Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0646

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara

    COM/2016/0646 final

    Brussell, 4.10.2016

    COM(2016) 646 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara

    {SWD(2016) 323 final}
    {SWD(2016) 324 final}


    Sommarju Eżekuttiv

    Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Ewropa. Il-missjoni tagħna hi li noħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat l-iżvilupp ottimu tagħhom u jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu attivi fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Imma ż-żgħażagħ kienu wkoll dawk li ntlaqtu bl-iktar mod qawwi matul il-kriżi u skont Ewrobarometru riċenti, nofs iż-żgħażagħ Ewropej iħossuhom esklużi u marġinalizzati milli jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-ħajja soċjali u ekonomika.

    Kif qal il-President Juncker fid-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni, "Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tippreserva mhux biss il-mod ta' ħajja Ewropew tagħna iżda tagħti s-setgħa lil dawk li jgħixuh. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-Ewropa hi u tibqa' l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ". Huwa kkonferma wkoll l-impenn li "nkomplu nifirxu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mal-Ewropa, b'titjib tal-ħiliet tal-Ewropej u bi sforz biex nilħqu dawk ir-reġjuni u żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn". Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jkompli jiġi indirizzat b'mod dirett jekk għandna nutilizzaw bis-sħiħ id-dinamiżmu u l-potenzjal tal-poplu tal-Ewropa, u l-istrumenti kollha disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandhom jiġu kompletament mobilizzati. Dan huwa wkoll l-għan tal-Inizjattiva taż-Żgħażagħ il-ġdida mħabbra fl-Ittra ta' Intenzjoni tal-2016 indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kunsill fejn jitkomplew u jiġu rinforzati proċessi eżistenti li jaħdmu u jiġu stabbiliti strumenti ġodda biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li mhumiex koperti biżżejjed. Dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu huma parti minn din l-inizjattiva.

    Sa mill-2013, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom fi strateġija ambizzjuża biex inaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Wara proposta mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha qablu mal-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, li hija impenn politiku, fl-għamla ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' April 2013, biex tagħti liż-żgħażagħ kollha offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew programm ta' taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali. L-istabbiliment tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ sar flimkien mal-gwida tal-politika u l-appoġġ finanzjarju mil-livell tal-UE, speċjalment permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

    Tliet snin wara t-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, hemm 1.4 miljuni inqas żgħażagħ qiegħda fl-UE. Sal-2015, ir-rati annwali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqsu bi 3.4 punti perċentwali għal 20.3 % u l-għadd ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) naqas b'1 punt perċentwali għal 12 % bħala medja fl-UE. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u NEETs huma differenti ħafna fl-UE imma ż-żewġ rati naqsu fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Matul l-istess perjodu, il-qgħad naqas iktar malajr għall-popolazzjoni taż-żgħażagħ milli għall-popolazzjoni adulta, fl-UE fit-totalità tagħha kif ukoll f'ħafna Stati Membri. Dan jissuġġerixxi li r-riformi strutturali tal-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ appoġġati mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ għamlu differenza.

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ saret realtà fl-UE. Minn Jannar 2014, 14-il miljun żagħżugħ daħlu fi skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Madwar disa' miljun żagħżugħ aċċettaw offerta, u l-maġġoranza tagħhom kienu offerti ta' impjieg. Kważi żewġ terzi taż-żgħażagħ li telqu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-2015 aċċettaw offerta ta' impjieg, edukazzjoni, programm ta' taħriġ jew apprendistat. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ iffaċilitat b'mod sinifikanti r-riformi strutturali u l-innovazzjoni fit-tfassil tal-politika fl-Istati Membri. Din hija kkumplimentata b'inizjattivi oħra bħall-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet jew l-Alleanza għall-Apprendistati. Minkejja dan, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' għoli b'mod inaċċettabbli u hemm ħafna sfidi li għad iridu jiġu indirizzati mill-Istati Membri. Ser ikun meħtieġ impenn politiku kontinwu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala riforma strutturali u fit-tul biex effettivament jitgawdew il-benefiċċji tal-ħidma li saret sa issa. Iktar koordinazzjoni interna u tisħiħ tal-kapaċitajiet fost dawk involuti, bħal servizzi pubbliċi tal-impjiegi u fornituri tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, se jikkonsolidaw sħubiji promettenti u jtejbu r-riżultati. U finalment, fadal ħafna iktar xogħol xi jsir biex il-gruppi li diffiċli jintlaħqu u dawk l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jitqarrbu lejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    Ġie mobilizzat appoġġ finanzjarju tal-UE sinifikanti għal dan il-proċess. Matul il-perjodu 2014-2020, il-Fond Soċjali Ewropew se jinvesti direttament mill-inqas EUR 6.3 biljun — flimkien mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ — biex jappoġġa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol taħt l-istess prijorità ta' investiment.

    Barra minn hekk, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), b'riżorsa finanzjarja inizjali ta' EUR 6.4 biljun, għall-ewwel darba pprovdiet appoġġ immirat dirett liż-żgħażagħ NEETs li jgħixu f'reġjuni li jikkombattu rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 %. Fl-2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħaffef l-implimentazzjoni tal-YEI billi żiedet il-prefinanzjament lill-Istati Membri bi kważi EUR 1 biljun. Fuq il-bażi tar-riżultati inizjali u tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet sal-2020, il-Kummissjoni għadha kif ipproponiet li ttawwal il-finanzjament tal-YEI billi żżid EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, biex jitqabbel bl-istess ammont mill-allokazzjoni tal-Fondi Soċjali Ewropej tal-Istati Membri eliġibbli.

    1.Introduzzjoni

    Iż-żgħażagħ għandhom post fuq quddiem fl-aġenda politika tal-UE. Il-politika taż-żgħażagħ tal-UE tagħmel enfasi partikolari fuq iż-żieda tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, iktar parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u ċivika, u tranżizzjoni iktar faċli għall-ħajja adulta, b'mod partikolari l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol. 1

    Fl-2013, f'nofs kriżi li ħalliet impatt gravi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ, l-Istati Membri impenjaw ruħhom f'approċċ komprensiv biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala objettiv partikolari u immedjat.

    Għalhekk ġiet stabbilita l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tipprovdi liż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, jew apprendistat jew programm ta' taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jkunu temmew l-edukazzjoni formali 2 . Permezz tat-titjib tat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol u l-investiment fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ immirat ukoll biex timpedixxi telf ta' potenzjal ta' tkabbir minħabba telf ta' ħiliet, telf ta' koeżjoni soċjali u ħruġ mis-suq tax-xogħol li jirriskja li jħalli impatt qawwi fuq l-ekonomija tal-Ewropa, speċjalment fi żmien ta' tixjiħ mgħaġġel.

    Saru ħafna inizjattivi oħra tal-UE flimkien mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati tnediet fl-2013 biex ittejjeb il-kwalità, il-provvista u d-dehra tal-apprendistati fl-Ewropa. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ ġiet adottata f'Marzu 2014. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ tal-2015 jibni fuq dawn l-inizjattivi billi jippromwovi sħubiji tan-negozju u l-edukazzjoni.

    Tliet snin wara t-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, hemm 1.4 miljun inqas żgħażagħ qiegħda fl-UE u n-numru ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) naqas b'mod sinifikanti, għalkemm ir-riżultati jvarjaw fost l-Istati Membri.

    Il-Figura 1 tipprovdi stampa tar-rati differenti ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE fil-bidu tal-2016 u tenfasizza liema Stati Membri raw l-ikbar tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ mill-2013 'il quddiem. Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ qabżet dik ta' gruppi ta' etajiet oħra sa mill-2013. Għalkemm jista' jkun hemm fatturi oħra li għandhom jiġu kkunsidrati, bħal sensittività ċiklika ikbar taż-żgħażagħ għal kundizzjonijiet makroekonomiċi, ir-riformi strutturali tal-politiki tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ – appoġġati mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ – kienu fatturi li kkontribwew għal dan ir-riżultat. 

    Figura 1: Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE fl-2016
    u bidliet mill-2013-2016

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ saret realtà fl-UE. Mill-2014 'il quddiem saret implimentazzjoni rapida. Minn dakinhar, iktar minn 14-il miljun żagħżugħ daħlu fi skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u medja ta' kważi żewġ miljun żagħżugħ ġew irreġistrati f'xi żmien jew ieħor 3 . Madwar disa' miljun żagħżugħ aċċettaw offerta ta' xogħol, edukazzjoni, programm ta' taħriġ jew apprendistat taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    Fl-2013-2015 ħafna mill-Istati Membr i adottaw għadd kbir ta' riformi tas-suq tax-xogħol immirati għaż-żgħażagħ. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet mhux biss biex ittejjeb il-miżuri kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista għaż-żgħażagħ, iżda serviet ukoll bħala motivatur politiku b'saħħtu għar-riforma. Filwaqt li għamlet dan, iffaċilitat b'mod sinifikanti r-riformi strutturali u l-innovazzjoni fit-tfassil tal-politika, permezz tal-promozzjoni tal-investiment fil-kapital uman u l-konverġenza 'l fuq fl-Istati Membri. Din għenet ukoll biex iżżid is-sħubiji bejn id-dinja tax-xogħol u dik tal-edukazzjoni. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, jenħtieġu sforzi mġedda biex jappoġġaw liż-żgħażagħ li huma l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, jiġifieri l-NEETs li bbenefikaw l-inqas minn dan it-titjib.

    Ġie mobilizzat appoġġ finanzjarju tal-UE sinifikanti b'appoġġ għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI). Il-YEI tnediet fl-2013 b'riżors finanzjarju ta' EUR 6.4 biljun biex tipprovdi — għall-ewwel darba — appoġġ dirett u mmirat lejn żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ li jgħixu f'reġjuni li jikkombattu rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 %. Il-Kummissjoni ddeċidiet tħaffef l-implimentazzjoni tal-YEI billi tipprovdi iżjed prefinanzjament lill-Istati Membri bi kważi EUR 1 biljun fl-2015. Fuq il-bażi tar-riżultati inizjali u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet sal-2020, il-Kummissjoni issa pproponiet li ttawwal il-finanzjament tal-YEI billi żżid EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, biex jitqabbel bl-istess ammont mill-allokazzjoni tal-FSE tal-Istati Membri eliġibbli. Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Fond Soċjali Ewropew — flimkien mal-YEI — se jinvesti direttament mill-inqas EUR 6.3 biljun biex jappoġġa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa.

    Sa mill-2013, il-Bank Ewropew tal-Investiment jipprovdi programm ta' żewġ pilastri intitolat "Impjiegi għaż-Żgħażagħ – Investiment fil-Ħiliet". 4 Il-pilastru ta' "Investiment fil-Ħiliet" jappoġġa investimenti fil-kapital uman (eż. ħiliet relatati max-xogħol u taħriġ fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll taħriġ vokazzjonali, self lill-istudenti u programmi ta' mobbiltà). Matul l-2013-2015, il-BEI ffirma kważi EUR 7 biljuni permezz ta' dan il-pilastru. Barra minn hekk, il-pilastru "Impjiegi għaż-Żgħażagħ" jipprovdi aċċess għal finanzi marbutin mal-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs. Bejn Lulju 2013 u Diċembru 2015, iktar minn EUR 26 biljun ġew allokati lil SMEs benefiċjarji.

    Fl-2013, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-UE talbu lill-Kummissjoni biex "tirrapporta fl-2016 dwar l-implimentazzjoni tal-‘Garanzija għaż-Żgħażagħ’ u dwar it-tħaddim tal-YEI" 5 .
    Din il-Komunikazzjoni hija r-risposta tal-Kummissjoni għal dik it-talba u tirrifletti wkoll messaġġi mill-Kunsill,
    6 mill-Parlament Ewropew 7 , mis-sħab soċjali u mill-partijiet ikkonċernati ewlenin.
    Hija tanalizza l-passi meħuda fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-YEI.

    Il-Komunikazzjoni tivvaluta l-ewwel riżultati u tidentifika l-isfidi, filwaqt li jitqies li f'ċerti Stati Membri, ittieħed iktar żmien biex il-proċessi u l-istrutturi neċessarji jitqiegħdu fis-seħħ biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 8 .

    2.Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ:
    tliet snin wara

    2.1.Implimentazzjoni rapida tal-politika fl-Ewropa

    L-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ħadu forma…

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija riforma strutturali li ġiet implimentata b'mod rapidu madwar l-UE bis-saħħa ta' taħlita bla preċedent ta' momentum politiku qawwi, riżorsi finanzjarji sinifikanti permezz tal-YEI u l-FSE, u mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom fil-livell tal-UE.

    L-Istati Membri kollha ffurmaw l-approċċ strateġiku tagħhom permezz ta' Pjanijiet speċifiċi ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 9 . Dawn inkludew kemm miżuri għal żmien qasir li pprovdew reazzjoni immedjata għal-livelli għolja ta' qgħad u inattività fost iż-żgħażagħ, 10 kif ukoll viżjoni għal riformi strutturali fuq terminu itwal għat-titjib tat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol. L-implimentazzjoni bdiet fl-2014, u l-miżuri ewlenin bdew isiru b'mod gradwali.



    Fatturi ewlenin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 11

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ kwalità tajba, għax-xogħol. għal edukazzjoni kontinwa, għal apprendistat jew għal programm ta' taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jispiċċaw l-edukazzjoni formali.

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkopri ż-żgħażagħ kollha li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs). Madankollu, l-NEETs huwa grupp eteroġenu u jista' jerġa' jinqasam f'żewġ kategoriji wesgħin: L-NEETs qiegħda li jfittxu xogħol b'mod attiv; L-NEETs mhux attivi li ma jkunux qed ifittxu xogħol. In-nuqqas ta' attività tista' tirriżulta minn diversi fatturi, inklużi r-responsabbiltajiet tal-familja u problemi tas-saħħa imma wkoll minn skoraġġiment u nuqqas ta' inċentiv biex jirreġistraw bħala qiegħda 12 .

    Il-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ f'ħafna każijiet taqa' fuq il-ministeru inkarigat għax-xogħol, filwaqt li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi b'mod ġenerali jaġixxu bħala l-punt ta' dħul ewlieni. Fornituri alternattivi (inklużi kmamar tal-kummerċ, l-industrija u s-snajja', ċentri taż-żgħażagħ, istituzzjonijiet u fornituri tal-edukazzjoni u muniċipalitajiet) huma involuti f'madwar terz tal-Istati Membri, u ż-żgħażagħ jistgħu jirreġistraw permezz ta' pjattaformi speċifiċi online tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fi tliet Stati Membri.

    Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom fil-mira ż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, 13-il Stat Membru estendew il-kopertura biex ikollhom fil-mira dawk taħt l-età ta' 30 sena. F'ħafna mill-Istati Membri, il-limitu ta' żmien biex toħroġ offerta hija stabbilita għal erba' xhur, b'mod konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Eżempji tipiċi ta' offerti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jinkludu:

    1.impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ (issussidjat jew le), impjieg indipendenti appoġġat permezz ta' sussidji tal-bidu u ddedikati;

    2.opportunitajiet ta' edukazzjoni inkluż taħriġ relatat max-xogħol, dħul mill-ġdid fis-sistema edukattiva regolari, ħolqien ta' rabta bejn il-korsijiet li jappoġġaw dan id-dħul mill-ġdid, edukazzjoni li tagħti ċans ieħor;

    3.apprendistati; u

    4.programmi ta' taħriġ.



    …filwaqt li jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta' NEETs, flimkien ma' konverġenza ikbar…

    Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ tjiebet b'mod sinifikanti mill-2013, li kien punt ta' tibdil fit-treġġigħ lura ta' indikaturi ewlenin (ara l-Figura 2 ta' hawn taħt). Sal-2015, ir-rati annwali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienu naqsu bi 3.4 punti perċentwali għal 20.3 % u n-numru ta' NEETs kien naqas b'punt perċentwali wieħed għal 12 % bħala medja fl-UE. Mit-treġġigħ lura tax-xejriet fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ fl-2014, ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u NEETs naqsu fil-maġġor parti tal-Istati Membri tal-UE. Madankollu, ix-xejriet NEETs għal xi Stati Membri bl-ogħla rati fl-2013, b'mod partikolari l-Italja u r-Rumanija, ma rawx xi bidla kbira. B'mod ġenerali, t-tnaqqis fir-rata NEETs fil-livell tal-UE jidher li kien ikun dovut għaż-żewġ tranżizzjonijiet lejn l-edukazzjoni avvanzata jew lejn l-impjieg, b'xi differenzi fl-Istati Membri.

    Figura 2: Rata ta' impjieg, proporzjon ta' qgħad, NEETs, persuni li jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien u r-rata tal-qgħad fl-UE, 2008-2015

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet biex issaħħaħ id-domanda tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ u tappoġġa l-miżuri għall-ħolqien tal-impjiegi. Fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ħafna mill-Istati Membri użaw sussidji ta' reklutaġġ, f'ħafna minnhom b'appoġġ mill-fondi tal-UE. L-effettività ta' dawn l-iskemi tjiebet ukoll grazzi għal fokus ikbar fuq l-immirar, it-taħriġ, u s-segwitu ta' żgħażagħ appoġġati minn sussidji ta' reklutaġġ.

    …iwasslu għal riformi sinifikanti tal-politika u innovazzjoni fit-tfassil tal-politika…

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ aġixxiet bħala xprunatur qawwi tal-politika, li jikkumplimenta l-użu ta' strumenti makroekonomiċi u politiki oħrajn biex jinkoraġġixxi l-impjieg taż-żgħażagħ. Ħafna mill-Istati Membri diġà kellhom fis-seħħ firxa ta' politiki rilevanti ta' impjieg taż-żgħażagħ qabel l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Madankollu, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tibda tiffoka fuq l-intervent bikri u NEETs li mhumiex irreġistrati 13 u b'hekk taffettwa t-tfassil tal-politika u t-twassil. Barra minn hekk, billi teħtieġ li s-servizzi u l-programmi jinġiebu flimkien u jitwasslu f'perjodu ta' żmien speċifiku u permezz ta' sħubiji sistematiċi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ kienet xprunatur għal bidla f'ħafna Stati Membri. Fl-2013-2015, l-Istati Membri adottaw total ta' 132 riforma tas-suq tax-xogħol immirati lejn iż-żgħażagħ, li għamlu enfasi qawwija fuq il-politiki tal-impjieg taż-żgħażagħ 14 .

    L-Istati Membri jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi skont il-grad li fih il-Garanzija għaż-Żgħażagħ aġixxiet bħala motivatur għar-riformi. Dan it-tqassim fi gruppi jikkunsidra l-punti ta' tluq differenti f'termini ta' kuntest istituzzjonali u kundizzjonijiet makroekonomiċi tal-Istati Membri fiż-żmien meta ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni 15 .

    - Grupp A (riforma aċċellerata): il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ipprovdiet impetu ġdid u aċċellerat l-iżviluppi politiċi f'għadd ta' Stati Membri, speċjalment f'dawk li qed jiffaċċjaw sfidi kbar u jirċievu appoġġ finanzjarju sinifikanti tal-UE (BE, BG, FR, HR, HU, IT, LT, LV, PL, PT, SI), għalkemm l-istadji ta' implimentazzjoni jistgħu jvarjaw.

    -Grupp B (qafas imsaħħaħ tal-politika): il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet biex issaħħaħ politiki stabbiliti sew permezz tat-tkabbir jew aġġustament tal-miżuri eżistenti fl-Istati Membri li diġà kellhom strumenti komprensivi fis-seħħ li huma ġeneralment konformi mar-Rakkomandazzjoni (AT, DE, DK, EE, FI, IE, LU, MT, NL, SE, UK).

    -Grupp C (sal-lum, ir-riforma hija iktar limitata): il-bidliet kienu iktar limitati bħala riżultat ta' varjetà ta' fatturi inklużi prijoritizzazzjoni iktar baxxa, dewmien jew nuqqas ta' kontinwità fil-miżuri ewlenin, jew fokus fuq skemi li kienu jeżistu qabel (CY, CZ, EL, ES, RO, SK).

    Dejta speċifika għall-pajjiż fuq il-kisbiet li saru s'issa, miżuri ewlenin, l-isfidi li baqa' u, fejn rilevanti, l-implimentazzjoni tal-YEI hija ppreżentata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni 16 .

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet biex tkisser il-konfini madwar l-oqsma ta' politika u tibni sħubiji vijabbli. Il-koordinazzjoni fost is-setturi tal-politika tal-impjieg, tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ żdiedet, notevolment bħala riżultat tal-impetu maħluq mill-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Istati Membri. Sħubiji ġodda ġew stabbiliti mal-s-sħab soċjali u s-servizzi taż-żgħażagħ, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. B'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kienu involuti fit-tfassil u t-twassil tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, għalkemm fi gradi differenti fl-Istati Membri.

    Riformi sinifikanti ta' apprendistati u ta' programm ta' taħriġs għenu jippreparaw aħjar liż-żgħażagħ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jibnu ħiliet rilevanti, iżda għenu wkoll biex jissaħħaħ l-impenn tal-komunità kummerċjali. Nofs l-Istati Membri wettqu — jew jirrapportaw li jippjanaw li jwettqu — bidliet legali biex jallinjaw il-qafas nazzjonali tagħhom mal-Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ wara l-adozzjoni tiegħu fl-2014 17 . Kważi l-Istati Membri kollha ħadu azzjoni biex tittejjeb il-kwalità, il-provvista, jew l-attraenza tal-apprendistati, fl-ispirtu tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mnedija f'Lulju 2013. L-impenn mill-komunità tan-negozju kien kruċjali u wassal għal impenji ġodda, pereżempju taħt il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ (ara t-Taqsima 3.3).

    Il-maġġoranza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tejbu l-immirar tas-servizzi tagħhom u espandew l-offerta eżistenti tas-servizz tagħhom għaż-żgħażagħ; żewġ terzi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi stabilixxew miri speċifiċi għas-servizzi tagħhom orjentati lejn iż-żgħażagħ 18 . Saret enfasi partikolari fuq l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istrutturi u ż-żieda fil-personalizzazzjoni tal-konsulenza. Il-kapaċità tal-persunal ġiet imsaħħa wkoll, permezz ta' taħriġ speċifiku pprovdut minn iktar minn nofs is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-2014. Barra minn hekk, l-Istati Membri wessgħu l-ambitu ta' appoġġ permezz ta' kollokamenti qosra waqt studji jew f'impjieg, u approċċi ta' perkorsi lejn dawk li huma l-iktar diffiċli biex jintlaħqu.

    L-enfasi fuq l-intervent bikri u NEETs mhux reġistrati enfasizzat nuqqasijiet eżistenti fit-twassil tas-servizzi u żgurat fokus ġdid fuq l-outreach. Ħafna mill-Istati Membri ħeġġu liż-żgħażagħ biex jirreġistraw ma' fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u żewġ terzi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi involuti f'ħidma ta' outreach meta jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Iż-żieda fil-kuxjenza, l-aċċessibbiltà u l-firxa tas-servizzi kienet strumentali f'dan ir-rigward, permezz tal-iżvilupp mhux biss ta' reġistrazzjoni online u kampanji mmirati iżda wkoll ta' punti uniċi ta' servizz, sevizzi mobbli jew deċentralizzati u xogħol proattiv ma' firxa usa' ta' msieħba. Filwaqt li r-riżultati qed isiru viżibbli fuq il-post, l-iskemi tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ għadhom ma laħqux liż-żgħażagħ kollha li saru qiegħda jew telqu mill-iskola.

    Eżempji ta' miżuri jew riformi ta' politika taħt l-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    F'Mejju 2013 fil-Belġju, ir-reġjun ta' Brussell nieda "Programm ta' Taħriġ ta' Tranżizzjoni" immirat lejn żgħażagħ li qed ifittxu impjieg u studenti li għandhom livell baxx ta' edukazzjoni. Dan jiffoka partikolarment fuq ikkowċjar u s-segwitu. Tnax-il xahar wara t-tmiem tal-programmi ta' taħriġ, l-outputs pożittivi totali (inkluż l-impjieg u r-ritorn għall-edukazzjoni) laħqu 73 % għat-trainees, kontra 47 % fi grupp ta' kontroll.

    Fil-Bulgarija, fl-2015 ġie stabbilit netwerk ta' medjaturi taż-żgħażagħ biex jilħqu NEETs mhux reġistrati fl-ambjent dirett tagħhom u jattivawhom. Il-medjaturi taż-żgħażagħ jaġixxu bħala intermedjarji ma' istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi soċjali, tas-saħħa, edukattivi u servizzi oħra. Matul il-perjodu Mejju-Diċembru 2015, il-medjaturi taż-żgħażagħ ikkonsultaw 5 078 żagħżugħ u żagħżugħa.

    Fl-2015, il-Finlandja nediet punti uniċi ta' servizz f'35 muniċipalità, iffinanzjati prinċipalment permezz tal-FSE, b'finanzjament nazzjonali addizzjonali. Dawn jimmiraw biex isaħħu u jissimplifikaw is-servizzi għaż-żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena permezz ta' pariri u gwida personali, appoġġ fil-ġestjoni tal-ħajja, ippjanar tal-karriera, ħiliet soċjali, u appoġġ fl-edukazzjoni u l-impjieg.

    Fl-Italja, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ wasslet għal bidliet li kienu riflessi fir-riformi usa' mibdija mill-Att dwar l-Impjiegi. L-għadd ta' żgħażagħ reġistrati mal-iskema żdied b'mod kostanti sakemm laħaq iktar minn miljun sal-1 ta' Marzu 2016.

    Fil-Latvja, il-proġett "Know and Do" jappoġġa ħidma ta' outreach fil-livell muniċipali. Dan jimmira li jidentifika, jimmotiva u jattiva l-NEETs mhux reġistrati li għandhom bejn 15-29 sena biex jirritornaw għall-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ. Mibdi fil-ħarifa tal-2015 permezz ta' appoġġ tal-FSE, huwa jimmira li jappoġġa 5 260 żagħżugħ u żagħżugħa.

    Fis-Slovenja, il-programm First Challenge tal-2015 jimmira li jappoġġa sa 2 859 żagħżugħ u żagħżugħa ta' 15-29 sena biex isibu xogħol permezz ta' impjieg sussidjat għal perjodu ta' 15-il xahar, bl-appoġġ tal-YEI u l-FSE.

    Is-sistema ta' apprendistat fi Spanja għaddiet minn riformi strutturali sinifikanti, li wasslu għal żieda fin-numru ta' apprendisti minn 4 000 għal 15 000 fi tliet snin biss (bejn l-2013 u l-2016). Matul l-istess perjodu, in-numru ta' intrapriżi li jipparteċipaw fit-taħriġ ta' apprendistat kiber minn bilkemm 500 għal 5 660.

    … u progress fl-għoti ta' offerti…

    14-il miljun żagħżugħ daħlu fi skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ sa minn Jannar 2014. Madwar disa' miljun żagħżugħ aċċettaw offerta, li l-maġġoranza tagħhom kienu offerti ta' impjieg 19 . B'mod ġenerali, kważi żewġ terzi taż-żgħażagħ li telqu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-2015 għamlu dan billi aċċettaw offerta ta' impjieg, edukazzjoni, programm ta' taħriġ jew apprendistat. Mill-offerti kollha li saru matul il-perjodu ta' erba' xhur, il-maġġoranza kienu għal impjieg (70.2 %), segwiti minn edukazzjoni (13.6 %), programmi ta' taħriġ (12.1 %) u apprendistati (4.1 %) (Figura 3).



    Figura 3: Distribuzzjoni ta' ħruġ pożittiv u f'waqtu skont it-tip ta' offerta, 2015 (%)

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 20

    Fatturi ta' suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    Tliet snin wara l-implimentazzjoni tagħha, il-fatturi li ġejjin huma ċentrali fl-għoti ta' suċċess tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ:

    -appoġġ istituzzjonali b'saħħtu u koordinazzjoni interna;

    -strateġiji ta' outreach li jġibu iktar żgħażagħ fl-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ;

    -punt uniku ta' kuntatt li jgħin biex jiġu pprovduti servizzi mfassla apposta speċifiċi għall-bżonnijiet tal-persuna;

    -tneħħija tal-ostakli bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol f'approċċ ta' sħubija;

    -sistemi moderni ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jipprovdu l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol; u

    -involviment iktar qawwi tal-impjegaturi.

    …għalkemm fadal iktar xi jsir biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkunu appoġġati mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, huma meħtieġa iktar sforzi biex jiġu appoġġati dawk iż-żgħażagħ li huma l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, jiġifieri l-NEETs li tradizzjonalment kienu l-iktar diffiċli biex jintlaħqu (anke qabel il-kriżi) u li bbenefikaw l-inqas minn titjib sal-lum. B'mod partikolari, dan huwa l-każ għal dawk li jaffaċċjaw il-faqar, l-esklużjoni soċjali, id-diżabbiltà u d-diskriminazzjoni, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi jew li għandhom sfond ta' migrazzjoni. It-tnaqqis fir-rati NEETs jirriżulta primarjament minn tnaqqis fil-livell ta' NEETs li qed ifittxu impjieg, pjuttost milli NEETs li mhumiex attivi, li huma maqtugħin mis-suq tax-xogħol. Fl-2013, il-proporzjon ta' NEETs li kienu qed ifittxu impjieg fl-UE qabeż dak ta' NEETs inattivi, filwaqt fl-2015 iż-żewġ kategoriji laħqu l-istess livell. Dan jissuġġerixxi li l-politiki setgħu appoġġaw lil NEETs qiegħda iktar malajr imma jdumu iktar biex effettivament iġibu lil NEETs inattivi lura lejn l-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Madankollu, f'xi Stati Membri, pereżempju f'Ċipru, l-Ungerija u l-Portugall jista' jidher tnaqqis fir-rata ta' NEETs inattivi.

    2.2.Sinjali tal-impatt tal-bidliet strutturali appoġġati mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    L-istudju tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ f'termini ta' riżultati tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ jeħtieġ analiżi tal-istat attwali tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ qabel l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u kif is-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ inbidel mill-2013 meta dehru l-ewwel sinjali ta' rkupru ekonomiku 21 .

    Minkejja li r-riżultati għandhom jiġu kkunsidrati b'kawtela, peress li l-prestazzjoni komparattivament aħjar ta' dawn l-indikaturi tista' wkoll parzjalment tiġi attribwita għas-sensittività ċiklika ikbar taż-żgħażagħ għall-kundizzjonijiet makroekonomiċi, ir-riżultati tal-analiżi jissuġġerixxu li t-titjib strutturali appoġġat mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ kien fattur li jikkontribwixxi. Għalkemm il-qgħad fil-popolazzjoni adulta naqas matul dak il-perijodu, dan sar komparattivament iktar għall-popolazzjoni taż-żgħażagħ milli għall-popolazzjoni adulta, fl-UE fit-totalità tagħha kif ukoll f'ħafna Stati Membri. Riżultati pożittivi jistgħu jiġu osservati b'mod partikolari fil-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

    Il-proċess tas-Semestru Ewropew juri progress sostnut kważi f'kull Stat Membru li rċieva rakkomandazzjonijiet taż-żgħażagħ speċifiċi għall-pajjiż fl-2013 u l-2014 kif imsemmi fil-konklużjonijiet ta' reviżjoni tal-EMCO tal-2015 u r-Rapporti tal-Pajjiżi tal-Kummissjoni tal-2016.

    Barra minn hekk, il-valur miżjud iġġenerat mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet rikonoxxuta f'ħafna rapporti esterni u evalwazzjonijiet li huma elenkati fl-Anness.

    2.3. Appoġġ finanzjarju tal-YEI: għodda għall-bidla

    F'ħafna mill-Istati Membri, l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet appoġġata mill-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE fuq l-aspetti kollha ta' skemi nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u riformi strutturali relatati. Flimkien, il-YEI u l-FSE qed jinvestu direttament mill-inqas EUR 12.7 biljun f'miżuri ta' integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

    Fatturi ewlenin tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ) 22

    Il-YEI, riżors finanzjarju tal-Unjoni ta' EUR 6.4 biljun, qed japoġġa direttament liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ f'reġjuni b'rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 % fl-2012. Din tikkumplimenta lill-FSE li tappoġġa kemm lin-nies kif ukoll ir-riformi strutturali tas-sistemi u s-servizzi ewlenin.

    L-20 pajjiż eliġibbli għall-YEI huma: BE, BG, CY, CZ, EL, ES, FR, HR, HU, IE, IT, LV, LT, PL, PT, RO, SI, SK, SE, UK.

    Sabiex titħaffef il-mobilizzazzjoni ta' azzjonijiet iffinanzjati mill-YEI fuq il-post, ir-riżorsi kollha tal-YEI ġew impenjati fil-baġit tal-UE għall-ewwel sentejn (2014/15) taċ-ċiklu finanzjarju 2014-2020. Bosta mill-Istati Membri benefiċjarji prinċipali talbu likwidità finanzjarja ikbar biex jiffaċilitaw tnedija rapida tal-azzjonijiet YEI fuq il-post. Dan wassal għal emenda tar-Regolament tal-FSE 23 u li l-Kummissjoni rrilaxxat madwar EUR 1 biljun lill-Istati Membri fl-2015 fil-forma ta' prefinanzjament addizzjonali.



    Il-YEI hija sors ewlieni ta' finanzjament tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ…

    Fl-20 Stat Membru eliġibbli, il-YEI tikkostitwixxi mekkaniżmu ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. F'xi każijiet, hija tintuża biex tappoġġa ħafna mill-miżuri jew il-miżuri kollha taħt l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Pereżempju, fi Spanja 80 % tal-azzjonijiet kollha tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma ffinanzjati permezz tal-YEI. Fi Stati Membri oħra, din hija sors ta' finanzjament addizzjonali li jintuża biex jikkumplimenta oħrajn.

    L-Istati Membri jużaw il-YEI biex jappoġġaw azzjonijiet ewlenin relatati mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Hemm enfasi qawwija fuq il-forniment ta' esperjenza tal-ewwel xogħol, taħriġ prattiku, apprendistati u edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità. Barra minn hekk, iktar minn nofs l-Istati Membri eliġibbli kollha jappoġġaw imprendituri żgħażagħ jew joffru miżuri ta' mobbiltà ta' impjieg u taħriġ. F'xi Stati Membri 24 il-YEI qed tappoġġa l-istrumenti finanzjarji li jipprovdu self u garanziji liż-żgħażagħ biex jibdew jaħdmu għal rashom u jwaqqfu n-negozju tagħhom stess.

    Il-YEI hija ffokata sew, peress li hija mmirata lejn reġjuni u gruppi ta' żgħażagħ speċifiċi (eż. dawk iż-żgħażagħ barra kemm mis-suq tax-xogħol kif ukoll mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ). Indikaturi speċifiċi tar-riżultati jaġixxu bħala xprunatur addizzjonali ta' kwalità tal-azzjonijiet, u jsaħħu l-orjentazzjoni tar-riżultat tal-interventi tal-YEI meta mqabbla ma' azzjonijiet oħra appoġġati b'fondi tal-UE. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet nazzjonali f'diversi Stati Membri jenfasizzaw il-fatt li l-YEI wasslet għal enfasi aktar b'saħħitha fuq l-għajnuna individwalizzata.

    … u l-implimentazzjoni fuq il-prattika bdiet iżżid kemm fil-kopertura kif ukoll fl-implimentazzjoni finanzjarja…

    Sal-lum, l-azzjonijiet tal-YEI appoġġaw iktar minn 1.4 miljun żagħżugħ u żagħżugħa 25 . Għalkemm ir-rappurtar fuq ir-riżultati ta' suċċess huwa possibbli biss meta jitlesta l-intervent, ħafna evalwazzjonijiet nazzjonali 26 diġà juru li ż-żgħażagħ li jkunu temmew intervent YEI tejbu b'mod sinifikanti l-probabbiltà li jsibu impjieg jew li jkomplu l-istudji tagħhom wara (eż. CY, EL, FR, IT, LV, PL, SE). B'mod importanti, l-awtoritajiet ta' ġestjoni jesprimu wkoll livell għoli ta' kunfidenza rigward il-kisba tal-għanijiet tal-YEI. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri l-miżuri huma f'domanda ogħla milli mistennija minħabba l-interess dejjem jiżdied fost iż-żgħażagħ.

    Bħalissa għaddej l-iskjerament ta' miżuri taħt il-YEI f'ħafna mill-Istati Membri. L-implimentazzjoni tal-YEI għamlet progress sinifikanti fit-tieni nofs tal-2015 u speċjalment fl-2016. Sa tmiem Lulju 2016 l-Istati Membri eliġibbli kienu għażlu operazzjonijiet li ammontaw għal iktar minn EUR 4 biljun, li diġà huma għaddejjin jew li inkella huma mistennijin li jibdew dalwaqt. Dan jikkostitwixxi żieda ta' kważi EUR 2 biljuni minn Marzu 2016. Nofs dawn l-Istati Membri, impenjaw kważi l-baġit tal-YEI kollu tagħhom. Barra minn hekk, ukoll sal-aħħar ta' Lulju 2016, il-benefiċjarji kienu talbu EUR 800 miljun għal rimborż mill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-YEI. Rigward ir-rimborż tan-nefqa lill-Istati Membri mill-Kummissjoni, sal-aħħar ta' Awwissu 2016, l-Istati Membri kienu talbu r-rimborż ta' EUR 682 miljun tan-nefqa tal-YEI. Iktar minn 70 % ta' dawn it-talbiet għall-ħlas diġà ġew rimborżati mill-Kummissjoni (u ħlasijiet ulterjuri huma fil-proċess li jiġu rimborżati). Billi l-istrutturi tal-YEI huma mwaqqfa, l-implimentazzjoni qed taqbad ritmu tajjeb f'ħafna Stati Membri. Il-prijorità issa hija li tiġi segwita, u fejn meħtieġ, tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-YEI.

    …minkejja dewmien inizjali fl-implimentazzjoni…

    Minkejja l-konċentrazzjoni fil-bidu tagħha għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta' programmazzjoni, fil-fażi inizjali tagħha l-implimentazzjoni tal-YEI ma ssodisfatx l-aspettattiva politika li l-miżuri jitniedu malajr. Dan kien l-iktar minħabba n-nuqqas ta' tħejjija min-naħa tal-Istati Membri li jfasslu u jniedu miżuri rilevanti ta' impjiegi taż-żgħażagħ, u l-proċess twil tat-twaqqif ta' sistemi ta' implimentazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ġodda.

    L-obbligi ġodda li joħorġu mill-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), li japplikaw ugwalment għall-YEI, kienu fattur importanti fil-bidu bil-mod inizjali. B'mod partikolari, l-Istati Membri esperjenzaw dewmien fit-tlestija tat-twaqqif tas-sistemi ta' monitoraġġ u l-istrutturi ta' ġestjoni tal-programm (definit fil-qafas legali bħala "nomina tal-awtoritajiet"). Madankollu, il-proċess tan-"nomina tal-awtoritajiet" issa tlesta għall-maġġor parti tal-programmi operattivi appoġġati mill-YEI.

    L-Istati Membri qed jiffinanzjaw miżuri ta' impjieg taż-żgħażagħ bil-flus disponibbli kemm miċ-ċiklu ta' programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll miċ-ċiklu ta' programmazzjoni 2014-2020. L-implimentazzjoni parallela tagħhom wasslet għal sfidi fil-kapaċità rigward l-ipproċessar tal-verifika tan-nefqa u ċ-ċertifikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.

    Konsegwentement, bosta Stati Membri ma setgħux jużaw il-prefinanzjament tal-YEI addizzjonali ta' EUR 930 miljun ipprovdut fl-2015 27 . Madankollu, dawn għadhom jużaw il-flus disponibbli fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. L-għadd kbir ta' żgħażagħ diġà koperti mill-miżuri tal-YEI juri wkoll li l-introduzzjoni tal-operazzjonijiet fuq il-post ma ġietx imfixkla b'mod sinifikanti. Fi kwalunkwe każ, iktar minn nofs l-Istati Membri jqisu li ż-żieda ta' 30 % fil-prefinanzjament imħallas fl-2015 kellha impatt pożittiv. Din ippermettiet lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jimpenjaw iktar fondi lill-proġetti eżistenti u/jew iniedu numru ikbar ta' proġetti ġodda 28 .

    …filwaqt li l-fondi tal-FSE jikkumplimentaw lill-YEI u jservu biex jappoġġaw il-miżuri strutturali

    Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-FSE flimkien mal-YEIse jinvesti direttament mill-inqas EUR 6.3 biljun biex jappoġġa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

    Barra minn hekk, għall-perjodu 2014-2020 l-Istati Membri allokaw madwar EUR 27 biljun għall-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. B'mod simili, iż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi fil-mira ewlenin tal-investiment tal-FSE fl-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti, li jammonta għal iktar minn EUR 2 biljuni.

    Barra minn dan, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jkun disponibbli biex jappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intraprenditorija u l-miżuri tan-negozju tal-bidu għaż-żgħażagħ, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet kif stipulat fil-Programmi Operazzjonali nazzjonali u/jew reġjonali 29 .

    Fl-aħħar nett, ir-riformi strutturali tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istati Membri meħtieġa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma appoġġati finanzjarjament mill-FSE wkoll, kemm fl-Istati Membri eliġibbli għall-YEI kif ukoll għal dawk mhux eliġibbli għall-YEI. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 dan jammonta għal madwar EUR 1 biljun.

    L-investimenti tal-FSE ta' hawn fuq jikkostitwixxu finanzjament kumplimentari importanti li huwa kruċjali biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fit-28 Stat Membru kollha u għalhekk lil hinn mill-20 pajjiż eliġibbli għall-YEI.

    iżda għad fadal ħafna bżonnijiet u jenħtieġu iktar finanzjamenti li jappoġġaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol

    Għadd ta' reġjuni tal-UE għad għandhom bżonn ta' appoġġ taħt il-YEI. L-applikazzjoni tal-iktar dejta annwali riċenti dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ (2015) biex jiġu determinati r-reġjuni eliġibbli għall-YEI turi li sal-lum,14-il-Stat Membru mill-20wieħed eliġibbli attwali jikkwalifikaw għal appoġġ tal-YEI. Barra minn hekk, l-Istati Membri bl-ogħla numru ta' żgħażagħ qiegħda fil-livell reġjonali (40-50 %) jibqgħu l-istess. Diversi Stati Membri (b'mod partikolari l-Italja, il-Portugall, u Franza) indikaw li huma jikkunsidraw l-kontinwazzjoni tal-YEI bħala essenzjali biex jintlaħqu l-miri ta' politika ambizzjużi li jkunu stabbilixxew għalihom infushom fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, u li huma diġà użaw ir-riżorsi kollha tal-YEI disponibbli għalihom.

    Għaldaqstant, minħabba l-livelli għoljin persistenti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'ħafna reġjuni u l-ewwel riżultati inkoraġġanti murija, il-Kummissjoni pproponiet li tissupplimenta l-allokazzjoni oriġinali tal-YEI b'EUR 1 biljun matul 2017 – 2020 (b'EUR 1 biljun ieħor ta' finanzjament pariġġ li għandu jkun ipprovdut mill-Fond Soċjali Ewropew), biex b'hekk jintlaħaq ammont totali ta' EUR 8.4 biljun mit-tnedija tal-inizjattiva 30 . Minbarra dan, kif imħabbar fl-aġġustament tekniku tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2017 31 , il-Kummissjoni kienet ukoll involuta f'diskussjonijiet mal-Istati Membri li jibbenefikaw l-iktar mill-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni bil-għan li l-ammonti addizzjonali, fost affarijiet oħra, jiġu ffukati fuq miżuri biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

    3.Il-mobilizzazzjoni ta' firxa ta' strumenti fil-livell tal-UE biex l-Istati Membri jiġu appoġġati u jiġi ssorveljat il-progress

    3.1.Momentum politiku qawwi u appoġġ tal-politika tal-UE

    L-istrumenti fil-livell tal-UE tejbu l-kapaċità li jingħataw Skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ…

    Momentum politiku qawwi, flimkien ma' appoġġ politiku tal-UE u mekkaniżmi ta' tagħlim reċiproku, għenu lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ il-qafas istituzzjonali t-tajjeb u jitgħallmu mill-esperjenza ta' xulxin. Il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern reġgħu affermaw l-impenji tagħhom f'dan il-qasam waqt it-tliet laqgħat apposta f'Berlin, Pariġi, u Milan fl-2013-2014. Dawn il-Konferenzi tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ għenu biex jissolidifikaw sens kondiviż ta' responsabbiltà u jiskambjaw esperjenzi u ideat mal-Ewropa kollha dwar kif għandu jiġi stimulat il-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ u jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun mgħammra aħjar u kkwalifikata biex tiffaċċja l-futur. F'Ġunju 2013, is-sħab soċjali nnegozjaw Qafas ta' Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ u wettqu firxa ta' azzjonijiet f'dan il-kuntest 32 .

    Il-Programm ta' Tagħlim Reċiproku tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi tejjeb it-tagħlim transnazzjonali permezz ta' serje ta' reviżjonijiet bejn il-pari 33 . Netwerk ta' koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ iservi biex jiffaċilita skambju kontinwu 34 . Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ kienet ukoll prijorità fuq l-aġenda tan-netwerk Ewropew tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, 35 u tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi speċjalizzati għaż-żgħażagħ.

    Għodod ta' politika apposta pprovdew appoġġ utli lill-Istati Membri biex jindirizzaw sfidi speċifiċi. Il-Kummissjoni nediet paġna web tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, 36  organizzat seminar ta' ħidma dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u konferenza ta' livell għoli, u pprovdiet servizz ta' konsulenza apposta dwar it-twaqqif ta' skemi ta' apprendistati u skemi ta' programmi ta' taħriġ fl-2013 u l-2014. Sa mill-2015, proġett konġunt bejn il-Kummissjoni u l-ILO jipprovdi appoġġ imfassal apposta dwar it-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali biex jiġu vvalutati u jingħataw skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni mexxiet direttament ukoll 18-il proġett pilota ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ f'seba' Stati Membri fl-2013 37 . Barra minn hekk, fl-2015, il-Kummissjoni pprovdiet sett ta' miżuri ta' outreach u ta' sensibilizzazzjoni biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jirreġistraw mal-fornituri lokali tagħhom u ppruvathom f'erba' Stati Membri. Massimu ta' disa' Stati Membri addizzjonali se jiġu appoġġati fl-attivitajiet ta' outreach tagħhom fl-2016-2017.

    … filwaqt li jassistu wkoll lill-Istati Membri fit-tnedija ta' interventi ffinanzjati mill-YEI fuq il-post.

    Malli ġie adottat il-qafas legali dwar l-arranġamenti ta' programmazzjoni għall-YEI, il-Kummissjoni fasslet dokument ta' gwida apposta dwar l-implimentazzjoni tal-YEI u pproduċiet gwida dettaljata dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-interventi tal-YEI.

    Ġew organizzati żewġ seminars tekniċi apposta dwar il-YEI mal-awtoritajiet ta' ġestjoni fl-2014 u fl-2016, li għenu biex titħaffef in-nomina tal-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni tal-programmi appoġġati mill-YEI. L-arranġamenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-YEI ġew diskussi regolarment mal-awtoritajiet ta' ġestjoni fil-qafas tal-Kumitat tal-FSE u tal-Grupp ta' ħidma tekniku tal-FSE u l-laqgħat tas-Sħubija ta' Evalwazzjoni tal-FSE.

    3.2.Qafas b'saħħtu ta' monitoraġġ: iżomm rekord tal-progress u jappoġġa t-titjib kontinwu

    Qafas komprensiv ta' monitoraġġ fil-livell tal-UE għen lill-Istati Membri jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dan iżomm il-kwistjoni f'pożizzjoni għolja fl-aġenda politika u jgħin biex jittejbu l-iskemi nazzjonali b'mod kostanti.

    Is-Semestru Ewropew kien kruċjali biex jiġu indirizzati sfidi strutturali relatati mal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-ogħla livell. Il-progress huwa evalwat annwalment fir-rapporti tal-pajjiżi tal-Kummissjoni u permezz ta' reviżjonijiet ta' sorveljanza multilaterali tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO). Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar it-titjib tat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol żdiedu sew fl-2014, meta l-maġġoranza tal-Istati Membri rċevew rakkomandazzjoni speċifika għaż-żgħażagħ. Fl-2015 u l-2016, inħarġu inqas rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ. Dan kien dovut għal tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-progress tal-Istati Membri fl-indirizzar tar-riformi rakkomandati, li jirriflettu s-simplifikazzjoni tas-Semestru (ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal għal ħarsa ġenerali lejn ir-rakkomandazzjonijiet taż-żgħażagħ speċifiċi għall-pajjiżi u l-progress fl-implimentazzjoni).

    Qafas indikatur ambizzjuż għall-monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 38 ġie żviluppat mill-EMCO b'appoġġ mill-Kummissjoni. Ir-riżultati minn żewġ settijiet ta' ġbir ta' dejta, għall-2014 u l-2015, huma ppreżentati f'din il-Komunikazzjoni.

    Dan ta' hawn fuq huwa reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ komprensiva.

    Il-Ministri tal-Impjiegi rrappreżentati fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur ta' Marzu 2016 approvaw il-"Messaġġi ewlenin dwar it-triq 'il quddiem għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ wara l-2016" tal-EMCO. Huma enfasizzaw ir-riżultati pożittivi, filwaqt li talbu impenn politiku kontinwu biex jindirizzaw l-isfidi relatati mas-sħubiji, jilħqu lill-NEETs, u l-monitoraġġ 39 .

    Rigward il-monitoraġġ tal-effettività u l-effiċjenza tal-YEI, il-qafas regolatorju applikabbli fih sett ta' indikaturi speċifiċi tar-riżultati għall-YEI li jagħmluh iktar orjentat lejn ir-riżultat. Is-set-up kollu tal-YEI u l-immirar tal-interventi għar-reġjuni speċifiċi l-iktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-gruppi fil-mira rilevanti li jgħixu f'dawn ir-reġjuni huwa tabilħaqq ħaġa ġdida meta mqabbel ma' operazzjonijiet tal-FSE. Barra minn hekk, l-indikaturi tar-riżultat speċifiċi għall-YEI jagħmluha possibbli li tiġi ntraċċata direttament ir-rabta bejn appoġġ u riżultati ta' finanzjament u l-eżiti miksuba għall-grupp fil-mira.

    3.3.Inizjattivi fil-mira li jsaħħu l-forniment ta' offerti ta' kwalità

    Sforzi biex tingħata spinta lill-forniment ta' apprendistati u programmi ta' taħriġ, intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u l-mobbiltà għenu biex jiżdied in-numru ta' offerti ta' Garanzija taż-Żgħażagħ u jistgħu jittejbu iktar. Mit-tnedija tagħha fl-2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mmobilizzat 31 gvern nazzjonali u 120 parti interessata biex titjieb il-kwalità, il-provvista u l-immaġni tal-apprendistati, permezz tal-mobilizzazzjoni ta' total ta' 250 000 opportunità ta' taħriġ u ta' impjieg. Il-Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ tal-2014 sar referenza importanti fil-qasam tiegħu. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ tnieda f' Novembru 2015 b'mod konġunt ma' CSR Europe. Dan jimmira li joħloq 10 000 sħubija ta' kwalità ta' edukazzjoni u negozju u jipprovdi 100 000 apprendistat, programm ta' taħriġ jew impjieg ta' livell ta' dħul ġodda u ta' kwalità tajba matul is-sentejn li ġejjin. Appoġġ għall-intraprenditorija jingħata liż-żgħażagħ bħala interventi ta' Garanzija taż-Żgħażagħ mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-maġġoranza tal-Istati Membri, f'diversi każijiet bħala parti minn programmi jew proġetti partikolari.

    "L-ewwel xogħol EURES tiegħek" ipprovdiet appoġġ immirat għall-impjiegi u t-taħriġ fil-kuntest Ewropew u tista' tissaħħaħ iktar bil-ħsieb li tappoġġa l-mobbiltà taż-żgħażagħ. Bejn l-2011 u l-2014, l-iskema appoġġat 4 251 kollokament f'impjieg b'baġit globali ta' madwar EUR 12-il miljun.

    Sabiex jikkumplimenta l-iskema eżistenti fuq żmien qasir (medja ta' 3 ġimgħat), reċentement tnieda proġett pilota biex jittestja l-mobbiltà fit-tul tal-apprendisti (minn 6 sa 12-il xahar) fl-Istati Membri bil-ħsieb li iktar tard tiġi stabbilita skema permanenti mfassla fuq il-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu.

    L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati

    L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati hija inizjattiva b'ħafna partijiet interessati (li tinvolvi Stati Membri, sħab soċjali, kmamar, kumpaniji, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, korpi professjonali, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u reġjuni) li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kwalità, il-provvista u l-immaġni ta' apprendistati fl-Ewropa. Żieda fil-mobbiltà għall-apprendisti qed tirriżulta wkoll bħala suġġett importanti.

    Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju permezz ta' sejħiet għall-proposti speċifiċi taħt Erasmus+ u permezz ta' mezzi oħra. L-Alleanza żviluppat Pjan ta' Azzjoni għall-2016 li jkopri 12-il azzjoni ewlenija li għandhom jiġu implimentati matul is-sena.

    Il-Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ ġiet adottata f'Marzu 2014. Din kienet strumentali fl-appoġġ għall-għoti ta' programmi ta' taħriġ ta' kwalità taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    Din għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-programmi ta' taħriġ (kemm fis-suq miftuħ kif ukoll ma' politiki attivi tas-suq tax-xogħol) permezz ta' 22 element ta' kwalità li huma trasferibbli direttament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ftehimiet ta' msieħba soċjali. Dawn għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mal-kontenut tat-tagħlim, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji u l-prattiki tat-tiftix ta' ħaddiema.

    Prospett dettaljat tal-passi meħuda mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ huwa ppreżentat f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal speċifiku li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

    3.4.Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq l-aġenda internazzjonali

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ irċeviet ħafna attenzjoni fuq livell internazzjonali bħala parti minn approċċ ġdid fl-UE kollha biex jiġu indirizzati livelli għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ — tħassib kondiviż ma' reġjuni oħra tad-dinja. Kemm il-ministri tax-xogħol u l-impjiegi tal-G20 kif ukoll dawk tal-Laqgħa Asja-Ewropa rrikonoxxew il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala riforma strutturali maġġuri għat-tranżizzjonijiet sistematiċi mill-iskola għax-xogħol. L-ILO u l-OECD urew esperjenzi mill-implimentazzjoni bikrija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jaqsmu l-lezzjonijiet li ħadu ma' pajjiżi mhux tal-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-UE hija mistennija li tikkontribwixxi għall-mira kwantitattiva għall-ewwel darba fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ meħuda fil-livell tal-G20, jiġifieri li tnaqqas il-proporzjon ta' żgħażagħ li huma l-iktar f'riskju li jitħallew fl-aħħar postijiet b'mod permanenti fis-suq tax-xogħol bi 15 % sal-2025 fil-pajjiżi tal-G20.

    Ingħatat spinta akbar fil-livell globali bl-adozzjoni fl-2015 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, bis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tagħha. L-SDG 8 għandhom l-għan speċifiku li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u x-xogħol diċenti għal kulħadd b'mod inklużiv u sostenibbili, u dan jinkludi mira li sal-2020 jitnaqqas b'mod sostanzjali l-proporzjon ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, filwaqt li jimmiraw li sal-2030 jiksbu impjieg u xogħol diċenti sħaħ u produttivi għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ.

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ jista' jkollha rwol importanti fl-approċċ tal-UE lejn il-kisba ta' dawn il-miri.

    4.Aċċellerazzjoni u twessigħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ: teħid ta' lezzjonijiet mill-ewwel ftit snin ta' implimentazzjoni

    4.1.Żgurar ta' implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli

    Se jkun meħtieġ impenn politiku kontinwu u appoġġ finanzjarju għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala riforma strutturali u fit-tul biex jitgawdew il-benefiċċji tal-ħidma li saret s'issa. L-implimentazzjoni fuq skala sħiħa għadha riċenti f'għadd ta' Stati Membri, peress li ħafna miżuri kienu jeħtieġu riformi sostanzjali u sħubiji wiesgħa: l-iskalar ta' inizjattivi biex tiġi żgurata kopertura sħiħa għandu jitħaffef biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni se jinvolvi wkoll l-insegwiment ta' sforzi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġu ssimplifikati proċessi eżistenti ta' ġbir ta' dejta, jingħelbu l-ostakli tekniċi u tittejjeb il-kwalità tad-dejta miġbura fil-qafas ta' indikatur komuni.

    4.2.Involviment aħjar ma' NEETs mhux reġistrati u dawk b'inqas ħiliet

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ kollha u ż-żgħażagħ kollha għandhom jibbenefikaw mill-ewwel sinjali ta' rkupru. Madankollu, minkejja sforzi sinifikanti mill-Istati Membri biex itejbu l-outreach, iż-żgħażagħ fl-iktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi NEETs b'ħiliet baxxi u mhux reġistrati, huma sottorappreżentati fost il-benefiċjarji.

    L-indirizzar ta' din l-isfida mhux biss se jeħtieġ approċċ ta' outreach iktar effiċjenti, iżda wkoll twessigħ tal-firxa ta' interventi proposti fl-erba' tipi ta' offerti ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Filwaqt li l-limitu ta' żmien ta' erba' xhur huwa essenzjali biex tiġi żgurata attivazzjoni rapida, iż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw bosta ostakli spiss jeħtieġu interventi kumplessi, twal u individwalizzati qabel ma jkunu jistgħu jaċċettaw offerta. It-twessigħ tas-sett tal-offerti tal-edukazzjoni kontinwa biex jinkludu approċċi ta' perkors u appoġġ intensiv mogħtija minn firxa ta' msieħba huwa neċessarju biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tagħhom.

    4.3.It-tisħiħ tal-kapaċità u t-titjib fil-kwalità tal-offerti

    Iktar koordinazzjoni interna u bini tal-kapaċitajiet se jikkonsolidaw sħubiji promettenti u jtejbu r-riżultat. L-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ saħħet il-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet pubbliċi, u mal-partijiet interessati. Madankollu, l-ambitu wiesa' tagħha kixef ukoll ċerti lakuni li kienu jeżistu qabel. Dan il-proċess huwa mmexxi primarjament mill-ministeri tax-xogħol, b'involviment iktar dgħajjef ta' awtoritajiet tal-edukazzjoni u/jew taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-kapaċità tas-sħab, u b'mod partikolari tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, iffaċċjat sfidi fid-dawl tal-firxa kbira ta' kompiti li għandhom jitwettqu.

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-impjegaturi jibqa' essenzjali biex jikber il-grupp ta' offerti ta' kwalità tajba għaż-żgħażagħ. Għalkemm l-Istati Membri ppruvaw jiżguraw l-impenn tal-impjegaturi, fil-prattika l-involviment tagħhom kien pjuttost limitat sa issa. Primarjament, dan jirriżulta minn kundizzjonijiet makroekonomiċi ta' sfida kif ukoll minn diffikultajiet fit-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista għax-xogħol, involviment dgħajjef fit-tfassil u l-għoti tal-iskemi, u kooperazzjoni strutturata limitata mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Iktar involviment tal-impjegaturi jtejjeb ukoll l-antiċipazzjoni ta' nuqqasijiet futuri tal-ħiliet.

    L-introduzzjoni ta' mekkaniżmi aħjar biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jirċievu offerti ta' kwalità għolja hija essenzjali. L-isfidi huwa relatati mat-tul qasir tal-offerti u l-fatt li l-offerti ta' edukazzjoni kontinwa mhux dejjem jiżguraw li jkun inkiseb riżultat tat-tagħlim (pereżempju livell minimu ta' ħiliet bażiċi) jew iwasslu għal kwalifika rikonoxxuta. Sfidi oħra huma relatati man-nuqqas ta' regolamentazzjoni tal-offerti tal-programmi ta' taħriġ fis-suq miftuħ fir-rigward tat-trasparenza tal-kiri, tul ta' żmien u rikonoxximent. Filwaqt li l-varjazzjonijiet fil-kwalità tal-offerti jiddependu primarjament fuq is-suq tax-xogħol nazzjonali, huma jirriżultaw ukoll minn jekk u kif l-offerti "ta' kwalità tajba" jkunux ġew iddefiniti u pprovduti fil-prattika. Pereżempju, meta offerta ta' kwalità tajba tkun definita b'mod dirett jew indirett, ġeneralment hija tindirizza s-sostenibbiltà tar-riżultat 40 u s-sodisfazzjon personali taż-żagħżugħ/a. Huma biss ftit Stati Membri li waqqfu kriterji minimi ta' kwalità, inkluż għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    Il-Kummissjoni, flimkien mal-ILO, qed taħdem biex tidentifika l-elementi ewlenin li jikkostitwixxu offerta ta' kwalità taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Din hija parti mir-risposta tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għall-promozzjoni ta' sett ta' attributi ta' kwalità għal offerti ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li jiġu diskussi l-istandards għall-kriterji ta' kwalità fil-kuntest tax-xogħol dwar il-monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-EMCO.

    5.Il-passi li jmiss: l-ankraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-mobilizzazzjoni totali tar-riżorsi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

    Il-prosperità u l-istil tal-ħajja fl-Ewropa huma bbażati fuq l-ikbar assi tagħha: in-nies tagħha.
    Il-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tqiegħed l-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea u għamlet il-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, prijorità ewlenija.

    Minkejja titjib riċenti, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inattività tagħhom għadhom ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi u jeħtieġu sforzi kontinwi. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fetħet it-triq għal appoġġ iktar effettiv għaż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol.

    Issa għandha tingħata prijorità lill-introduzzjoni sħiħa tal-Iskemi nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi tiġi aċċellerata u mwessgħa l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi li tfaċċaw u jinbnew interventi iktar effettivi sostnuti mill-YEI u l-FSE. Din il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi għal dan il-proċess billi turi l-fatturi ewlenin ta' suċċess u tidentifika oqsma fejn hija meħtieġa iktar azzjoni. Il-Kummissjoni se tappoġġa iktar it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

    L-Istati Membri se jkomplu jużaw l-appoġġ tal-YEI sal-2018 sakemm ikun għad hemm fondi disponibbli mill-2014-2015. Sabiex tippermetti t-tkomplija tal-YEI, bħala parti mir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 41 , il-Kummissjoni pproponiet li tissupplimenta l-allokazzjoni oriġinali tal-YEI b'EUR 1 biljun matul l-2017-2020. Dan l-ammont għandu jkun milħuq minn kontribuzzjoni tal-istess ammont mill-Fond Soċjali Ewropew. L-iżgurar ta' riżorsi ta' finanzjament addizzjonali suffiċjenti tal-UE għall-impjiegi taż-żgħażagħ sa mill-2017 jibqa' prijorità ewlenija għall-Kummissjoni.

    Kif identifikat fl-Ittra ta' Intenzjoni tal-2016, il-Kummissjoni beħsiebha tintensifika l-isforzi tagħha b'appoġġ taż-żgħażagħ b'mod iktar ġenerali, u l-istrumenti ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom jużaw ir-rwol sħiħ tagħhom bħala parti minn sett usa' ta' inizjattivi taż-żgħażagħ.

    Pereżempju, it-twaqqif ta' Korp Ewropew ta' Solidarjetà ġie mħabbar mill-President Juncker matul id-diskors tal-Istat tal-Unjoni tiegħu fl-14 ta' Settembru 2016. Il-Korp se jkun ibbażata fuq il-valuri ewlenin ta' impenn u ta' solidarjetà tal-UE u se joffri liż-żgħażagħ li għandhom inqas minn 30 sena orjentati soċjalment, kemm jekk jibbenefikaw mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew le, l-opportunità li jgħinu u li jkunu ta' appoġġ għall-oħrajn u jiksbu ħiliet u esperjenzi ġodda, kemm fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew fi Stat Membru ieħor.

    Fir-rigward tal-apprendistati, l-implimentazzjoni ta' proġett pilota għall-mobbiltà iktar fit-tul tal-apprendisti se tipprovdi l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa biex titfassal skema iktar permanenti fil-futur qrib. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' qafas ta' kwalità għall-apprendistati se jikkumplimenta l-istrateġija eżistenti li timmira li tivvalorizza l-apprendistati u tagħmilhom iktar attraenti għaż-żgħażagħ u għall-kumpaniji bl-istess mod.

    Din l-aġenda tal-politika għaż-żgħażagħ, notevolment il-prinċipju tal-appoġġ attiv għall-integrazzjoni sostenibbli tas-suq tax-xogħol u l-impenn biex jiġu aġġornati l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, hija parti importanti mill-isforzi usa' tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-konverġenza 'l fuq, fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Dan huwa wkoll ir-raġunament wara l- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li bħalissa huwa s-suġġett ta' konsultazzjoni wiesgħa, u li se tippreżenta l-Kummissjoni s-sena d-dieħla.



    Anness – Rapporti u evalwazzjonijiet esterni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    - Eurofound (2015), "Lil hinn mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Tagħlimiet fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni", Dokument ta' sfond imħejji mill-Eurofound bħala kontribut għal-laqgħa informali tal-EPSCO, 16-17 ta' Lulju 2015, il-Lussemburgu

    - Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Iggwidar tas-Sħubiji tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq il-Post. Rapport dwar l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew (EPPA) dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    - In-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (2014), il-Katalogu ta' miżuri PES għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

    - In-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (2015), ir-Rapport dwar il-prattiki PES għall-outreach u l-attivazzjoni tal-NEETs

    - In-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (2015), ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-PES tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, Lulju 2015 ,

    -In-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (2015), ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-PES tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, Settembru 2016 (fil-futur qrib)

    - Ċentru tal-Politika Ewropea (2015), Sena wara l-garanzija għaż-żgħażagħ: eżawriment tal-politika jew sinjali ta' azzjoni?, Claire Dhéret u Martina Morosi; Policy Brief 27, Mejju 2015

    - Ċentru tal-Politika Ewropea (2016), Lejn Ewropizzazzjoni tal-Politiki tal-impjieg taż-żgħażagħ? Analiżi komparattiva tad-disinji ta' politika reġjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ta' Claire Dhéret u Julie Roden, Dokument ta' Analiżi, Nru 81, Settembru 2016

    - Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (2014) Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Ewropa, Djalogu Strateġiku mas-soċjetà ċivili

    - ILO (2015), Il-programm tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Ewropa: Karatteristiki, implimentazzjoni u sfidi

    - OECD (2014), L-implimentazzjoni lokali tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ: Tagħlimiet li joħorġu minn Esperjenzi Ewropej

    (1) Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Rapport dwar iż-Żgħażagħ tal-UE 2015, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, il-Lussemburgu.
    (2)  2013/C 120/01 tat-22 ta' April 2013.
    (3)  Ta' min wieħed jinnota li dawn il-figuri huma bbażati fuq dejta miġbura taħt il-qafas ta' indikaturi u l-istimi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għall-2016. Dejta dettaljata hija ppreżentata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u t-tħaddim tal-YEI (SWD (2016) 323).
    (4) http://www.eib.org/projects/priorities/investing-for-youth/index.htm?lang=en Għal iktar tagħrif:  
    (5)  EUCO 104/2/13.
    (6) F'Marzu 2016, il-Kunsill innota li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ "aġixxiet ukoll bħala xprunatur qawwi tal-politika f'għadd ta' każijiet" u li "biex jitgawda l-benefiċċju tal-ħidma li saret sa issa, huwa essenzjali li jkun hemm impenn politiku kontinwu lejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala riforma strutturali fuq terminu twil". Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6154/16.
    (7) Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ "lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ". 2015/2351(INI).
    (8)  Għal iktar dettall ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD (2016) 323.
    (9) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1161&langId=en  .
    (10) Persuna ma tkunx attiva ekonomikament jekk ma tkunx parti mill-forza tax-xogħol. Allura ż-żgħażagħ mhux attivi la huma impjegati u lanqas qiegħda, li jfisser li dawn la jkunu qed jaħdmu u lanqas disponibbli jew qed ifittxu xogħol. .
    (11) Informazzjoni speċifika għall-pajjiż tinstab fl-iskedi tal-pajjiżi annessi mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
    (12) Eurofound (2016), Exploring the diversity of NEETs (Nesploraw id-diversità tal-NEETs), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, il-Lussemburgu.
    (13) Fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, it-terminu "NEETs reġistrat" jirreferi għal żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ li huma rreġistrati ma' fornitur ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (tipikament PES nazzjonali jew reġjonali)
    (14) Sors: Il-bażi tad-dejta LABREF tal-Kummissjoni Ewropea.
    (15) Ir-raggruppament huwa bbażat b'mod partikolari fuq l-għadd ta' miżuri relatati maż-żgħażagħ fl-2013-2015 kif enfasizzat fil-bażi tad-dejta LABREF. Ir-riżultati mbagħad ġew riveduti fid-dawl ta' analiżi iktar kwalitattiva li tiffoka b'mod partikolari fuq l-istat ta' implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-ambitu tal-miżuri (ibbażati fuq EMCO, rapporti tal-pajjiżi tal-Kummissjoni Ewropea, analiżi esperta nazzjonali tal-Osservatorju Ewropew tal-Politiki dwar ix-Xogħol).
    (16) Informazzjoni addizzjonali skont kull pajjiż tista' tinstab fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1161&langId=en
    (17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għall-Programmi ta' taħriġ (2014/C 88/01).
    (18) Netwerk Ewropew tal-PES, Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-PES tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, 2015.
    (19) L-aċċettazzjoni ta' offerta ssir meta żgħażugħ attwalment jibda offerta li jkun diġà rċieva u aċċetta — jiġifieri jibda impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew programm ta' taħriġ.
    (20) Ir-riżultati jirriflettu l-istat ta' implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u problemi oħra relatati mad-dejta u għalhekk it-tqabbil tad-dejta fost il-pajjiżi huwa limitat.
    (21) L-analiżi hija bbażata fuq is-sejbiet ippreżentati f'aktar dettall f'dokument tekniku, "Analiżi tal-prestazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE mill-2013-2015" tal-Kummissjoni Ewropea (2016) (pubblikazzjoni imminenti).
    (22) Informazzjoni speċifika għall-pajjiż tinstab fl-Anness B tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament.
    (23) Regolament (UE) Nru 1304/2013.
    (24) EUR 64.6 miljun fl-Italja u EUR 23.5 miljun fil-Bulgarija.
    (25) Informazzjoni mill-Awtoritajiet ta' Ġestjoni tal-FSE miġbura ad hoc mill-Kummissjoni f'Lulju 2016.
    (26) L-ewwel evalwazzjonijiet nazzjonali tal-YEI ġew sottomessi mill-Istati Membri fi tmiem l-2015, b'mod konformi mal-qafas regolatorju. It-tieni evalwazzjoni nazzjonali hija meħtieġa mill-Istati Membri sa tmiem l-2018.
    (27) F'konformità mar-Regolament (UE) 779/2015, ĠU L 126/1 tal-21.05.2015
    (28) Il-Kummissjoni Ewropea (2016), "L-Ewwel Riżultati tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"
    (29) http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/atlas/ Informazzjoni dwar programmi għal kull Stat Membru/reġjun għall-FEŻR hija disponibbli fuq:
    (30) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (COM(2016) 603)
    (31) Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2017 f’konformità mal-varjazzjonijiet tal-ING u mal-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni, adottat skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, COM(2016) 311, 30.6.2016.
    (32) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=521&langId=en&agreementId=5314   
    (33) Il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg kienu wkoll f'pożizzjoni għolja fuq l-aġenda ta' tagħlim reċiproku fl-oqsma ta' politika tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.
    (34) http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=11490&langId=en  .
    (35) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1100&langId=en  . B'mod partikolari, in-netwerk iwettaq monitoraġġ annwali tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi.
    (36)   http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1079&langId=mt .
    (37) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1099&langId=en  .
    (38) Il-Kumitat tal-Impjiegi, Qafas indikatur għall-monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, INDIC/10/12052015/EN-rev.
    (39)

    Il-messaġġi ewlenin dwar it-triq 'il quddiem għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ wara l-2016, permezz tal-inkorporazzjoni tar-rapport tal-EMCO dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ST 6154 2016 INIT.

    (40) Approċċ ibbażat fuq ir-riżultati iqis li, b'mod ġenerali, offerta hija ta' kwalità tajba jekk il-persuna li tibbenefika minnha tikseb involviment sostenibbli tas-suq tax-xogħol. Dan ifisser, li l-benefiċjarju ma jerġax lura għall-qgħad u l-inattività wara dan; offerta ta' "kwalità tajba" għalhekk tista' tiġi mkejla permezz tal-eżitu tagħha.
    (41) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (COM(2016) 603)
    Top