EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR2419

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE

ĠU C 88, 21.3.2017, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/39


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE

(2017/C 088/08)

Relatur:

Dainis Turlais (LV/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Riga

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu

COM(2016) 148 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni, inizjattiva tal-Kummissjoni, li jindika t-triq sabiex sal-2017 jiġi propost il-ħolqien ta’ żona unika ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-Unjoni Ewropea;

2.

jirrikonoxxi li s-sistema tal-VAT hija element essenzjali tas-suq uniku u għandha tiġi riformata biex issir aktar sempliċi, aktar ġusta, aktar effikaċi u inqas vulnerabbli għall-frodi u b’hekk jittejbu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fost l-intrapriżi, titnaqqas id-diskriminazzjoni fost il-konsumaturi u jiġi ottimizzat il-ġbir tat-taxxa;

3.

josserva l-importanza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandha ż-żona unika tal-VAT fl-UE, minħabba li r-ridistribuzzjoni tad-dħul mill-VAT tieħu post ċentrali f’xi Stati Membri, u dawn l-awtoritajiet jingħataw il-kompetenza li jiġbru l-VAT, fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ ugwalizzazzjoni tal-introjtu għall-benefiċċju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; madankollu, is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri, għar-ridistribuzzjoni nazzjonali tad-dħul mill-VAT mhumiex fil-kompetenza tal-UE;

4.

ifakkar li l-VAT hija wkoll sors importanti ta’ dħul għar-riżorsi proprji tal-UE peress li fl-2014 kienet tirrappreżenta EUR 17,6 biljun, jiġifieri 12,3 % tad-dħul totali tal-UE;

5.

jappoġġja lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li tiġġieled il-frodi. Il-volumi kbar ta’ frodi juru n-nuqqasijiet tas-sistemi attwali, li kull sena jikkawżaw telf ta’ dħul sinifikanti għall-Istati Membri, u dan l-ammont huwa stmat li jiħaq EUR 170 biljun fis-sena. Dan għandu impatt negattiv fuq il-baġits pubbliċi, inklużi dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’xi Stati Membri, u fuq il-kapaċità li jiġu provduti servizzi ta’ kwalità; f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġbru u jiddistribwixxu statistika dwar il-frodi transkonfinali tal-VAT;

6.

jindika li l-frammentazzjoni u l-kumplessità tas-sistema tal-VAT tikkawża spejjeż kbar għall-konformità għan-negozji involuti fil-kummerċ transkonfinali. Dawn l-ispejjeż huma għoljin bla bżonn għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li huma fundamentali għall-ekonomija u l-impjiegi fil-livell reġjonali. Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT bl-istess mod jeħtieġ li jwassal għal simplifikazzjoni għan-negozji leġittimi li jwettqu kummerċ transkonfinali. Is-sistema tal-VAT m’għandhiex timponi xkiel żejjed għall-kummerċ transkonfinali;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-differenzi bejn is-sistemi tal-VAT u r-rati stabbiliti jaffettwaw partikolarment ir-reġjuni tal-fruntiera u l-attivitajiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) f’dawn ir-reġjuni. Jeħtieġ għalhekk li jiġi evalwat l-impatt territorjali tal-proposti li jippermettu aktar flessibbiltà fl-iffissar tar-rati tal-VAT;

8.

jinnota li d-Direttiva dwar il-VAT fiha dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rati tal-VAT li għandhom l-għan jipproteġu s-suq uniku u jevitaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni; jemmen li dawn il-prinċipji huma essenzjali u jridu jiġu eżaminati bir-reqqa l-proposti kollha li jippermettu flessibilità akbar fl-Istati Membri għall-iffissar tar-rati sabiex jiġi valutat x’impatt jista’ jkollhom fuq is-suq intern u l-kompetizzjoni;

9.

jappoġġja r-riformi tas-sistema tal-VAT li jistgħu jipprovdu l-bażi għat-tkabbir futur, il-kompetittività u l-impjieg, partikolarment it-tkabbir tal-ekonomija diġitali u mobbli, il-mudelli ekonomiċi ġodda u l-impriżi ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-punt ta’ kuntatt uniku għall-VAT għas-servizzi elettroniċi għall-provvista ta’ merkanzija, abbażi ta’ skema pilota li għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u l-intrapriżi involuti fil-kummerċ fis-settur tal-elettronika;

10.

jemmen li l-effiċjenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa hija varjabbli ħafna. M’hemmx biżżejjed kooperazzjoni u fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jemmen li l-banek għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet fiskali f’każijiet fejn huwa ssuspettat li hemm frodi fir-rigward tal-VAT, fil-limiti tal-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

11.

jirrakkomanda li jiġu eżaminati l-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar l-allokazzjoni ta’ parti mid-dħul mill-VAT lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew b’mod alternattiv jingħataw il-kompetenza biex jiġbru t-taxxa;

12.

jitlob li rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali u tal-KtR fil-livell Ewropew jiġu inklużi fil-konsultazzjonijiet dwar kull modifika tas-sistema tal-VAT, fid-dawl tal-effetti diretti ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq il-benesseri tal-popolazzjoni, fuq il-kompetittività tal-intrapriżi u fuq id-dħul tal-awtoritajiet pubbliċi;

Żona unika tal-VAT fl-Unjoni

13.

jistieden, waqt l-eżami tal-prinċipju li skontu l-pagamenti tal-VAT għat-tranżazzjonijiet transkonfinali huma suġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk ta’ tranżazzjonijiet domestiċi, il-kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-impatt ta’ dan fuq l-SMEs, meta jinżammu diversi rati ta’ VAT fl-istess ħin;

14.

jaqbel mal-fehma li s-sistema l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni, u jistipula li fil-każ ta’ bejgħ lil klijent fi Stat Membru ieħor tal-UE, il-VAT għandha tiġi imposta skont il-liġi tal-pajjiż fornitur u bir-rata applikata fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, u li l-irċevuti tal-VAT tal-Istat tal-ġbir għandhom ikunu trasferiti lejn l-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat tal-konsum;

15.

jilqa’ l-intenzjoni li jiġi żgurat li l-impriżi li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali fi ħdan is-suq uniku jkunu kapaċi jsolvu kwalunkwe kwistjonijiet tal-VAT fl-amministrazzjoni kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u li huma ma għandhomx jiġu obbligati jirreġistraw fir-reġistru tal-VAT, jipprovdu dikjarazzjonijiet u jħallsu tariffi għall-użu fl-Istati Membri kollha tal-UE fejn ikunu qed iwettqu transazzjonijiet kummerċjali. Dawn is-semplifikazzjonijiet m’għandhomx iwasslu għal riskju ta’ telf ta’ dħul mill-VAT u jinfluwenzaw is-sovranità fiskali tal-Istati Membri;

16.

jemmen li l-pjan tal-Kummissjoni huwa ambizzjuż u se jieħu ż-żmien biex jiġi implimentat; għalhekk jappoġġja l-prinċipju ta’ implimentazzjoni gradwali;

17.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri bl-għan li tiżdied l-effiċjenza tat-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi sabiex jonqos l-ammont ta’ VAT mhux miġbur mill-Istati Membri. Dan jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-isforzi biex tinbena fiduċja fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll għal kooperazzjoni effettiva, li hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-sistema l-ġdida. Il-KtR jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ rapporti u għodod tal-awditjar ġodda ma jistgħux jimponu piż żejjed fuq l-impriżi, partikolarment l-SMEs;

18.

jistieden lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet konkreti dwar il-leġislazzjoni dwar il-VAT fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari biex jeliminaw id-differenzi osservati s’issa bejn l-Istati Membri b’rabta mad-derogi mid-direttiva dwar il-VAT mogħtija lil pajjiżi individwali, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jimplimentaw dawn id-derogi;

19.

jinnota li l-Kummissjoni, meta tagħmel proposti biex tiżdied l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa, għandha tirrispetta l-kompetenzi amministrattivi nazzjonali u/jew reġjonali;

20.

jinkoraġġixxi użu aktar effettiv tal-għodod tal-IT billi tintuża kull data elettronika disponibbli għall-ġlieda kontra l-frodi, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tad-data;

21.

minħabba s-sistemi ta’ pagamenti invertiti u maqsuma (1) tal-VAT implimentata f’ħafna pajjiżi, jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku dwar jekk il-VAT imħallsa tmurx lura fil-baġits nazzjonali, reġjonali jew lokali, billi ċ-ċittadini huma prinċipalment dawk li jħallsu l-VAT; jirrakkomanda li tiġi analizzata l-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ sistema ta’ pagament elettroniku volontarja, li jittrasferixxi l-VAT mill-akkwisti taċ-ċittadini għall-baġit tal-awtorità kompetenti u l-ammont tax-xiri mingħajr VAT, kif jiġri s’issa, lill-bejjiegħ;

Ir-rati tal-VAT

22.

jinsisti li m’hemmx biżżejjed evidenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq ċerti tipi ta’ attivitajiet ta’ entitatijiet tas-settur pubbliku u ta’ kooperazzjonijiet interkomunali fejn l-attivitajiet huma meqjusa bħala ta’ interess pubbliku. L-eżenzjoni tal-VAT għall-entitatjiet pubbliċi tibbaża fuq kriterji oġġettivi u armonizzati fil-livell Ewropew u mhux fuq id-diskrezzjoni tal-Istati Membri;

23.

jitlob li fl-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, li hija skedata għall-pubblikazzjoni fl-2017, jitqiesu l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; f’dan ir-rigward, f’konsultazzjoni magħhom, għandhom jiġu ċċarati l-kunċetti ta’ “distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ta’ ċertu daqs)”;

24.

iqis li huwa urġenti li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu jistgħu japplikaw id-derogi kollha stabbiliti fil-passat minn kwalunkwe Stat Membru;

25.

jitlob li r-rata tal-VAT fuq il-binjiet tal-iskejjel titnaqqas għal 6 %;

26.

jenfasizza li l-lista attwali tar-rati mnaqqsa tal-VAT hija partikolarment opaka u m’għandhiex tifsira definita sew. Huwa għalhekk diżappuntat li l-Kummissjoni ma għamlitx inventarju eżawrjenti u trasparenti tar-rati mnaqqsa tal-VAT li ngħataw; iqis li jeħtieġ li tiġi riveduta l-lista tar-rati mnaqqsa tal-VAT, b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi, ekonomiċi u oħrajn u l-effett tad-distorsjoni maħluq mir-rati differenti tal-VAT għal oġġetti u servizzi simili; din ir-reviżjoni għandha, sa fejn hu possibbli, twassal lejn armonizzazzjoni sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku għall-SMEs;

27.

barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ interess ġenerali jista’ jkollhom aktar interess ekonomiku li titnaqqas il-VAT ex-post pjuttost milli jkunu mhux taxxabbli ex-ante;

28.

iqis li l-għażla 1 (estensjoni u reviżjoni regolari tal-lista ta’ oġġetti u servizzi eliġibbli għal rata mnaqqsa) tista’ twassal għal riskji iżgħar mill-għażla 2 (tħassir tal-lista ta’ oġġetti u servizzi eliġibbli għal rata mnaqqsa);

29.

iqis li iktar libertà lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati inevitabbilment twassal għal varjetà akbar fir-rati, li tista’ tgħawweġ is-suq uniku u twassal għal piżijiet fuq in-negozju, speċjalment l-SMEs; jindika li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni komprensiva biex tistudja l-impatt tal-proposti tagħha dwar il-kompetizzjoni u l-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-impatt territorjali tagħhom, b’mod partikolari f’reġjuni konfinali;

30.

jinnota li l-komunikazzjoni ssemmi wkoll l-ispejjeż u n-nuqqasijiet l-oħra relatati mat-trasferiment tal-kompetenzi lill-Istati Membri fit-tnaqqis tar-rati, inkluż ir-riskju ta’ tnaqqis fid-dħul u l-kumplessità tal-VAT u ż-żieda fl-ispejjeż u l-inċertezza legali għan-negozji; iqis li dan ir-riskju għandu jiġi evalwat bir-reqqa;

31.

jappoġġja, f’konformità mal-opinjoni tiegħu dwar l-iskart tal-ikel (Ġunju 2016), il-proposta li l-bejjiegħa bl-imnut fuq skala kbira jkunu intitolati li jnaqqsu l-VAT fuq id-donazzjoni ta’ ikel mhux mibjugħ;

Kummerċ elettroniku

32.

jindika li regoli kumplikati tal-VAT li jvarjaw f’kull Stat Membru huma wieħed mill-ostakli ewlenin għall-kummerċ elettroniku; jirrikonoxxi li s-sistema tal-VAT għandha tiġi semplifikata u l-ispejjeż ta’ konformità għall-SMEs għandhom jitnaqqsu, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-fatturi li huma inqas favorevoli għan-negozji bbażati fl-Unjoni Ewropea milli għall-fornituri ta’ pajjiżi terzi;

33.

huwa favur l-estensjoni tal-mekkaniżmu tal-punt uniku ta’ kuntatt li jinkludi l-kummerċ tal-prodotti, u l-introduzzjonijew iż-żieda ta’ limiti tal-VAT għan-negozji li għadhom jibdew u l-mikrointrapriżi;

34.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex titneħħa l-eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar minn pajjiżi terzi u l-kontrolli permezz ta’ awditjar uniku tan-negozji transkonfinali, peress li bħalissal-SMEs Ewropej qed jiffaċċjaw żvantaġġ kompetittiv meta mqabblin ma’ dawk f’pajjiżi terzi;

Pakkett tal-VAT favur l-SMEs

35.

jindika li l-iżvilupp ekonomiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa msejjes fuq l-SMEs u li l-ispejjeż li dawn tal-aħħar għandhom iħallsu sabiex jiżguraw l-osservanza tar-regoli dwar il-VAT huma proporzjonalment ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar; l-SMEs huma għalhekk obbligati joperaw f’kundizzjonijiet kompetittivi żvantaġġużi;

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’diversi Stati ġew adottati miżuri għas-semplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ negozji ġodda, u bbażati evidentement fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju, issa huma ħafna drabi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ intrapriżi biex jistabbilixxu skemi ta’ frodi carousel;

37.

jindika li l-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti (inklużi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa) għandhom jerfgħu r-responsabbiltà li jimmonitorjaw attivitajiet tal-intrapriżi, li qed joperaw legalment; din ir-responsabbiltà m’għandhiex tkun iddelegata lil kontropartijiet, intrapriżi oħra, kif stqarret kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi rigward il-VAT;

38.

jirrakkomanda li fil-pakkett dwar l-SMEs li l-Kummissjoni se tipproponi fl-2017, hija tipprovdi miżuri ta’ semplifikazzjoni rilevanti.

Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba tal-Italja dwar il-ħolqien ta’ sistema ta’ ħlas maqsum tal-VAT għall-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma soġġetti għall-VAT. Meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi jħallsu fattura rigward oġġetti jew servizzi, parti mill-VAT tiġi mħallsa direttament lit-Teżor pubbliku. Din is-sistema hija fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2017 meta għandha tinbidel kollha għal fatturazzjoni elettronika fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika. Skont xi stimi, l-Italja tilfet EUR 900 miljun kull sena fil-qafas tal-pagamenti tal-VAT tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.


Top