IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.6.2016
COM(2016) 434 final
2016/0198(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
L-għamla preżenti tal-permess ta' residenza toriġina minn Azzjoni Konġunta tal-Kunsill (97/11/JHA) adottata fl-1997. Diġà fl-2009, l-Istati Membri kienu kkunsidraw li l-eżistenza ta' sistemi ta' falsifikazzjonijiet aktar sofistikati ifisser li kien neċessarju li ssir ħidma fuq għamla ġdida għall-permessi ta’ residenza u ddeċidew li jintroduċu elementi ta' sigurtà aktar moderni biex itejbu l-elementi ta' sigurtà tal-permessi ta' residenza.
Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 380/2008 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minħabba l-introduzzjoni tal-elementi biometriċi (xbieha tal-wiċċ u marki tas-swaba') il-verżjoni bħala stiker tal-permess ta' residenza twarrbet u mill-20 ta’ Mejju 2011 huma biss permessi l-verżjoni bħala kard. Waqt in-negozjati dwar l-emenda tal-2008 għar-Regolament, li introduċiet l-identifikaturi biometriċi permezz ta' ċippa tat-tip ta' bla kuntatt fil-permess ta’ residenza, xi Stati Membri esprimew ix-xewqa li jinkludu ċippa ta' kuntatt fakultattiva għal użu nazzjonali fis-servizzi tal-gvern elettroniċi tagħhom. Dan ġie aċċettat, kif kien aċċettat l-użu fakultattiv ta' elementi addizzjonali (nazzjonali) ta' sigurtà.
Din il-kard tal-permess ta' residenza tintuża wkoll għall-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera u għall-permessi speċifiċi maħruġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali.
L-uniformità fil-konfront tal-elementi nazzjonali ta' sigurtà
Il-Kummissjoni hija favur li jkun hemm format uniformi għall-permessi ta' residenza, kif huwa l-każ fejn jidħol l-istiker tal-viża. Dan ikun ifisser li l-Istati Membri jkollhom l-istess mudell ta' kard, disinn u karatteristiċi ta’ sigurtà. Madankollu, meta jittieħed kont tal-iżviluppi tekniċi miksuba f'xi Stati Membri fil-qasam tas-servizzi elettroniċi tal-gvern, kien ikkunsidrat xieraq li tiġi aċċettata l-inkorporazzjoni ta’ ċippa ta’ kuntatt għal skopijiet ta' servizzi elettroniċi tal-gvern fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li jixtiequ jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-istess vantaġġi li għandhom iċ-ċittadini tagħhom stess, filwaqt li jiġi aċċettat li dan ikun iwassal għal ċertu nuqqas fl-uniformità tal-format.
F'dak il-kuntest, is-sentenza li ġejja ġiet miżjuda taħt l-Anness I, 2 (h) tar-Regolament:
"L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll karatteristiċi nazzjonali addizzjonali ta’ sigurtà, dment li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-Regolament u dment li jkunu konformi mad-dehra armonizzata tal-mudelli li ġejjin u li ma titnaqqasx l-effiċjenza tal-karatteristiċi uniformi tas-sigurtà.”.
Din il-lista ġiet sussegwentement stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3770 tal-20 ta’ Mejju 2009. Hija elenkat l-elementi ta' sigurtà addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għalihom jekk jagħżlu hekk.
L-għażla u l-implimentazzjoni ta' elementi ta' sigurtà fakultattivi addizzjonali u l-ambitu għall-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li ma għadhomx biżżejjed speċifiċi minħabba l-iżviluppi tekniċi, kien ifisser li l-kwalità u d-dehra tal-permessi ta' residenza fost l-Istati Membri kienu differenti bil-bosta.
Il-ħidma dwar għamla u elementi ta' sigurtà ġodda bdiet fl-2010, meta sottogrupp tal-kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 ("il-Kumitat tal-Artikolu 6") ġie stabbilit biex jaħdem fuq din il-kwistjoni.
Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, dan il-"bidu ġdid" kien ukoll opportunità biex tiġi esplorata l-possibilità li jiddaħħal format uniformi u armonizzati u biex jiġi żgurat li l-permessi ta' residenza kollha jkollhom l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà. Dan ikun ta' għajnuna għall-gwardji tal-fruntiera u uffiċjali oħra biex ikun jistgħu jagħrfu l-permessi ta' residenza mal-ewwel daqqa ta' għajn.
Madankollu, kif spjegat fil-punt 3 hawn taħt, irriżulta matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li approċċ totalment armonizzat ikun jinvolvi kosti kbar ħafna għal xi Stati Membri. Il-kompromess kien li tinżamm lista ta' karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà avvanzati li jistgħu jiżdiedu ma’ format uniformi komuni jekk ikun mixtieq.
Waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan l-approċċ hija li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati fl-2009 jirrekjedu li l-kard tkun magħmula minn materjal tal-plastik (tat-tip tal-karti ta’ kreditu). Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jidentifikawx b'mod preċiż liema materjal tal-plastik għandu jintuża. Hemm tipi differenti ta’ plastik fis-suq, li fosthom l-aktar wieħed adatt huwa l-polikarbonat. Bħalissa, il-kards kollha għandhom struttura magħmula minn saffi differenti bl-użu ta' materjali differenti tal-plastik, anke jekk il-biċċa l-kbira jużaw il-polikarbonat. It-teknoloġiji ta' produzzjoni għall-materjali speċifiċi tal-plastik disponibbli f’kull Stat Membru huma wkoll differenti. Il-firxa ta' tekniki użati fil-produzzjoni tal-kards ifisser li mhux il-karatteristiċi ta' sigurtà kollha proposti jistgħu jiġu użati. Peress li l-permess ta' residenza l-ġdid għandu jkun newtrali mil-lat ta' kosti, ma kienx fattibbli li l-armonizzazzjoni sħiħa tinżamm bħal għan aħħari.
L-Istati Membri li jixtiequ jkomplu b'karattersitiċi ta' sigurtà fakultattivi kienu lesti li jillimitawhom għall-minimu u li jispeċifikaw it-teknoloġiji li jintużaw, il-post u d-daqs fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Dawn għandhom jiġu stabbiliti f'deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni 'l quddiem.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-Bażi ġuridika
Japplika l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt 2(a), peress li jipprovdi għal "il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, kif ukoll l-istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil..." (dak li kien l-Artikolu 63(3)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).
Għaliex ma hemmx proposta ta' riformulazzjoni?
Fil-prinċipju, meta ssir it-tielet emenda sostanzjali, dan għandu jwassal għal riformulazzjoni.
Madankollu, f'dan il-każ, hemm argumenti li jiġġustifikaw devjazzjoni minn din ir-regola. Il-bidliet ewlenin se japplikaw fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi sigrieti għall-produzzjoni tal-permess ta' residenza l-ġdid. Ma hemmx tibdil sostanzjali fid-dispożizzjonijiet ta' promulgazzjoni ta' dan ir-regolament propost; huwa biss l-Anness li qiegħed jinbidel biex juri l-għamla l-ġdida. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni leġiżlattiva malajr peress li l-frodisti jinsabu f'vantaġġ, u l-permess ta' residenza jeħtieġ li jsir aktar reżistenti għall-frodi. Barra minn hekk, dan ir-regolament huwa ta' interess limitat għal pubbliku ġenerali, mhux bħal fil-każ ta' regolamenti oħrajn fil-qasam tal-politika tal-viża, bħal ma hu l-Kodiċi dwar il-Viżi.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
L-Artikolu 79(2)(a) TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jadottaw miżuri rigward "istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil".
Il-proposta attwali hija fil-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u ma tbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-format uniformi għall-permessi ta' residenza jsir aktar sigur u jittejjeb fid-dawl ta’ żviluppi fil-prattiki tal-frodisti. Dan l-objettiv ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri jekk jaġixxu waħedhom, minħabba li l-format jeħtieġ li jkun uniformi u hija biss l-Unjoni li tista' temenda att eżistenti tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni trid tkun tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tiġi implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli.
Il-format uniformi tal-permessi ta' residenza ġie stabbilit f'regolament sabiex jiġi żgurat li jkun applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Din il-proposta temenda dak ir-regolament u għalhekk trid tieħu l-forma ta’ regolament. Fir-rigward tal-kontenut, din l-inizjattiva hija limitata għal titjib tar-regolament eżistenti. Hija għandha l-għan li tilħaq l-objettiv ta' politika li tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari billi jsir aktar diffiċli li d-dokumenti jiġu ffalsifikati. Il-proposta, għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu ta' għarfien espert
Is-sottogrupp tal-kumitat tal-Artikolu 6 żviluppa dokument bir-rekwiżiti li stabbilixxa t-titjib mixtieq kollu li jista' jiġi introdott f'format ġdid. L-Istati Membri qablu li jikkuntattjaw lill-fornituri tagħhom biex iressqu proposti. Huma mbagħad għażlu l-għamla u l-karattersitiċi ta' sigurtà preferuti tagħhom, li kellhom jiġu ntegrati fil-permess ta' residenza l-ġdid. Wieħed mir-rekwiżiti kien li l-format il-ġdid ikun newtrali mil-lat ta' spejjeż.
Matul id-diskussjonijiet, kien jidher ċar li l-Istati Membri ma kinux favur dokument kompletament armonizzat. Huma insistew li jżommu l-lista ta' karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà "aġġornati", li jistgħu jiżdiedu ma' format uniformi komuni jekk ikun mixtieq. Minħabba l-iskemi differenti ta' produzzjoni li jeżistu, l-Istati Membri ma xtaqux ibiddlu s-sistemi tagħhom iżda ppreferew li jkomplu b'kard komuni "uniformi" b'livell imtejjeb ta' sigurtà u lista aġġornata ta' karatteristiċi ta' sigurtà fakultattivi (nazzjonali). L-"uniformità" tfisser biss li jkun hemm għamla unifomi u xi karatteristiċi ta' sigurtà standard, li magħhom ikunu jistgħu jiżdiedu xi karatteristiċi nazzjonali fakultattivi ta' sigurtà.
Minħabba l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż għal xi Stati Membri kellha tintlaħaq soluzzjoni ta' kompromess. Dan kien jinvolvi li tinżamm il-possibbiltà ta' karatteristiċi fakultattivi ta' sigurtà addizzjonali iżda li titnaqqas il-lista għall-minimu possibbli, skont l-impatt tal-karatteristiċi ta' sigurtà fuq id-dehra uniformi, speċjalment fuq in-naħa ta' quddiem. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (il-materjali u t-teknoloġiji li għandhom jintużaw, il-post u d-daqs tagħhom, eċċ.) se jsiru aktar stretti, sabiex ma jkunx aktar possibbli li jkun hemm interpretazzjonijiet diverġenti. Dan għandu jarmonizza d-dehra tal-kard, ħaġa li hija importanti għall-uniformità u l-għarfien mill-gwardji tal-fruntiera.
Il-lista komprensiva ta' karatteristiċi fakultattivi ta' sigurtà tkun stabbilita fl-Anness li jkun fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament. L-istampa fl-Anness ta' dan ir-Regolament tista' għalhekk tvarja xi ftit fuq in-naħa ta' wara tal-permess ta' residenza, skont liema karatteristiċi fakultattivi jiġu użati minn Stati Membri individwali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-emenda proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Dispożizzjonijiet dettaljati
Ir-Regolament ta' emenda huwa bbażat fuq l-Artikolu 79(2)(a) tat-TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 63(3)(a) TKE.
1. Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.
2. Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattati, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw ukoll għall-miżuri proposti jew adottati skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE li jemendaw miżura eżistenti li biha huma marbuta. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, li tiġi emendata taħt din il-proposta. Minn dan isegwi li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 21. Dan ifisser li r-Renju Unit u l-Irlanda ma humiex obbligati jieħdu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament propost (l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 21). Madankollu, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21, dawn jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li l-proposta tkun ġiet ippreżentata li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura.
L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 japplika wkoll, u jagħti lir-Renju Unit u lill-Irlanda l-fakultà li jaċċettaw il-miżura ladarba dan ikun ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Sabiex jittieħed kont tal-għażliet li għandhom isiru mill-Irlanda u r-Renju Unit fit-tliet xhur wara l-adozzjoni tal-proposta, hemm sitt testi possibbli tal-premessi,li huma ppreżentati f'parentesi kwadri. Waħda jew tnejn minn dawn tingħażel bħala dik/dawk xierqa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi tal-għażliet li jkunu saru mir-Renju Unit u l-Irlanda fit-tliet xhur wara l-adozzjoni tal-proposta.
3. L-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 huwa parti mill-acquis ta’ Schengen applikabbli għan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein abbażi tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni rispettivi tagħhom. L-emenda proposta għandha għalhekk tapplika wkoll għal dawn il-pajjiżi assoċjati.
4. Termini normattivi
Artikolu 1
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Anness tar- Regolament (KE) Nru 1030/2002 għandu jiġi sostitwit bl-Anness il-ġdid, li jkun fih l-immaġni u deskrizzjoni ġenerali tal-permess ta' residenza il-ġdid.
Artikolu 2
Biex isir possibbli li jintużaw il-ħażniet eżistenti, isir provvediment għal perjodu tranżitorju ta' sitt xhur li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza qodma.
Artikolu 3
L-ewwel nett hemm id-dispożizzjoni tas-soltu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.
It-tieni, huwa pprovdut li l-Istati Membri jkollhom jintroduċu l-permessi ta' residenza l-ġodda disa' xhur wara li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi supplimentari.
2016/0198 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz
(2)Il-format uniformi preżenti għall-permessi ta' residenza, li ilu fiċ-ċirkolazzjoni fl-għamla preżenti tiegħu sa mill-1997, għandu jitqies bħala li ma għadux joffri sigurtà fid-dawl ta' inċidenti serji ta' falsifikazzjoni u frodi.
(3)Għalhekk għandha tiġi preskritta għamla ġdida komuni għall-permessi ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjizi terzi, b'karatteristiċi ta' sigurtà aktar moderni sabiex il-permessi ta' residenza jsiru aktar siguri u tiġi evitata l-falsifikazzjoni.
(4)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu adottaw dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.
(5)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.]
(6)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.]
(7)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]
(8)[B'konformita mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]
(9)[B’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika (permezz tal-ittra ta' ...,) ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]
(10)[B'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]
(11)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, rispettivament fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011..
(12)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn it-tnejn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(13)Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/UE.
(14)Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostittwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE.
(15)Biex ikunu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti ta' permessi ta' residenza, jeħtieġ li jkun hemm perjodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza l-antiki.
(16)Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif ġej,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-permessi ta' residenza li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li huma applikabbli sad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 jistgħu jintużaw għal permessi ta' residenza maħruġa sa sitt xhur wara dik id-data.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika minn tnax-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ulterjuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.
Dan ir-Regolament ikun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President