'pajjiż terz, bħad-distribuzzjonijiet tal-profitti u r-rikavati mid-disponiment tal-ishma, sabiex ikun żgurat li l-introjtu jkun taxxabbli fl-Unjoni jekk ikun ġie intaxxat taħt ċertu livell f'pajjiż terz. Il-leġiżlazzjoni dwar il-korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż ('CFC') hija wkoll element indispensabbli ta' sistema tat-taxxa korporattiva u għandha l-effett li tattribwixxi mill-ġdid l-introjtu ta' kumpanija sussidjarja kkontrollata b'rata baxxa ta' taxxi lill-kumpanija omm tagħha fi sforz sabiex jiġi skoraġġut it-trasferiment tal-profitt. F'dak ir-rigward, jeħtieġ li r-regoli dwar is-CFC jiġu estiżi għall-profitti ta' stabbilimenti permanenti fejn dawk il-profitti ma jkunux soġġetti għat-taxxa jew ikunu eżentati mit-taxxa fl-Istat Membru tal-kontribwent.
(17)Meta wieħed iqis li l-effett tad-diskrepanzi ibridi ġeneralment ikun tnaqqis doppju (jiġifieri tnaqqis fiż-żewġ Stati) jew tnaqqis tal-introjtu fi Stat wieħed mingħajr inklużjoni fil-bażi għat-taxxa ta' Stat ieħor, tali sitwazzjonijiet jaffettwaw b'mod ċar is-suq intern billi jfixklu l-mekkaniżmi tiegħu u joħolqu lakuni sabiex il-prattiki tal-evitar tat-taxxa jkomplu jiffjorixxu. Minħabba li d-diskrepanzi jiġu ġġenerati minn differenzi nazzjonali fil-kwalifika legali ta' ċerti tipi ta' entitajiet jew ħlasijiet finanzjarji, dawn normalment ma jseħħux fost il-kumpaniji li japplikaw ir-regoli komuni għall-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa tagħhom. Madankollu, id-diskrepanzi jippersistu fl-interazzjoni bejn il-qafas ta’ bażi komuni u s-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali jew ta' pajjiżi terzi. Sabiex jiġu newtralizzati l-effetti tal-arranġamenti ta' diskrepanzi ibridi, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet f'diskrepanza tirrifjuta t-tnaqqis ta' pagament jew tiżgura li l-introjtu korrispondenti jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa korporattiva.
(18)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 . Kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE 9 , li se tiġi sostitwita mir-Regolament (UE) 2016/679 10 , u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 11 .
(19)Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' (i) il-kunsiderazzjoni tal-bidliet fil-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-forom tal-kumpaniji u t-taxxi korporattivi u l-emendar tal-Annessi I u II kif xieraq; (ii) l-istipular ta' definizzjonijiet addizzjonali; (iii) il-promulgazzjoni ta' regoli dettaljati kontra l-evitar tat-taxxa f'għadd ta' oqsma speċifikati rilevanti għall-allowance għat-tkabbir u għall-investiment; (iv) id-definizzjoni f'aktar dettall tal-kunċetti ta' sjieda legali u ekonomika tal-assi lokati; (v) il-kalkolazzjoni tal-elementi ta' kapital u imgħax tal-ħlasijiet tal-lokazzjoni u l-bażi għad-deprezzament tal-assi lokati; u (vi) id-definizzjoni b'mod aktar preċiż tal-kategoriji ta' assi fissi soġġetti għal deprezzament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tiġi biex tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(20)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tadotta kull sena lista ta' forom ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi li huma simili għall-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .
(21)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-ġlieda kontra prattiki ta' evitar tat-taxxa internazzjonali u li jiġu ffaċilitati n-negozji fl-espansjoni tul il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment u b'mod diverġenti minħabba li hija meħtieġa azzjoni kkoordinata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, iżda jistgħu minflok, minħabba l-fatt li d-Direttiva timmira għall-ineffiċjenzi tas-suq intern li joriġinaw fl-interazzjoni bejn ir-regoli tat-taxxa nazzjonali differenti li jħallu impatt fuq is-suq intern u jiskoraġġixxu l-attività transfruntiera, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, speċjalment meta wieħed iqis li l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tagħha huwa limitat għal gruppi lil hinn minn ċertu daqs.
(22)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni 13 , l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
(23)Il-Kummissjoni għandha tkun obbligata li tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim tagħha. L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema ta’ bażi komuni għat-tassazzjoni ta' ċerti kumpaniji u tistipula regoli għall-kalkolazzjoni ta' dik il-bażi.
2. Kumpanija li tapplika r-regoli ta’ din id-Direttiva għandha tieqaf milli tkun soġġetta għal-liġi tat-taxxa korporattiva nazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha regolati minn din id-Direttiva, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kumpanija li hija stabbilita skont il-liġijiet ta' Stat Membru, inklużi l-istabbilimenti permanenti tagħha fi Stati Membri oħrajn, fejn il-kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) tieħu waħda mill-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I;
(b)tkun soġġetta għal waħda mit-taxxi korporattivi elenkati fl-Anness II jew għal taxxa simili li tiddaħħal wara;
(c)tkun tagħmel parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja bi dħul totali tal-grupp ikkonsolidat ta' aktar minn EUR 750 000 000 matul is-sena finanzjarja ta' qabel is-sena finanzjarja rilevanti;
(d)tikkwalifika bħala kumpanija omm jew kumpanija sussidjarja li tikkwalifika kif imsemmija fl-Artikolu 3 u/jew ikollha stabbiliment permanenti wieħed jew aktar fi Stati Membri oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 5.
2.Id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kumpanija li tkun stabbilita skont il-liġijiet ta' pajjiż terz fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti tagħha li jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar fejn il-kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 1.
Fir-rigward ta' jekk kumpanija tissodisfax il-kundizzjoni tal-punt (a) fil-paragrafu 1, għandu jkun biżżejjed li l-kumpanija f'pajjiż terz ikollha forma simili għal waħda mill-forom ta' kumpaniji fl-Anness I. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena lista ta' forom ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi li huma simili għall-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 68(2). Il-fatt li forma ta' kumpanija ta' pajjiż terz mhijiex inkluża f'dik il-lista ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal dik il-forma.
3.Kumpanija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-punti (c) u (d) ta' dak il-paragrafu, tista' tagħżel, inkluż għall-istabbilimenti permanenti tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħrajn, li tapplika r-regoli ta' din id-Direttiva għal perjodu ta' ħames snin tat-taxxa. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż awtomatikament għal termini suċċessivi ta' ħames snin tat-taxxa, sakemm ma jkunx hemm avviż ta' terminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 65(3). Il-kundizzjonijiet taħt il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu ssodisfati kull darba li sseħħ l-estensjoni.
4.Ir-regoli ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kumpanija tat-tbaħħir taħt sistema tat-taxxa speċjali. Kumpanija tat-tbaħħir taħt sistema tat-taxxa speċjali għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni għall-fini tad-determinazzjoni tal-kumpaniji li huma membri tal-istess grupp kif imsemmi fl-Artikolu 3.
5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 66 sabiex temenda l-Annessi I u II bil-għan li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-bidliet fil-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-forom ta' kumpaniji u t-taxxi korporattivi.
Artikolu 3
Kumpanija omm u sussidjarji kwalifikanti
1.Kumpanija sussidjarja li tikkwalifika tfisser kull kumpanija sussidjarja immedjata u ta' livell aktar baxx fejn il-kumpanija omm ikollha d-drittijiet li ġejjin:
(a)ikollha dritt li terżerċita iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot; u
(b)ikollha dritt ta' sjieda li jammonta għal iżjed minn 75 % tal-kapital tal-kumpanija sussidjarja jew tkun tippossjedi iżjed minn 75 % tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt.
2.Sabiex jiġu kkalkolati l-livelli limiti msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta' kumpaniji sussidjarji ta' livell aktar baxx, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a)ladarba jintlaħaq il-livell limitu tad-drittijiet tal-vot fir-rigward ta' kumpanija sussidjarja, il-kumpanija omm għandha titqies li għandha 100 % ta' dawn id-drittijiet;
(b)id-dritt għall-profitt u s-sjieda tal-kapital għandhom jiġu kkalkolati billi jiġu mmultiplikati l-interessi miżmuma, direttament u indirettament, fil-kumpaniji sussidjarji f'kull livell. Id-drittijiet tas-sjieda li jammontaw għal 75 % jew inqas miżmuma direttament jew indirettament mill-kumpanija omm, inklużi d-drittijiet f'kumpaniji residenti f'pajjiż terz, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-kalkolazzjoni.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"kontribwent" tfisser kumpanija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) jew (2), jew li għażlet li tapplika r-regoli ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3);
(2)"mhux kontribwent" tfisser kumpanija li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) jew (2) u li ma għażlitx li tapplika r-regoli ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3);
(3)"kontribwent residenti" tfisser kontribwent li jkun residenti fi Stat Membru għall-finijiet ta' taxxa;
(4)"kontribwent mhux residenti" tfisser kontribwent li ma jkunx residenti fi Stat Membru għall-finijiet ta' taxxa;
(5)"dħul" tfisser ir-rikavat mill-bejgħ jew minn kwalunkwe tranżazzjoni oħra, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi u dazji oħrajn miġbura f'isem aġenziji governattivi, kemm ta' natura monetarja kif ukoll ta' natura mhux monetarja, inkluż ir-rikavat mid-disponimenti ta' assi u drittijiet, imgħax, dividendi u distribuzzjonijiet oħrajn ta' profitti, ir-rikavati minn likwidazzjonijiet, royalties, sussidji u għotjiet, rigali riċevuti, kumpens u ħlasijiet ex gratia. Id-dħul għandu jinkludi wkoll ir-rigali mhux monetarji magħmula minn kontribwent. Id-dħul ma għandux jinkludi l-ekwità miksuba mill-kontribwent jew id-dejn imħallas lura lilu;
(6)"spejjeż" tfisser tnaqqis fl-ekwità netta tal-kumpanija matul il-perjodu ta' kontabilità fil-forma ta' ħruġ jew tnaqqis fil-valur tal-assi jew fil-forma ta' rikonoxximent jew żieda fil-valur tal-obbligazzjonijiet, għajr dawk relatati ma' distribuzzjonijiet monetarji jew mhux monetarji lil azzjonisti jew sidien tal-ekwità fil-kapaċità tagħhom bħala tali.
(7)"sena tat-taxxa" tfisser sena kalendarja jew kwalunkwe perjodu xieraq ieħor għall-finijiet ta' taxxa;
(8)"profitt" tfisser eċċess ta' dħul fuq l-ispejjeż deduċibbli u elementi deduċibbli oħrajn f'sena tat-taxxa;
(9)"telf" tfisser eċċess ta' spejjeż deduċibbli u ta' elementi deduċibbli oħrajn fuq id-dħul f'sena tat-taxxa;
(10)"grupp ikkonsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja" tfisser l-entitajiet kollha li huma inklużi b'mod sħiħ fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju jew sistema nazzjonali ta' rapportar finanzjarju;
(11)"riċerka u żvilupp" tfisser xogħol sperimentali jew teoretiku magħmul primarjament sabiex jinkiseb għarfien ġdid tal-fundamenti sottostanti ta' fenomeni u fatti osservabbli, mingħajr ma tkun prevista xi applikazzjoni jew użu partikolari (riċerka bażika); investigazzjoni oriġinali mwettqa sabiex jinkiseb għarfien ġdid, iżda indirizzata primarjament lejn għan jew objettiv prattiku u speċifiku (riċerka applikata); ħidma sistematika, ibbażata fuq l-għarfien miksub minn riċerka u esperjenza prattika u li tipproduċi għarfien addizzjonali, li hija maħsuba sabiex tipproduċi prodotti jew proċessi ġodda jew sabiex ittejjeb il-prodotti jew il-proċessi eżistenti (żvilupp sperimentali);
(12)"kostijiet tas-self" tfisser l-ispejjeż tal-imgħax fuq kull tip ta' dejn, kostijiet oħra ekonomikament ekwivalenti għall-imgħax u l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-ġbir ta' finanzi, kif definiti fil-liġi nazzjonali, inklużi ħlasijiet taħt self bi dritt ta' parteċipazzjoni fil-profitti, l-imgħax imputat fuq bonds konvertibbli u bonds mingħajr kupuni, ħlasijiet taħt arranġamenti ta' finanzjament alternattivi, l-elementi tal-kost tal-finanzi ta' ħlasijiet ta' lokazzjoni finanzjarja, l-imgħax kapitalizzat inkluż fil-valur tal-karta bilanċjali ta' assi relatat, l-amortizzament tal-imgħax kapitalizzat, l-ammonti mkejla b'referenza għal redditu ta' finanzjament skont regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment, l-ammonti ta' imgħax nozzjonali skont strumenti derivattivi jew arranġamenti ta' ħħeġġjar relatati mas-self ta' entità, ir-rendiment definit fuq iż-żidiet fl-ekwità netta kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta' din id-Direttiva, ċerti profitti mill-kambju u telf fuq self u strumenti marbuta mal-ġbir tal-finanzi, tariffi ta' garanzija għall-arranġamenti ta' finanzjament, tariffi tal-arranġamenti u kostijiet simili relatati mas-self ta' fondi;
(13)"kostijiet tas-self eċċedenti" tfisser l-ammont li bih il-kostijiet tas-self deduċibbli ta' kontribwent jaqbżu d-dħul mill-imgħax taxxabbli u dħul taxxabbli ieħor li l-kontribwent jirċievi u li huma ekonomikament ekwivalenti għad-dħul mill-imgħax;
(14)"trasferiment tal-assi" tfisser operazzjoni li permezz tagħha Stat Membru jitlef id-dritt li jintaxxa l-assi ttrasferiti, filwaqt li l-assi jibqgħu taħt is-sjieda legali jew ekonomika tal-istess kontribwent;
(15)"trasferiment tar-residenza tat-taxxa" tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax residenti fi Stat Membru għall-finijiet ta' taxxa, waqt li jikseb residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;
(16)"trasferiment ta' attività eżerċitata minn stabbiliment permanenti" tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax ikollu preżenza taxxabbli fi Stat Membru waqt li jikseb tali preżenza fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz mingħajr ma jsir residenti f'dak l-Istat Membru jew f'pajjiż terz għall-finijiet ta' taxxa;]
(17)"valur għall-finijiet tat-taxxa" tfisser il-bażi għad-deprezzament ta' assi fiss jew grupp ta' assi, nieqes id-deprezzament totali mnaqqas;
(18)"valur tas-suq" tfisser l-ammont li għalih assi jista' jiġi skambjat jew l-obbligi reċiproċi jistgħu jiġu saldati bejn partijiet disposti u mhux relatati fi tranżazzjoni diretta.
(19)"assi fissi" tfisser l-assi tanġibbli miksuba għal valur jew maħluqa mill-kontribwent u l-assi intanġibbli miksuba għal valur fejn dawn ikunu kapaċi jiġu stmati b'mod indipendenti u li jintużaw fin-negozju għall-produzzjoni, għall-manutenzjoni jew għall-assigurazzjoni tal-introjtu għal aktar minn 12-il xahar, ħlief meta l-kost tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni tagħhom ikun inqas minn EUR 1 000. L-assi fissi għandhom jinkludu wkoll l-assi finanzjarji, bl-eċċezzjoni tal-assi finanzjarji miżmuma għan-negozjar skont l-Artikolu 21;
(20)"assi finanzjarji" tfisser ishma f'intrapriżi assoċjati u self lilhom imsemmija fl-Artikolu 56 ta' din id-Direttiva, interessi ta' parteċipazzjoni kif definiti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , self lil impriżi li magħhom il-kontribwent huwa marbut permezz ta' interessi ta' parteċipazzjoni, investimenti miżmuma bħala assi fissi, self ieħor u ishma proprji sal-punt li l-liġi nazzjonali tippermetti li dawn ikunu jidhru fil-karta bilanċjali;
(21)"kost tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni" tfisser l-ammont ta' flus kontanti jew ekwivalenti ta' flus imħallsa jew pagabbli jew il-valur ta' assi oħrajn mogħtija fi skambju għal jew ikkonsmati sabiex jiġi akkwistat assi tanġibbli fiss fil-ħin tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni tiegħu.
(22)"assi tanġibbli fissi ta' ħajja twila" tfisser assi tanġibbli fissi b'ħajja utli ta' 15-il sena jew aktar. Il-bini, l-inġenji tal-ajru u l-vapuri għandhom jitqiesu bħala assi tanġibbli fissi ta' ħajja twila;
(23)"assi tanġibbli fissi ta' ħajja medja" tfisser assi tanġibbli fissi li ma jikkwalifikawx bħala assi tanġibbli fissi ta' ħajja twila skont il-punt 22 u li għandhom ħajja utli ta' tmien snin jew aktar;
(24)"assi użati" tfisser assi fissi b'ħajja utli li tkun ġiet parzjalment eżawrita meta ġew akkwistati u li jkunu adatti għal użu ulterjuri fl-istat preżenti tagħhom jew wara tiswija;
(25)"ħajja utli" tfisser il-perjodu li għalih assi huwa mistenni li jkun disponibbli għall-użu jew l-għadd ta' unitajiet tal-produzzjoni jew unitajiet simili li kontribwent huwa mistenni li jikseb mill-assi;
(26)"kostijiet għat-titjib" tfisser kwalunkwe nefqa addizzjonali fuq assi fiss li sostanzjalment iżżid il-kapaċità tal-assi jew sostanzjalment ittejjeb il-funzjonament tiegħu jew li tirrappreżenta aktar minn 10 fil-mija tal-bażi inizjali għad-deprezzament tal-assi;
(27)"ħażniet u xogħol fl-idejn" tfisser l-assi għall-bejgħ, fil-proċess ta' produzzjoni għall-bejgħ jew fil-forma ta' materjali jew provvisti biex jiġu kkonsmati fil-proċess tal-produzzjoni jew fl-għoti ta' servizzi;
(28)"sid ekonomiku" tfisser il-persuna li sostanzjalment tirċievi l-benefiċċji kollha u ġġorr ir-riskji kollha marbuta ma' assi fiss, irrispettivament minn jekk dik il-persuna tkunx is-sid legali. Kontribwent li jkollu d-dritt li jippossiedi, juża u jiddisponi minn assi fiss u jġorr ir-riskju tat-telf jew tal-qerda tiegħu għandu fi kwalunkwe każ jitqies bħala s-sid ekonomiku;
(29)'impriża finanzjarja’ tfisser kwalunkwe waħda minn dawn l-entitajiet li ġejjin:
(a)istituzzjoni ta' kreditu jew impriża ta' investiment kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 , AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 , jew kumpanija maniġerjali kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 ;
(b)impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 ;
(c)impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;
(d)istituzzjoni għal provvista ta' rtirar okkupazzjonali kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva kompletament jew parzjalment għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva, jew id-delegat ta' istituzzjoni għal provvista ta' rtirar okkupazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/41/KE;
(e)istituzzjoni tal-pensjonijiet li jikkwalifikaw bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 u mir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , kif ukoll kwalunkwe entità legali mwaqqfa għall-fini ta' investiment f'dawn l-iskemi ta' pensjonijiet;
(f)AIF kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, li jiġi ġestit minn AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, jew AIF issorveljat skont il-liġi nazzjonali;
(g)UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE,
(h)CCP kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 ;
(i)depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 ;
(30)“entità” tfisser kwalunkwe arranġament legali biex jitwettaq negozju permezz ta’ kumpanija jew ta’ struttura li hija trasparenti għall-finijiet tat-taxxa;
(31)"diskrepanza ibrida" tfisser sitwazzjoni bejn kontribwent u intrapriża assoċjata jew arranġament strutturat bejn il-partijiet f'ġurisdizzjonijiet tat-taxxa differenti fejn kwalunkwe wieħed mill-eżiti li ġejjin huma attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta' strument finanzjarju jew entità finanzjarja, jew it-trattament ta' preżenza kummerċjali bħala stabbiliment permanenti:
(a)tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf mill-bażi taxxabbli jseħħ kemm fil-ġurisdizzjoni fejn il-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż ikunu saru jew it-telf jiġġarrab kif ukoll fil-ġurisdizzjoni l-oħra ("tnaqqis doppju");
(b) tnaqqis ta' pagament mill-bażi taxxabbli fil-ġurisdizzjoni fejn il-pagament għandu s-sors tiegħu mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta' taxxa tal-istess pagament fil-ġurisdizzjoni l-oħra ("tnaqqis mingħajr inklużjoni");
(c) fil-każ ta' differenzi fit-trattament ta' preżenza kummerċjali bħala stabbiliment permanenti, nontassazzjoni tal-introjtu li għandu s-sors tiegħu f'ġurisdizzjoni mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta' taxxa tal-istess introjtu fil-ġurisdizzjoni l-oħra ("nontassazzjoni mingħajr inklużjoni").
Diskrepanza ibrida tinqala' biss sal-punt li l-istess pagament imnaqqas, spejjeż magħmula jew telf imġarrab f'żewġ ġurisdizzjonijiet jaqbżu l-ammont ta' introjtu li jiġi inkluż fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet u li jista' jiġi attribwit lill-istess sors.
Diskrepanza ibrida tinkludi wkoll it-trasferiment ta’ strument finanzjarju taħt arranġament strutturat li jinvolvi lil kontribwent fejn ir-redditu sottostanti fuq l-istrument finanzjarju trasferit huwa trattat għal finijiet ta’ taxxa bħala derivat simultanjament minn aktar minn waħda mill-partijiet għall-arranġament, li huma residenti għal finijiet ta’ taxxa f’ġurisdizzjonijiet differenti, li jagħti lok għal kwalunkwe wieħed mill-eżiti li ġejjin:
(a)tnaqqis ta' pagament konness mar-redditu sottostanti mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta' taxxa ta' tali pagament, sakemm ir-redditu sottostanti ma jkunx inkluż fl-introjtu taxxabbli ta' waħda mill-partijiet involuti;
(b) kumpens mit-taxxa minn ras il-għajn fuq pagament derivat mill-istrument finanzjarju ttrasferit għal aktar minn waħda mill-partijiet involuti.
(32)“arranġament strutturat” tfisser arranġament li jinvolvi diskrepanza ibrida fejn id-diskrepanza hija pprezzata fit-termini tal-arranġament jew arranġament li tfassal biex jipproduċi eżitu ta’ diskrepanza ibrida, ħlief jekk il-kontribwent jew intrapriża assoċjata ma setgħux jiġu raġonevolment mistennija jkunu konxji tad-diskrepanza ibrida u ma kkondividewx fil-valur tal-benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta mid-diskrepanza ibrida;
(33)“liġi tat-taxxa korporattiva nazzjonali” tfisser l-istatut ta’ Stat Membru li jipprovdi għal waħda mit-taxxi elenkati fl-Anness II.
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 66 sabiex jiġu stipulati definizzjonijiet ta' aktar kunċetti.
Artikolu 5
Stabbiliment permanenti fi Stat Membru ta' kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta' taxxa fl-Unjoni
1.Kontribwent għandu jitqies li għandu stabbiliment permanenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru fejn huwa residenti għal finijiet ta' taxxa meta jkollu post fiss f'dak l-Istat Membru l-ieħor minn fejn huwa jmexxi kompletament jew parzjalment in-negozju tiegħu, inkluż b'mod partikolari:
(a)post ta' ġestjoni;
(b)fergħa;
(c)uffiċċju;
(d)fabbrika;
(e)ħanut tax-xogħol;
(f)minjiera, bir taż-żejt jew tal-gass, barriera jew kwalunkwe post ieħor ta' estrazzjoni ta' riżorsi naturali.
2.Sit tal-bini jew proġett ta' kostruzzjoni jew ta' installazzjoni għandu jikkostitwixxi stabbiliment permanenti biss jekk idum aktar minn tnax-il xahar.
3.It-terminu "stabbiliment permanenti" ma għandux jinkludi l-attivitajiet li ġejjin, diment li tali attivitajiet ikunu l-attività globali tal-post fiss tan-negozju fil-każ tal-punt (f) tkun, ta' karattru awżiljarju jew preparatorju:
(a)l-użu ta’ faċilitajiet għall-iskop uniku ta’ ħażna, wiri jew kunsinna ta’ prodotti jew merkanzija proprjetà tal-kontribwent;
(b)iż-żamma ta' ħażna ta' prodotti jew merkanzija proprjetà tal-kontribwent għall-iskop uniku ta' ħażna, wiri jew kunsinna;
(c)iż-żamma ta' ħażna ta' prodotti jew merkanzija proprjetà tal-kontribwent għall-iskop uniku tal-ipproċessar minn persuna oħra;
(d)iż-żamma ta' post fiss tan-negozju għall-iskop uniku ta' xiri ta' prodotti jew merkanzija għall-kontribwent jew ta' ġbir ta' informazzjoni għall-kontribwent;
(e)iż-żamma ta' post fiss tan-negozju għall-iskop uniku tat-twettiq ta' kwalunkwe attività oħra għall-kontribwent;
(f)iż-żamma ta' post fiss tan-negozju għall-iskop uniku ta' kwalunkwe kombinazzjoni ta' attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e);
4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, meta persuna tkun qed taġixxi fi Stat Membru f'isem kontribwent u, meta tagħmel dan, abitwalment tikkonkludi kuntratti, jew abitwalment ikollha r-rwol prinċipali li jwassal għall-konklużjoni ta' kuntratti li jiġu konklużi regolarment mingħajr ebda modifika materjali mill-kontribwent, il-kontribwent għandu jitqies li għandu stabbiliment permanenti f'dak l-Istat Membru fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa minn dik il-persuna għall-kontribwent.
Il-kuntratti taħt l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu konklużi:
(a)f'isem il-kontribwent, jew
(b)għat-trasferiment tas-sjieda ta', jew għall-għoti tad-dritt għall-użu ta' proprjetà tal-kontribwent jew li l-kontribwent għandu d-dritt li juża, jew
(c)għall-forniment ta' servizzi mill-kontribwent.
L-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx japplikaw jekk l-attivitajiet ta' dik il-persuna jkunu awżiljarji jew preparatorji kif imsemmi fil-paragrafu 3 biex b'hekk, jekk jiġu eżerċitati minn post fiss ta' negozju, ma jrendux dan il-post fiss ta' negozju fi stabbiliment permanenti skont id-dispożizzjonijiet ta' dak il-paragrafu.
5.
(a)Il-paragrafu 4 ma għandux japplika meta l-persuna li taġixxi fi Stat Membru f'isem kontribwent twettaq negozju f'dak l-Istat Membru bħala aġent indipendenti u taġixxi għall-kontribwent matul il-kors ordinarju ta' dak in-negozju. Madankollu, meta persuna taġixxi esklussivament jew kważi esklussivament f'isem kontribwent wieħed jew aktar li miegħu/magħhom hija "relatata mill-qrib", dik il-persuna ma għandhiex titqies bħala aġent indipendenti skont it-tifsira ta' dan il-paragrafu fir-rigward ta' dawn il-kontribwenti.
(b)Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, persuna hija "relatata mill-qrib" ma' kontribwent jekk wieħed ikun jippossjedi, direttament jew indirettament, dritt li jeżerċita aktar minn 50 % tad-drittijiet tal-vot fl-ieħor jew dritt ta' sjieda li jammonta għal aktar minn 50 % tal-kapital tal-ieħor jew aktar minn 50 % tad-drittijiet li jagħtu dritt għal profitt.
6.Il-fatt li kontribwent li jkun residenti għal finijiet ta' taxxa fi Stat Membru jikkontrolla, jew ikun ikkontrollat minn, kontribwent li jkun residenti għal finijiet ta' taxxa fi Stat Membru ieħor jew iwettaq negozju f'dak l-Istat Membru l-ieħor (kemm permezz ta' stabbiliment permanenti jew mod ieħor), ma għandux minnu nnifsu jfisser li kwalunkwe wieħed mill-kontribwenti huwa stabbiliment permanenti tal-ieħor.
KAPITOLU II
KALKOLAZZJONI TAL-BAŻI GĦAT-TAXXA
Artikolu 6
Prinċipji ġenerali
1.Fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa, il-profitti u t-telf għandhom jiġu rikonoxxuti biss meta jiġu rrealizzati.
2.It-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti taxxabbli għandhom jitkejlu b’mod individwali.
3.Il-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa għandha titwettaq b'mod konsistenti sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw bidla.
4.Il-bażi għat-taxxa għandha tiġi kkalkolata għal kull sena tat-taxxa sakemm ma jkunx previst mod ieħor. Sena tat-taxxa għandha tkun kwalunkwe perjodu ta’ tnax-il xahar, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.
Artikolu 7
Elementi tal-bażi għat-taxxa
Il-bażi għat-taxxa għandha tiġi kkalkolata bħala d-dħul, neqsin id-dħul eżentat, l-ispejjeż deduċibbli u elementi deduċibbli oħrajn.
Artikolu 8
Dħul eżentat
Id-dħul li ġej ma għandux jinkludi l-bażi għat-taxxa:
(a)sussidji direttament marbuta mal-akwiżizzjoni, il-kostruzzjoni jew it-titjib ta' assi fissi, li huma soġġetti għal deprezzament skont l-Artikoli 31 sa 41;
(b)ir-rikavati mid-disponiment tal-assi miġbura msemmija fl-Artikolu 37(2), inkluż il-valur tas-suq ta' rigali mhux monetarji;
(c)ir-rikavati minn disponiment tal-ishma, bil-kundizzjoni li l-kontribwent ikun żamm parteċipazzjoni minima ta' 10 % fil-kapital jew ta' 10 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanija matul it-12-il xahar ta' qabel id-disponiment, bl-eċċezzjoni tar-rikavati li jirriżultaw minn disponiment tal-ishma miżmuma għan-negozjar kif imsemmi fl-Artikolu 21(3) u tal-ishma miżmuma minn impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja skont il-punt (b) tal-Artikolu 28;
(d)id-distribuzzjonijiet tal-profitti riċevuti, bil-kundizzjoni li l-kontribwent ikun żamm parteċipazzjoni minima ta' 10 % fil-kapital jew ta' 10 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanija responsabbli mid-distribuzzjoni għal 12-il xahar konsekuttiv, bl-eċċezzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-profitti mill-ishma miżmuma għan-negozjar kif imsemmi fl-Artikolu 21(4) u d-distribuzzjonijiet tal-profitti riċevuti mill-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja skont il-punt (c) tal-Artikolu 28;
(e)l-introjtu ta' stabbiliment permanenti riċevut mill-kontribwent fl-Istat Membru fejn il-kontribwent huwa residenti għal finijiet ta' taxxa.
Artikolu 9
Spejjeż deduċibbli
1.L-ispejjeż għandhom ikunu deduċibbli biss sal-punt li jkunu saru fl-interess tal-operat dirett tal-kontribwent.
2.L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-kostijiet kollha tal-bejgħ u l-ispejjeż kollha, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli, li jkun ġarrab il-kontribwent bil-għan li jikseb jew jassigura l-introjtu, inklużi l-kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp u l-kostijiet imġarrba fil-kisba tal-ekwità jew tad-dejn għall-finijiet tan-negozju.
3.Minbarra l-ammonti li huma deduċibbli bħala kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp skont il-paragrafu 2, il-kontribwent jista' jnaqqas ukoll, għal kull sena tat-taxxa, 50 % addizzjonali ta' dawn il-kostijiet li jkun ġarrab matul dik is-sena, bl-eċċezzjoni tal-kost relatat mal-assi tanġibbli fissi mobbli. Sal-punt li l-kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp jilħqu aktar minn EUR 20 000 000, il-kontribwent jista' jnaqqas 25 % tal-ammont eċċessiv.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-kontribwent jista' jnaqqas 100 % addizzjonali mill-kostijiet tiegħu għar-riċerka u l-iżvilupp sa EUR 20 000 000 meta dak il-kontribwent ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) huwa intrapriża mhux elenkata b’inqas minn 50 impjegat u b'fatturat annwali u/jew b'total tal-karta bilanċjali annwali li ma jabiżx l-EUR 10 000 000;
(b) ma kienx irreġistrat għal aktar minn ħames snin. Jekk il-kontribwent ma jkunx soġġett għal reġistrazzjoni, il-perjodu ta' ħames snin jista' jitqies li jibda fil-mument li l-intrapriża tibda l-attività ekonomika tagħha jew inkella tkun responsabbli li tħallas it-taxxa fuqha;
(c) ma ġiex iffurmat peremezz ta’ fużjoni;
(d) ma għandu l-ebda intrapriża assoċjata.
4.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu t-tnaqqis ta' għotjiet u donazzjonijiet lil entitajiet karitatevoli.
Artikolu 10
Elementi deduċibbli oħrajn
Għandu jsir tnaqqis fir-rigward tad-deprezzament tal-assi fissi msemmija fl-Artikoli 30 sa 40.
Artikolu 11
Allowance għat-tkabbir u għall-investiment ("AGI")
1.Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "bażi ta' ekwità tal-AGI" tfisser, f'sena tat-taxxa partikolari, id-differenza bejn l-ekwità ta' kontribwent u l-valur tat-taxxa tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital tal-intrapriżi assoċjati msemmija fl-Artikolu 56.
2.Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "ekwità" tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)"kapital u riżervi", kif deskritti fl-ittra A., taħt "Kapital, riżervi u obbligazzjonijiet" fl-Anness III tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 ;
(b)"kapital u riżervi", kif deskritti fl-ittra L. fl-Anness IV tad-Direttiva 2013/34/UE;
(c)"ekwità", kif definita fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju, li huma adottati u użati fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 .
3.Ammont ugwali għar-rendiment definit fuq iż-żidiet fil-bażi ta' ekwità tal-AGI għandu jkun deduċibbli mill-bażi taxxabbli ta' kontribwent skont il-paragrafi 1 sa 6. Jekk ikun hemm tnaqqis fil-bażi tal-ekwità ta' AGI, għandu jsir taxxabbli ammont ugwali għar-rendiment definit fuq it-tnaqqis fil-bażi ta' ekwità tal-AGI.
4.Iż-żidiet jew it-tnaqqis fil-bażi ta' ekwità tal-AGI għandhom jiġu kkalkolati, għall-ewwel għaxar snin tat-taxxa li matulhom kontribwent ikun soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva, bħala d-differenza bejn il-bażi tal-ekwita ta' AGI tiegħu fit-tmiem tas-sena tat-taxxa rilevanti u l-bażi ta' ekwità tal-AGI tiegħu fl-ewwel jum tal-ewwel sena tat-taxxa skont ir-regoli ta' din id-Direttiva. Wara l-ewwel għaxar snin tat-taxxa, ir-referenza għall-ammont tal-bażi tal-ekwità ta' AGI li għandu jkun deduċibbli kontra l-bażi ta' ekwità tal-AGI fit-tmiem tas-sena tat-taxxa rilevanti għandha kull sena tkun imċaqilqa 'l quddiem b'sena tat-taxxa waħda.
5.Ir-rendiment definit imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun daqs ir-rendiment tal-bond ta' referenza tal-gvern ta' 10 snin fiż-żona euro f'Diċembru tas-sena li tiġi qabel is-sena tat-taxxa rilevanti, kif ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew, miżjud bi primjum fuq ir-riskju ta’ żewġ punti perċentwali. Għandu japplika limitu minimu ta' tnejn fil-mija meta l-kurva tar-rendiment annwali tkun negattiva.
6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 66 sabiex tistabbilixxi regoli aktar dettaljati kontra l-evitar tat-taxxa u, b'mod aktar partikolari, fl-oqsma li ġejjin rilevanti għall-AGI:
(a)self intragrupp u self li jinvolvi intrapriżi assoċjati;
(b)kontribuzzjonijiet fi flus u kontribuzzjonijiet in natura;
(c)trasferimenti ta' parteċipazzjonijiet;
(d)il-kategorizzazzjoni mill-ġdid ta' kapital antik bħala kapital ġdid permezz ta' likwidazzjonijiet u l-ħolqien ta' negozji ġodda;
(e)il-ħolqien ta' sussidjarji;
(f)l-akkwiżizzjonijiet ta' negozji miżmuma minn intrapriżi assoċjati;
(g)strutturi li jagħtu lok għal vantaġġ doppju ("double-dipping") li jikkombinaw id-deduċibbiltà tal-imgħax u t-tnaqqis skont l-AGI;
(h)żidiet fl-ammont ta' riċevibbli tal-finanzjament tas-self lejn intrapriżi assoċjati mqabbla mal-ammont ta' dawn ir-riċevibbli fid-data ta' referenza.
Artikolu 12
Elementi mhux deduċibbli
B'deroga mill-Artikoli 9 u 10, l-elementi li ġejjin ma għandhomx ikunu deduċibbli:
(a)id-distribuzzjonijiet tal-profitti u l-ħlas lura ta' ekwità jew dejn;
(b)50 % tal-kostijiet għad-divertiment, sa ammont li ma jaqbiżx [x] % tad-dħul fis-sena tat-taxxa;
(c)it-trasferiment tal-qligħ miżmum għal riżerva li tifforma parti mill-ekwità tal-kumpanija;
(d)it-taxxa korporattiva u taxxi simili fuq il-profitti;
(e)tixħim u ħlasijiet illegali oħrajn;
(f)multi u penali, inklużi miżati għal ħlas tard, li huma dovuti lil awtorità pubblika għall-ksur ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni;
(g)l-ispejjeż magħmula minn kumpanija bil-għan li tikseb introjtu li jkun eżentat skont il-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 8;
(h)għotjiet u donazzjonijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 9(4);
(i)il-kostijiet tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni jew il-kost relatat mat-titjib tal-assi fissi li huma deduċibbli skont l-Artikoli 10 u 18, ħlief għall-kost relatat mar-riċerka u l-iżvilupp. Il-kostijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(1) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 33(2) ma għandhomx jiġu ttrattati bħala kostijiet relatati mar-riċerka u l-iżvilupp;
(j)it-telf magħmul minn stabbiliment permanenti f'pajjiż terz.
Artikolu 13
Regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax
1.Il-kostijiet tas-self għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu sal-ammont tal-imgħax jew ta' dħul taxxabbli ieħor minn assi finanzjarji riċevuti mill-kontribwent.
2.Il-kostijiet tas-self eċċedenti għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu fis-sena tat-taxxa li fiha jiġġarrbu għal massimu ta' 30 % tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament ('EBITDA') jew għal ammont massimu ta' EUR 3 000 000, skont liema minnhom ikun l-ogħla.
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, meta kontribwent ikun permess jew mitlub li jaġixxi f'isem grupp, kif definit fir-regoli ta' sistema nazzjonali ta' tassazzjoni ta' gruppi, il-grupp kollu għandu jiġi ttrattat bħala kontribwent. F'dawk iċ-ċirkostanzi, il-kostijiet tas-self eċċedenti u l-EBITDA għandhom jiġu kkalkolati għall-grupp kollu. L-ammont ta' EUR 3 000 000 għandu jiġi kkunsidrat ukoll għall-grupp kollu.
3.L-EBITDA għandu jiġi kkalkolat billi jiżdiedu lura mal-bażi għat-taxxa tal-kontribwent l-ammonti aġġustati tat-taxxa għall-kostijiet tas-self eċċedenti, kif ukoll l-ammonti aġġustati tat-taxxa għad-deprezzament u l-amortizzament. Id-dħul eżentat mit-taxxa għandu jiġi eskluż mill-EBITDA ta' kontribwent.
4.B'deroga mill-paragrafu 2, kontribwent li jikkwalifika bħala kumpanija awtonoma għandu jkun intitolat li jnaqqas b'mod sħiħ il-kostijiet tas-self eċċedenti tiegħu. Kumpanija awtonoma tfisser kontribwent li mhuwiex parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja u li ma għandux intrapriżi assoċjati jew stabbilimenti permanenti.
5.B'deroga mill-paragrafu 2, il-kostijiet tas-self eċċedenti għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu b'mod sħiħ jekk jiġġarrbu fuq:
(a)self konkluż qabel [id-data tal-ftehim politiku dwar din id-direttiva], bl-esklużjoni ta' kwalunkwe modifiki sussegwenti ta' tali self;
(b)self li jintuża biex jiffinanzja proġetti ta' infrastruttura pubbliċi fit-tul, fejn l-operatur tal-proġett, il-kostijiet tas-self, l-assi u l-introjtu jkunu kollha fl-Unjoni.
Għall-finijiet tal-punt (b), proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul għandu jfisser proġett li jipprovdi, itejjeb, jopera jew iżomm assi fuq skala kbira li Stat Membru jqis li huwa fl-interess pubbliku ġenerali.
Fejn japplika l-punt (b), kwalunkwe introjtu li jirriżulta minn proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul għandu jiġi eskluż mill-EBITDA tal-kontribwent.
6.Il-kostijiet tas-self eċċedenti li ma jistgħux jitnaqqsu f'sena tat-taxxa partikolari għandhom jiġu riportati mingħajr ebda limitazzjoni ta' żmien.
7.Il-paragrafi 1 sa 6 ma għandhomx japplikaw għall-impriżi finanzjarji, inklużi dawk li huma parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja.
Artikolu 14
Nefqa magħmula għall-benefiċċju tal-azzjonisti, tal-qraba diretti ta' dawk l-azzjonisti jew tal-intrapriżi assoċjati
Il-benefiċċji mogħtija lil azzjonist li huwa individwu, lill-konjugi tiegħu, lill-axxendenti jew id-dixxendenti diretti tiegħu jew mogħtija lil intrapriża assoċjata kif imsemmija fl-Artikolu 56, ma għandhomx jiġu ttrattati bħala spejjeż deduċibbli meta tali benefiċċji ma jingħatawx lil parti terza indipendenti.
KAPITOLU III
TWAQQIT U KWANTIFIKAZZJONI
Artikolu 15
Prinċipji ġenerali
Id-dħul u l-ispejjeż, kif ukoll l-elementi deduċibbli l-oħrajn kollha, għandhom jiġu rikonoxxuti fis-sena tat-taxxa li fiha jakkumulaw jew jiġġarrbu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'din id-Direttiva.
Artikolu 16
Akkumulazzjoni tad-dħul
1.Id-dħul għandu jakkumula fil-mument li jirriżulta d-dritt li dan jiġi riċevut u jista' jitkejjel b'mod affidabbli, irrispettivament minn jekk l-ammonti rilevanti jkunux effettivament imħallsin.
2.Id-dħul li jirriżulta mill-kummerċ f'merkanzija għandu jitqies bħala li akkumula skont il-paragrafu 1 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-kontribwent ikun ittrasferixxa lix-xerrej is-sjieda tal-merkanzija mibjugħa;
(b)il-kontribwent ma jżommx kontroll effettiv fuq l-oġġetti mibjugħin;
(c)l-ammont tad-dħul ikun jista' jitkejjel b'mod affidabbli;
(d)ikun probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi assoċjati mat-tranżazzjoni jgħaddu għand il-kontribwent;
(e)il-kostijiet imġarrba jew li jkunu se jiġġarrbu fir-rigward tat-tranżazzjoni jkunu jistgħu jitkejlu b'mod affidabbli.
3.Id-dħul li jirriżulta mill-provvista tas-servizzi għandu jitqies bħala li akkumula sal-punt li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti u meta jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-ammont tad-dħul ikun jista' jitkejjel b'mod affidabbli;
(b)ikun probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi assoċjati mat-tranżazzjoni jgħaddu għand il-fornitur;
(c)l-istadju tat-tlestija tat-tranżazzjoni fl-aħħar tas-sena tat-taxxa jkun jista' jitkejjel b'mod affidabbli;
(d)il-kostijiet imġarrba jew li jkunu se jiġġarrbu fir-rigward tat-tranżazzjoni jkunu jistgħu jitkejlu b'mod affidabbli.
Meta l-kriterji stabbiliti fil-punti (a) sa (d) ma jiġux issodisfati, id-dħul li jirriżulta mill-provvista tas-servizzi għandu jitqies bħala li akkumula biss sal-punt li jkun jista' jitqabbel mal-ispejjeż deduċibbli.
4.Meta d-dħul jirriżulta minn ħlasijiet lill-kontribwent li jkunu skedati li jitwettqu f'diversi stadji, id-dħul għandu jitqies bħala li akkumula meta jkun dovut kull wieħed mill-ħlasijiet parzjali individwali.
Artikolu 17
Tiġrib ta’ spejjeż deduċibbli
L-ispejjeż deduċibbli jiġġarrbu fil-mument li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ikun inħoloq l-obbligu li jsir il-ħlas; meta spiża tkun tikkonsisti fi ħlasijiet mill-kontribwent f'diversi stadji, l-obbligu li jsir ħlas għandu jinħoloq meta jsir dovut kull wieħed mill-ħlasijiet parzjali individwali;
(b)l-ammont tal-obbligu jkun jista' jiġi kwantifikat bi preċiżjoni raġonevoli;
(c)fil-każ ta’ kummerċ fi prodotti, ir-riskji u l-vantaġġi sinifikanti tas-sjieda fuq il-prodotti jkunu ġew trasferiti lill-kontribwent u, fil-każ tal-fornimenti ta’ servizzi, dawn tal-aħħar ikun irċevihom il-kontribwent.
Artikolu 18
Kostijiet relatati ma' assi mhux deprezzabbli
Il-kostijiet tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni tal-assi tanġibbli fissi msemmija fl-Artikolu 38, jew il-kostijiet għat-titjib ta' dawk l-assi, għandhom ikunu deduċibbli fis-sena tat-taxxa li fiha jsir id-disponiment ta' dawk l-assi, bil-kundizzjoni li r-rikavati tad-disponiment jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa.
Artikolu 19
Kejl tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn
1.L-ammont totali ta' spejjeż deduċibbli għal sena tat-taxxa għandu jiġi miżjud bil-valur tal-ħażniet u x-xogħol fl-idejn fil-bidu tas-sena tat-taxxa u jitnaqqas bil-valur tal-ħażniet u x-xogħol fl-idejn fit-tmiem tal-istess sena tat-taxxa, bl-eċċezzjoni tal-ħażniet u x-xogħol fl-idejn b'rabta mal-kuntratti fit-tul imsemmija fl-Artikolu 22.
2.Il-kostijiet tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn għandhom jitkejlu b’mod konsistenti bl-użu tal-metodu fejn joħroġ li daħal l-ewwel, metodu fejn joħroġ li daħal l-aħħar jew tal-metodu tal-kost medju ponderat.
3.Il-kost tal-ħażniet u x-xogħol fl-idejn li jinvolvu elementi li ma jkunux ordinarjament interkambjabbli u prodotti jew servizzi li jkunu manifatturati jew fornuti, rispettivament, u separati għal proġetti speċifiċi, għandu jitkejjel b'mod individwali.
Artikolu 20
Valwazzjoni
1.Il-bażi għat-taxxa għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin.
(a)il-kunsiderazzjoni monetarja għat-tranżazzjoni, bħall-prezz tal-prodotti mibjugħa jew tas-servizzi pprovduti;
(b)il-valur tas-suq, meta l-kunsiderazzjoni għat-tranżazzjoni tkun kompletament jew parzjalment mhux monetarja;
(c)il-valur tas-suq, fil-każ ta' rigal mhux monetarju;
(d)il-valur tas-suq tal-assi u l-obbligi finanzjarji miżmuma għan-negozjar.
2.Il-bażi għat-taxxa, inklużi d-dħul u l-ispejjeż, għandhom jiġu espressi f'EUR matul is-sena tat-taxxa jew fl-aħħar jum tas-sena tat-taxxa, bir-rata medja annwali tal-kambju għas-sena kalendarja maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew jew, jekk is-sena tat-taxxa ma tkunx tikkoinċidi mas-sena kalendarja, bil-medja tal-osservazzjonijiet ta' kuljum maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew matul is-sena tat-taxxa.
3.Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal kontribwent fi Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro (EUR).
Artikolu 21
Assi u obbligi finanzjarji miżmuma għan-negozjar (portafoll tan-negozjar)
1.Assi jew obbligu finanzjarju għandu jiġi ttrattat bħala miżmum għan-negozjar jekk ikun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)jiġi akkwistat jew imġarrab primarjament għall-iskop tal-bejgħ jew tax-xiri mill-ġdid tiegħu f’perjodu qasir;
(b)ikun parti minn portafoll ta' strumenti finanzjarji identifikati, inklużi derivattivi, li jkunu ġestiti flimkien u li għalihom ikun hemm evidenza ta' mudell attwali riċenti ta' teħid tal-profitti fuq perjodu qasir.
2.B'deroga mill-Artikoli 16 u 17, kwalunkwe differenzi bejn il-valur tas-suq tal-assi jew tal-obbligi finanzjarji miżmuma għan-negozjar, ikkalkolati fil-bidu ta' sena tat-taxxa jew fid-data tax-xiri, jekk din tkun aktar tard, u l-valur tas-suq tagħhom ikkalkolat fi tmiem l-istess sena tat-taxxa, għandhom jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa ta' dik is-sena tat-taxxa.
3.Ir-rikavat ta' assi jew obbligu finanzjarju miżmum għan-negozjar li jsir disponiment tiegħu għandu jiġi miżjud mal-bażi għat-taxxa. Il-valur tas-suq ta' dak l-assi jew l-obbligu fil-bidu tas-sena tat-taxxa jew fid-data tax-xiri, jekk din tkun aktar tard, għandu jitnaqqas mill-bażi għat-taxxa.
4.Meta jiġu riċevuti distribuzzjonijiet tal-profitt fir-rigward ta' parteċipazzjoni miżmuma għan-negozjar, l-eżenzjoni mill-bażi għat-taxxa msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 8 ma għandhiex tapplika.
5.B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 8, kwalunkwe differenza bejn il-valur tas-suq ta' assi jew obbligu finanzjarju mhux aktar miżmum għan-negozjar, iżda li għadu miżmum bħala assi fiss, ikkalkolat fil-bidu ta' sena tat-taxxa jew fid-data tax-xiri, jekk din tkun aktar tard, u l-valur tas-suq tiegħu kkalkolat fi tmiem l-istess sena tat-taxxa, għandhom jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa ta' dik is-sena tat-taxxa.
B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 8, kwalunkwe differenza bejn il-valur tas-suq ta' assi jew obbligu finanzjarju mhux aktar miżmum bħala assi fiss, iżda li għadu miżmum għan-negozjar, ikkalkolat fil-bidu ta' sena tat-taxxa jew fid-data tax-xiri, jekk din tkun aktar tard, u l-valur tas-suq tiegħu kkalkolat fi tmiem l-istess sena tat-taxxa, għandhom jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa ta' dik is-sena tat-taxxa.
Il-valur tas-suq ta' assi jew obbligu finanzjarju fi tmiem is-sena tat-taxxa li matulha saret it-tranżizzjoni minn assi fiss għal assi jew obbligu miżmum għan-negozjar u viċi versa għandu jkun ukoll il-valur tas-suq tiegħu fil-bidu tas-sena wara t-tranżizzjoni.
6.Il-perjodu msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 8 għandu jibda jew jiġi interrott meta l-assi jew l-obbligu finanzjarju ma jibqax miżmum għan-negozjar jew ma jibqax assi fiss.
Artikolu 22
Kuntratti fit-tul
1.Kuntratt fit-tul huwa wieħed li jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ikun konkluż għall-iskop ta' manifattura, installazzjoni jew kostruzzjoni, jew għat-twettiq ta' servizzi;
(b)it-terminu tiegħu jaqbeż, jew ikun mistenni li jaqbeż, 12-il xahar.
2.B'deroga mill-Artikolu 16, id-dħul relatat ma' kuntratt fit-tul għandu jitqies bħala li kien akkumulat għall-ammont li jikkorrispondi għall-parti tal-kuntratt fit-tul li tkun tlestiet fis-sena tat-taxxa rilevanti. Il-perċentwal tat-tlestija tal-kuntratt fit-tul għandu jiġi ddeterminat b'referenza għall-proporzjon tal-kostijiet ta' dik is-sena għall-istima tal-kostijiet globali.
3.Il-kostijiet relatati ma' kuntratti fit-tul għandhom jitnaqqsu fis-sena tat-taxxa li fiha jiġġarrbu.
Artikolu 23
Provvedimenti
1.B'deroga mill-Artikolu 17, meta fl-aħħar ta' sena tat-taxxa jiġi stabbilit li l-kontribwent ikollu obbligu ġuridiku, jew obbligu ġuridiku probabbli futur, li jirriżulta minn attivitajiet jew tranżazzjonijiet imwettqa f'dik is-sena tat-taxxa, jew fi snin tat-taxxa preċedenti, kwalunkwe ammont li jirriżulta minn dak l-obbligu li jista' jiġi stmat b'mod affidabbli għandu jkun deduċibbli, bil-kundizzjoni li s-saldu eventwali tal-ammont ikun mistenni li jirriżulta fi spiża deduċibbli.
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, obbligu ġuridiku jista' jiġi minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)kuntratt;
(b)leġiżlazzjoni;
(c)att amministrattiv ta' natura ġenerali jew indirizzat lil kontribwent speċifiku;
(d)operazzjoni oħra tal-liġi.
Meta l-obbligu jirrigwarda attività jew tranżazzjoni li tkun se tissokta matul is-snin tat-taxxa futuri, il-provvediment għandu jinfirex b'mod proporzjonat fuq id-durata stmata tal-attività jew tat-tranżazzjoni.
Il-provvedimenti taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu riveduti u aġġustati fl-aħħar ta' kull sena tat-taxxa. Fil-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa fis-snin tat-taxxa futuri, għandu jittieħed kont tal-ammonti li diġà tnaqqsu skont dan l-Artikolu.
2.Ammont stmat b'mod affidabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun in-nefqa mistennija meħtieġa sabiex jiġi saldat l-obbligu ġuridiku preżenti fit-tmiem tas-sena tat-taxxa, bil-kundizzjoni li l-istima tkun ibbażata fuq il-fatturi kollha rilevanti, inkluża l-esperjenza tal-passat tal-kumpanija, tal-grupp jew tal-industrija. Fl-istima tal-ammont ta' provvediment, japplika dan li ġej:
(a)għandu jittieħed kont tar-riskji u l-inċertezzi kollha, iżda l-inċertezza ma għandhiex tiġġustifika l-ħolqien ta' provvedimenti eċċessivi;
(b)jekk it-terminu tal-provvediment ikun ta' 12-il xahar jew aktar u ma jkun hemm l-ebda rata maqbula ta’ skont, il-provvediment għandu jitnaqqas bil-medja annwali tal-Euro Interbank Offered Rate (Euribor) għal obbligazzjonijiet b’maturità ta’ 12-il xahar, kif ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, fis-sena kalendarja li matulha tintemm is-sena tat-taxxa;
(c)l-avvenimenti futuri għandhom jitqiesu meta jkunu raġonevolment mistennija li jseħħu;
(d)għandhom jitqiesu benefiċċji futuri direttament marbuta mal-avveniment li jwassal għall-provvediment.
3.Il-provvedimenti ma għandhomx jitnaqqsu għal dawn li ġejjin:
(a)telf kontinġenti;
(b)żidiet fil-kostijiet futuri.
Artikolu 24
Pensjonijiet
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu t-tnaqqis tal-provvedimenti tal-pensjonijiet.
Artikolu 25
Tnaqqis tad-dejn mitluf
1.Għandu jiġi permess tnaqqis għal riċevibbli ta’ dejn mitluf meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)fit-tmiem tas-sena tat-taxxa, il-kontribwent ikun ħa l-passi raġonevoli kollha, kif deskritti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sabiex jeffettwa l-ħlas u huwa probabbli li d-dejn ma jiġix issodisfat kompletament jew parzjalment, jew il-kontribwent ikollu għadd kbir ta' riċevibbli omoġenji li kollha jirriżultaw mill-istess settur tal-attività ta' negozju u jkun jista' jikkalkula b'mod affidabbli l-ammont tad-dejn mitluf riċevibbli fuq bażi ta' perċentwali, bil-kundizzjoni li l-valur ta' kull riċevibbli omoġenju jkun aktar baxx minn 0.1 % tal-valur tar-riċevibbli omoġenji kollha. Sabiex jasal għal stima affidabbli, il-kontribwent għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, inkluża l-esperjenza tal-passat;
(b)id-debitur ma għandu ebda relazzjoni mal-kontribwent kif imsemmi fl-Artikolu 3, filwaqt li d-debitur u l-kontribwent mhumiex intrapriżi assoċjati kif imsemmija fl-Artikolu 56. Jekk id-debitur ikun individwu, id-debitur, il-konjugi tiegħu jew l-axxendenti jew id-dixxendenti diretti tiegħu ma għandhomx jipparteċipaw fil-ġestjoni jew fil-kontroll tal-kontribwent, jew inkella direttament jew indirettament fil-kapital tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 56;
(c)ma jkun intalab l-ebda tnaqqis skont l-Artikolu 39 fir-rigward tad-dejn mitluf;
(d)fejn id-dejn mitluf ikun relatat ma' riċevibbli tan-negozju, ammont korrispondenti għad-dejn għandu jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa bħala dħul.
2.Sabiex jiġi ddeterminat jekk itteħdux il-passi raġonevoli kollha sabiex isir il-ħlas, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-elementi elenkati fil-punti (a) sa (e), diment li jkunu bbażati fuq evidenza oġġettiva:
(a)jekk il-kostijiet tal-ġbir ikunux sproporzjonati mad-dejn;
(b)jekk ikunx hemm xi prospett ta’ ġbir b’suċċess;
(c)jekk ikunx raġonevoli, fiċ-ċirkostanzi, li wieħed jistenna li l-kontribwent jagħmel il-ġbir;
(d)iż-żmien li jkun għadda wara d-data ta' maturità tal-obbligu;
(e)jekk id-debitur ikunx ġie ddikjarat bħala insolventi, jekk inbdietx azzjoni legali jew jekk kienx involut kollettur tad-dejn.
3.Meta talba preċedentement imnaqqsa bħala dejn mitluf tiġi saldata, l-ammont irkuprat għandu jiżdied mal-bażi għat-taxxa fis-sena tas-saldu.
Artikolu 26
Iħħeġġjar
1.Il-qligħ u t-telf fuq strument għall-iħħeġġjar, li jirriżultaw minn valwazzjoni jew atti ta' disponiment, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-qligħ u t-telf korrispondenti fuq l-entrata ħħeġġjata. Ikun hemm relazzjoni ta' ħħeġġjar meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ir-relazzjoni tal-iħħeġġjar tintgħażel u tiġi ddokumentata b'mod formali minn qabel;
(b)il-ħeġġ mistenni jkun effettiv ħafna u l-effettività tista' titkejjel b'mod affidabbli.
2.Meta r-relazzjoni tal-iħħeġġjar tiġi interrotta jew strument finanzjarju diġà miżmum sussegwentement ikun ittrattat bħala strument għall-iħħeġġjar, li jwassal għat-tranżizzjoni tiegħu għal sistema tat-taxxa differenti, kwalunkwe differenza bejn il-valur ġdid tal-istrument għall-iħħeġġjar, li jrid jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 20 fit-tmiem tas-sena tat-taxxa, u l-valur tas-suq fil-bidu tal-istess sena tat-taxxa għandha tiġi inkluża fil-bażi għat-taxxa.
Il-valur tas-suq tal-istrument għall-iħħeġġjar fit-tmiem tas-sena tat-taxxa, li matulha dak l-istrument kien soġġett għal tranżizzjoni għal sistema tat-taxxa differenti, għandu jikkoinċidi mal-valur tas-suq tiegħu fil-bidu tas-sena wara dik it-tranżizzjoni.
Artikolu 27
Valwazzjoni tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn
1.Kontribwent għandu konsistentement juża l-istess metodu għall-valwazzjoni tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn kollha li jkollhom natura u użu simili.
Il-kost tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn għandu jinkludi il-kostijiet kollha tax-xiri, il-kostijiet diretti tal-konverżjoni u kostijiet diretti oħrajn li jsiru sabiex jitwasslu fil-post u l-kundizzjoni li fiha jinstabu fis-sena tat-taxxa rilevanti.
Il-kostijiet għandhom ikunu netti mit-taxxa fuq il-valur miżjud deduċibbli.
Kontribwent li jkun inkluda kostijiet indiretti fil-valwazzjoni tal-ħażniet u tax-xogħol fl-idejn qabel sar soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva jista' jkompli japplika l-approċċ tal-kost indirett.
2.Il-ħażniet u x-xogħol fl-idejn għandhom jiġu valutati fl-aħħar jum tas-sena tat-taxxa skont l-inqas mill-kost u l-valur nett realizzabbli.
Il-valur nett realizzabbli huwa l-prezz stmat tal-bejgħ matul il-kors ordinarju tan-negozju, tnaqqas minnu l-kostijiet stmati tat-tlestija u l-kostijiet stmati li huma meħtieġa sabiex isir il-bejgħ.
Artikolu 28
Impriżi tal-assigurazzjoni
L-impriżi tal-assigurazzjoni li huma awtorizzati sabiex joperaw fi Stat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE 26 għall-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 għall-assigurazzjoni tal-ħajja u d-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 għar-riassigurazzjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-regoli addizzjonali li ġejjin:
(a)il-bażi għat-taxxa għandha tinkludi d-differenza fil-valur tas-suq, kif imkejjel fil-bidu u fit-tmiem tal-istess sena tat-taxxa, jew mat-tlestija tax-xiri, jekk tkun aktar tard, tal-assi li fihom isir investiment għall-benefiċċju tad-detenturi ta' polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja li jġorru r-riskju tal-investiment u li jinżammu minn impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja;
(b)il-bażi għat-taxxa għandha tinkludi d-differenza fil-valur tas-suq, kif imkejjel fil-ħin tad-disponiment u fil-bidu tas-sena tat-taxxa, jew mat-tlestija tax-xiri, jekk tkun aktar tard, tal-assi li fihom isir investiment għall-benefiċċju tad-detenturi ta' polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja li jġorru r-riskju tal-investiment u li jinżammu minn impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja;
(c)il-bażi għat-taxxa għandha tinkludi d-distribuzzjonijiet tal-profitt riċevuti mill-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja;
(d)il-provvedimenti tekniċi tal-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE 29 għandhom ikunu deduċibbli, bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti ta' ugwalizzazzjoni. Stat Membru jista’ jipprovdi għat-tnaqqis tal-provvedimenti ta’ ugwalizzazzjoni. L-ammonti mnaqqsa għandhom jiġu riveduti u aġġustati fit-tmiem ta' kull sena tat-taxxa. L-ammonti diġà mnaqqsin għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni meta tiġi kkalkolata l-bażi għat-taxxa fis-snin li ġejjin.
Artikolu 29
Tassazzjoni tal-ħruġ
1.Ammont ugwali għall-valur tas-suq tal-assi ttrasferiti, fil-ħin tal-ħruġ tal-assi, nieqes il-valur tagħhom għall-finijiet tat-taxxa, għandu jiġi ttrattat bħala dħul akkumulat fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a)meta kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;
(b)meta kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, sal-punt li, minħabba t-trasferiment, l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma jibqax ikollu d-dritt li jintaxxa l-assi ttrasferiti;
(c)meta kontribwent jittrasferixxi r-residenza tat-taxxa tiegħu lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż terz, ħlief għal dawk l-assi li jibqgħu effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti fl-ewwel Stat Membru;
(d)meta kontribwent jittrasferixxi n-negozju mwettaq mill-istabbiliment permanenti tiegħu minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor jew għal pajjiż terz, sal-punt li, minħabba t-trasferiment, l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma jibqax ikollu d-dritt li jintaxxa l-assi ttrasferiti.
2.L-Istat Membru li lejh jiġu ttrasferiti l-assi, ir-residenza tat-taxxa jew in-negozju mwettaq minn stabbiliment permanenti għandu jaċċetta l-valur stabbilit mill-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti bħala l-valur inizjali tal-assi għal finijiet ta' taxxa.
3.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għat-trasferimenti tal-assi relatati mal-finanzjament tat-titoli, l-assi mqiegħda bħala kollateral jew meta t-trasferiment tal-assi jseħħ sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kapitali prudenzjali jew għall-fini tal-ġestjoni tal-likwidità meta dawk l-assi jkunu mistennija jmorru lura għand l-Istat Membru tat-trasferent f'perjodu ta' 12-il xahar.
KAPITOLU IV
DEPREZZAMENT TAL-ASSI FISSI
Artikolu 30
Reġistru tal-assi fissi
1.Il-kostijiet tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni jew il-kostijiet għat-titjib, flimkien mad-data rilevanti, għandhom jiġu rreġistrati separatament f'reġistru tal-assi fissi għal kull assi fiss.
2.Meta jsir id-disponiment ta' assi fiss, id-dettalji tad-disponiment, inkluża d-data tad-disponiment, u kwalunkwe rikavat jew kumpens riċevut b'riżultat tad-disponiment, għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-assi fissi.
3.Ir-reġistru tal-assi fissi għandu jinżamm b'mod li jipprovdi biżżejjed informazzjoni, inkluża dejta dwar id-deprezzament, sabiex tiġi kkalkolata l-bażi għat-taxxa.
Artikolu 31
Bażi għad-deprezzament
1.Il-bażi għad-deprezzament għandha tinkludi l-kostijiet direttament marbuta mal-akwiżizzjoni, mal-kostruzzjoni jew mat-titjib ta' assi fiss. Dawk il-kostijiet ma għandhomx jinkludu t-taxxa deduċibbli fuq il-valur miżjud. Il-kostijiet tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni jew il-kostijiet għat-titjib ta' assi fiss ma għandhomx jinkludu l-imgħax.
2.Il-bażi għad-deprezzament ta’ assi riċevut bħala rigal għandha tkun il-valur tas-suq tiegħu kif inkluż fid-dħul.
3.Il-bażi għad-deprezzament ta’ assi fiss soġġett għad-deprezzament għandha tonqos billi jitnaqqas l-ammont ta' kwalunkwe sussidju pubbliku marbut direttament mal-akwiżizzjoni, mal-kostruzzjoni jew mat-titjib tal-assi, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8.
4.Id-deprezzament tal-assi fissi li mhumiex disponibbli għall-użu ma għandux jittieħed f'kunsiderazzjoni.
Artikolu 32
Dritt għad-deprezzament
1.Soġġett għall-paragrafu 3, id-deprezzament għandu jitnaqqas mis-sid ekonomiku.
2.Fil-każ ta' kuntratti ta' kiri li fihom is-sjieda ekonomika u legali ma jkunux jikkoinċidu, is-sid ekonomiku għandu jkollu d-dritt li jnaqqas l-element ta' imgħax tal-ħlasijiet tal-lokazzjoni mill-bażi għat-taxxa tiegħu, sakemm dak l-element ma jkunx inkluż fil-bażi għat-taxxa tas-sid legali.
3.Jekk is-sid ekonomiku ta' assi ma jkunx jista' jiġi identifikat, is-sid legali għandu jkollu d-dritt li jnaqqas id-deprezzament. F'dak il-każ, kemm l-element ta' imgħax kif ukoll dak ta' kapital tal-ħlasijiet tal-kiri għandhom jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa tas-sid legali u jkunu jistgħu jitnaqqsu mil-lokatarju.
4.Assi fiss ma jistax jiġi deprezzat minn aktar minn kontribwent wieħed fl-istess ħin, sakemm is-sjieda legali jew is-sjieda ekonomika ma tkunx kondiviża bejn aktar kontribwenti.
5.Kontribwent ma jistax iċedi d-dritt għad-deprezzament.
6.Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 66 dwar:
(a)id-definizzjoni tas-sjieda legali u ekonomika, b'mod partikolari fir-rigward tal-assi lokati;
(b)il-kalkolazzjoni tal-elementi ta' kapital u ta' imgħax tal-ħlasijiet tal-lokazzjoni;
(c)il-kalkolazzjoni tal-bażi għad-deprezzament ta' assi lokat.
Artikolu 33
Assi deprezzabbli b’mod individwali
1.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u l-Artikoli 37 u 38, l-assi fissi għandhom jiġu deprezzati b'mod individwali fuq il-ħajja utli tagħhom fuq bażi lineari. Il-ħajja utli ta' assi fiss għandha tiġi ddeterminata kif ġej:
(a)bini kummerċjali, ta' uffiċini u bini ieħor, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' proprjetà immobbli li tintuża għan-negozju, bl-eċċezzjoni ta' bini u strutturi industrijali: 40 sena;
(b)bini u strutturi industrijali: 25 sena;
(c)assi tanġibbli fissi b'ħajja twila, għajr l-assi msemmija fil-punti (a) u (b): 15-il sena;
(d)assi tanġibbli fissi ta' ħajja medja: 8 snin;
(e)assi intanġibbli fissi: il-perjodu li matulu l-assi jgawdi minn protezzjoni legali jew li għalih ikun ingħata d-dritt jew, jekk dak il-perjodu ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, 15-il sena;
2.Il-bini u tipi oħrajn ta' proprjetà immobbli użati, l-assi tanġibbli fissi ta' ħajja twila użati, l-assi tanġibbli fissi ta' ħajja medja użati u l-assi intanġibbli fissi użati għandhom jiġu deprezzati skont ir-regoli li ġejjin:
(a)bini kummerċjali, ta' uffiċini u bini ieħor użat, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' proprjetà immobbli li tintuża għan-negozju, bl-eċċezzjoni ta' bini u strutturi industrijali: 40 sena, sakemm il-kontribwent ma jurix li l-ħajja utli stmata li jkun fadal tal-assi tkun iqsar minn 40 sena, f'liema każ huwa għandu jiġi deprezzat fuq dak il-perjodu iqsar.
(b)bini u strutturi industrijali użati: 25 sena, sakemm il-kontribwent ma jurix li l-ħajja utli stmata li jkun fadal tal-assi tkun iqsar minn 25 sena, f'liema każ huwa għandu jiġi deprezzat fuq dak il-perjodu iqsar;
(c)assi tanġibbli fissi ta' ħajja twila użati, għajr l-assi msemmija fil-punti (a) u (b): 15-il sena, sakemm il-kontribwent ma jurix li l-ħajja utli stmata li jkun fadal tal-assi tkun iqsar minn 15-il sena, f'liema każ huwa għandu jiġi deprezzat fuq dak il-perjodu iqsar;
(d)assi tanġibbli fissi ta' ħajja medja użati: 8 snin, sakemm il-kontribwent ma jurix li l-ħajja utli stmata li jkun fadal tal-assi tkun iqsar minn 8 snin, f'liema każ huwa għandu jiġi deprezzat fuq dak il-perjodu iqsar;
(e)assi intanġibbli fissi użati: 15-il sena, sakemm ma jkunx jista' jiġi stabbilit il-perjodu li jifdal li matulu l-assi jgawdi minn protezzjoni legali jew li għalih jingħata d-dritt, f'liema każ huwa għandu jiġi deprezzat fuq dak il-perjodu.
Artikolu 34
Twaqqit
1.Deprezzament ta' sena sħiħa għandu jitnaqqas fis-sena tal-akwiżizzjoni jew tal-bidu tal-użu tal-assi fiss, skont liema jkun l-aħħar. Ma għandu jitnaqqas l-ebda deprezzament fis-sena tad-disponiment.
2.Il-valur għall-finijiet tat-taxxa ta' assi fiss li jsir id-disponiment tiegħu, jew li ssirlu ħsara b'tali mod li ma jkunx jista' jintuża aktar għan-negozju, u l-valur għall-finijiet tat-taxxa ta' kwalunkwe kost għat-titjib imġarrab fir-rigward ta' dak l-assi, għandhom jitnaqqsu mill-bażi għat-taxxa fis-sena tad-disponiment jew tal-ħsara.
3.Meta ass tanġibbli fiss li mhux soġġett għal deprezzament ikun wassal għal tnaqqis eċċezzjonali fil-valur skont l-Artikolu 39, il-kostijiet deduċibbli skont l-Artikolu 18 għandhom jitnaqqsu sabiex jinkludu t-tnaqqis eċċezzjonali li kontribwent diġà jkun irċieva.
Artikolu 35
Tnaqqis għal rifinanzjament għall-assi ta' sostituzzjoni
1.Meta r-rikavati mid-disponiment, inkluż kumpens għad-danni, ta' assi deprezzabbli b'mod individwali jew ta' assi tanġibbli fiss mhux soġġetti għat-tkagħbir bl-użu u għall-obsolexxenza, kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 38, għandhom jerġgħu jiġu investiti f'assi simili li jintuża għall-istess skop ta' negozju jew għal wieħed simili qabel it-tmiem tat-tieni sena tat-taxxa wara s-sena tat-taxxa li fiha seħħ id-disponiment, l-ammont li bih dawk ir-rikavati jaqbżu l-valur tal-assi għall-finijiet tat-taxxa jista' jitnaqqas fis-sena tad-disponiment. Il-bażi għad-deprezzament tal-ass ta’ sostituzzjoni għandha titnaqqas bl-istess ammont.
Assi li jitneħħa b’mod volontarju jrid ikun ġie possedut għal perjodu minimu ta’ tliet snin qabel id-disponiment.
2.L-assi ta' sostituzzjoni msemmi fil-paragrafu 1 jista' jinxtara fis-sena tat-taxxa qabel id-disponiment. Meta l-assi ta' sostituzzjoni ma jinxtarax qabel it-tmiem tat-tieni sena tat-taxxa wara s-sena li fiha jkun sar id-disponiment tal-assi, l-ammont imnaqqas fis-sena tad-disponiment, miżjud b'10 %, għandu jiżdied mal-bażi għat-taxxa fit-tieni sena tat-taxxa wara li jkun sar id-disponiment.
Artikolu 36
Deprezzament tal-kostijiet għat-titjib
1.Il-kostijiet għat-titjib għandhom jiġu deprezzati skont ir-regoli applikabbli għall-assi fiss li jkun ġie mtejjeb daqslikieku kienu relatati ma' assi fiss akkwistat riċentament. Minkejja dan, il-kostijiet għat-titjib rigward proprjetà immobbli mikrija għandhom jiġu deprezzati skont l-Artikolu 32 u l-Artikolu 33(2)(a).
2.Meta l-kontribwent juri li l-ħajja utli stmata li jkun fadal ta' assi fiss deprezzat b'mod individwali hija iqsar mill-ħajja utli tal-assi speċifikata fl-Artikolu 33(1), il-kostijiet għat-titjib għal dak l-assi għandhom jiġu deprezzati fuq dak il-perjodu iqsar.
Artikolu 37
Grupp ta’ assi
1.L-assi fissi għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 33 u 38 għandhom jiġi deprezzati flimkien fi grupp wieħed ta' assi b'rata annwali ta' 25 % tal-bażi għad-deprezzament.
2.Il-bażi għad-deprezzament tal-grupp ta' assi fit-tmiem ta' sena tat-taxxa għandha tkun il-valur tiegħu għall-finijiet tat-taxxa fit-tmiem tas-sena tat-taxxa preċedenti, aġġustata għall-assi li jidħlu u joħorġu mill-grupp matul is-sena tat-taxxa rilevanti. Il-kostijiet tal-akwiżizzjoni jew tal-kostruzzjoni u l-kostijiet għat-titjib tal-assi għandhom jiżdiedu mal-bażi għad-deprezzament, filwaqt li għandhom jitnaqqsu r-rikavati ta' disponiment tal-assi u kwalunkwe kumpens li jiġi riċevut għat-telf jew għall-qerda ta' assi.
3.Meta l-bażi għad-deprezzament kif ikkalkolata skont il-paragrafu 2 tkun negattiva, għandu jiżdied ammont sakemm il-bażi għad-deprezzament tkun żero. L-istess ammont għandu jiżdied mal-bażi għat-taxxa.
Artikolu 38
Assi mhux soġġetti għal deprezzament
L-assi li ġejjin ma għandhomx ikunu soġġetti għal deprezzament:
(a)assi tanġibbli fissi mhux soġġetti għat-tkagħbir bl-użu u għall-obsolexxenza bħalma huma l-art, l-arti, l-antikitajiet jew il-ġojjellerija;
(b)assi finanzjarji.
Artikolu 39
Tnaqqis eċċezzjonali fil-valur
1.Kontribwent li juri li assi tanġibbli fiss mhux soġġett għal deprezzament, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 38, naqqas fil-valur tiegħu fit-tmiem ta' sena tat-taxxa minħabba force majeure jew attivitajiet kriminali minn partijiet terzi jista' jnaqqas mill-bażi għat-taxxa ammont ugwali għal dak it-tnaqqis fil-valur. Madankollu, ma jista' jsir ebda tnaqqis bħal dan fir-rigward tal-assi li r-rikavat mid-disponiment tagħhom ikun eżentat mit-tassazzjoni.
2.Meta l-valur ta' assi li, f'sena tat-taxxa preċedenti, kien soġġett għal deprezzament kif imsemmi fil-paragrafu 1 sussegwentement jiżdied, għandu jiżdied ammont ekwivalenti għal dik iż-żieda mal-bażi għat-taxxa fis-sena li fiha tkun seħħet dik iż-żieda. Madankollu, kwalunkwe żieda jew żidiet bħal dawn, meħudin flimkien, ma għandhomx jaqbżu l-ammont tat-tnaqqis mogħti oriġinarjament.
Artikolu 40
Preċiżjoni tal-kategoriji ta' assi fissi
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 66 sabiex tiddefinixxi b'mod aktar preċiż il-kategoriji ta' assi fissi msemmija f'dan il-Kapitolu.
KAPITOLU V
TELF
Artikolu 41
Telf
1.It-telf magħmul f'sena tat-taxxa minn kontribwent residenti jew stabbiliment permanenti ta' kontribwent mhux residenti jista' jiġi riportat u mnaqqas fis-snin tat-taxxa sussegwenti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn din id-Direttiva.
2.Tnaqqis fil-bażi għat-taxxa minħabba telf minn snin tat-taxxa preċedenti ma għandux jirriżulta f'ammont negattiv.
3.It-telf magħmul minn kontribwent residenti jew minn stabbiliment permanenti ta' kontribwent mhux residenti fis-snin preċedenti ma għandux jitnaqqas meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)kumpanija oħra takkwista parteċipazzjoni fil-kontribwent li b'riżultat tagħha l-kontribwent akkwistat isir sussidjarju li jikkwalifika tal-akkwirent kif imsemmi fl-Artikolu 3;
(b)ikun hemm bidla kbira fl-attività tal-kontribwent akkwistat, li tfisser li l-kontribwent akkwistat ma jissoktax b'attività partikolari li kienet tammonta għal aktar minn [60 %] tal-fatturat tiegħu fis-sena tat-taxxa preċedenti jew jagħti bidu għal attivitajiet ġodda li jammontaw għal aktar minn [60 %] tal-fatturat tiegħu fis-sena tat-taxxa tal-introduzzjoni tagħhom jew fis-sena tat-taxxa ta' wara.
4.L-eqdem telf għandu jitnaqqas l-ewwel.
Artikolu 42
Kumpens u rkupru tat-telf
1.Kontribwent residenti li jkun għadu profittabbli wara li jkun naqqas it-telf tiegħu stess skont l-Artikolu 41 jista' addizzjonalment inaqqas it-telf imġarrab, fl-istess sena tat-taxxa, mis-sussidjarji kwalifikanti immedjati tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), jew minn stabbiliment(i) permanenti li jinsab(u) fi Stati Membri oħrajn. Dan il-kumpens tat-telf għandu jingħata għal perjodu ta' żmien limitat f'konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.
2.It-tnaqqis għandu jkun proporzjonali għall-parteċipazzjoni tal-kontribwent residenti fis-sussidjarji kwalifikanti tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u għandu jkun sħiħ għall-istabbilimenti permanenti. It-tnaqqis tal-bażi għat-taxxa tal-kontribwent residenti fl-ebda każ ma għandu jirriżulta f'ammont negattiv.
3.Il-kontribwent residenti għandu jżid lura mal-bażi għat-taxxa tiegħu, sal-ammont preċedentement imnaqqas bħala telf, kwalunkwe profitt sussegwenti magħmul mis-sussidjarji kwalifikanti tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew mill-istabbilimenti permanenti tiegħu.
4.It-telf imnaqqas skont il-paragrafi 1 u 2 għandu awtomatikament jiġi inkorporat mill-ġdid fil-bażi għat-taxxa tal-kontribwent residenti fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a)meta, fit-tmiem tal-ħames sena tat-taxxa wara li t-telf ikun sar deduċibbli, ma jkun ġie inkorporat mill-ġdid ebda profitt jew il-profitti inkorporati mill-ġdid ma jkunux jikkorrispondu għall-ammont sħiħ tat-telf imnaqqas;
(b)meta l-kumpanija sussidjarja li tikkwalifika msemmija fl-Artikolu 3(1) tinbiegħ, tiġi stralċjata jew ittrasformata fi stabbiliment permanenti;
(c)meta l-istabbiliment permanenti jinbiegħ, jiġi stralċjat jew ittrasformat f'kumpanija sussidjarja;
(d)meta l-kumpanija omm ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1).
KAPITOLU VI
REGOLI DWAR IS-SĦUBIJA FIS-SISTEMA TAL-BAŻI GĦAT-TAXXA U T-TLUQ MINNHA
Artikolu 43
Rikonoxximent u valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet
L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha għandhom jiġu rikonoxxuti fil-valur tagħhom, kif ikkalkolat skont ir-regoli nazzjonali dwar it-taxxa immedjatament qabel id-data li fiha r-regoli ta' din id-Direttiva jibdew jiġu applikati għall-kontribwent.
Artikolu 44
Kwalifika ta’ assi fissi għall-finijiet ta’ deprezzament
Minbarra l-Artikoli 30 sa 40, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin b'konnessjoni mad-deprezzament tal-assi fissi bi tranżizzjoni mil-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva għas-sistema tal-bażi għat-taxxa:
(a)l-assi fissi li jkunu deprezzabbli b'mod individwali kemm skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent kif ukoll skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom jiġu deprezzati skont l-Artikolu 33(2);
(b)l-assi fissi li kienu deprezzabbli b'mod individwali skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent iżda mhux skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom jidħlu fil-grupp ta' assi msemmi fl-Artikolu 37;
(c)l-assi fissi li kienu inklużi fi grupp ta' assi għall-finijiet ta' deprezzament skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent, għandhom jidħlu fil-grupp ta' assi msemmi fl-Artikolu 37, irrispettivament minn jekk ikunux deprezzabbli b'mod individwali skont ir-regoli ta' din id-Direttiva;
(d)l-assi fissi li ma kinux deprezzabbli jew li ma kinux deprezzati skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent, iżda li jkunu deprezzabbli skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom jiġu deprezzati skont l-Artikolu 33(1) jew l-Artikolu 37, skont kif ikun il-każ;
(e)l-assi li kienu deprezzabbli b'mod individwali jew inklużi fi grupp ta' assi għall-finijiet ta' deprezzament skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent, iżda li mhumiex deprezzabbli skont ir-regoli ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu rikonoxxuti fil-valur tat-taxxa tagħhom, kif ikkalkolat skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali immedjatament qabel id-data li fiha r-regoli ta' din id-Direttiva jibdew jiġu applikati għall-kontribwent. Il-valur tat-taxxa ta' dawk l-assi għandu jkun deduċibbli fis-sena tat-taxxa li fiha jsir id-disponiment tal-assi, diment li r-rikavati tad-disponiment jiġu inklużi fil-bażi għat-taxxa.
Artikolu 45
Kuntratti fit-tul
1. Id-dħul u l-ispejjeż li, skont l-Artikolu 22(2) u (3), jitqiesu bħala li ġew akkumulati jew li kienu ġġarbu qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent, iżda li kienu għadhom ma ġewx inklużi fil-bażi għat-taxxa skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent, għandhom jiżdiedu mal-bażi għat-taxxa jew jitnaqqsu minnha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tapplika qabel għall-kontribwent.
2. Id-dħul li kien intaxxat skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva qabel ma l-kontribwent sar soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva f'ammont ogħla mill-ammont li kellu jkun inkluż fil-bażi għat-taxxa skont l-Artikolu 22(2) għandu jitnaqqas mill-bażi għat-taxxa fl-ewwel sena tat-taxxa li fiha r-regoli ta' din id-Direttiva jsiru applikabbli għall-kontribwent.
Artikolu 46
Provvedimenti, dħul u tnaqqis
1.Il-provvedimenti msemmija fl-Artikolu 23 u t-tnaqqis tad-dejn mitluf imsemmi fl-Artikolu 25 għandhom ikunu deduċibbli biss sakemm ikunu jirriżultaw minn attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jkunu twettqu wara li r-regoli ta' din id-Direttiva jkunu saru applikabbli għall-kontribwent.
2.Id-dħul li, skont l-Artikolu 16 jitqies bħala li akkumula qabel ma l-kontribwent sar soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva, iżda li kien għadu ma ġiex inkluż fil-bażi għat-taxxa skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet tapplika qabel għall-kontribwent, għandu jiżdied mal-bażi għat-taxxa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tapplika qabel għall-kontribwent.
3.L-ispejjeż imġarrba wara li r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent, iżda b'rabta mal-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li twettqu qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva u li għalihom ma sar ebda tnaqqis, għandhom ikunu deduċibbli.
4.L-ammonti li diġà tnaqqsu minn kontribwent qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għalih ma jistgħux jerġgħu jitnaqqsu.
Artikolu 47
Telf ta’ qabel id-dħul
Kontribwent li jirriporta telf mhux ikkumpensat li jkun sar qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għalih, jista' jnaqqas dak it-telf mill-bażi għat-taxxa tiegħu jekk u sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kontribwent u li permezz tagħha sar dak it-telf, tippermetti li jsir tali tnaqqis.
Artikolu 48
Rikonoxximent tal-assi u tal-obbligazzjonijiet
L-assi u l-obbligazzjonijiet ta' kontribwent li għalih ma jibqgħux japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu rikonoxxuti fil-valur tagħhom, kif ikkalkolat skont ir-regoli ta' din id-Direttiva, sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor f'din id-Direttiva.
Artikolu 49
Rikonoxximent tal-grupp ta' assi ta' kontribwent
Il-grupp ta' assi ta' kontribwent li għalih ma jibqgħux japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva, għandu jiġi rikonoxxut, għall-finijiet tar-regoli nazzjonali dwar it-taxxa sussegwentement applikabbli, bħala grupp wieħed ta' assi li għandu jiġi deprezzat skont il-metodu tat-tnaqqis fil-bilanċ b'rata annwali ta' 25 %.
Artikolu 50
Dħul u spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti fit-tul
Id-dħul u l-ispejjeż li jirriżultaw minn kuntratti fit-tul ta' kontribwent li għalih ma jibqgħux japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom jiġu ttrattati skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva sussegwentement applikabbli. Madankollu, id-dħul u l-ispejjeż li diġà jkunu ġew ikkunsidrati għall-finijiet ta' taxxa skont ir-regoli ta' din id-Direttiva ma għandhomx jerġgħu jiġu kkunsidrati.
Artikolu 51
Provvedimenti, dħul u tnaqqis
1.L-ispejjeż ta' kontribwent li għalih ma jibqgħux japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva u li diġà tnaqqsu skont l-Artikoli 9, 23 u 25 ma jistgħux jerġgħu jitnaqqsu skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva sussegwentement applikabbli.
2.Id-dħul ta' kontribwent li għalih ma jibqgħux japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva u li l-kontribwent diġà inkluda fil-bażi għat-taxxa tiegħu skont l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 16 ma jistax jerġa' jiġi inkluż skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva sussegwentement applikabbli.
3.L-ispejjeż imġarrba mill-kontribwent skont ir-regoli ta' din id-Direttiva u li jibqgħu parzjalment mhux ikkumpensati wara li r-regoli ta' din id-Direttiva ma jibqgħux applikabbli għall-kontribwent għandhom jitnaqqsu skont ir-regoli ta' din id-Direttiva.
Artikolu 52
Telf mal-ħruġ
It-telf mhux ikkumpensat magħmul mill-kontribwent skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandu jiġi riportat skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva sussegwentement applikabbli.
KAPITOLU VII
RELAZZJONIJIET BEJN IL-KONTRIBWENT U ENTITAJIET OĦRAJN
Artikolu 53
Bdil
1.B'deroga mill-punti (c) u (d) tal-Artikolu 8, kontribwent ma għandux ikun eżentat mit-taxxa fuq introjtu minn barra l-pajjiż li l-kontribwent ikun irċieva bħala distribuzzjoni tal-profitt mingħand entità f'pajjiż terz jew bħala rikavat mid-disponiment tal-ishma miżmuma f'entità f'pajjiż terz, fejn dik l-entità fil-pajjiż tar-residenza tat-taxxa tkun soġġetta għal rata tat-taxxa korporattiva statutorja aktar baxxa minn nofs ir-rata tat-taxxa statutorja li l-kontribwent kellu jkun soġġett għaliha, b'konnessjoni ma' tali introjtu minn barra l-pajjiż, fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu għal finijiet ta' taxxa.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta konvenzjoni għall-evitar ta' tassazzjoni doppja bejn l-Istat Membru li fih il-kontribwent ikun residenti għal finijiet ta' taxxa u l-pajjiż terz fejn dik l-entità tkun residenti għal finijiet ta' taxxa ma tippermettix li jkun hemm tranżizzjoni minn eżenzjoni tat-taxxa għall-intaxxar tal-kategoriji nnominati ta' introjtu minn barra l-pajjiż.
2.Meta japplika l-paragrafu 1, il-kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa fuq l-introjtu minn barra l-pajjiż bi tnaqqis tat-taxxa mħallsa fil-pajjiż terz mill-obbligu tat-taxxa tiegħu fl-Istat Membru fejn ikun residenti għal finijiet ta' taxxa. It-tnaqqis ma għandux jaqbeż l-ammont ta' taxxa, kif ikkomputata qabel it-tnaqqis, li hija attribbwibbli għall-introjtu li jista' jkun intaxxat.
3.L-Istati Membri għandhom jeskludu t-telf mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu fil-każ ta' disponiment tal-ishma f'entità li jkollha r-residenza tagħha f'pajjiż terz għal finijiet ta' taxxa.
Artikolu 54
Komputazzjoni tal-intrpjtu ta' stabbiliment permanenti barrani
Fejn l-Artikolu 53 japplika għall-introjtu ta' stabbiliment permanenti f'pajjiż terz, id-dħul, l-ispejjeż u elementi deduċibbli oħrajn tiegħu għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli ta' din id-Direttiva.
Artikolu 55
Imgħax u royalties u kwalunkwe introjtu ieħor intaxxat minn ras il-għajn
1.It-tnaqqis mill-obbligazzjoni ta' taxxa ("kreditu ta' taxxa") ta' kontribwent għandu jkun permess meta l-kontribwent jikseb introjtu li jkun ġie intaxxat fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, għajr introjtu li jkun eżentat skont il-punti (c), (d) jew (e) tal-Artikolu 8.
2.Fil-kalkolazzjoni tal-kreditu ta' taxxa, l-ammont tal-introjtu għandu jitnaqqas bl-ispejjeż deduċibbli relatati.
3.Il-kreditu ta' taxxa għall-obbligazzjoni ta' taxxa f'pajjiż terz ma jistax jaqbeż l-obbligazzjoni tat-taxxa korporattiva finali ta' kontribwent, sakemm ftehim konkluż bejn l-Istat Membru li fih il-kontribwent ikollu r-residenza tiegħu għal finijiet ta' taxxa u pajjiż terz ma jiddikjarax mod ieħor.
KAPITOLU VIII
TRANŻAZZJONIJIET BEJN INTRAPRIŻI ASSOĊJATI
Artikolu 56
Intrapriżi assoċjati
1.Jekk kontribwent jipparteċipa fil-ġestjoni, fil-kontroll jew, direttament jew indirettament, fil-kapital ta' mhux kontribwent, jew ta' kontribwent li mhuwiex fl-istess grupp, iż-żewġ intrapriżi għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.
Jekk l-istess persuni jipparteċipaw fil-ġestjoni, fil-kontroll jew, direttament jew indirettament, fil-kapital ta’ kontribwent u mhux kontribwent, jew ta' kontribwenti li ma jagħmlux parti mill-istess grupp, il-kumpaniji kollha għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.
Kontribwent għandu jitqies bħala intrapriża assoċjata mal-istabbiliment permanenti tiegħu f'pajjiż terz. Kontribwent mhux residenti għandu jitqies bħala intrapriża assoċjata mal-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a)parteċipazzjoni fil-kontroll għandha tfisser parteċipazzjoni li taqbeż 20 % tad-drittijiet tal-vot;
(b)parteċipazzjoni fil-kapital għandha tfisser dritt ta' sjieda li jaqbeż 20 % tal-kapital;
(c)parteċipazzjoni fil-ġestjoni għandha tfisser li tkun f'pożizzjoni li teżerċita influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tal-intrapriża assoċjata;
(d)individwu, il-konjuġi tiegħu u l-axxendenti jew id-dixxendenti diretti tiegħu għandhom jiġu ttrattati bħala persuna waħda.
F'parteċipazzjonijiet indiretti, l-issodisfar tar-rekwiżiti fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu għandu jiġi ddeterminat bil-multiplikazzjoni tar-rati ta' parteċipazzjoni tul il-livelli suċċessivi. Kontribwent li jkollu iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot għandu jitqies li għandu 100 %.
Għall-għanijiet tal-Artikolu 61, fejn ikun hemm diskrepanza ibrida li tinvolvi entità ibrida, il-parteċipazzjoni fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tfisser parteċipazzjoni li taqbeż il-50 % tad-drittijiet tal-vot jew dritt għal sjieda li jaqbeż il-50 % tal-kapital.
Artikolu 57
Aġġustament tal-ipprezzar fir-relazzjonijiet bejn intrapriżi assoċjati
1.Meta jsiru jew jiġu imposti kundizzjonijiet fir-relazzjonijiet bejn intrapriżi assoċjati li jkunu differenti minn dawk li kieku jsiru bejn intrapriżi indipendenti, kwalunkwe introjtu li, kieku ma kienx għal dawk il-kundizzjonijiet, kien jakkumula għall-kontribwent, għandu jiġi inkluż fl-introjtu ta' dak il-kontribwent u jiġi intaxxat kif xieraq.
2.L-introjtu attribwibbli lil stabbiliment permanenti huwa dak li l-istabbiliment permanenti jkun mistenni li jaqla', b'mod partikolari fin-negozjati tiegħu ma' partijiet oħrajn tal-istess kontribwent, jekk ikun intrapriża indipendenti u separata involuta fl-istess attivitajiet jew f'attivitajiet simili taħt l-istess kundizzjonijiet jew kundizzjonijiet simili, wara li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa, l-assi użati u r-riskji meħuda mill-kontribwent permezz tal-istabbiliment permanenti u permezz ta' partijiet oħrajn tal-istess kontribwent.
KAPITOLU IX
REGOLI KONTRA L-ABBUŻI
Artikolu 58
Regola ġenerali kontra l-abbużi
1.Għall-finijiet tal-kalkolazzjoni tal-bażi ta' taxxa skont ir-regoli ta' din id-Direttiva, Stat Membru għandu jinjora arranġament jew sensiela ta' arranġamenti li, wara li ddaħħlu fis-seħħ għall-iskop essenzjali li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jegħleb l-għan jew l-iskop ta' din id-Direttiva, mhumiex ġenwini, b'kunsiderazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, arranġament jew sensiela ta' arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sakemm ma jkunux saru għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.
3.L-arranġamenti jew sensiela ta' arranġamenti li jiġu injorati skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu ttrattati, għall-iskop tal-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa, b'referenza għas-sustanza ekonomika tagħhom.
Artikolu 59
Korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż
1.Entità, jew stabbiliment permanenti li l-profitti tiegħu mhumiex soġġetti għat-taxxa jew huma eżentati mit-taxxa fl-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali tiegħu, għandhom jiġu ttrattati bħala korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)fil-każ ta' entità, il-kontribwent waħdu, jew flimkien mal-intrapriżi assoċjati tiegħu, ikollu parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta' aktar minn 50 % tad-drittijiet tal-vot, jew ikollu direttament jew indirettament aktar minn 50 % tal-kapital jew ikollu d-dritt li jirċievi aktar minn 50 % tal-profitti ta' dik l-entità; kif ukoll
(b)it-taxxa korporattiva attwali mħallsa mill-entità jew mill-istabbiliment permanenti fuq il-profitti tagħha/tiegħu tkun aktar baxxa mid-differenza bejn it-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fuq il-profitti tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti skont ir-regoli ta' din id-Direttiva u t-taxxa korporattiva attwali mħallsa fuq dawk il-profitti mill-entità jew mill-istabbiliment permanenti.
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fil-komputazzjoni tat-taxxa korporattiva li kienet tiġi imposta fuq il-profitti tal-entità skont ir-regoli tad-Direttiva fl-Istat Membru tal-kontribwent, l-introjtu ta' kwalunkwe stabbiliment permanenti tal-entità li mhuwiex soġġett għat-taxxa jew li huwa eżentat mit-taxxa fil-ġurisdizzjoni tal-korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż ma għandux jiġi kkunsidrat.
2.Meta entità jew stabbiliment permanenti tkun/ikun trattat(a) bħala korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż skont il-paragrafu 1, l-introjtu mhux imqassam tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti għandu jkun soġġett għal taxxa sal-punt li dan jiġi derivat mill-kategoriji li ġejjin:
(a)imgħax jew kwalunkwe intojtu ieħor iġġenerat minn assi finanzjarji;
(b)royalties jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn proprjetà intellettwali;
(c)dividendi u introjtu mid-disponiment ta’ ishma;
(d)introjtu minn kiri finanzjarju;
(e)introjtu minn attivitajiet tal-assigurazzjoni, attivitajiet bankarji u attivitajiet finanzjarji oħra;
(f)introjtu minn kumpaniji ta' fatturazzjoni li jaqilgħu introjtu fuq bejgħ u servizzi minn prodotti u servizzi mixtrija minn intrapriżi assoċjati u mibjugħa lilhom, li ftit li xejn iżidu l-valur ekonomiku.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż li hija residenti jew tinsab fi Stat Membru jew f'pajjiż terz u li hija parti għall-Ftehim taż-ŻEE fejn il-korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż tkun twaqqfet għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-attività tal-korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż għandha tirrifletti r-realtà ekonomika sal-punt li dik l-attività tkun appoġġata minn persunal, tagħmir, assi u bini proporzjonati.
3.Entità jew stabbiliment permanenti ma għandhomx jiġu ttrattati bħala korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż kif imsemmija fil-paragrafu 1 meta mhux aktar minn terz tal-introjtu li jakkumula għall-entità jew għall-istabbiliment permanenti jkun jaqa' fi ħdan il-kategoriji (a) sa (f) tal-paragrafu 2.
L-impriżi finanzjarji ma għandhomx jiġu ttrattati bħala korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż skont il-paragrafu 1 meta mhux aktar minn terz tal-introjtu li jakkumula għall-entità jew għall-istabbiliment permanenti mill-kategoriji (a) sa (f) tal-paragrafu 2 ikun ġej minn tranżazzjonijiet mal-kontribwent jew ma' intrapriżi assoċjati tiegħu.
Artikolu 60
Komputazzjoni tal-introjtu ta' korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż
1.L-introjtu li għandu jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli ta' din id-Direttiva. It-telf tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti ma għandux jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa, iżda għandu jiġi riportat u kkunsidrat meta jiġi applikat l-Artikolu 59 fis-snin tat-taxxa sussegwenti.
2.Meta l-korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż tkun entità, l-introjtu li għandu jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa għandu jiġi kkalkolat b'mod proporzjonali għad-dritt tal-kontribwent għal sehem fil-profitti tal-entità barranija. Meta l-korporazzjoni kkontrollata minn barra l-pajjiż tkun stabbiliment permanenti, l-introjtu kollu għandu jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa.
3.L-introjtu tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti għandu jiġi inkluż fil-bażi għat-taxxa tas-sena tat-taxxa li fiha tintemm is-sena tat-taxxa tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti.
4.Meta l-entità tqassam il-profitti lill-kontribwent mill-introjtu li qabel kien inkluż fil-bażi għat-taxxa tal-kontribwent skont l-Artikolu 59 u l-kontribwent ikun soġġett għat-taxxa fuq dawn il-profitti mqassmin, l-ammonti ta' introjtu li qabel kienu inklużi fil-bażi għat-taxxa skont l-Artikolu 59 għandhom jitnaqqsu minn dik il-bażi għat-taxxa meta tiġi kkalkolata l-obbligazzjoni tal-kontribwent għat-taxxa fuq il-profitti mqassmin.
5.Meta l-kontribwent jiddisponi mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-entità, ir-rikavat għandu jitnaqqas, għall-fini tal-kalkolazzjoni tal-obbligazzjoni tal-kontribwent għat-taxxa, bi kwalunkwe ammont mhux distribwit li diġà jkun ġie inkluż fil-bażi għat-taxxa.
Artikolu 61
Diskrepanza ibrida
1.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn l-Istati Membri tirriżulta fi tnaqqis doppju tal-istess pagament, spejjeż jew telf, it-tnaqqis għandu jingħata biss fl-Istat Membru fejn tali pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż jew it-telf ikunu ġġarbu.
Sal-punt li diskrepanza ibrida li tinvolvi pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis doppju tal-istess pagament, spejjeż jew telf, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrifjuta t-tnaqqis ta' tali pagament, spejjeż jew telf, sakemm il-pajjiż terz ma jkunx diġà għamel dan.
2.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn l-Istati Membri tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru tal-pagatur għandu jirrifjuta t-tnaqqis ta' tali pagament.
Sal-punt li tali diskrepanza ibrida li tinvolvi pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni:
(a)jekk il-pagament ikollu s-sors tiegħu fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jirrifjuta t-tnaqqis, jew
(b)jekk il-pagament għandu s-sors tiegħu f’pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi tali pagament fil-bażi taxxabbli, ħlief jekk il-pajjiż terz ma ċaħadx diġà it-tnaqqis jew talab li l-pagament ikun inkluż.
3.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn Stati Membri li tinvolvi stabbiliment permanenti tirriżulta f’nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru li fih il-kontribwent huwa residenti għal finijiet ta’ taxxa għandu jitlob lill-kontribwent biex jinkludi fil-bażi taxxabbli l-introjtu attribwit lill-istabbiliment permanenti.
Sal-punt li diskrepanza ibrida li tinvolvi stabbiliment permanenti li jkun jinsab f’pajjiż terz tirriżulta f’nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi fil-bażi taxxabbli l-introjtu attribwit lill-istabbiliment permanenti fil-pajjjiż terz.
4.Sal-punt li pagament minn kontribwent lil intrapriża assoċjata f’pajjiż terz huwa kumpensat direttament jew indirettament b’pagament, spiża jew telf li minħabba d-diskrepanza ibrida jistgħu jitnaqqsu f’żewġ ġurisdizzjonijiet differenti barra l-Unjoni, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament mill-kontribwent lil intrapriża assoċjata f’pajjiż terz mill-bażi taxxabbli, ħlief jekk wieħed mill-pajjiżi terzi involuti ma jkunx diġà ċaħad it-tnaqqis tal-pagament, spiża jew telf li jkunu jistgħu jitnaqqsu f’żewġ ġurisdizzjonijiet differenti.
5.Sal-punt li l-inklużjoni korrispondenti ta' pagament deduċibbli minn kontribwent lil intrapriża assoċjata f'pajjiż terz tiġi paċuta direttament jew indirettament ma' pagament li, minħabba diskrepanza ibrida, ma jiġix inkluż mill-benefiċjarju fil-bażi taxxabbli tiegħu, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jirrifjuta t-tnaqqis tal-pagament mill-kontribwent lil intrapriża assoċjata f’pajjiż terz mill-bażi taxxabbli, sakemm wieħed mill-pajjiżi terzi involuti ma jkunx diġà rrifjuta t-tnaqqis tal-pagament mhux inkluż.
6.Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta f'ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn fuq pagament derivat minn strument finanzjarju ttrasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jillimita l-benefiċċju ta' tali kumpens b'mod proporzjonali għall-introjtu taxxabbli nett fir-rigward ta' tali pagament.
7.Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "pagatur" tfisser l-entità jew l-istabbiliment permanenti fejn il-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż jew it-telf ikunu ġġarrbu.
Artikolu 61a
Diskrepanzi fir-residenza tat-taxxa
Sal-punt li pagament, spejjeż jew telf ta' kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta' taxxa kemm fi Stat Membru kif ukoll f'pajjiż terz, skont il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru jew dak il-pajjiż terz, ikunu deduċibbli mill-bażi taxxabbli fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet, kif ukoll sal-punt li tali pagament, spejjeż jew telf ikunu jistgħu jiġu paċuti fl-Istat Membru tal-kontribwent kontra l-introjtu taxxabbli li mhuwiex inkluż fil-pajjiż terz, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jirrifjuta t-tnaqqis tal-pagament, tal-ispejjeż jew tat-telf, sakemm il-pajjiż terz ma jkunx diġà għamel dan.
KAPITOLU X
ENTITAJIET TRASPARENTI
Artikolu 62
Allokazzjoni tal-introjtu ta' entitajiet trasparenti lil kontribwenti li jkollhom interess
1.Meta entità tiġi ttrattata bħala trasparenti fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita, kontribwent li jkollu interess fl-entità għandu jinkludi s-sehem tiegħu fl-introjtu tal-entità fil-bażi għat-taxxa tiegħu. Għall-iskop ta' din il-kalkolazzjoni, l-introjtu għandu jiġi kkomputat skont ir-regoli ta' din id-Direttiva.
2.It-tranżazzjonijiet bejn kontribwent u l-entità msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu injorati b'mod proporzjonali għas-sehem tal-kontribwent fl-entità. Għaldaqstant, l-introjtu tal-kontribwent derivat minn dawk it-tranżazzjonijiet għandu jitqies bħala proporzjon tal-ammont li jkun maqbul bejn intrapriżi indipendenti kkalkulat fuq bażi ta' distakkata li tikkorrispondi għas-sjieda tal-entità minn parti terza.
3.Il-kontribwent għandu jkollu d-dritt għal kumpens mit-tassazzjoni doppja skont l-Artikolu 55.
Artikolu 63
Determinazzjoni tat-trasparenza fil-każ tal-entitajiet ta' pajjiżi terzi
Il-kwistjoni ta' jekk entità li tinsab f'pajjiż terz hijiex trasparenti jew le għandha tiġi ddeterminata skont il-liġi tal-Istat Membru tal-kontribwent.
KAPITOLU XI
AMMINISTRAZZJONI U PROĊEDURI
Artikolu 64
Avviż lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' din id-Direttiva
Kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) jew (3) għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn jinsab l-istabbiliment permanenti tagħha li hija taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 65
Terminu tal-avviż
1.Kontribwent għandu japplika r-regoli ta' din id-Direttiva sa fejn jibqa' responsabbli għalihom, skont l-Artikolu 2(1) u (2).
2.Kontribwent li ma jibqax soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva jista' jagħżel li jkompli japplika dawk ir-regoli diment li l-kontribwent jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(3).
3.Kontribwent li jkun għażel li japplika r-regoli ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3) u li jiddeċiedi li jwaqqaf dik l-applikazzjoni fit-tmiem tat-terminu ta' ħames snin tat-taxxa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti għall-finijiet ta' taxxa, jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti tiegħu, skont kif ikun il-każ.
4. Kontribwent li jkun għażel li japplika r-regoli ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3) u li jiddeċiedi li jestendi dik l-applikazzjoni fit-tmiem tat-terminu ta’ ħames snin ta’ taxxa għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti għall-finijiet ta’ taxxa, jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment permanenti tiegħu, skont kif ikun il-każ, b’evidenza li l-kundizzjonijiet taħt il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) huma sodisfatti.
KAPITOLU XII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 66
Eżerċitar tad-delega
1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(5), 4(5), 11(6), 32(5) u 40 għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(5), 4(5), 11(6), 32(5) u 40 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Kunsill.
5.Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(5), 4(5), 11(6), 32(5) u 40 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Kunsill f'perjodu ta' [xahrejn] min-notifika ta' dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjona. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq inizjattiva tal-Kunsill.
Artikolu 67
Notifika lill-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni, dwar kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom u dwar ir-revoka ta' delega tas-setgħat mill-Kunsill.
Artikolu 68
Proċedura ta' kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 69
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta' din id-Direttiva.
Minkejja l-ewwel subparagrafu, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina l-funzjonament tal-Artikolu 11 u tikkunsidra aġġustamenti għad-definizzjoni u l-kalibrar tal-AGI. Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi bir-reqqa ta' kif l-AGI tista' tħeġġeġ kumpaniji li huma intitolati li jagħżlu li japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom bl-ekwità.
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istati Membri bil-għan li tikkunsidra dawk is-sejbiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva.
Artikolu 70
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom minnufih jgħaddu t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2019.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jagħżlu li jikkalkolaw, fejn din id-Direttiva ssemmi ammont monetarju f'euro (EUR), il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 71
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 72
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 25.10.2016
COM(2016) 685 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill
dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva
{SWD(2016) 341 final}
{SWD(2016) 342 final}
ANNESS I
(a) Il-kumpanija Ewropea jew Societas Europaea (SE), kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 1 u fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE 2 ;
(b) Is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE), kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 3 u fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE 4 ;
(c) kumpaniji skont il-liġi Belġjana magħrufa bħala “naamloze vennootschap”/“société anonyme”, “commanditaire vennootschap op aandelen”/“société en commandite par actions”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”/“société privée à responsabilité limitée”, “coöperatieve vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”/“société coopérative à responsabilité limitée”, “coöperatieve vennootschap met onbeperkte aansprakelijkheid”/“société coopérative à responsabilité illimitée”, “vennootschap onder firma”/“société en nom collectif”, “gewone commanditaire vennootschap”/“société en commandite simple”, impriżi pubbliċi li adottaw waħda mill-forom legali msemmija hawn fuq, u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Belġjana soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Belġjana;
(d) kumpaniji skont il-liġi Bulgara magħrufa bħala: “събирателното дружество”, “командитното дружество”, “дружеството с ограничена отговорност”, “акционерното дружество”, “командитното дружество с акции”, “кооперации”,“кооперативни съюзи”, “държавни предприятия” kostitwiti skont il-liġi Bulgara u li jwettqu attivitajiet kummerċjali;
(e) kumpaniji skont il-liġi Ċeka magħrufa bħala: “akciová společnost”, “společnost s ručením omezeným”, “veřejná obchodní společnost”, “komanditní společnost”, “družstvo”;
(f) kumpaniji skont il-liġi Daniża magħrufa bħala “aktieselskab” u “anpartsselskab”. Kumpaniji oħrajn soġġetti għat-taxxa skont l-Att dwar it-Taxxa Korporattiva, sa fejn l-introjtu taxxabbli tagħhom jiġi kkalkolat u ntaxxat skont ir-regoli ġenerali dwar il-legiżlazzjoni tat-taxxa applikabbli għal "aktieselskaber";
(g) kumpaniji skont il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala "Aktiengesellschaft", "Kommanditgesellschaft auf Aktien", "Gesellschaft mit beschränkter Haftung", "Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit", "Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft", "Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts" u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża;
(h) kumpaniji skont il-liġi Estonjana magħrufa bħala: “täisühing”, “usaldusühing”, “osaühing”, “aktsiaselts”, “tulundusühistu”;
(i) kumpaniji inkorporati jew eżistenti skont il-liġijiet Irlandiżi, korpi rreġistrati skont l-"Industrial and Provident Societies Act", soċjetajiet tal-bini inkorporati skont l-"Building Societies Acts" u "trustee savings banks" skont it-tifsira tat-"Trustee Savings Banks Act" tal-1989;
(j) kumpaniji skont il-liġi Griega magħrufa bħala "αvώvυμη εταιρεία", "εταιρεία περιωρισμέvης ευθύvης (Ε.Π.Ε.)";
(k) kumpaniji skont il-liġi Spanjola magħrufa bħala "sociedad anónima", "sociedad comanditaria por acciones", "sociedad de responsabilidad limitada" u dawk il-korpi rregolati bil-liġi pubblika li joperaw skont il-liġi privata;
(l) kumpaniji skont il-liġi Franċiża magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “sociétés par actions simplifiées”, “sociétés d’assurances mutuelles”, “caisses d’épargne et de prévoyance”, “sociétés civiles” li huma awtomatikament soġġetti għat-taxxa korporattiva, “coopératives”, “unions de coopératives”, stabbilimenti u impriżi pubbliċi industrijali u kummerċjali, u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Franċiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Franċiża;
(m) kumpaniji skont il-liġi Kroata magħrufa bħala ‘dioničko društvo’, ‘društvo s ograničenom odgovornošću’ u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Kroata soġġetti għat-taxxa Kroata fuq il-profitt;
(n) kumpaniji skont il-liġi Taljana magħrufa bħala "società per azioni", "società in accomandita per azioni", "società a responsabilità limitata", "società cooperative", "società di mutua assicurazione" u entitajiet pubbliċi u privati li l-attività tagħhom hija kompletament jew prinċipalment kummerċjali;
(o) kumpaniji skont il-liġi Ċiprijotta: "εταιρείες" kif definit fil-liġijiet dwar it-Taxxa fuq id-Dħul;
(p) kumpaniji skont il-liġi Latvjana magħrufa bħala: “akciju sabiedrība”, “sabiedrība ar ierobežotu atbildību”;
(q) kumpaniji inkorporati skont il-liġi tal-Litwanja,
(r) kumpaniji skont il-liġi tal-Lussemburgu magħrufa bħala "société anonyme", "société en commandite par actions", "société à responsabilité limitée", "société coopérative", "société coopérative organisée comme une société anonyme", "association d’assurances mutuelles", "association d’épargne-pension", "entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l’Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public" u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi tal-Lussemburgu soġġetti għat-Taxxa Korporattiva tal-Lussemburgu;
(s) kumpaniji skont il-liġi Ungeriża magħrufa bħala: “közkereseti társaság”, “betéti társaság”, “közös vállalat”, “korlátolt felelősségű társaság”, “részvénytársaság”, “egyesülés”, “közhasznú társaság”, “szövetkezet”;
(t) kumpaniji skont il-liġi Maltija magħrufa bħala: "Kumpaniji ta' Responsabilità Limitata", "Soċjetajiet en commandite li l-kapital tagħhom maqsum f'azzjonijiet";
(u) kumpaniji skont il-liġi Netherlandiża magħrufa bħala “naamloze vennootschap”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “open commanditaire vennootschap”, “coöperatie”, “onderlinge waarborgmaatschappij”, “fonds voor gemene rekening”, “vereniging op coöperatieve grondslag” u “vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt” u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Netherlandiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Netherlandiża;
(v) kumpaniji skont il-liġi Awstrijaka magħrufa bħala "Aktiengesellschaft", "Gesellschaft mit beschränkter Haftung", "Versicherungsvereine auf Gegenseitigkeit", "Erwerbs und Wirtschaftsgenossenschaften", "Betriebe gewerblicher Art von Körperschaften des öffentlichen Rechts", "Sparkassen", u kumpaniji oħra kostitwiti skont il-liġi Awstrijaka soġġetti għat-taxxa korporattiva Awstrijaka;
(w) kumpaniji skont il-liġi Pollakka magħrufa bħala: “spółka akcyjna”, “spółka z ograniczoną odpowiedzialnością”, “spółdzielnia“, “przedsiębiorstwo państwowe“;
(x) kumpaniji kummerċjali jew kumpaniji tal-liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali, kooperattivi u impriżi pubbliċi inkorporati skont il-liġi Portugiża;
(y) kumpaniji skont il-liġi Rumena magħrufa bħala: “societăţi pe acţiuni”, “societăţi în comandită pe acţiuni”, “societăţi cu răspundere limitată;
(z) kumpaniji skont il-liġi Slovena magħrufa bħala: "delniška družba", "komanditna delniška družba", "komanditna družba", "družba z omejeno odgovornostjo", "družba z neomejeno odgovornostjo";
(aa) kumpaniji skont il-liġi Slovakka magħrufa bħala: “akciová spoločnosť ”, “spoločnosť s ručením obmedzeným”, “komanditná spoločnosť ”, “verejná obchodná spoločnosť“, “družstvo“;
(bb) kumpaniji skont il-liġi Finlandiża magħrufa bħala “osakeyhtiö”/“aktiebolag”, “osuuskunta”/“andelslag”, “säästöpankki”/“sparbank” u “vakuutusyhtiö”/“försäkringsbolag”;
(cc) kumpaniji skont il-liġi Żvediża magħrufa bħala “aktiebolag”, “försäkringsaktiebolag”, “ekonomiska föreningar”, “sparbanker”, “ömsesidiga försäkringsbolag”;
(dd) kumpaniji inkorporati skont il-liġi tar-Renju Unit.
ANNESS II
Belgïe/Belgique
Vennootschapsbelasting/Impôt des sociétés
България
корпоративен данък
Česká republika
Daň z příjmů právnických osob
Danmark
Selskabsskat
Deutschland
Körperschaftsteuer
Eesti
Tulumaks
Éire/Ireland
Cáin chorparáide/Corporation Tax
Ελλάδα
Φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων κερδοσκοπικού χαρακτήρα
España
Impuesto sobre sociedades
France
Ιmpôt sur les sociétés
Hrvatska
Porez na dobit
Italia
Imposta sul reddito delle società
Κύπρος
Φόρος Εισοδήματος
Latvija
Uzņēmumu ienākuma nodoklis
Lietuva
Pelno mokestis
Luxembourg
Impôt sur le revenu des collectivités
Magyarország
Társasági adó
Malta
Taxxa fuq l-income
Nederland
Vennootschapsbelasting
Österreich
Körperschaftsteuer
Polska
Podatek dochodowy od osób prawnych
Portugal
Imposto sobre o rendimento das pessoas colectivas
România
Impozit pe profit
Slovenija
Davek od dobička pravnih oseb
Slovensko
Daň z príjmov právnických osôb
Suomi/Finland
Yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund
Sverige
Statlig inkomstskatt
United Kingdom
Corporation Tax