Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0727

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN POŻIZZJONI FISKALI POŻITTIVA GĦAŻ-ŻONA TAL-EURO

COM/2016/0727 final

Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 727 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI




LEJN POŻIZZJONI FISKALI POŻITTIVA GĦAŻ-ŻONA TAL-EURO


1. Introduzzjoni

Fl-Ittra ta' Intenzjoni li takkumpanja d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President Juncker u l-Ewwel Viċi President Timmermans ħabbru l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi "fir-Rakkomandazzjoni li jmiss dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro, b'appoġġ għall-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew."

Din il-Komunikazzjoni qed tiġi adottata flimkien mar-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017-2018 1 u tistabbilixxi r-raġunament wara l-aspetti fiskali tagħha. Il-pubblikazzjoni tagħhom fil-bidu taċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2 u dokumenti relatati, jippermettu dibattitu f'waqtu dwar il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali fil-livell tal-UE, fil-livell taż-żona tal-euro u fil-livell nazzjonali. L-eżitu ta' dan id-dibattitu għandu jiġi rifless fil-politiki tal-Istati Membri u b’mod partikolari fil-programmi ekonomiċi u fiskali tagħhom fir-rebbiegħa tas-sena d-dieħla. 

L-iffukar fuq il-ħtieġa għal pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro ġej minn kuntest usa' ta' tkabbir ekonomiku reżiljenti imma modest, kif muri mill-Previżjoni Ekonomika reċenti tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2016 3 . Sar progress sinifikanti f’dawn l-aħħar snin: il-PDG taż-żona tal-euro rkupra l-livell tiegħu ta’ qabel il-kriżi f’termini reali mill-2015 'l hawn, il-qgħad naqas għall-iktar livell baxx mill-2010-11 'l hawn u l-investiment reġa' beda jaqbad. Madankollu, l-irkupru taż-żona tal-euro għadu kajman, il-kapaċità mhux użata f'xogħol u kapital għadu sinifikanti u l-livell kumplessiv ta' inċertezza huwa għoli. Barra minn hekk, il-prospetti ta' tkabbir ristretti u inċerti barra mill-UE jissuġġerixxu appoġġ baxx mill-esperti, jekk jappoġġawhom. Il-kontinwazzjoni tal-espansjoni fiż-żona tal-euro għalhekk tkun teħtieġ li tibbaża dejjem iktar fuq id-domanda domestika.

Il-politika monetarja kienet tiffavorixxi t-tkabbir fis-snin reċenti, imma dan mhuwiex daqstant il-każ għall-politika fiskali. Tul l-2011 sal-2013, il-pożizzjoni fiskali aggregata kienet reċessjonarja peress li ħafna Stati Membri kienu impenjati f'konsolidament fiskali biex jippreservaw l-aċċess tagħhom għas-swieq fl-eqqel tal-kriżi tad-dejn sovran. Filwaqt li dan naqqas it-tkabbir, tqies li kien neċċessarju biex iħares l-istabbiltà finanzjarja f'ċirkostanzi bla preċedenti u biex jirreaġixxi għar-riskju ta' kontaġju madwar iż-żona tal-euro, li kien iwassal għal xenarji terġa' agħar. Fl-2014-2015, il-pożizzjoni tal-politika fiskali aggregata nbidlet f'waħda ġeneralment newtrali u mbagħad f'waħda daqsxejn espansjonarja fl-2016, imma hija mistennija terġa' tkun ġeneralment newtrali fl-2017.

Din is-sitwazzjoni tenfasizza parzjalment il-limiti tal-qafas fiskali tal-UE 4 . L-ewwel nett, il-qafas fiskali attwali ma fihx regoli jew strumenti biex il-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro tiġi ġestita direttament, li hija differenza kruċjali meta mqabbla ma' żoni ta' muniti unifikati madwar id-dinja. Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro qed issir sors ta’ referenza biex tiggwida l-isforzi, imma l-effikaċja tagħha fl-aħħar mill-aħħar tiddependi mill-individwu u mix-xewqa kollettiva tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni.

It-tieni, ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huma essenzjalment maħsuba biex jipprevjenu livelli eċċessivi ta’ defiċit u ta' dejn tal-gvern 5 . Dawn jipprevedu mekkaniżmi aktar stretti u vinkolanti għall-Istati Membri li huma 'l bogħod mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħhom, anke bħala mezz biex jerġgħu jiksbu marġni għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika. Madankollu, għal dawk l-Istati Membri li kisbu l-miri fiskali tagħhom u/jew għandhom aktar spazju fiskali biex jaġixxu, l-għodod tas-Semestru Ewropew jistgħu jirrakkomandaw biss, mhux jinfurzaw, politiki fiskali iktar espansjonarji. Dan jirrifletti dak li ġieli jiġi deskritt bħala l-asimetrija tal-qafas fiskali tal-UE: ir-regoli jistgħu jipprojbixxu d-defiċits għoljin (anke biex jiġi evitat dejn kbir) imma jistgħu jippreskrivu biss it-tnaqqis tal-bilanċi pożittivi, mingħajr ma jimponuhom. 

Minħabba l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-irkupru li għaddej, u biex jingħeleb ir-riskju li wieħed jinqabad f'nassa ta' “tkabbir baxx, inflazzjoni baxxa", din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-każ għal pożizzjoni fiskali b'mod sinifikanti iktar pożittiva għaż-żona tal-euro f'dan il-mument. Pożizzjoni fiskali pożittiva tirreferi kemm għad-direzzjoni ta' appoġġ, jiġifieri espansjonarja, li jenħtieġ li l-politika fiskali tieħu b’mod ġenerali, u għall-kwalità tal-kompożizzjoni tal-aġġustament, f'termini ta' ripartizzjoni tal-isforzi fost il-pajjiżi u t-tipi ta' nfiq u/jew taxxi warajhom.

Is-sitwazzjoni attwali hija subottimali f'tal-inqas żewġ aspetti. L-ewwel nett, fid-dawl tal-aħħar dejta ekonomika u baġitarja, issodisfar sħiħ tar-rekwiżiti fiskali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill iwassal, b'mod aggregat, għal pożizzjoni fiskali moderatament restrittiva għaż-żona tal-euro kollha fl-2017 u l-2018, filwaqt li l-qagħda ekonomika tidher li titlob pożizzjoni fiskali espansjonarja fiċ-ċirkostanzi preżenti.

It-tieni, l-aggregat fiskali attwali jaħbi distribuzzjoni inugwali ħafna fost l-Istati Membri, li ma tagħmilx ħafna sens għall-ekonomija mill-perspettiva taż-żona tal-euro. Din is-sitwazzjoni ġiet deskritta fil-qosor fil-forma ta' paradoss evidenti: dawk li ma għandhomx spazju fiskali jridu jużawh; dawk li għandhom spazju fiskali ma jridux jużawh. Hemm bżonn ta' approċċ aktar kollettiv biex jingħeleb ir-riskju ta' xenarju għaż-żona tal-euro kollha fejn kulħadd joħroġ tellief.

Meta wieħed jersaq lejn pożizzjoni fiskali pożittiva bħal din, hemm għadd ta' limitazzjonijiet ekonomiċi u ġuridiċi li jridu jitqiesu, u kompromessi possibbli li jridu jiġu rikonoxxuti. Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa kruċjali li titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi bil-ħsieb li jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom fuq l-impjiegi u t-tkabbir, flimkien mal-ġustizzja soċjali, mhux biss fil-livell nazzjonali, imma anke billi wieħed iħares lejn iż-żona tal-euro bħala aggregat.

Hawnhekk wieħed jista' jasal għal għadd ta’ konklużjonijiet u l-aktar implikazzjonijiet politiċi immedjati huma ppreżentati fir-Rakkomandazzjoni proposta dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017-2018, li hija ppubblikata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni.

Kaxxa 1: Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro

Filwaqt li ma hemm l-ebda definizzjoni aċċettata b’mod universali, il-"politika fiskali" normalment tinftiehem bħala l-orjentazzjoni mogħtija lill-politika fiskali mid-deċiżjonijiet diskrezzjonarji tal-gvernijiet dwar it-taxxi u l-infiq. Tradizzjonalment, il-pożizzjoni fiskali tinstab fil-bidla fl-bilanċ primarju strutturali
(jiġifieri l-bilanċ baġitarju korrett għall-impatt miċ-ċiklu ekonomiku, mill-miżuri mhux permanenti u mill-pagamenti tal-imgħax), għalkemm indikaturi oħrajn jistgħu jintużaw ukoll biex jikkaratterizzawha (bħal indikaturi bbażati fuq it-tkabbir fl-infiq nett mill-miżuri ta' introjtu ġodda). Skont il-gvern jiddeċidix li jappoġġa, inaqqas jew iħalli l-istess l-impatt tal-finanzi pubbliċi fuq l-ekonomija reali – permezz ta’ żieda / tnaqqis tal-infiq, nett mill-miżuri ta' tassazzjoni ġodda – il-pożizzjoni fiskali titqies bħala "espansjonarja", "reċessjonarja" jew "newtrali", rispettivament.

Flimkien mal-politika monetarja, il-politika fiskali għandha rwol fl-istabbilizzazzjoni tal-ambjent makroekonomiku, filwaqt li sservi wkoll għanijiet usa’ f’termini ta' sostenibbiltà fiskali u funzjonijiet ta' ridistribuzzjoni. L-orjentazzjoni tal-pożizzjoni fiskali tiddetermina r-rwol li jkollha dik il-politika fiskali fiċ-ċiklu ekonomiku, li jista' jkun bejn wieħed u ieħor iktar jew inqas proċikliku jew kontroċikliku skont iċ-ċirkostanzi.

Meta wieħed iħares lejn iż-żona tal-euro kollha, ta' min jinnota li filwaqt li l-politika monetarja hija maħsuba u mfassla bħala strument uniku, il-politika fiskali kumplessiva hija r-riżultat tal-aggregazzjoni ta’ 19-il politika fiskali individwali. L-għodod tas-Semestru Ewropew u r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ilhom jipprovdu direzzjoni għal azzjoni fil-livell nazzjonali imma, minbarra r-rwol reċenti li ħadet ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, il-koordinament tal-azzjonijiet s'issa kien limitat, u s-sitwazzjoni u l-isfidi taż-żona tal-euro ma ġewx ikkunsidrati faċilment. B'mod partikolari, jekk l-aggregazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali tirriżultax f'pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro li hija xierqa u konsistenti mal-politika monetarja, għadha pjuttost każwali. Din il-kwistjoni hija partikolarment rilevanti meta r-rati tal-imgħax tal-politika monetarja jilħqu "livell inferjuri żero" (ara l-Anness 2).

Id-diskussjoni dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro hija aspett ewlieni tal-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ id-dibattitu dwar l-interess ġenerali taż-żona tal-euro u r-responsabbiltà kollettiva għaliha, bħala parti mill-Ewwel Stadju tas-segwitu għar-Rapport tal-Ħames Presidenti biex Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (“napprofondixxu permezz tal-azzjoni”) 6 . 




2. L-ambjent ekonomiku mħallat jitlob pożizzjoni fiskali pożittiva

Meta mqabbel mal-perjodu ta' qabel il-kriżi, il-potenzjal tat-tkabbir għat-terminu l-medju taż-żona tal-euro prattikament naqas bin-nofs. Dan huwa parzjalment marbut mal-iżviluppi demografiċi u usa’ imma jirrifletti wkoll dak li hu magħruf bħala l-“effetti ta' istereżi" li jirriżulta minn kriżi: il-prestazzjoni dgħajfa tal-ekonomija fuq perjodu ta' żmien prolongat jista' jiddegrada l-kapital fiżiku u l-produttività u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, sal-punt li jnaqqas permanentement il-potenzjal tat-tkabbir 7 . Kif enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017 u fir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, biex jogħla l-potenzjal tat-tkabbir tal-UE, l-ewwel u qabel kollox irid ikun hemm politiki strutturali li jagħtu spinta lill-impjiegi u l-produttività, imma politika fiskali responsabbli u li tgħin it-tkabbir għandha rwol ukoll, speċjalment bħalissa.

Il-perspettiva ekonomika attwali hija mħallta, bl-irkupru jipproċedi b'mod kostanti mill-2013 'il quddiem, imma jonqos milli jaċċellera. Il-PDG taż-żona tal-euro issa qabeż il-livell ta' qabel il-kriżi imma l-irkupru baqa' kajman, b'inċertezza kontinwa dwar il-qawwa tiegħu u evidenza li tissuġġerixxi li għad hemm potenzjal sinifikanti fl-ekonomija li għadu mhux qed jiġi sfruttat. L-inflazzjoni wkoll qed tibqa' persistentement baxxa minkejja miżuri tal-politika monetarja bla preċedenti. Minbarra hekk, ir-riskji negattivi huma kbar. Is-surplus estern kbir ħafna taż-żona tal-euro għadu jaħbi żbilanċi makroekonomiċi usa'. Il-qgħad nieżel imma għadu f’livelli għoljin ħafna f’xi Stati Membri. It-tkabbir fil-produttività u t-tkabbir fil-pagi għadhom ristretti. Bir-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit dwar is-sħubija mal-UE u żviluppi ġeopolitiċi oħrajn, feġġew sorsi ġodda ta' inċertezza. Dan jenfasizza l-bżonn ta' tisħiħ tas-sorsi domestiċi tat-tkabbir.

Peress li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qed juża l-għodod tal-politika monetarja tiegħu b'mod estensiv, hemm aċċettazzjoni mifruxa li l-politika monetarja ma tistax tiflaħ għall-piż kollu tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika, u li hemm bżonn li politika fiskali responsabbli li tgħin it-tkabbir ikollha rwol ikbar fis-sostenn għall-irkupru taż-żona tal-euro. Dan hu tħassib kondiviż fost il-komunità globali: fil-laqgħat reċenti tiegħu, il-G20 tenna l-impenn tal-membri tiegħu għal strateġija ta' tkabbir bi tliet pilastri, bl-istqarrija ta' Settembru 2016 tgħid "aħna determinati li nużaw l-għodod politiċi kollha – monetarji, fiskali u strutturali – individwalment u kollettivament biex niksbu l-għan tagħna ta' tkabbir qawwi, sostenibbli, ibbilanċjat u inklussiv. 8 "

F'dan il-mument hemm kemm il-bżonn kif ukoll l-opportunità biex naġixxu fuq il-front fiskali, anke biex nirribilanċjaw it-taħlita kumplessiva ta' politiki taż-żona tal-euro. Aspettattivi dwar l-inflazzjoni effettivi u mistennija għadhom ma jilħqux id-definizzjoni ta' stabilità fil-prezzijiet stabbilita mill-BĊE (jiġifieri inflazzjoni inqas minn 2 % imma qrib fit-terminu l-medju). Flimkien mal-impenn lejn ir-riformi strutturali u ffukar qawwi fuq l-investiment, il-politika fiskali trid tikkontribwixxi b'mod iktar dirett għad-domanda domestika, tappoġġa l-irkupru u toħroġ mit-territorju ta' inflazzjoni baxxa. Żieda bħal din fl-inflazzjoni tista' tikkontribwixxi wkoll għan-normalizzazzjoni tar-rati tal-imgħax, b'impatt pożittiv fuq ir-rimunerazzjoni tat-tfaddil u b'mod iktar ġenerali fuq il-funzjonament tas-settur finanzjarju, li għadu jrid jittratta d-dejn li wiret mill-kriżi.

Minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari, l-impatt makroekonomiku tal-politika fiskali x’aktarx li jkun iktar qawwi milli fi żminijiet normali. L-effikaċja tal-politika fiskali bħala għodda ta’ stabilizzazzjoni tiddependi fuq l-ambjent ekonomiku kumplessiv li tintuża fih. Minħabba l-fatt li l-politika monetarja tinsab fil-"livell ta' mgħax żero" (jew il-"livell inferjuri żero"), l-impatt fuq il-miżuri tal-politika fiskali kemm fuq l-ekonomija reali (l-effett "multiplikatur") u kemm fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi l-oħrajn (l-effett "kollaterali") huma akbar milli kien ikun il-każ 9 kieku, pereżempju, ir-rati tal-imgħax kienu jkunu għoljin jew f'riskju li jogħlew malajr, u li l-istimolu pubbliku jkun qed jirriskja li joħnoq l-investiment privat (ara l-Anness 2). Barra minn hekk, il-kurrent attwali ta' riżultati ta' rati tal-imgħax baxxi jirriżulta f'kostijiet sinifikantement orħos għall-finanzjament jew ir-rifinanzjament tal-baġits pubbliċi.

Jekk ikun imfassal sew, speċjalment flimkien ma' riformi u appoġġ għall-investiment, politika fiskali iktar attiva llum tista’ tikkontribwixxi għal tnaqqis iktar mgħaġġel fil-qgħad fit-terminu l-qasir, imma anke biex tingħata spinta lit-tkabbir (potenzjali) fit-terminu l-medju fiż-żona tal-euro. Għad hemm laxkezza konsiderevoli fl-ekonomija bħalissa u sfida ewlenija hija li tiġi evitata sitwazzjoni ta’ “tkabbir baxx, inflazzjoni baxxa” milli trabbi l-għeruq. Hemm ukoll "għeja mir-riformi" sinifikanti wara snin ta' kriżi: il-kapaċità biex jinbdew u jitwettqu riformi strutturali maġġuri tista' ġġarrab xi spejjeż għall-finanzi pubbliċi fit-terminu l-qasir imma jekk jirnexxu, dawn ir-riformi jista' jkollhom effetti baġitarji pożittivi diretti fit-tul, inkluż billi jżidu l-potenzjal ta’ tkabbir. Minbarra sostenn għall-irkupru domestiku, politika fiskali iktar ta' sostenn tiġġenera wkoll effetti kollaterali pożittivi għall-ekonomija globali, billi tikkontribwixxi għal surplus iktar baxx fil-kont kurrenti taż-żona tal-euro, u b'hekk tgħin biex tittratta l-iżbilanċi globali.

Inizjattivi reċenti fil-livell tal-UE jikkontribwixxu għall-massimizzazzjoni tal-impatt tal-finanzi pubbliċi fuq l-ekonomija reali. Bl-iffukar tiegħu fuq ingranaġġ tal-fondi privati fi proġetti ta' investiment ekonomikament vijabbli u sostenibbli, il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jikkontribwixxi għat-trattament tad-diskrepanza fl-investiment akkumulata waqt is-snin ta' kriżi 10 . Il-kumbinazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi hija partikolarment promettenti biex tipprovdi strumenti finanzjarji innovattivi ġodda li jimmassimizzaw l-impatt ekonomiku ta' kull euro pubbliku investit. Il-progress bit-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 11 huma essenzjali wkoll biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta’ finanzjament għall-ekonomija reali u b'hekk biex tonqos il-pressjoni minn fuq il-finanzi pubbliċi. L-iffukar, bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-impenn għal riforma strutturali bħala sostenn għall-investiment (l-hekk imsejjaħ "it-tielet pilastru" tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa) huwa essenzjali wkoll biex tiġi mmassimizzata l-effikaċja tal-politika fiskali.

3. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro llum

Biex tiġi vvalutata l-qagħda attwali, importanti li wieħed iqis iż-żona tal-euro bħala entità waħda, daqslikieku kien hemm Ministru tal-Finanzi għaż-żona tal-euro kollha u li jħares lejn il-politika fiskali tagħha f’termini aggregati. Dan hu l-approċċ li ttieħed f'din it-taqsima.

Kumplessivament, wara l-konsolidazzjoni fiskali sinifikanti fl-2011-2013, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro hija stmata li tkun ġeneralment newtrali fl-2014-2017 (ara l-grafika ta' hawn taħt). Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kienet reċessjonarja fil-perjodu 2011-2013, fi żmien meta l-ekonomija kienet qed tiddeterjora. Il-pożizzjoni fiskali saret ġeneralment newtrali fl-2014-2015 u daqsxejn espansjonarja fl-2016, fl-isfond ta’ rkupru. Għall-2017, kemm l-aggregazzjoni tal-abbozz ta' pjanijiet baġitarji (imsemmijin fil-grafika bħala “l-intenzjonijiet tal-Istati Membri”) u t-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa tal-2016 tal-Kummissjoni jippuntaw għal darba oħra lejn pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali.

Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro matul l-2011–2017

Nota: Din il-grafika turi l-politika fiskali taż-żona tal-euro, jiġifieri l-orjentazzjoni tal-politika fiskali fuq livell aggregat. Dan jitkejjel mill-bidla fil-bilanċ primarju strutturali (ara wkoll il-Kaxxa 1). Valur pożittiv jikkorrispondi għal defiċit fiskali li qed jikber (li jikkontribwixxi għal "espansjoni fiskali"), filwaqt li valur negattiv jikkorrispondi għal defiċit fiskali li qed jonqos ("konsolidazzjoni fiskali"). L-aggregat ma jinkludix il-Greċja, li qiegħda fi programm ta' aġġustament makroekonomiku.



Fid-dawl tal-irkupru kajman u tar-riskji fl-ambjent makroekonomiku, hemm argument favur pożizzjoni fiskali moderatament espansjonarja għaż-żona tal-euro bħalissa. Abbażi tal-istimi mis-servizzi tal-Kummissjoni, espansjoni fiskali ta' 'l fuq minn 0,5 % tal-PDG fil-livell taż-żona tal-euro kollha titqies bħala xi ħaġa mixtieqa għall-2017 fiċ-ċirkostanzi preżenti 12 . Din iċ-ċifra tirriżulta minn valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-livelli ta’ attività ekonomika, il-kapaċità żejda, il-qgħad u l-inflazzjoni. Il-mira hija waħda prammatika u prudenti f'firxa wiesgħa ta' stimi: pożizzjoni fiskali espansjonarja bħal din tnaqqas is-sehem ta' kapaċità produttiva mhux użata fiż-żona tal-euro, filwaqt li tappoġġa l-politika monetarja 13 u tevita soprażbilanċ bla bżonn tal-ekonomija.

Filwaqt li d-direzzjoni hija ċara, il-mira eżatta tista' titqies f'firxa u teħtieġ ġudizzju. Espansjoni fiskali ta' 0,3% tkun il-livell inferjuri tal-firxa: din tikkontribwixxi biex ikun żgurat li ż-żona tal-euro tnaqqas bin-nofs il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fl-2017 14 , filwaqt li tkun ġeneralment kompatibbli mal-objettiv ta’ sostenibbiltà fiskali. Madankollu, pożizzjoni bħal din tista' ma tkunx ambizzjuża biżżejjed, speċjalment peress li l-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni jinsabu qalb inċertezza, li tista' tirriżulta f'sottovalutazzjoni tal-bżonn ta' stabbilizzazzjoni fiż-żona tal-euro. B'kuntrast, espansjoni fiskali ta' 0,8% tirrappreżenta livell superjuri: din tippermetti l-għeluq tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni diġà fl-2017. Madankollu, din il-pożizzjoni tista’ tkun espansjonarja żżejjed, peress li tista' tkun il-kaġun ta' soprażbilanċ mhux mixtieq f'xi Stati Membri u jmur kontra l-għan tal-preservazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Il-kwistjoni llum hija li anke jekk l-ekonomisti jistgħu jindikaw pożizzjoni fiskali mixtieqa għaż-żona tal-euro biex jikkombinaw it-tħassib makroekonomiku ma' dak tas-sostenibbiltà fiskali, pożizzjoni fiskali bħal din ma tkunx ir-riżultat spontanju tal-applikazzjoni tar-regoli lil kull Stat Membru. Fid-dawl tal-aħħar dejta ekonomika u baġitarja, issodisfar sħiħ tar-rekwiżiti fiskali li jinsabu fir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż adottata mill-Kunsill f'Lulju 2016 jimplika, b'mod aggregat, pożizzjoni fiskali moderatament restrittiva għaż-żona tal-euro kollha fl-2017 u jistgħu jiġu mbassra xejriet simili għall-2018 15 (ara l-Graff 4 fl-Anness 1). Dan mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-flessibilità li teżisti fir-regoli biex jitqiesu ċirkostanzi ekonomiċi li jinbidlu 16 .

Waqt id-diskussjoni dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro llum, huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-qagħda fiskali attwali qiegħda taħbi ripartizzjoni kjarament subottimali tal-aġġustament fiskali bejn il-pajjiżi f’dan il-mument partikolari. L-Istati Membri jinsabu f'qagħdiet differenti ħafna f’termini ta' spazju fiskali jew bżonnijiet ta' konsolidazzjoni (ara l-Graff 3 fl-Anness 1). Meta wieħed iħares lejn l-2017 , l-Istati Membri bi bżonnijiet ta' konsolidazzjoni ulterjuri jidhru li jespandu aktar, li jista' jqajjem tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom (ara l-Graff 5 fl-Anness 1). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li jgawdu minn spazju fiskali mhux bilfors li jużawh. Dan jista’ joħloq tħassib dwar il-bżonn li jiżdied l-investiment u li jissaħħu l-bażijiet għat-tkabbir tagħhom, imma anke dwar il-kapaċità ta' sostenn għall-irkupru taż-żona tal-euro kollha.

4. Limitazzjonijiet ekonomiċi u ġuridiċi biex tinkiseb pożizzjoni fiskali pożittiva

Impenn lejn pożizzjoni fiskali pożittiva fil-livell taż-żona tal-euro aggregata tiġi b'limitazzjonijiet kemm ekonomiċi kif ukoll ġuridiċi. Il-limitazzjonijiet ekonomiċi huma relatati essenzjalment mal-bżonn li jiġu bbilanċjati l-bżonnijiet ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika fit-terminu l-qasir bil-preservazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu l-medju, bħala parti minn aġenda ekonomika usa'. Il-limitazzjonijiet ġuridiċi jirreferu għall-operazzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-UE f'ċerti ċirkostanzi. Iż-żewġ settijiet ta' limitazzjonijiet jiżvelaw il-possibbiltà ta’ kompromessi, li fl-aħħar mill-aħħar jeħtieġu ġudizzju politiku.

It-tensjoni bejn il-bżonn li jiġi appoġġat l-irkupru tul it-terminu l-qasir u li jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli fit-terminu l-medju hija partikolarment qawwija fl-Istati Membri b'livelli għoljin ħafna ta' dejn tal-gvern (ara l-Graff 3 u l-Graff 8 fl-Anness 1). F'dawk l-Istati Membri, politika fiskali attiva żżejjed tista' taggrava l-problemi ta' kunfidenza fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u fis-sostenibbiltà tal-irkupru, minflok tindirizzahom. Dan ikun partikolarment il-każ jekk l-istrateġija ma tkunx akkumpanjata minn riformi u politiki li jiżguraw li l-impatt fil-fatt jgħaddi għal fuq l-ekonomija reali, jekk jiġi ppruvat li ma kinitx kapaċi tnaqqas il-livelli tad-dejn b'mod sinifikanti u/jew jekk twassal li r-rati tal-imgħax jiżdiedu.

Is-sostenibbiltà fiskali tibqa' prijorità, speċjalment għal Stati Membri speċifiċi, imma l-isfidi naqsu b’mod sinifikanti mill-eqqel tal-kriżi, u tista' ma tkunx sors maġġuri ta' riskji għaż-żona tal-euro kollha fit-terminu l-qasir. Is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi ddeterjorat ħafna tul l-2008–2012, bil-livelli ta’ dejn tal-gvern jiżdiedu bħala medja minn 60% tal-PDG għal aktar minn 90% fiż-żona tal-euro. F'ħafna każijiet, iż-żieda kbira fid-dejn fil-passat reċenti hija r-riżultat ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek u tkabbir baxx fil-PDG nominali, mhux minħabba kapriċċi fiskali. Id-dejn pubbliku issa qed jonqos kemm kemm mill-ogħla punt tiegħu ta' 92% fl-2015 imma l-livelli għadhom għoljin ħafna, pereżempju fis-seba' Stati Membri li qegħdin 'il fuq mill-medja taż-żona tal-euro: Il-Greċja (182% tal-PDG fl-2016), l-Italja (133%), il-Portugall (130%), Ċipru (107%), il-Belġju (107%), Spanja (99%) u Franza (96%). B'mod parallel, id-dejn pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro niżel minn 'il fuq minn 6% tal-PGD fl-2010 għal inqas minn 2% fl-2016, u huwa pproġettat li jkompli jonqos.

Kif jidher hawn fuq, jidher li pożizzjoni fiskali iktar pożittiva tkun xierqa minħabba l-istat tal-irkupru imma ma tistax tkun preżunta għall-2017–2018. Il-qafas fiskali attwali tal-UE jiffoka essenzjalment fuq id-definizzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi tal-Istati Membri, mingħajr ma jaqbad kompletament l-implikazzjonijiet għaż-żona tal-euro. Skont ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-loġika hija li l-Istati Membri jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jippermettu lill-istabilizzaturi awtomatiċi jagħmlu xogħolhom kompletament ladarba l-baġit ikun laħaq l-objettiv ta' terminu medju (OTM), u li hi mistennija xi konsolidazzjoni fiskali sakemm dan ikun il-każ. Ladarba jkunu għamlu l-aġġustament fiskali meħtieġa, huwa preżunt li dawk l-Istati Membri li jkunu laħqu l-OTM tagħhom u li jkollhom spazju fiskali jagħżlu li jsostnu d-domanda domestika, fl-interess tagħhom stess u b’mod aktar ġenerali, imma jkunu biss mistiedna jagħmlu dan: ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fihom gwida politika ċara dwar dan, imma ma jiġi indirizzat l-ebda rekwiżit fiskali kkwantifikat għal dawk l-Istati Membri. Għall-2017, ir-rakkomandazzjonijiet li saru skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jitolbu lil ħafna Stati Membri jkomplu jikkonsolidaw il-baġit tagħhom, jew biex jirranġaw id-defiċits eċċessivi (fil-parti korrettiva tal-Patt) jew biex jiksbu l-objettivi ta' terminu medju tagħhom (fil-parti preventiva).

Li wieħed jikseb it-taħlita t-tajba ta' politiki għaż-żona tal-euro hija inqas ovvja fin-nuqqas ta' baġit ċentralizzat li jista' jkollu rwol iktar attiv. Anke jekk il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jista' jkollhom rwol importanti fis-sostenn tad-domanda domestika 17 , il-baġit attwali tal-UE huwa relattivament żgħir, b'1% tal-PGD tal-UE, u mhux immirat speċifikament lejn il-bżonnijiet taż-żona tal-euro, b'possibilitajiet limitati għall-aġġustament tiegħu minn sena għall-oħra. Dak l-element ġie enfasizzat ukoll fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa.

5. Il-kompożizzjoni u l-kwalità tal-kwistjoni tal-pożizzjoni fiskali

Il-promozzjoni ta' pożizzjoni fiskali pożittiva mhix biss kwistjoni tad-direzzjoni u tad-daqs tal-bilanċ baġitarju, imma wkoll parti kbira mill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi warajh. Flimkien mal-kwistjoni tar-ripartizzjoni tal-aġġustament fost l-Istati Membri msemmija fuq, huwa għalhekk importanti li tiġi enfasizzata l-kwistjoni tal-kwalità tal-infiq pubbliku u tat-tassazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE speċifiċi għall-pajjiżi jenfasizzaw modi biex ifasslu politika fiskali responsabbli u li tgħin it-tkabbir u jidentifikaw xi wħud mill-oqsma prijoritarji li jibbenefikaw minn iktar infiq u nfiq aħjar jew bidla fit-tassazzjoni fil-livell nazzjonali. Dan huwa partikolarment importanti għall-pajjiżi li jeħtieġu li jindirizzaw id-dgħufijiet fit-tkabbir u/jew ir-riskji tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Madankollu, minkejja l-gwida mogħtija, hemm evidenza li l-kompożizzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali fiż-żmien ta' wara l-kriżi kienet subottimali f’ħafna Stati Membri. B'mod partikolari, l-iktar fl-Istati Membri li diġà kellhom proporzjonijiet ta' introjtu mal-PGD għoljin, il-konsolidazzjoni fiskali bbażat eċċessivament fuq iż-żidiet fit-taxxi, li naqqsu t-tkabbir (ara l-Graff 6 fl-Anness 1). Fl-istess ħin, l-infiq ta' investiment mill-gvern, li tnaqqas severament fost l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fis-snin ta’ wara l-kriżi, jibqa' kompressat (ara l-Graff 7 fl-Anness 1).

Riforma tal-pensjonijiet u tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tista' tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-finanzi pubbliċi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-immodernizzar ulterjuri tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali huwa prijorità kondiviża fid-dawl tal-isfidi l-ġodda - imma anke tal-opportunitajiet - ikkawżati minn bidliet fl-istrutturi familjari, żieda fl-istennija tal-għomor u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. Il-Grupp tal-Euro reċentement qabel dwar għadd ta’ prinċipji li għandhom l-għan li jżidu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet. Huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tqishom fil-proċessi tagħha ta' sorveljanza u tesplora l-iżvilupp ta' punti ta’ riferiment xierqa fuq dik il-bażi 18 .

Titjib fl-oqfsa fiskali nazzjonali jistgħu jrawmu wkoll il-favorabilità għat-tkabbir tal-infiq pubbliku, anke permezz tat-twaqqif ta’ analiżi tal-infiq effiċjenti u ġestjoni aqwa tal-finanzi pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern. Għodod u prattiki bħal dawn huma utli ħafna biex tissaħħaħ il-kredibilità tal-politika fiskali, billi l-qafas tal-UE jiġi internalizzat f'konfigurazzjonijiet politiċi nazzjonali u, b'hekk, jissaħħaħ is-sens ta' responsabbiltà. Il-prinċipji għat-twettiq ta' analiżi tal-infiq li ġew endorsjati reċentement mill-Grupp tal-Euro jipprovdu punt tat-tluq utli ħafna 19 .

Prijorità importanti oħra għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija li ċerti partijiet tal-finanzi pubbliċi tagħhom jirreaġixxu iktar biex jiffaċiltaw l-iżviluppi ċikliċi, u b'hekk tiżdied il-funzjoni tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika tagħhom. Hemm ħafna aspetti tal-finanzi pubbliċi li għandhom proprjetajiet kontroċikliċi u li jassorbu l-iskossi bħall-assigurazzjoni fuq il-qgħad u s-sistemi ta' assistenza soċjali, jew in-natura progressiva tas-sistemi tat-taxxa fuq id-dħul.

Bosta strumenti tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa joffru modi għall-Istati Membri biex ikabbru l-valur finanzjarju tal-interventi pubbliċi tagħhom fl-ekonomija reali, b'benefiċċji domestiċi u f'pajjiżi oħra. Dan ikun pereżempju jekk Stati Membri jagħżlu li jużaw aħjar strumenti finanzjarji innovattivi skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Dan ikun il-każ ukoll meta Stati Membri jiddeċiedu li jagħtu kontribut għall-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Pereżempju, garanziji lill-FEIS huma mod partikolarment effikaċi għall-Istati Membri bi spazju fiskali biex jagħmel tajjeb għall-impenji tagħhom biex jagħtu sehemhom biex jappoġġaw l-irkupru taż-żona tal-euro 20 .

Is-suċċess ta' kull stimolu mmirat lejn żieda fl-investiment jiddependi mid-disponibbiltà tal-proġetti tal-kwalità. Fil-livell Ewropew, Portal ta' Investiment Ewropew ġdid jipprovdi eżempji ta’ proġetti Ewropej ta' interess għall-investiment. Fil-livell nazzjonali, huwa importanti li jsir progress lejn pjanijiet ta' infrastruttura nazzjonali maqbula u kkoordinati fost il-livelli kollha tal-amministrazzjoni, sabiex jiġi żgurat fluss stabbli ta' proġetti ta' kwalità għolja.

6. Konklużjoni

Il-Kummissjoni poġġiet l-impjiegi, it-tkabbir u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-aġenda tagħha. Hija ffukat l-azzjoni tagħha fuq "trijanglu virtuż" ta' politika ekonomika li tgħaqqad it-tnedija mill-ġdid tal-investiment, l-impenn lejn ir-riformi strutturali u politiki fiskali responsabbli. Hija ċċarat u użat il-flessibilità li teżisti fir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, biex tqis aħjar iċ-ċiklu ekonomiku u tipprovdi inċentivi għar-riformi strutturali u l-investiment. Hija pprovdiet gwida konċiża fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tagħha.

Fi stadju fejn l-irkupru għadu fraġli u l-inċertezza hija għolja, hemm bżonn ta' pożizzjoni fiskali sinifikantement iktar pożittiva għaż-żona tal-euro. Dan hu importanti biex tingrana l-ekonomija reali, imma wkoll biex tkun appoġġata l-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fl-istess ħin, orjentazzjoni ta' dan it-tip għandha tibni fuq il-qafas legali stabbilit mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tqis it-tħassib dwar sostenibbiltà fiskali usa', li hija partikolarment rilevanti għal ċerti Stati Membri. Din l-orjentazzjoni l-ġdida għandha tkun parti minn riekwilibriju tat-taħlita ta' prijoritajiet u ta' politiki taż-żona tal-euro, inkluż iffukar ikbar fuq il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.

Fin-nuqqas ta' funzjoni ta' stabbilizzazzjoni fiskali, ma hemm l-ebda mekkaniżmu intern fil-livell tal-UE biex tasal għal pożizzjoni fiskali li tkun xierqa għaż-żona tal-euro kollha filwaqt li tkun ibbilanċjata sew fil-livell tal-Istati Membri. L-applikazzjoni għamja tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, billi jiġu injorati l-elementi ta’ flessibbiltà li fihom, ukoll ma tirriżultax f'eżitu sodisfaċenti, speċjalment fiċ-ċirkostanzi attwali. It-tfassil ta' pożizzjoni fiskali pożittiva hija b'hekk essenzjalment kwistjoni għar-responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Fid-dawl tal-bżonn ta' azzjoni f'dan l-istadju, il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha:

Li tappoġġa l-Grupp tal-Euro, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew fid-diskussjoni tagħhom dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017–2018. Ir-Rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi direzzjoni ġenerali għall-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro u tispeċifika r-ripartizzjoni tal-isforzi skont il-kategoriji differenti ta’ Stati Membri, mhux biss fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali, imma anke tal-aggregat taż-żona tal-euro. L-Istati Membri fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv u l-oħrajn li għad iridu jipprogressaw lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju għandhom ikomplu jagħmlu dan, kif rakkomandat lilhom. L-Istati Membri bi spazju fiskali għandhom jitħeġġew iwettqu politika fiskali iktar espansjonarja, inkluż bl-użu sħiħ tal-għodod tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt fuq l-ekonomija reali, bħall-garanziji għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Li tkompli tapplika l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bl-interpretazzjoni ekonomika prevista mir-regoli, inkluż li jitqiesu l-isfidi u l-prijoritajiet taż-żona tal-euro kollha. Dan l-approċċ huwa rifless ukoll fl-opinjonijiet tal-Abbozzi ta' Pjan Baġitarju għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro adottati llum 21 .

Li tikkomunika ma' kull Stat Membru taż-żona tal-euro, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, biex jiġu riflessi aħjar l-isfidi u l-prijoritajiet għaż-żona tal-euro fil-politiki nazzjonali. Dan ikun partikolarment il-każ għall-Istati Membri soġġetti għal analiżijiet fil-fond bħala parti mill-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku. Ir-rapporti tal-pajjiżi fi Frar li ġej se jintużaw biex jiġi segwit il-progress ta’ kull Stat Membru.

Li tkompli tuża l-istrumenti kollha fil-livell tal-UE, bħal dawk tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, biex timmassimizza l-impatt tal-infiq pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, inkluż b'mod transfruntier, u biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn l-istrateġiji nazzjonali u tal-UE.

Li tiġi rivalutata s-sitwazzjoni regolarment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2017 u t-tbassir ekonomiku futur tiegħu. Il-Kummissjoni hija lesta tuża kull alternattiva disponibbli skont il-qafas fiskali tal-UE f'każ li l-irkupru taż-żona tal-euro jibqa' ristrett jew li jimmaterjalizzaw ruħhom ir-riskji negattivi. Min-naħa l-oħra, riskji ta' soprażbilanċ u politika proċiklika għandhom jiġu evitati, jekk l-irkupru jkun aqwa milli mistenni.

Il-Komunikazzjoni tiffoka essenzjalment fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-2017-2018 imma hija parti minn sforz usa’ tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-interess kollettiv taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha, u biex tapprofondixxi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Unjoni. Mir-Rapport tal-Ħames Presidenti, u l-Komunikazzjoni ta' segwitu mill-Kummissjoni 22 'l hawn, kien hemm xi progress biex "napprofondixxu permezz tal-azzjoni". B'mod partikolari, reċentement twaqqaf Bord Fiskali Ewropew li se jagħti pariri b'mod regolari lill-Kummissjoni fil-futur dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro u dwar l-applikazzjoni tal-qafas fiskali tal-UE.

Il-Kummissjoni se tipproponi aktar orjentazzjonijiet dwar il-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja bħala parti mill-White paper tagħha dwar il-futur tal-Ewropa f'Marzu 2017.

(1)

 Ara COM(2016) 726 final, 16.11.2016. 

(2)

 Ara COM(2016) 725 final, 16.11.2016. 

(3)

 Il-Previżjoni tinstab fl-indirizz: http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2016_autumn_forecast_en.htm  

(4)

 Ara wkoll il-kapitolu dwar “il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro” tal-Bulletin tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ Ġunju 2016.

(5)

 Dawn ir-regoli ġew imsaħħa b’mod sinifikanti tul l-2011–2013 b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u dik tad-dejn sovran.

(6)

 Ara r-rapport fl-indirizz: https://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/5-presidents-report_mt.pdf

(7)

 Eżempji tipiċi jinkludu t-telf ta’ ħiliet li jirriżultaw minn livelli ta’ qgħad għoljin u prolongati u l-ħolqien ta' diskrepanzi kbar fl-investiment, kif esperjenzat fl-Ewropa.

(8)

Komunikat tal-Mexxejja tal-G20 fis-Samit ta' Hangzhou, l-4-5 ta' Settembru 2016. 

(9)

 L-effett kollaterali tal-istimolu fiskali fi Stati Membri tal-UE "kruċjali" ġeneralment jinstab li jkun dgħajjef fi żminijiet normali. Madankollu, dan jista' ma jkunx minnu fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa bir-rata tal-inflazzjoni u dik tal-imgħax persistentement baxxi ħafna. B'mod partikolari, l-investiment pubbliku f'pajjiżi li għandhom surplus jista' jkollu effetti kollaterali pożittivi sinifikanti fuq il-PDG tal-bqija taż-żona tal-euro (ara l-Anness 2).

(10)

 Fl-14 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li testendi ż-żmien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u li żżid il-mira tal-investiment tiegħu għal tal-inqas EUR 500 biljun sa tmiem l-2020, u EUR 630 biljun sal-2022.

(11)

 Ara COM(2016) 601 final, 14.9.2016.

(12)

Espansjoni fiskali ta' dan it-tip tikkorrispondi għal "stimolu" fiskali addizzjonali ta' madwar EUR 50 biljun għaż-żona tal-euro kollha fl-2017, meta mqabbla ma' xenarju fejn "kollox jibqa' l-istess" kif stmat fl-aħħar Tbassir tal-Kummissjoni. L-ammont jikkorrispondi għal żieda fid-defiċit strutturali (inklużi ħlasijiet tal-imgħax) biex tintlaħaq il-pożizzjoni fiskali mixtieqa.

(13)

Pożizzjoni fiskali espansjonarja ta' 0,5% tikkontribwixxi wkoll biex tagħlaq kwart tad-diskrepanza bejn l-inflazzjoni ewlenija mbassra fiż-żona tal-euro u l-objettiv ta' inflazzjoni ta' 2% fl-2017.

(14)

 Il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni huwa d-differenza fil-livell ta' produzzjoni ekonomika bejn dik reali u dik potenzjali.

(15)

 Ir-rekwiżiti fiskali u l-pożizzjoni fiskali riżultanti għaż-żona tal-euro fl-2018 huma mistennija jkunu ġeneralment simili għal dawk għall-2017 peress li jiddependu minn kemm pajjiż jinsab 'il bogħod mill-objettiv fiskali għat-terminu medju tiegħu, il-qagħda ekonomika u l-livell ta' dejn, li mhumiex imbassra li jinbidlu b’mod sinifikanti.

(16)

 Ara COM(2015) 12 final, 13.1.2015.

(17)

 Dawn il-fondi jirrappreżentaw sehem sinifikanti ħafna tal-investiment pubbliku totali f'ħafna Stati Membri, u iktar minn 1% tal-PDG fis-seba' Stati Membri fiż-żona tal-euro f’sena partikolari. Barra minn hekk, il-fatt li dawn jipprovdu dħul regolari ta' appoġġ finanzjarju jfisser li jista' jkollhom ukoll funzjoni ta' stabbilizzazzjoni, speċjalment għal ekonomiji żgħar iktar esposti għall-iskossi.

(18)

 L-istqarrija tal-Grupp tal-Euro dwar il-prinċipji komuni għat-tisħiħ tas-sostenibilità tal-pensjonijiet tinsab hawnhekk: http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/06/16-eurogroup-pension-sustainability/  

(19)

 Ara: http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/eurogroup/2016/09/spending-reviews_commission_note_pdf

(20)

 Il-kontribuzzjonijiet għall-FEIS jistgħu jieħdu l-forma ta’ flus jew garanziji. Filwaqt li kontribuzzjonijiet fi flus, kuntrarjament għall-garanziji, iżidu d-defiċit u d-dejn f'termini statistiċi, dawn ikunu newtralizzati għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(21)

 Ara COM(2016) 730 final, 16.11.2016.

(22)

 Ara COM(2015) 600 final, 21.10.2015.

Top

Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 727 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

LEJN POŻIZZJONI FISKALI POŻITTIVA GĦAŻ-ŻONA TAL-EURO


Anness 1. Evidenza grafika dwar il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro

Graff 1. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro matul l-2011–2017



Il-Graff 1 turi l-orjentazzjoni tal-politika fiskali taż-żona tal-euro fuq l-assi vertikali kif imkejla mit-tibdil fil-bilanċ strutturali primarju (bħal fil-graff fit-test prinċipali tal-Komunikazzjoni) u l-ammont ta’ kapaċità mhux użata fl-ekonomija fuq l-assi orizzontali. L-aggregat taż-żona tal-euro muri f’dan l-Anness jeskludi lill-Greċja, li tinsab fi programm ta’ appoġġ għall-istabbiltà.

Din il-graff turi li filwaqt li l-politika fiskali kienet f'kontrazzjoni fil-perjodu 2011–2014 (meta l-ekonomija kienet sejra għall-agħar), l-orjentazzjoni tagħha saret newtrali u/jew kemxejn favorevoli fl-2015 u l-2016 rispettivament. Għall-2017, kemm l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji (APB) tal-Istati Membri kif ukoll it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2016 tal-Kummissjoni jindikaw pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali.

Il-pożizzjoni fiskali hija wkoll ta’ sikwit espressa f’termini tal-bidla fil-bilanċ strutturali (jiġifieri inkluż il-pagamenti tal-imgħax), speċjalment fil-kuntest tas-sorveljanza fiskali tal-UE. Dan l-indikatur jindika politika fiskali ftit inqas espansjonarja fl-2016 u l-2017, peress li l-infiq fl-imgħaxijiet huwa mbassar li se jonqos ftit f’dawn is-sentejn.



Graff 2. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro mill-2002 'il quddiem

Il-Graff 2 turi l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro, jiġifieri l-orjentazzjoni tal-politika fiskali fuq livell aggregat, minn perspettiva storika.

Din titkejjel bil-bidla fil-bilanċ strutturali primarju. Iċ-ċifri murija għall-perjodu ta’ qabel l-2010 huma biss indikatur u għalhekk ippreżentati għal skopijiet illustrattivi biss, peress li dawn jużaw serje differenti ta’ miżuri "ta’ darba", iddefiniti skont is-sistema l-qadima tal-kont nazzjonali ESA1995.

F’din il-graff, valur pożittiv jikkorrispondi għal defiċit fiskali li jkun qed jikber (li jikkontribwixxi għal “espansjoni fiskali”), filwaqt li valur negattiv jikkorrispondi għal defiċit fiskali li jkun qed jonqos (“konsolidazzjoni fiskali”). L-aggregat taż-żona tal-euro jeskludi lill-Greċja, li tinsab fi programm ta’ appoġġ għall-istabbiltà. Il-valuri għall-2016 u l-2017 huma dawk ibbażati fuq it-Tbassir tal-Ħarifa 2016 tal-Kummissjoni.

Graff 3. Mappa fiskali għaż-żona tal-euro fl-2016


Il-Graff 3 turi kemm l-ħtiġijiet ta’ stabbilizzazzjoni (l-assi vertikali, imkejla bil-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fl-2016) kif ukoll bżonnijiet sostenibbli fl-Istati Membri taż-żona tal-euro (l-assi orizzontali, imkejla bl-indikatur tas-sostenibbiltà "IS" standard, fuq il-bażi tat-Tbassir tal-Ħarifa tal-2016, bis-sena 2016 bħala s-sena bażi).

Żminijiet ekonomiċi tajbin (ħżiena) jitkejlu bil-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fl-2016. L-Istati Membri li jinsabu fin-nofs ta’ fuq tal-graff (fiż-żona “żminijiet ekonomiċi tajbin”) mhumiex fil-bżonn ta’ politika fiskali espansjonarja minħabba li l-ekonomiji tagħhom diġà qegħdin fil-potenzjal tagħhom jew aktar. Dan huwa l-każ ta' IE, LT, LV u MT. (Għall-kuntrarju, dawk il-pajjiżi li jinsabu fin-nofs ta' isfel tal-graff (fiż-żona "żminijiet ekonomiċi ħżiena") qed jiffaċċaw ħtiġiet ta' stabilizzazzjoni. Fi kliem ieħor, hemm bżonn ta' aktar għajnuna mill-politika fiskali biex jiġi kkonsolidat l-irkupru. Dan huwa l-każ taż-żona tal-euro kollha kemm hi kif ukoll ta' CY, ES, FI, FR, IT, LU, NL jew PT fost l-oħrajn.

Id-dimensjoni ta' stabbilizzazzjoni hija kkumplimentata b’dik tas-sostenibbiltà, imkejla tul l-assi orizzontali. B’mod partikolari, in-nofs tal-lemin tal-graff juri pajjiżi bi ħtiġijiet ta’ konsolidazzjoni. Dan ifisser li hija meħtieġa aktar konsolidazzjoni sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Dan huwa l-każ ta’ BE, ES, IE, FI, FR, IT, SI u PT. B’kuntrast għal dan, l-Istati Membri fin-naħa tax-xellug tal-graff qed igawdu ftit spazju fiskali, li jfisser li jistgħu jaffordjaw politika fiskali ta’ espansjoni mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Dan huwa l-każ ta' DE, EE, LU, LV, MT jew NL. Għal DE filwaqt li l-ħtieġa ta' stabilizzazzjoni tidher pjuttost limitata fl-2016, jiġifieri l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni huwa ftit biss negattiv, huwa mbassar li jerġa' jizdied fl-2017, mhux bħall-maġġoranza tal-Istati Membri, speċjalment l-ekonomiji l-kbar, li huma mistennija joqorbu aktar lejn il-potenzjal tagħhom.

Għandu jiġi nnutat li din il-graff timmira lejn direzzjonijiet opposti għal xi ftit pajjiżi li jibbenefikaw minn pożizzjoni fiskali aktar favorevoli fuq terminu qasir, filwaqt li huma kkonfrontati bi kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali mdaqqsa fuq terminu twil. Dan jikkonċerna pereżempju ES, FR u IT, fost l-oħrajn.

Graff 4. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro fl-2017 (% tal-PDG)

Il-Grafika 4 turi kif x'aktarx tkun il-pożizzjoni fiskali għaż-żona tal-euro fl-2017 kif imkejla mill-bidla fil-bilanċ strutturali, fosthom il-bidla fil-pagamenti tal-imgħax 1 . Ir-rekwiżiti attwali huma dawk riflessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) adottati mill-Kunsill f’Lulju 2016. Peress li rakkomandazzjonijiet skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (Excessive Deficit Procedure - EDP, – jiġifieri l-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) jinkludu kemm il-miri nominali kif ukoll l-aġġustamenti strutturali meħtieġa biex dawn jintlaħqu (pereżempju għal pajjiżi bħal Franza jew Spanja), l-aġġustament fiskali meħtieġ huwa muri kemm f’termini tar-rekwiżiti strutturali skont ir-rakkomandazzjoni tal-EDP (aħdar ċar) kif ukoll f'termini ta' aġġustament strutturali li jkun meħtieġ biex tinkiseb il-mira nominali fir-rakkomandazzjonijiet tal-EDP (aħdar skur). Din il-grafika turi li t-twettiq sħiħ tar-rekwiżiti fiskali tas-CSRs jimplika, b’mod aggregat, pożizzjoni fiskali restrittiva għaż-żona tal-euro fl-2017. Xejriet simili jistgħu jiġu preżunti għall-2018 abbażi ta’ rekwiżiti fiskali eżistenti.



Graff 5. Il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro fl-2017: it-tqassim fost l-ekonomiji ewlenin



Il-Grafika 5 turi r-rekwiżiti attwali tas-CSRs għal Stati Membri magħżula, meta mqabbla ma’ dak li jippreżenta l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji (DBPs) tagħhom u dak li jistma l-aktar Tbassir tal-Kummissjoni reċenti, kif imkejjel mill-bidla fil-bilanċ strutturali. Bħal fil-graff 4, l-aġġustament fiskali meħtieġ huwa muri kemm f’termini ta' rekwiżiti strutturali speċifikati fir-rakkomandazzjonijiet EDP (aħdar ċar) kif ukoll f'termini ta' aġġustament strutturali li jkunu meħtieġa biex tinkiseb il-mira nominali tal-EDP (aħdar skur). 

Graff 6. Il-kompożizzjoni kumplessiva tal-aġġustament fiskali 2011–17, iż-żona tal-euro (% tal-PDG)

Il-Graff 6 turi l-Isforz Fiskali Diskrezzjonali (Discretionary Fiscal Effort - DFE), li huwa mod ieħor kif jiġi stmat it-ton tal-politika fiskali. Dan huwa indikatur komplimentari għall-bidla fil-bilanċ strutturali (primarju). Kemm id-DFE kif ukoll il-bidla fil-bilanċ strutturali jindikaw li l-parti l-kbira tal-aġġustament fiskali mwettaq fiż-żona tal-euro matul dawn l-aħħar snin irriżulta minn żidiet fid-dħul aktar milli fil-qtugħ fl-infiq.

Graff 7. Kompożizzjoni tal-aġġustament fiskali: in-naħa tal-infiq 2009–17, iż-żona tal-euro (% tal-PDG)



Il-Graff 7 turi li l-kompressjoni tal-investiment tal-gvern kienet partikolarment kbira u kellha rwol sinifikanti fil-konsolidazzjoni fiskali. Il-Graff 8. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-gvern mill-euro 'l hawn: medja u Stati Membri magħżulin (%)

Il-Graff 8 turi l-evoluzzjoni tad-dejn tal-gvern bħala sehem tal-PDG mill-1999 'il quddiem għall-medja taż-żona tal-euro u għall-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja. Bħala medja d-dejn tal-gvern fiż-żona tal-euro żdied b’mod konsistenti bejn l-2007 u l-2014. Huwa beda jonqos fl-2015 u mistenni li jkompli jonqos fl-2016 u fl-2017. L-iżviluppi tad-dejn tal-gvern u l-livell kumplessiv tiegħu mhumiex l-istess fl-Istati Membri kollha.

Anness 2. Riżultati u l-effetti konsegwenzjali tal-politika fiskali 2

L-impatt tal-politika fiskali fuq l-attività ekonomika u l-effetti konsegwenzjali tagħha fil-pajjiżi taż-żona tal-euro huma suġġett dibattut ħafna, u huma partikolarment rilevanti fid-diskussjoni attwali dwar il-politika ekonomika xierqa għaż-żona tal-euro. Il-mudell (QUEST) użat mis-servizzi tal-Kummissjoni jista’ jservi biex jiġi vvalutat l-impatt tal-espansjoni fiskali fil-pajjiżi b’surplus fuq l-ekonomija taż-żona tal-euro (ara In ‘t Veld 2016). B’mod partikolari, is-simulazzjonijiet jikkunsidraw żidiet iffinanzjati bid-dejn fl-investiment tal-gvern fil-Ġermanja u fin-Netherlands. L-analiżi tassumi li l-politika monetarja fiż-żona tal-euro topera f’ambjent ta’ rata ta’ mgħax ta’ żero għal sentejn. Dan huwa konsistenti mat-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tibqa’ baxxa u inqas mill-mira fl-2017-18.

Is-simulazzjonijiet bil-QUEST juru li l-multiplikaturi fiskali (l-impatt tal-politika fiskali fuq il-PDG) u l-effetti konsegwenzjali (l-impatt fuq il-PDG ta’ pajjiżi oħra) huma ħafna akbar jekk il-politika monetarja topera f’ambjent ta’ rata ta’ mgħax ta’ żero, meta mqabbla ma’ żminijiet normali. Jekk l-inflazzjoni tkun fil-mira u l-ekonomija taż-żona tal-euro tkun qed taħdem b’kapaċità sħiħa (“żminijiet normali”), espansjoni fiskali fil-Ġermanja u fin-Netherlands loġikament iwasslu għal issikkar tal-politika monetarja, fis-sens ta’ żieda fir-rati tal-imgħax. Dan jista’ joħnoq id-domanda privata u jdgħajjef l-effetti pożittivi fuq l-PDG. L-effetti konsegwenzjali fuq il-PDG f'reġjuni oħra fiż-żona tal-euro jkunu negliġibbli minħabba li l-effetti konsegwenzjali kummerċjali pożittivi mill-espansjoni fiskali jiġu paċuti minn domanda domestika aktar baxxa, minħabba rati tal-imgħax ogħla.

Madankollu, fl-istadju attwali, b’rati tal-imgħax ta' żero, il-multiplikaturi u l-effetti konsegwenzjali huma akbar. Fil-każ ta’ effiċjenza għolja fl-investiment pubbliku, f’konformità ma’ studji oħra dwar l-investiment fl-infrastruttura, investiment pubbliku addizzjonali ta’ 1 % tal-PDG fil-Ġermanja u fin-Netherlands sostnut għal 10 sena, jistgħu jżidu l-PDG b’1,1 u 0,9 punti perċentwali, rispettivament. Hemm effett pożittiv kemxejn iżgħar fuq il-PDG għan-Netherlands peress li l-pajjiż huwa karatterizzat minn ftuħ kummerċjali akbar, li jimplika tnixxija akbar tad-domanda minħabba l-importazzjonijiet. Fuq medda ta’ 10 snin, il-PDG reali fil-Ġermanja u fin-Netherlands jiżdied b’aktar minn 2 fil-mija. L-effetti fit-tul fuq il-PDG jaqbżu l-impatt fuq terminu qasir minħabba li l-investiment tal-gvern iżid il-produttività tal-kapital privat u tal-ħaddiema tul perjodu twil ta’ żmien (effett ta' provvista pożittiva).

F’dan ix-xenarju, il-PDG reali f’reġjuni oħra taż-żona tal-euro (Franza, l-Italja, Spanja u l-bqija taż-żona tal-euro) jiżdiedu b’madwar 0,3-0,5 punti perċentwali diġà wara sena waħda. Effetti konsegwenzjali li jirriżultaw mill-effett fil-kummerċ dirett (aktar esportazzjonijiet lejn il-Ġermanja u n-Netherlands) u xi deprezzament fir-rata tal-kambju (aktar esportazzjonijiet ukoll lejn il-bqija tad-dinja).

L-impatt fuq il-finanzi pubbliċi fil-Ġermanja u fin-Netherlands mhuwiex sfavorevoli kif wieħed jista’ jistenna, peress li tkabbir akbar jagħti spinta wkoll lid-dħul mit-taxxi. Id-dejn tal-gvern fil-fatt ikun anqas minn 2 % tal-PDG ogħla fil-Ġermanja wara għaxar snin, u ftit aktar fin-Netherlands, filwaqt li l-proporzjoni tad-dejn fil-bqija taż-żona tal-euro fil-fatt jonqos b’madwar 2 punti perċentwali minħabba l-effetti konsegwenzjali pożittivi fuq l-PDG. F’każ ta’ żieda permanenti fl-investiment pubbliku, il-proporzjonijiet tad-dejn fil-Ġermanja u fin-Netherlands fil-fatt jonqos maż-żmien u l-istimulu jsir awtofinanzjat. 

(1)

 Din hija miżura differenti minn dik użata fil-graff tat-test ewlieni. Hawnhekk hija ppreżentata l-istess kif inhi użata fis-sorveljanza fiskali tal-UE biex tesprimi r-rekwiżiti fiskali, iżda hija xi ftit differenti mill-kunċett tal-“bilanċ strutturali primarju”, li huwa kejl differenti tal-pożizzjoni fiskali (ara wkoll il-Kaxxa 1). Dan tal-aħħar jeskludi l-bidla annwali fil-pagamenti tal-imgħax.

(2)

 Ara In 't Veld, J. (2016): Public Investment Stimulus in Surplus Countries and their Euro Area Spillovers, European Economy Economic Brief 16. Ara wkoll Blanchard, O., Ch. Erceg, J. Lindé (2015): Jump Starting the Euro Area Recovery: Would a Rise in Core Fiscal Spending Help the Periphery?, NBER Working Papers 21426.

Top