IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.10.2016
COM(2016) 625 final
2016/0304(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass), u li tħassar id-Deċiżjoni 2241/2004/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2016) 320 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet u l-objettivi tal-proposta
Kemm jekk qed ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, jieħdu deċiżjonijiet dwar x'jitgħallmu u fejn jitgħallmu jew jekk qed jikkunsidraw għażliet ta' mobilità, l-individwi jeħtiġilhom aċċess għal informazzjoni u mezzi biex jivvalutaw ħilithom u jippreżentaw dak li jafu u dak li kapaċi jagħmlu. Bl-istess mod, l-impjegaturi għandhom bżonn li jsibu modi aktar effiċjenti u effettivi biex jidentifikaw u jirreklutaw nies b'ħiliet xierqa. Jekk il-ħtiġijiet tal-individwi u tal-impjegaturi f'termini ta' ħiliet u kwalifiki fis-setturi, reġjuni u pajjiżi kollha għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv, dawn il-ħtiġijiet għandhom jiġu identifikati, komunikati u mifhuma b'mod ċar.
L-għodod u s-servizzi tal-UE jistgħu jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-fehim aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki, inklużi dawk meħtieġa għall-mobilità u l-impjegabilità. L-UE fittxet li toffri u tappoġġa firxa ta’ għodod u servizzi bħal dawn li jiffaċilitaw l-mobilità u jinkoraġġixxu t-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki. S’issa, madankollu, dawn l-għodod u dawn is-servizzi ma sfruttawx il-potenzjal sħiħ tagħhom għal diversi raġunijiet. Dawn fil-biċċa l-kbira ġew żviluppati fuq bażi ta’ każ b’każ, b'minimu ta' integrazzjoni u kollaborazzjoni. Dan l-approċċ kellu impatt fuq il-portata, il-potenzjal u l-perċezzjoni tal-valur miżjud ta’ kull għodda. L-evidenza turi li, minkejja xi stejjer ta’ suċċess bħalma huma s-CV tal-Europass, il-benefiċjarji potenzjali huma ġeneralment skarsament konxji tas-servizzi disponibbli filwaqt li l-ostakli għall-użu sħiħ tal-kwalifiki u l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż jippersistu, b’implikazzjonijiet għall-mobilità u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol Ewropej. Barra minn hekk, il-mod kif l-għodod u s-servizzi tal-UE evolvew matul iż-żmien mhux neċessarjament segwew il-bidliet fil-mod kif in-nies jitgħallmu, jaħdmu jew jikkomunikaw illum u mhux qegħdin jirrispondu għat-talbiet kurrenti jew futuri u għat-teknoloġiji emerġenti. Illum id-diġitalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-preżenza onlajn huma l-minimu mistenni mill-għodod għall-ħiliet u l-kwalifiki u dan anki aktar fil-ġejjieni.
Din il-proposta għandha l-għan li timmodernizza l-għodod u s-servizzi tal-UE u li tiżgura li jirriflettu l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-utenti potenzjali kollha mis-suq tax-xogħol u s-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; ikunu dejjem aġġornati skont l-iżviluppi teknoloġiċi, il-forom ġodda ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u tal-ekonomija kollaborattiva; u jkunu jistgħu jappoġġaw lill-individwi fit-tranżizzjonijiet multipli tal-ħajja tagħhom fit-tagħlim u x-xogħol.
Il-qafas il-ġdid tal-Europass se jipprovdi approċċ f’żewġ livelli:
L-ewwel nett, il-qafas il-ġdid tal-Europass se jipprovdi pjattaforma għal madwar l-Ewropa li permezz tagħha l-individwi kollha jista’ jkollhom aċċess, b'servizz onlajn intuwittiv u kontinwu, għal firxa ta’ servizzi bħall-ħolqien ta' portafoll elettroniku jew il-possibbiltà li jiġu vvalutati l-ħiliet tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jissaħħu b’firxa wiesgħa ta’ informazzjoni miġbura fl-Istati Membri kollha (inkluż permezz tal-web crawling) dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim, il-kwalifiki, il-prattiki ta' rikonoxximent u dwar is-suq tax-xogħol u l-informazzjoni dwar il-ħiliet, bħax-xejriet fl-okkupazzjonijiet jew fil-professjonijiet. Din il-varjetà ta’ informazzjoni se tappoġġa lill-individwi biex jagħmlu għażliet informati dwar il-karriera, il-mobilità u t-tagħlim tagħhom u tista' tikkontribwixxi, fost affarijiet oħra, biex jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet billi l-għażliet jiġu orjentati lejn perkorsi ta' tagħlim u karrieri bi prospetti aħjar. B'mod simili, l-impjegaturi, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-konsulenti għall-orjentament, is-servizzi ta’ impjieg u l-fassala tal-politika se jibbenefikaw mill-informazzjoni li ssir disponibbli, pereżempju informazzjoni aħjar dwar liema ħiliet huma meħtieġa, u fejn jeżistu lakuni, dwar l-oqsma li fihom jista' jiġi stimulat l-għoti ta’ korsijiet ta’ taħriġ. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Se jsiru disponibbli wkoll standards miftuħa għall-kwalifiki, il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs għall-professjonisti li jixtiequ jippubblikaw din it-tip ta’ informazzjoni b’mod elettroniku. B’dan il-mod, il-qafas tal-Europass se jippromwovi l-interoperabilità ta’ għodod elettroniċi użati biex tiġi ppreżentata u skambjata informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki. B’mod aktar importanti, tali pjattaforma Ewropea integrata se ġġib valur miżjud importanti għall-Istati Membri fl-objettiv tagħhom li jappoġġaw lill-individwi peress li ma jkollhomx għalfejn jirreplikaw l-isforz tat-teknoloġija tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali.
Din il-proposta għalhekk tittrasforma lill-Europass minn faċilità bbażata fuq id-dokumenti fi pjattaforma bbażata fuq is-servizzi, biex jitwessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività u jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-utenti huma fil-qalba tas-servizzi qafas. Il-qafas l-ġdid tal-Europass se jiġbor flimkien l-informazzjoni pprovduta attwalment permezz ta’ għodod bħalma huma l- Portal tal-Opportunitajiet ta’ Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa, (li jipprovdi informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ tagħlim u kwalifiki); il-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE (li toffri informazzjoni dwar il-ħiliet inkluż fil-livell nazzjonali u dak tal-UE kif ukoll dwar okkupazzjonijiet u industriji speċifiċi) u l-portal ESCO (ESCO - il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, li tipprovdi lingwa komuni għad-deskrizzjoni ta’ ħiliet speċifiċi u l-kunċetti relatati għall-finijiet ta' impjiegi u edukazzjoni). Sal-lum, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dawn l-għodod ġew appoġġati mill-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) li huwa aġenzija tal-Unjoni. It-tieni nett, il-qafas il-ġdid tal-Europass se jinkludi servizzi fuq il-post, li l-objettiv tagħhom huwa li jiżguraw id-diffużjoni tas-servizzi lill-akbar udjenzi fil-mira, inklużi dawk li jista' jkollhom diffikultà biex jaċċessaw jew jużaw is-servizzi diġitali.
Bħalissa l-għodod u s-servizzi tal-UE għall-ħiliet u l-kwalifiki huma promossi u appoġġati fil-livell nazzjonali permezz ta’ ċentri jew punti ta’ kuntatt (Ċentri Nazzjonali tal-Europass, QEK - Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, Ċentri ta' Euroguidance) li huma appoġġati finanzjarjament mill-UE permezz tal-programm Erasmus+. Kull wieħed minn dawn huwa soġġett għal proċessi ta' rappurtar u amministrazzjoni separati. Kull ċentru jamministra programm ta' komunikazzjoni separat u għandu markar korporattiv separat. Filwaqt li l-Istati Membri ħadu l-passi meħtieġa biex jiżguraw koordinazzjoni, dan mhux il-każ fl-Istati Membri kollha. L-effett huwa li ta' spiss huwa bla sens li jkun hemm servizz koerenti offrut dwar ħiliet u kwalifiki fil-livell nazzjonali mingħajr wisq stimulu biex iċ-ċentri jikkooperaw u jikkomunikaw b’mod sistematiku sabiex jippreżentaw servizzi aktar koerenti. Iċ-ċentri mhumiex qed jilħqu kompletament lill-udjenzi destinatarji u b’hekk l-għodod u s-servizzi tal-UE mhumiex jilħqu lill-benefiċjarji kollha previsti.
Din il-proposta għandha l-għan li toffri potenzjal akbar u opportunità għall-Istati Membri biex jikkoordinaw b’mod strateġiku s-servizzi offruti fil-livell nazzjonali. Aktar koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni, se jippermettu lis-servizzi jirrispondu b’mod sistematiku għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, kemm jekk intermedjarji bħalma huma l-professjonisti tal-orjentament, kemm jekk individwi li jistgħu jibbenefikaw direttament minn servizzi wiċċ imb’wiċċ li jipprovdu informazzjoni u pariri dwar opportunitajiet ta’ tagħlim u ta’ karriera, jidderiġuhom lejn servizzi oħra, jekk rilevanti, u jgħinu lil dawk li ma jistgħux ikollhom aċċess għall-għodod diġitali u onlajn jew lil dawk li ma għandhomx l-ħiliet neċessarji biex jużawhom.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din hija l-ewwel reviżjoni tad-Deċiżjoni Europass. Stabbilita tnax-il sena ilu, id-Deċiżjoni issa teħtieġ li tirrifletti l-avvanzi fit-teknoloġija u l-bidliet fis-suq tax-xogħol, fis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ u fis-soċjetà inġenerali. Din il-proposta se taġġorna u ssaħħaħ il-qafas tal-Europass biex tagħmlu aktar konformi mal-ħtieġa attwali ta' informazzjoni li tkun aktar komprensiva, aġġornata, faċli biex tintuża u interoperabbli u biex tippermettilu jakkomoda żviluppi u ħtiġijiet futuri. Il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ min qed jitgħallem, tal-persuni li qed ifittxu xogħol u ta' dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, ta' min jirrekluta u tal-impjegaturi.
Din il-proposta hija marbuta mal-ewwel waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea, "Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment". L-iżvilupp tal-ħiliet bħala rotta lejn l-irkupru huwa wkoll enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2016. Din l-inizjattiva għandha l-għeruq tagħha fl-inizjattivi preċedenti tal-Kummissjoni dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda, pereżempju:
–"Aġenda għal Kapaċitajiet u Impjiegi Ġodda" (2010);
–"Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar"
–il-Pakkett ta’ Impjiegi (2012).
Id-Deċiżjoni hija waħda mill-inizjattivi tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa u hi komplementari għal azzjonijiet oħrajn proposti f’dan il-kuntest. Hija konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (QEK). Ir-Rakkomandazzjoni ħolqot qafas ta’ referenza komuni ta’ tmien livelli ġeneriċi Ewropej tat-tagħlim, li sservi ta' “grilja ta' traduzzjoni” bejn is-sistemi ta’ kwalifiki nazzjonali. Dawn il-livelli huma maħsubin biex jappoġġaw it-trasparenza u l-komparabilità tal-kwalifiki. Se tiġi inkluża fil-qafas tal-Europass informazzjoni dwar il-QEK sabiex l-individwi jkunu jistgħu jużaw il-livelli tal-QEK biex jippreżentaw il-kwalifiki tagħhom.
Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti wkoll mar-rakkomandazzjoni dwar Garanzija tal-Ħiliet li hi azzjoni oħra taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha tgħin lill-persuni bi ftit kwalifiki biex jiksbu aċċess għal perkorsi flessibbli ta' titjib tal-ħiliet sabiex jiksbu livell minimu ta' litteriżmu, ta' numeriżmu u ta' ħiliet diġitali, u jkomplu jitgħallmu bir-ritmu tagħhom biex jiksbu kwalifika ta’ livell sekondarju għoli li jwassal għal kisba ta' sett usa' ta' ħiliet. L-għodod ta' awtovalutazzjoni offruti mill-qafas tal-Europass se jkunu ta’ benefiċċju għall-grupp destintarju tal-Garanzija tal-Ħiliet.
Is-servizzi offruti permezz tal-qafas tal-Europass jgħinu lill-individwi jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom miksuba permezz ta’ perkorsi differenti, inkluż barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali (pereżempju permezz tal-ħidma taż-żgħażagħ, il-volontarjat, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, traineeships). Għalhekk, din il-proposta hija konformi wkoll mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, li tistieden lill-Istati Membri biex ikollhom fis-seħħ arranġamenti għall-validazzjoni ta’ tagħlim li nkiseb barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.
L-individwi ta' sikwit jużaw il-qafas tal-Europass sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom biex isibu impjieg. In-netwerk EURES (Servizzi Ewropej tax-Xogħol) kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa netwerk ta’ servizzi għall-impjiegi u mekkaniżmu ta’ tlaqqigħ awtomatizzat tal-persuni mal-impjiegi permezz tal-pjattaforma informatika komuni tal-EURES. Se jiġu żgurati sinerġiji u kooperazzjoni bejn il-Europass u l-EURES biex ikun rinfurzat l-impatt taż-żewġ servizzi. Il-proposta hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, partikolarment fir-rigward tal-użu tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO).
Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki u inizjattivi oħra riċenti dwar l-impjiegi, bħalma huma r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u dwar il-Qgħad fit-Tul.
•Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Is-servizzi għall-ħiliet u l-kwalifiki huma maħsuba biex jappoġġaw l-impjegabilità u l-mobilità fl-okkupazzjonijiet, is-setturi, ir-reġjuni u l-fruntieri permezz ta' trasparenza, komparabilità u fehim aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-individwu. Huma jistgħu jappoġġaw lill-individwi tal-UE li jiċċaqilqu lil hinn mill-UE (inklużi f’każijiet fejn sussegwentement jiksbu ħiliet u kwalifiki f’pajjiżi terzi) u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jemigraw lejn l-UE jew li diġà jkun residenti hemmhekk. Fil-kuntest attwali ta’ flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ akbar ta’ persuni lejn u mill-UE, il-qafas tal-Europass huwa konsistenti ma’ inizjattivi tal-UE marbuta mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-informazzjoni disponibbli fuq l-internet f’diversi lingwi u l-appoġġ ipprovdut fil-livell nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Billi jipprovdu għodod li jistgħu jintużaw faċilment mill-utent u jinkoraġġixxu sinerġija u kooperazzjoni aħjar sabiex is-servizzi fuq il-post dwar il-ħiliet u l-kwalifiki jaqdu aħjar lill-individwi, id-Deċiżjoni proposta għandha l-għan li tilħaq firxa wiesgħa ta’ utenti, inklużi dawk bi ftit kwalifiki, il-persuni qiegħda u l-migranti, u għalhekk din tikkontribwixxi għall-inklużjoni.
L-Internet u t-teknoloġiji diġitali qed jittrasformaw dinjietna. Billi jipprovdi aċċess aħjar għas-servizzi, il-qafas tal-Europass huwa wkoll konformi mal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Unjoni, li għandu l-għan li jippermetti aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi onlajn madwar l-Ewropa.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-għan tad-dokumentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki huwa li jintlaħqu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, jiġu appoġġati deċiżjonijiet dwar il-karriera, jinstabu opportunitajiet tax-xogħol u tiġi appoġġata l-mobilità.
L-Artikolu 165 jistipula li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata, fost l-oħrajn, lejn l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenza dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri.
L-Artikolu 166 jistipula li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri. L-azzjoni tal-Unjoni għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ttejjeb it-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwu sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni vokazzjonali u r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol u biex jiġu żviluppati skambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenza fuq kwistjonijiet komuni fis-sistemi ta’ taħriġ tal-Istati Membri.
Minħabba li l-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali huma fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn l-artikoli jeskludu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri.
Iż-żewġ artikoli jiddikjaraw li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom irawmu kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti rispettivament fil-qasam tal-edukazzjoni [l-Artikolu 165(3)] u fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali [l-Artikolu 166(3)].
•Is-sussidjarjetà
L-inizjattiva hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri.
Jekk tiġi indirizzata biss fil-livell nazzjonali, l-ambitu tal-għodod u s-servizzi għall-ħiliet u l-kwalifiki jibqa' limitat u l-potenzjal għal sinerġiji mas-servizzi eżistenti, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, ma jkunx sfruttat b’mod sħiħ. L-azzjoni fil-livell tal-UE toffri l-pjattaforma meħtieġa biex jinħolqu konsistenza u fehim aħjar tas-sistemi u l-kwalifiki diversi fost il-pajjiżi u l-partijiet interessati differenti. Fl-aħħar nett se jinkisbu għażliet aħjar, aċċess iktar faċli għal informazzjoni ta’ kwalità aħjar u opportunitajiet ġodda u dan se jikkontribwixxi għal allokazzjoni aħjar tar-riżorsi fil-livell tal-UE.
Għal servizzi offruti fuq il-post fil-livell nazzjonali permezz ta’ ċentri, id-dispożizzjonijiet għal simplifikazzjoni u kooperazzjoni aktar b’saħħitha proposti fid-Deċiżjoni huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-proposta biex tiġi stabbilita interfaċċa waħda ewlenija u l-ħatra ta' benefiċjarju ewlieni ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea għal kull pajjiż, b'rwol ta’ koordinament għal kwistjonijiet marbuta mal-ħiliet u l-kwalifiki li jibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri ma timponi ebda dispożizzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni għall-Istati Membri (u pajjiżi parteċipanti).
•Il-proporzjonalità
Il-miżuri proposti fir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Europass ma jżidux l-ambitu tal-azzjoni tal-UE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Il-miżuri huma proporzjonati mal-objettivi li għandhom jinkisbu.
L-azzjonijiet proposti jindirizzaw l-istrumenti eżistenti deskritti hawnhekk u għalhekk huma proporzjonali fir-rigward tal-objettivi li għandhom jintlaħqu.
Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Europass hija ggwidata, bħala prinċipju ġenerali, mill-ħtieġa li hi u l-qafas li tistabbilixxi jiġu aġġornati, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali li qed jevolvu u biex tinżamm flessibbli biżżejjed sabiex tippermetti żviluppi futuri possibbli fit-teknoloġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-soċjetà u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jiġu evitati aktar reviżjonijiet fit-terminu qasir. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li tadatta d-Deċiżjoni għall-prattiki li qed jinbidlu fis-suq tax-xogħol bħall-pubblikazzjoni ta’ offerti ta' xogħol, l-applikazzjonijiet, il-valutazzjonijiet tal-ħiliet u r-reklutaġġ li qegħdin dejjem iżjed jiġu amministrati onlajn. Meta jiġu pprovduti għodod u servizzi utli jeħtieġ li jitqies wkoll l-involviment ta’ varjetà ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-użu ta’ teknoloġiji u pjattaformi diġitali.
•L-għażla tal-istrument
L-istrument se jkun Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar u jissostitwixxi d-Deċiżjoni eżistenti Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2008 u fl-2013 twettqu żewġ evalwazzjonijiet tal-qafas tal-Europass. It-tieni evalwazzjoni, li tkopri l-perjodu 2008-2012, ikkonfermat li d-dokumenti tal-Europass għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw il-mobilità u li huma għodod utli għal individwi li huma interessati li jaħdmu jew jistudjaw barra minn pajjiżhom. Id-dokumenti tal-Europass jistgħu jipprovdu servizzi lill-impjegaturi u saru dejjem aktar rilevanti għall-persuni qiegħda. Il-Europass kellu wkoll rwol importanti fil-mobilità ġo l-istess pajjiż (40% tal-utenti mistħarrġa kienu domestikament mobbli) u tabilħaqq id-dokumenti saru jintużaw ħafna f’ċerti pajjiżi bħall-Italja u Spanja.
Madankollu, l-evalwazzjoni ssuġġeriet ukoll li l-Europass għandu jiġi ssimplifikat, isir orjentat aktar lejn il-miri u jiġi aġġornat. Għandhom jittejbu s-sinerġiji bejn il-Europass u inizjattivi Ewropej oħra, b’mod partikolari s-servizzi ta' orjentament u ta’ informazzjoni. Is-servizzi ta’ informazzjoni u l-għodod interattivi għall-ħiliet u l-kwalifiki għandhom isiru aktar effiċjenti kif għandhom isiru wkoll id-diversi netwerks Ewropej ta’ ċentri nazzjonali li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ relatati. Id-dejta rilevanti minn għodod eżistenti oħra tal-UE għandha tiġi integrata faċilment. L-interoperabilità tal-għodod tal-Europass mal-għodod tal-UE bħal dawk użati għat-tlaqqigħ tal-impjiegi għandha tissaħħaħ.
L-evalwazzjoni tissottolinja wkoll li d-dokumenti tal-Europass ma evolvewx biex jippermettu deskrizzjoni tat-tipi differenti ta’ tagħlim u ħiliet, bħal dawk miksuba permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali jew informali. L-evalwazzjoni kkunsidrat ukoll li ta' min jiġu esplorati l-merti tal-amalgamar tas-Suppliment għad-Diploma (dokument li jispjega n-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla) u s-Suppliment għaċ-Ċertifikat (dokument simili maħruġ għal taħriġ vokazzjonali) f’dokument wieħed.
Id-Deċiżjoni proposta għandha l-għan li twieġeb għal dan it-tħassib.
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati
Fl-2014 saret konsultazzjoni pubblika bi tħejjija għal inizjattiva f’dak iż-żmien magħrufa bħala ż-"Żona Ewropea tal-Ħiliet u tal-Kwalifiki". Il-konsultazzjoni indirizzat l-effettività tal-għodod u s-servizzi eżistenti. Fl-2014 inħareġ Ewrobarometru speċjali dwar l-istess inizjattiva, li indirizza wkoll il-perċezzjoni pubblika tal-effettività tal-għodod u s-servizzi.
Il-konsultazzjoni pubblika sabet li kien hemm lok sinifikanti għal titjib fix-xenarju attwali tal-għodod tal-internet għall-ħiliet u għall-kwalifiki; Identifikat ukoll appoġġ qawwi għall-amalgamar tad-dokumenti tal-Europass. Ir-riżultati indikaw li kien hemm interess potenzjali fil-ħolqien ta’ "punt uniku ta’ kuntatt" li jipprovdi servizzi integrati li jkopru l-firxa sħiħa ta’ servizzi Ewropej dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim, l-orjentament u t-trasparenza tal-kwalifiki. Barra minn hekk, nstab li l-għodod attwali għat-trasparenza ma kinux kompletament adegwati għar-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim diġitali.
Fl-2016, il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet immirati dwar din il-proposta li tirrevedi d-Deċiżjoni Europass. L-imsieħba soċjali u n-netwerks ta’ ċentri nazzjonali (il-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK - NCPs, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u ċ-Ċentri ta' Euroguidance, eċċ.) wieġbu b’mod partikolari għal aspetti tal-proposta relatati mas-simplifikazzjoni u dwar l-istabbiliment ta' Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet.
L-imsieħba soċjali qablu li l-frammentazzjoni ta' bħalissa tas-servizzi għall-ħiliet u l-kwalifiki tirrappreżenta sfida u laqgħu b'mod ġenerali l-idea ta’ aktar integrazzjoni u sinerġija kemm bejn l-għodod onlajn kif ukoll bejn is-servizzi nazzjonali. L-imsieħba soċjali identifikaw ukoll il-ħtieġa għal rabtiet eqreb ma’ aġenziji u osservatorji nazzjonali tal-ħiliet immexxija mill-gvernijiet nazzjonali u l-imsieħba soċjali nfushom. Il-qafas tal-Europass huwa ġeneralment apprezzat bħala għodda li tista’ tintuża direttament minn individwi; B’mod partikolari, is-CV tal-Europass huwa format komuni magħruf sew u użat ħafna li jista' jżid it-trasparenza u l-fehim. Is-Suppliment għad-Diploma ta' edukazzjoni għolja, żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO, jintuża ħafna fit-48 pajjiż tal-Proċess ta’ Bologna. F’dan il-proċess, il-ħidma għar-reviżjoni tas-Suppliment għad-Diploma għadha għaddejja, biex jiġi żgurat li dan jirrifletti l-aħħar żviluppi fl-edukazzjoni għolja u jkun rilevanti għall-istudenti u għall-impjegaturi. Huwa meħtieġ ukoll titjib rigward is-Suppliment għaċ-Ċertifikat. L-isforzi biex ċerti elementi jiġu ttrattati b’mod konsistenti bejn iż-żewġ Supplimenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex tiżdied il-viżibbiltà u jissaħħaħ l-użu.
Wieħed mill-eżiti ewlenin tal-konsultazzjoni maċ-ċentri tal-Europass, il-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-QEK u n-netwerk Euroguidance kien il-ħtieġa ta' aktar fokus fuq kwistjonijiet ta’ orjentament, li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod xieraq permezz ta’ għodod u servizzi bbażati fuq il-web iżda jeħtieġu l-preżenza u l-involviment wiċċ imb’wiċċ tal-individwi. Iċ-ċentri appellaw ukoll għal proċeduri amministrattivi ssimplifikati u għal ippjanar fit-tul meta mqabbel mal-eżerċizzju annwali attwali. Dan ikun konformi mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu ssimplifikati l-operazzjonijiet u l-finanzjament ta’ dawn in-netwerks ta' politika. Xi ċentri qajmu wkoll tħassib speċifiku li d-deżinjazzjoni ta’ Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet ma għandhomx jirrikjedu, fil-livell nazzjonali, it-teħid ta' attivitajiet jew l-amalgamar taċ-ċentri eżistenti tal-Europass, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-QEK u ċ-ċentri ta’ Euroguidance, filwaqt li fakkru li l-organizzazzjoni tas-servizzi fil-livell nazzjonali hija kwistjoni ta’ sussidjarjetà. F’dan il-kuntest, xi Stati Membri jippreferu li tinżamm is-sitwazzjoni preżenti fejn dawn in-netwerks huma fil-biċċa l-kbira entitajiet distinti u li jistgħu jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ partijiet differenti tal-amministrazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni spjegat li l-għan ta’ dan l-aspett tal-proposta huwa li jiġu ssimplifikati l-arranġamenti amministrattivi u ta’ koordinazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, u suċċessivament li tiġi ffaċilitata l-azzjoni tal-Istati Membri għal servizzi konnessi li jingħataw lill-individwi. Għandu jiġi identifikat mill-Istati Membri rispettivi benefiċjarju ewlieni tal-fondi tal-UE u dan ikun l-interfaċċa ewlenija mal-Kummissjoni b'rabta mal-attivitajiet attwalment imwettqa mill-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u ċ-Ċentri ta' Euroguidance. Dan diġà huwa l-każ f’diversi pajjiżi. Il-proposta għandha tfittex li toħloq aktar opportunitajiet għal użu aktar strateġiku tal-fondi mis-servizzi nazzjonali fuq perjodu ta’ finanzjament itwal iżda tħalli għar-responsabilità ta' kull Istat Membru kwalunkwe deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali..
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Fl-2015 tnieda studju biex jiġu analizzati u tinġabar informazzjoni dwar seba’ portals marbuta mal-ħiliet u l-kwalifiki (EURES, Europass, ESCO, Opportunitajiet ta’ Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa, ENIC-NARIC, Panorama ta’ Ħiliet tal-UE u l-Portal għaż-Żgħażagħ). L-għan tal-istudju kien li jiġu identifikati l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-utenti destinatarji u/jew il-partijiet interessati. L-analiżi tat ħarsa ġenerali inizjali lejn is-soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni possibbli biex jitjiebu l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn id-diversi għodod u s-servizzi onlajn.
•Il-valutazzjoni tal-impatt
Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Waqt it-tfassil tal-proposta, ġew ikkunsidrati erba’ opzjonijiet li jibnu fuq l-għodod u s-servizzi eżistenti tal-UE fil-qasam tal-ħiliet u tal-kwalifiki u għandhom l-għan li jadattaw, jiġu ssimplifikati u aġġornati u jiġu żgurati koordinazzjoni u sinerġija aħjar.. L-opzjonijiet ma jinvolvux implikazzjonijiet operazzjonali sinifikanti għall-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra. L-opzjonijiet imfissra hawn taħt mhumiex reċiprokament esklussivi u jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati separatament kif ukoll flimkien.
Opzjoni 1 - Tisħiħ tad-dokumentazzjoni u l-preżenza onlajn
Din l-opzjoni tinvolvi t-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-għodod ta' dokumentazzjoni eżistenti għall-komunikazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki u t-titjib tal-kwalità fil-preżenza tagħhom onlajn. L-għodod ta' dokumentazzjoni ikomplu joperaw b’mod indipendenti mingħajr ebda sinerġija ma’ għodod u servizzi relatati oħra.
Opzjoni 2 - Integrazzjoni aħjar tas-servizzi
Din l-opzjoni timplika s-simplifikazzjoni tal-għodod u s-servizzi rilevanti tal-UE fil-qasam tal-ħiliet u tal-kwalifiki (Europass, il-Panorama Ewropea tal-Ħiliet, il-portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa) biex joffru servizz aktar integrat li jindirizza l-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-utenti b’mod komprensiv u b’mod ċar. Is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-għodod ta' dokumentazzjoni għall-komunikazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki jiġu segwiti bħal f'opzjoni 1 iżda l-informazzjoni pprovduta mill-Panorama ta' Ħiliet tal-UE u l-Portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa tkun integrata fil-Europass flimkien mal-għodod ta' dokumentazzjoni. L-integrazzjoni ta’ sett usa’ ta’ għodod u servizzi jgħinu jissimplifikaw l-informazzjoni offruta lill-utenti. L-ESCO sservi ta’ terminoloġija komuni għad-deskrizzjoni ta’ ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet. Dan isaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni u ċ-ċarezza tagħha għall-utenti. L-integrazzjoni ta’ għodod u servizzi fil-Europass tgħin il-promozzjoni tagħhom, iżżid l-għarfien u tħeġġeġ l-użu.
Opzjoni 3 - Koordinazzjoni aħjar tan-netwerks ta’ appoġġ
Din l-opzjoni tinvolvi l-istabbiliment ta’ punt wieħed ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali biex jiġu kkoordinati attivitajiet attwalment assoċjati maċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass, il-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK, u ċ-ċentri ta' Euroguidance. F'kull Stat Membru jiġi identifikat benefiċjaru ewlieni tal-finanzjament tal-UE u interfaċċa ewlenija mal-Kummissjoni b'rabta mal-attivitajiet attwalment imwettqa miċ-ċentri nazzjonali, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali f’termini ta’ implimentazzjoni u koordinazzjoni. Il-punt ta’ koordinazzjoni f'kull pajjiż jottimizza u jissimplifika l-operat taċ-ċentri nazzjonali u jista' jappoġġa koperazzjoni akbar bejn is-servizzi sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki u jiġi appoġġat it-tagħlim tul il-ħajja u l-orjentament dwar il-karrieri fil-livell nazzjonali. Il-punt ta’ koordinazzjoni jista' jaġixxi wkoll bħala punt ċentrali għal servizzi oħra kollegati bħall-iżvilupp ta’ informazzjoni dwar il-ħiliet.
Opzjoni 4 - Interoperabilità aħjar bejn is-servizzi
Skont din l-opzjoni, il-Europass jappoġġa l-preżentazzjoni u l-integrazzjoni tad-dejta rilevanti minn għodod eżistenti oħra tal-UE bħal dejta kollegata miftuħa (linked open data) jew formati jew standards miftuħa sabiex tiġi appoġġata interoperabilità aħjar bejn id-diversi għodod u servizzi, inklużi dawk ta’ partijiet terzi bħas-suq tax-xogħol. L-ESCO tintuża bħala t-terminoloġija komuni li tappoġġa din il-ħidma. Din l-opzjoni tippermetti lil dawn il-partijiet jisfruttaw aħjar d-dejta għal finijiet differenti, inkluż it-tlaqqigħ tal-impjiegi, u tallinja l-għodod u s-servizzi tal-Europass max-xejriet diġitali li qed jevolvu.
Dan li ġej huwa konfigurazzjoni possibbli għall-integrazzjoni ta’ servizzi u kollegamenti u sinerġija ma’ għodod oħra:
Vleġeġ jindikaw sinerġiji jew kollegamenti li għandhom jiġu stabbiliti mas-servizz integrat. Bl-abjad huma portals eżistenti; blu jindika karatteristiċi ġodda tal-għodda. L-ESCO tkun terminoloġija komuni.
•L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
Mhux applikabbli. Il-proposta mhix marbuta mar-REFIT.
Għalkemm il-proposta tiffoka prinċipalment fuq l-immodernizzar u t-tisħiħ tal-qafas tal-Europass, is-sinerġiji li se tikseb se jissimplifikaw il-firxa tal-għodod u s-servizzi tal-UE li nħolqu matul is-snin permezz ta’ miżuri ad hoc mhux neċessarjament appoġġati minn bażi ġuridika. Semplifikazzjoni bħal din għandha ġġib aktar effiċjenza u użabilità.
Il-proposta hi lesta għall-internet u tippreżenta soluzzjonijiet kemm għall-ambjent diġitali kif ukoll għal dak fiżiku.
•Id-drittijiet fundamentali
Fl-Unjoni Ewropea, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa ggarantit skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kull meta l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jinvolvu l-ipproċessar ta' dejta personali, dawn għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u l-miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni relatati magħha, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.
Id-Direttiva 95/46/KE se tiġi sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) li huwa applikabbli mill-25 ta' Mejju 2018.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-biċċa l-kbira tal-għodda koperti mid-Deċiżjoni diġà jeżistu u huma ffinanzjati mill-Unjoni. L-implikazzjonijiet finanzjarji tal-inizjattiva huma prinċipalment marbuta mal-ispejjeż tal-iżvilupp tal-IT, tal-hosting u l-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-servizzi bbażati fuq il-web fil-livell tal-UE.
L-iżvilupp ta’ servizzi onlajn aktar komprensivi kif propost minn din l-inizjattiva se jiġi ffinanzjat mill-Unjoni. Se jkun hemm bżonn investiment inizjali fil-futur qrib għal żvilupp ġdid tal-IT tal-pjattaforma ġdida bbażata fuq il-web madwar l-Ewropa, iżda ma għandux ikun hemm spejjeż mhux mistennija fil-livell tal-UE. Il-livell ta’ investiment meħtieġ se jiddependi mill-għażliet tekniċi tal-IT. Il-programm ta’ ħidma Erasmus + għall-2016 jinkludi attivitajiet għall-iżvilupp ta’ servizzi tal-web għall-ħiliet u l-kwalifiki għal ammont stmat ta’ EUR 2 500 000 biex ikopri dan l-investiment. Mhux se jkun hemm implikazzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri jew pajjiżi parteċipanti, minn din il-ħidma ta’ żvilupp. Huma se jintalbu jkomplu jikkontribwixxu l-informazzjoni; din l-attività se tkun appoġġata mill-baġit tal-Unjoni kif inhu l-każ bħalissa.
Kwalunkwe investiment inizjali se jkun ibbilanċjat mill-iffrankar miksub permezz tas-sinerġiji stabbiliti bejn l-għodod eżistenti u l-effiċjenza riżultanti fuq perjodu twil. Minħabba li s-servizzi se jiġu integrati fil-pjattaforma l-ġdida tal-Europass, hemm għadd ta' pjattaformi li mhux se jibqgħu jeżistu. Dan għandu jgħin biex jinkiseb iffrankar sostanzjali fir-riżorsi finanzjarji primarjament permezz tal-integrazzjoni tal-ospitar, il-manutenzjoni u l-appoġġ tal-għodod differenti tal-IT u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Dan għandu jammonta għal madwar EUR 450 000 fis-sena.
L-attivitajiet tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-QEK, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u ċ-Ċentri ta' Euroguidance huma kofinanzjati mill-Kummissjoni permezz tal-baġit Erasmus+. Ma hemm l-ebda tibdil fuq perjodu medju previst fil-baġit allokat permezz ta’ Erasmus+ għall-operat tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali fil-qasam tal-Ħiliet. Fl-2016 l-ammont totali allokat mill-baġit tal-UE liċ-ċentri jammonta għal EUR 7 300 000. L-allokazzjonijiet baġitarji eżistenti għaċ-ċentri nazzjonali jinġabru f'allokazzjoni unika skont il-pajjiż biexjingħataw lil benefiċjarju uniku f’kull Stat Membru fuq bażi pluriennali. Dan se jissimplifika l-proċeduri amministrattivi minħabba li r-rappurtar u l-finanzjament pluriennali jippermettu aktar ippjanar strateġiku u aktar użu strateġiku ta’ riżorsi meta mqabbla mal-eżerċizzju annwali attwali. L-Istati Membri jistgħu fil-fatt ikunu jistgħu jiksbu ffrankar permezz ta’ tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi assoċjati mal-ġestjoni tar-rapportar u tal-finanzjament ta’ żewġ jew tliet ċentri separati. Bħala tali, l-ebda implikazzjoni baġitarja ma hi assoċjata mal-istabbiliment ta’ Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali fil-qasam tal-Ħiliet meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjani ta' implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
Hija prevista evalwazzjoni kull ħames snin. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni kif rilevanti.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-preambolu jintroduċi l-qafas attwali tal-Europass u jiddeskrivi kif jikkollega u huwa komplementarju ma' għodod u servizzi oħrajn għall-ħiliet u għall-kwalifiki, b’mod partikolari dawk marbuta mal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim u dwar il-kwalifiki u mal-għarfien u l-informazzjoni dwar il-ħiliet.
Minkejja xi kisbiet importanti, għad fadal bosta sfidi rigward l-għodod u s-servizzi għall-ħiliet u l-kwalifiki. Dawn l-isfidi huma marbuta prinċipalment mat-trasformazzjonijiet li seħħew matul is-snin, b’mod partikolari il-proċessi ta' bidliet fis-suq tax-xogħol u forom u kuntesti ġodda għall-provvista tal-edukazzjoni. Dawn il-bidliet jeħtieġu formati ġodda għall-preżentazzjoni tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi u modi ġodda ta’ komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni.
It-teknoloġija tal-informatika biddlet il-mod kif jaħdem is-suq tax-xogħol u l-qafas tal-Europass u l-għodod l-oħra tal-UE mhux neċessarjament laħqu ma’ dawn il-bidliet. L-ewwel nett, dawn mhux dejjem ikunu adattabbli għal xejriet ġodda bħall-użu tal-midja soċjali, l-apparati mobbli, l-analiżi tal-big data u l-web crawling. Il-qafas attwali tal-Europass stabbilit bid-Deċiżjoni 2241/2004/KE għandu kamp ta' applikazzjoni u flessibbiltà limitati minħabba li jiffoka fuq dokumenti u mudelli li mhumiex aktar kompatibbli max-xejriet attwali jew t-trajettorja ta’ għodod u servizzi onlajn. Minkejja xi evoluzzjoni, dan in-nuqqas ta’ innovazzjoni aktar profonda jostakola l-użu ta’ dawn l-għodod u jagħmilhom inqas attraenti.
It-tieni nett, l-għodod tal-UE mhumiex interkonnessi biżżejjed biex jippermettu it-tlaqqigħ, l-użu mill-ġdid u l-integrazzjoni ta' dejta minn sorsi differenti u l-interoperabilità ma’ għodod żviluppati mis-suq tax-xogħol. Għal dawk li qed ifittxu impjieg, pereżempju, il-varjetà ta’ għodod biex jiddokumentaw il-ħiliet u l-varjetà ta’ sistemi, formati u lingwi użati biex jirrekordjaw postijiet tax-xogħol battala jipprevjenu t-tlaqqigħ awtomatizzat ta' postijiet tax-xogħol battala u s-CVs ta’ kandidati potenzjali.
Din hija r-raġuni għaliex huwa meħtieġ qafas ġdid li jinkludi għodod iktar reattivi u informazzjoni għal finijiet kemm ta’ tagħlim kif ukoll ta’ impjieg, inkluża l-informazzjoni dwar il-ħiliet, u li jiżgura sinerġiji aħjar ma’ servizzi rilevanti oħra bħall-EURES biex ir-rwol ta’ kull servizz jissaħħaħ reċiprokament.
Din id-Deċiżjoni proposta tindirizza wkoll l-operat ta’ servizzi ta' appoġġ fil-livell nazzjonali marbuta ma’ għodod u servizzi assoċjati mal-Europass kif ukoll il-QEK u Euroguidance.
L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-ambitu tal-qafas il-ġdid Europass, li għandu jipprovdi servizz għad-dokumentazzjoni tal-ħiliet u ta-kwalifiki; joffri opportunitajiet ta’ (awto) valutazzjoni tal-ħiliet; jipprovdi informazzjoni rilevanti; u jappoġġa l-iżvilupp ta’ standards miftuħa biex jiġi aġevolat skambju ta’ informazzjoni aktar faċli bejn l-għodod u s-sistemi differenti.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-definizzjonijiet tat-termini użati f’din id-Deċiżjoni.
Is-servizz imsaħħaħ offrut mill-qafas il-ġdid tal-Europass huwa speċifikat fl-Artikolu 3.
Attwalment, il-qafas tal-Europass huwa ffukat fuq id-dokumentazzjoni tal-ħiliet u jipprovdi sett ta’ mudelli fissi, inkluż s-CV magħrufa sew tal-Europass, li għandha timtela onlajn jew offlajn u li tista' tiġi stampata. Permezz ta’ din il-proposta, is-CV tal-Europass xorta se tkun karatteristika ewlenija tal-qafas iżda se tevolvi minn "dokument" aktar tradizzjonali bbażat fuq mudell fiss għal għodda aktar flessibbli. L-għodda tas-CV tippermetti preżentazzjoni ta’ tipi differenti ta’ dejta personali u informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li jistgħu jiġu faċilment irranġati mill-ġdid u kkombinati, jekk meħtieġ, f’varjetà ta’ oqsma u formati. Bħala tali s-CV se ssir aktar adattabbli għad-diversi ħtiġijiet u sitwazzjonijiet li jinqalgħu għal min qed jitgħallem u għal dawk li qegħdin ifittxu xogħol fi stadji differenti tal-ħajja professjonali u personali tagħhom. Is-CV iżżomm il-karatteristiċi tradizzjonali sabiex tkun tista’ tiġi editjata u stampata faċilment, iżda l-utenti se jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom f’formati oħrajn inqas tradizzjonali, inklużi elementi viżwali. Dawn se jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-vantaġġi tal-midja soċjali, l-applikazzjonijiet għall-apparati mobbli u l-għodod tat-tlaqqigħ tal-impjiegi. Se jittieħed dan l-istess approċċ ma’ kull wieħed mid-dokumenti tal-Europass sabiex ikun żgurat li huma rilevanti u adattabbli, li jkunu jistgħu jintegraw id-dejta rilevanti u li l-utenti jkollhom l-għodod li jissodisfaw il-ħtiġijiet differenti tagħhom, kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni.
Il-qafas tal-Europass se joffri lill-utenti l-opportunità li jagħmlu awtovalutazzjoni tal-ħiliet tagħhom bħalma huma l-ħiliet diġitali permezz ta’ għodod provduti fil-livell tal-UE u li jintegraw dejta minn għodod oħra ta' awtovalutazzjoni tal-UE bħall-Youthpass. Dawn l-għodod kollha se jippermettu fehim aktar faċli u kondiviż tal-kunċetti u l-eżiti kemm mill-individwi kif ukoll minn dawk li jippruvaw jivvalutaw u jifhmu l-ħiliet. Tali għodod bħalissa mhumiex previsti mill-qafas attwali apparti l-qafas ta’ referenza għall-valutazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi marbuta mad-dokumenti tal-Europass.
Flimkien ma’ għodod għad-dokumentazzjoni u l-(awto) valutazzjoni, il-qafas propost se jipprovdi wkoll informazzjoni rilevanti dwar il-kwalifiki, l-opportunitajiet ta’ tagħlim, il-faċilitajiet ta' orjentament dwar il-karrieri, il-prattiki ta' rikonoxximent tal-kwalifiki u l-informazzjoni dwar il-ħiliet. Din l-informazzjoni se jaċċedu għaliha l-utenti b’mod sempliċi u mingħajr diffikultà, sabiex jingħata appoġġ aħjar għall-għażliet ta' karrieri u ta' tagħlim tagħhom. Din l-informazzjoni mhix ipprovduta mill-qafas attwali. L-akkomunament ta' tali dejta f’post wieħed u l-użu ta’ terminoloġija komuni (b’diversi lingwi) se jgħinu lill-utenti jsibu dak li jridu b’mod aktar faċli.
Il-qafas rivedut tal-Europass se joffri l-possibbiltà li jiġu żviluppati u jintużaw standards miftuħa għal skambju aħjar u l-kondiviżjoni ta’ dejta elettronika dwar il-ħiliet u l-kwalifiki.
Id-Deċiżjoni tiddefinixxi qafas ġenerali iżda ma jistabbilixxi l-ebda format jew mudell stabbilit għad-dokumentazzjoni tal-ħiliet, kif inhu l-każ bħalissa. Din se tiżgura l-flessibbiltà meħtieġa biex is-servizzi jadattaw għall-evoluzzjoni futura tal-ħtiġijiet u t-teknoloġija.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li jispiraw il-qafas il-ġdid. B’mod partikolari, se jiżgura t-trasparenza tat-tagħlim u l-ħiliet miksuba f’kuntesti differenti (formali, mhux formali u informali). Il-qafas rivedut tal-Europass se jqis l-livelli tal-kwalifiki kif stipulati fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sabiex l-informazzjoni dwar il-kwalifiki minn pajjiżi differenti (kemm tal-UE kif ukoll mhux tal-UE) tkun aktar trasparenti u komparabbli.
L-użu ta’ standards miftuħa se jippermetti l-interoperabilità bejn is-servizzi. Kull żvilupp li jsir fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regolament EURES u se jikkomplementa kwalunkwe żvilupp tekniku sussegwenti.
Biex jissaħħu kemm il-valur miżjud Ewropew kif ukoll il-firxa ta' azzjoni tal-għodod u s-servizzi, il-Europass se jkun offrut bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. L-użu u l-importanza tat-teknoloġija u l-ħtieġa li tkun żgurata l-adattabilità għall-ħtiġijiet li qed dejjem jevolvu huma stabbiliti fit-test legali.
L-Artikolu 5 jistabbilixxi s-Suppliment(i) tal-Europass għall-Kwalifiki . Dan l-Artikolu jappoġġa l-għoti ta’ informazzjoni minn partijiet awtorizzati dwar in-natura tal-kwalifiki miksuba minn persuna permezz ta’ dokumenti standardizzati. Is-Suppliment(i) għall-Kwalifiki se tinkorpora jew jinkorporaw is-supplimenti eżistenti (is-Suppliment għad-Diploma u s-Suppliment għaċ-Ċertifikat) kif previst fid-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE. F’dan il-kuntest, l-Artikolu jirrikonoxxi speċifikament il-ħtieġa għal kooperazzjoni b’mod partikolari bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO, li huma koproprjetarji tas-Suppliment għad-diploma.
L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) bħala lingwa ta' referenza komuni biex tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u dokumenti dwar l-okkupazzjonijiet, il-ħiliet u l-kwalifiki u t-tfittix ta’ dokumenti elettroniċi jew it-tqabbil tagħhom. L-użu ta’ terminoloġija komuni se jħaffef l-operazzjonijiet ta’ tfittix u jappoġġa l-użu aħjar tat-teknoloġija attwali bħall-web crawling. Dan huwa partikolarment utli għat-tfittix ta' impjieg, it-tlaqqigħ tal-impjiegi, it-tfittix ta' opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ kif ukoll l-orjentament dwar il-karriera. Dawn il-karatteristiċi se jappoġġaw direttament lis-servizzi offruti mill-Europass. Il-kunċett ta’ klassifikazzjoni Ewropea ta' okkupazzjonijiet u ħiliet diġà hija inkorporata fir-Regolament EURES. Din id-Deċiżjoni toffri l-opportunità li tistabbilixxi formalment l-ESCO, b’mod partikolari minħabba li r-Regolament EURES jqis biss żewġ pilastri tal-ESCO (i) okkupazzjonijiet, ii) għarfien, ħiliet u kompetenzi), u jħalli barra t-tielet pilastru (kwalifiki). L-ESCO qed isservi de facto bħala klassifikazzjoni komuni fil-qafas EURES, u dan qed jagħtiha karattru li jgħin u jiggarantixxi li jitqies l-aspett tal-"kwalifiki" tagħha.. Id-deċiżjoni Europass hija bbażata fuq l-Artikoli 165 u 166 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-qafas isegwi b'mod ċar l-għanijiet ta’ tagħlim, u dan huwa l-aktar kuntest adatt biex tiġi introdotta l-ESCO.
L-Artikolu 7 jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-Deċiżjoni. B’mod partikolari l-Kummissjoni se timmonitorja l-effettività tal-għodod u l-konsistenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet.
L-Artikolu 8 jagħti d-dettalji dwar ir-rwoli ewlenin tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tad-deżinjazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet assoċjati mal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Europass u l-kompiti relatati mal-QEK, il-validazzjoni, l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-orjentament. Il-mandat u l-kompiti tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet huma stabbiliti. L-Artikolu jistabbilixxi wkoll li d-dejta rilevanti u l-evidenza disponibbli fil-livell nazzjonali jiġu pprovduti biex jiddaħħlu fl-għodod tal-Europass u biex jaġġornawhom. Il-punti ta’ koordinazzjoni huma maħsuba biex ikunu l-benefiċjarju ewlieni tal-finanzjament u l-interfaċċa ewlenija mal-UE, filwaqt li implimentazzjoni interna u l-arranġamenti organizzattivi jitħallew f’idejn l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti.
L-Artikolu 9 jindika li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Dan jinkludi l-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli għall-Istati Membri (miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni tagħha) u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni minħabba li l-Kummissjoni hija wkoll involuta fl-ipproċessar tad-dejta personali. Minħabba li d-dejta personali tiġi pprovduta, ittrattata u, possibbilment skambjata permezz tal-Europass, l-utenti għandhom, b’mod partikolari, ikunu konxji ta’ dan l-ipproċessar, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar u jkunu jistgħu jitolbu t-tħassir tad-dejta personali tagħhom.
Id-dettalji tal-evalwazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 10.
L-Artikolu 11 jelenka l-pajjiżi li jistgħu jipparteċipaw fil-Qafas. Jibqa’ mhux mibdul meta mqabbel ma’ din id-Deċiżjoni peress li m’hemm l-ebda evidenza tal-ħtieġa li tiġi estiża jew titnaqqas il-parteċipazzjoni. L-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki pprovduta permezz tal-Qafas, madankollu, se tirreferi għal għadd akbar ta’ pajjiżi u sistemi edukattivi sabiex ikunu koperti l-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ individwi minn u lejn partijiet oħra tad-dinja.
L-Artikolu 12 jistabbilixxi dispożizzjonijiet finanzjarji.
L-Artikolu 13 jħassar id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass). Minħabba l-bidliet fis-sustanza u l-għan previst mill-proposta l-ġdida, id-deċiżjoni ta’ qabel għandha titħassar u tiġi sostitwita b’test ġdid.
L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.
2016/0304 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass), u li tħassar id-Deċiżjoni 2241/2004/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-individwi, meta jfittxu xogħol, jew meta jieħdu deċiżjonijiet dwar xiex u fejn jitgħallmu jew jistudjaw jew jaħdmu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli, dwar mezzi ta' valutazzjoni tal-ħiliet tagħhom, u dwar mezzi ta' preżentazzjoni ta' informazzjoni rigward il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.
(2)Id-differenzi fil-lingwa, fid-definizzjonijiet, fil-formats tad- dokumenti, kif ukoll fil-metodi ta' valutazzjoni u validazzjoni tal-kwalifiki, kollha jippreżentaw sfidi konsiderevoli għall-individwi, għall-impjegaturi u għall-awtoritajiet kompetenti. Dawn l-isfidi jinqalgħu speċjalment meta l-individwi jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor, inklużi pajjiż terzi, iżda wkoll meta jfittxu impjieg ġdid jew jinvolvu ruħhom fit-tagħlim. Huma meħtieġa informazzjoni ċara u fehim kondiviż sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
(3)Id-Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxiet qafas biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. L-għan tagħha kien li tinkiseb aktar trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi permezz ta’ portafoll ta’ dokumenti, magħrufa bħala "Europass", li l-individwi jkunu jistgħu jużaw fuq bażi volontarja. Id-Deċiżjoni 2241/2004/KE stabbilixxiet ukoll il-korpi nazzjonali, magħrufa bħala ċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass, li jimplimentaw il-qafas tal-Europass.
(4)Sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tiegħu, il-qafas tal-Europass iffoka fuq l-għodod għad-dokumentazzjoni tal-ħiliet u tal-kwalifiki. Dawn l-għodod kisbu użu wiesa'. L-attivitajiet miċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass joffru appoġġ u jippromwovu d-dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki.
(5)Il-portafoll tal-Europass inkluda ħames mudelli ta' dokumenti. Il-mudell tal-Europass Curriculum Vitae (CV) jippermetti lill-individwi jikkompletaw s-CV tagħhom f’format standardizzat. F'għaxar snin, inħolqu onlajn aktar minn 60 miljun CV tal-Europass. Żewġ mudelli ta’ suppliment għall-kwalifiki, jiġifieri s-Suppliment tal-Europass għad-Diploma u s-Suppliment tal-Europass għaċ-Ċertifikat, joffru informazzjoni dwar il-kontenut u l-eżiti tat-tagħlim assoċjati ma’ kwalifika u dwar is-sistema tal-edukazzjoni tal-pajjiż li joħroġ l-kwalifika. Il-Passaport tal-Lingwi Europass jintuża biex jiddeskrivi l-ħiliet lingwistiċi. Il-Europass Mobility tiddeskrivi l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż fuq esperjenzi ta’ mobilità għal tagħlim jew xogħol.
(6)Il-portafoll tal-Europass, madankollu, huwa biss wieħed minn għadd ta’ għodod u strumenti stabbiliti fil-livell Ewropew biex jitjiebu t-trasparenza u l-għarfien tal-ħiliet u l-kwalifiki.
(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja - minn hawn 'il quddiem "QEK" - ħolqot qafas ta’ referenza komuni biex tingħata għajnuna lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet meta jiġu pparagunati sistemi ta’ kwalifiki differenti u l-livelli ta’ kwalifiki minn dawn is-sistemi.
(8)Il-portal tal-Opportunitajiet ta’ Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa jagħti aċċess għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ tagħlim u kwalifiki offruti f’sistemi differenti ta' edukazzjoni fl-Ewropa u dwar il-paragun ta' oqfsa nazzjonali ta’ kwalifiki bl-użu tal-QEK.
(9)Il-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE tipprovdi informazzjoni dwar ħiliet għal okkupazzjonijiet differenti u industriji speċifiċi, inklużi d-domanda u l-provvista fil-livell nazzjonali.
(10)Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) tmexxiet mill-Kummissjoni bħala lingwa komuni u għodda operazzjonali għall-edukazzjoni/it-taħriġ u x-xogħol. L-ESCO tirristruttura kunċetti li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ fi tliet pilastri interkonnessi: i) okkupazzjonijiet, ii) għarfien, ħiliet u kompetenzi u iii) kwalifiki. Il-pilastri tal-ESCO jistgħu jiġu kkomplementati minn vokabularji awżiljarji li jkopru ambiti relatati, bħall-kuntest tax-xogħol, l-oqsma tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jew is-setturi ekonomiċi.
(11)Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament u tal-Kunsill stabbilixxa s-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES), netwerk ta' servizzi għall-impjiegi u mekkaniżmu ta’ tlaqqigħ awtomatizzat tal-persuni mal-impjiegi permezz tal-pjattaforma informatika komuni tal-EURES. Biex jippermetti l-iskambju u t-tlaqqigħ ta' postijiet tax-xogħol battala mal-kandidati, dan il-mekkaniżmu jeħtieġ lista komuni u multilingwi ta' ħiliet, kompetenzi u okkupazzjonijiet. Billi tiżviluppa l-ESCO, il-Kummissjoni qed tipprovdi sistema ta’ klassifikazzjoni multilingwi ta’ okkupazzjonijiet, ħiliet u kompetenzi u kwalifiki li hija adattata għal dan l-għan.
(12)Il-proċessi tas-suq tax-xogħol bħalma huma l-pubblikazzjoni ta’ impjiegi, l-applikazzjonijiet għall-impjiegi, il-valutazzjonijiet dwar il-ħiliet u r-reklutaġġ qed jiġu amministrati dejjem aktar onlajn permezz ta’ għodod li jużaw mezzi soċjali, big data u teknoloġiji oħra. L-għażla tal-kandidati hija amministrata permezz ta’ għodod u proċessi li jfittxu l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba f’kuntesti formali, informali u mhux formali.
(13)L-edukazzjoni u t-taħriġ qed dejjem aktar jiġu offruti f’forom u kuntesti ġodda minn varjetà ta’ fornituri, partikolarment permezz tal-użu ta’ teknoloġiji u pjattaformi diġitali. Bl-istess mod, il-ħiliet, l-esperjenzi u l-kisbiet fit-tagħlim huma rikonoxxuti f’forom differenti, bħal pereżempju badges miftuħa diġitali. Dawn huma magħrufa u użati għall-ħiliet miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali bħal fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.
(14)Huwa rikonoxxut li qiegħda tikber l-importanza tal-ħiliet trasversali jew personali li jistgħu jiġu applikati f’oqsma differenti. L-individwi jeħtieġu għodod u orjentamenti dwar l-awtovalutazzjoni u dwar id-deskrizzjoni ta' dawn il-ħiliet kif ukoll oħrajn, pereżempju dawk diġitali jew lingwistiċi.
(15)Tradizzjonalment l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba hija ppreżentata f'CV u dokumenti ta’ prova bħal ċertifikati jew diplomi. Attwalment l-individwi jippreżentaw informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom permezz ukoll ta’ għodod ġodda. Għodod bħal dawn jiffaċilitaw il-preżentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki f’diversi formati diġitali u onlajn u jappoġġaw ukoll l-awtovalutazzjoni mill-individwi tal-ħiliet miksuba f’kuntesti differenti.
(16)L-analiżi tal-postijiet tax-xogħol battala, u ta' xejriet oħra tas-suq tax-xogħol, huwa mod stabbilit biex tiġi żviluppata l-informazzjoni dwar il-ħiliet biex wieħed jifhem il-kwistjonijiet tad-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet kif ukoll l-asimmetrija fir-rigward tal-kwalifiki. L-użu tat-teknoloġija tal-informatika, bħall-web crawling u l-big data, jgħin biex tittejjeb l-informazzjoni dwar il-ħiliet u għalhekk jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet.
(17)Il-enfasi attwali tal-qafas tal-Europass fuq id-dokumentazzjoni hija wisq limitata biex tingħata risposta għall-bżonnijiet attwali u futuri. Biex jikkomunikaw il-ħiliet u l-kwalifiki u jieħdu deċiżjonijiet opportunitajiet ta’ xogħol u ta' taħriġ, l-utenti għandhom bżonn aċċess għall-informazzjoni u l-għodod rilevanti għall-komprensjoni tal-ħiliet u tal-kwalifiki kif ukoll għodod għad-dokumentazzjoni tal-ħiliet u tal-kwalifiki tagħhom.
(18)L-għodod u s-servizzi tal-Unjoni għall-ħiliet u l-kwalifiki għandhom jadattaw għall-prattiki li qed jinbidlu u l-avvanzi fit-teknoloġija sabiex ikun żgurat li jibqgħu rilevanti u ta’ valur għall-utenti. Dan għandu jinkiseb permezz, fost affarijiet oħra, tal-ħolqien ta’ aktar sinerġija bejn għodod u servizzi relatati, inklużi dawk żviluppati minn partijiet terzi, biex jingħata servizz aktar komprensiv u effettiv.
(19)L-approċċ rivedut tal-qafas tal-Europass għandu jikkunsidra l-bżonnijiet tal-utenti potenzjali kollha, inklużi l-istudenti, dawk li jfittxu x-xogħol, il-ħaddiema, l-impjegaturi, il-professjonisti tal-orjentament, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-fassala tal-politika.
(20)Is-servizzi għandhom jiġu pprovduti onlajn fil-livell tal-Unjoni. Is-servizzi għandhom jinkludu wkoll l-iżvilupp u l-użu ta’ standards miftuħa, skemi ta' metadejta u assi semantiċi biex jiġi ffaċilitat l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni, miżuri xierqa ta’ awtentikazzjoni ta’ dokumenti biex tiġi żgurata l-fiduċja fid-dokumenti diġitali u fl-għarfien u l-informazzjoni dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali għandhom jippromwovu u jiżguraw l-aċċess għal firxa wiesgħa ta’ utenti, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
(21)Għalhekk il-qafas tal-Europass stabbilit bid-Deċiżjoni 2241/2004/KE għandu jiġi sostitwit minn qafas ġdid biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu.
(22)Il-EURES huwa netwerk kooperattiv responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-iffaċilitar tal-interazzjoni bejn dawk li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi. Dan jipprovdi assistenza bla ħlas lill-persuni li qed ifittxu impjieg u li jixtiequ jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor u jgħin lill-impjegaturi li jixtiequ jingaġġaw ħaddiema minn pajjiżi oħra. Għandhom jiġu żgurati sinerġiji u kooperazzjoni bejn il-Europass u l-EURES biex ikun rinfurzat l-impatt taż-żewġ servizzi.
(23)Il-mudell(i) tas-CV, inkluż is-CV stabbilit tal-Europass, u l-mudell(i) tas-Suppliment għall-Kwalifiki għandhom jiffurmaw parti mill-Qafas. Il-mudelli għandhom ikunu disponibbli onlajn.
(24)Id-deżinjazzjoni tal-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet bħala l-interfaċċi u l-benefiċjarji ewlenin tal-fondi tal-Unjoni se tappoġġa amministrazzjoni u rappurtar simplifikati u tista’ tappoġġa aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali eżistenti, inklużi ċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass, il-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK u n-netwerk Euroguidance mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti nazzjonali f’termini ta’ implimentazzjoni u organizzazzjoni.
(25)Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali relatati, japplikaw għall-ipproċessar tad-dejta personali skont din id-Deċiżjoni.
(26)Il-parteċipazzjoni fil-qafas il-ġdid għandha tkun miftuħa għall-Istati aderenti, għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, għall-pajjiżi kandidati potenzjali u għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni, minħabba l-interess u l-kooperazzjoni fit-tul tagħhom mal-Unjoni f’dan il-qasam. Il-parteċipazzjoni għandha tkun skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fl-istrumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u dawk il-pajjiżi. L-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki pprovduta permezz tal-qafas tal-Europass se tiġi minn firxa usa' ta' pajjiżi u sistemi edukattivi minn dawk tal-pajjiżi parteċipanti u tirrifletti movimenti migratorji minn u lejn partijiet oħra tad-dinja.
(27)Il-Kummissjoni se tiggarantixxi pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ din id-Deċiżjoni.
(28)Peress li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas komprensiv u interoperabbli ta’ għodod, servizzi u informazzjoni medika għal finijiet impjieg u ta’ tagħlim, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.
(29)L-attivitajiet imwettqa fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni se jkunu appoġġati minn espert tal-Aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (CEDEFOP), fl-ambitu ta’ kompetenza tagħhom,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1.Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas Ewropew, inklużi l-għodod ibbażati fuq il-web, l-informazzjoni u l-iżvilupp ta’ standards miftuħa biex jiġu appoġġati t-trasparenza u l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki. Il-qafas għandu jkun magħruf bħala "Europass".
2.Il-Europass għandu jiġi amministrat mill-Kummissjoni u appoġġat mill-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet.
3.L-użu tal-Europass ma għandu jimponi l-ebda obbligu jew ma għandu jikkonferixxi l-ebda dritt għajr dawk definiti f’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)"Suppliment għaċ-Ċertifikat" tfisser dokument mehmuż ma’ ċertifikat vokazzjonali, sabiex jagħmilha iktar faċli għal terzi partijiet biex jifhmu l-eżiti tat-tagħlim miksuba mid-detentur tal-kwalifika kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-istudji li tlestew;
(b)"Suppliment għad-Diploma" tfisser dokument mehmuż ma’ diploma ta' edukazzjoni għolja, sabiex jagħmilha iktar faċli għal partijiet terzi biex jifhmu l-eżiti tat-tagħlim miksuba mid-detentur tal-kwalifika kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-istudji li tlestew;
(c)"Dokumenti tas-supplimenti tal-Europass għall-kwalifiki" tfisser sett ta’ dokumenti, inklużi s-suppliment għad-diploma u s-suppliment għaċ-ċertifikat, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 5;
(d)"metadejta" tfisser dejta li tipprovdi informazzjoni dwar dejta oħra li tintuża f’dokumenti tal-Europass;
(e)"skemi ta' metadejta" tfisser deskrizzjoni ta’ elementi ta’ metadejta, il-valuri possibbli tagħhom, il-livell ta' obbligu tal-valuri u r-relazzjonijiet bejn dawn l-elementi ta’ metadejta;
(f)"okkupazzjoni" tfisser raggruppament ta’ impjiegi li jinvolvu kompiti simili u li jirrikjedu sett ta' ħiliet simili;
(g)"oganizzazzjonijiet" tfisser impjegaturi, dawk li jirreklutaw, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u partijiet interessati oħra li għandhom interess fi kwistjonijiet dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi;
(h)"kwalifika" tfisser eżitu formali ta’ proċess ta' valutazzjoni u ta' validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb l-eżiti tat-tagħlim sal-istandards preskritti;
(i)"assi semantiċi" tfisser ġabra ta’ metadejta jew dejta ta' referenza ampjament riutilizzabbli bħal listi ta’ kodiċijiet, tassonomiji, dizzjunarji jew vokabularji li jintużaw għall-iżvilupp ta’ sistemi;
(j)"valutazzjoni tal-ħiliet" tfisser il-proċess jew il-metodu użat għall-evalwazzjoni, il-kejl u eventwalment id-deskrizzjoni tal-ħiliet tal-individwi. Dan jista’ jinkludi awtovalutazzjoni jew valutazzjoni iċċertifikata minn parti terza;
(k)"standards" tfisser ftehimiet rikonoxxuti dwar kriterji jew speċifikazzjonijiet ta’ prodott, servizz, proċess jew metodu, inklużi skemi ta' metadejta u assi semantiċi.
Artikolu 3
Għodod u informazzjoni
1.Il-Europass għandu jipprovdi l-għodod ibbażati fuq il-web li ġejjin :
(a)għodod għad-dokumentazzjoni ta' informazzjoni personali f’varjetà ta' formati, inklużi l-mudelli ta' curriculum vitae (CV);
(b)għodod ta' awtovalutazzjoni tal-ħiliet individwali, inkluż permezz ta’ kwestjonarji, b'referenza għal deskrizzjonijiet stabbiliti tal-ħiliet jew permezz tal-integrazzjoni ta’ dejta minn għodod oħra ta' awtovalutazzjoni eżistenti tal-UE bħall-Youthpass;
(c)mudell(i) ta' Supplimenti tal-Europass għall-Kwalifiki , kif imsemmi fl-Artikolu 5;
(d)għodod meħtieġa għall-appoġġ tal-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni minn organizzazzjonijiet.
2.Il-Europass għandu jipprovdi informazzjoni dwar dan li ġej:
(a)opportunitajiet ta’ tagħlim disponibbli;
(b)opportunitajiet għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;
(c)prattiki u deċiżjonijiet ta' rikonoxximent f’diversi pajjiżi, inklużi pajjiżi terzi, sabiex l-individwi u l-partijiet interessati l-oħra jingħataw l-għajnuna ħalli jifhmu l-kwalifiki;
(d)servizzi li joffru orjentament għat-tagħlim u l-iżvilupp tal-karriera;
(e)analiżi tax-xejriet fil-provvista u d-domanda u tipi oħra ta' informazzjoni dwar il-ħiliet inkluż fil-livell ġeografiku u dak settorjali, bl-użu ta’ mezzi teknoloġiċi bħall-analiżi tal-big data u l-web crawling;
(f)kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li tista' tkunu rilevanti għall-ħtiġijiet partikolari tal-migranti li jaslu jew li jgħixu fl-UE sabiex jingħata appoġġ lill-integrazzjoni tagħhom.
3.Il-Europass għandu jappoġġa l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' standards miftuħa, inklużi l-iskemi ta' metadejta u l-assi semantiċi, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju aktar effettiv ta' informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri u partijiet terzi. Din is-sistema ta’ klassifikazzjoni multilingwi l-ESCO (Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi) imsemmija fl-Artikolu 6 għandha tintuża biex jingħata appoġġ lil din il-ħidma.
Artikolu 4
Prinċipji u karatteristiċi ewlenin
1.L-informazzjoni u l-istandards miftuħa offruti permezz tal-Europass għandhom jiġu ppubblikati, mingħajr ħlas, għal użu mill-ġdid mill-Istati Membri u partijiet interessati oħra fuq bażi volontarja.
2.Il-Europass għandu jfittex li jtejjeb it-trasparenza u l-fehim tat-tagħlim miksub f’kuntesti formali, mhux formali u informali u permezz ta’ esperjenzi prattiċi, inkluża l-mobilità.
3.Il-Europass għandu jinkludi għodod li jiffaċilitaw l-fehim tal-ħiliet permezz ta’ valutazzjoni minn partijiet terzi jew awtodikjarazzjoni mill-individwi.
4.Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għandu jintuża bħala qafas ta’ appoġġ għall-forniment ta' informazzjoni fil-Europass. Issir referenza għall-QEK fl-informazzjoni dwar il-kwalifiki, fid-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ nazzjonali u f'oqsma rilevanti oħra.
5.Il-Europass għandu juża l-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) stabbilita fl-Artikolu 6 biex tkun żgurata l-interoperabilità semantika bejn l-għodod ta’ dokumentazzjoni u ta' informazzjoni. L-ESCO għandha tipprovdi wkoll pjattaforma ta’ interoperabilità ma’ servizzi rilevanti oħra bħal dawk żviluppati mis-suq tax-xogħol.
6.Il-qafas tal-Europass jista’ jinkludi opzjoni biex l-informazzjoni personali tinħażen mill-utenti, bħal profil personali.
7.Il-Europass għandu jappoġġa s-servizzi ta’ awtentikazzjoni għal kwalunkwe dokument diġitali jew rappreżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki.
8.L-għodod web tal-Europass għandhom jiġu pprovduti fil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9.Il-Europass għandu jiġi aġġornat f’konformità mal-avvanzi teknoloġiċi kif ukoll il-bidliet fis-swieq tax-xogħol u fl-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
10.Il-Europass għandu jitħaddem biex jiġu appoġġati u żgurati sinerġiji ma’ strumenti u servizzi oħra offruti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-iżvilupp ta’ skemi ta' metdejta miftuħa għandu jkun kompatibbli mal-istandards tekniċi applikati skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/589.
Artikolu 5
Suppliment(i) tal-Europass għall-Kwalifiki
1.Is-Suppliment(i) tal-Europass għall-Kwalifiki għandu jew għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont mudelli żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea u partijiet interessati oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO.
2.Il-mudelli tas-Supplimenti tal-Europass għall-Kwalifiki għandhom:
(a)jiġu rispettati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti meta jimlew u joħorġu s-supplimenti. B’mod partikolari, l-ordni ta’ kull element għandha tiġi rispettata u kull taqsima għandha timtela sabiex jiġu ffaċilitati l-fehim u l-għoti ta' informazzjoni sħiħa;
(b)isiru disponibbli permezz tal-għodod tal-internet tal-Europass;
(c)jiġu pprovduti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;
(d)ikunu soġġetti għal reviżjonijiet regolari sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-użabilità tas-supplimenti.
3.Id-dokumenti kollha tas-Supplimenti tal-Europass għall-Kwalifiki maħruġa minn korpi awtorizzati għandhom jinħarġu b’mod awtomatiku u mingħajr ħlas f’forma elettronika, fil-lingwa nazzjonali u/jew f’lingwa Ewropea prinċipali, skont il-proċeduri maqbula bejn il-korpi emittenti u l-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet msemmija fl-Artikolu 8 u f’konformità ma’ kwalunkwe proċedura maqbula bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati.
Artikolu 6
Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO)
1.Il-Kummissjoni għandha tamministra klassifikazzjoni multilingwi ta’ kunċetti li huma rilevanti għas-sistema ta' taħriġ u edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol tal-UE magħrufa bħala l-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO).
2.Il-klassifikazzjoni ESCO tappoġġa b’mod dirett il-funzjonament tal-Europass billi tipprovdi lingwa ta' referenza komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni u dokumenti dwar il-ħiliet u l-kwalifiki u għall-fini ta’ tfittix ta’ xogħol, tlaqqigħ ta' impjiegi, tfittix għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta' taħriġ u għoti ta’ orjentament fir-rigward tat-tagħlim u l-karriera.
Artikolu 7
Implimentazzjoni u monitoraġġ
1.Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha:
(a)tiżviluppa għodod ibbażati fuq il-web għall-operat tal-Europass;
(b)tiżgura li jitwettqu attivitajiet adegwati ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali sabiex jintlaħqu l-utenti u l-partijiet interessati rilevanti;
(c)taġġorna regolarment il-Europass;
(d)taġġorna regolarment il-klassifikazzjoni ESCO, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal- partijiet interessati, bħall-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-istituti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-istituti tar-riċerka, l-istituti tal-istatistika u s-servizzi tal-impjiegi.
2.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati kollha, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali, ikunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
3.Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha b’mod partikolari:
(a)tippromwovi u timmonitorja l-effettività tal-għodod web tal-Europass u taġġorna u tiżviluppa s-servizzi tal-Europass skont il-ħtiġijiet tal-utenti;
(b)timmonitorja l-effettività tal-appoġġ għall-iżvilupp ta’ standards miftuħa, skemi ta' metadejta u assi semantiċi għall-interoperabilità;
(c)tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2016/589 dwar il-klassifikazzjoni ESCO, u tappoġġa l-aġġornament kontinwu tal-ESCO;
(d)tappoġġa l-iżvilupp tal-informazzjoni dwar il-ħiliet, inklużi l-antiċipazzjoni u t-tbassir;
(e)tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet u l-prattiki ta’ rikonoxximent;
(f)tappoġġa l-iżvilupp ta’ politika ta’ orjentament u servizzi ta’ orjentament;
(g)timmonitorja l-attivitajiet tal-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet, il-konsistenza tal-informazzjoni li jipprovdu għall-analiżi tax-xejriet fil-provvista u d-domanda tal-ħiliet, u l-informazzjoni provduta dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim għall-portal rilevanti fil-livell tal-Unjoni;
(h)tistabbilixxi reviżjonijiet bejn il-pari u skambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.
4.Il-Kummissjoni tirrapporta fuq il-progress wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq, fil-kuntest tal-oqsfa tal-politika rilevanti dwar l-edukazzjoni/taħriġ u l-impjiegi.
Artikolu 8
Rwol tal-Istat Membru
1.Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-livell nazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:
(a)jagħżlu u jamministraw, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet, biex jappoġġaw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali msemmija f'din id-Deċiżjoni;
(b)jiżguraw, permezz tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet, l-għoti f’waqtu u effikaċi ta’ dejta u informazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali għall-aġġornament tal-qafas tal-Europass;
(c)jipprovdu lill-utenti tal-Europass aċċess għall-informazzjoni jew id-dejta rilevanti disponibbli fl-Istati Membri, partikolarment l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim, il-kwalifiki u s-sistemi ta’ kwalifiki u għall-assi semantiċi fil-livell nazzjonali;
(d)jipprovdu bażi ta’ evidenza biex tiġi appoġġata l-evalwazzjoni kif hemm deskritt fl-Artikolu 10 ta’ din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dejta dwar l-użu effettiv ta’ għodod u dwar is-sodisfazzjon tal-utenti.
2.Kull Punt ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet għandu:
(a)jikkoordina, b’koperazzjoni mal-korpi nazzjonali rilevanti, l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-għodod u s-servizzi tal-Europass fil-livell nazzjonali;
(b)jippromwovi u jipprovdi informazzjoni dwar l-orjentament għal finijiet ta’ tagħlim u ta’ impjieg u jagħmel l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim disponibbli pubblikament fil-livell nazzjonali u permezz tal-għodda onlajn tal-Unjoni.
(c)jimmonitorja l-ġbir u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni bbażata fuq il-fatti u f’ħin reali dwar il-ħiliet fil-livell nazzjonali u dak reġjonali;
(d)jappoġġa r-referenzjar trasparenti tal-livelli tal-kwalifiki fl-oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali għall-QEK, jipprovdi informazzjoni dwar il-QEK lill-partijiet interessati nazzjonali u jikkomunika r-riżultati tal-proċess ta’ referenzjar u fuq il-kwalifiki lill-għodda onlajn tal-Unjoni;
(e)jappoġġa l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati dwar kwistjonijiet relatati mal-ħiliet f’setturi ekonomiċi;
(f)jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha fl-attivitajiet taħt ir-responsabilità tagħhom;
(g)jimplimenta jew jappoġġa attivitajiet oħra kif miftiehem mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-livell tal-UE.
3.Il-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Ħiliet għandhom ikunu l-benefiċjarju tal-finanzjament mill-Unjoni mogħti għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Proċessar u protezzjoni tad-dejta
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) No 45/2001.
Artikolu 10
Evalwazzjoni
1.Fi żmien ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u mbagħad kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2.L-evalwazzjoni għandha titwettaq minn korp indipendenti fuq il-bażi ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li għandhom jiġu miftiehma mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Artikolu 11
Pajjiżi parteċipanti
1.Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet imsemmija f'din id-Deċiżjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Aderenti u għall-pajjiżi mhux fl-UE li huma fiż-Żona Ekonomika Ewropea skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-Ftehim taż-ŻEE.
2.Il-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa wkoll għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kandidati potenzjali skont il-Ftehimiet Ewropej tagħhom.
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet finanzjarji
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi kofinanzjata permezz tal-programmi tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju.
Artikolu 13
Tħassir
Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE hija b'dan imħassra.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President