IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.6.2016
COM(2016) 312 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex jipprovdi għall-pagament tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2017
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.
Il-Punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, stabilixxa l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.
Il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għall-Fond huma ppreżentati fid-dettall fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li ammont sa massimu ta’ EUR 50 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament jiġu inklużi fil-baġit għall-pagament tal-avvanzi.
Il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tipprovdi għal din il-mobilizzazzjoni sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà fil-ħin tar-riżorsi baġitarji u għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li dan l-ammont jiġi inkluż fl-Abbozz tal-Baġit 2017.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex jipprovdi għall-pagament tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2017
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 4a(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li turi solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.
(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013.
(3)L-Artikolu 4a(4) tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 jipprevedi li, meta jkun meħtieġ sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà fil-ħin tar-riżorsi baġitarji, il-Fond jista’ jiġi mobilizzat għal ammont sa massimu ta’ EUR 50 000 000 għall-ħlas ta’ avvanzi u li l-approprjazzjonijiet korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
(4)Sabiex tiġi żgurata disponibbiltà fil-ħin ta’ riżorsi baġitarji suffiċjenti fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2017, il-Fond għandu jiġi mobilizzat għal ammont ta’ EUR 50 000 000 għall-ħlas ta’ avvanzi.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-Fond, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 50 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-ħlas ta' avvanzi.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.
Magħmul fi,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President