IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2016
COM(2016) 521 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju
1.
Introduzzjoni
L-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 isejjaħ lill-Kummissjoni biex tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju (DUCG). Barra minn dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2014)244) tagħraf li l-pubblikazzjoni ta' rapporti u informazzjoni ta' kontroll mhux sensittiva jistgħu jkunu passi kritiċi biex itejbu t-trasparenza u l-konformità tal-operaturi u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-kontrolli. Dan ir-rapport, imħejji mill-Kummissjoni u d-DUCG bil-kontribut ta' Stati Membri,
jipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fl-2015, u jinkludi data ta' kontroll aggregata dwar l-esportazzjoni għall-2014.
2.
Evoluzzjoni tal-politika u l-qafas regolatorju
2.1.
Analiżi tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE
Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni (COM(2014)244) tal-24 ta' April 2014, il-Kummissjoni varat valutazzjoni tal-impatt bl-iskop li jiġu evalwati l-kosti u l-benefiċċji assoċjati mal-għażliet differenti ta' rieżami, u li jiġu identifikati l-azzjonijiet regolatorji u nonregolatorji l-iktar xierqa (
http://ec.europa.eu/smartregulation/
impact/planned_ia/docs/2013_trade_015_duxc_en.pdf). Il-Kummissjoni qabbdet konsulent estern biex iwettaq, minn Diċembru 2014 sa Ottubru 2015, proġett ta’ ġbir ta’ data sabiex jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-ġbir u l-analiżi ta’ data u informazzjoni dwar l-industrija tal-oġġetti b’użu doppju u l-impatti ekonomiċi u soċjali ta’ kontrolli, il-problemi relatati u l-azzjonijiet ta' rieżami korrispondenti. B’mod parallel, il-Kummissjoni wettqet, mill-15 ta’ Lulju sal-15 ta’ Ottubru 2015, konsultazzjoni pubblika online li tiġbor il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku dwar l-għanijiet u l-għażliet ta’ rieżami u l-impatt probabbli tagħhom fuq il-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni huma mqassra f’
http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/november/tradoc_154003.pdf
.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjonijiet u komunikazzjoni mmirati ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin. Il-Kummissjoni kkonsultat il-Grupp ta’ Ħidma dwar Oġġetti b’Użu Doppju tal-Kunsill, filwaqt li pprovdiet aġġornamenti dwar il-proġett tal-ġbir tad-data kif ukoll dwar il-valutazzjoni tal-impatt li tinsab għaddejja bħalissa. Ir-rieżami tal-politika ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni kien ukoll fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew f’diversi okkażjonijiet, pereżempju f'Kumitat DROI-INTA konġunt fit-23 ta’ April 2015, li ffoka fuq l-impatt ta’ sistemi ta’ intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi, u workshop dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju organizzat mill-Kumitati INTA u SEDE tal-Kumitati fil-15 ta’ Ġunju 2015. Il-kontrolli fuq l-esportazzjoni kienu wkoll is-suġġett ta’ għadd ta’ mistoqsijiet parlamentari fil-Kumitat INTA kif ukoll fis-sessjoni plenarja tal-5 ta’ Ottubru 2015. Fl-aħħar nett, fis-7 ta’ Diċembru 2015 ġie organizzat Forum ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni b’mod konġunt mal-Presidenza Lussemburgiża tal-UE, sabiex jiġu skambjati fehmiet mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u tas-soċjetà ċivili. Ir-rapport tal-Forum jinsab hawnhekk:
http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/december/tradoc_154041.pdf
.
2.2.
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 428/2009
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ġie emendat darba matul il-perjodu ta' rapportar. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2420/2015 tat-12 ta' Ottubru 2015 aġġorna l-Lista ta' Kontroll tal-UE fl-Anness I tar-Regolament, u inkorpora modifiki maqbula fir-reġimi ta' kontroll tal-esportazzjoni multilaterali fl-2014. Il-lista ta’ kontroll tal-UE tal-2015 b’hekk tinkorpora aktar minn 100 emenda, li ħafna minnhom jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Wassenaar u s-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili. Dawn l-emendi jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kontroll ta’ għodod tal-magni, teknoloġija avjonika u sistemi ta' tiwi tal-ġwienaħ, apparat tal-ajruplani u tal-ispazju u Inġenji ċivili tal-Ajru mingħajr Ekwipaġġ kif ukoll it-tneħħija mil-lista ta’ kontroll ta’ ċerti prodotti ta’ sigurtà ta' informazzjoni kriptata. L-Annessi II u IV tar-Regolament ġew ukoll aġġornati f’konformità mal-emendi tal-Anness I. Il-Lista ta’ Kontroll tal-UE ġdida, aġġornata u konsolidata saret applikabbli fil-25 ta' Diċembru 2015, u b’hekk tippermetti lill-UE taderixxi mal-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u tgħin lill-esportaturi tal-UE fejn il-parametri ta’ kontroll ġew rilassati.
2.3.
Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni
Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, iżda, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, u li l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta' Frar 2015 ġiet ppubblikata Nota ta' Informazzjoni, li tagħti stampa ġenerali ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri inkluż, pereżempju, l-estensjoni tal-kontrolli tas-senserija u t-tranżitu, l-estensjoni tal-kontrolli għal oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika u konsiderazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem, l-introduzzjoni ta' awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni ġenerali nazzjonali, l-applikazzjoni ta' kontrolli ta' trasferiment intra-UE għal oġġetti mhux elenkati, l-infurzar ta' kontrolli, kif ukoll tagħrif relatat mal-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni nazzjonali.
3.
Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju
L-Artikolu 23 tar-Regolament jistabbilixxi DUCG li jgħaqqad flimkien esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex jeżaminaw kwalunkwe kwistjoni rigward l-applikazzjoni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni bil-għan li tittejjeb fil-prattika l-konsistenza u l-effettività tagħhom madwar l-UE.
3.1.
Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni
Matul il-perjodu ta' rapportar, id-DUCG ipprovda forum għall-konsultazzjonijiet dwar numru ta' kwistjonijiet topiċi rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament. Id-DUCG kellu seba’ laqgħat, u ddiskuta kwistjonijiet ta’ kontroll speċifiċi, bħalma huma l-interpretazzjoni tal-klawżola “komponenti ddisinjati apposta”, ir-rekwiżit għal ċertifikati T5 fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ ta’ oġġetti esportati, il-kontroll ta’ invertituri, l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “esportatur” għal “bejjiegħa bl-imnut”, l-applikazzjoni ta’ kontrolli ta’ tranżitu skont ir-regolament dwar l-oġġetti b’użu doppju, u l-kontroll ta’ riċerka ta' użu doppju.
Id-DUCG wettaq skambju tekniku tal-informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali, u ħejja Nota ta’ Informazzjoni aġġornata dwar il-miżuri nazzjonali għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali (ara hawn fuq).
Id-DUCG għamel rieżami tal-metodoloġija u l-approċċ għall-iskambju ta' data, u wettaq eżerċizzju komprensiv ta' ġbir ta' data ta' liċenzjar (abbażi ta' data tal-2014) sabiex iżid l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u t-trasparenza pubblika dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE ta' prodotti b'użu doppju. Id-DUCG ikkollabora wkoll mal-“proġett ta' ġbira ta' data” implimentat mill-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI) u Ecorys biex jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt għar-rieżami ta' politika ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni.
Id-DUCG issorvelja l-attività ta' sottogrupp tekniku konġunt (mad-dwana) biex jeżamina l-konverġenza potenzjali tal-programmi doganali "Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati" ma' "programmi ta' konformità interni" tal-kontroll tal-esportazzjoni. Id-DUCG approva l-konklużjonijiet tas-sottogrupp tekniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida komuni għal standards madwar l-UE kollha għall-Programm ta’ Konformità Interna (ICP) u biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tal-kontroll tal-esportazzjoni.
Id-DUCG ssorvelja l-attività tal-“Grupp ta’ esperti dwar it-teknoloġija tas-sorveljanza” (“STEG”), li jgħaqqad flimkien esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-kontroll ta' teknoloġija tas-sorveljanza ċibernetika u jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-iżviluppi rilevanti. L-iSTEG għamel rieżami tal-iżviluppi rigward l-implimentazzjoni u l-parametri tekniċi tal-kontrolli, u skambja fehmiet dwar l-approċċi nazzjonali, Ewropej u dawk multilaterali għal kontrolli kif ukoll dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. L-iSTEG organizza wkoll sessjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati mill-industrija, l-akkademiċi u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.
3.2.
Sostenn tekniku għat-tħejjija ta' aġġornamenti għal-lista ta' kontroll tal-UE
Id-DUCG kellu konsultazzjonijiet tekniċi b'appoġġ għat-tħejjija ta' Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jaġġorna l-Lista ta' Kontroll tal-UE. L-esperti nazzjonali qasmu għarfien espert u taħriġ ma' awtoritajiet kompetenti filwaqt li ssottolinjaw l-iktar tibdiliet importanti li saru fil-lista ta' kontroll fl-okkażjoni ta' sessjoni speċjali tad-DUCG.
3.3.
Gwida tal-UE dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju
Id-DUCG beda tħejjijiet għal Linji gwida tal-UE li jappoġġaw skambju ta’ informazzjoni strutturat u konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ nota 3 għal Kategorija 5 Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 — in-“nota kriptografika” — u dwar id-definizzjoni ta’ “esportatur” f’sitwazzjonijiet fejn ikun involut bejjiegħ bl-imnut.
3.4.
Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
Id-DUCG kompla jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tas-Sistema Elettronika dwar l-Użu Doppju (DUeS), sistema elettronika sikura u kriptata ospitata mill-Kummissjoni, biex tippermetti l-iskambju effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni u l-Kummissjoni. Id-DUCG introduċa funzjonalitajiet u titjib ġodda fid-DUeS, b’mod partikolari sabiex jiġi appoġġat skambju ta’ informazzjoni mtejjeb dwar, inter alia, ċaħdiet maħruġa skont l-Artikoli 2 u 2a tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (sanzjonijiet tal-UE lejn il-Federazzjoni Russa), trasferimenti ta’ teknoloġija intanġibbli. Barra minn hekk, f’Diċembru 2015, ġiet introdotta funzjoni ġdida u aktar sikura għall-aċċess u ġestjoni tal-utenti. B’mod importanti, inħolqot sezzjoni ġdida fid-DUeS f’Ottubru 2015 biex tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċaħdiet maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ir-“Regolament ta’ Kontra t-Tortura”), u skont l-approċċ tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-diversi strumenti ta’ kontroll ta’ sigurtà tal-esportazzjoni.
3.5.
It-trasparenza u d-djalogu mal-industrija u mal-akkademiċi
Id-DUCG organizza “Forum DUCG-Industrija” fis-7 ta’ Diċembru 2015 ġewwa Brussell ma’ assoċjazzjonijiet tal-industrija, kumpaniji b’użu doppju u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu għażliet ta’ rieżami u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika online fil-kuntest tar-rieżami tal-politika ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni (
http://ec.europa.eu/trade/import-and-export-rules/export-from-eu/dual-use-controls/index_en.htm
).
Id-DUCG ħejja wkoll dokumentazzjoni biex tkun ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regolamenti mill-esportaturi. B'mod partikolari, "Nota Komprensiva tal-Bidliet" tiġbor fil-qosor, għall-finijiet informattivi, il-bidliet tat-test ta' kontroll fil-lista ta' kontrolli tal-UE introdotta skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2420 (
http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153892.pdf
).
3.6.
Monitoraġġ u infurzar ta’ kontroll tal-esportazzjoni
Il-Kummissjoni tippromwovi l-monitoraġġ u l-infurzar effettiv tal-kontrolli tal-esportazzjoni ġewwa l-UE permezz ta' diversi azzjonijiet ta' appoġġ. Fl-2015, il-Kummissjoni ħarġet verżjoni aġġornata tat-"tabella ta' korrelazzjoni" li tgħaqqad il-kodiċi doganali mal-klassifikazzjonijiet ta' użu doppju u kompliet l-inklużjoni tal-miżuri ta' kontroll tal-esportazzjoni fil-bażi ta' dejta online tat-tariffi doganali tal-UE (TARIC) (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2016/february/tradoc_154240.pdf).
3.7.
Grupp ta' Esperti
Fl-2015, il-Grupp ta' Esperti operat miċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta (JRC) tal-Kummissjoni u esperti li kienu disponibbli minn xi Stati Membri komplew jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE li talbu parir relatat ma' każijiet konkreti ta' liċenzjar. B'kollox, ingħataw seba' pariri lil sitt awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri matul il-perjodu ta' rapportar.
3.8.
Tisħiħ tal-kapaċitajiet
Id-DUCG appoġġa t-tħejjija ta’ eżerċizzju pilota ta’ simulazzjoni tal-kontroll fuq l-esportazzjoni (SimEX 2015) għal uffiċjali tad-dwana u tal-liċenzjar, organizzat b’mod konġunt mid-DĠ TAXUD u l-JRC, li seħħ bejn is-17 u d-19 ta’ Marzu 2015. Min-naħa tiegħu, il-JRC kompla s-serje ta' seminars tekniċi għall-awtoritajiet tal-liċenzjar b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti. It-tmien (8) seminar sar bejn it-22 u t-23 ta’ April 2015 f’Ispra, l-Italja, u għalih attendew iktar minn 100 uffiċjal tal-liċenzjar u esperti tekniċi minn awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE.
Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, il-"Programm ta' sensibilizzazzjoni P2P tal-UE" dwar oġġetti b’użu doppju f’pajjiżi sħab kompla fl-2015, u għamel għarfien espert disponibbli f'34 pajjiż biex isaħħaħ il-kontrolli tal-esportazzjoni madwar id-dinja kollha skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.
4.
Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE — Data prinċipali
Huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, għax ma jeżistix settur ekonomiku definit b'mod li jikkorrespondi għal dan. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data li tippermetti stimi approssimattivi tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju bbażata, min-naħa, fuq komoditajiet doganali identifikati mit-tabella ta’ korrelazzjoni, li tinkludi oġġetti ta’ użu doppju, u min-naħa l-oħra, fuq data ta' liċenzjar speċifika miġbura mill-awtoritajiet kompetenti. L-istimi tad-data tal-esportazzjoni tal-2014 huma ppreżentati hawn taħt. Għandu jiġi nnutat li stimi ppreżentati aktar ’il quddiem ma jkoprux servizzi u trasferimenti teknoloġiċi intanġibbli assoċjati mal-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju.
4.1.
Kummerċ tal-UE tal-oġġetti b’użu doppju: oġġetti u destinazzjonijiet
Ir-Regolament primarjament japplika għall-esportazzjoni ta’ madwar 1869 oġġett b’użu doppju elenkati fl-Anness I (il-Lista ta’ Kontroll tal-UE) u kklassifikati f’10 Kategoriji (Illustrazzjoni 1). Dawn l-oġġetti b’użu doppju huma relatati ma' madwar 1000 komodità doganali
, inklużi sustanzi kimiċi, metalli u prodotti minerali mhux metalliċi, kompjuters, prodotti elettroniċi u ottiċi, tagħmir elettriku, makkinarju, vetturi u tagħmir tat-trasport eċċ. u tipikament jaqgħu fil-parti tat-teknoloġija avvanzata f'dan il-qasam kbir ta' komoditajiet imħallta.
Illustrazzjoni 1: In-numru ta' oġġetti b'użu doppju elenkati fil-Kategoriji tal-Anness I wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/2420, imqabbel mar-Regolament (UE) Nru 1382/2014.
Permezz tal-korrelazzjoni bejn il-kodiċijiet doganali u l-klassifikazzjonijiet tal-użu doppju, huwa stmat li kontrolli japplikaw għal oġġetti inklużi f'"dominju tal-esportazzjoni" li jirrappreżenta madwar 20 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE (Illustrazzjoni 2).
Illustrazzjoni 2: Il-valur stmat tad-"dominju tal-oġġetti b'użu doppju" u l-esportazzjonijiet totali.
Parti kbira mid-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tikkonċerna esportazzjonijiet lejn “pajjiżi E001” li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet ġenerali tal-esportazzjoni. Dan jirrifletti l-istruttura tas-suq tal-esportazzjoni tal-UE fil-komoditajiet rilevanti kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ taħt EUGEAs (Illustrazzjoni 3)
.
Illustrazzjoni 3: Pajjiżi u sottoreġjuni destinatarji għal dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE fl-2014.
Illustrazzjoni 4: Pajjiżi destinatarji skont ir-reġjuni u s-sottoreġjuni dinjija, 2014.
Illustrazzjoni 5: L-ogħla 50 destinazzjoni barra mill-UE skont il-valur fid-dominju tal-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju 2014
.
4.2.
Applikazzjonijiet, liċenzji, ċaħdiet
Id-DUCG skambja informazzjoni u data miġbura dwar il-kummerċ ta’ oġġetti kkontrollati, sabiex jittejjeb il-fehim ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-effett ekonomiku tagħhom. Xi data miġbura għall-perjodu ta’ rapportar hija rrappurtata hawn taħt; madankollu, għandu jiġi nnutat li mhux l-Istati Membri kollha jiġbru d-data kollha. L-informazzjoni pprovduta hawn isfel għalhekk tirrappreżenta stimi approssimattivi ta’ kwantitajiet aggregati u l-valur fil-limiti tad-data magħmula disponibbli mill-Istati Membri.
Illustrazzjoni 6: Volum (numru) ta' awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet fl-2010-2014
.
Illustrazzjoni 7: Valur (mln ta' EUR) ta' awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet fl-2010-2014.
Illustrazzjoni 8: Volum (numru) ta' awtorizzazzjonijiet għal kull kategorija fid-data tal-2014.
Illustrazzjoni 9: Valur (mln ta' EUR) ta' awtorizzazzjonijiet skont it-tip fl-2014.
Il-valur totali
ta’ applikazzjonijiet laħaq EUR 59 biljun u l-esportazzjonijiet ikkontrollati ta’ oġġetti b’użu doppju b’hekk kienu jirrappreżentaw 'il fuq minn 3,4 % tal-esportazzjonjiet barra mill-UE totali. Il-kummerċ awtorizzat ta' oġġetti b'użu doppju ammonta għal EUR 41,5 bn, biex b'hekk jirrappreżenta 2,4 % tal-esportazzjonijet barra mill-UE totali, b'maġġoranza tat-tranżazzjonijiet awtorizzati b'liċenzji individwali (madwar 25 000 liċenzja individwali maħruġa fl-2014). Porzjon żgħir biss tal-esportazzjonijiet ġie fil-fatt miċħud: madwar 472 ċaħda nħarġu fl-2014, li jirrappreżentaw madwar 11,5 % tal-valur tal-esportazzjonijet ta' oġġetti b'użu doppju f'dik is-sena, u 0,4 % tal-esportazzjonijiet barra mill-UE totali.