Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0372

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    COM/2016/0372 final - 2016/0173 (NLE)

    Brussell, 7.6.2016

    COM(2016) 372 final

    2016/0173(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    L-għan tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (minn hawn 'il quddiem: "il-Konvenzjoni tal-1980"), sal-lum irratifikata minn 93 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, huwa li jerġa' jiġi stabbilit l-istatus quo permezz tar-ritorn immedjat ta' tfal li jittieħdu jew li jinżammu b'mod inġust permezz ta' sistema ta' kooperazzjoni fost awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Partijiet Kontraenti tagħha.

    Minħabba li l-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal hija parti essenzjali mill-politika tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, l-Unjoni Ewropea hija attiva fil-livell internazzjonali biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1980 u tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għaliha.

    Ir-Repubblika tal-Korea ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-1980 fit-13 ta' Diċembru 2012. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-Repubblika tal-Korea fl-1 ta' Marzu 2013.

    L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    Minħabba li l-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali tat-tfal hija fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni dwar jekk tiġix aċċettata l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea għandha tittieħed fil-livell tal-UE permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. B'hekk l-Istati Membri għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tagħhom fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

    L-eżistenza tal-kompetenza esklużiva tal-UE fil-kwistjoni tal-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' stat terz mal-Konvenzjoni tal-1980 tabilħaqq kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ikkonsultata fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

    Fl-14 ta' Ottubru 2014, l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tkopri l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' stat terz mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri.

    Il-Qorti saħqet b'mod partikolari dwar il-ħtieġa għal uniformità fil-livell tal-UE f'dan ir-rigward, sabiex tiġi evitata ġeometrija varjabbli fost l-Istati Membri. L-għan ta' din id-deċiżjoni huwa li l-Konvenzjoni tal-1980 tidħol fis-seħħ bejn ir-Repubblika tal-Korea u l-Istati Membri kollha tal-UE.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika

    F'dak li jirrigwarda l-ħtif tat-tfal minn ġenitur, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija l-kontroparti internazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 (magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa) li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u ta' responsabbiltà tal-ġenituri 1 .

    Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament hu li jiskoraġġixxi l-ħtif tat-tfal bejn l-Istati Membri billi jistabbilixxi proċeduri li jiżguraw ir-ritorn minnufih tat-tfal lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Għal dan l-għan, ir-Regolament Brussell IIa jinkludi fl-Artikolu 11 tiegħu, il-proċedura stabbilita fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u jikkumplimentaha billi jiċċara xi aspetti tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tas-smigħ tat-tfal, il-perjodu ta' żmien biex tingħata deċiżjoni wara li ssir applikazzjoni għal ritorn u r-raġunijiet biex ma jsirx ir-ritorn tat-tfal. Huwa jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet li jirregolaw ordnijiet ta' ritorn u ta' nuqqas ta' ritorn konfliġġenti maħruġa fi Stati Membri differenti.

    Fil-livell internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-adeżjoni ta' stati terzi mal-Konvenzjoni tal-1980 sabiex l-Istati Membri tagħha jibbażaw ruħhom fuq qafas ġuridiku komuni biex jittrattaw il-ħtif internazzjonali tal-minuri.

    Fil-21 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat tmien proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill sabiex tiġi aċċettata l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri ta' tmien pajjiżi terzi (il-Marokk, Singapore, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, il-Gabon u l-Armenja) 2 .

    Bejn Ġunju u Diċembru tal-2015, seba' Deċiżjonijiet, ibbażati fuq il-proposti msemmija hawn fuq, ġew adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 3 .

    Din il-proposta tieħu f'kunsiderazzjoni pajjiż terz (ir-Repubblika tal-Korea) li aċċeda għall-Konvenzjoni tal-1980 wara l-adozzjoni tal-proposti tal-2011.

    Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Minbarra l-objettiv ġenerali tal-iżvilupp ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transfruntieri skont l-Artikolu 81 tat-TFUE, din il-proposta hija marbuta mal-objettiv imnaqqax fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal. Is-sistema tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija mfassla biex tipproteġi lit-tfal mill-effetti ta' ħsara ta' ħtif mill-ġenituri u biex tiżgura li t-tfal ikunu jistgħu jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, pereżempju billi tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta' aċċess.

    Il-proposta hija wkoll konsistenti mal-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni fis-soluzzjoni ta' tilwim familjari transfruntieri. Id-Direttiva dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali 4 , tapplika, fost affarijiet oħra, għal-liġi tal-familja fiż-żona komuni ġudizzjarja Ewropea. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tinkoraġġixxi wkoll soluzzjoni ta' ħbiberija għal tilwim familjari. Waħda mill-Gwidi għall-Prattika Tajba skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ppubblikati mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat hija ddedikata għall-użu tal-medjazzjoni għar-riżoluzzjoni ta' tilwim internazzjonali tal-familja li jirrigwarda t-tfal li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, din il-Gwida ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE minbarra l-Ingliż u l-Franċiż u wkoll fl-Għarbi sabiex jiġi sostnut id-djalogu ma' Stati li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni u tingħata għajnuna sabiex jinstabu mezzi konkreti kif jiġu indirizzati l-problemi ppreżentati mill-ħtif internazzjonali tat-tfal ma' pajjiżi mhux ratifikanti 5 .

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tirrigwarda ftehim internazzjonali, il-bażi ġuridika applikabbli hija l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 81(3). Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22, dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

       Sussidjarjetà

    L-inizjattiva hija fil-kompetenza esklużiva tal-UE skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE kif ikkonfermat fl-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Din il-proposta hija mfassla fuq il-mudell tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill diġà adottati dwar l-istess suġġett u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' azzjoni koerenti tal-UE fil-qasam tal-ħtif internazzjonali tat-tfal billi tiżgura li l-Istati Membri kollha tal-UE jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 f'perjodu ta' żmien stabbilit.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Sabiex l-UE tkun tista' tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk taċċettax jew le l-adeżjoni ta' pajjiż terz mal-Konvenzjoni tal-1980, jinħtieġ li ssir il-ħidma ta' tħejjija xierqa.

    Matul laqgħa tal-esperti tal-20 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE ftiehmu fuq sett ta' kriterji biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-pajjiż terz. Il-kwestjonarju jistabbilixxi lista indikattiva ta' parametri ta' referenza sabiex jgħin fil-valutazzjoni tal-pajjiż terz li aderixxa mal-Konvenzjoni. Il-konsultazzjoni li saret mal-Istati Membri u d-diskussjonijiet li saru waqt laqgħa tal-esperti tal-15 ta' Jannar 2016 urew li - f'dan l-istadju - ma hemm l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Istati Membri għall-aċċettazzjonin tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-1980.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    L-informazzjoni rilevanti dwar il-livell ta' implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-Korea nġabret minn diversi sorsi. L-ewwel nett, l-informazzjoni kienet miġbura mid-Delegazzjoni tal-UE fir-Repubblika tal-Korea, li kkunsidrat, b'mod partikolari l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, l-eżistenza ta' ġuriżdizzjoni kkonċentrata biex tittratta każijiet ta' ħtif, u l-possibbiltà għal persuni barranin biex ikollhom aċċess għall-għajnuna ġuridika. Ir-riżultati tal-inkjesta kienu sodisfaċenti, u, ukoll jekk hemm xi tħassib dwar il-livell li għadu baxx ta' għarfien tal-Konvenzjoni minn professjonisti ġuridiċi u n-nuqqas ta' miżuri speċifiċi ta' infurzar, dawn mhumiex tali li jimpedixxu l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea.

    L-Istati Membri wkoll ġabru informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Korea u r-riżultat kien diskuss waqt il-laqgħa tal-esperti tal-15 ta' Jannar 2016.

    Aktar informazzjoni ġiet mill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Ir-Repubblika tal-Korea kkompletat kemm il- Kwestjonarju Standard għal stati li jkunu għadhom kemm aderew u Profil tal-Pajjiż 6 . Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Korea ħatret żewġ imħallfin għan-Netwerk Internazzjonali tal-Imħallfin tal-Aja. Fl-aħħar nett, l-imħallfin mir-Repubblika tal-Korea li ġew sekondati għall-Bureau Permanenti fil-passat (sekondar ta' sena kull darba) kienu strumentali lura f'pajjiżhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1980.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta preżenti ma għandhiex impatti ekonomiċi, soċjali jew ambjentali li jkunu jeħtieġu valutazzjoni tal-impatt fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea. B'mod simili għas-seba' Deċiżjonijiet tal-Kunsill diġà adottati fl-2015 dwar l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' ċerti stati terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta minħabba n-natura ta' dan l-att leġiżlattiv. Fil-fatt, ma hemm l-ebda għażliet oħrajn għajr Deċiżjoni tal-Kunsill biex tiġi aċċettata l-adeżjoni ta' stat terz mal-Konvenzjoni tal-1980.

    Madankollu, valutazzjoni speċifika tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Korea sabiex jiġi vverifikat jekk hijiex kapaċi timplimenta l-Konvenzjoni tal-1980 b'mod sodisfaċenti twettqet mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri flimkien fuq il-linji deskritti hawn fuq.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Peress li l-proposta tikkonċerna biss l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri biex jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-1980, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha huwa limitat għar-rispett mill-Istati Membri għall-kliem tad-dikjarazzjoni u l-iskeda taż-żmien biex jiddepożitawha u jikkomunikaw id-depożitu tagħha lill-Kummissjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.

    2016/0173 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 7 ,

    Billi:

    (1)L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali huma parti essenzjali minn dik il-politika.

    (2)L-Unjoni adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 8 ("ir-Regolament Brussell IIa"), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali tagħhom u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

    (3)Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri ("il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980") li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illegali.

    (4)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (5)L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

    (6)Qafas ġuridiku komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u stati terzi jista' jiġi kkunsidrat li joffri l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

    (7)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    (8)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti.

    (9)Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

    (10)Ir-Repubblika tal-Korea ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-13 ta' Diċembru 2012. Dik il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għar-Repubblika tal-Korea fl-1 ta' Marzu 2013.

    (11)Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Korea wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (12)L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jaċċettawha fl-interess tal-Unjoni u li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

    (13)Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (14)B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22, dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.    L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri ("il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980") fl-interess tal-Unjoni.

    2.    L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard minn …,* jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

    "[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/…**"

    3.    Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tiegħu u jikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitaha.

    Artikolu 2

    Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ma għandhomx jagħmlu dikjarazzjonijiet ġodda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 31.
    (2) COM (2011) 904, 908, 909, 911, 912, 915, 916, 917 adottati fil-21/12/2011
    (3) ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1023 tal-15.6.2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1024 tal-15 ta' Ġunju 2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2354 tal-10 ta' Diċembru 2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2355 tal-10 ta' Diċembru 2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2356 tal-10 ta' Diċembru 2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2357 tal-10 ta' Diċembru 2015; ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2358 tal-10 ta' Diċembru 2015. Id-deċiżjoni dwar il-Gabon ġiet temporanjament sospiża fl-istennija tal-ħatra mill-Gabon tal-Awtorità Ċentrali li għandha tiġi nominata skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.
    (4) Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136 tal-24 ta' Mejju 2008, p. 3).
    (5) https://www.hcch.net/en/publications-and-studies/details4/?pid=5568&dtid=3
    (6) It-tnejn li huma disponibbli fuq is-sit web tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
    (7) ĠU C , , p. .
    (8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).
    Top