Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0592

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tippromwovi ekonomija Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali

COM/2016/0592 final

Brussell, 14.9.2016

COM(2016) 592 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Li tippromwovi ekonomija Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali


1. Introduzzjoni

L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) 1 tal-Kummissjoni li ġiet adottata f’Mejju tal-2015 identifikat il-kontenut diġitali bħala wieħed mill-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fl-ekonomija diġitali. Xeħtet dawl fuq il-bżonn li tittieħed azzjoni sabiex jingħata aċċess online ikbar għall-kontenut lill-utenti, inklużi s-setturi awdjoviżivi, tal-mużika, tal-kotba u oħrajn, u għal ambjent tas-suq u regolatorju li jkompli jkattar il-kreattività, il-finanzjament sostenibbli tiegħu u d-diversità kulturali.

Modernizzazzjoni mmirata tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, bħala element importanti fl-ilħuq ta’ dawk l-objettivi tad-DSM, ġiet ippjanata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur” 2 ta’ Diċembru tal-2015. Il-Komunikazzjoni spjegat l-azzjonijiet immirati u viżjoni fit-tul, li jirriflettu l-bżonn li s-suq uniku jagħmel progress f’dan il-qasam, sabiex ir-regoli jiġu aġġornati skont ir-realtajiet diġitali, bil-għan li jiġi żgurat li l-industriji kreattivi Ewropej jibqgħu kompetittivi u sabiex jinżamm bilanċ tajjeb bejn l-objettivi tad-drittijiet tal-awtur u objettivi oħrajn tal-politika pubblika bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilitajiet.

Minbarra r-Regolament propost dwar il-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online 3 ta’ Diċembru tal-2015, li għandu l-għan li jippermetti lir-residenti tal-UE jivvjaġġaw bil-kontenut diġitali li jkunu xtraw jew abbonaw għalih f’pajjiżhom, il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi sett ta’ miżuri leġiżlattivi bi tliet objettivi: (i) l-iżgurar ta’ aċċess online usa’ għall-kontenut fl-UE u l-ilħuq ta’ udjenzi ġodda, (ii) l-adattament ta’ ċerti eċċezzjonijiet għall-ambjent diġitali u transkonfinali, u (iii) it-trawwim ta’ suq tad-drittijiet tal-awtur li jaħdem kif suppost u li jkun ġust. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll fuq miżuri għal sistema ta’ infurzar effettiva u bbilanċjata. Dan huwa ta’ importanza partikolari fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kummerċjali.

Kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni ta’ Diċembru, ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur ma jistgħux jiġu kkunsidrati iżolati mis-sett ta’ politiki usa’, inkluż b’mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva, 4 li jikkontribwixxi lejn il-produzzjoni kulturali għanja tal-Ewropa u jaffettwa l-ambjent għall-industriji kulturali u kreattivi, għall-innovazzjoni u d-diversità kulturali.

Fost ħafna oħrajn, l-UE tilqa’ fi ħdanha wħud mill-ikbar pubblikaturi, industrija mużikali dinamika, u settur tal-films li huwa mfaħħar madwar id-dinja kollha. Għaldaqstant, hija mexxej industrijali u kulturali globali. Madankollu, uħud mill-industriji kulturali u kreattivi tagħha qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari fil-kompetittività, l-intraprenditorija u l-finanzjament. Pereżempju, is-sejbien ta’ udjenzi ġodda fl-UE u lil hinn minnha jkun ta’ benefiċċju għall-produzzjonijiet Ewropej tal-films. Dan għandu jkollu impatt vantaġġuż fuq l-iżvilupp ta’ mudelli kummerċjali ġodda u sorsi ġodda ta’ dħul, jekk jiġu indirizzati l-problemi ewlenin relatati mal-iskala, id-disponibbiltà u l-viżibbiltà tal-produzzjonijiet.

Apparti li jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika, jgħin fil-professjonalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi, u jipprovdi aċċess ikbar għall-kontenut kulturali u kreattiv, il-programm Ewropa Kreattiva għandu l-għan li jindirizza wħud mill-problemi relatati mal-kompetittività, inkluża dik li tikkonċerna l-aċċess għall-finanzjament permezz ta’ Faċilità ta’ Garanzija ġdida li diġà hija implimentata b’baġit ta’ EUR 121 miljun 5 .

Permezz ta’ taħlita ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi aġenda ambizzjuża sabiex tgħin lill-industriji Ewropej tad-drittijiet tal-awtur jirnexxu fis-suq uniku u lill-awturi Ewropej jilħqu udjenzi ġodda, filwaqt li tagħmel ix-xogħlijiet Ewropej aċċessibbli b’mod wiesa’ għaċ-ċittadini Ewropej, anki b’mod transkonfinali. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-aħħar żviluppi u s-sitwazzjoni attwali wara l-Komunikazzjoni ta’ Diċembru.

2. Miżuri sabiex jiġi żgurat aċċess usa’ għall-kontenut fl-UE kollha

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru, il-Kummissjoni ħabbret approċċ gradwali għat-tneħħija tal-ostakoli għall-aċċess transkonfinali għall-kontenut u għaċ-ċirkolazzjoni usa’ tax-xogħlijiet fl-UE kollha, b’mod partikolari fid-dawl tal-konnessjonijiet mal-Internet u t-teknoloġiji diġitali li qed jinfirxu dejjem iktar. L-objettiv huwa li tiżdied id-disponibbiltà tax-xogħlijiet għaċ-ċittadini fl-Ewropa kollha, jiġu pprovduti kanali ta’ distribuzzjoni ġodda għall-kreaturi, jiġu promossi l-kulturi tal-Istati Membri, u tingħata prominenza lill-wirt kulturali komuni tal-UE.

Il-Komunikazzjoni ta’ Diċembru stabbilixxiet azzjonijiet immirati sabiex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni transkonfinali online tal-programmi televiżivi u tar-radju, il-liċenzjar tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fuq il-pjattaformi tal-video-on-demand (VoD), u d-diġitalizzazzjoni u d-disseminazzjoni usa’ ta’ biċċiet tax-xogħol li m’għadhomx fis-suq. Kif tħabbar ukoll fil-Komunikazzjoni ta’ Diċembru, hemm ukoll għadd ta’ miżuri li twettqu fil-kuntest tal-programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva, 6 li ilu 25 sena jappoġġa l-iżvilupp, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, li huma mmirati lejn l-objettiv ta’ aċċess usa’ għall-films Ewropej fl-UE kollha, f’kanali kummerċjali u f’kuntesti mhux kummerċjali. Dawk il-miżuri huma ppreżentati hawn taħt, flimkien mal-leġiżlazzjoni proposta l-ġdida dwar id-drittijiet tal-awtur.

L-ewwel nett, proposta għal Regolament 7 għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet vantaġġjużi għal modi online ġodda ta’ distribuzzjoni transkonfinali ta’ programmi televiżivi u tar-radju komparabbli ma’ dawk applikabbli għat-trażmissjonijiet aktar tradizzjonali bis-satellita u r-ritrażmissjonijiet bil-cable. Ir-regoli l-ġodda, ispirati minn dawk diġà eżistenti fid-Direttiva dwar is-Satelliti u l-Cable, 8 se jagħmlu aktar sempliċi u veloċi l-proċess ta’ approvazzjoni tad-drittijiet li huma meħtieġa għal ċerti servizzi online pprovduti mix-xandara (programmi mxandrin online mix-xandara fl-istess ħin tax-xandira tagħhom u s-servizzi ta’ catch-up tagħhom), u għas-servizzi ta’ trażmissjoni b’mezzi bħall-IPTV (TV jew radju fuq netwerks ibbażati fuq il-Protokoll tal-Internet f’ċirkwit magħluq). Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jħaffu l-evoluzzjoni tas-suq u disseminazzjoni usa’ tal-produzzjonijiet Ewropej fuq ir-radju u t-TV, li huma sors importanti ta’ informazzjoni u divertiment għall-Ewropej. Min-naħa tiegħu, dan għandu jiġġenera iktar għażla għall-konsumatur u diversità kulturali.

B’mod parallel, il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali 9 tintroduċi mekkaniżmu ta’ negozjar ġdid li se jagħmilha eħfef li jiġu konklużi ftehimiet ta’ liċenzjar sabiex xogħlijiet awdjoviżivi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq pjattaformi tal-VoD. Din hija parti minn sforz tal-politika usa’ sabiex tiġi indirizzata l-firxa ta’ fatturi li jwasslu għad-disponibbiltà limitata ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, b’mod partikolari l-films, fl-UE kollha 10 . Peress li normalment huma prodotti minn kumpaniji tal-produzzjoni żgħar, il-films Ewropej huma distribwiti b’mod ferm inqas mifrux online fl-UE kollha meta mqabblin mal-films mill-Istati Uniti 11 . F'territorji fejn ma jkun ġie ffirmat ebda ftehim mad-distributuri lokali, iċ-ċittadini Ewropej ma għandhom ebda possibbiltà li jaċċessaw dawn il-films b’mod legali. Problemi relatati mal-liċenzjar u diffikultajiet legali u kuntrattwali relatati għall-użu tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fuq is-servizzi tal-VoD se jiġu indirizzati wkoll fi djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati. Dan se jiġi promoss mill-Kummissjoni u se jiġbor flimkien atturi tal-industrija tul il-katina tal-valur (produtturi, awturi, aġenti tal-bejgħ, distributuri, xandara, aggregaturi, pjattaformi tal-VoD) b’mod regolari. Id-djalogu se jkollu l-għan li jissimplifika l-prattiki ta’ liċenzjar u jiffaċilita l-ftehimiet tal-industrija li jwasslu għal sfruttament iktar sostnut u disponibbiltà ikbar tax-xogħlijiet Ewropej. Il-Kummissjoni se toħroġ rapport dwar ir-riżultati tad-djalogu sa tmiem l-2018.

Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ ukoll li jiġu żviluppati għodod prattiċi li se jagħmlu l-liċenzjar għall-użu tax-xogħlijiet awdjoviżivi f’diversi territorji fl-UE kollha iktar faċli u effiċjenti. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ ċentri tal-liċenzjar, jiġifieri għodod online fejn tkun tista’ ssir id-distribuzzjoni diġitali tax-xogħlijiet Ewropej anki f’pajjiżi fejn ma jkunux inħarġu fis-swali taċ-ċinema jew fejn ma jkun hemm ebda distributur nazzjonali, u l-ħolqien ta’ katalogi aġġornati ta’ xogħlijiet awdjoviżivi minn produtturi differenti, lesti sabiex jiġu offruti lil fornituri tas-servizzi tal-VoD. Sfidi oħrajn huma ppreżentati wkoll mill-fatt li ma tintuża ebda sistema universali ta’ identifikazzjoni fis-settur awdjoviżiv. Minflok, fis-suq jeżistu żewġ identifikaturi standard 12 fl-istess ħin u s-settur għadu fid-dubju jużahomx għaliex mhumiex interoperabbli. Dan ifisser li l-attivitajiet tal-liċenzjar jinvolvu ħafna xogħol u ma tantx jistgħu jiġu awtomatizzati faċilment. L-organizzazzjonijiet responsabbli għaż-żewġ identifikaturi separati bħalissa qegħdin jaħdmu mal-Kummissjoni favur l-interoperabilità sħiħa tal-bażijiet ta’ dejta u tal-identifikaturi tagħhom 13 . Finalment, il-Kummissjoni se tesplora modi kif tinċentivizza lid-detenturi tad-drittijiet sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni xogħlijiet li jirċievu appoġġ għad-distribuzzjoni permezz tal-programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva f’territorju fejn ma jkun ġie ffirmat ebda ftehim ta’ distribuzzjoni.

Qegħdin jiġu introdotti wkoll miżuri li jindirizzaw in-nuqqas ta’ viżibbiltà u l-ostakoli lingwistiċi li jiltaqgħu magħhom l-utenti biex jaċċessaw xogħlijiet Ewropej. Is-sottotitli u d-doppjaġġ huma importanti għad-distribuzzjoni transkonfinali tax-xogħlijiet awdjoviżivi, 14 u huma ffinanzjati kemm mill-programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva kif ukoll minn fondi pubbliċi oħrajn. Permezz tal-proġetti li għaddejjin bħalissa taħt il-programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva u għodda ta’ repożitorju online li tippermetti li jsir aċċess faċli għas-sottotitli u d-doppjaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ dawn mill-operaturi fl-UE, li se titnieda sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ l-effiċjenza fil-finanzjament pubbliku u l-użu ta’ sottotitli u tad-doppjaġġ. L-għodod ta’ tiftix online huma mogħdijiet effiċjenti għall-konsumaturi sabiex dawn isibu offerti legali online ta’ films. L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea qiegħed jiżviluppa għodda ta’ tiftix li tista’ taħdem f’livell Ewropew, kif ukoll sett ta’ għodod għall-ħolqien ta’ għodod nazzjonali ta’ tiftix, li se jkunu operattivi għalkollox sal-2017 u disponibbli għall-Istati Membri mingħajr ħlas. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-użu ta’ dejta u għodod awtomatizzati għar-rakkomandar tal-kontenut, sodisfazzjon ta' interess u preferenzi usa', għall-iżvilupp u t-tkabbir ta' udjenzi għax-xogħlijiet Ewropej. B’mod iktar mifrux, il-promozzjoni tal-possibbiltà li jinstabu films Ewropej hija sfida importanti li fuqha l-Kummissjoni għaddejja b’diskussjonijiet mal-European Film Agency Directors Association (EFADs) u l-industrija tal-films. Minħabba l-potenzjal li l-films jiġu prodotti bħala koproduzzjonijiet sabiex jivvjaġġaw fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha, 15 fl-2017 il-Kummissjoni, flimkien mal-EFADs, se tixtarr l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ promozzjoni konġunta għall-koproduzzjonijiet Ewropej. Dawn il-miżuri kollha jaħdmu id f’id mal-proposta li għadha kif ġiet adottata għall-emendar tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, 16 li tintroduċi rekwiżit imsaħħaħ sabiex ix-xogħlijiet Ewropej jiġu promossi f’servizzi tal-VoD billi jiġu żgurati l-preżenza u l-viżibbiltà tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq modi kif tesplora mudelli alternattivi ta’ finanzjament, produzzjoni u distribuzzjoni li għandhom is-suq uniku u s-swieq globali fil-mira tagħhom sa mill-bidu nett. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tixħet enfasi partikolari fuq is-settur tal-animazzjoni Ewropew. Ir-rakkontar tal-istejjer huwa ta’ importanza partikolari f’dan is-settur u x-xogħlijiet jaqsmu l-fruntieri b’faċilità ikbar. Il-produtturi tal-animazzjoni għandhom it-tendenza li jaħdmu fuq proġetti differenti fl-istess ħin għat-televiżjoni u l-films u jistgħu ukoll jikkooperaw ma’ studji oħrajn fuq proġetti separati. B’mod parallel mal-appoġġ attwali tal-Programm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva, qabel tmiem din is-sena l-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-istudji ewlenin Ewropej tal-animazzjoni sabiex tiddiskuti magħhom dwar kif jista’ jitkattar is-settur. Għandu jidentifika wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur fuq firxa ta’ kwistjonijiet mit-tnaqqis tal-eżodu ta’ mħuħ sal-għajnuna lill-films animati u t-televiżjoni animata sabiex jivvjaġġaw saħansitra aħjar. L-għan ta’ dan id-djalogu jkun li jintlaħaq qbil fuq pjan ta’ azzjoni konġunt għas-settur sa nofs l-2017.

Finalment, il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali 17 tintroduċi soluzzjonijiet għal liċenzjar iktar faċli tad-drittijiet mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali kif meħtieġ għad-diġitalizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta' xogħlijiet li m’għadhomx fis-suq iżda li għandhom valur kulturali b'saħħtu. L-aċċess għax-xogħlijiet f’kuntesti mhux kummerċjali, eż. organizzazzjonijiet edukattivi, libreriji pubbliċi, postijiet mhux teatrali huwa importanti ħafna wkoll sabiex jitrawmu d-diversità kulturali, il-miri edukattivi u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Kanali bħal dawn, flimkien ma’ litteriżmu mtejjeb fil-media, jista’ jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni u l-ħolqien ta’ udjenza sostenibbli għax-xogħlijiet Ewropej. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tesplora, flimkien mal-EFADs u l-industrija awdjoviżiva, il-ħolqien u l-finanzjament fl-2017 ta’ katalogu ta’ films Ewropej għal skopijiet edukattivi. Dan kieku jkun proġett pilota siewi li jippreżenta d-diversità u l-kwalità tal-films Ewropej lill-udjenzi iżgħar fl-età.



3. Miżuri sabiex l-eċċezzjonijiet jiġu adattati għal ambjenti diġitali u transfruntiera

L-eċċezzjonijiet fid-drittijiet tal-awtur jippermettu, għal skopijiet speċifiċi u f’kundizzjonijiet speċifiċi, l-użu ta’ xogħlijiet protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet. Iwieġbu għall-objettivi tal-politika pubblika fil-livell tal-UE u jaqdu rwol importanti fil-qafas usa’ tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, bħalissa, ħafna mill-eċċezzjonijiet fil-liġijiet tal-UE huma fakultattivi u ma għandhomx effett transkonfinali. Barra minn hekk, uħud minnhom iridu jerġgħu jiġu vvalutati fid-dawl tar-realtajiet teknoloġiċi ta’ żminijietna, billi jiżdied il-livell ta’ armonizzazzjoni fejn hemm bżonn filwaqt li fl-istess ħin ma jkunux affettwati s-sistemi li jaħdmu tajjeb f’livell nazzjonali.

Il-miżuri leġiżlattivi proposti llum jgħinu lill-qafas tal-UE dwar l-eċċezzjonijiet iżomm il-pass mal-użi diġitali, f’ċerti oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għat-tagħrif u huma ffokati b’mod partikolari fuq l-użi transkonfinali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-approfondiment ulterjuri tas-suq uniku. Il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali 18 tintroduċi eċċezzjonijiet obbligatorji ġodda fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

Eċċezzjoni ġdida dwar l-illustrazzjoni għat-tagħlim se tipprovdi ċertezza legali sħiħa għall-użu ta’ kontenut protett f’attivitajiet ta’ tagħlim appoġġjat diġitalment u online, inkluż f’livell transkonfinali. Dan se jħalli benefiċċji għal modi ġodda ta’ kif tiġi pprovduta l-edukazzjoni, b’mod partikolari t-tagħlim fuq distanza, u l-mobilità tal-istudenti u l-għalliema fl-UE kollha.

Il-proposta tintroduċi wkoll eċċezzjoni obbligatorja ġdida għat-test u l-estrazzjoni ta’ data mwettqa għall-finijiet tar-riċerka xjentifika. L-eċċezzjoni se tippermetti lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka jużaw teknoloġiji ta’ estrazzjoni tat-test u d-data b'ċertezza legali assoluta. Eċċezzjoni obbligatorja f’dan il-qasam se tipprevjeni milli jkunu segwiti approċċi differenti fi Stati Membri differenti f’qasam, bħar-riċerka, fejn il-kooperazzjoni transkonfinali fuq skala kbira u l-kollaborazzjoni bejn diversi dixxiplini qegħdin isiru dejjem iktar spissi. Dan se jgħin fl-avvanzi u l-innovazzjoni xjentifiċi fl-UE.

Id-Direttiva proposta tinkludi wkoll eċċezzjoni obbligatorja ġdida għall-preservazzjoni diġitali mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, li tieħu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ kontenut f’forom diġitali u l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-preservazzjoni. Tirrifletti l-użu tad-diġitalizzazzjoni bħala teknika tal-preservazzjoni iżda anki n-numru ikbar ta’ xogħlijiet nattivi diġitali fil-kollezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali. Rati ta’ preservazzjoni ikbar se jkunu ta’ benefiċċju għas-sopravvivenza tal-wirt kulturali u jippermettu sabiex iċ-ċittadini jibqgħu f’kuntatt ma’ dan il-wirt għal żmien itwal.

B’mod parallel, illum huma adottati żewġ proposti leġiżlattivi 19 għall-implimentazzjoni fil-liġijiet tal-UE tat-Trattat ta’ Marrakesh, 20 li jeħtieġ li żewġ partijiet jintroduċu eċċezzjonijiet li jgħinu lil nies b’diffikultà biex jaqraw materjal stampat sabiex jaċċessaw kotba u materjal stampat ieħor f’formati li huma aċċessibbli għalihom. Il-proposta għal Direttiva se tistabbilixxi eċċezzjoni obbligatorja u tiżgura l-funzjonament tagħha għall-ħolqien u l-iskambju tat-tali kopji f’formati aċċessibbli fi ħdan is-suq uniku. Il-proposta għal Regolament se tippermetti li t-tali kopji jiġu skambjati b’mod transkonfinali bejn l-UE u pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat.

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta għadd ta’ kwistjonijiet oħrajn relatati mal-eċċezzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni ta’ Diċembru. Uħud minn dawn il-kwistjonijiet jaf jerġa’ jkollhom bżonn jiġu kkunsidrati, iktar tard, fid-dawl tal-eżitu tal-kawżi li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Fosthom hemm l-eċċezzjoni li tawtorizza lil-libreriji u lil istituzzjonijiet oħrajn sabiex jippermettu l-konsultazzjoni fuq l-iskrin tax-xogħlijiet għar-riċerka u l-istudju privat fil-bini tagħhom. 21  

B’segwitu għall-analiżi tar-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-“eċċezzjoni tal-panorama”, 22 li tippermetti lin-nies jiġbdu u jtellgħu ritratti ta’ xogħlijiet bħal bini jew skulturi li jinsabu fi spazji pubbliċi, il-Kummissjoni tikkonferma r-rilevanza ta’ din l-eċċezzjoni. Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jgawdu minn marġni kbir ta’ manuvrar sabiex jistabbilixxu eċċezzjonijiet bħal dawn. Kważi l-Istati Membri kollha għandhom eċċezzjoni tal-panorama fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan l-aħħar, l-Istati Membri li ma kinux għamlu dan diġà introduċew din l-eżenzjoni fil-liġijiet tagħhom jew qegħdin jiddiskutu abbozzi ta’ miżuri għal dan il-għan. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi dawn l-iżviluppi u tirrakkomanda bi ħġarha li l-Istati Membri kollha jimplimentaw din l-eċċezzjoni. 

4. Miżuri sabiex jinkiseb suq li jaħdem tajjeb fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur

F’dawn l-aħħar snin, l-internet sar is-suq ewlieni fejn jiġi aċċessat u fejn jitqassam kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur. Illum is-servizzi online saru jirrappreżentaw sors kbir ta’ dħul għax-xogħlijiet u kontenut protett ieħor u huma mistennija jkomplu jikbru fl-importanza tagħhom. Madankollu, hemm tħassib li qiegħed jikber dwar il-qsim ekwitabbli tal-valur iġġenerat minn uħud mill-forom ġodda tad-distribuzzjoni ta’ kontenut online tul il-katina tal-valur. Id-detenturi tad-drittijiet jirrapportaw diffikultajiet li jaffaċċjaw meta jfittxu li jawtorizzaw u sabiex jiksbu remunerazzjoni ġusta għall-użu online tal-kontenut tagħhom. Din is-sitwazzjoni tista’ wkoll tqiegħed fi żvantaġġ lill-fornituri ta’ servizzi attivi f’forom ekwivalenti ta’ distribuzzjoni. B’rabta ma’ dan, iżda li taffettwa daqstant ieħor lil forom offline ta’ użu, hemm il-kwistjoni tar-remunerazzjoni ġusta tal-awturi u l-artisti u tad-differenza fis-setgħa tan-negozjar meta jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom.

Dawn id-diffikultajiet ixekklu l-objettiv li s-Suq Uniku Diġitali jipprovdi redditu ġust fuq l-investiment għal kulħadd. Dawn il-kwistjonijiet huma vitali fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi, inkluż fil-qasam awdjoviżiv, tal-pubblikazzjoni, tal-istampi u tal-mużika. Wara l-Komunikazzjoni ta’ Diċembru, il-bżonn li dawn jiġu kkunsidrati ġie kkonfermat fil-Komunikazzjoni dwar il-pjattaformi online ta’ Mejju tal-2016. 23  

Il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali 24 se tagħti ċertezza legali lill-pubblikaturi tal-istampa bil-miktub u tqegħedhom f’pożizzjoni ta’ negozjar aħjar fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom ma’ servizzi online li jużaw u jagħtu aċċess għall-kontenut tagħhom. Se tagħmel dan billi tipprovdi dritt relatat ġdid li jagħraf ir-rwol kruċjali li jaqdu l-pubblikaturi tal-istampa bil-miktub f’termini ta’ investimenti fil-ħolqien ta’ kontenut ġurnalistiku ta’ kwalità u l-kontribuzzjoni kumplessiva li jagħtu għal dan, u se tagħtihom il-protezzjoni li jeħtieġu sabiex il-pubblikazzjonijiet tagħhom jintużaw b’mod effettiv fl-ambjent diġitali. Il-proposta se tistabbilixxi wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom sistemi li bihom il-pubblikaturi (inklużi pubblikaturi ta’ kotba u pubblikaturi xjentifiċi) jista’ jkollhom sehem fil-mekkaniżmi ta’ kumpens bħal dawk previsti għall-ikkopjar jew ir-reprografija privata.

Il-proposta se ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet sabiex jinnegozjaw u jiksbu remunerazzjoni għall-użu online tal-kontenut tagħhom minn servizzi online li jaħżnu jew li jagħtu aċċess għall-kontenut li jtellgħu l-utenti tagħhom. Fid-dawl tar-rwol li jaqdu dawn is-servizzi fil-komunikazzjoni ta’ kontenut protett, il-proposta se titlob lill-fornituri ta’ servizzi li jaħżnu u jipprovdu aċċess għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet sabiex, f’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati, inklużi dawk ibbażati fuq teknoloġija li tagħraf il-kontenut, sabiex jiżguraw il-funzjonament tal-ftehimiet mad-detenturi tad-drittijiet. F’dan il-qasam, il-kooperazzjoni attiva bejn il-partijiet ikkonċernati se tkun importanti wkoll. Il-konsumaturi se jibqgħu jkunu jistgħu jtellgħu l-kontenut tagħhom kif ukoll igawdu minn offerta ta’ kontenut kbir f’ambjent iktar ġust u legalment iktar sigur.

Finalment, l-awturi u l-artisti se jibbenefikaw minn trasparenza ikbar fuq l-użu tax-xogħlijiet u l-prestazzjonijiet tagħhom u mill-possibbiltajiet aħjar li jirċievu remunerazzjoni xierqa. Dan għandu jwassal għal qafas li jaħdem aħjar għal kull min hu involut permezz ta’ ċarezza legali għal dawk li jiksbu d-drittijiet u fiduċja ikbar għall-awturi u l-artisti, inkluż fl-ambjent online. L-użu effettiv ta’ dawn il-miżuri se jeħtieġ li l-Istati Membri jorganizzaw diskussjonijiet speċifiċi għas-setturi sabiex jiddefinixxu, fil-prattika, l-obbligi ta’ trasparenza xierqa skont it-tip ta’ kontenut u skont l-industrija. Il-Kummissjoni se ssegwi din il-ħidma mill-qrib fil-livell tal-Istati Membri sabiex tara li jinkisbu riżultati effiċjenti u koerenti. Il-Kummissjoni se żżomm kuntatt mal-partijiet interessati kollha mis-setturi kulturali u kreattivi wkoll, permezz ta’ djalogi ġenerali jew speċifiċi għas-setturi, sabiex tiddiskuti magħhom l-iżviluppi fuq din il-kwistjoni u l-bżonn li tittieħed aktar azzjoni.

B’mod ġenerali, dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għal suq tad-drittijiet tal-awtur li jaħdem b’effiċjenza għall-partijiet kollha, jagħti l-inċentivi x-xierqa sabiex isiru investimenti fil-kontenut kreattiv u sabiex dan jitqassam fl-ambjent online, u jikkonfermaw l-importanza ta’ stampa bil-miktub libera u varjata fl-UE.

5. Miżuri sabiex tiġi pprovduta sistema effettiva u bbilanċjata ta' infurzar

Ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kummerċjali, b’dawk li jiksru d-drittijiet ma jħallsu xejn għax-xogħol u l-investiment ta’ ħaddieħor, illum sar theddida serja għall-kreaturi Ewropej, li ma jħallihomx jagħmlu profitt leġittimu mill-ħlejqa tagħhom u, b'hekk, finalment jiskoraġġixxi l-kreattività u l-innovazzjoni. Mingħajr sistema effettiva u bbilanċjata ta’ infurzar, id-drittijiet tal-awtur kif ukoll drittijiet tal-proprjetà intellettwali oħrajn (IPR) mhumiex protetti sew u l-investiment fil-kreattività u l-innovazzjoni huwa mrażżan. Wara t-tħabbira fil-Komunikazzjoni ta’ Diċembru, il-Kummissjoni qiegħda twettaq evalwazzjoni tal-funzjonament kumplessiv tal-qafas legali attwali għall-infurzar tal-IPR, bħala parti minn inizjattiva usa’ li għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-IPR kollha u b’enfasi fuq il-ksur fuq skala kummerċjali.

Il-kontribuzzjonijiet għal konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali għall-infurzar tal-IPR, 25 imnedija b’appoġġ tal-evalwazzjoni, ikkonfermaw li l-ksur tal-IPR, inklużi d-drittijiet tal-awtur, huwa problema kbira. Iktar minn tliet kwarti minn fost id-detenturi tad-drittijiet u l-awtoritajiet pubbliċi li wieġbu osservaw li l-ksur tal-IPR żdied tul l-aħħar 10 snin. Filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu ħassew li r-regoli eżistenti għenu b’mod effettiv sabiex tkun protetta l-IP u pprevjenew xi ksur tal-IP, ħafna detenturi tad-drittijiet u intermedjarji b’mod partikolari qiesu li l-miżuri u r-rimedji pprovduti mid-direttiva dwar l-infurzar tal-IPR 26 mhumiex applikati b’mod omoġenu bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jirriżulta f’livell differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri u jissuġġerixxi li d-direttiva dwar l-infurzar tal-IPR ma eliminatx id-disparitajiet kollha f’livell nazzjonali b’rabta mal-mezzi ta’ infurzar tal-IPR. Numru sinifikanti minn dawk li wieġbu identifika wkoll il-bżonn li jiġu aġġustati wħud minn dawn il-miżuri, sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u tissaħħaħ l-effettività tagħhom, bħall-ħruġ ta’ miżuri provviżorji u prekawzjonali u inibizzjonijiet kontra fornituri ta’ servizzi intermedjarji jew il-kalkolu tad-danni xierqa. Il-proċedura diffikultuża għall-kisba ta’ miżuri provviżorji u prekawzjonari jew inibizzjonijiet għall-istess ksur kontra destinatarji simili f’iktar minn ġurisdizzjoni waħda fl-UE hija problema oħra li qajmu b’mod partikolari d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Wara l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa għall-qafas leġiżlattiv li se tgħin sabiex jitjieb il-qafas ta’ infurzar legali għall-ksur tal-IPR kollu, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-awtur, kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-applikazjoni tal-miżuri provviżorji u prekawzjonali u l-inibizzjonijiet, kif ukoll tar-regoli għall-kalkolu u l-allokazzjoni tad-danni. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll possibbiltajiet kif jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ miżuri provviżorji u prekawzjonali jew inibizzjonijiet għall-istess ksur kontra destinatarji simili f’iktar minn ġurisdizzjoni waħda fl-UE.

Madankollu, it-teknoloġija u l-ambjent diġitali li qegħdin jiżviluppaw malajr jeħtieġu wkoll li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji pprovduti mid-direttiva dwar l-infurzar tal-IPR ikunu jistgħu jiġu applikati u jinħarġu mill-qrati nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn. Dan huwa ta’ rilevanza partikolari sabiex ikunu protetti xogħlijiet u oġġetti protetti oħrajn. L-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi ġudizzjarji tagħhom ikollhom il-kapaċità neċessarja sabiex iwieġbu għall-bżonn ta’ protezzjoni veloċi u effettiva tal-IPR, speċjalment fuq l-internet. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll l-inċentivi sabiex tippromwovi l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin nazzjonali fi kwistjonijiet ta’ ksur u validità tal-IPR, fid-dawl tal-esperjenza pożittiva li rrapportaw dawk l-Istati Membri li diġà għandhom imħallfin speċjalizzati bħal dawn.

Il-Komunikazzjoni ta’ Diċembru ddikjarat ukoll li “[l-]Kummissjoni se taġixxi minnufih biex twaqqaf u tapplika, flimkien mal-partijiet kollha kkonċernati, il-mekkaniżmi tas-“segwiment tal-flus”, b'metodu awtoregolatorju” 27 . Fuq il-bażi tal-esperjenza pożittiva bil-Memorandum ta’ Qbil eżistenti li ġie aġġornat dan l-aħħar dwar il-bejgħ online ta’ prodotti foloz 28  il-Kummissjoni approvat il-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni volontarja li jinvolvu tipi oħrajn ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji fil-protezzjoni tal-IPR, 29 inklużi l-fornituri ta’ servizzi online ta’ reklamar, ħlas u kunsinna. Ir-reklamar online huwa sors importanti ta’ dħul għal siti fuq l-internet li jiksru d-drittijiet tal-awtur. L-iskop tal-inizjattiva relatata mar-reklamar huwa li din tiddiswadi t-tqegħid ta’ reklamar fuq siti web li jiksru l-IP fuq skala kummerċjali, sabiex b’hekk il-ksur tal-IPR ma jibqax jiġi ffinanzjat mid-dħul mir-reklami. Peress li s-siti web li jiksru d-drittijiet tal-awtur joffru 'l hekk imsejħin mudelli primjum jew ta’ abbonament, li bihom jagħtu aċċess iktar veloċi għall-kontenut bi ħlas, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “segwi l-flus”, billi jinterċettaw tranżazzjonijiet finanzjarji u eventwalment jirtiraw is-servizzi tagħhom u b’hekk ma jħallux lil dawn in-negozji jagħmlu l-profitt. Il-Kummissjoni hija impenjata għal kollox li tikseb riżultati konkreti f’dawn il-proċessi, kruċjali fil-ġlieda kontra l-piraterija, u tistenna li magħha tissieħeb l-usa’ firxa possibbli ta’ partijiet ikkonċernati, filwaqt li tibni fuq ftehimiet simili li hemm fis-seħħ f’livell nazzjonali. Skont il-progress li jagħmlu dawn l-inizjattivi, il-Kummissjoni se tesplora wkoll alternattivi oħrajn li jsaħħu l-involviment tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji fil-protezzjoni tal-IPR, bħar-responsabbiltà tal-intermedjarji f’każijiet li fihom l-intermedjarju jkun jaf li s-servizzi tiegħu qegħdin jintużaw minn parti terza sabiex tikser IPR iżda jonqos milli jaġixxi.

6. Konklużjoni

L-industriji kulturali u kreattivi huma importanti għall-Ewropa f’ħafna modi differenti. Jikkostitwixxu settur ekonomiku sinifikanti iżda huma wkoll sors primarju ta’ tagħlim u divertiment u huma kruċjali sabiex tinżamm u titrawwem id-diversità kulturali Ewropea. Il-ħila tal-industriji Ewropej tad-dritijiet tal-awtur li jinnovaw fl-ambjent diġitali hija prerekwiżit għas-suċċess tagħhom u l-ħila tagħhom li jikkompetu f’livell globali.

Għaldaqstant, qafas tad-drittijiet tal-awtur imfassal kif suppost u miżuri ta’ appoġġ huma essenzjali għall-awturi, l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi sabiex ikunu jistgħu jilħqu udjenzi ikbar u, finalment, jipprovdu iktar għażliet liċ-ċittadini. Il-Kummissjoni qiegħda timplimenta aġenda ambizzjuża li kemm timmodernizza l-qafas tal-UE tad-drittijiet tal-awturi għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha kif ukoll issostni d-disponibbiltà u l-viżibbiltà tal-kontenut kulturali u kreattiv Ewropew, inkluż f’livell transfruntier. L-inizjattivi leġiżlattivi u l-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju jsostnu u jsaħħu lil xulxin. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-impatt ta’ dawn il-miżuri u tagħti segwitu lill-isforzi li tieħu l-industrija sabiex tintegra l-objettivi stipulati hawn fuq fil-mudelli kummerċjali tagħha.

(1)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, is-6 ta’ Mejju 2015. COM(2015) 192 final.

(2)

     COM(2015) 626 final.

(3)

     COM(2015) 627 final.

(4)

     Il-baġit tal-2014-2020 tal-programm jammonta għal EUR 1.46 biljun. Il-programm Ewropa Kreattiva jinkludi subprogramm għall-Kultura (“Culture”) u ieħor għall-istampa (“MEDIA”), kif ukoll sensiela transettorjali.

(5)

     Il-Kummissjoni qiegħda tixtarr ukoll sorsi oħrajn ta’ finanzjament għas-settur, inkluż il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma u l-finanzjament kollettiv.

(6)

     Subprogramm tal-programm Ewropa Kreattiva.

(7)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn relatati applikabbli għal ċerti trażmissjonijiet online ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u ritrażmissjonijiet ta’ programmi televiżivi u tar-radju, COM(2016) 594.

(8)

     Id-Direttiva 93/83/KEE.

(9)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali, COM(2016) 593.

(10)

     Bħala medja, il-films Ewropej jilħqu lil madwar 2.8 Stati Membri tal-UE biss meta mqabblin ma’ 6.8 Stati Membri tal-UE għall-films mill-Istati Uniti. Fiċ-ċinema, id-distakk bejn il-films Ewropej (2.6) u l-films mill-Istati Uniti (9.7) huwa saħansitra ikbar (L-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew “How do films circulate on VOD services and in cinemas in the European Union?”, Mejju 2016).

(11)

     47% tal-films mill-UE maħruġin fis-swali taċ-ċinema tal-UE bejn l-2005 u l-2014 huma disponibbli fuq tal-inqas servizz VoD wieħed (5,046 film minn 10,828), filwaqt li 87% tal-films mill-Istati Uniti maħruġin tul l-istess perjodu fis-swali taċ-ċinema Ewropej huma disponibbli fuq tal-inqas servizz tal-VoD wieħed (2,404 film minn 2,748) (European Audiovisual Observatory “L-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew “How do films circulate on VOD services and in cinemas in the European Union?”, Mejju 2016).

(12)

     L-ISAN (International Standard Audiovisual Number) u l-EIDR (Entertainment Identifier Registry).

(13)

     Sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll l-użu ta’ identifikatur standard komuni bħala rekwiżit għall-appoġġ permezz tal-programm MEDIA.

(14)

     Għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, il-pjattaformi globali jeħtieġu numru minimu ta’ verżjonijiet lingwistiċi.

(15)

     Skont rapport riċenti mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew “How do films circulate on VOD services and in cinemas in the European Union?”, Mejju 2016, il-koproduzzjonijiet jiċċirkolaw aħjar mill-films Ewropej medji. Il-films Ewropej għandhom medja ta’ disponibbiltà fi 2.8 pajjiżi filwaqt li l-koproduzzjonijiet Ewropej huma disponibbli fi 3.6 pajjiżi.

(16)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu, COM(2016) 287 final.

(17)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali, COM(2016) 593.

(18)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali, COM(2016) 593.

(19)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u oġġetti oħrajn protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni li huma għomja, b’vista batuta jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE, dwar l-armonizzazzjoni dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, COM(2016) 596, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju transkonfinali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi ta’ kopji f’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet u oġġetti oħrajn protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni li huma għomja, b’vista batuta jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, COM(2016) 595.

(20)

     It-Trattat ta’ Marrakesh Għall-Faċilitazzjoni tal-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għall-Persuni Għomja, b’Vista Batuta jew li Għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat ġie ffirmat f'isem l-UE fit-30 ta' April 2014.

(21)

     Kawża C-174/15. Vereniging Openbare Bibliotheken vs Stichting Leenrecht.

(22)

     Ara https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/public-consultation-role-publishers-copyright-value-chain-and-panorama-exception .

(23)

     Il-Komunikazzjoni dwar Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali, Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa, COM(2016) 288 final.

(24)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali, COM(2016) 593.

(25)

     Ara http://ec.europa.eu/growth/industry/intellectual-property/enforcement/ .

(26)

     Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(27)

     Skema ta’ ksur tal-IPR fuq skala kummerċjali se tikkonsisti fil-ħlas għal servizzi sabiex jiġu mmanifatturati, distribwiti jew promossi prodotti u servizzi li jiksru IP kif ukoll fil-ġenerazzjoni ta’ dħul mill-promozzjoni u l-bejgħ tat-tali prodotti u servizzi. L-approċċ ta’ “segwi l-flus” jinvolvi tipi differenti ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji fil-protezzjoni tal-IPR billi jitfasslu miżuri politiċi li jidentifikaw u jfittxu li jtellfu l-fluss tad-dħul għall-attività li tikser id-drittijiet.

(28)

      http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18023/?locale=mt

(29)

     Id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar u l-monitoraġġ tal-memoranda ta’ qbil li jfittxu li jiddiswadu attivitajiet ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali fis-suq intern: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18023/?locale=mt  

Top