Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 52016IE0828

    Opinjoni tal-tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Qafas adatt għat-trasparenza tal-kumpaniji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 75, 10.3.2017, pagg. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/14


    Opinjoni tal-tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Qafas adatt għat-trasparenza tal-kumpaniji”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 075/03)

    Relatur:

    Vladimíra DRBALOVÁ

    Deċiżjoni tal-Assemblea tal-Plenarja

    21.1.2016

    Bażi legali

    L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    Sezzjoni responsabbli

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    29.11.2016

    Adottata fil-plenarja

    14.12.2016

    Sessjoni plenarja Nru

    521

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    219/3/14

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-kumpaniji jkunu trasparenti, u jappoġġja l-inizjattivi kollha li jwasslu lejn is-sostenibbiltà u l-prevedibbiltà tan-negozju fit-tul. It-trasparenza hija importanti għall-partijiet kollha, għall-kumpaniji nnifishom, u biex ittejjeb l-immaġni tagħhom u ssaħħaħ il-fiduċja tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-investituri.

    1.2.

    Il-Kumitat jirrikonoxxi li ħafna kumpaniji li joperaw fl-UE huma tassew trasparenti. Madankollu, għadd ta’ skandli reċenti wrew li hemm bżonn ta’ titjib fit-trasparenza sabiex issir ġeneralment parti mill-istrateġiji sostenibbli tal-kumpaniji. L-investituri u l-azzjonisti huma dejjem aktar attenti mhux biss għall-indikaturi tal-profitabilità tal-kumpaniji iżda wkoll għall-indikaturi kwalitattivi tas-CSR (1) li jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji soċjali u biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-impriżi u ta’ partijiet interessati oħra, l-informazzjoni trid tkun materjali, u trid tkun li tinġabar b’mod kosteffikaċi.

    1.3.

    Il-Kumitat jinnota li l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jimmotivaw u jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex jifhmu li t-trasparenza hija utli peress li hija wkoll opportunità tajba għan-negozju u jappoġġjawhom fl-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti.

    1.4.

    Il-Kumitat iqis li huwa importanti li ssir enfasi b’mod simultanju kemm fuq l-effikaċja u l-ambitu tal-informazzjoni li qed tiġi ppreżentata u l-kwalità u l-awtentiċità tagħha. It-titjib tat-trasparenza għandu jiffoka kemm fuq ir-riżultati miksuba kif ukoll fuq il-proċess ta’ rappurtar u żvelar ta’ informazzjoni. Ir-rappurtar għandu jħares ‘il quddiem kif ukoll għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi.

    1.5.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi passi ulterjuri biex tippermetti lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi ta’ trasparenza tagħhom u biex jibqgħu globalment kompetittivi.

    1.6.

    B’mod ġenerali, il-KESE jifhem li kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju joperaw f’kondizzjonijiet differenti. Għal din ir-raġuni, ir-regoli għalihom għandhom jiġu ssemplifikati biex ikunu jistgħu jirrappurtaw b’mod iktar adegwat sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proġett tal-bini ta’ kapaċità biex jgħin lill-SMEs jilħqu dawn l-isfidi.

    1.7.

    Il-Kumitat jemmen li kwalunkwe inizjattiva ulterjuri dwar l-iżvelar tal-informazzjoni għandha tiffoka fuq l-informazzjoni li verament għandhom bżonn il-partijiet interessati li għandha tinkludi sett komuni ta’ indikaturi u fl-istess ħin għandha tqis in-natura tal-kumpanija u tas-settur li fiha hija topera.

    1.8.

    Il-Kumitat jenfasizza li r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) u l-politika ta’ trasparenza fi ħdan impriża mhumiex effettivi mingħajr l-impenn tal-impjegati tagħha u għalhekk dawn għandhom jiġu involuti f’konsultazzjonijiet bejn is-sħab soċjali.

    1.9.

    Filwaqt li l-udjenza ta’ rappurtar korporattiv qiegħda tiżdied, aktar gruppi ta’ partijiet interessati huma interessati f’aspetti oħra ta’ affarijiet korporattivi. Għalhekk il-Kumitat jemmen li huwa importanti li jiġi evalwat il-mudell ta’ rappurtar attwali u biex dan ikun xieraq għall-iskop tiegħu.

    2.   Kuntest ġenerali

    2.1.

    Fl-2010, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li fiha ħamsin proposta għal titjib tas-suq intern. Hija indikat li n-negozji wkoll għandhom jagħtu sehemhom fi sforz kollettiv billi juru r-responsabbiltà u t-trasparenza tagħhom, kemm fir-rigward tal-impjegati tagħhom u l-azzjonisti tagħhom iżda wkoll lejn is-soċjetà b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni enfasizzat li kien hemm lok għal titjib fit-tmexxija tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-kompożizzjoni u d-diversità fi ħdan il-bordijiet tad-diretturi, inkluż ir-rappreżentanti tan-nisa, biex jitjiebu l-impjiegi, in-negozju u l-kummerċ (2). L-etika tan-negozju u l-valuri ġew rikonoxxuti bħala kontribut għall-irkupru ekonomiku.

    2.2.

    Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) (3) li fiha ressqet definizzjoni ġdida bħala “ir-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà”. Parti mis-sisien fl-istrateġija kienet pjan ta’ azzjoni li jsegwi l-integrazzjoni tar-rappurtar finanzjarju u soċjali.

    2.3.

    Fl-2012, il-Kumitat adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-istrateġija rinnovata tal-UE għas-CSR (4) li tenfasizza li fil-klima ekonomika u politika diffiċli, l-inizjattiva ta’ politika tas-CSR tipprovdi opportunità sabiex ikun hemm kuntatt pożittiv mal-komunità kummerċjali. Huwa importanti li wara attività tas-CSR wieħed jirrikonoxxi motivazzjonijiet differenti. Il-komunikazzjoni toffri deskrizzjoni ta’ diversi benefiċċji, li għandhom jiġu promossi aħjar flimkien ma’ eżempji ta’ prattika tajba biex l-impriżi jiġu infurmati u jiġu mħeġġa jwettqu impenn aktar b’saħħtu lejn is-CSR.

    2.4.

    F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat ipproduċa ħafna opinjonijiet oħra, li jissemmew f’din l-opinjoni. Dawn l-opinjonijiet jenfasizzaw l-importanza tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, it-trasparenza tal-kumpaniji, l-iżvelar tal-informazzjoni mhux finanzjarja u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti – l-investituri, il-konsumaturi, l-impjegati u r-rappreżentanti tat-trade union tagħhom, l-NGOs – matul il-proċess. F’din l-opinjoni l-Kumitat jixtieq jagħmel enfasi fuq qafas xieraq għall-proċess kollu.

    3.   Għal kumpaniji soċjalment responsabbli u trasparenti

    3.1.

    Sa ċertu punt il-kriżi ekonomika tal-2008 u l-konsegwenzi soċjali tagħha dgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fin-negozju, u l-attenzjoni pubblika u tal-investituri ffukat fuq l-imġiba etika u soċjali tal-kumpaniji. Aktar gruppi ta’ partijiet interessati issa huma interessati f’aspetti oħra tal-affarijiet korporattivi.

    3.2.

    L-investituri jridu trasparenza u kontroll tal-investiment tagħhom u jixtiequ jkunu jafu kif il-flus tagħhom qed jaffettwaw l-ambjent u s-soċjetà b’mod negattiv jew pożittiv. L-aktar sorsi importanti ta’ informazzjoni mhux finanzjarja għall-investituri huma r-rapporti tas-sostenibbiltà/tas-CSR u r-rapporti annwali. Dikjarazzjonijiet ta’ politika kwalitattiva huma importanti għall-valutazzjoni tal-ħlas finanzjarju, iżda l-indikaturi kwantitattivi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) huma meqjusa bħala essenzjali.

    3.3.

    Il-ħaddiema huma dawk li jintlaqtu ħażin l-ewwel mill-kumpaniji li ma jikkunsidrawx ir-regoli legali u n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom. U madankollu, l-impjegati għandhom rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-kumpaniji tagħhom: is-sigurtà tax-xogħol tagħhom, il-paga tagħhom, is-saħħa tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiddependu fuq dan. Huma għandhom id-dritt li jirrikjedu trasparenza u li jiġu infurmati u involuti fid-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u l-politiki soċjali, ambjentali u ekonomiċi fil-kumpaniji tagħhom.

    3.4.

    Il-konsumaturi jridu t-trasparenza u jistennewha f’oqsma speċifiċi li huma importanti għalihom. Huwa verament fl-interess tal-kumpaniji, f’termini ta’ relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet interessati oħra (ħaddiema, ċittadini u konsumaturi) biex isegwu politika ta’ trasparenza. Ta’ spiss dan ifisser sempliċiment li l-konsumaturi jingħataw il-fatti li jgħinuhom jagħmlu deċiżjonijiet ta’ xiri infurmati. Fl-aħħar nett, huma dawn in-negozji li se jibbenefikaw mil-lealtà ta’ konsumaturi aktar infurmati  (5). L-industrija tal-ikel hija qasam sensittiv ħafna f’dan ir-rigward. L-aktar riċerka riċenti miċ-Ċentru għall-Integrità tal-Ikel (CFI) (6) turi li aktar trasparenza tfisser li l-konsumaturi għandhom fiduċja akbar fl-ikel u tfassal triq ċara biex dan jintlaħaq.

    3.5.

    Minħabba l-globalizzazzjoni, għadd kbir ta’ msieħba kummerċjali u partijiet interessati huma interessati f’aktar informazzjoni fuq firxa usa’ tal-affarijiet korporattivi minn għadd kbir ta’ pajjiżi.

    3.6.

    It-trasparenza tibni fiduċja u n-negozji jeħtieġu l-fiduċja tas-soċjetà. Madankollu, ta’ sikwit ikun hemm differenza bejn dak li l-pubbliku jistenna u l-perċezzjoni tiegħu ta’ kif in-negozji jġibu ruħhom. Din id-differenza hija parzjalment ikkawżata minn każijiet ta’ mġiba irresponsabbli ta’ xi intrapriżi, kif ukoll minn każijiet meta xi intrapriżi jeżaġeraw il-kredenzjali tagħhom fil-kamp ambjentali jew soċjali. Nuqqas ta’ kuxjenza pubblika tal-kisbiet tal-intrapriżi u r-restrizzjonijiet li bihom iridu jaħdmu wkoll jikkontribwixxi għal din id-diskrepanza.

    3.7.

    Din hija r-raġuni għalfejn fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea bdiet sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma dwar it-trasparenza korporattiva. In-negozji Ewropej laqgħu din bħala inizjattiva li ġiet eżattament f’waqtha – matul il-kriżi, meta t-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) b’mod ġenerali jista’ jkollhom il-potenzjal li jgħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja pubblika fin-negozju, li sa ċertu punt ukoll kienet intlaqtet minħabba l-kriżi li għadha għaddejja. L-inizjattiva mmirata lejn bosta gruppi ta’ partijiet interessati (l-impjegaturi, it-trade unions, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir) u s-sonda kellha sservi bħala linja gwida għal aktar passi li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni.

    3.7.1.

    Il-lezzjonijiet li ttieħdu mill-inizjattiva:

    Ħafna kumpaniji diġà kisbu riżultati pożittivi fit-trasparenza. Is-CSR issa hija parti mill-istrateġiji tan-negozju tal-kumpaniji.

    L-aċċess għall-informazzjoni huwa importanti għal għadd ta’ partijiet interessati, iżda dawn jirrikjedu informazzjoni differenti għal skopijiet differenti. Il-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet fis-setturi differenti jvarjaw.

    L-opinjonijiet ivarjaw, b’mod partikolari, fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs). Il-biċċa l-kbira tal-interessi l-oħrajn fl-Istati Membri jippreferu bażi ċara ta’ indikaturi, inklużi kwistjonijiet tax-xogħol u dawk ambjentali. Il-fehma tan-negozji hija li jeħtieġ li jkun hemm flessibbiltà u mudell wieħed għal kulħadd mhijiex is-soluzzjoni t-tajba.

    Il-kwistjoni kruċjali għall-SMEs hija l-kapaċità li jipprovdu informazzjoni. Fejn ikun hemm spettru wiesa’ ta’ partijiet interessati fejn kull waħda tirrikjedi informazzjoni differenti u b’aspettattivi differenti, il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi jista’ jkun għoli.

    Il-proċess ta’ trasparenza għandu jiffoka kemm fuq ir-riżultati miksuba kif ukoll fuq il-proċess ta’ rappurtar u żvelar ta’ informazzjoni. Is-CSR tista’ tiġi inkorporata fi strateġiji ta’ negozju u r-rappurtar integrat huwa mod wieħed kif jista’ jsir dan.

    It-trasparenza u l-prattika li jiġu ppubblikati rapporti tas-CSR huwa valur ulterjuri għall-kumpaniji u l-impjegati tagħhom, għall-benefiċjarji tal-prodotti u s-servizzi tagħhom – li huma l-konsumaturi u ċ-ċittadini – u għall-investituri.

    4.   Il-Kummissjoni qed iżżid ir-rekwiżiti tagħha dwar it-trasparenza u r-rappurtar mhux finanzjarju

    4.1.

    Fl-Istrateġija tal-UE dwar is-CSR, il-Kummissjoni ssostni li l-iżvelar ta’ informazzjoni soċjali u ambjentali, inkluża l-informazzjoni marbuta mal-klima, jista’ jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati, u l-identifikazzjoni tar-riskji materjali tas-sostenibbiltà. Dan huwa element importanti tar-responsabbiltà li jista’ jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-intrapriżi. Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-intrapriżi u ta’ partijiet interessati oħrajn, l-informazzjoni għandha tkun materjali.

    4.1.1.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li numru dejjem jiżdied ta’ kumpaniji jiżvelaw informazzjoni soċjali u ambjentali. L-SMEs ta’ sikwit jgħaddu din l-informazzjoni b’mod informali u fuq bażi volontarja. Sors wieħed jistma li madwar 2 500 kumpanija Ewropea jippubblikaw ir-rapporti tas-CSR jew rapporti tas-sostenibbiltà, u dan iqiegħed l-UE f’pożizzjoni ta’ tmexxija globali (7).

    4.2.

    Fl-2013, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew, fasslet proposta leġislattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduta mill-impriżi fis-setturi kollha  (8). L-għan tal-emenda għal “direttivi dwar il-kontabilità” kien li jiġi stabbilit rekwiżit għal ċerti kumpaniji kbar (bħalissa madwar 6 000 kumpanija u entità fl-UE) biex jiżvelaw informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità li hija rilevanti fir-rapporti annwali tagħhom.

    4.2.1.

    Id-direttiva f’ċerti pajjiżi hija trasposta fil-liġi nazzjonali f’konsultazzjoni man-negozji, sabiex l-implimentazzjoni tieħu vantaġġ mill-flessibbiltà ta’ direttiva, ma tmurx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tipprovdi sigurtà legali għan-negozji u tissodisfa r-rekwiżiti reali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-KESE fassal opinjoni (9) li fiha huwa jenfasizza d-dritt li wieħed jibbenefika minn dan il-mekkaniżmu flessibbli u adegwat biex titjieb il-komunikazzjoni mal-azzjonisti, mal-investituri, mal-ħaddiema, u ma’ partijiet interessati oħra u jilqa’ l-fatt li din il-proposta tindirizza biss lill-kumpaniji l-kbar.

    4.2.2.

    Attwalment, il-Kummissjoni qed tipprepara linji gwida mhux vinkolanti dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Sabiex tiffaċilita l-konsultazzjoni ta’ segwitu mal-partijiet interessati (10), il-KE introduċiet dokument ta’ sfond illustrattiv li jiddeskrivi l-prinċipji ewlenin dwar l-iżvelar mhux finanzjarju. L-informazzjoni mhux finanzjarja rrappurtata għandha tkun materjali, affidabbli, ibbilanċjata u li tinftiehem, komprensiva u konċiża, strateġika u tħares ‘il quddiem, għandha tkun ukoll orjentata lejn il-partijiet interessati, speċifika għall-kumpanija/għas-settur, kwalitattiva u kwantitattiva, u konsistenti.

    4.3.

    F’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, li titlob għal titjib fl-ambjent tan-negozju fl-Ewropa, fl-2014, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal direttiva, li l-għan tagħha hu li tappoġġja l-ħolqien ta’ qafas ta’ governanza korporattiva modern u effiċjenti għall-impriżi, l-investituri u l-impjegati Ewropej  (11) li tikkorrispondi għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u għall-ambjent ekonomiku li qed jinbidel.

    4.3.1.

    Il-proposta għandha tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji fl-UE u għal perspettiva aktar fit-tul tal-azzjonisti li tiżgura kundizzjonijiet ta’ ħidma aħjar għall-kumpaniji li l-ishma tagħhom huma nnegozjati fi swieq regolati fl-UE. Fl-opinjoni tiegħu (12) l-Kumitat jenfasizza li l-proposta se twassal għal governanza korporattiva u ambjent ta’ investiment aktar stabbli, u sostenibbli fl-Ewropa u jinnota wkoll li fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-proposti tagħha se jwasslu biss għal żieda marġinali fil-piż amministrattiv fuq kumpaniji elenkati. Fil-valutazzjoni tad-Direttiva, se jkun importanti li jiġi evalwat dan il-bilanċ.

    4.4.

    F’Ottubru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida bit-titlu “Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”, li toffri viżjoni tal-politika tal-UE bil-għan li tirrifletti l-ħtieġa ta’ politika tal-kummerċ aktar responsabbli u aktar trasparenti.

    4.4.1.

    Fil-kapitolu bit-titlu “Politika tal-kummerċ u l-investiment ibbażata fuq valuri”, il-Kummissjoni tħabbar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi billi jissaħħu mill-ġdid l-inizjattivi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u ta’ diliġenza dovuta tul il-katina tal-produzzjoni b’enfasi fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali – inklużi dawk tax-xogħol – u aspetti ambjentali ta’ ktajjen ta’ valur. Il-Kummissjoni trid tkompli billi ttejjeb id-dimensjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.

    4.4.2.

    Fl-opinjoni tiegħu (13) ffukata fuq xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista globali (GSCs) Il-Kumitat jgħid: “Il-KESE għandu ħafna esperjenza fil-qasam tas-sostenibbiltà, b’parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ kapitoli ddedikati fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (l-FTAs), involviment f’firxa wiesgħa ta’ Kumitati tas-Soċjetà Ċivili li jippermettulu li jipproponi bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti legali meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-flessibbiltà meħtieġa tal-MNEs (intrapriżi multinazzjonali) biex jorganizzaw u jiżviluppaw il-ktajjen tal-provvista diġitali (GSCs) tagħhom b’mod effettiv adattat għas-sitwazzjonijiet lokali varji”.

    4.4.3.

    Standards ogħla għall-pubblikazzjoni ta’ rapporti dwar kwistjonijiet mhux finanzjarji jistgħu jkunu kwistjoni importanti fil-politika tal-kummerċ. Ir-regolamentazzjoni fil-livell globali, inklużi l-ftehimiet kummerċjali, għandhom isaħħu t-trasparenza dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja f’pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji Ewropej.

    4.4.4.

    Il-KE għandha l-ħsieb li ssaħħaħ l-inċentivi, b’mod partikolari għall-multinazzjonali, li jipprovdu informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta, u approċċ aktar ambizzjuż għal estrazzjoni tal-minerali f’żoni affettwati minn kunflitt  (14), tfittxija għal oqsma ġodda ta’ sħubija msaħħa għal ktajjen ta’ valur responsabbli u l-pubblikazzjoni ta’ ħarsa ġenerali tar-rapporti tal-kumpaniji fil-katina tal-valur responsabbli.

    4.4.5.

    Sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ etiku u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jistgħu jkunu wkoll mistennija rekwiżiti ġodda dwar in-negozji bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2015-2018 (15). Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill Affarijiet Barranin (Ġunju 2016) jenfasizza r-rwol kruċjali li taqdi t-trasparenza kummerċjali sabiex is-swieq ikunu jistgħu jirrikonoxxu, jinċentivaw u jippremjaw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

    4.5.

    F’Jannar 2016 il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett tagħha Kontra l-Evitar tat-Taxxa, bil-għan li tiżgura tassazzjoni effikaċi u żieda fit-trasparenza fiskali.

    4.5.1.

    Wieħed mill-oqsma li qed jiġu skrutinizzati b’attenzjoni li se jaffettwaw intrapriżi multinazzjonali u gruppi huwa r-rappurtar pajjiż b’pajjiż (l-obbligu li titħejja dikjarazzjoni li fiha t-tranżazzjonijiet fil-grupp, data dwar dħul, qligħ, taxxa fuq l-introjtu mħallsa, eċċ. u tintbagħat lill-awtoritajiet tat-taxxa). F’dan l-istadju, il-pakkett ikopri l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri.

    4.6.

    Fil-bidu ta’ April 2016 (16), il-Kummissjoni pproponiet li l-kumpaniji multinazzjonali jippubblikaw rapport separat dwar it-taxxa fuq id-dħul li jħallsu, flimkien ma’ informazzjoni dwar it-taxxa. Kumpaniji multinazzjonali b’fatturat nett konsolidat ta’ aktar minn EUR 750 miljun iridu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza addizzjonali, kemm jekk dawn huma domiċiljati fl-UE jew le. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-fergħat u s-sussidjarji tagħhom. F’dan ir-rigward il-Kumitat għadu kif adotta opinjoni dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (17) li fiha hu jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża meta tesiġi trasparenza fiskali mill-kumpaniji billi tnaqqas il-limitu ta’ fatturat ta’ EUR 750 miljun jew billi titħejja skeda li tistipula tnaqqis gradwali fil-limitu.

    4.6.1.

    Madankollu l-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipji tas-suq intern tal-UE u l-kompetittività tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti unilaterali fi ħdan l-UE jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux intenzjonati jekk intrapriżi li mhumiex fl-UE jkunu ġew eżentati minn dan l-obbligu. Għalhekk, intrapriżi li mhumiex fl-UE għandhom jiġu koperti minn dan l-obbligu permezz tan-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali.

    4.7.

    Il-Kummissjoni Ewropea taħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħalma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), id-WHO u l-Bank Dinji u ssaħħaħ is-sinerġiji mal-istrumenti tagħhom għal governanza korporattiva tajba, trasparenza u r-responsabbiltà korporattiva (18). Dawn l-istrumenti huma riveduti regolarment u jistabbilixxu rekwiżiti ta’ responsabbiltà u trasparenza ta’ kumpaniji b’politiki soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem. Huma jinkoraġġixxu wkoll il-prevenzjoni u l-analiżi tar-riskju u jipprevedu miżuri ta’ diliġenza dovuta. L-istrumenti huma primarjament maħsuba għal kumpaniji multinazzjonali, imma huma wkoll intiżi sabiex iservu bħala linji gwida għall-kumpaniji li joperaw fil-livelli nazzjonali. Kwalunkwe reviżjoni ta’ tali strumenti għandha tiffoka b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni aħjar tagħhom.

    4.8.

    Iż-żieda globali u l-esiġenzi Ewropej għal trasparenza korporattiva jiġu ttrasferiti lil kumpaniji li joperaw fl-Istati Membri. Ir-rwol tal-KE għandu jkun li tmexxi u tikkoordina l-politiki tal-Istati Membri tal-UE u għaldaqstant tnaqqas ir-riskju ta’ approċċi diverġenti (19).

    4.8.1.

    L-istrateġija tal-Kummissjoni għal kummerċ responsabbli u r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri spiss twassal għas-suppożizzjoni fil-livell nazzjonali li intraprenditorija u trasparenza responsabbli għandha tiġi amministrata u ssorveljata biss mill-Istat.

    4.8.2.

    In-negozju jagħraf lilu nnifsu bħala mutur għal imġiba responsabbli u trasparenti. Dan ġie rikonoxxut ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummssjoni dwar “L-implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjieg: Nagħmlu l-Ewropa punt ta’ eċċellenza fir-Responsabbiltà Soċjali tal-Impriżi” (20).

    4.8.3.

    Ir-responsabbiltà ewlenija ta’ kull kumpanija hija li toħloq valur mhux biss għall-azzjonisti tagħha, iżda wkoll għall-impjegati tagħha, l-ambjent tagħha u l-komunità tagħha u tiġġenera u tippreserva l-impjiegi. L-Istati Membri għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-isforzi tal-kumpaniji biex ikunu responsabbli u trasparenti.

    5.   It-tfittxija għal qafas adatt dwar ir-rappurtar korporattiv

    5.1.

    Il-Kumitat jirrikonoxxi li r-rappurtar mhux finanzjarju huwa importanti ħafna għal rappurtar korporattiv billi jgħin biex tinħoloq stampa sħiħa tal-affarijiet korporattivi.

    5.2.

    Għall-kumpaniji, l-abmjent regolatorju għan-negozju qiegħed isir dejjem aktar kumpless. Biex ikunu indirizzati aħjar il-bżonnijiet tal-partijiet interessati għandu jiġi stabbilit qafas adegwat għar-rappurtar korporattivu, fl-istess ħin, għandu jiġi evitat piż amministrattiv u finanzjarju żejjed. Is-CSR u t-trasparenza għandhom ukoll jiġu promossi u użati bħala opportunità għall-kumpaniji biex jiġi evitat ir-riskju soċjali u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

    5.3.

    Matul l-aħħar għaxar snin, il-fokus fuq aspetti differenti ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja (NFI) baqa’ jiżdied. Jeżisti numru ta’ oqfsa internazzjonali għall-iżvelar ta’ informazzjoni soċjali u ambjentali, inkluża l-Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar (GRI).

    5.4.

    Il-kwistjoni mqajma hija jekk dawn il-partijiet interessati kollha jistgħux jinqdew permezz tal-istess rapport jew b’sett ta’ rapporti? Għandu jkun hemm taħlita ta’ rapporti jew kunċett ta’ rapport wieħed komprensiv – bħal pereżempju l-kunċett Core&More (21) propost mill-Federazzjoni Ewropea tal-Kontabilisti (FEE) fl-2015?

    5.5.

    Id-diskussjoni ta’ rappurtar korporattiv futur teħtieġ li tqis id-differenzi fil-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ gruppi ta’ partijiet interessati differenti skont id-daqs u n-natura tal-entità li tirrapporta.

    5.6.

    Peress li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza fl-opinjoni tiegħu dwar “L-Iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja”, il-Kummissjoni hija mitluba tniedi jew tiffaċilita proċess li jġib flimkien il-“partijiet interessati multipli” (22) sabiex jiġu definiti aħjar il-prinċipji ta’ gwida kif ukoll il-punti ta’ riferiment li se jgħinu għat-tqabbil u, fit-terminu twil, għall-istandardizzazzjoni”.

    5.6.1.

    F’dan ir-rigward, il-Kumitat diġà enfasizza l-bżonn ta’ azzjoni korrettiva kontra t-tfixkil tal-valuri korporattivi minħabba viżjoni fuq perjodu qasir. Fl-opinjoni tiegħu dwar “L-involviment tal-impjegati” (23) huwa saħaq ukoll li hemm bżonn li jiġu identifikati mezzi ta’ kif il-politika Ewropea tkun tista’ tegħleb it-tendenza attwali ta’ trasparenza korporattiva fuq direzzjoni waħda fl-interess tal-azzjonisti permezz ta’ fehim usa’ ta’ intrapriża bħala “kumpanija sostenibbli”, li hija fl-interess tal-iżvilupp korporattiv fit-tul.

    5.7.

    Anki jekk il-futur tan-negozju sostenibbli se jkun marbut sew mar-rispett tal-ambjent soċjali u tal-konsumatur, kwalunkwe inizjattiva ulterjuri dwar l-iżvelar tal-informazzjoni għandha tiffoka fuq il-ħtiġijiet reali tal-partijiet interessati.

    Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  COM(2011) 681 final.

    (2)  COM(2010) 608 final.

    (3)  COM(2011) 681 final.

    (4)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.

    (5)  https://www.visioncritical.com/5-brands-employed-transparency-marketing-and-won/

    (6)  Viżjoni ċara ta’ trasparenza u kif din tibni l-fiduċja tal-konsumaturi, ir-riċerka dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-2015, iċ-Ċentru għall-Integrità tal-Ikel.

    (7)  Ara CorporateRegister.com.

    (8)  COM(2013) 207 final.

    (9)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 47.

    (10)  Fis-27 ta’ Settembru 2016, il-KE/DĠ FISMA organizzaw sessjoni ta’ ħidma mal-partijiet interessati li tirrelata ma’ Linji Gwida Mhux Vinkolanti dwar l-Iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja fi Brussell.

    (11)  COM(2014) 213 final.

    (12)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 87.

    (13)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17.

    (14)  JOIN(2014) 8 final.

    (15)  SWD(2015) 144 final.

    (16)  COM(2016) 198 final.

    (17)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 62.

    (18)  Il-prinċipji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali.

    (19)  COM(2011) 681 final.

    (20)  COM(2006) 136 final.

    (21)  Il-futur għal rappurtar korporattiv — il-ħolqien ta’ dinamika għal bidla, FEE, Ottubru 2015.

    (22)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 47.

    (23)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.


    In alto