EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR5387

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Regolamentazzjoni intelliġenti għall-SMEs

ĠU C 342, 12.10.2017, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Regolamentazzjoni intelliġenti għall-SMEs

(2017/C 342/08)

Relatur:

Christian Buchmann (AT/PPE), Membru tal-Parlament Reġjonali tal-Land ta’ Steiermark

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-SMEs

1.

jenfasizza li l-SMEs, bħala muturi ewlenin tal-Ewropa għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, jeħtieġu qafas regolatorju sempliċi, ċar, konsistenti u legalment stabbli, kif ukoll qafas ekonomiku bbażat fuq livell suffiċjenti ta’ kapaċitajiet ta’ investiment pubbliċi u privati;

2.

jinnota l-impatt sproporzjonat ta’ burokrazija żejda fuq l-SMEs, fejn l-ispejjeż ta’ konformità relattivi f’oqsma bħat-tassazzjoni jew l-obbligi ta’ rappurtar, huma ogħla għall-SMEs meta mqabbla ma’ kumpaniji ikbar;

3.

għalhekk jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-ambjent regolatorju Ewropew isir iktar favorevoli għall-SMEs billi jiġu indirizzati l-ostakoli għall-ħolqien tan-negozju u t-tkabbir fil-livelli kollha;

4.

jirrikonoxxi l-progress miksub permezz tas-“Small Business Act” għall-Ewropa (SBA) tal-2008 (1), ir-reviżjoni tal-SBA tal-2011 (2), u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 tal-2013 (3);

5.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-għan tal-Kummissjoni biex itaffi l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar tal-VAT bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku, espress fl-Opinjoni tiegħu dwar Naġġornaw is-Suq Uniku (4); jiddispjaċih, madankollu, li r-rappreżentanti lokali u reġjonali ma ġewx ikkonsultati formalment biex jiżguraw li t-tħassib tagħhom – pereżempju fir-rigward il-ħtiġijiet tal-SMEs f’reġjuni transkonfinali – jitqies bis-sħiħ;

6.

jenfasizza l-bżonn persistenti għal politika Ewropea tal-SMEs li hija koerenti, viżibbli u aġġornata, orjentata lejn ir-riżultati u l-implimentazzjoni, li tibni fuq u ssaħħaħ l-inizjattivi preċedenti, u l-integrazzjoni tal-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” fil-livelli u l-politiki kollha tal-gvern;

7.

għaldaqstant itenni l-appell tiegħu għal SBA rivedut u msaħħaħ u għal rwol iktar b’saħħtu għar-reġjuni u l-bliet fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-SBA; jisħaq mill-ġdid l-impenn tiegħu li jippromovi l-implimentazzjoni tal-SBA permezz tal-iskema tiegħu Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER);

8.

jinnota li n-netwerk tar-rappreżentanti tal-SMEs jaġixxi bħala l-pont ewlieni bejn il-Kummissjoni Ewropea u dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali; jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi formalment u sistematikament ir-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-SMEs f’dan in-netwerk;

9.

jirrikonoxxi li l-UE għandha ambjent regolatorju li fundamentalment jiffavorixxi lin-negozju; jenfasizza, madankollu, li għad hemm differenzi fir-rigward taż-żmien, l-ispiża u l-għadd ta’ proċeduri meħtieġa biex wieħed jistabbilixxi kumpanija; jappella lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom biex jallinjaw ir-regoli rispettivi tagħhom ma’ dawk bl-aqwa prestazzjonijiet, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u wara li jikkontrollaw il-fattibilità; jirrimarka li prattiki tajba bħal, fost oħrajn Iniciativa Lisboa, li tippermetti li kumpanija tiġi stabbilita f’36 minuta, jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni f’dan ir-rigward;

10.

jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol ta’ raggruppamenti li jgħinu lin-negozji ż-żgħar biex jikbru permezz ta’ ttestjar u analiżi tas-suq, il-ħolqien tal-innovazzjoni, u l-kwalifiki, u jirrakkomanda appoġġ iffokat għal dawn l-attivitajiet permezz ta’ programmi bħal COSME;

11.

jissottolinja r-riżultati tas-seminar tal-ECON “Regolamentazzjoni Intelliġenti – Tkabbir Intelliġenti” f’Seggauberg, Steiermark, u d-djalogu taċ-ċittadini li segwa, li juru li hemm bżonn li jinkisbu riżultati konkreti permezz ta’ approċċi ġodda u innovattivi;

L-integrazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”

12.

jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” madwar il-politiki kollha tal-UE u l-proċess kollu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jappella biex il-kriterji tal-valutazzjoni tal-impatt jitfasslu b’tali mod li jiffavorixxu aktar l-SMEs u li l-impatt territorjali tar-regoli jiġi kkunsidrat b’mod aktar sistematiku;

13.

jenfasizza li regoli dduplikati u kontradittorji f’politiki differenti tal-UE – il-politika reġjonali, l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku, il-protezzjoni ambjentali, tensjoni bejn l-appoġġ tar-raggruppamenti u r-regoli tall-kompetizzjoni u ta’ konformità – jaffettwaw b’mod disproporzjonat lill-SMEs;

14.

huwa mħasseb dwar l-ostakoli minħabba r-rekwiżiti inkoerenti u d-definizzjonijiet konfliġġenti bejn politiki settorjali tal-UE, bħalma huma settijiet separati ta’ regoli marbuta mal-akkwist, il-politika reġjonali u l-politika dwar il-kompetizzjoni (5), jew definizzjonijiet diverġenti tal-innovazzjoni fil-politika reġjonali u tal-kompetizzjoni (6);

15.

huwa konvint li l-piż tar-rekwiżiti ta’ rappurtar fuq l-SMEs ma jistax jiġi indirizzat biss bis-semplifikazzjoni ta’ att wieħed ta’ leġislazzjoni; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ olistiku, imsejjes fuq valutazzjoni komprensiva tar-rekwiżiti kollha ta’ rappurtar li jiffaċċjaw l-SMEs;

16.

jissuġġerixxi li jkunu esplorati modi biex jitħaffef il-piż fuq l-SMEs permezz ta’ azzjonijiet bħall-ħolqien ta’ limitu li taħtu l-kumpaniji jkollhom jipprovdu anqas informazzjoni, biex jiġi limitat in-numru ta’ kwestjonarji obbligatorji, u jkun evitat il-ħolqien ta’ kwestjonarji ġodda billi tiġi inkluża, pereżempju, informazzjoni statistika f’dawk li diġà jeżistu;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon li issa kapitli speċifiċi huma dedikati lill-SMEs fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE sabiex ikun faċilitat, b’mod partikolari għall-SMEs, l-aċċess għas-suq l-ieħor, speċjalment permezz taċ-ċertezza tad-dritt miżjuda, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-ostakli nontariffarji, l-estensjoni tal-proċess ta’ sejħa għall-offerti għall-offerent bl-aħjar offerta u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u industrijali u jfakkar fl-Opinjoni tiegħu dwar it-TTIP tat-12 ta’ Frar 2015;

L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-programm REFIT iffokati b’mod aktar qawwi fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jitnaqqas il-piż fuq l-SMEs fil-qafas tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-programm REFIT, u l-Ftehim Inter-Istituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (IIA);

19.

itenni t-tħassib tiegħu, kif espress fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Programm REFIT (7), li r-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-KtR bħala r-rappreżentanza istituzzjonali tagħhom, mhumiex inklużi fl-IIA minkejja l-mandat u l-piż mogħtija lilhom mit-Trattat ta’ Lisbona;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni ta’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar madwar iċ-ċiklu tal-politika u l-estensjoni tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt (VI) għall-Parlament u l-Kunsill; jiddispjaċih li l-IIA ma jinkludix impenn mill-Kunsill u l-Parlament biex iwettqu Valutazzjonijiet tal-Impatt b’mod sistematiku;

21.

jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ emendi jew regoli addizzjonali fi stadji iktar tard tal-proċess leġislattiv jew matul it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE mill-Istati Membri għandha timxi id f’id ma’ impenn li jwettqu Valutazzjonijiet tal-Impatt, sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda u jiġi żgurat li l-element REFIT ta’ regola partikolari ma tkunx imdgħajfa;

22.

jirrikkonoxxi l-importanza ta’ konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati fit-tlestija tal-proposti leġislattivi; jinnota, madankollu, li wara li jsiru l-konsultazzjonijiet, il-kontributuri jaf jibqgħu ma jafux sa liema punt it-tħassib tagħhom ġie integrat; jissuġġerixxi li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jiġu assoċjati ma’ Bordijiet tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt, sabiex ikun provdut skrutinju addizzjonali tal-proposti tal-Kummissjoni;

23.

jenfasizza li r-rwol istituzzjonali tal-KtR fi ħdan il-Pjattaforma REFIT m’għandux jiġi mfixkel ma’ partijiet interessati oħrajn; għalhekk jaħseb li rappreżentanti tal-kummissjonijeit tal-KtR għandhom ikunu jistgħu jappoġġjaw ir-rappreżentant tal-KtR fil-Pjattaforma, billi jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Pjattaforma dwar dossiers relatati mal-mandati tagħhom;

24.

jimpenja ruħu li jiġu integrati l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar fix-xogħol proprju tiegħu billi juża l-għarfien espert rilevanti tal-kummissjonijiet tematiċi meta joħroġ opinjoni dwar dossier li jaffettwa lill-SMEs;

25.

jinnota li l-ħidma tal-Pjattaforma REFIT tiffoka l-ewwel nett fuq kwistjonijiet speċifiċi fil-leġislazzjoni tal-UE li jistgħu jiġu mtejba mingħajr tibdil fundamentali f’biċċa leġislazzjoni kollha kemm hi; jaħseb li l-enfasi dejqa għandha tkun ikkumplimentata minn approċċ iżjed ambizzjuż, immirat lejn titjib strutturali tal-qafas regolatorju tal-UE fuq medda medja ta’ żmien;

26.

jikkunsidra li l-prijoritajiet speċifiċi fir-Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs jistgħu jiġu identifikati fl-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku, u fir-regoli tal-VAT u tat-tassazzjoni; jara wkoll ħtieġa ċara għal azzjoni fl-aċċess tal-SMEs għas-Suq Uniku, l-aċċess għall-finanzjament, l-appoġġ tal-SMEs mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), u li jinsab bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet tal-SMEs u l-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-ambjent;

Il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-semplifikazzjoni tal-liġi tal-akkwist Ewropea, introdotta permezz ta’ direttivi ġodda dwar l-akkwist u d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (8); jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u l-applikazzjoni korretta tas-sistema legali semplifikata Ewropea dwar l-akkwist pubbliku;

28.

jenfasizza r-rwol sinifikanti li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku u jqis b’hekk it-tnaqqis tal-ostakoli li jiffaċċjaw l-SMEs meta jiġu għall-akkwist bħala partikolarment importanti għar-reġjuni u l-bliet;

29.

huwa imħasseb li r-regoli attwali dwar l-akkwist li huma favorevoli għall-SMEs ta’ sikwit ma jintużawx bis-sħiħ; jenfasizza li dawn ir-regoli jridu jkunu komplimentati minn implimentazzjoni tajba;

30.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jiżguraw li s-sejħiet għall-offerti tagħhom huma favorevoli għall-SMEs u l-istart ups fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ eliġibilità u l-mezzi ta’ ħlas, billi jiġu mfassla l-garanzija meħtieġa skont il-karatteristiċi tal-SMEs, jitnaqqas id-dewmien fil-ħlasijiet, u tiġi inforzata d-dixxiplina fil-pagamenti; jappella lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jimpenjaw ruħhom għall-istandards komuni ta’ akkwist favorevoli għall-SMEs;

31.

jenfasizza li l-prattiki tajba, inkluż, fost l-oħrajn, is-Servizz tal-Akkwist Pubbliku tal-Belt ta’ Pariġi, li żdied b’mod sinifikanti l-aċċess tal-SMEs għas-swieq pubbliċi u naqqas id-dewmien fil-ħlasijiet, jistgħu jservu ta’ eżempji tajbin għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha;

32.

jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi kollha biex jippromovu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist ta’ tal-innovazzjoni billi jevitaw l-ispeċifikazzjoni żejda, jiffavorixxu l-ispeċifikazzjoni bbażata fuq ir-riżultati, jagħmlu l-informazzjoni disponibbli liberament, u jużaw alternattivi bħal djalogu kompetittiv u proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar, qabel ma jiġu speċifikati t-termini finali;

33.

jinnota sempliċità akbar għall-SMEs biex ikollhom aċċess għall-istrumenti finanzjarji taħt il-programmi tal-UE, b’mod partikolari l-COSME. Dawn huma ħafna inqas ikkomplikati għall-SMEs meta mqabbla ma’ sorsi aktar tradizzjonali ta’ finanzjament. F’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-ispazju dedikat għall-SMEs fi ħdan il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li jista’ jippromwovi wkoll, fi ħdan linji ta’ finanzjament eżistenti, finanzjamenti favur negozji li għadhom jibdew u mikrointrapriżi li jeħtieġu aċċess għal kreditu;

Regoli tat-tassazzjoni u tal-VAT favur l-SMEs

34.

jitlob li jkun hemm aktar semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tar-regoli tat-taxxa, li huma meqjusa bħala l-qasam ta’ politika l-aktar problematiku mill-maġġoranza tal-SMEs Ewropej;

35.

itenni l-appoġġ tiegħu, espress fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, tal-eliminazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar minn pajjiżi terzi u li jkunu permessi kontrolli permezz ta’ awditjar uniku ta’ kumpaniji transkonfinali, biex jitneħħew l-iżvantaġġi kompetittivi għall-SMEs tal-UE meta mqabblin ma’ dawk f’pajjiżi terzi li jirriżultaw minn din l-eżenzjoni (9);

36.

jenfasizza li l-frammentazzjoni u l-kumplessità tas-sistema tal-VAT jistgħu jikkawżaw spejjeż ta’ konformità kbar għall-SMEs involuti fil-kummerċ transkonfinali u jkollhom impatt partikolari fuq ir-reġjuni tal-fruntiera; għalhekk jappella għal iżjed semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri marbuta ma’ sistemi tal-VAT differenti fil-kummerċ transkonfinali, għal estensjoni tal-prinċipju ta’ “punt uniku ta’ servizz”, li bħalissa huwa limitat għal servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi, għal bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti u servizzi, u għal limitu transkonfinali tal-UE li taħtu ma tiġi applikata l-VAT;

37.

jappella għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv marbut mal-VAT, bħal rekwiżiti ta’ rappurtar, skadenzi u perjodi ta’ żamma tar-rekords, u biex il-prattiki amministrattivi jitħaffu fl-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT;

L-aċċess tal-SMEs għas-Suq Uniku

38.

josserva li s-Suq Uniku għas-Servizzi għadu jbati minn ħafna restrizzjonijiet li jaffettwaw lill-SMEs, inkluż il-liċenzjar okkupazzjonali, ir-regoli ta’ stabbiliment, prezzijiet fissi jew minimi, formalitajiet legali u regoli speċifiċi għas-settur; jappella għal semplifikazzjoni u armonizzazzjoni ambizzjużi fis-settur tas-servizzi, li jiġi promoss it-tkabbir li jirriżulta minn ekonomija ta’ skala, tiġi xprunata l-innovazzjoni billi tissaħħaħ il-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet, u jiġi attratt l-investiment ’il ġewwa billi titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq;

39.

jinnota li differenzi fir-regolamenti nazzjonali tas-suq tal-prodotti jirrappreżentaw ostakolu ewlieni għall-SMEs, billi jirriżultaw fi ħtieġa li jiġu introdotti linji ta’ prodotti differenti fi Stati Membri differenti u li jixxekkel l-iżvilupp ta’ katini ta’ provvista pan-Ewropej; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn armonizzazzjoni iktar qawwija f’dan il-qasam;

L-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament

40.

jinnota l-importanza ta’ metodi ta’ finanzjament alternattivi għal kumpaniji ġodda; huwa mħasseb li l-aċċess tal-istart ups għal crowdfunding għadu mhuwiex fl-ogħla livell possibbli minħabba sistemi nazzjonali diverġenti li jagħmluha diffiċli għall-istart ups biex jiġbru fondi transkonfinali, u l-limitazzjonijiet fuq l-offerta ta’ ekwità lil għadd potenzjalment kbir ta’ investituri li jirriżultaw minn sistemi korporattivi “irħas” li tipikament jintgħażlu mill-istart ups;

41.

jappella għal qafas regolatorju armonizzat li joħloq passaport Ewropew għal pjattaformi ta’ crowdfunding, li jesiġi awtorizzazzjoni waħda biss minn awtorità kompetenti waħda fl-UE sabiex jiġu offruti servizzi b’mod transkonfinali, u b’hekk ikun faċilitat suq Ewropej ġenwin ta’ crowdfunding;

L-appoġġ tal-SMEs mingħand il-FSIE

42.

itenni t-twissija tiegħu, espressa fl-opinjoni tiegħu dwar is-semplifikazzjoni tal-FSIE (10), li proċeduri għall-użu tal-FSIE qed isiru dejjem iktar kumplessi u burokratiċi; għalhekk jappella għal semplifikazzjoni urġenti tar-regoli dwar l-istabbiliment, ir-rappurtar ta’ rekwiżiti u l-awditjar tal-istrumenti finanzjarji taħt l-FSIE;

43.

jirrimarka li l-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari biex jużaw ir-riżorsi tal-FSIE, kif muri minn stħarriġ ta’ reġjuni tal-EER li sar fl-2016 u li identifika l-parteċipazzjoni tal-SMEs fi proġetti finanzjati mill-FSIE bħala l-aktar prijorità importanti li tagħmel il-ħajja aktar faċli għall-SMEs;

44.

ifakkar fl-importanza li jitnaqqsu l-kumplessità regolatorja, pressjoni ta’ awditjar eċċessiva u l-ispejjeż għolja ta’ eżekuzzjoni li jfixklu l-appoġġ tal-SMEs mingħand l-FSIE, u s-semplifikazzjoni mhux biss ta’ regolamenti speċifiċi, iżda wkoll tal-korp sħiħ ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, kif ukoll ta’ “liġi mhux vinkolanti” bħal pereżempju noti ta’ gwida, kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-SMEs;

45.

jenfasizza li, sabiex jintlaħqu l-objettivi kemm tal-FSIE u tal-politika tal-SMEs tal-UE, ir-regoli tal-FSIE għandhom jiġu kkunsidrati mill-perspettiva tal-proporzjonalità, bil-ħolqien ta’ sħubija għas-semplifikazzjoni li tqis l-interessi tal-partijiet kollha; jappella għal relazzjoni msejsa fuq il-fiduċja minflok in-nuqqas ta’ fiduċja fundamentali ta’ sikwit murija mill-istituzzjonijiet tal-UE lejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

L-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet tal-SMEs fir-rigward il-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-ambjent

46.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn id-drittijiet tal-ħaddiema, is-saħħa, is-sikurezza u l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent fuq naħa, u l-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs fuq in-naħa l-oħra;

47.

jinnota li l-impjegar tal-ewwel impjegat jista’ jikkostitwixxi sfida partikolari għall-proċess ta’ tkabbir u ta’ espansjoni għal kumpanija, u li r-regolamenti dwar ix-xogħol għandhom impatt ikbar fuq l-SMEs milli fuq kumpaniji kbar, li jfisser li l-SMEs joqogħdu lura milli jirreklutaw persunal; jenfasizza li approċċi ġodda f’dan il-qasam jistgħu jagħtu kontribut ta’ valur, notevolment għat-tnaqqis tal-qgħad taż-żgħażagħ;

48.

għaldaqstant jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ skema Ewropea “Take One” li tinkoraġġixxi l-impjegar tal-ewwel impjegat minn intraprenditur waħdu jew minn mikrointrapriża, permezz ta’ inċentivi finanzjarji u regoli flessibbli; jikkunsidra li skema bħal din tista’ tkun iffinanzjata permezz tal-programm COSME;

49.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi s-semplifikazzjoni favur l-intrapriżi tal-artiġjanat u l-mikrointrapriżi billi attwalment il-kumplessività eċċessiva tas-sistema tipperikola l-operatività tagħhom u r-rwol importanti li dawn għandhom fil-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, kif ukoll f’ċerti każi għall-protezzjoni tal-wirt kulturali u lokali;

50.

jaħseb li l-ambitu tad-definizzjoni ta’ kuntratti barra mill-post tan-negozju (off-premises contracts) fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur huwa wisq wiesa’, potenzjalment ta’ ħsara lil persuni ta’ snajja’ li jissejħu fid-dar minn konsumatur; għalhekk jappella għal definizzjoni iżjed iffokata li tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi;

Approċċi innovattivi għar-regolamentazzjoni

51.

jenfasizza li r-Regolamentazzjoni Intelliġenti ma tfissirx neċessarjament inqas regolamentazzjoni, li tista’ timplika riskju ta’ inċertezza u frammentazzjoni regolatorja, iżda pjuttost regoli aktar ċari u sempliċi li jagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-SMEs filwaqt li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika f’qasam partikolari;

52.

jenfasizza l-importanza ta’ regoli li jħeġġu l-innovazzjoni u li joħolqu spazju għall-esperimentazzjoni fejn xieraq, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ żoni ta’ regoli limitati għal proġetti pilota u l-introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ estinzjoni (sunset clauses) f’oqsma innovattivi u li jinbidlu malajr, kif muri, inter alia, permezz tal-eżempju tal-Fjandri;

53.

jenfasizza li approċċi bħall-awtoregolazzjoni volontarja – li tikkonsisti minn ftehimiet, wegħdiet jew kodiċijiet ta’ prattika volontarji – jistgħu jħeġġu kultura ta’ kooperazzjoni bejn in-negozji u l-gvern; jaħseb li l-ħidma tal-iScottish Regulatory Review Group tista’ sservi ta’ eżempju tajjeb għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli differenti;

54.

jenfasizza l-proġett Danish Burden Hunter bħala prattika tajba fil-livell nazzjonali li jippermetti l-identifikar ta’ ostakoli fid-djalogu dirett u t-tiftix b’mod konġunt ta’ soluzzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni biex tieħu kont sħiħ ta’ eżempji ta’ dan it-tip u tippromopvi l-użu u t-trasferiment tagħhom fejn possibbli;

55.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa mentalità intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-gvern u biex jiġu faċilitati soluzzjonijiet innovattivi minn isfel għal fuq bil-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ “dritt ta’ sfida” li jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jissospendu temporanjament ir-regoli eżistenti biex jittestjaw soluzzjonijiet alternattivi, jekk ikun hemm evidenza li tindika li l-għanijiet tagħhom jistgħu jintlaħqu aħjar permezz ta’ approċċ innovattiv.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, 25 ta’ Ġunju 2008 (COM/2008/394 final).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, 23 ta’ Frar 2011 (COM/2011/78 final).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa, 9 ta’ Jannar 2013 (COM/2012/795 final).

(4)  Opinjoni tal-KtR dwar “Naġġornaw is-Suq Uniku”, CdR 6628/2015, 12.

(5)  Ara Europa Decentraal (2016). Bridge! – Better EU regulation for local and regional authorities.

(6)  Ara House of the Dutch Provinces (2015). Dutch Provinces for Better Regulation.

(7)  Opinjoni tal-KtR dwar Il-Programm REFIT: il-perspettiva lokali u reġjonali, CdR 983/2016, 5.

(8)  Id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE, ir-Regolament tal-Implimentazzjoni (UE) 2016/7.

(9)  Opinjoni tal-KtR dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, CdR 2419/2016, 34.

(10)  Opinjoni tal-KtR dwar Is-Semplifikazzjoni tal-FSIE, ref. COR-2016-00008-00-00-AC-TRA.


Top