Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0510

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Valutazzjoni tar-regoli ta' rimunerazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013

COM/2016/0510 final

Brussell, 28.7.2016

COM(2016) 510 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tar-regoli ta' rimunerazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013

{SWD(2016) 265 final}
{SWD(2016) 266 final}


I.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital 1 (“CRD”) u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital 2 (“CRR”) fihom numru ta’ rekwiżiti dwar il-politiki u l-prattiki ta’ rimunerazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment. Dawn ir-rekwiżiti ġew introdotti wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 biex jiġi żgurat li l-politiki ta’ rimunerazzjoni ma jinkoraġġux imġiba ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju 3 .

L-ewwel sett ta’ regoli dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju tressaq fil-livell tal-UE fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 4 . Dan ġie segwit mill-introduzzjoni tar-regoli vinkolanti dwar ir-rimunerazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment fis-CRD III 5 , adottat fl-2010. Dawk ir-regoli, li kellhom jiġu implimentati mill-Istati Membri sa Jannar 2011, ġew estiżi aktar wara l-adozzjoni tas-CRD IV fl-2013 (bir-regoli l-ġodda applikabbli mill-2014).

Dan ir-rapport ġie mħejji biex jissodisfa l-obbligu skont l-Artikolu 161(2) tas-CRD li jirrikjedi lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effiċjenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar ir-rimunerazzjoni, u b’mod partikolari dwar l-impatt tal-proporzjon massimu bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u fissa.

Fit-twettiq ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni involviet ruħha f’diversi flussi ta’ xogħol. Hija studjat il-letteratura akkademika u kkommissjonat studju minn kuntrattur estern biex jassisti bil-valutazzjoni tagħha 6 . Hija talbet l-input tal-partijiet interessati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika 7 , avveniment ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-partijiet interessati u laqgħat bilaterali mar-rappreżentanti tal-industrija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni involviet ruħha mar-rappreżentanti u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri. Skont il-mandat tas-CRD, l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet assoċjata mill-qrib mal-proċess ta’ rieżami u tat informazzjoni ta’ valur. B’mod partikolari, ir-rapporti tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-persuni li jaqilgħu pagi għoljin u dwar il-benchmarking tal-prattiki ta’ rimunerazzjoni fil-livell tal-UE 8 kienu sors tad-dejta ta’ valur li tkopri s-snin bejn l-2010 u l-2014.

Id-dettalji tal-valutazzjoni meħtieġa mis-CRD tal-effiċjenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli ta’ rimunerazzjoni inġenerali huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016)265 li jakkumpanja dan ir-rapport. Din il-valutazzjoni ppermettiet l-identifikazzjoni ta’ numru ta’ regoli li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra azzjoni ulterjuri, u evalwazzjoni dettaljata ta’ dawk ir-regoli individwali hija ppreżentatata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016)266. Se jittieħed kont ta’ din il-valutazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni usa’ tas-CRD u s-CRR li qed jiġu kkunsidrati bħalissa.

Ir-rieżami tal-Kummissjoni tar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD u s-CRR hija marbuta wkoll mal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fir-rigward tas-Sejħa għal Evidenza 9 dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji li ġie mniedi fit-30 ta’ Settembru 2015 biex jiġi investigat l-impatt tal-leġiżlazzjoni (inklużi s-CRD u s-CRR). Numru ta’ reazzjonijiet għal din is-sejħa għal evidenza relatati mar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD ġew ikkunsidrati f’dan ir-rieżami.

Globalment, l-eżerċizzju ta’ rieżami ġie mfixkel sa ċertu punt mid-dħul fis-seħħ relattivament reċenti ta’ wħud mir-regoli ta’ rimunerazzjoni u mill-fatt li r-regoli mhux dejjem jiġu applikati fil-firxa sħiħa tagħhom, spiss abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità. Dan ħoloq limitazzjonijiet f’termini tad-disponibbiltà tad-dejta u affettwa l-abbiltà li jiġu fformulati, bħalissa, sejbiet konklużivi dwar uħud mill-aspetti tal-analiżi. Irriżultat diffikultà oħra min-natura stess tar-regoli: ir-regoli huma maħsuba biex irażżnu l-inċentivi li jistgħu jwasslu sinjali żbaljati lill-individwi u għalhekk jaffettwaw l-imġiba tal-individwi. Il-kejl tal-impatt konkret fuq l-imġiba tal-individwi huwa kumpless ħafna. Finalment, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li r-regoli ta’ rimunerazzjoni huma biss element wieħed tal-qafas regolatorju li ddaħħal fis-seħħ bil-għan li titrawwem l-istabilità finanzjarja. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-impatt tar-regoli ta’ rimunerazzjoni waħedhom fuq l-istabilità finanzjarja, u twettqet valutazzjoni aktar kwalitattiva ta’ ċerti aspetti.

II.IL-KUNTEST

Wieħed għandu jqis l-introduzzjoni tar-regoli ta’ rimunerazzjoni fl-isfond tal-kriżi finanzjarja li tfaċċat fl-2008. Miżuri għat-treġġigħ lura tal-istabilità finanzjarja involvew livelli mingħajr preċedent tal-appoġġ tal-pubbliku. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-inċentivi finanzjarji li bagħtu s-sinjali żbaljati lill-persunal kienu wieħed mill-fatturi li kkontribwixxa għall-kriżi. Il-prattiki ta’ rimunerazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji kienu jfissru li dawk l-inċentivi ma kinux konformi mal-objettivi fit-tul tad-ditti u l-ħtieġa ta’ teħid ta’ riskju responsabbli.

Fil-livell internazzjonali, il-Mexxejja tal-G20 fid-Dikjarazzjoni tagħhom mis-Summit ta’ Washington DC dwar is-Swieq Finanzjarji u l-Ekonomija Dinjija tal-15 ta’ Novembru 2008 10 talbu ħidma ta’ prijorità fuq “Rieżami ta’ kif il-prattiki ta’ kumpens jirrigwardjaw l-inċentivi għat-teħid ta’ riskju u l-innovazzjoni”. Kemm id-Dikjarazzjoni tas-Summit tal-G20 ta’ Londra tat-2 ta’ April 2009 dwar it-Tisħiħ tas-Sistema Finanzjarja 11 kif ukoll id-Dikjarazzjoni mis-Summit ta’ Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009 12 ikkonfermaw ftehim min-naħa tal-mexxejja globali li “r-riforma tal-politiki u l-prattiki ta’ kumpens hija parti essenzjali mill-isforz tagħna biex inżidu l-istabilità finanzjarja”, u żguraw l-impenn tagħhom li japprovaw u jimplimentaw il-prinċipji u l-istandards ta’ prattiki tajba ta’ kumpens adottati mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) 13 .

Is-CRD għandha l-għan li timplimenta dawk il-prinċipji miftiehma internazzjonalment fl-UE. Waħda mid-differenzi prinċipali bejn ir-regoli tal-UE u dawn il-prinċipji u l-istandards hija l-proporzjon massimu bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u fissa, li hija definita biss fl-UE.

Ir-rimunerazzjoni tibqa’ prijorità għolja fl-aġenda tal-politika internazzjonali. Id-dibattitu internazzjonali issa qed jiffoka fuq ir-rwol tal-prattiki ta’ rimunerazzjoni fl-għoti ta’ inċentiv ta’ mġiba tajba. Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja qed jeżamina jekk hemmx ħtieġa għat-tisħiħ ta’ diżinċentivi marbuta mar-rimunerazzjoni għall-imġiba ħażina.

III.VALUTAZZJONI TAR-REGOLI TA’ RIMUNERAZZJONI

Din it-taqsima l-ewwel tiddiskuti fil-qosor l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli ta’ rimunerazzjoni (is-Subtaqsima A). Imbagħad tagħti ħarsa lejn il-kamp ta’ applikazzjoni globali tal-applikazzjoni tagħhom (is-Subtaqsima B). Din sussegwentement tagħti ħarsa lejn il-komponenti differenti tar-regoli: is-Subtaqsima C tiffoka fuq ir-regoli ta’ rimunerazzjoni li ilhom fis-seħħ mill-adozzjoni tas-CRD III (jiġifieri minbarra l-proporzjon massimu) 14 ; is-Subtaqsima D tiffoka fuq il-proporzjon massimu li kien introdott biss mis-CRD IV.

A.L-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli

L-Istati Membri kellhom l-obbligu li jittrasponu u japplikaw ir-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD IV sal-aħħar tal-2013. Sakemm dan ir-rapport ġie abbozzat, l-Istati Membri kollha kienu kkomunikaw lill-Kummissjoni t-traspożizzjoni tagħhom (Stat Membru wieħed ikkomunika traspożizzjoni parzjali). Il-Kummissjoni kkompletat valutazzjoni prima facie ta’ dawn il-miżuri kkomunikati għal 17-il Stat Membru; kontroll tat-traspożizzjoni sħiħa tal-Istati Membri kollha jinsab għaddej bħalissa.

Dan ir-rapport jiffoka fuq kwistjoni waħda rikorrenti fl-UE kollha li kienet identifikata waqt il-proċess ta’ kontroll tat-traspożizzjoni, u kwistjoni waħda li fiha ġew żvelati nuqqasijiet fl-infurzar effettiv f’diversi ġuriżdizzjonijiet.

L-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipju tal-proporzjonalità li hija l-bażi tar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD skont l-Artikolu 92(2) tas-CRD. Ġie żvelat li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri daħħlu fis-seħħ livelli limitu jew kriterji li skonthom mhuwiex meħtieġ li jiġu applikati ċerti regoli ta’ rimunerazzjoni, li mhumiex konformi mat-test tad-Direttiva (din il-kwistjoni hija diskussa fid-dettall fit-Taqsima III.C.(ii)).

It-tieni kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ x’inhi rimunerazzjoni “fissa” u x’inhi rimunerazzjoni “varjabbli”. Tabilħaqq, jidher li ċerti istituzzjonijiet, fid-dawl tar-rekwiżiti tas-CRD dwar ir-rimunerazzjoni, ikklassifikaw b’mod inkorrett il-“benefiċċji bbażati fuq ir-rwol” 15  bħala rimunerazzjoni fissa, u li din il-prattika ma ġietx mitmuma immedjatament mis-superviżuri (din il-kwistjoni hija diskussa fid-dettall fit-Taqsima III.D(i).).

B.Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ rimunerazzjoni

Din is-Subtaqsima teżamina numru ta’ mistoqsijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ rimunerazzjoni.

Applikazzjoni għall-membri identifikati tal-persunal: Pass importanti fl-iżgurar tal-effettività tar-regoli ta’ rimunerazzjoni huwa li jiġi identifikat b’mod korrett il-persunal li għandhom japplikaw għalih (jiġifieri l-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet). Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 16  daħħal fis-seħħ kriterji armonizzati għall-identifikazzjoni ta’ tali persunal. Bis-saħħa ta’ din l-armonizzazzjoni, li ġiet ġeneralment milqugħa tajjeb mill-industrija, hemm inqas diskrepanzi fl-approċċi segwiti mis-superviżuri u l-istituzzjonijiet. Madankollu tqajjem tħassib mill-industrija dwar iż-żieda materjali fin-numru ta’ membri identifikati tal-persunal. Madankollu, dawn għandhom jirrappreżentaw biss parti relattivament żgħira tat-total tal-persunal (medja ta’ 2.34% fl-2014 17 ). Għadha trid tinkiseb l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-kriterji relattivament ġodda u se jkun hemm evalwazzjoni kontinwa 18 . 

Applikazzjoni għad-ditti tal-investiment: Id-ditti tal-investiment isostnu li r-regoli ta’ rimunerazzjoni ġew żvilippati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mhumiex xierqa għall-mudell kummerċjali u l-profil tar-riskju tagħhom, li jsostnu li huwa differenti ħafna minn dak tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Ir-rieżami tal-Kummissjoni ħadet nota tat-tħassib imqajjem mid-ditti tal-investiment iżda kienet iffaċċata b’disponibbiltà limitata ta’ dejta, u għalhekk ma kienx possibbli li tasal għal konklużjoni dwar dan l-aspett f’dan l-istadju. Kif mitlub skont is-CRR 19 , il-Kummissjoni attwalment qed teżamina mill-ġdid ir-reġim prudenzjali applikabbli għad-ditti tal-investiment. Il-kwistjoni tal-applikazzjoni inġenerali tar-regoli ta’ rimunerazzjoni għad-ditti tal-investiment tista’ teħtieġ li tiġi rieżaminata fid-dawl tas-sejbiet ta’ dan ir-rieżami kontinwu.

Applikazzjoni fil-livell tal-grupp: Il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) jew ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIF) li huma parti minn grupp regolat mis-CRD huma mħassba dwar il-ħtieġa ta’ konformità sħiħa mar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD (b’mod partikolari l-proporzjon massimu), kif ukoll mal-ħtieġa ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur tagħhom, li tirregola wkoll ir-rimunerazzjoni 20 . Huma jsostnu li dan ifixkel il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-maniġers indipendenti tal-UCITS u l-AIF li mhumiex parti minn grupp regolat mis-CRD u jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni settorjali biss (li hija simili ħafna għar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD iżda ma fihiex il-proporzjon massimu). Huwa importanti li jiġi nnotat li, skont it-termini tas-CRD, il-persunal tas-sussidjarji tal-maniġers tal-UCITS u l-AIF jeħtieġ li jikkonforma biss mar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD applikabbli għall-impriża omm tiegħu jekk, abbażi tal-kriterji armonizzati għall-identifikazzjoni tal-persunal, jiġi determinat li tali persunal għandha impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-grupp tas-CRD li tagħmel parti minnu.

C.Ir-regoli introdotti mis-CRD III

Din it-taqsima tibda b’valutazzjoni globali tar-regoli ta’ rimunerazzjoni varji introdotti mis-CRD III wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 (i). Din imbagħad tiffoka fuq it-tħassib tal-industrija, l-Istati Membri u s-superviżuri dwar il-ħtieġa ta’ applikazzjoni proporzjonata tar-regoli (ii).

(i) Valutazzjoni globali

Ir-rekwiżiti dwar il-kriterji u l-perjodu ta’ żmien li jridu jiġu kkunsidrati meta titkejjel il-prestazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ rimunerazzjoni varjabbli 21 ġew ivvalutati b’mod pożittiv mill-partijiet interessati inġenerali, li jaraw il-mertu tal-kombinament tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni individwali ma’ dik kollettiva, u l-kriterji finanzjarji ma’ dawk mhux finanzjarji. Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza raw progress fil-konformità mar-regoli, għad hemm lok għal inkorporazzjoni aħjar tal-kriterji aġġustati għar-riskju fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni.

Ir-rekwiżiti relatati mal-governanza 22 ġew imfassla biex jiżguraw li l-bordijiet tal-istituzzjonijiet kellhom responabbiltà u sorveljanza globali tal-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ rimunerazzjoni, li l-immaniġġjar tar-riskju ġie inkorporat fl-istabbiliment tal-politiki tajba ta’ rimunerazzjoni u li l-kumitati ta’ rimunerazzjoni kienu stabbiliti f’istituzzjonijiet “sinifikanti”. Dawn ir-regoli ta’ governanza ġeneralment ġew ivvalutati b’mod pożittiv.

Ir-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet għad-divulgazzjoni 23 tal-informazzjoni dwar il-prattiki ta’ rimunerazzjoni tagħhom iservu biex iżidu t-trasparenza, u jidhru li jikkontribwixxu għal allinjament aħjar tar-rimunerazzjoni mal-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet u li jiffaċilitaw is-sorveljanza superviżorja.

Il-limitazzjonijiet tas-CRD fuq rimunerazzjoni varjabbli 24 u paga terminali garantiti 25 jidhru li kienu effettivi: l-użu kemm tal-bonusijiet għall-bidu ta’ impjieg kif ukoll tal-paga terminali naqas b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin, li jissuġġerixxi użu inkwadrat aħjar ta’ dawn il-forom ta’ rimunerazzjoni, kif maħsub mis-CRD 26 . 

Id-dejta turi li l-użu ta’ differiment 27 (minflok ħlas immedjat) u ħlas fi strumenti 28 (minflok ħlas fi flus) żdied b’mod konsiderevoli minn meta ġew introdotti r-regoli tas-CRD III 29 . 

Globalment, id-differiment ġie vvalutat b’mod pożittiv f’termini tal-iżgurar tal-allinjament tal-prestazzjoni fit-tul u l-iskoraġġiment tat-teħid eċċessiv ta’ riskju. Huwa mekkaniżmu ewlieni għall-allinjament tar-rimunerazzjoni varjabbli bir-riskji u l-prestazzjoni fit-tul ta’ istituzzjoni, billi tiġi permessa l-applikazzjoni ta’ malus. Xi ftit iqisu wkoll li f’ċerti każijiet perjodu ta’ differiment itwal, allinjat aħjar mat-tul taċ-ċikli finanzjarji, ikun mixtieq.

Ħlas f’ishma jew strumenti bbażati fuq l-ekwità jippermetti li l-interessi tal-membri identifikati tal-persunal ikunu allinjati ma’ dawk tas-sidien ta’ istituzzjoni. Flimkien mal-perjodi ta’ differiment u ta’ retenzjoni addizzjonali, li matulhom membru tal-persunal ma jistax jaċċedi jew ibigħ l-istrumenti mogħtija, ħlas fi strumenti azzjonarji jgħin biex jiġi bbilanċjat l-ippjanar għal żmien qasir potenzjali fl-azzjonijiet tal-membri identifikati tal-persunal u jiżgura l-allinjament tar-rimunerazzjoni tagħhom mar-riskji u l-prestazzjoni fit-tul tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-użu tal-istrumenti ta’ dejn li jistgħu jiġu rikapitalizzati jgħin biex jiġi żgurat l-allinjament mal-interessi tal-kredituri. L-evidenza sa issa madankollu turi li fil-prattika l-istituzzjonijiet jużaw b’mod predominanti l-istrumenti azzjonarji jew dawk ibbażati fuq l-ekwità.

Is-CRD tipprevedi li r-rimunerazzjoni varjabbli tista’ tiġi mnaqqsa jew ikkanċellata permezz tal-malus jew permezz tal-irkupru 30 . Ġeneralment, dawn l-għodod ġew ivvalutati b’mod pożittiv. Filwaqt li jiġi rikonoxxut li s-sempliċi eżistenza ta’ dawn il-mekkaniżmi ex post għandha ċertu effett ta’ deterrent fuq it-teħid eċċessiv ta’ riskju, l-użu attwali tagħhom għat-tnaqqis jew il-kanċellazzjoni tar-rimunerazzjoni varjabbli għadu baxx fil-prattika. 

(ii) Tħassib speċifiku dwar il-ħtieġa għal applikazzjoni proporzjonata tar-regoli

Filwaqt li r-rekwiżiti dwar l-istruttura u l-ħlas ta’ paga varjabbli tal-persunal ġeneralment jitqiesu bħala mekkaniżmi effettivi għall-konnessjoni tar-rimunerazzjoni mal-prestazzjoni fit-tul ta’ istituzzjoni, bosta rappreżentanti tal-industrija u kważi l-Istati Membri u s-superviżuri kollha esprimew tħassib serju dwar il-ħtieġa għal applikazzjoni proporzjonata tar-regoli ta’ rimunerazzjoni u wissew kontra approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”.

Bosta Stati Membri daħħlu fis-seħħ livelli limitu jew kriterji li taħthom mhuwiex meħtieġ li jiġu applikati ċerti regoli ta’ rimunerazzjoni. Dan kien ibbażat fuq l-interpretazzjoni tagħhom tal-klawżola ta’ proporzjonalità fis-CRD u l-Linji Gwida maħruġa mill-predeċessur tal-Awtorità Bankarja Ewropea, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE) skont is-CRD III . Tali diżapplikazzjoni tar-regoli komunement tissejjaħ “derogi”. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-derogi jvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri kollha f’termini kemm tat-tip tal-istituzzjoni kif ukoll tal-persunal li jistgħu jibbenefikaw minnhom u r-regoli ta’ rimunerazzjoni li japplikaw għalihom. Il-livelli limitu u l-kriterji li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri jirrigwardaw, pereżempju, id-daqs ta’ istituzzjoni, in-natura tan-negozju tagħha u l-livell tar-rimunerazzjoni varjabbli tal-persunal. Ir-regoli li ġew soġġetti għal tali derogi ġeneralment ikunu r-rekwiżiti dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti u, f’ċerti Stati Membri (wara l-adozzjoni tas-CRD IV), il-proporzjon massimu bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u fissa għal ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet.

Meta l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Kummissjoni kkonfermaw li tali derogi huma legalment inammissibbli, dan wassal għal tħassib kbir li ġie espress is-sena li għaddiet minn bosta rappreżentanti tal-industrija u kważi l-Istati Membri u s-superviżuri kollha. Barra minn hekk, is-sena li għaddiet l-EBA ħarġet Opinjoni li tirrakkomanda bidla leġiżlattiva għas-CRD 31 , li tiżgura li ċerti prattiki tad-deroga jkunu jistgħu jitkomplew legalment. B’mod partikolari, l-EBA argumentat favur l-introduzzjoni fis-CRD tal-possibbiltà ta’ derogi mill-applikazzjoni tar-regoli dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti għall-istituzzjonijiet li huma żgħar u mhux kumplessi u għall-persunal li jirċievi livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli.

L-istimi tal-EBA juru li r-rekwiżiti dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti jistgħu tabilħaqq ikunu għaljin iżżejjed u ta’ piż għal istituzzjonijiet żgħar u għall-persunal b’rimunerazzjoni varjabbli baxxa. Spejjeż ta’ darba għal istituzzjonijiet żgħar għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli huma stmati bejn EUR 100 000 u EUR 500 000 u spejjeż kontinwi bejn EUR 50 000 u EUR 200 000 fis-sena. Dawn l-ispejjeż jirrigwardjaw il-fatt li istituzzjonijiet żgħar jeħtieġ li jagħmlu investimenti konsiderevoli fir-riżorsi umani, is-servizzi tal-IT u dawk konsultattivi, u spiss ikunu ffaċċati minn diffikultajiet fil-ħolqien ta’ strumenti xierqa, spiss minħabba l-istat korporattiv tagħhom jew l-istruttura ta’ sjieda. Spejjeż ta’ darba lil istituzzjonijiet kbar għall-applikazzjoni tar-regoli għall-persunal b’livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli huma stmati bejn EUR 1 miljun u EUR 5 miljun u spiża annwali kontinwa ta’ bejn EUR 400 000 u EUR 1.5 miljun. Dawn l-ispejjeż jirrigwardjaw il-fatt li l-istituzzjonijiet il-kbar jeħtieġ li japplikaw ir-regoli għall-membri identifikati kollha tal-persunal tagħhom, li għandhom jinkludu numru kbir ta’ individwi.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-effettività ta’ dawn ir-regoli, abbażi tal-argumenti ppreżentati mill-industrija, is-superviżuri u l-EBA, urew li, jekk ir-regoli dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti kellhom fil-fatt jiġu applikati fi ħdan istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u għall-persunal b’livell mhux materjali ta’ rimunerazzjoni varjabbli, dan probabbilment iwassal għall-għajbien tar-rimunerazzjoni varjabbli f’ħafna każijiet, u għalhekk tal-konnessjoni bejn il-paga u l-prestazzjoni. F’dan il-każ, l-objettiv tal-allinjament tar-rimunerazzjoni mal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet konċernati ma jinkisibx.

Fil-każ ta’ istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u persunal b’ammonti mhux materjali ta’ rimunerazzjoni varjabbli, jista’ jiġi konkluż li l-applikazzjoni tar-regoli għad-differiment u l-ħlas fi strumenti mhijiex effiċjenti jekk min-naħa waħda jitqiesu l-ispejjeż u l-piżijiet partikolari li jinħolqu mir-regoli u min-naħa l-oħra n-nuqqas ta’ effetti ċari ta’ benefiċċju. Peress li t-test attwali tas-CRD ma jippermettix li r-regoli dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti għandhom jiġu rinunzjati għall-istituzzjonijiet iż-żgħar u mhux kumplessi u għall-persunal b’livelli mhux materjali ta’ rimunerazzjoni varjabbli, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-proposta ta’ emenda leġiżlattiva li tippermetti l-użu ta’ ċerti derogi. Qabel ma tiġi proposta tali emenda, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt. Kwalunkwe flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti teħtieġ li tkun inkwadrata tajjeb u delineata sabiex tipprevjeni ċirkomvenzjoni jew interpretazzjoni tar-regoli permissiva wisq tar-regoli u biex tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE kollha.

It-tieni kwistjoni li ġiet identifikata tirrigwarda r-rekwiżit għall-istituzzjonijiet elenkati biex jużaw ishma biss (u mhux strumenti marbuta mal-ishma) biex jissodisfaw ir-rekwiżit dwar il-ħlas fi strumenti.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-argumenti ppreżentati mill-istituzzjonijiet elenkati u mis-superviżuri kkonfermat li hemm impedimenti għall-użu ripetut tal-ishma għall-iskop ta’ ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli. Min-naħa l-oħra, l-istrumenti marbuta mal-ishma huma effettivi daqs l-ishma f’termini tal-allinjament tal-interess tal-membri tal-persunal ma’ dawk tal-azzjonisti u mal-interess fit-tul tal-istituzzjoni, bil-kondizzjoni li jintraċċaw mill-qrib il-valuri tal-ishma (mingħajr effett ta’ lieva). Għalhekk huwa aċċettabbli li jingħata permess lill-istituzzjonijiet elenkati biex jużaw strumenti marbuta mal-ishma skont dawn it-termini u l-Kummissjoni se tikkunsidra l-proposta ta’ emenda leġiżlattiva għal dak il-għan, wara valutazzjoni tal-impatt.

D.Il-proporzjon massimu bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u fissa

Is-CRD IV introduċiet proporzjon massimu bejn il-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli u dik fissa tal-membri identifikati tal-persunal 32 . Ir-rimunerazzjoni varjabbli ma għandhiex taqbeż ir-rimunerazzjoni fissa jew, bl-approvazzjoni tal-azzjonisti, id-doppju tar-rimunerazzjoni fissa. L-Artikolu 161(2) tas-CRD jirrikjedi lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt tal-proporzjon massimu fuq il-kompetittività, l-istabilità finanzjarja u fuq il-persunal li jaħdem f’sussidjarji mhux taż-ŻEE tal-isitituzzjonijiet prinċipali taż-ŻEE.

Din is-Subtaqsima l-ewwel tagħti ħarsa lejn kwistjoni li għandha x’taqsam mal-ippjanar tar-rimunerazzjoni “fissa” u “varjabbli” (i). Sussegwentement din tagħti ħarsa lejn l-impatt globali tal-proporzjon massimu fuq il-pakketti ta’ rimunerazzjoni (ii). Imbagħad din teżamina l-effetti tal-proporzjon massimu fuq l-istabilità finanzjarja minn żewġ angoli: l-effetti tat-teħid ta’ riskju u l-imġiba (iii) u kif dan affettwa l-ispejjeż fissi u l-profittabilità tad-ditti (iv). Teżamina wkoll l-impatt tal-proporzjon massimu fuq il-kompetittività tad-ditti f’termini tal-attirar u ż-żamma ta’ persunal b’talent (v). Tikkonkludi billi tikkunsidra jekk ir-regola għandhiex tkompli tiġi applikata lill-persunal li jaħdem għal sussidjarji tal-istituzzjonijiet taż-ŻEE barra miż-ŻEE (vi).

Għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat b’mod xieraq u sħiħ l-impatt tal-proporzjon massimu, peress li r-regola ilha fis-seħħ għal sena biss tal-perjodu kopert mill-analiżi ta’ dan ir-rapport. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri użaw il-kunsiderazzjonijiet proporzjonali biex jirrinunzjaw il-proporzjon massimu għal ċerti istituzzjonijiet, jew il-persunal u l-istituzzjonijiet evitaw l-applikazzjoni tar-regola billi użaw mekkaniżmi ta’ rimunerazzjoni speċifiċi (il-benefiċċji bbażati fuq ir-rwol kif diskuss fil-paragrafu (i) hawn taħt). L-analiżi hija affettwata wkoll mill-fatt li r-regoli armonizzati dwar l-identifikazzjoni tal-persunal daħlu fis-seħħ fl-2014, u għalhekk l-istatistika minn qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-proporzjon massimu (fl-2014) tirrigwarda popolazzjoni tal-persunal kemxejn differenti.

Għalhekk huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dak imsemmi hawn taħt jirrappreżenta s-sejbiet tal-Kummissjoni sal-lum, abbażi biss tad-dejta limitata disponibbli, minħabba li r-regola ilha fis-seħħ għal perjodu ta’ żmien qasir u minħabba l-esperjenza limitata mal-applikazzjoni tagħha.

(i) Il-klassifikazzjoni tar-rimunerazzjoni “fissa” u “varjabbli”

Wara d-dħul fis-seħħ tas-CRD IV, l-istituzzjonijiet għamlu użu frekwenti mill-hekk imsejħa benefiċċji bbażati fuq ir-rwol, li ġew trattati bħala rimunerazzjoni fissa (għalhekk ippermettew aktar rimunerazzjoni varjabbli). Fuq talba tal-Kummissjoni, l-EBA studjat l-użu ta’ dawn il-benefiċċji u sabet li spiss dawn kienu kklassifikati b’mod żbaljat bħala rimunerazzjoni “fissa”. Sadanittant, wara Opinjoni maħruġa mill-EBA, l-Istati Membri kollha rrapportaw li ħadu miżuri biex jiżguraw il-klassifikazzjoni korretta ta’ dawn il-benefiċċji.

(ii) Il-proporzjon massimu kif jaffettwa l-pakketti ta’ rimunerazzjoni?

Il-proporzjon massimu ma għandux impatt dirett fuq il-livell tal-paga iżda jistabbilixxi l-proporzjonijiet bejn il-komponenti varjabbli u fissi. Il-proporzjon tal-persunal affettwat mir-regola huwa limitat. Il-proporzjon massimu japplika biss għall-membri identifikati tal-persunal li, fl-2014, irrappreżentaw medja ta’ 2.34% tal-persunal kollu 33 . Il-biċċa l-kbira tagħhom ma kinux qed jirċievu paga varjabbli ’l fuq mill-proporzjon massimu tas-CRD qabel l-introduzzjoni tagħha.

Meta wieħed iħares lejn il-medji Ewropej, id-dejta miġbura mill-EBA turi li, filwaqt li r-rimunerazzjoni fissa medja għal kull membru identifikat tal-persunal żdiedet f’dawn l-aħħar snin, ir-rimunerazzjoni varjabbli medja naqset. Għalhekk, bħala segwitu, il-piż relattiv tar-rimunerazzjoni varjabbli tar-rimunerazzjoni totali naqas. Madankollu, dawn ix-xejriet diġà kienu bdew diversi snin qabel l-introduzzjoni tal-proporzjon massimu. Hemm elementi oħra minbarra l-proporzjon massimu li jkollhom impatt fuq il-livelli u l-proporzjonijiet tal-komponenti tar-rimunerazzjoni (eż. il-prestazzjoni finanzjarja, il-profittabilità u r-rekwiżiti prudenzjali ġenerali). Barra minn hekk, ġiet osservata wkoll żieda fil-porzjon fiss tar-rimunerazzjoni f’diversi ġuriżdizzjonijiet mhux tal-UE (inklużi l-Istati Uniti u ċerti pajjiżi tal-Ażja).

Dawn is-sejbiet inkisbu abbażi tal-medji ta’ dejta miġbura prinċipalment minn gruppi bankarji kbar, u jeħtieġ li jiġu interpretati bir-reqqa. Filwaqt li l-bidla globali lejn rimunerazzjoni fissa ma tistax tkun attribwita b’mod ċar għall-proporzjon massimu, x’aktarx li f’ċerti każijiet individwali l-proporzjon massimu wassal għal bidla minn rimunerazzjoni varjabbli għal waħda fissa.

(iii) Il-proporzjon massimu kif jaffettwa t-teħid ta’ riskju u l-imġiba?

Il-proporzjon massimu ġie introdott bħala forma ta’ salvagwardja tal-imġiba, immirata lejn it-trażżin tal-inċentivi tat-teħid eċċessiv ta’ riskju kkawżat mil-livell għoli ta’ rimunerazzjoni varjabbli. Parti mill-industrija, ċerti Stati Membri u ċerti akkademiċi madankollu jikkunsidraw li ż-żieda fid-dipendenza fuq il-paga fissa tista’ taffettwa b’mod negattiv l-allinjament tal-inċentivi tal-persunal mal-interessi tad-ditta u s-soċjetà.

Huwa diffiċli li jitkejjel l-impatt fuq l-imġiba tal-individwi. Stħarriġ reċenti 34 wera li l-istituzzjonijiet kienu maqsuma fir-rigward tal-impatt mistenni tal-proporzjon massimu fuq l-imġiba, u saru suġġerimenti li dan jista’ jiddependi wkoll fuq l-isfond kulturali. Il-persunal li għamel l-istħarriġ ma deherx li ħass li proporzjon akbar tar-rimunerazzjoni fissa kellu impatt fuq il-motivazzjoni jew it-teħid ta’ riskju tagħhom (la li jieħdu aktar, u lanqas inqas riskji).

Tressqu argumenti li l-proporzjon massimu jillimita l-porzjon tar-rimunerazzjoni relatata mal-prestazzjoni li għalihom jistgħu jiġu applikati għodod ta’ allinjament tar-riskju bħad-differiment u l-ħlas fi strumenti u l-malus u l-irkupru. Madankollu, id-dejta turi li r-rimunerazzjoni varjabbli li tista’ tingħata fi ħdan il-limiti imposti mill-proporzjon massimu tista’ takkomoda użu akbar ta’ dawn il-mekkaniżmi, b’mod speċjali l-malus u l-irkupru (ara t-Taqsima III.C (i)).

Barra minn hekk, l-għodod ta’ aġġustament ex post, anke jekk ikollhom ċertu effett ta’ deterrent, mhumiex adegwati waħedhom fil-mitigazzjoni tal-inċentivi ta’ riskji negattivi jew imġiba ħażina, peress li huma applikati essenzjalment bħala għodda relattiva fl-eventwalità li timmaterjalizza ruħha l-ħsara.

Minħabba l-introduzzjoni reċenti tal-proporzjon massimu u l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tiegħu, għadu kmieni wisq biex isiru konklużjonijiet ċari dwar l-impatt tiegħu fuq l-inċentivi għall-imġiba ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju u fuq l-imġiba ħażina. Dan ġie rikonoxxut ukoll minn ċerti superviżuri.

(iv) L-impatt tal-proporzjon massimu fuq l-ispejjeż fissi u l-profittabilità

Skont l-istimi tal-EBA, ir-rimunerazzjoni fissa tal-membri identifikati tal-persunal hija ta’ importanza relattivament baxxa għall-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet eżaminati: tirrappreżenta inqas minn 5% tal-ispejjeż amministrattivi totali u 1% tal-fondi proprji. L-EBA sabet ukoll li ż-żieda fl-ispejjeż fissi mill-2013 sal-2014 kienet żgħira ħafna għall-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet eżaminati 35 . Bl-istess mod, sorsi oħra ssuġġerew li l-impatt tal-bidla minn varjabbli għal fissa fuq il-bażi ta’ spejjeż fissi tal-istituzzjonijiet ma tkunx materjali 36 .

Fi kwalunkwe każ, il-punt sa fejn l-istituzzjonijiet jistgħu jnaqqsu il-bażi tal-ispejjeż totali tagħhom permezz tat-tnaqqis tar-rimunerazzjoni varjabbli ma għandux jiġi esaġerat peress li, kif turi l-analiżi tal-EBA, fl-2014 l-ammont totali tar-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri identifikati tal-persunal jammonta għal 1% jew 2% biss tal-ispejjeż amministrattivi totali tal-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet eżaminati. Barra minn hekk, il-punt sa fejn l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw ir-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri identifikati tal-persunal biex inaqqsu l-bażi tal-ispejjeż tagħhom żdied ukoll fl-2014, minħabba l-popolazzjoni akbar tal-membri identifikati tal-persunal.

Fir-rigward tal-impatt tal-proporzjon massimu fuq il-profittabilità tal-istituzzjonijiet, l-analiżi tal-EBA nnotat li bejn l-2013 u l-2014 il-profittabilità tal-istituzzjonijiet baqgħet fil-parti l-kbira tagħha stabbli. Barra minn hekk, skont l-istimi tal-EBA, fl-2014 l-ispejjeż totali tar-rimunerazzjoni fissa tal-membri identifikati tal-persunal fuq bażi aggregata kienu relattivament żgħar meta mqabbla mal-profitti netti tal-istituzzjonijiet. Dan juri li hemm marġni mhux negliġibbli biex ir-rimunerazzjoni fissa tiżdied qabel ma tilħaq livell li jhedded il-profittabilità globali tal-istituzzjonijiet.

Finalment, għall-kuntrarju ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni oħrajn (jiġifieri d-differiment u l-ħlas fi strumenti), li f’ċerti każijiet jistgħu jkunu assoċjati ma’ spejjeż u piżijiet sinifikanti ta’ implimentazzjoni u konformità, kif spjegat fit-Taqsima III.C.(ii), ir-regola dwar il-proporzjon massimu mhijiex ikkumplikata, l-implimentazzjoni tagħha mhijiex marbuta ma’ spejjeż amministrattivi notevoli u hija faċli biex tiġi applikata 37 .

F’dan l-istadju bikri, meta tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni reċenti tal-proporzjon massimu u l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tiegħu, id-dikjarazzjonijiet dwar it-telf tal-flessibbiltà tal-ispejjeż, iż-żieda tal-vulnerabbiltà tal-istituzzjonijiet għaċ-ċikli kummerċjali u l-impatt negattiv fuq il-proporzjonijiet kapitali regolatorji u l-profittabilità tal-istituzzjonijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mhux sostanzjati, b’mod partikolari fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(v) L-impatt tal-proporzjon massimu fuq il-kompetittività

Tqajjem tħassib li l-proporzjon massimu jnaqqas il-kompetittività tal-istituzzjonijiet billi jaffettwa b’mod negattiv l-abilità tagħhom li jattiraw u jżommu persunal b’talent meta mqabbla mad-ditti mhux regolati (fi ħdan is-settur finanzjarju tal-industrija jew f’setturi oħra li fihom il-ħiliet huma trasferibbli). Bosta elementi għandhom rwol fid-deċiżjoni tal-membri tal-persunal biex jiċċaqalqu, bħas-sigurtà tal-impjieg, il-prospetti ta’ promozzjoni, ir-reputazzjoni li għandu s-settur, it-tassazzjoni, il-familja, il-lingwa u l-kondizzjonijiet tal-għajxien. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk membru tal-persunal jippreferix rimunerazzjoni varjabbli jew fissa tista’ tiġi determinata essenzjalment minn preferenzi personali jew kulturali. Sa issa, minbarra l-pretensjonijiet ġenerali u ta’ spiss pjuttost teoretiċi magħmula mill-industrija, ma hemm l-ebda evidenza konkreta li tissuġġerixxi li l-kompetittività tal-istituzzjonijiet tal-UE f’termini tal-attirar u ż-żamma ta’ persunal ġiet affettwata mill-proporzjon massimu, iżda dan jista’ jimmerita aktar valutazzjoni meta tinkiseb aktar esperjenza fir-rigward tar-regola.

(vi) Persunal li jaħdem għal sussidjarji mhux taż-ŻEE

Ċerti istituzzjonijiet attivi internazzjonalment bi kwartieri ġenerali taż-ŻEE ssuġġerew li l-kompetizzjoni għat-talent mad-ditti lokali barra mill-pajjiż hija diffiċli, u li d-dawran tal-persunal żdied f’postijiet mhux fiż-ŻEE. Madankollu, dawn ma setgħux jikkwantifikaw dan jew juru li jista’ jkun attribwit għall-proporzjon massimu. Ġie ssuġġerit ukoll li d-differenzi fir-regoli fil-pajjiżi kollha setgħu fixklu l-banek attivi internazzjonalment fl-istabbiliment ta’ stateġiji għal kumpens konsistenti u madwar l-organizzazzjonijiet kollha u li jista’ jkun hemm tħassib dwar il-kompatibilità mar-reġimi ta’ rimunerazzjoni lokali.

Il-raġuni għalfejn l-istituzzjonijiet attivi internazzjonalment bi kwartieri ġenerali taż-ŻEE jeħtieġu japplikaw ir-regoli ta’ rimunerazzjoni fuq bażi konsolidata, inkluż għas-sussidjarji mhux taż-ŻEE tagħhom, hija li dawn is-sussidjarji jista’ jkollhom impatt fuq is-solidità u l-istabilità tal-grupp. Raġuni oħra hija biex jiġi indirizzat ir-riskju li jintużaw sussidjarji mhux taż-ŻEE biex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ rimunerazzjoni. Il-persunal li jaħdem għal sussidjarji mhux taż-ŻEE jkun jeħtieġ li jikkonforma biss mar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD applikabbli għall-impriża omm tiegħu jekk ikun determinat li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-grupp tas-CRD li jagħmel parti minnu. Għalhekk, in-numru tal-persunal affettwat ġeneralment x’aktarx ikun limitat. Barra minn hekk, is-CRD jistipula b’mod espliċitu li mhuwiex meħtieġ li r-regoli jiġu applikati jekk ikun jista’ jintwera li l-applikazzjoni tagħhom tkun illegali skont il-liġijiet tal-pajjiż terz fejn tkun stabbilita s-sussidjarja 38 .

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-proporzjon massimu f’ġuriżdizzjonijiet mhux taż-ŻEE hija attwalment soġġetta għall-esperjenza relattivament limitata fir-rigward ta’ din ir-regola. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma hemmx biżżejjed elementi li f’dan l-istadju jissuġġerixxu li l-proporzjon massimu ma għandux jibqa’ japplika għal tali persunal.

IV.KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni wettqet rieżami tar-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD u tas-CRR, wara mandat stabbilit fl-Artikolu 161(2) tas-CRD u f’konformità mal-ħidma kontinwa tagħha fir-rigward tas-Sejħa għal Evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji 39 .

Dan ir-rieżami jippermetti valutazzjoni fil-parti l-kbira tagħha pożittiva tar-regoli dwar il-governanza tal-proċessi ta’ rimunerazzjoni, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni, id-divulgazzjoni u l-ħlas tar-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri identifikati tal-persunal, introdotti mis-CRD III. Instab li dawn ir-regoli jikkontribwixxu għall-objettivi globali tat-trażżin tal-inċentivi tat-teħid eċċessiv ta’ riskju u allinjament aħjar tar-rimunerazzjoni mal-prestazzjoni, u għalhekk dan jikkontribwixxi għal stabilità finanzjarja msaħħa.

Dan ir-rieżami żvela wkoll li r-rekwiżiti dwar id-differiment u l-ħlas fi strumenti mhumiex effiċjenti fil-każ ta’ istuzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment żgħar u mhux kumplessi, u ta’ persunal b’livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli. Il-Kummissjoni għalhekk se twettaq valutazzjoni tal-impatt li se teżamina l-opzjonijiet għall-indirizzar ta’ din il-kwistjoni b’mod partikolari bl-eżenzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet u l-persunal mir-rekwiżiti speċifiċi. Din il-valutazzjoni tal-impatt se tagħti ħarsa wkoll lejn l-għoti ta’ permess lill-istituzzjonijiet elenkati biex jużaw strumenti marbuta mal-ishma skont ir-rekwiżit tas-CRD dwar il-ħlas fi strumenti. Din se tkun parti mill-ħidma usa’ għat-tħejjija tar-reviżjoni tas-CRD u s-CRR li qed jiġu kkunsidrati bħalissa.

Fir-rigward tal-proporzjon massimu bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u fissa introdotti mis-CRD IV, ir-rieżami sab li għalissa ma hemmx biżżejjed evidenza biex jitfasslu konklużjonijiet finali dwar l-impatt tar-regola fuq il-kompetittività, l-istabilità finanzjarja u l-persunal li jaħdem għal sussidjarji mhux taż-ŻEE. Jidher li sejbiet konkużivi jistgħu jinkisbu biss ladarba tinkiseb aktar esperjenza tal-implimentazzjoni.

(1)

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment.

(3)

Il-Premessa 62-68, CRD.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/directors-remun/financialsector_290409_mt.pdf .

(5)

Id-Direttiva Nru 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi Nru 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni.

(6)

 institut für finanzdienstleistungen e.V. (IFF, 2016), ir-rapport disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/civil/company-law/corporate-governance/index_en.htm .

(7)

Konsultazzjoni pubblika dwar l-impatti tal-proporzjon massimu ta’ rimunerazzjoni skont id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital 2013/36/UE (CRD IV), u l-effiċjenza globali tar-regoli ta’ rimunerazzjoni CRD IV (22.10.2015 – 14.01.2016).

(8)

Il-pubblikazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq https://www.eba.europa.eu/regulation-and-policy/remuneration/-/topic-documents/ ckV8kFRsjau9/more .

(9)

 Is-Sejħa għal Evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji (30.9.2015), disponibbli fuq http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/docs/consultation-document_en.pdf .

(10)

  http://www.un.org/ga/president/63/commission/declarationG20.pdf .

(11)

  https://www.imf.org/external/np/sec/pr/2009/pdf/g20_040209.pdf .

(12)

  http://www.g20.utoronto.ca/2009/2009communique0925.html .

(13)

Il-Prinċipji għall-Prattiki Tajba ta’ Kumpens u l-Istandards ta’ Implimentazzjoni tagħhom, disponibbli fuq http://www.fsb.org/what-we-do/policy-development/building-resilience-of-financial-institutions/compensation/ .

(14)

Xi wħud mir-regoli ta’ rimunerazzjoni tas-CRD ġew imsaħħa mis-CRD IV. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tagħna aħna kkunsidrajna r-regoli kif inhuma llum.

(15)

 Il-benefiċċji bbażati fuq ir-rwol huma pagamenti bbażati fuq ir-rwol, il-funzjoni jew ir-responsabbiltà organizzattiva ta’ membru tal-persunal. It-tikketta tista’ tvarja skont l-istituzzjoni: “paga bbażata fuq ir-rwol, benefiċċju tal-persunal, benefiċċju tar-rwol aġġustabbli, benefiċċju ta’ paga fissa”, eċċ.

(16)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 tal-4 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(17)

“Il-Benchmarking tal-Prattiki ta’ rimunerazzjoni fil-livell tal-Unjoni u d-dejta dwar il-persuni li jaqilgħu pagi għoljin” tal-EBA, id-dejta sal-aħħar tal-2014.

(18)

Wieħed ta’ min jinnota li anke fil-livell tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-identifikazzjoni ta’ min jieħu r-riskji materjali hija ppjanata għall-2016-2017.

(19)

L-Artikoli 493(2), 498(2), 508(2) u 508(3), CRR.

(20)

Għall-maniġers tal-AIF, id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi, u għall-Maniġers tal-UCITS, id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), emendata mid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(21)

L-Artikolu 94(1)(a), (b) u (j), CRD.

(22)

L-Artikoli 74, 76(4), 92(2) u 95, CRD.

(23)

L-Artikoli 450, CRR u l-Artikolu 96, CRD.

(24)

L-Artikolu 94(1)(d) u (e), CRD.

(25)

L-Artikolu 94(1)(h).

(26)

Fl-2014, 281 membru identifikat tal-persunal biss irċevew bonusijiet għall-bidu ta’ impjieg, meta mqabbla mal-2 274 fl-2011, u 467 membru identifikat tal-persunal biss irċevew paga terminali, meta mqabbla mal-1 011 fl-2011).

(27)

L-Artikolu 94(1)(m), CRD.

(28)

L-Artikolu 94(1)(1), CRD.

(29)

Filwaqt li fl-2010 medja ta’ 55.22% tar-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri identifikati tal-persunal kienet differita, il-parti differita telgħet għal 62.50% fl-2014. Filwaqt li fl-2010 medja ta’ 48.50% tar-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri identifikati tal-persunal ġiet mħallsa f’ishma, il-ħlas f’ishma żdied għal 55.69% tar-rimunerazzjoni varjabbli fl-2014.

(30)

L-Artikolu 94(1)(n), CRD.

(31)

L-Opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni fid-Direttiva 2013/36/UE, disponibbli fuq https://www.eba.europa.eu/documents/10180/983359/EBA-Op-2015-25+Opinion+on+the+Application+of+Proportionality.pdf .

(32)

L-Artikolu 94(1)(g), CRD.

(33)

“Il-Benchmarking tal-Prattiki ta’ rimunerazzjoni fil-livell tal-Unjoni u d-dejta dwar il-persuni li jaqilgħu pagi għoljin” tal-EBA, id-dejta sal-aħħar tal-2014.

(34)

IFF, 2016.

(35)

 “Il-Benchmarking tal-Prattiki ta’ rimunerazzjoni fil-livell tal-Unjoni u d-dejta dwar il-persuni li jaqilgħu pagi għoljin, id-dejta sal-aħħar tal-2014” tal-EBA.

(36)

“Bonus cap versus bowler hat” Awtonomu (2013); “Feeling the squeeze?” New Financial (2015), disponibbli fuq http://newfinancial.eu/wp-content/uploads/2015/02/Feeling-the-squeeze-July-2015-updated.pdf .

(37)

L-EBA fl-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-proporzjonalità tal-21 ta’ Diċembru 2015 (EBA/Op/2015/25) iddikjarat li “derogi tal-limitazzjoni tal-proporzjon bejn rimunerazzjoni varjabbli u fissa ma għandhomx jiġu introdotti għall-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE” peress li “L-applikazzjoni tal-hekk imsejjaħ limitu tal-bonus hija faċli u dan ma toħloqx spejjeż amministrattivi addizzjonali. Il-limitu jiżgura li l-ebda inċentivi mhux xierqa għat-teħid ta’ riskju ma jkunu jistgħu jiġu provduti”.

(38)

L-Artikolu 109(3), CRD.

(39)

 Is-sommarju tal-kontribuzzjonijiet għas-“Sejħa għal Evidenza” huwa disponibbli fuq  http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/docs/summary-of-responses_en.pdf  

Top