Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0384

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel (2015/2259(INI))

    ĠU C 215, 19.6.2018, p. 57–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 215/57


    P8_TA(2016)0384

    L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel (2015/2259(INI))

    (2018/C 215/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta' manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (3),

    wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar “Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004” ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (4),

    wara li kkunsidra l-proċedimenti tas-sessjoni ta' ħidma dwar “Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – Kif niżguraw is-sikurezza tal-ikel u l-innovazzjoni teknoloġika fil-futur?”, li ġiet organizzata fis-26 ta' Jannar 2016 fil-Parlament Ewropew (5),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' żvilupp xjentifiku u regolatorju fil-qasam tat-tossiċità ta' taħlitiet kimiċi (6),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-effetti tal-kombinazzjoni tas-sustanzi kimiċi – Taħlitiet kimiċi (COM(2012)0252),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fit-22 ta' Diċembru 2009 dwar l-effetti ta' kombinazzjoni ta' sustanzi kimiċi (7),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (8) li, fost affarijiet oħra, tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE tindirizza l-effetti ta' kombinazzjonijiet ta' sustanzi kimiċi u t-tħassib rigward is-sikurezza relatata ma' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni,

    wara li kkunsidra valutazzjoni tal-istat tal-iżvilupp xjentifiku tas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali mħejjija fl-2012 għall-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (9),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (10) (“ir-Regolament REACH”),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0237/2016),

    A.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 (“ir-Regolament Qafas”) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' sikurezza ġenerali għall-materjali u l-oġġetti kollha maħsuba biex, direttament jew indirettament, jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm migrazzjoni ta' sustanzi fl-ikel fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem jew biex jiġġeneraw bidla inaċċettabbli fil-kompożizzjoni tal-ikel jew deterjorament fil-proprjetajiet organolettiċi tiegħu;

    B.

    billi l-Anness I għar-Regolament Qafas jelenka 17-il grupp ta' materjali u ta' oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jistgħu jkunu koperti b'miżuri speċifiċi;

    C.

    billi, minn dawn is-17 ta' hawn fuq, erba' materjali biss huma soġġetti għal miżuri speċifiċi tal-UE: il-plastik (inkluż il-plastik riċiklat), iċ-ċeramika, iċ-ċelluloża riġenerata, u l-materjali attivi u intelliġenti;

    D.

    billi hemm ħtieġa qawwija li ċerti miżuri speċifiċi tal-UE jiġu riveduti, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika;

    E.

    billi, fir-rigward tat-13-il materjal l-ieħor elenkat fl-Anness I, l-Istati Membri għad għandhom il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali;

    F.

    billi ħafna Stati Membri diġà introduċew jew qegħdin attwalment jaħdmu fuq miżuri differenti għall-bqija tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi, fir-rigward ta' dawk il-miżuri nazzjonali, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ggarantiti l-funzjonament effikaċi tas-suq intern, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, kif previsti mir-Regolament Qafas u mit-Trattati;

    G.

    billi l-materjali li mhumiex regolati minn miżuri speċifiċi tal-UE jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa pubblika u jagħtu lok għal telf ta' fiduċja min-naħa tal-konsumatur, inċertezza tad-dritt u żieda fl-ispejjeż ta' konformità għall-operaturi – li spiss jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur aktar 'il quddiem fil-katina ta' provvista – biex b'hekk jixxekklu l-kompetittività u l-innovazzoni; billi, skont il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), hemm kunsens estensiv fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li n-nuqqas ta' miżuri uniformi hu ta' detriment għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern;

    H.

    billi l-prinċipji ta' “Regolamentazzjoni aħjar” m'għandhom idewmu l-ebda miżura li l-għan tagħha jkun li tevita jew tnaqqas konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, skont l-obbligu impost mill-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fit-Trattati tal-UE;

    I.

    billi s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u s-sustanzi ġenotossiċi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma partikolarment problematiċi kemm għas-saħħa pubblika, kif ukoll għall-ambjent; billi dawn il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali jew ġenotossiċi attwalment ma jistgħux jitbassru b'mod affidabbli mill-kompożizzjoni kimika, u għaldaqstant it-testijiet bijoloġiċi għandhom jitħeġġu bħala miżura premonitorja fakultattiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti kimikament kumplessi li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi għandha titħeġġeġ ir-riċerka dwar l-iżvilupp kemm ta' testijiet analitiċi, kif ukoll ta' testijiet tossikoloġiċi biex jiġu żgurati valutazzjonijiet robusti u kosteffikaċi tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għall-benefiċċju tal-konsumatur, l-ambjent u l-manifatturi;

    J.

    billi anke l-mikroorganiżmi dannużi (patoġeniċi jew b'riżultat ta' tħassir) li jistgħu jkunu preżenti bħala kontaminaturi tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u l-bijoċidi li konsegwentement jistgħu jintużaw biex jitnaqqas l-għadd tagħhom, jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika;

    K.

    billi xi ikel ikun f'kuntatt għal perjodi twal ma' firxa wiesgħa ta' materjali ta' imballaġġ;

    L.

    billi koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jkollhom effett fuq l-użu tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jgħin biex is-saħħa tal-konsumatur titħares aħjar u jitnaqqas l-impatt ta' dawn il-materjali u l-oġġetti u, b'mod partikolari, tal-materjali ta' imballaġġ fuq l-ambjent;

    M.

    billi, jekk ikun hemm koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jaffettwaw lill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż ir-Regolament REACH, l-ekonomija ċirkolari ssir aktar effikaċi;

    N.

    billi l-miżuri speċifiċi għandhom jiġu bbażati fuq evidenza xjentifika; billi, mill-perspettiva xjentifika, għad fadal diversi elementi mhux magħrufa u għalhekk hemm bżonn ta' aktar riċerka;

    O.

    billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), in-nanoteknoloġija u n-nanomaterjali jikkostitwixxu żvilupp teknoloġiku ġdid u s-settur tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel hu wieħed minn dawk ikkaratterizzati mill-użu ta' nanomaterjali; billi l-proprjetajiet speċifiċi tan-nanomaterjali jistgħu jaffettwaw il-profili tossikokinetiċi u tossikoloġiċi tagħhom, iżda l-informazzjoni disponibbli fir-rigward ta' dawn l-aspetti hija limitata; billi jeżistu wkoll inċertezzi li jirriżultaw mid-diffikultà biex jiġu kkaratterizzati, identifikati u mkejla n-nanomaterjali fl-ikel u fil-matriċijiet bijoloġiċi, u mid-disponibilità limitata ta' data dwar it-tossiċità u l-metodi ta' ttestjar;

    P.

    billi l-valutazzjonijiet tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa fil-livell tal-UE huma attwalment limitati għall-valutazzjoni ta' sustanzi individwali u jinjoraw il-kundizzjonijiet fil-ħajja reali ta' esponiment ikkombinat u kumulattiv minn rotot u tipi ta' prodotti differenti, magħrufa wkoll bħala “l-effett ta' cocktail” jew “l-effett tat-taħlita”;

    Q.

    billi skont rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)/id-WHO (2009) (11), il-valutazzjonijiet tal-esponiment għandhom ikopru l-popolazzjoni ġenerali, kif ukoll il-gruppi kritiċi li jkunu vulnerabbli jew li hu mistenni li jkollhom livell ogħla ta' esponiment milli jkollha l-popolazzjoni ġenerali (pereżempju t-trabi, it-tfal);

    R.

    billi t-traċċabilità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għandha tiġi żgurata f'kull stadju tal-katina ta' provvista b'mod li jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ, l-irtirar ta' prodotti difettużi, l-għoti ta' informazzjoni lill-konsumatur u l-attribuzzjoni tar-responsabilità;

    S.

    billi t-tikkettar hu għodda diretta u effikaċi ħafna biex il-konsumatur jiġi informat dwar il-karatteristiċi ta' prodott;

    T.

    billi approċċ orizzontali għas-sustanzi fis-setturi ekonomiċi kollha jipprovdi konsistenza fil-leġiżlazzjoni u prevedibilità għall-intrapriżi;

    U.

    billi l-iżvilupp ta' metodi ta' ttestjar uniformi fil-livell tal-UE għall-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kieku jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa madwar l-UE;

    V.

    billi l-introduzzjoni ta' verifika tas-sikurezza għall-oġġetti premanifatturati li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tkun mod kif jiġu ssupplimentati ċerti miżuri speċifiċi;

    L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel: suċċessi u lakuni

    1.

    Jirrikononxxi li r-Regolament Qafas jikkostitwixxi bażi legali solida, li l-objettivi tagħha għadhom rilevanti;

    2.

    Jissottolinja li, filwaqt li prinċipalment l-attenzjoni għandha tiġi ffokata fuq l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi għal dawk it-13-il grupp ta' materjali li għadhom mhumiex regolati fil-livell tal-UE, il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jindikaw li jeżistu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

    3.

    Jistenna bil-ħerqa r-rieżami li se jsir miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-materjali mhux armonizzati; jappella lill-Kummissjoni biex tuża dan ir-rieżami bħala punt ta' tluq biex tfassal il-miżuri meħtieġa;

    4.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal il-miżuri rikjesti, tqis il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea li saret mill-EPRS u l-miżuri nazzjonali li huma diġà fis-seħħ jew li qed jitħejjew;

    5.

    Jindika li, minħabba l-prevalenza tal-materjali msemmija fis-suq tal-UE u r-riskju li jikkostitwixxu għas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġi ppreżervat is-suq uniku kemm għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u kemm għall-prodotti alimentari, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti prijorità lit-tfassil ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-karta u l-kartun, il-verniċ u l-kisi, il-metalli u l-ligi, u l-linka għall-istampar u l-adeżivi;

    6.

    Jissottolinja li hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – sew jekk jiġu f'kuntatt mal-ikel b'mod dirett u sew jekk b'mod indirett – li jkollhom riskju akbar ta' migrazzjoni, bħall-materjali li jitqiegħdu fihom likwidi u ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, kif ukoll lill-materjali li jkunu f'kuntatt mal-ikel għal perjodu twil ta' żmien;

    7.

    Hu tal-opinjoni li l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi ulterjuri fil-livell tal-UE kieku tinkoraġġixxi lill-operaturi kummerċjali jiżviluppaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel riċiklati, li jistgħu jerġgħu jintużaw, u li ma jkunux perikolużi, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE biex tistabbilixxi ekonomija ċirkolari aktar effikaċi; jindika li waħda mill-kundizzjonijiet ta' bażi għal dan tkun traċċabilità aħjar u l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi li jistgħu jikkostitwixxu theddida għas-saħħa pubblika fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

    8.

    Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-użu ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmula minn prodotti riċiklati u l-użu mill-ġdid ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel m'għandhomx iwasslu għal għadd ogħla ta' kontaminaturi u/jew residwi fil-prodott finali;

    9.

    Jinsab konvint li, fid-dawl tal-fatt li l-UE qed tiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji aħjar bejn ir-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-ekonomija ċirkolari, li għandhom jinkludu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE għall-karta u l-kartun riċiklati; jinnota li hemm limitu għall-għadd ta' drabi li l-prodotti tal-karta u l-kartun riċiklati jistgħu jerġgħu jintużaw, u għaldaqstant hi rikjesta provvista regolari ta' fibri tal-injam friski;

    10.

    Jappoġġa, minħabba r-riskju ta' migrazzjoni taż-żjut minerali fl-ikel mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmulin mill-karta u mill-kartun, sakemm jiġu adottati miżuri speċifiċi u possibilment projbizzjoni taż-żjut minerali fil-linka, riċerka ulterjuri intenzjonata għall-prevenzjoni ta' tali migrazzjoni;

    11.

    Jappoġġa ż-żieda fl-objettivi ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid għall-materjali kollha fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (COM(2015)0596); ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li jeħtieġ li l-objettivi għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid jiġu akkumpanjati minn miżuri ta' kontroll adegwati biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

    12.

    Jenfasizza l-qagħda diffiċli li jsibu ruħhom fiha l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-produzzjoni, peress li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, mhumiex f'qagħda li jirċievu jew jgħaddu informazzjoni li kieku tiggarantixxi s-sikurezza tal-prodotti tagħhom;

    13.

    Jikkunsidra li hu fundamentali li, meta jiġu proposti rekwiżiti ta' sikurezza speċifiċi għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċess;

    14.

    Jirrikonoxxi li l-paradigma attwali għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel mhix suffiċjenti, peress li r-rwol tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-kontaminazzjoni tal-ikel hu ġeneralment sottovalutat u hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-esponiment uman;

    Valutazzjoni tar-riskji

    15.

    Jinsab konxju tar-rwol importanti li tiżvolġi l-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanzi biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li huma regolati minn miżuri speċifiċi; jirrikonoxxi l-ispejjeż involuti fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanza partikolari u r-riżorsi limitati tal-EFSA; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex iżżid il-livell ta' finanzjament għall-EFSA fid-dawl tax-xogħol addizzjonali involut minħabba l-ħtieġa dejjem akbar ta' valutazzjonijiet tar-riskji kif deskritt fid-dettall hawn taħt;

    16.

    Jappella lill-EFSA u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom b'mod aktar strett fi sforz biex jisfruttaw b'mod effikaċi r-riżorsi disponibbli sabiex iwettqu valutazzjonijiet komprensivi;

    17.

    Jirrikonoxxi li, sabiex ir-riskji tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu vvalutati kif xieraq, hemm bżonn li jitqiesu kemm is-sustanzi użati fil-manifattura u fl-ipproċessar tagħhom, kif ukoll is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat, inklużi impuritajiet mis-sustanzi miżjuda b'mod intenzjonat u sustanzi oħra li jirriżultaw minn reazzjonijiet kimiċi; jirrikonoxxi li, għal dan l-għan, jeħtieġ li s-sustanzi inizjali jiġu indikati b'mod ċar lill-EFSA u lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-korpi xjentifiċi/il-laboratorji, u jilqa' l-intenzjoni tal-EFSA li tiffoka aktar fuq il-materjali u l-oġġetti lesti u l-proċess tal-manifattura milli fuq is-sustanzi użati;

    18.

    Jenfasizza l-importanza li ssir riċerka xjentifika ulterjuri dwar is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat peress li, b'differenza għas-sustanzi perikolużi magħrufa, l-identità u l-istruttura tagħhom, speċjalment fil-plastik, spiss ma jkunux magħrufa;

    19.

    Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid l-evidenza għal dan li ġej: (i) is-suppożizzjonijiet attwali li saru rigward il-migrazzjoni ta' sustanzi minn ġol-barrieri funzjonali; (ii) il-limitu minimu ta' 10 ppb fuq il-konċentrazzjoni ta' sustanzi migranti fl-ikel li qed jintuża minn xi kumpaniji u awtoritajiet kompetenti biex jiddeċiedu għal liema sustanzi kimiċi għandhom jagħmlu valutazzjoni tar-riskji; (iii) il-livell ta' kemm il-barrieri funzjonali jsiru inqas effikaċi fuq perjodi twal ta' ħżin, peress li jista' jkun li dawn iservu biss biex il-migrazzjoni tiġri aktar bil-mod; (iv) is-suppożizzjonijiet attwali dwar kemm id-daqs molekulari jaffettwa l-assorbiment kimiku mill-intestini;

    20.

    Jappella lill-EFSA u lill-Kummissjoni biex jestendu l-kunċett ta' gruppi vulnerabbli għan-nisa tqal u dawk li jkunu qed ireddgħu, u biex jinkludu l-effetti potenzjali tal-esponiment għal dożi baxxi u r-risponsi għal dożi mhux monotoniċi fil-kriterji ta' valutazzjoni tar-riskji;

    21.

    Jiddispjaċih li l-EFSA, fil-proċedura attwali tagħha għall-valutazzjoni tar-riskji, ma tqisx l-hekk imsejjaħ “effett ta' cocktail” jew l-effett ta' esponimenti konkorrenti u kumulattivi multipli mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u sorsi oħra, li jistgħu joħolqu effetti negattivi anke jekk il-livelli tas-sustanzi individwali fit-taħlita jkunu baxxi, u jeżorta lill-EFSA biex, fil-ġejjieni, dan tagħmlu; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan l-effett, anke fuq perjodi twal ta' żmien, meta tkun qed tiddetermina l-limiti għall-migrazzjoni li huma kkunsidrati bħala sikuri għas-saħħa tal-bniedem;

    22.

    Jappella biex issir riċerka xjentifika ulterjuri dwar l-interazzjoni bejn is-sustanzi kimiċi differenti;

    23.

    Jiddispjaċih ulterjorment li l-EFSA għadha ma tqisx il-possibilità li, fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ikun hemm mikroorganiżmi ta' ħsara; iħeġġeġ lill-Bord dwar Perikoli Bijoloġiċi (BIOHAZ) tal-EFSA jeżamina l-kwistjoni tal-mikroorganiżmi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel billi titħejja opinjoni tal-EFSA dwar is-suġġett;

    24.

    Jindika li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 (12) (ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali) peress li l-bijoċidi jistgħu jkunu preżenti fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex iżommu s-superfiċi tagħhom ħielsa minn kontaminazzjoni mikrobjali (diżinfettanti) u sabiex ikollhom effett preżervattiv fuq l-ikel (preżervattivi); jinnota, madankollu, li t-tipi differenti ta' bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma regolati permezz ta' oqfsa ġuridiċi differenti u li, skont it-tip tal-bijoċida, il-valutazzjoni tar-riskji jkollha titwettaq mill-ECHA jew mill-EFSA, jew mit-tnejn li huma;

    25.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza bejn ir-regolamenti dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-prodotti bijoċidali u biex tiċċara r-rwoli tal-ECHA u tal-EFSA f'dan ir-rigward; jappella ulterjorment lill-Kummissjoni biex taħdem fuq approċċ armonizzat u kkonsolidat għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni kumplessivi tas-sustanzi li jintużaw bħala bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bil-għan li jiġu evitati elementi duplikati, l-inċertezza tad-dritt jew id-duplikazzjoni tax-xogħol;

    26.

    Jappella lill-EFSA biex tikkunsidra l-fatt li s-siti ta' produzzjoni tal-ikel kienu identifikati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) fl-2009 bħala wieħed mill-postijiet kritiċi fejn jiġi promoss l-iżvilupp ta' batterji reżistenti kemm għall-antibijotiċi u kemm għall-bijoċidi; jindika, għaldaqstant, li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jkun fihom il-bijoċidi jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jitfaċċaw batterji reżistenti għall-antibijotiċi fil-bniedem;

    27.

    Jissottolinja li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma sors importanti ta' esponiment uman għal sustanzi kimiċi ta' tħassib, inkluż l-komposti perfluworurati u s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali bħall-ftalati u l-bisfenoli, li ġew assoċjati ma' mard kroniku, kif ukoll ma' problemi riproduttivi, taqlib metaboliku, allerġiji u problemi fl-iżvilupp newroloġiku; jinnota li l-migrazzjoni ta' tali sustanzi kimiċi hi ta' tħassib partikolari fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel minħabba l-potenzjal tagħhom li jikkawżaw ħsara anke f'dożi estremament żgħar;

    28.

    Jinnota bi tħassib ż-żieda fl-effett fuq is-saħħa li s-sustanzi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jkollhom fuq it-trabi u t-tfal żgħar;

    29.

    Jappella lill-Kummissjoni biex telimina l-lakuna li teżisti fir-rigward tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, billi tiżgura li l-kumpaniji jipproduċu valutazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tal-aspetti tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem matul il-produzzjoni, l-użu u d-distribuzzjoni; jikkunsidra li dan għandu jiġi ċċarat fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

    30.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura koordinament aħjar u approċċ aktar koerenti bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, b'mod partikolari fir-rigward tas-sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) (kategoriji 1A, 1B u 2) jew bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna (SVHC) taħt ir-Regolament REACH, u tiżgura li s-sustanzi ta' ħsara li jiġu eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jiġu wkoll eliminati gradwalment mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jisħaq fuq il-fatt li, sabiex tiżgura l-esklużjoni ta' kwalunkwe periklu għas-saħħa pubblika, jeħtieġ li l-Kummissjoni perjodikament tinforma u taġġorna lill-Parlament u lill-Kunsill jekk ċerti sustanzi ta' tħassib (bħall-SVHC, is-CMR, is-sustanzi kimiċi bijoakkumulattivi jew ċerti kategoriji ta' sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali) li jkunu pprojbiti jew ikunu ġew eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jew taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra jkunu għadhom qed jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tidentifika l-Bisfenol A (BPA) bħala waħda mis-sustanzi kklassifikati bħala SVHC;

    31.

    Jinnota l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni nhar il-15 ta' Ġunju 2016 tal-kriterji xjentifiċi biex jiġu stabbiliti l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tas-sustanzi attivi li jintużaw fil-prodotti bijoċidali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa ta' kriterji orizzontali għall-prodotti kollha, inklużi l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta kriterji ta' dan it-tip mingħajr dewmien; jappella biex dawn il-kriterji, ladarba jidħlu fis-seħħ, jiġu kkunsidrati fil-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

    32.

    Jinnota l-fatt li, b'segwitu għall-opinjoni reċenti tal-EFSA, il-Kummissjoni fl-aħħar ħabbret il-pjan tagħha li tintroduċi limitu fuq il-migrazzjoni ta' 0,05 mg/kg fir-rigward tal-BPA għall-imballaġġ u l-kontenituri magħmula mill-plastik, kif ukoll għall-verniċ u l-kisi li jintużaw fil-kontenituri tal-metall; madankollu, meta jikkunsidra li għadd ta' evalwazzjonijiet mill-ġdid tal-EFSA matul l-aħħar għaxar snin ma indirizzawx b'mod effettiv l-oqsma kollha ta' tħassib tas-saħħa u li l-EFSA se terġa' tevalwa mill-ġdid (13) ir-riskji tal-BPA fl-2017, wara l-pubblikazzjoni ta' rapport li jqajjem tħassib li doża ta' kuljum li hija kkunsidrata tollerabbli (TDI) ma tipproteġix feti jew trabi mill-effetti tal-BPA fuq is-sistema immunitarja u li jirrakkomanda lill-konsumaturi li jnaqqsu l-esponiment tagħhom għall-BPA mill-ikel u sorsi oħra, jitlob għal projbizzjoni tal-BPA fl-FCMs kollha;

    33.

    Jirrikonoxxi, abbażi tar-Rapport Xjentifiku u Politiku tal-2015 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta' metalli tqal fl-ikel; jifhem li l-Kummissjoni qed teżamina mill-ġdid il-limiti fuq iċ-ċomb u l-kadmju fid-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika; iħeġġeġ b'qawwa lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tintroduċi limiti aktar baxxi fuq ir-rilaxx tal-kadmju u ċ-ċomb, u jiddispjaċih li r-reviżjoni tad-Direttiva 84/500/KEE għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament u l-Kunsill;

    34.

    Jappoġġa l-inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni intenzjonati biex jiġu żviluppati sustanzi ġodda biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u li ġiet ipprovata s-sikurezza tagħhom fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li, madankollu, għalissa kwalunkwe alternattiva aktar sikura ma għandhiex tinkludi l-Bisfenol S (BPS) bħala sostitut għall-BPA peress li l-BPS jista' jkollu profil tossikoloġiku simili għal dak tal-BPA (14);

    35.

    Jappoġġa, b'mod partikolari, riċerka ulterjuri dwar in-nanomaterjali, peress li għad hemm inċertezza xjentifika rigward l-effetti u l-kapaċità ta' migrazzjoni ta' dawn il-materjali u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem; jemmen għalhekk, li n-nanomaterjali għandhom jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni biex jintużaw mhux biss fil-materjali tal-plastik, iżda anke fil-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u m'għandhomx jiġu vvalutati biss fil-forma voluminuża (mhux nano) tagħhom;

    36.

    Jindika li l-ostakli għas-suq, u b'mod partikolari t-talbiet għal awtorizzazzjonijiet taħt regoli nazzjonali differenti, jirriżultaw biex jintilfu l-opportunitajiet biex is-sikurezza tal-ikel tittejjeb permezz tal-innovazzjoni;

    Traċċabilità

    37.

    Jemmen li dikjarazzjoni ta' konformità tista' tkun għodda effikaċi biex jiġi żgurat li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ikunu konformi mar-regoli rilevanti, u jirrakkomanda li l-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kemm jekk ikunu armonizzati u kemm jekk le, jiġu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta' konformità, hekk kif jiġri attwalment fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li għalihom ġew adottati miżuri speċifiċi; jemmen li l-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jiġu riflessi aħjar fid-dikjarazzjonijiet ta' konformità rilevanti;

    38.

    Jiddispjaċih, madankollu, li, anke meta jkunu obbligatorji, id-dikjarazzjonijiet ta' konformità mhux dejjem ikunu disponibbli għall-finijiet tal-infurzar u li, meta jkunu disponibbli, il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet ta' konformità ma tkunx għolja biżżejjed biex tiżgura li jkunu sors affidabbli ta' dokumentazzjoni dwar il-konformità;

    39.

    Jappella biex jitqawwew it-traċċabilità u l-konformità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati minn pajjiżi terzi permezz ta' rekwiżit biex id-dokumenti ta' identifikazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta' konformità li jiġu pprovduti jkunu adegwati u kompluti; jinsisti li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati jridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE, biex b'hekk tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta;

    40.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-preżenza intenzjonali ta' nanomaterjali fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-kompożizzjoni tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jintużaw għall-prodotti organiċi u l-prodotti maħsuba għall-gruppi kritiċi;

    Konformità, infurzar u kontrolli

    41.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ivarja ħafna madwar l-UE; jevidenzja l-importanza li jiġu żviluppati linji gwida tal-UE għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li kieku jiffaċilitaw implimentazzjoni armonizzata u uniformi, kif ukoll infurzar aħjar fl-Istati Membri; jissottolinja, għal dan il-għan, l-importanza li d-data tiġi kkondiviża bejn l-Istati Membri; jemmen li l-għażliet politiċi mhux leġiżlattivi ta' tip ieħor, bħall-esperjenza ta' awtovalutazzjoni min-naħa tal-industrija, għandhom jissuplimentaw il-miżuri biex jittejjeb l-infurzar tar-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

    42.

    Hu tal-fehma li armonizzazzjoni ulterjuri tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tgħin biex jitwassal livell uniformament għoli ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika;

    43.

    Jirrakkomanda li jiġu introdotti standards uniformi tal-UE fir-rigward tat-testijiet analitiċi ta' kategoriji partikolari ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti madwar l-UE jkunu jistgħu jwettqu t-testijiet bl-istess metodu; jinnota li l-introduzzjoni ta' metodi uniformi għat-testijiet kieku tiggarantixxi li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu ttrattati l-istess fis-suq intern kollu kemm hu, biex b'hekk jiġu żgurati standards ta' monitoraġġ aħjar u livelli ta' protezzjoni aktar għolja;

    44.

    Jisħaq fuq il-fatt li kull Stat Membru hu responsabbli biex iwettaq il-kontrolli tal-kumpaniji li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jiddispjaċih, madankollu, li ċerti Stati Membri ma jimponux ir-rekwiżit li l-kumpaniji jirreġistraw l-attività kummerċjali tagħhom, biex b'hekk jippermettu li tali kumpaniji jevitaw il-kontrolli ta' konformità; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawk l-Istati Membri li dan għadhom ma għamluhx, jimponu obbligu fuq il-kumpaniji kollha li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel biex jirreġistraw uffiċjalment l-attività kummerċjali tagħhom bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; jirrikonoxxi li, f'diversi Stati Membri, jeżistu mekkaniżmi ta' reġistrazzjoni xierqa li jistgħu jservu ta' eżempji tal-aħjar prattika;

    45.

    Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-frekwenza u l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, abbażi tar-riskju ta' nonkonformità, kif ukoll tar-riskji involuti għas-saħħa, waqt li jqisu l-kwantità ta' ikel ikkonċernat, il-konsumatur intenzjonat u ż-żmien kemm l-ikel ikun dam f'kuntatt mal-materjal jew l-oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll it-tip ta' materjal jew oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, it-temperatura u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor;

    46.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li jkollhom il-persunal u t-tagħmir meħtieġ biex iwettqu kontrolli uniformi, robusti u sistematiċi, kif ukoll li jimplimentaw sistema ta' pieni dissważivi għall-każijiet ta' nonkonformità, bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

    47.

    Jappella biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinament aktar effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta' twissija bikrija għall-ikel u l-għalf, sabiex ir-riskji għas-saħħa pubblika jkunu jistgħu jiġu ttrattati malajr u b'mod effikaċi;

    48.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tistudja ulterjorment l-approċċ abbażi ta' verifiki tas-sikurezza għall-oġġetti mmanifatturati minn qabel li jiġu f'kuntatt mal-ikel jew proċeduri oħra ta' approvazzjoni għall-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

    49.

    Jilqa' l-pjattaforma tal-Kummissjoni “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel”; jappella biex l-attivitajiet tagħha jiġu estiżi;

    o

    o o

    50.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

    (2)  ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75.

    (3)  ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1.

    (4)  PE 581.411.

    (5)  PE 578.967.

    (6)  Kortenkamp 2009. http://ec.europa.eu/environment/chemicals/effects/pdf/report_mixture_toxicity.pdf

    (7)  http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2017820%202009%20INIT

    (8)  Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171). http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013D1386

    (9)  http://www.who.int/ceh/publications/endocrine/en/

    (10)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (11)  L-iżviluppi reċenti fil-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi fl-ikel u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanzi li jintużaw fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – Il-Ġurnal tal-EFSA 2016; 14(1):4357 (28 p.) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4357

    (12)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (13)  https://www.efsa.europa.eu/en/press/news/160426a?utm_content=hl&utm_source=EFSA+Newsletters&utm_campaign=3bd764133f-HL_20160428&utm_medium=email&utm_term=0_7ea646dd1d-3bd764133f-63626997

    (14)  Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinjoni dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet fuq il-Bisfenol A. p. 13. http://www.echa.europa.eu/documents/10162/13641/bisphenol_a_seac_draft_opinion_en.pdf


    Top