This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IP0082
European Parliament resolution of 9 March 2016 on the tobacco agreement (PMI agreement) (2016/2555(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (2016/2555(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (2016/2555(RSP))
ĠU C 50, 9.2.2018, p. 35–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 50/35 |
P8_TA(2016)0082
Il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (2016/2555(RSP))
(2018/C 050/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (id-“WHO FCTC”) u l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk, adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għad-WHO FCTC bid-Deċiżjoni FCTC/COP5(1) tat-12 ta' Novembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (COM(2015)0193), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat “Technical assessment of the experience made with the Anti-Contraband and Anti-Counterfeit Agreement and General Release of 9 July 2004 among Philip Morris International and affiliates, the Union and its Member States” (“Valutazzjoni teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha”) (SWD(2016)0044), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju (2), |
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (O-000010/2016 — B8–0109/2016), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, u billi l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, b'mod partikolari l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni ta' sigaretti lill-baġits nazzjonali u tal-UE jiġi jqumilhom aktar minn EUR 10 biljun, bħala stima konservattiva, fi dħul pubbliku mitluf kull sena; |
B. |
billi l-kummerċ illeċitu huwa delitt serju li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' attivitajiet oħra tal-kriminalità organizzata internazzjonali, fosthom it-traffikar ta' bnedmin, drogi u armi, u, f'xi każijiet, għall-finanzjament ta' gruppi terroristiċi; |
C. |
billi l-għan ewlieni tal-Ftehim PMI hu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu ta' prodotti PMI fis-suq illeċitu tat-tabakk tal-UE; |
D. |
billi l-Ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016; |
E. |
billi l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim PMI jikkonkludi li dan l-objettiv ewlieni ntlaħaq b'mod effikaċi, imma jikkontesta l-kawżalità ta' dan ir-riżultat u jirrimarka li t-tnaqqis tal-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv tal-prodotti illeċiti fis-suq tal-UE; |
F. |
billi l-Ftehim PMI pprovda benefiċċji finanzjarji lill-introjtu pubbliku li jammontaw għal madwar USD 1 biljun f'pagamenti annwali u EUR 68,2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri, maqsuma bejn il-Kummissjoni (madwar 10 %) u l-Istati Membri (madwar 90 %); billi ma hemm l-ebda data dwar kif l-Istati Membri nefqu l-introjtu li rċevew taħt il-Ftehim, |
G. |
billi seħħew bidliet sinifikanti sew fil-qafas ġuridiku u sew fl-ambjent tas-suq tal-kummerċ illeċitu tat-tabakk minn meta kien ġie ffirmat il-Ftehim, b'mod partikolari rigward iż-żieda fil-preżenza ta' sigaretti bla marka, spiss magħrufa bħala “cheap whites”, u l-iżvilupp tas-settur il-ġdid tal-bejgħ tan-nikotina likwida għas-sigaretti elettroniċi; |
H. |
billi l-Każijiet C-358/14 il-Polonja v il-Parlament u l-Kunsill, C-477/14 Pillbox 38 (UK) Limited, u C-547/14 Philip Morris Brands SARL u Oħrajn, li jikkontestaw id-Direttiva 2014/40/UE, bħalissa jinsabu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u għandhom jiġu rtirati mill-manifatturi tat-tabakk konċernati mal-ewwel opportunità; |
I. |
billi l-Kummissjoni impenjat ruħha favur ir-ratifika tal-Protokoll tad-WHO FCTC biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk, li huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tal-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tistieden lil pajjiżi terzi jirratifikaw il-Protokoll; |
J. |
billi l-kuntrabandu tat-tabakk jimmina l-politiki tas-saħħa pubblika tal-UE u jfisser li l-prodotti illeċiti tat-tabakk huma disponibbli – anke għaż-żgħażagħ – bi skont illegali sostanzjali f'ħafna postijiet; billi s-sigaretti ffalsifikati mhux biss jiġu manifatturati u importati illegalment, iżda fihom ingredjenti mhux magħrufa, u b'hekk jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa; |
1. |
Jilqa' l-Protokoll tad-WHO FCTC biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk, u jappella biex il-proċess ta' ratifikazzjoni jiġi kkompletat mill-aktar fis; |
2. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tirratifika l-Protokoll, u l-impenn tagħha li tistieden lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi jirratifikawh; jieħu nota li 15-il pajjiż irratifikaw il-Protokoll sal-lum, fosthom ħames Stati Membri tal-UE, u li l-UE bħalissa qed tħejji biex tirratifikah; |
3. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem biex il-Protokoll jiġi rratifikat bla dewmien; jemmen, madankollu, li t-tiġdid tal-Ftehim ikollu l-effett li jibgħat messaġġ ħażin u kontraproduċenti lejn pajjiżi terzi li l-UE tinvolvi ruħha f'interazzjonijiet mhux xierqa mal-industrija tat-tabakk, minkejja li l-Protokoll jipprojbixxi dawn l-interazzjonijiet b'mod ċar; |
4. |
Jesprimi t-twemmin tiegħu li l-Ftehim PMI jista' ma jkunx kompatibbli mal-obbligi tal-UE skont l-Artikolu 5(5.3) tad-WHO FCTC, b'mod li jista' jikkawża dannu għar-reputazzjoni tal-UE bħala mexxejja globali f'dak li jirrigwarda l-kontroll tat-tabakk; |
5. |
Jirrimarka li l-Linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5.3 tad-WHO FCTC jistqarru li “hemm kunflitt fundamentali u irrikonċiljabbli bejn l-interessi tal-industrija tat-tabakk u dawk tal-politika tas-saħħa pubblika”; |
6. |
Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk); jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk diġà tipprevedi rekwiżit ġuridiku li l-kumpaniji tat-tabakk jintroduċu u jżommu sistema ta' traċċar u rintraċċar li trid tkun operattiva għas-sigaretti u għall-prodotti tat-tabakk tal-brim mill-20 ta' Mejju 2019, u għal prodotti oħra tat-tabakk mill-20 ta' Mejju 2024; |
7. |
Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu passi immedjati biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-Istati Membri kollha; jieħu nota li diversi Stati Membri indikaw lill-Kummissjoni b'mod informali li l-proċess ta' traspożizzjoni tad-Direttiva ġie kkompletat; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar l-istat attwali tat-traspożizzjoni wara l-iskadenza tal-20 ta' Mejju 2016; |
8. |
Ifakkar li, f'Mejju 2015, il-Kummissjoni wiegħdet li tagħti l-valutazzjoni tagħha tal-ftehim ma' PMI mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-Kummissjoni pposponiet il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni diversi drabi u li din fl-aħħar ġiet ippubblikata fl-24 ta' Frar 2016, ġurnata qabel ma l-Parlament kellu jagħmel dibattitu dwar il-kwistjoni fil-plenarja; jemmen sod li pubblikazzjoni hekk tard tikkostitwixxi nuqqas serju min-naħa tal-Kummissjoni milli taqdi l-obbligi tagħha ta' trasparenza, fil-konfront kemm tal-Parlament kif ukoll taċ-ċittadini, u b'hekk jimmina l-kapaċità tal-Parlament li jesprimi fehmtu f'waqtha dwar din il-kwistjoni kumplessa u delikata; |
9. |
Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ftehim PMI laħaq b'mod effikaċi l-objettiv tiegħu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE, kif muri mill-fatt li l-volum ta' sigaretti PMI ġenwini sekwestrati mill-Istati Membri naqas b'madwar 85 % bejn l-2006 u l-2014; jieħu nota, madankollu, li l-Kummissjoni tikkontesta l-kawżalità ta' dan ir-riżultat, u tenfasizza wkoll il-fatt li t-tnaqqis tal-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE; jieħu nota li l-kuntrabandu li kien jikkonsisti fi prodotti mill-manifatturi l-kbar ġie progressivament sostitwit minn prodotti oħra, fosthom sigaretti bla marka (“cheap whites”) tipikament manifatturati f'pajjiżi terzi; |
10. |
Huwa mħasseb ħafna li l-baġit tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa parzjalment iffinanzjat minn pagamenti annwali tal-industrija tat-tabakk, kif imsemmi fil-ftehimiet tat-tabakk, minħabba li dan jista' jwassal għal ċertu kunflitt ta' interessi; |
11. |
Jenfasizza li, meta ġie konkluż fl-2004, il-Ftehim PMI kien strument innovattiv fl-indirizzar tal-kummerċ illeċitu tat-tabakk, iżda jenfasizza li s-suq u l-ambjent regolatorju ġarrbu bidliet sostanzjali minn dak iż-żmien 'l hawn; jenfasizza li l-Ftehim ma jindirizzax karatteristiċi importanti tal-kummerċ illeċitu tat-tabakk tal-lum, b'mod partikolari l-proporzjon għolja tal-kummerċ li issa hija magħmula minn “cheap whites”; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-elementi kollha koperti b'dan il-Ftehim PMI se jkunu koperti b'qafas ġuridiku ġdid magħmul mid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll tad-WHO FCTC; |
12. |
Jikkonkludi, għalhekk, li l-Ftehim PMI m'għandux jiġu mġedded, estiż jew innegozjat mill-ġdid; jitlob li l-Kummissjoni ma ġġeddux, ma testendihx u ma tinnegozjahx mill-ġdid lil hinn mid-data ta' skadenza attwali tiegħu; |
13. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-livell tal-UE u sad-data tal-iskadenza tal-Ftehim PMI, timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex tittraċċa u tirrintraċċċa l-prodotti tat-tabakk PMI, u tistitwixxi proċedimenti ġuridiċi għal kwalunkwe qbid illegali ta' prodotti ta' dan il-manifattur sakemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk isiru infurzabbli bis-sħiħ, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda lakuna regolatorja bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-FCTC; |
14. |
Jitlob li PMI tkompli tapplika d-dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u r-rintraċċar u dwar id-diliġenza dovuta (“kun af il-klijent tiegħek”) li hemm fil-Ftehim tal-lum, indipendentement minn jekk dan jiġix estiż jew le; |
15. |
Jesprimi tħassib li l-erba' ftehimiet ma' manifatturi tat-tabakk ma jittrattawx il-kwistjoni taċ-“cheap whites”; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi miżuri ġodda intiżi biex jindirizzaw din il-problema b'urġenza; |
16. |
Jitlob li l-Kummissjoni tressaq regolament ġdid u addizzjonali li jistabbilixxi sistema indipendenti ta' traċċar u rintraċċar u li tapplika dispożizzjonijiet ta' diliġenza dovuta (“kun af il-klijent tiegħek”) għat-tabakk mhux ipproċessat, għall-filtri u għall-karti użati mill-industrija tat-tabakk, bħala strument addizzjonali fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-prodotti ffalsifikati; |
17. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk. |
(1) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.
(2) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 147.