IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.5.2016
COM(2016) 304 final
ANNESSI
għal
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Linji Gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
ANNESSI
għal
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Linji Gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
ABBOZZ
DEĊIŻJONI NRU°../201.. TAL-KUMITAT KONĠUNT
STABBILIT MILL-FTEHIM
BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠEORĠJA
DWAR L-IFFAĊILITAR TAL-ĦRUĠ TA' VIŻI GĦAL SOĠĠORNI QOSRA GĦAĊ-ĊITTADINI TAL-ĠEORĠJA
ta’.......
fir-rigward tal-adozzjoni ta' linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal soġġorni qosra għaċ-ċittadini tal-Ġeroġja (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal soġġorni qosra għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja huma stabbiliti fl-anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi…
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Ġeorġja
ABBOZZ
LINJI GWIDA
GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-
FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠEORĠJA
DWAR IL-FAĊILITAZZJONI TAL-ĦRUĠ TA' VIŻI
L-għan tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011, huwa li jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorn previst ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja.
Il-Ftehim jistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, drittijiet u obbligi legalment vinkolanti għall-iskop ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viża għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja.
Dawn il-Linji Gwida, li se jkunu adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim, (“il-Kumitat Konġunt”), għandhom l-għan li jiżguraw implimentazzjoni korretta u armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim mill-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri. Dawn il-linji gwida mhumiex parti mill-Ftehim u għalhekk mhumiex legalment vinkolanti. Madankollu, huwa rrakkomandat ħafna li l-persunal diplomatiku u konsulari jsegwuhom b'mod konsistenti meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Dawn il-Linji Gwida huma bil-ħsieb li jiġu aġġornati fid-dawl tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt.
Biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni armonizzata u tal-Ftehim u f’konformità mar-regoli ta’ proċeduri tal-Kumitat Konġunt dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża, il-partijiet qablu li jagħmlu kuntatti informali bejn il-laqgħat formali tal-Kumitat Konġunt, sabiex jittrattaw kwistjonijiet urġenti. Rapporti dettaljati dwar dawn il-kwistjonijiet u l-kuntatti informali se jsiru fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża.
I. KWISTJONIJIET ĠENERALI.
1.1. Għan u kamp ta' applikazzjoni
L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim jistipula li: "L-għan ta' dan il-Ftehim hu li jiffaċilita l-ħruġ ta' viżi għal soġġorn previst ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja".
Il-Ftehim japplika għal ċittadini tal-Ġeorġja kollha li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir, irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom.
Il-Ftehim ma japplikax għal persuni apolidi li jkollhom permess ta’ residenza maħruġ mill-Ġeorġja. Ir-regoli normali tal-acquis tal-UE dwar il-viżi japplikaw għal din il-kategorija ta’ persuni.
L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim jistipula li: "Jekk il-Ġeorġja terġa’ ddaħħal mill-ġdid ir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jew għal xi kategoriji ta’ ċittadini tal-Istati Membri kollha, l-istess faċilitazzjonijiet mogħtija taħt dan il-Ftehim liċ-ċittadini tal-Ġeorġja jkunu awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, japplikaw għaċ-ċittadini konċernati tal-Unjoni."
Mill-1 ta’ Ġunju 2006, iċ-ċittadini kollha tal-UE u l-persuni apolidi li jkollhom permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru tal-UE huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża meta jivvjaġġaw lejn il-Ġeorġja għal perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum jew meta jaqsmu mit-territorju tal-Ġeorġja.
Sabiex ikun evitat li l-Ġeorġja ttratta b'mod diskriminatorju liċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar, jew għal ċerti kategoriji ta’ dawn iċ-ċittadini, f’Dikjarazzjoni annessa mal-Ftehim, l-Unjoni Ewropea ħabbret l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim, f'każ li l-Ġeorġja ddaħħal mill-ġdid l-applikazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar, jew għal ċerti kategoriji ta’ dawn iċ-ċittadini.
1.2. Il-Kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 2 tal-Ftehim jistipula li:
"1.
L-iffaċilitar tal-viża previst f’dan il-Ftehim japplika għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja biss safejn ma jkunux eżenti mir-rekwiżit tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, b’dan il-Ftehim jew bi ftehimiet internazzjonali oħra.
2.
Il-liġi nazzjonali tal-Ġeorġja jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandha tapplika fi kwistjonijiet li mhumiex koperti minn dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u r-rifjut tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni."
Bla ħsara għall-Artikolu 10 tiegħu (li jipprovdi għall-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal detenturi ta' passaporti diplomatiċi tal-Ġeorġja), il-Ftehim ma jaffettwax ir-regoli eżistenti dwar l-obbligi tal-viża u l-eżenzjonijiet mill-viża.
Pereżempju, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 539/2001 jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw mir-rekwiżit ta’ viża lil ekwipaġġi ċivili tal-ajru u tat-tbaħħir fost kategoriji oħrajn. Minħabba d-dħul fis-seħħ tal-assoċjazzjoni tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein maż-żona Schengen fit-13 ta’ Diċembru 2008 u fis-7 ta’ Marzu 2011 rispettivament, permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal viżas ta’ Schengen għal tranżitu jew soġġorn qasir.
Il-Kodiċi tal-Viżi japplika għall-ħruġ kollu mhux kopert mill-Ftehim bħalma huma d-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ Schengen responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża, il-motivazzjoni ta’ rifjut li tinħareġ viża, id-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni negattiva jew ir-regola ġenerali tal-intervista personali mal-applikant. Barra hekk, ir-regoli ta' Schengen, u fejn ikun xieraq, il-liġi nazzjonali jibqgħu japplikaw fil-kwistjonijiet kollha mhux koperti mill-Ftehim, bħar-rifjut tar-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’ għajxien suffiċjenti, ir-rifjut tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li tingħata informazzjoni preċiża dwar dawn il-kwistjonijiet (ara wkoll id-Dikjarazzjoni konġunta dwar l-armonizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni qosra u dokumenti li għandhom jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal viżi għal soġġorn qasir).
Anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-Ftehim ikunu ssodisfati, pereżempju, tingħata prova b'dokumenti ġustifikattivi mogħtija mill-applikant,rigward l-iskop tal-vjaġġ għall-kategoriji previsti fl-Artikolu 4 tiegħu, il-ħruġ tal-viża xorta jkun jista' jiġi rifjutat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) ma jiġux issodisfati, jiġifieri l-persuna ma jkollhiex fil-pussess tagħha dokument validu tal-ivvjaġġar, ikun inħareġ allert fis-SIS, il-persuna titqies bħala ta' periklu għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, eċċ.
Flessibbiltajiet oħra għall-ħruġ ta' viżi permessi mill-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi jibqgħu japplikaw. Pereżempju, viżi għal dħul multiplu għal perjodu ta' validità twil - sa ħames snin - jistgħu jinħarġu lil kategoriji ta' persuni apparti dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (l-Artikolu 24) jiġu ssodifati. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kodiċi li jippermettu eżenzjoni jew tnaqqis tat-tariffa tal-viża jkomplu japplikaw (l-Artikolu 16 (5) u (6) tal-Ftehim).
1.3.
Tipi ta' viżi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim.
L-Artikolu 3 (d) tal-Ftehim jiddefinixxi "viża" bħala awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu mit-territorju ta’ Stati Membri jew soġġorn previst fih għal mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum mid-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Istati Membri."
Il-faċilitazzjonijiet ipprovduti mill-Ftehim japplikaw għal viżi uniformi u viżi b’validità territorjali limitata (VTL) maħruġa għall-fini ta’ tranżitu jew soġġorn qasir.
1.4. Il-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat b’viża, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar kif jiġi determinat il-perjodu ta’ sitt xhur
Il-modifika riċenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen stabbilixxiet definizzjoni ġdida tal-kunċett ta’ soġġorn qasir. Id-definizzjoni preżenti hija kif ġej: "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum, li jimplika l-kunsiderazzjoni tal-perjodu ta' 180 jum qabel kull ġurnata tas-soġġorn".
Il-jum tad-dħul jiġi kkalkulat bħala l-ewwel jum tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri u l-jum tal-ħruġ jiġi kkalkulat bħala l-aħħar jum tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri. Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza "mobbli" ta' 180 jum, b'mod li wieħed iħares lura, minn kull ġurnata tas-soġġornlejn l-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.
Id-definizzjoni daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Ottubru 2013.
Eżempju tal-kalkolu tas-soġġorn fuq il-bażi tad-definizzjoni l-ġdida:
Persuna li jkollha viża għal dħul multiplu, valida għal sena (1) (18.4.2010 — 18.4.2011) tidħol fit-territorju għall-ewwel darba fid-19.4.2010 u toqgħod hemm 3 ijiem. Imbagħad tidħol mill-ġdid fit-18.6.2010 u toqgħod hemm għal 86 jum. X’inhi s-sitwazzjoni fid-dati speċifiċi? Din il-persuna meta se titħalla tidħol mill-ġdid fit-territorju tal-Istati Membri?
Fil-11.9.2010: Tul l-aħħar 180 jum (16.3.2010 – 11.9.2010) il-persuna kienet qagħdet hemm għal 3 ijiem (19 -.21.4.2010) flimkien ma’ 86 jum (18.6.2010 - 11.9.2010) = 89 jum = Mhux każ ta' soġġorn b'awtorizzazzjoni skaduta. Il-persuna tista' tibqa' għal massimu ta' ġurnata (1) oħra.
Mis-16.10.2010: Il-persuna tista’ tidħol għal soġġorn ta' 3 ijiem addizzjonali (fis-16.10.2010 is-soġġorn tad-19.4.2010 isir irrilevanti (lil hinn mill-perjodu ta’ 180 jum); fis-17.10.2010, is-soġġorn fl-20.4.2010 isir irrilevanti (lil hinn mill-perjodu ta’ 180 jum; eċċ.).
Mill-15.12.2010: Il-persuna tista’ tidħol għal soġġorn ta' 86 jum addizzjonali (fil-15.12.2010 is-soġġorn tat-18.6.2010 isir irrilevanti (lil hinn mill-perjodu ta’ 180 jum); fis-16.12.2010, is-soġġorn fid-19.6.2010 isir irrilevanti, eċċ.).]
1.5.
Is-sitwazzjoni fejn jidħlu l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u fl-2007 mingħajr ma ġew integrati bis-sħiħ fiż-żona Schengen, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-Politika Komuni tal-UE dwar il-Viżi u l-pajjiżi assoċjati.
Huma biss il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, li għadhom mhux qed jimplimentaw għal kollox l-acquis ta' Schengen. Dawn se jkomplu joħorġu viżi nazzjonali b’validità limitata għat-territorju nazzjonali tagħhom stess. Ladarba dawk l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen, dawn se jkomplu japplikaw il-Ftehim.
Il-liġi nazzjonali tibqa' tapplika għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti mill-Ftehim sad-data tal-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen minn dawn l-Istati Membri. Minn dik id-data, ir-regoli ta' Schengen/il-liġi nazzjonali se japplikaw għal kwistjonijiet mhux irregolati mill-Ftehim.
Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija huma awtorizzati li jirrikonoxxu l-permessi ta’ residenza, il-viżi D u l-viżi għal soġġorn qasir maħruġa mill-Istati ta’ Schengen u l-pajjiżi assoċjati għal soġġorn qasir fit-territorju tagħhom.
Skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, l-Istati ta' Schengen kollha huma obbligati li jirrikonoxxu l-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta' residenza maħruġa minn xulxin bħala validi għal soġġorni qosra fit-territorji ta' xulxin. L-Istati Membri ta’ Schengen jaċċettaw il-permessi ta’ residenza, il-viżi D u l-viżi għal żjarat qosra ta’ pajjiżi assoċjati għal dħul u soġġorni qosra u viċi versa.
Il-Ftehim ma japplikax għad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit iżda jinkludi dikjarazzjonijiet konġunti dwar kemm ikun xieraq li dawk l-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-viża mal-Ġeorġja.
Għalkemm assoċjati ma’ Schengen, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera mhumiex koperti mill-Ftehim.
1.6.
Il-Ftehim/il-ftehimiet bilaterali.
L-Artikolu 13 tal-Ftehim jistipula li "Mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Ġeorġja, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti".
Mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u l-Ġeorġja dwar kwistjonijiet koperti mill-ftehim ma jibqgħux japplikaw. F'konformità mal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeliminaw l-inkompatibilitajiet bejn il-ftehimiet bilaterali tagħhom u l-Ftehim.
F'każ li Stat Membru jkun ikkonkluda ftehim bilaterali jew arranġament mal-Ġeorġja dwar kwistjonijiet mhux koperti mill-Ftehim, pereżempju billi jipprovdi għall-eżenzjoni mill-obbligu ta' viża għal detenturi ta' passaproti ta' servizz, din l-eżenzjoni tibqa' tapplika wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-Unjoni Ewropea dwar il-faċilitazzjoni tal-viża.
L-Istati Membri li ġejjin għandhom ftehim bilaterali mal-Ġeorġja li jipprovdi għal eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għal detenturi ta’ passaporti ta’ servizz: Il-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka.
L-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaporti ta’ servizz konċessi minn Stat Membru tapplika biss għall-ivvjaġġar fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u mhux għall-ivvjaġġar lejn Stati Membri oħra ta’ Schengen.
1.7. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-armonizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir u dokumenti li għandhom jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal viżi għal soġġorni qosra
Dikjarazzjoni Konġunta ġiet annessa mal-Ftehim li jirreferi għall-impenn tal-partijiet biex tingħata informazzjoni koerenti u uniformi liċ-ċittadini tal-Ġeorġja dwar l-aċċess għal missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri u dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi u dwar il-validità tal-viżi maħruġa. Din l-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Ġeorġja:
http://www.eeas.europa.eu/delegations/georgia/travel_eu/visa/index_en.htm
.
L-Artikolu 47 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi l-obbligu tal-awtoritajiet ċentrali u l-konsulati tal-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu lill-pubbliku ġenerali bl-informazzjoni rilevanti kollha f’relazzjoni mal-applikazzjoni għal viża.
Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari huma mitluba biex ixerrdu b’mod wiesa’ din l-informazzjoni (fuq it-tabelli ta’ informazzjoni, f’fuljetti, fuq siti web, eċċ.) u li jxerrdu wkoll informazzjoni preċiża dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi, ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri fil-Ġeorġja u l-lista armonizzata tal-UE ta' dokumentazzjoni ġustifikattiva meħtieġa.
1.8. Informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja dwar il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi
Bl-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-Ġeorġja dwar il-vantaġġi tal-Ftehim u l-uffiċċji diplomatiċi u konsulari tal-UE fejn l-applikazzjonijiet għal viża jistgħu jiġu ppreżentati, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġeorġja ħoloq ħolqa speċjali għak fejn hija disponibbli din l-informazzjoni. L-indirizz tas-sit web:
http://mfa.gov.ge/index.php?lang_id=GEO&sec_id=95&info_id=13448
II. LINJI GWIDA DWAR DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI.
2.1.
Regoli li japplikaw għall-applikanti kollha għall-viżi
Importanti: Ta' min ifakkar li l-faċilitazzjonijiet imsemmija hawn taħt rigward it-tariffa tal-viża, it-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża, u l-estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali japplikaw għall-applikanti kollha għal viżi, inklużi t-turisti.
2.1.1.
It-tariffa tal-viża
L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim jistipula li:
“1.It-tariffa għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ ċittadini tal-Ġeorġja tammonta għal EUR 35."
Skont l-Artikolu 6(1), it-tariffa għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-viża hija ta’ EUR 35. Din it-tariffa tapplika għall-applikanti kollha mill-Ġeorġja għal viża (inklużi t-turisti) u tirrigwarda viżi għal soġġorni qosra, irrispettivament min-numru ta’ dħul.
L-Artikolu 6(2) tal-Ftehim jistipula li:
“2.
Meta l-Istati Membri jikkooperaw ma' fornitur estern ta' servizz, jista' jintalab ħlas għas-servizz addizzjonali. It-tariffa għas-servizz għandha tkun proporzjonat mal-ispejjeż li jġarrab il-fornitur estern ta’ servizz meta jkun qed iwettaq il-kompiti tiegħu u m’għandhiex taqbeż EUR 30. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandu/għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tiegħu/tagħhom".
Rigward il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni ma’ fornituri tas-servizzi esterni, l-Artikolu 43 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-kompiti tagħhom.
L-Artikolu 6(3) tal-Ftehim jistipula li:
“3.
It-tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini:
(a)
pensjonanti; (N.B. Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-tariffa għal din il-kategorija ta' persuni, l-applikanti tal-viża għandhom jippreżentaw evidenza li turi l-istatus tagħhom ta' pensjonant.) L-eżenzjoni mhijiex ġustifikata f’każijiet fejn l-għan tal-vjaġġ huwa attività bi ħlas)
(b)
tfal taħt l-età ta’ 12-il sena; (N.B. sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-tariffa għal din il-kategorija, l-applikanti għall-viża jridu jġibu provi tal-età tagħhom.)
(c)
il-membri ta’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali u tal-qrati Kostituzzjonali u Suprema, jekk ma jkunux eżentati mir-rekwiżit tal-viża b’dan il-Ftehim;” (N.B. sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-tariffa taħt din il-kategorija, l-applikanti għall-viża jridu jġibu provi mingħand l-awtoritajiet tal-Ġeorġja li juru l-pożizzjoni tagħhom);
“(d)
persuni b'diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;"(N.B. sabiex wieħed igawdi mill-eżenzjoni mid-dritt, trid tinġieb evidenza li turi li ż-żewġ applikanti għal viża jkunu jaqgħu f'din il-kategorija.)"
Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-tariffa taħt din il-kategorija, l-applikanti għall-viża jridu jġibu “ċertifikat ta' Diżabilità tal-Ġeorġja” (tal-ewwel jew it-tieni grad) maħruġ mill-Ministeru tas-Saħħa, ix-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali jew ċertifikat maħruġ minn sptarijiet u kliniċi pubbliċi u privati. F’każijiet fejn id-diżabbiltà tal-applikanti hi ovvja (persuni għomja, b'sieq waħda nieqsa), ir-rikonoxximent viżwali f’uffiċċju konsulari dwar il-viżi huwa aċċettabbli. Fil-prinċipju, l-ebda dokumenti addizzjonali m'huma meħtieġa minn persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.
F’każijiet ġustifikati l-applikazzjoni tista’ tkun sottomessa minn rappreżentant jew tutur tal-persuna b’diżabbiltà.
“(e)
qraba mill-viċin – konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet - li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru;"
Dan il-paragrafu jirregola s-sitwazzjoni ta’ qraba viċini mill-Ġeorġja li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri biex iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri.
“(f)
membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ġeorġja, ikunu se jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;
(g)
tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inklużi programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;
(h)
ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;” (N.B. sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dritt għal din il-kategorija, l-applikanti għall-viża jridu jġibu provi li huma membri ta’ organizzazzjoni ġurnalistika jew professjonali - b'rabta mal-Artikolu 4 tal-Ftehim);
“(i)
parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali; (N.B Sostenituri m'għandhomx jitqiesu bħala persuni li jkunu qed jakkumpanjaw.
(j)
rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-iskopijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju:
(k)
persuni li jieħdu sehem f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħrajn ta' skambju;
(l)
persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew li jattendu funeral ta’ qarib mill-viċin, jew biex iżuru qarib mill-viċin li għandu mard serju;".
Tingħata eżenzjoni sħiħa mill-miżati lill-kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, it-tariffa tkun ukoll eżentata, skont l-Artikolu 16(4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.
Skont l-Artikolu 16(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi "f'każijiet individwali, l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta tista' tiġi eżentata jew imnaqqsa meta dan isir biex jippromwovi interessi kulturali jew sportivi kif ukoll interessi fil-qasam tal-politika estera, il-politika tal-iżvilupp u oqsma oħrajn ta' interess pubbliku vitali jew għal raġunijiet umanitarji."
L-Artikolu 16(7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jiddikjara li t-tariffa tal-viża għandha tiġi imposta f’euro, fil-munita nazzjonali tal-pajjiż terz jew fil-munita li hi normalment użata fil-pajjiż terz fejn qiegħda tiġi ppreżentata l-applikazzjoni u għandha tkun mingħajr il-possibbiltà ta’ rifużjoni minbarra l-każijiet ta’ applikazzjoni inammissibbli jew każijiet fejn il-konsulat mhuwiex kompetenti.
Meta l-ammont tat-tariffa tal-viża jkun impost f’valuta li mhijiex l-euro, l-ammont tat-tariffa tal-viża impost f’dik il-valuta għandu jkun determinat u rivedut b’mod regolari bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza esterna tal-euro stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ammont impost jista’ jiġi arrodontit u l-konsulati għandhom jiżguraw li jiġu imposti miżati simili skont arranġamenti ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen.
Sabiex jiġu evitati diskrepanzi li jistgħu jwasslu għal visa shopping, l-Istati Membri fil-Ġeorġja għandhom jiżguraw l-istess miżati tal-viża għal applikanti kollha għal viża tal-Ġeorġja meta l-ammont tat-tariffa tal-viża jkun impost f’munita barranija.
L-applikanti tal-Ġeorġja jingħataw riċevuta għat-tariffa tal-viża mħallsa skont l-Artikolu 16(8) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.
2.1.2.
It-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-viża
L-Artikolu 7 tal-Ftehim jistipula li:
“1.
Missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tal-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.
2.
Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum kalendarju f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju tal-applikazzjoni.
3.
Il-perjodu ta' żmien għat-teħid ta' deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) jew inqas f’każijiet urġenti."
Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-viża tittieħed, bħala prinċipju, fi żmien 10 ijiem kalendarji mid-data ta' meta tasal l-applikazzjoni li hi ammissibli.
Dan il-perjodu jista’ jkun estiż sa 30 jum meta jkun hemm bżonn ta' skrutinju akbar - pereżempju għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali.
Dawn l-iskadenzi kollha ma jibdewx jiddekorru qabel ma jitlesta l-fajl tal-applikazzjoni, jiġifieri mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni għall-viża flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi.
Fil-każ ta' missjonijiet diplomatiċi u uffiċċji konsulari li jkollhom sistema ta’ appuntamenti, il-perjodu ta’ żmien biex jinkiseb appuntament ma jingħaddx bħala parti miż-żmien tal-ipproċessar. Rigward din il-kwistjoni kif ukoll modalitajiet prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal viża, ir-regoli ġenerali stipulati fil-Kodiċi dwar il-Viżi (l-Artikolu 9) huma applikabbli. B'mod partikolari, f'każ li jkun meħtieġ appuntament għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-appuntament iseħħ, bħala regola, fi żmien ġimagħtejn mid-data ta' meta jkun intalab l-appuntament.
Meta jiġi stabbilit l-appuntament, għandha titqies l-urġenza possibbli mitluba mill-applikant għall-viża. Id-deċiżjoni dwar perjodu mnaqqas għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża kif definit fl-Artikolu 7(3) tittieħed mill-uffiċjal konsolari.
Skont il-Manwal għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-viża u l-modifiki fuq Viżi maħruġa (taqsima 2, punt 3.2.2), il-kapaċità tal-konsolati tal-Istati Membri fil-Ġeorġja li jipproċessaw l-applikazzjonijiet tal-viża għandha tkun adattata sabiex tirrispetta l-iskadenza ta’ ġimagħtejn għal appuntament stabbilita fil-Kodiċi dwar il-Viżi anki matul l-eqqel staġunijiet.
F’każijiet ta’ urġenza ġġustifikata (fejn ma setgħatx issir applikazzjoni għall-viża aktar kmieni għal raġunijiet li ma setgħux jiġu previsti mill-applikant), l-appuntament (ara l-Artikolu 9(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi) għandu jingħata minnufih jew għandu jiġi permess aċċess dirett għall-ippreżentar tal-applikazzjoni.
Barra hekk, il-konsolat jista' jiddeċiedi li jistabilixxi proċedura ta' "azzjoni rapida" għall-ippreżentar tal-applikazzjonijiet sabiex jirċievi ċerti kategoriji ta' applikanti.
2.1.3. Estensjoni tal-viża f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni
L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistipula li:
"Il-perjodu ta' validità u/jew it-tul tas-soġġorn ta' viża maħruġa ta' ċittadin tal-Ġeorġja għandhom jiġu estiżi fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tqis li d-detentur tal-viża jkun ipprovda prova ta' force majeure jew raġunijiet umanitarji li ma ħallewhx jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' validità jew tad-durata tas-soġġorn awtorizzat mill-viża. Din l-estensjoni għandha tingħata mingħajr ħlas"
Rigward il-possibbiltà tal-estensjoni tal-validità tal-viża f’każijiet ta’ raġunijiet personali, fejn id-detentur tal-viża ma jkollux il-possibbiltà li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru sad-data indikat fuq l-istiker tal-viża, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi (l-Artikolu 33) se japplikaw sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-Ftehim. Madankollu, skont il-Ftehim, l-estensjoni tal-viża hi mwettqa f'każ ta' force majeure jew raġunijiet umanitarji.
2.2. Regoli ġodda li japplikaw għal ċerti kategoriji ta' applikanti għall-viża.
2.2.1.
Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ
Għall-kategoriji kollha tal-persuni elenkati fl-Artikolu 4(1) tal-Ftehim, tkun meħtieġa biss l-evidenza dokumentarja indikata dwar l-għan tal-vjaġġ. Kif iddikjarat fl-Artikolu 4(3), l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra dwar l-għan tal-vjaġġ ma tkun meħtieġa. Madankollu, dan ma jfissirx eżenzjoni mir-rekwiżit ġenerali li persuna għandha tissottometti personalment l-applikazzjoni tal-viża u d-dokumenti ta’ prova b'rabta mal-mezzi ta’ sussistenza, li jibqgħu mhux affettwati.
Jekk f’każijiet individwali jkun għad fadal xi dubji rigward l-awtentiċità tad-dokument li juri l-għan reali tal-vjaġġ, l-applikant għall-viża għandu jissejjaħ għal intervista fil-fond addizzjonali fl-ambaxxata/fil-konsolat fejn dan/din i/tkun t/jista’ t/jiġi mistoqsi/ja dwar l-iskop attwali taż-żjara jew dwar l-intenzjoni tal-applikant li jirritorna - ara l-Artikolu 21(8) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. F’każijiet individwali bħal dawn, jistgħu jiġu provduti dokumenti addizzjonali mill-applikant għall-viża jew jistgħu jintalbu b’mod eċċezzjonali mill-uffiċjal konsulari. Il-Kumitat Konġunt se jmmonitorja mill-qrib din il-kwistjoni.
Għall-kategoriji ta' persuni mhux imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim (pereżempju turisti), ikomplu japplikaw ir-regoli attwali rigward dokumentazzjoni li sservi ta' prova tal-għan tal-vjaġġ. L-istess japplika għal dokumenti rigward il-kunsens tal-ġenituri għall-ivvjaġġar ta’ tfal taħt it-18-il sena.
Ir-regoli ta’ Schengen jew il-liġi nazzjonali japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħal rikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-garanziji dwar ir-ritorn u l-mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.
Fil-prinċipju, it-talba oriġinali jew iċ-ċertifikat tad-dokument meħtieġ mill-Artikolu 4(1) tal-Ftehim jiġu sottomessi mal-applikazzjoni għall-viża. Madankollu, il-konsulat jista’ jibda l-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża b’facsimile jew kopji tat-talba jew ċertifikat tad-dokument. Madankollu, il-konsulat jista' jitlob id-dokument oriġinali fil-każ tal-ewwel applikazzjoni u se jitolbu f'każijiet individwali fejn ikun hemm dubji.
Artikolu 4 - Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ
“1.Għall-kategoriji li ġejjin ta' ċittadini tal-Ġeorġja, id-dokumenti li ġejjin huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:
(a)
għal qraba mill-viċin – konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet - li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri:
–
talba bil-miktub mill-persuna ospitanti;".
Dak il-punt jirregola s-sitwazzjoni ta’ qraba viċini mill-Ġeorġja li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri biex iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri. Din il-faċilità ma tapplikax għal ċittadini tal-UE li jgħixu fl-UE li jistiednu lil qraba mill-Ġeorġja.
L-awtentiċità tal-firma tal-persuna li tagħmel l-istedina trid tkun iċċertifikata mill-awtorità kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ residenza.
Huwa wkoll meħtieġ li tingħata prova tar-residenza legali tal-persuna li tagħmel l-istedina u anke tar-rabta familjari; pereżempju billi, flimkien mat-talba bil-miktub mill-persuna li tospita, jiġu pprovduti kopji ta’ dokumenti li jispjegaw l-istatus tagħha, bħal pereżempju fotokopja tal-permess tar-residenza, u li jikkonfermaw ir-rabtiet familjari.
Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal qraba ta’ persunal li jaħdmu f’missjonijiet diplomatiċi u konsulati li jivvjaġġaw għal żjara lill-familja ta' mhux aktar minn 90 jum fit-territorju tal-Istati Membri minbarra l-ħtieġa li tinġieb prova ta’ residenza legali u tar-rabtiet familjari.
“(b)
għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ġeorġja, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:
–
ittra maħruġa minn awtorità tal-Ġeorġja li tikkonferma li l-applikant hu membru tad-delegazzjoni tagħha li qed jivvjaġġa lejn il-Parti l-oħra sabiex jipparteċipa fl-avvenimenti msemmija qabel, akkumpanjata b'kopja tal-istedina uffiċċjali;"
Isem l-applikant irid ikun indikat fl-ittra maħruġa mill-awtorità kompetenti li tikkonferma li l-persuna tkun parti mid-delegazzjoni li qed tivvjaġġa lejn it-territorju tal-Parti l-oħra biex tipparteċipa f’laqgħa uffiċjali. Isem l-applikant m’għandux neċessarjament jiġi indikat ukoll fl-istedina uffiċjali biex jieħu sehem fil-laqgħa, għalkemm dan jista’ jkun il-każ meta l-istedina uffiċjali tkun indirizzata lil persuna speċifika.
Din id-dispożizzjoni tapplika għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali irrispettivament mit-tip ta' passaport (ta’ servizz jew ordinarju) li jkollhom.
“(c)
għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola:
–
talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, kulleġġ jew skola ospitanti, jew karti tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li ser jattendu għalihom;"
Il-karti tal-istudenti jistgħu jiġu aċċettati biss bħala ġustifikazzjoni tal-iskop ta' vjaġġ meta jkunu maħruġa mill-università, kulleġġ jew skola ospitanti fejn ikun se jseħħ l-istudju jew it-taħriġ edukattiv.
“(d)
għal persuni li jżuru għal raġunijiet mediċi u persuni neċessarji biex jakkumpanjawhom:
–
dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta' kura medika f'din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u evidenza ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku."
Se jiġi sottomess id-dokument tal-istituzzjoni medika li jikkonferma it-tliet elementi (il-ħtieġa ta' kura medika f'din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u l-prova ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku).
“(e)
għal ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:
–
ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali li jagħti prova li l-persuna kkonċernata hija ġurnalist(a) kwalifikat(a) jew persuna li qed takkumpanjah(a) f’kapaċità professjonali u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jiddikjara li l-għan tal-vjaġġ huwa li j/twettaq xogħol ġurnalistiku, jew li j/tgħin f’xogħol bħal dak;".
Din il-kategorija ma tkoprix ġurnalisti li jkunu qed jaħdmu għal rashom u l-assistenti tagħhom.
irid jiġi ppreżentat ċertifikat jew dokument ieħor li jipprova li l-applikant hu ġurnalist kwalifikat jew persuna li takkumpanjaha f'kapaċità professjonali, u dokument maħruġ minn min iħaddmu li jgħid li l-għan tal-vjaġġ huwa li jitwettaq xogħol ġurnalistiku, jew li tingħata assistenza f'dak ix-xogħol.
Għalissa ma hemmx assoċjazzjonijiet tal-midja professjonali, ċentri, istituzzjonijiet, trade unions, jew organizzazzjonijiet oħrajn simili eżistenti fil-Ġeorġja, li jirrappreżentaw l-interessi ta’ grupp ta’ ġurnalisti jew persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali u li jistgħu joħorġu ċertifikat li jixhed li l-persuna hi ġurnalista professjonali jew persuna li takkumpanjah f’kapaċità professjonali f’qasam speċifiku. Sakemm dawn l-organizzazzjonijiet jiġu stabbiliti, il-konsulati jistgħu jaċċettaw ċertifikat minn min iħaddem u akkreditazzjoni tal-istampa f’wieħed mill-Istati Membri.
“(f)
għal parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:
–
talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti, mill-awtoritajiet kompetenti, mill-Federazzjonijiet sportivi nazzjonali jew mill-Kumitati Olimpiċi nazzjonali tal-Istati Membri;".
Il-lista ta' persuni li jakkumpanjaw fil-każ ta' avvenimenti sportivi internazzjonali jkun limitat għal dawk li jakkumpanjaw lill-isportivi f'kapaċità professjonali: allenaturi, massaġġaturi, maniġers, persunal mediku u l-kap tal-klabb sportiv. Sostenituri m'għandhomx jitqiesu bħala persuni li jkunu qed jakkumpanjaw.
“(g)
għal nies tan-negozju jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tan-negozju:
–
talba bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija, organizzazzjoni jew uffiċċju jew fergħa ospitanti ta’ tali persuna ġuridika, jew kumpanija jew awtoritajiet statali jew lokali tal-Istati Membri jew kumitati organizzattivi jew wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simposji li jsiru fit-territorji tal-Istati Membri, approvata uffiċjalment mill-Kamra Statali ta’ Reġistrazzjonijiet tal-Ġeorġja;".
L-Aġenzija Nazzjonali tar-Reġistru Pubbliku ser toħroġ dokument li jikkonferma l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju.
“(h)
għall-membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Istati Membri:
–
talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed topsita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;".
(i)
għar-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta' programmi ta' bdil:
–
talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni ospitanti, konferma li l-persuna qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni bħal din mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;".
Għandu jiġi ppreżentat dokument mingħand l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li jikkonferma li l-applikant ikun qed jirrappreżenta din l-organizzazzjoni.
L-awtorità emittenti kompetenti tal-istat tal-Ġeorġja li qed joħroġ iċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili hija l-Aġenzija Nazzjonali tar-Reġistru Pubbliku.
Ir-Reġistru fejn iċ-ċertifikati dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma rreġistrati huwa l-Aġenzija Nazzjonali tar-Reġistru Pubbliku. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Aġenzija Nazzjonali tar-Reġistru Pubbliku qed jaħdmu mal-awtoritajiet lokali dwar l-iżvilupp ta’ bażi ta’ dejta elettronika ta’ NGOs, li meta titlesta se tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja
https://enreg.reestri.gov.ge/main.php
.
Membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhumiex koperti mill-Ftehim.
“(j)
għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħrajn ta’ bdil:
–
talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita biex jieħdu sehem f'dawk l-attivitajiet;"
(k)
għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta' trasport ta' passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f'vetturi reġistrati fil-Ġeorġja:
–
talba bil-miktub mill-kumpanija nazzjonali jew mill-assoċjazzjoni ta' trasportaturi tal-Ġeorġja li tipprovdi trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;".
Bħalissa hemm żewġ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ kumpaniji tat-trasport tal-Ġeorġja kompetenti għall-provvediment ta’ talba bil-miktub għal xufiera professjonali fil-Ġeorġja: L-Assoċjazzjoni tat-Trasportaturi bit-Triq Internazzjonali tal-Ġeorġja (GIRCA) u l-Assoċjazzjoni ta’ Trasportaturi ta’ Passiġġieri bit-Triq (GACPR). It-trasportaturi li mhumiex membri ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn ta’ hawn fuq jistgħu jippreżentaw talba maħruġa mill-Aġenzija ta’ Trasport fuq l-Art, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġeorġja jew, fil-każ ta’ kumpaniji magħrufa sew, il-konsulati jistgħu jaċċettaw talba bil-miktub mingħand trasportatur/kumpanija tat-trasport tal-Ġeorġja li timpjega lix-xufier. It-talba għandha tiddikjara l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi.
“(l)
għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u lokalitajiet oħra:
–
talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew lokalitajiet oħra;"
Il-Kap tal-Amministrazzjoni/is-Sindku tal-belt jew l-entità oħra tal-lokalità kompetenti li toħroġ talba bil-miktub ikun il-Kap tal-Amministrazzjoni/is-Sindku tal-belt ospitanti jew tal-lokalità fejn l-attività ta’ ġemellaġġ tkun se sseħħ. Din il-kategorija tkopri biss ġemellaġġi uffiċjali.
“(m)
għal żjarat f’ċimiterji militari u ċivili.
–
dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-midfun;"
Il-Ftehim ma jispeċifikax jekk id-dokument uffiċjali msemmi hawn fuq għandux jinħareġ mill-awtoritajiet: tal-pajjiż fejn se jkun hemm il-post tad-difna jew inkella minn dak tal-pajjiż fejn tirresjedi l-persuna li tkun trid iżżur il-post tad-difna. Għandu jiġi aċċettat li l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ pajjiżi jistgħu joħorġu dokument uffiċjali bħal dan.
Irid jiġi ppreżentat id-dokument uffiċjali msemmi hawn fuq li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjali jew ta' xort'oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna.
Importanti: Dan il-Ftehim ma joħloq l-ebda regoli ġodda ta’ responsabbiltà għall-persuni fiżiċi jew legali li joħorġu t-talbiet bil-miktub. Il-liġi tal-UE/nazzjonali rispettiva tapplika fil-każ ta’ ħruġ falz ta’ talbiet bħal dawn.
2.2.2.
Ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu.
F’każijiet fejn l-applikant tal-viża jeħtieġ li jivvjaġġa sikwit jew regolarment fit-territorju tal-Istati Membri, jinħarġu viżi għal soġġorn qasir għal diversi soġġorni, sakemm it-tul totali ta' dawn iż-żjarat ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.
L-Artikolu 5 tal-Ftehim jistipula li:
“1.
Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul multiplu b’terminu ta’ validità ta’ ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:
(a)
konjuġi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u ġenituri (inklużi kustodji) li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ġeorġja li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri bit-terminu ta’ validità limitat għat-tul tal-validità tal-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali;
(b)
membri ta’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali u ta’ qrati Kostituzzjonali u Supremi jekk ma jkunux eżentati mir-rekwiżit tal-viża permezz ta’ dan il-Ftehim, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’perjodu ta’ validità limitat għall-mandat tagħhom jekk dan ikun ta’ inqas minn ħames (5) snin;
(c)
membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ġeorġja, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi.
Filwaqt li jitqies l-istatus professjonali ta’ dawn il-kategoriji ta’ persuni, jew ir-relazzjoni familjali tagħhom ma’ ċittadin tal-Ġeorġja li jkun legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri, huwa ġustifikat li jingħataw viża għal dħul multiplu b’validità ta’ ħames snin, jew limitata għat-terminu tal-kariga jew residenza legali tagħhom jekk dan ikun ta’ inqas minn 5 snin.
Persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(a), iridu jippreżentaw prova fir-rigward tar-residenza legali tal-persuna li toħroġ l-istedina.
Fir-rigward ta' persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(b), trid tingħata konferma rigward l-istatus professjonali tagħhom u t-tul tal-mandat tagħhom.
Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(b) jekk dawn ikunu eżentati mill-ħtieġa ta' viża mill-Ftehim, jiġifieri jekk huma detenturi ta' passaport diplomatiku.
Persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(c), iridu jippreżentaw prova rigward l-istatus permanenti tagħhom bħala membri tad-delegazzjoni u tal-ħtieġa li jipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju.
“2.
Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul multiplu b'terminu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta' persuni, jekk kemm-il darba matul is-sena ta' qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta' dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta' viża ta' dħul multiplu:
(a)
Membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali, għandhom jipparteċipaw b'mod regolari f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;
(b)
rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;
(c)
Membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri;
(d)
persuni li jkunu qed jipparteċipaw f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta' bdil, li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;
(e)
studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;
(f)
parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew awtoritajiet muniċipali;
(g)
persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom;
(h)
ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;
(i)
nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;
(j)
parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;
(k)
xufiera li jwasslu merkanzija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fil-Ġeorġja.
3.
Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul ta’ aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames (5) snin għall-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2, bil-kondizzjoni li fis-sentejn (2) ta’ qabel ikunu użaw il-viżi ta’ dħul multiplu ta' sena (1) skont il-liġijiet dwar id-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul multiplu jkunu għadhom validi.
4.
Il-perjodu totali tas-soġġorn tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu m'għandux ikun itwal minn 90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri.”
Fil-prinċipju, viżi għal dħul multiplu validi għal sena jinħarġu lill-kategoriji msemmija hawn fuq jekk matul is-sena ta' qabel (12-il xahar) l-applikant għall-viża jkun kiseb tal-anqas viża waħda u jkun għamel użu minnha skont il-liġijiet dwar id-dħul u ż-żjarat tal-Istat(i) fejn ikun sar is-soġġorn (pereżempju, il-persuna ma tkunx baqgħet aktar milli kien imissha) u hekk ikun hemm raġunijiet biex tintalab viza għal dħul multiplu. F’każijiet fejn ma jkunx ġustifikat li tinħareġ viża valida għal sena, (pereżempju, jekk it-tul tal-programm ta’ skambju jkun ta’ inqas minn sena jew il-persuna ma jkollhiex bżonn li tivvjaġġa għal sena sħiħa) il-validità tal-viża tkun ta’ anqas minn sena, sakemm ir-rekwiżiti l-oħra għall-ħruġ tal-viża jkunu ssodisfati.
Viżi għal dħul multiplu validi minn sentejn (2) sa ħames (5) snin jinħarġu għall-kategoriji msemmija taħt l-Artikolu 5(2), bil-kundizzjoni li matul is-sentejn ta’ qabel (24 xahar) ikunu użaw il-viżi ta' sena (1) għal dħul multiplu skont il-liġijiet dwar id-dħul u s-soġġorni fit-territorju/i tal-Istat(i) viżitat(i) u li l-ħtiġijiet għat-talba ta' viża għal dħul multiplu jkunu għadhom validi. Għandu jiġi nnutat li viża b’validità minn sentejn (2) sa ħames (5) snin, tinħareġ biss jekk l-applikant għall-viża jkun ingħata żewġ viżi validi għal sena - u mhux anqas - matul is-sentejn preċedenti, u jekk ikun uża dawn il-viżi skont il-liġijiet tad-dħul u s-soġġorn fit-territorju(i) tal-Istat(i) viżitat(i). Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari għandhom jiddeċiedu, abbażi tal-valutazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-viża, il-perjodu ta’ validità ta’ dawn il-viżi, jiġifieri minn sentejn (2) sa ħames (5) snin.
Rigward id-definizzjoni tal-kriterji fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim: "sakemm...ikun hemm raġunijiet biex tintalab viża għal dħul multiplu", u l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim: "sakemm...ir-raġunijiet biex tintalab viża għal dħul multiplu jkunu għadhom validi", japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi għall-ħruġ ta' viżi għal dħul doppju: jiġifieri li l-persuna jkollha bżonn tivvjaġġa b'mod frekwenti lejn Stat Membru wieħed, jew aktar, pereżempju minħabba negozju.
Ma hemm l-ebda obbligu li tinħareġ viża għal dħul multiplu jekk l-applikant ma jkunx għamel użu minn viża preċedenti.
2.2.3. Detenturi ta' passaporti diplomatiċi.
L-Artikolu 10 tal-Ftehim jistipula li:
“1.
Iċ-ċittadini tal-Ġeorġja li huma detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu fit-territorji tal-Istati Membri, joħorġu minnhom jew jivvjaġġaw minn ġo fihom mingħajr viżi.
2.
Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu mhux itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180 jum.”
Il-proċeduri rigward il-postazzjoni ta' diplomatiċi fl-Istati Membri mhumiex regolati bil-Ftehim. Tapplika l-proċedura ta’ akkreditazzjoni tas-soltu.
III. KOOPERAZZJONI DWAR IS-SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI
F'Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Ftehim il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim jevalwa l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti rispettivi tal-ivvjaġġar fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.
IV. STATISTIKA
Sabiex il-Kumitat Konġunt imwaqqaf bil-Ftehim ikun jista' jimmonitorja b’mod effettiv il-Ftehim, il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri jridu jissottomettu statistika lill-Kummissjoni kull sitt (6) xhur, rigward b’mod partikolari, fejn possibbli, u speċifikata skont ix-xahar:
l-għadd ta’ viżi għal dħul multiplu maħruġa;
l-għadd ta’ viżi maħruġa mingħajr tariffi.
V. DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-FAĊILITAZZJONIJIET GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA
Minkejja li l-Ftehim ma jinkludix drittijiet u obbligi legalment vinkolanti li jiffaċilitaw il-moviment ta’ numru ikbar ta’ ċittadini tal-Ġeorġja, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Ġeorġja li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea tinnota s-suġġeriment tal-Ġeorġja li tagħti definizzjoni usa’ tal-kunċett tal-membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw minn faċilitazzjoni ta’ viża kif ukoll dwar l-importanza li l-Ġeorġja tagħti lis-simplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni.
Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità ta’ għadd estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet famlijarji (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tal-Ġeorġja li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri, f'dikjarazzjoni mehmuża mal-Ftehim, l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri jistiednu lill-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fl-acquis biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-simplifikazzjoni tal-evidenza dokumentarja mitluba mill-applikanti, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ipproċessar u fejn xieraq il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul multiplu.