Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0093

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015 (2015/2221(INI))

    ĠU C 50, 9.2.2018, p. 80–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 50/80


    P8_TA(2016)0093

    Unjoni Bankarja – Rapport annwali 2015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015 (2015/2221(INI))

    (2018/C 050/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1) (Regolament tal-MSU),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2014 ta' Marzu 2015 (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (4),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/39) (5),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva (BĊE/2014/3) (6),

    wara li kkunsidra x-xogħol reċenti tal-Kumitat ta' Basel, b'mod speċjali r-Reviżjonijiet tal-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta' kreditu u r-Reviżjoni tal-kejl tar-riskju operazzjonali,

    wara li kkunsidra l-valutazzjoni komprensiva mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew bejn Novembru 2013 u Ottubru 2014 (7),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/534 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2015 dwar ir-rapportar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja (8),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (9) (Regolament SRM),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (10),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (11),

    wara li kkunsidra r-Rapport dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (“Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti”),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreferi lir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li naqsu milli jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' Banek (2014/59/UE),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Unjoni Bankarja u l-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tat-8 ta' Diċembru 2015,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi (13),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja” (COM(2015)0587),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0033/2016),

    A.

    billi l-Unjoni Bankarja (UB) hija komponent indispensabbli ta' unjoni monetarja u sies fundamentali fil-bini ta' unjoni ekonomika u monetarja ġenwina (UEM) u billi hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro;

    B.

    billi l-UB hija strumentali biex tiġi żgurata stabbiltà u tinkiseb lura l-fiduċja fil-banek taż-żona tal-euro, tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja u jitnaqqas ir-riskju fis-sistema bankarja Ewropea u l-periklu morali, filwaqt li tikkontribwixxi biex tinqata' r-rabta bejn is-sovrani u l-banek u titħeġġeġ il-kondiviżjoni tar-riskju fl-unjoni monetarja;

    C.

    billi l-UB għandha rwol ewlieni fil-finanzjament ta' investimenti u, għaldaqstant, fir-trawwim tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi fl-UE;

    D.

    billi f'UB, Ġabra Unika ta' Regoli għandha tiġi kkomplementata b'Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM) u livell għoli u uniformi ta' protezzjoni tad-depożiti u b'garanzija ta' kontinġenza fiskali effiċjenti fil-livell tal-UE;

    E.

    billi l-MSU huwa l-ewwel pilastru tal-UB u għandu l-għan li jiżgura superviżjoni uniformi u omoġena tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti, joħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq bankarju, u jikkontribwixxi għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jirrispetta d-diversità tal-banek u l-mudelli kummerċjali tagħhom;

    F.

    billi fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sa issa ma kkunsidrax il-prinċipju ta' proporzjonalità b'mod suffiċjenti;

    G.

    billi l-SRM huwa t-tieni pilastru tal-UB u għandu l-għan li jiżgura regoli u proċeduri uniformi u proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet komuni għar-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li qed ifallu b'impatt minimu fuq il-bqija tas-sistema finanzjarja, l-ekonomija reali, iċ-ċittadini ordinarji, u l-finanzi pubbliċi fl-Ewropa kollha;

    H.

    billi t-tielet pilastru tal-UB s'issa jikkonsisti f'approssimazzjoni ta' SGD, u kien biss reċentement li l-Kummissjoni ressqet proposta għal Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti mmirata biex tiżgura gradwalment livell unifikat ta' protezzjoni tad-depożiti li se tkun suġġetta għad-deċiżjoni tal-koleġiżlaturi permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

    I.

    billi r-Regolament tal-MSU u r-Regolament SRM jitolbu li korpi ġodda maħluqa skont l-MSU – b'mod partikolari l-Bord Superviżorju tal-BĊE – u l-SRM – b'mod partikolari l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni – jikkonformaw mal-prinċipji tat-traparenza u tar-responsabbiltà fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tagħhom; billi dawn il-korpi għandhom ikunu eżempji ewlenin f'dan ir-rigward kif ukoll f'termini ta' kompetenza teknika u integrità;

    Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)

    1.

    Jilqa' l-istabbiliment tal-MSU, li kien ta' suċċess sa mill-ħolqien tiegħu kemm mil-lat operattiv kif ukoll f'termini ta' kwalità superviżorja, u jikkunsidrah kisba notevoli, fid-dawl tal-kumplessità tal-proġett u l-perjodu ta' żmien ferm qasir disponibbli;

    2.

    Iħeġġeġ li jkun hemm rappreżentanza wiesgħa fl-UB permezz tal-involviment u l-parteċipazzjoni futuri tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti skont ir-regoli u l-proċeduri legali stabbiliti kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi terzi lil hinn mill-UE; jafferma mill-ġdid li koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fl-UE u fil-livell internazzjonali hija essenzjali biex jiġu żgurati r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni effettivi tal-banek importanti b'mod sistematiku;

    3.

    Jilqa' b'mod partikolari, b'rabta mal-istruttura operattiva:

    (a)

    il-proċess ta' reklutaġġ, li rriżulta f'taħlita tajba ta' kompetenzi, kulturi u ġeneri, u li għalhekk jikkontribwixxi għan-natura sopranazzjonali tal-MSU, u l-programm ta' attività ta' taħriġ bir-reqqa għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) u l-persunal tal-BĊE; jirrimarka li, madankollu, hemm lok għal titjib fil-prattiki kuntrattwali tal-BĊE, speċjalment fir-rigward ta' għadd ta' kuntratti fuq terminu qasir, ta' kontrolli fuq is-siegħat ta' ħidma tal-persunal, it-trasparenza tal-proċess ta' reklutaġġ u r-rieda ta' negozjati mal-unions; jinnota li l-BĊE ħabbar li ħatar l-ewwel Direttur Amminstrattiv biex jieħu ħsieb is-servizzi amministrattivi kollha, is-servizzi tal-IT u r-riżorsi umani;

    (b)

    l-abbozzar, abbażi tal-aħjar prattiki nazzjonali, tal-Manwal ta' Superviżjoni li jistabbilixxi l-proċessi, il-proċeduri u l-metodi komuni għat-twettiq ta' proċess ta' rieżami superviżorju fiż-żona tal-euro;

    (c)

    it-twaqqif tal-infrastruttura tal-IT u tal-għodod analitiċi ta' appoġġ; jenfasizza l-importanza ta' sistemi tal-IT b'saħħithom u li jiffunzjonaw tajjeb li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-funzjonijiet superviżorji tal-MSU; iħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-MSU u l-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-data permezz ta' applikazzjoni unika;

    (d)

    it-twaqqif tat-Timijiet Superviżorji Konġunti (TSK) u d-djalogu li huma stabbilew mal-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt sorveljanza;

    (e)

    il-proċessi mfassla għat-twettiq tal-proċeduri komuni (l-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti, tal-liċenzar, tal-għoti tal-passaporti, u l-valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità);

    4.

    Jinnota li parti sinifikanti ħafna tax-xogħol regolarment tiġi ddedikata għall-proċeduri amministrattivi meħtieġa mir-Regolament dwar l-MSU, li mhux dejjem ikunu proporzjonati, u jinsab lest li jikkunsidra proposti mmirati biex inaqqsu l-piż operazzjonali minn fuq l-istrutturi fil-livelli kollha u jtejbu l-effikaċja tas-superviżjoni tal-MSU, jiġifieri billi jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi jew billi jiddelegaw ċerti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet amministrattivi speċifiċi b'linji gwida u limiti ċari;

    5.

    Jinnota b'sodisfazzjon li r-regoli dwar l-etika tal-BĊE ġew riveduti u jenfasizza l-importanza ta' regoli effettivi dwar il-kunflitt ta' interess u salvagwardji kontra influwenza mhux dovuta tal-industrija finanzjarja fuq il-persunal kif ukoll il-membri tal-korpi governattivi;

    6.

    Jemmen li filwaqt li l-livell ta' effikaċja miksub mit-TSK f'inqas minn sena huwa wieħed notevoli, jistgħu jsiru sforzi favur titjib ulterjuri, inkluż bl-involviment iktar effikaċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

    7.

    Jieħu nota tar-rimarki magħmula minn entitajiet taħt superviżjoni dwar il-ħtieġa ta' ppjanar bikri tal-azzjonijiet superviżorji, sabiex tiżdied il-kwalità tagħhom u tiġi evitata l-konsegwenza mhux intenzjonata li jiġu affettwati l-attivitajiet kummerċjali tal-banek, u jqis li hemm lok bil-kbir għal titjib f'dan ir-rigward;

    8.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati rekwiżiti ta' rapportar doppju u mezzi ta' rappurtar multipli, u b'mod aktar ġenerali piż amministrattiv bla bżonn fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari l-banek iżgħar, kif ukoll li jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta' proporzjonalità; jitlob li tiżdied l-effikaċja tal-ġbir ta' data, li għandu josserva l-prinċipju ta' “darba biss” kif ukoll li jiġu eżaminati l-utilità, l-applikabbiltà u l-proporzjonalità tiegħu;

    9.

    Jistieden lill-BĊE jiżgura li l-ħolqien ta' bażi tad-data komprensiva dwar ir-riskju tal-kreditu (Analytical Credit Dataset, AnaCredit) jagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju tal-proporzjonalità u lill-ħtieġa li jiġu evitati spejjeż amministrattivi għolja b'mod sproporzjonat, partikolarment għal istituzzjonijiet iżgħar; jitlob, f'dan il-kuntest, biex il-limiti ta' rappurtar relevanti jiġu stabbiliti f'livell adegwat;

    10.

    Jenfasizza l-importanza ta' interazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-BĊE responsabbli mis-superviżjoni mikroprudenzjali diretta u indiretta u d-DĠ responsabbli mis-superviżjoni orizzontali u s-servizzi ta' għarfien espert, u jenfasizza r-rwol ta' dan tal-aħħar biex itejjeb il-komprensjoni, fost l-entitajiet sorveljati, ta' approċċ superviżorju komuni li jservi ta' bażi għall-miżuri mikroprudenzjali individwali konkreti; jenfasizza l-importanza ta' separazzjoni organizzattiva sħiħa bejn il-persunal tal-MSU u l-persunal li jipprovdi s-servizzi meħtieġa għal finijiet ta' politika monetarja indipendenti;

    11.

    Jitlob rieżami sistematiku ta' valutazzjonijiet komprensivi tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni tal-BĊE, kif ukoll titjib xieraq fil-metodoloġija fid-dawl tal-lezzjonijiet li nsiltu, fil-każijiet kollha meta istituzzjoni titqies bħala soda skont il-valutazzjoni u sussegwentement jispiċċa jkollha problemi, kif ukoll meta istituzzjoni titqies sottokapitalizzata fuq il-bażi ta' xenarju ta' test tal-istress li jirriżulta mhux realistiku b'mod sinifikanti; jenfasizza l-limitazzjonijiet tal-metodoloġija tat-test tal-istress attwali li tevalwa l-esponiment għal pajjiż terz fuq il-bażi ta' valutazzjoni interna tal-banek;

    12.

    Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed jaħdem fuq tisħiħ fil-qafas tal-ittestjar ġenerali tal-istress sabiex jintegra karatteristiċi dinamiċi aktar realistiċi fil-qafas tal-mudell tal-ittestjar tal-istress, iżid komponent adegwat tat-test tal-istress tal-likwidità, u jintegra effetti ta' kontaġju fi ħdan is-sistema bankarja kif ukoll l-interazzjoni f'żewġ direzzjonijiet mal-ekonomija reali u s-settur tax-shadow banking f'qafas usa';

    13.

    Iqis li l-valutazzjoni komprensiva mwettqa qabel it-tnedija tal-MSU hija pass fundamentali biex tinkiseb lura l-fiduċja mitlufa matul is-snin tal-kriżi u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro billi titjieb il-kapitalizzazzjoni tagħha u tiżdied it-trasparenza; iqis li l-Proċess ta' Rieżami u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) u valutazzjonijiet komprensivi futuri tal-karti tal-bilanċ ta' bank jikkostitwixxu għodda meħtieġa biex jiġu identifikati banek li għandhom isaħħu l-kapitalizzazzjoni tagħhom u jnaqqsu l-ingranaġġ;

    14.

    Jenfasizza l-fatt li l-irkupru ekonomiku qed iseħħ imma, partikolarment minħabba livell insuffiċjenti ta' riformi strutturali, konverġenza u investiment kif ukoll dipendenza eċċessiva fuq fatturi esterni, għadu fraġli u limitat, filwaqt li l-inflazzjoni għadha taħt il-mira; jinnota f'dan il-kuntest li filwaqt li seta' jiġi osservat titjib tanġibbli fil-passat reċenti, id-dinamika tal-kreditu tibqa' kkontrollata f'ħafna ġuriżdizzjonijiet u numru kbir ta' self mhux produttiv għadu jirrappreżenta piż fuq il-karti tal-bilanċ ta' ħafna banek Ewropej, u b'hekk qed jillimita l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija;

    15.

    Ifakkar li l-kapaċità li jitħassar jew jinbiegħ is-self mhux produttiv hija ta' importanza vitali, għaliex tillibera kapital biex jiġi ffinanzjat self ġdid partikolarment lill-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-self mhux produttiv fil-livell Ewropew, prinċipalment billi jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' kumpaniji maniġerjali tal-assi f'dawk il-pajjiżi fejn dan huwa meqjus bħala neċessarju, kif kien il-każ fi Spanja u fl-Irlanda;

    16.

    Jissottolinja li l-koordinazzjoni effikaċi bejn il-politiki makroprudenzjali u mikroprudenzjali hija kruċjali, u jenfasizza l-fatt li l-MSU huwa parti sħiħa mill-qafas makroprudenzjali tal-UE u ngħata responsabbiltajiet makroprudenzjali rilevanti, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) sabiex jikkumplimenta s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-MSU permezz ta' awtorità makroprudenzjali u transsettorjali madwar l-UE kollha, biex jiġi żgurat li l-makroriskji jiġu indirizzati fl-interess ġenerali Ewropew; iqis li l-politika makroprudenzjali għandha tpoġġi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni ta' fluttwazzjonijiet kbar fiċ-ċiklu finanzjarju; ifakkar li l-BERS għandu jindirizza l-interkonnettività tas-swieq finanzjarji u kwalunkwe riskju sistemiku ieħor li jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

    17.

    Jaqbel mal-opinjonijiet espressi minn membri tal-persunal superjuri tal-BĊE, jiġifieri li l-politika makroprudenzjali għandha tpoġġi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni ta' fluttwazzjonijiet kbar fiċ-ċiklu finanzjarju, pjuttost milli sempliċement iżżid ir-reżiljenza għax-xokkijiet meta dawn iseħħu; jilqa' r-riċerka magħmula mill-BĊE fid-definizzjoni ta' stabbiltà finanzjarja u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' għodod bħall-indiċi tar-riskju sistemiku diskuss fir-Rieżami tal-Istabbiltà Finanzjarja ta' Novembru 2015 għall-monitoraġġ tar-riskju sistemiku bħala parti minn manwal effettiv biex jiġi ġestit;

    18.

    Jinnota li r-Riforma Strutturali Bankarja, li nħolqot biex tnaqqas ir-riskju sistemiku u tindirizza l-kwistjoni ta' istituzzjonijiet “kbar wisq biex ifallu”, għad trid tiġi implimentata; iħeġġeġ ftethim leġiżlattiv rapidu;

    19.

    Jinnota li s-settur tal-assigurazzjoni qed isir dejjem aktar involut fis-servizzi finanzjarji, u jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju ta' regoli prudenzjali u ta' protezzjoni tal-konsumaturi;

    20.

    Jemmen li l-impetu madwar id-dinja kollha favur iktar kapital tal-banek u ta' kwalità aħjar u banek b'inqas ingranaġġ huwa kundizzjoni meħtieġa għal sistema bankarja soda li kapaċi tappoġġa l-ekonomija, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe repetizzjoni tas-salvataġġi enormi esperjenzati matul il-kriżi; jenfasizza, madankollu, li l-iżvilupp ta' politiki regolatorji, superviżorji u oħrajn li għandhom x'jaqsmu mas-settur finanzjarju fil-livell globali (il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB), il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), eċċ.) ma għandux jimmira għal mudell partikolari ta' finanzjament li jintuża f'parti waħda tad-dinja;

    21.

    Jinnota li żieda fir-rekwiżiti kapitali lil hinn minn ċertu limitu jista' fi żmien qasir joħloq konsegwenzi mhux intenzjonati, li jillimita l-kapaċità tas-self tal-banek, u li għalhekk dan ir-riskju għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi ddeterminat il-livell ta' kapital; jenfasizza li l-interdipendenza bejn ir-rekwiżiti ta' kapital u l-provvista ta' kreditu mhijiex waħda lineari;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), twettaq valutazzjoni komprensiva tar-rekwiżiti ta' kapital integrati fil-leġiżlazzjoni attwali u futura, b'mod partikolari bl-għan li jiġu analizzati l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-SMEs u b'mod aktar ġenerali tal-ekonomija reali, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn l-impatt fuq perjodu qasir u fit-tul tar-rekwiżiti ta' kapital u l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja;

    23.

    Ifakkar fl-importanza tal-għodod bħall-“Fattur ta' Sostenn lill-SMEs”; jissuġġerixxi li l-inizjattivi għat-titjib tal-finanzjament tal-SMEs għandhom jiġu estiżi għan-negozji ġodda, l-intrapriżi mikro u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

    24.

    Iqis l-istabbilizzazzjoni tal-qafas regolatorju u superviżorju bħala element importanti biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-investituri, tiġi evitata l-inċertezza dwar l-azzjonijiet regolatorji u superviżorji, u biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja; jitlob tnaqqis fil-kumplessità tar-regolamentazzjoni eżistenti fuq perjodu qasir u l-istabbiliment fuq perjodu medju ta' ġabra integrata Ewropea ta' regoli dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja u d-drittijiet tal-konsumaturi, li tieħu post il-leġiżlazzjoni attwali kumplessa, oneruża u iżolata;

    25.

    Jilqa' l-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għaċ-ċiklu tal-2015 tas-SREP; jieħu nota tal-fatt li, parzjalment b'konsegwenza tal-bidu rapidu tal-MSU, ħafna aspetti ta' din il-metodoloġija ġew finalizzati biss meta ċ-ċiklu tas-SREP kien diġà beda, u jqis li sabiex jissaħħu r-robustezza tar-riżultati u l-konsistenza bejn il-profili ta' riskju tal-banek u l-livelli kapitali tagħhom, il-proċess li jwassal għall-approvazzjoni tal-istandards superviżorji komuni għall-valutazzjoni tar-riskju jista' jibbenefika minn irfinar ulterjuri; jilqa' r-rieda tal-MSU li jaħdem fuq il-governanza tal-banek u b'mod partikolari fuq il-ġestjoni tar-riskju, l-aptit għar-riskju u r-riskju ċibernetiku;

    26.

    Iqis li l-kalkolu ta' Ammont Massimu Distribwibbli (AMD) għal kull bank individwali, f'konformità mal-Artikolu 141(6) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD), huwa għodda importanti għall-kisba mill-ġdid ta' kapital, bħala alternattiva għal karti tal-bilanċ dejjem jiċkienu; jenfasizza li n-nuqqas ta' ċarezza tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġerarkija bejn it-tieni pilastru u l-bafers kapitali fir-rigward tas-soll tal-AMD u fir-rigward ta' miżuri oħra ta' sanzjonijiet ma għandux iwaqqaf lill-MSU milli juża marġni ta' flessibbiltà sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jkunu riġidi wisq u li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv is-suq tal-bonds AT1 u l-kundizzjonijiet ekwi ma' ġurisdizzjonijiet oħra; jitlob kjarifika legali tal-mekkaniżmu tal-AMD u tal-funzjoni tat-tieni pilastru, li għandu jindirizza “riskji speċifiċi għall-banek”, biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi fl-UE u tipprovdi aktar ċarezza dwar l-għan tal-mekkaniżmu; iqis li r-rieżami ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għandu jkollu l-għan li jiġu inkorporati fir-Regolament;

    27.

    Jenfasizza li l-għażliet nazzjonali u d-diskrezzjoni attribwiti lill-Istati Membri jipprevjenu l-MSU milli jiżviluppa approċċ superviżorju koerenti uniku fiż-żona tal-euro sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, u jemmen li l-omoġenizzazzjoni ta' prattiki u standards għandha timxi id f'id mat-tlestija taż-żewġ pilastri l-oħrajn tal-Unjoni Bankarja; jilqa' f'dan ir-rigward il-pubblikazzjoni mill-BĊE ta' abbozz ta' regolament li għandu l-għan li jneħħi madwar 35 alternattiva u diskrezzjoni nazzjonali taħt il-qafas regolatorju bankarju tal-UE, kif ukoll abbozz ta' gwida biex jgħin lit-tim superviżorju konġunt jieħu deċiżjonijiet b'mod iktar konsistenti fl-oqsma koperti mill-għażliet u d-diskrezzjonijiet l-oħrajn identifikati; iqis li tali implimentazzjoni unika tirrikjedi approċċ gradwali u għandu jkollha l-għan li tindirizza s-segmentazzjonijiet u l-ostakli eżistenti kollha; jinsab lest li jikkoopera fil-livell leġiżlattiv sabiex l-armonizzazzjoni superviżorja u regolatorja tkompli titjieb; jenfasizza l-bżonn li jiġu eżaminati mill-ġdid l-alternattivi u d-diskrezzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet indaqs madwar l-Unjoni Bankarja, inkluż bejn istituzzjonijiet konglomerati u mhux konglomerati li għandhom ishma f'impriżi tal-assigurazzjoni;

    28.

    Ifakkar li l-applikazzjoni ta' miżuri ta' valur ġust għal qligħ u telf mhux realizzat fuq skoperturi għal gvernijiet ċentrali klassifikati bħala ''disponibbli għall-bejgħ'', mhux biss issaħħaħ ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani, iżda tista' twassal ukoll għal volatilità tal-fondi proprji; jistieden lill-BĊE jżomm in-nonapplikazzjoni ta' dan il-kejl sa ma jiġi applikat l-IFRS 9;

    29.

    Jenfasizza l-fatt li kemm ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment, u kemm id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment), magħrufa b'mod kollettiv bħala “CRR/CRDIV”, ġew adottati mill-koleġiżlaturi qabel it-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal adattament tekniku tas-CRR/CRDIV sabiex tallinjaha mal-qafas tal-Unjoni Bankarja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża regolamenti (applikabbli b'mod dirett u għal kulħadd fl-UE kollha) bħala għodda leġiżlattiva biex tiżgura implimentazzjoni armonizzata fl-UE u l-Unjoni Bankarja, pjuttost milli direttivi;

    30.

    Jenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret dwar l-omoġenizzazzjoni tal-kalkolu tal-assi peżati bir-riskju, li hija ċentrali għall-fini ta' komparabbiltà, u dwar ir-rieżami ta' mudelli interni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kapital tal-banek; iqis li l-progress f'dan il-qasam huwa kruċjali għall-portafolli biex tinżamm l-effikaċja u l-kredibbiltà tas-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro sabiex tiġi promossa l-aħjar prattika f'mudelli ta' riskju tas-suq u tal-kreditu;

    31.

    Jilqa' l-adozzjoni mill-MSU ta' ħames prijoritajiet ta' livell għoli biex jiggwidaw is-superviżjoni tiegħu matul l-2016; jenfasizza li l-MSU għandu jħares lil hinn mir-riskju ta' kreditu għall-forom kollha ta' riskju tal-banek, inkluż ir-riskju mhux finanzjarju; jenfasizza li huma meħtieġa passi ulterjuri sabiex jissaħħu l-iskrutinju superviżorju tal-portafolli finanzjarji tal-banek, speċjalment l-assi finanzjarji ta' livell 3, inklużi d-derivattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-interkonnessjonijiet bejn is-settur bankarju regolat u s-settur tax-shadow banking, mhux l-inqas permezz ta' limitazzjoni tal-iskopertura rispettiva għar-riskju tal-kreditu;

    32.

    Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni liż-żieda fl-iskoperturi fil-forma ta' elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, b'mod partikolari għall-banek ta' importanza sistematika fil-livell globali (G-SIBs); jenfasizza f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li ssir viġilanza dwar l-iżvilupp tas-settur tax-shadow banking;

    33.

    Jinnota l-ħidma tal-BCBS u l-BERS dwar skoperturi sovrani ta' banek u intermedjarji finanzjarji oħra; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jivvalutaw b'attenzjoni u bir-reqqa l-possibbiltà ta' tibdil fuq perjodu ta' żmien medju fil-qafas regolatorju preżenti, mingħajr ma jitnaqqsu l-fondi disponibbli għall-Istati Membri, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ mhux intenzjonat fis-suq u l-kompetizzjoni u mingħajr ma tiġi affettwata l-istabbiltà finanzjarja, u bħala parti minn sforz koordinat fuq livell globali; jenfasizza li sabiex ikun hemm tnaqqis tar-riskju komprensiv, għandhom jittieħdu miżuri paralleli fost oħrajn biex jitnaqqas l-esponiment ta' assi ta' livell 2 u 3 u biex tiġi żgurata konverġenza sħiħa tas-sistemi interni bbażati fuq il-klassifikazzjoni (IRB) għall-kejl tar-riskju tal-kreditu;

    34.

    Jenfasizza li l-MSU u l-SRM jikkostitwixxu pass fid-direzzjoni lejn suq komuni għas-servizzi bankarji, u jagħmlu l-konsolidazzjoni transfruntiera iktar attraenti; jemmen li l-introduzzjoni ta' stabbiltà finanzjarja u valutazzjoni tar-riżolvibbiltà fid-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Kwalifikanti hija meħtieġa biex jiġu evitati problemi ġodda kbar wisq biex ifallu li jistgħu jinħolqu minħabba għadd ogħla ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet;

    35.

    Jenfasizza r-rwol importanti li kellu l-MSU matul il-kriżi Griega fil-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-settur bankarju tal-pajjiż, fit-twettiq ta' valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet Griegi sinifikanti u fil-kontribut li ta biex jiġu determinati l-ħtiġijiet ta' rikapitalizzazzjoni; jinnota li l-ħtiġijiet ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi kif ivvalutati mill-MSU jvarjaw minn EUR 4,4 biljuni f'xenarju bażi għal EUR 14,4 biljuni fl-aktar xenarju riskjuż, filwaqt li l-bafer previst taħt il-Programm kien ilaħħaq il-EUR 25 biljun; jitlob kjarifika fir-rigward tar-rwol ta' konsulenzi finanzjarji, li spiss kienu ingaġġati mingħajr offerta pubblika u żvolġew rwol fis-salvataġġi kollha taż-żona tal-euro billi pprovdew għarfien espert lit-trojka ta' mutwanti internazzjonali; jitlob iktar trasparenza u responsabbiltà fil-proċess ta' ingaġġ biex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali, li jinħolqu minn rabtiet ma' fondi ta' investiment u fornituri oħrajn ta' servizzi finanzjarji; jitlob lill-BĊE jiddefinixxi mill-ġdid ir-rwol tiegħu fir-rigward ta' programmi ta' għajnuna bħala wieħed ta' ''osservatur silenzjuż''; jenfasizza li assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA) hija strument essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja billi tipprevjeni li l-kriżijiet ta' likwidità jinbidlu fi kriżijiet ta' solvenza; jinnota li r-responsabbiltà tad-disponibbiltà tagħha għadha ma ġietx ittrasferita għalkollox għal-livell taż-żona tal-euro; jilqa' l-kummenti li saru mill-President Draghi lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jindikaw reviżjoni diliġenti tar-reġim tal-ELA fid-dawl tal- ''Ewropizzazzjoni'' tas-superviżjoni bankarja;

    36.

    Jemmen li l-istrateġija ta' superviżjoni tal-BĊE, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe divrenzjar skont il-linji nazzjonali, għandha tirrifletti u tissalvagwardja l-pluraliżmu u d-diversità tal-mudelli bankarji madwar l-UE, inklużi banek mutwi, tat-tfaddil u kooperattivi awtentiċi u b'saħħithom, u għandha tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

    37.

    Iqis li t-trasparenza fir-rigward tal-atturi tas-suq u l-pubbliku, inkluż dwar suġġetti sensittivi bħal miri tal-kapital bħala riżultat taċ-ċiklu tas-SREP, prattiki superviżorji u rekwiżiti oħrajn, hija essenzjali biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn l-entitajiet taħt superviżjoni, kompetizzjoni ġusta fis-suq bankarju u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-inċertezza regolatorja tinfluwenza b'mod negattiv l-istrateġija tan-negozju tal-banek; jissottolinja li t-trasparenza kemm tas-superviżuri kif ukoll tal-entitajiet taħt superviżjoni hija wkoll prerekwiżit għar-responsabbiltà, peress li din tippermetti li l-Parlament u l-pubbliku jkunu infurmati dwar kwistjonijiet ta' politika ewlenin u biex tiġi vvalutata l-konsistenza mar-regoli u l-prattiki superviżorji; jitlob iktar trasparenza rigward id-deċiżjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet tal-pilastru 2;

    38.

    Jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-pubblikazzjoni ta' lista ta' Mistoqsijiet Frekwenti dwar is-SREP tista' tkun għodda utli;

    39.

    Jilqa' l-mod effiċjenti u miftuħ li bih il-BĊE s'issa ssodisfa l-obbligi tiegħu ta' responsabbiltà lejn il-Parlament, u jistieden lill-BĊE jkompli jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dan ir-rigward u biex ikompli jikkontribwixxi għat-titjib fil-kapaċità tal-Parlament li jevalwa l-politiki u l-attivitajiet tal-MSU; iqis b'mod favorevoli r-rieda tal-President tal-BĊE li jkompli jikkoopera mal-Parlament fir-rigward tar-rwol tal-BĊE fi kwistjonijiet bankarji, b'mod partikulari fil-qafas ta' korpi li jistabbilixxu l-istandards globali, b'mod partikolari l-FSB;

    40.

    Ifakkar li l-awditu pubbliku jikkostitwixxi parti integrali mill-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-akkontabilità tal-istituzzjonijiet lejn iċ-ċittadini; jinnota, għaldaqstant, bi ftit tħassib id-dikjarazzjoni ppubblikata f'Ġunju 2015 mill-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), li twissi kontra l-ħolqien ta' lakuni fl-awditi minħabba t-trasferiment tal-kompiti superviżorji mill-awtoritajiet nazzjonali lill-MSU f'kuntest fejn il-mandat tal-awditu tal-QEA fuq il-BĊE li jaġixxi bħala superviżur huwa inqas komprensiv minn dak tal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditu fuq is-superviżuri nazzjonali; jirrakkomanda, għaldaqstant, li jitqies it-tisħiħ tal-mandat tal-awditu tal-QEA;

    41.

    Jissottolinja l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BUR), mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u ma' awtoritajiet oħra fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-diviżjoni tar-rwoli u tal-kompetenzi, u s-separazzjoni bejn ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni sabiex jingħata kontribut ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-istruttura ta' kontrokontrolli tal-UE; jenfasizza b'mod partikolari li l-EBA, bil-mandat espliċitu tagħha ta' protezzjoni tal-konsumatur, trid tinforza u ttejjeb il-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur għas-servizzi bankarji, li jikkumplimenta s-superviżjoni prudenzjali tal-MSU, u fl-Unjoni b'mod ġenerali;

    42.

    Jilqa' l-kredibbiltà tal-MSU fix-xena internazzjonali; iqis li huwa fundamentali li l-MSU jkun involut b'mod xieraq fit-tfassil tal-istandards regolatorji globali, b'mod partikolari l-orjentazzjonijiet innegozjati fi ħdan l-FSB u l-BCBS;

    Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM)

    43.

    Jilqa' t-twaqqif effiċjenti tal-BUR u l-istabbiliment tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali (NRAs) fl-Istati Membri;

    44.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita kooperazzjoni effiċjenti bejn il-BUR u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali għall-funzjonament bla xkiel tal-SRM; iqis il-Gruppi ta' Riżoluzzjoni Interna (IRTs), bħala ekwivalenti għall-MSU u t-TSK, bħala bażi tajba biex tiġi organizzata l-kooperazzjoni fi ħdan l-SRM;

    45.

    Jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil (MtQ) dwar il-kooperazzjoni reċiproka u l-iskambju ta' data bejn il-BUR u l-BĊE bħala superviżur uniku, sabiex tiżdied l-effiċjenza u jiġi evitat ir-rappurtar doppju għall-banek, filwaqt li l-BUR jitħalla jkollu aċċess għad-data tal-MSU meħtieġa sabiex iwettaq il-mandat istituzzjonali tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mingħajr xkiel bejn l-SRM u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs);

    46.

    Jissottolinja d-diskrepanza bejn il-banek taħt superviżjoni diretta mill-MSU u l-banek taħt ir-responsabbiltà diretta tal-BUR (inklużi gruppi transfruntiera oħrajn) u l-konsegwenzi potenzjali tagħha f'termini tal-aċċess tal-BUR għall-informazzjoni;

    47.

    Jitlob biex jinħolqu arranġamenti speċifiċi fi ħdan il-Kummissjoni u bejn il-BUR u l-Kummissjoni sabiex jiġu definiti proċeduri effiċjenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'każ ta' riżoluzzjoni;

    48.

    Jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-BUR u l-NRAs ta' Stati Membri mhux parteċipanti u ta' pajjiżi terzi favur kooperazzjoni reċiproka effikaċi u skambju ta' informazzjoni;

    49.

    Jilqa' t-tħejjija mill-BUR ta' manwali dwar l-attivitajiet ta' riżoluzzjoni, b'konformità mal-istandards rilevanti tal-EBA, li għandhom l-għan li jippromwovu approċċ konsistenti, effikaċi u proporzjonat għall-kompiti ta' riżoluzzjoni fi ħdan l-SRM;

    50.

    Jitlob li jkun hemm progress f'waqtu fit-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u fl-istabbiliment ta' rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għal istituzzjonijiet fl-ambitu tal-SRM, sabiex tkun tista' tiġi żgurata riżoluzzjoni ordnata tal-banek inadempjenti b'impatt minimu fuq l-ekonomija reali u fuq il-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta malajr kemm jista' jkun l-istandard tekniku regolatorju dwar il-MREL, bi standard vinkolanti għoli ta' mill-inqas 8 % ta' MREL għall-banek kollha tal-BUR, f'konformità mad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD (id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014) (14) u tnaqqas il-possibbiltà ta' telf tad-depożiti mhux koperti tal-SMEs; jieħu nota tal-ħidma li għaddejja dwar l-implimentazzjoni tal-Kapaċità ta' Assorbiment ta' Telf Totali (TLAC) u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konsistenza mal-MREL;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fid-dawl tal-esperjenza u fil-qafas tar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, jekk il-BUR u l-NRAs humiex mgħammra b'biżżejjed setgħat ta' intervent bikri u b'biżżejjed strumenti ta' intervent bikri biex jipprevjenu l-emoraġġija tal-banek;

    52.

    Jenfasizza li, skont ir-regolamentazzjoni tal-SRM, il-Bord għandu jagħti attenzjoni xierqa, bħala kwistjoni ta' prijorità, għall-istabbiliment ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet importanti b'mod sistematiku, jivvaluta r-riżolvibbiltà tagħhom u jieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jindirizza jew jelimina l-impedimenti kollha għar-riżolvibbiltà tagħhom; ikompli jenfasizza li l-Bord għandu s-setgħa li jirrikjedi tibdil fl-istruttura u l-organizzazzjoni ta' istituzzjonijiet jew gruppi bl-għan li jittieħdu miżuri li huma meħtieġa u proporzjonati biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-impedimenti materjali għall-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-entitajiet ikkonċernati;

    53.

    Jieħu nota tar-rwol doppju tal-membri tal-Bord, li fl-istess ħin huma membri ta' korp eżekuttiv bi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u maniġers anzjani responsabbli f'dik il-kapaċità lejn il-President, u jqis li għandha ssir evalwazzjoni ta' din l-istruttura qabel ma jispiċċa l-mandat attwali;

    54.

    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex ilestu t-traspożizzjoni tal-BRRD, u jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa u infurzar tad-dispożizzjonijiet tagħha;

    55.

    Jilqa' r-ratifika mill-Istati Membri tal-Ftehim Intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet lejn fond uniku ta' riżoluzzjoni (SRF), li jippermetti lill-SRM isir operazzjonali b'mod sħiħ, inkluż l-użu tal-istrument ta' rikapitalizzazzjoni interna, mill-1 ta' Jannar 2016, skont l-iskeda ppjanata; jilqa' t-twaqqif ta' proċeduri ta' kalkolu u ta' ġbir għal kontribuzzjonijiet ex ante tal-SRF permezz tal-BUR; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni li l-SRF jitwaqqaf permezz ta' ftehim intergovernattiv (IGA) minflok permezz tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tieħu il-passi meħtieġa għal integrazzjoni rapida tal-IGA fil-qafas tad-dritt tal-UE, kif previst fl-Artikolu 16 tal-Ftehim u fir-Rapport tal-Ħames Presidenti;

    56.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tkompli tnaqqas ir-riskji ġuridiċi taħt il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar;

    57.

    Jistieden lill-Istati Membri jiġbru l-kontribuzzjonijiet relatati mal-BRRD u l-SRM b'mod sħiħ, effikaċi u f'waqtu fil-livell nazzjonali sabiex jittrasferuhom lejn l-SRF skont il-ftehim mal-IGA;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami bir-reqqa tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-SRF previsti fil-premessa 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63, u filwaqt li tagħmel dan, tagħmel rieżami b'mod partikolari l-adegwatezza tal-fattur ta' riskju sabiex tiżgura li l-profil ta' riskju ta' istituzzjonijiet inqas kumplessi jiġu riflessi b'mod xieraq;

    59.

    Jirrakkomanda, għall-finijiet ta' ġestjoni b'suċċess ta' kriżi bankarja fil-futur, valutazzjoni bir-reqqa tad-diversi għażliet għad-dispożizzjoni tal-Bord abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (għodod differenti ta' riżoluzzjoni bħala alternattiva għal-likwidazzjoni tal-bank), billi titqies l-importanza tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u ż-żamma tal-fiduċja fis-sistema bankarja;

    60.

    Jiġbed l-attenzjoni għad-diskrepanza fiż-żmien bejn ir-regoli dwar il-qsim tal-piżijiet u dawk dwar ir-rikapitalizzazzjoni interna sħiħa, li affettwaw b'mod retroattiv il-possibbiltà effettiva ta' riskju tal-istrumenti ta' dejn maħruġa qabel id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-aħħar, u d-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli xierqa ta' protezzjoni tal-investiment; jistieden lill-BUR iwettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-perjodu tranżitorju u biex ikun żgurat li, b'konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni, ir-regoli l-ġodda jiġu implimentati bil-proporzjonalità u bil-ġustizzja meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) jiggarantixxu protezzjoni xierqa tal-investitur;

    61.

    Jenfasizza l-ħtieġa li, b'konsegwenza tal-eżistenza tal-kompartimenti nazzjonali fl-SRF, jiġi stabbilit b'rapidità mekkaniżmu adegwat ta' finanzjament tranżitorju sabiex jipprovdi lill-fond, jekk ikun meħtieġ, b'riżorsi suffiċjenti fil-perjodu qabel it-tlestija tiegħu u jiggarantixxi s-separazzjoni effettiva bejn il-banek u l-istati; ifakkar li l-Grupp tal-Euro u l-ministri tal-ECOFIN identifikaw, fid-dikjarazzjoni tagħhom tat-18 ta' Diċembru 2013, il-possibbiltà li jsir rikors jew għas-sorsi nazzjonali, appoġġjati minn imposti bankarji, jew għall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES);

    62.

    Jilqa', madankollu, il-ftehim li nltaħaq fil-kisba ta' finanzjament tranżitorju pubbliku biex jgħin ħalli tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' fondi biex ikun hemm azzjoni ta' riżoluzzjoni konkreta permezz tar-riżorsi nazzjonali;

    63.

    Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-ECOFIN tat-8 ta' Diċembru 2015 u l-impenn li ttieħed fiha biex tikkunsidra, wara t-tlestija tar-ratifika tal-IGA, it-traspożizzjoni sħiħa tal-BRRD u l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju kif ukoll it-triq 'il quddiem u ż-żmien sabiex tiġi żviluppata garanzija ta' kontinġenza li tiffaċilita s-self mill-SRF, li tkun operattiva bis-sħiħ sa mhux aktar tard mit-tmiem il-perjodu tranżitorju; jenfasizza, madankollu, li garanzija ta' kontinġenza fiskali se tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva fil-każ li miżuri prudenzjali oħra biex tissaħħaħ is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżi ma jkunux kapaċi jeliminaw ir-riskju; ifakkar li din il-garanzija ta' kontinġenza għandha tkun fiskalment newtrali fuq terminu medju, u jissottolinja l-importanza li jiġi evitat il-periklu morali; jenfasizza li s-settur bankarju għandu jibqa' responsabbli għall-pagament lura minn imposti bankarji fl-Istati Membri parteċipanti kollha, inklużi dawk ex post;

    It-tielet pilastru:

    64.

    Ifakkar li, flimkien mal-MSU u l-SRM, il-kapaċità li toffri livell uniformi u għoli ta' protezzjoni ta' depożiti, irrispettivament mill-post tagħhom, għandha tiġi żgurata b'mod effikaċji f'Unjoni Bankarja (BU), u b'hekk tikkontribwixxi ġenwinament għall-waqfien taċ-ċirkwit tal-banek sovrani, tiġi restawrata l-fiduċja tad-depożitanti, b'tali mod li jinħolqu kondizzjonijiet ekwi u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja; iqis li kwalunkwe sistema ta' protezzjoni ta' depożiti trid dejjem tevita l-introduzzjoni ta' kull periklu morali, filwaqt li tiżugra li min jieħu r-riskju jibqa' responsabbli għat-teħid ta' riskju tiegħu;

    65.

    Jilqa' l-pakkett tal-Kummissjoni propost fl-24 ta' Novembru 2015 dwar il-qsim tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju fil-BU; jieħu nota tal-approċċ gradwali minn riassigurazzjoni ta' Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (SGD) nazzjonali għal skema ta' koassigurazzjoni u, fl-aħħar nett, għall-parteċipazzjoni sħiħa ta' SGD nazzjonali fl-istat stabbli u l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet; jistenna bil-ħerqa li jimpenja ruħu fin-negozjati leġiżlattivi abbażi tal-pożizzjoni li hi adottata;

    66.

    Jinnota li l-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' ġabra unika ta' regoli kif ukoll l-ewwel u t-tieni pilastri tal-BU, u t-traspożizzjoni tal-BRRD u d-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD) mill-Istati Membri kollha parteċipanti u miżuri ulterjuri biex jinkiseb tnaqqis sostanzjali ta' riskji fis-sistema bankarja Ewropea; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tintroduċi mekkaniżmu sistemiku ta' evitar tar-riskji, u b'hekk jitnaqqsu l-biżgħat ta' periklu morali li jista' jiġi indott mill-mutwalizzazzjoni progressiva tal-iskemi ta' garanzija; jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni biex tkompli tnaqqas ir-riskji u tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-BU;

    67.

    Jinnota li skema ta' garanzija tad-depożiti li tiffunzjona tajjeb u li hija ffinanzjata permezz ta' kontribuzzjonijiet mis-settur finanzjarju hija waħda mill-modi ppruvati biex jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek bil-flus tal-kontribwenti;

    68.

    Ifakkar li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwi fl-Unjoni Ewropea kollha u li għandha tevita kwalunkwe frammentazzjoni fi ħdan is-suq intern;

    o

    o o

    69.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.


    (1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

    (2)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

    (3)  https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssmar2014.en.pdf.

    (4)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

    (5)  ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57.

    (6)  ĠU L 69, 8.3.2014, p. 107.

    (7)  https://www.bankingsupervision.europa.eu/banking/comprehensive/2014/html/index.en.html.

    (8)  ĠU L 86, 31.3.2015, p. 13.

    (9)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

    (10)  ĠU L 339, 24.12.2015, p. 58.

    (11)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149.

    (12)  Testi adottati, P8_TA(2016)0006.

    (13)  Testi adottati, P8_TA(2015)0238.

    (14)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.


    Top