Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0476

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali

COM/2016/0476 final

Brussell, 19.7.2016

COM(2016) 476 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-immaniġġjar tar-riskju doganali

{SWD(2016) 242 final}


WERREJ

1Introduzzjoni

2Valutazzjoni globali

2.1Skop u metodoloġija

2.2L-ewwel għan — It-titjib tal-kwalità tad-dejta u s-sistemi ta' arkivjar

2.3It-tieni għan — L-iżgurar tad-disponibbiltà tad-dejta fil-katina tal-provvista, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti tar-riskju u r-riżultati ta' kontroll

2.4It-tielet għan — L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll u mitigazzjoni tar-riskju fejn meħtieġ ("valutazzjoni antiċipata — kontroll fejn meħtieġ")

2.5Ir-raba' għan — It-tisħiħ tal-kapaċità biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju u żieda fir-rispons għal riskji ġodda identifikati

2.6Il-ħames għan — Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u oħrajn fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE

2.7Is-sitt għan — It-titjib tal-kooperazzjoni mal-kummerċ

2.8Is-seba' għan — L-użu tal-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni doganali internazzjonali

3. Konklużjonijiet preliminari



1Introduzzjoni

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2014 li japprovaw l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE tal-2014 għall-immaniġġjar tar-riskju doganali 1 (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istrateġija" u "l-Pjan ta' Azzjoni") jitolbu lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill, fi żmien 18-il xahar, dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni u dwar ir-riżultati miksuba.

Dan ir-Rapport ta' Progress (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Rapport"), jikkostitwixxi r-rispons tal-Kummissjoni għal dik it-talba.

L-għan ġenerali tal-Istrateġija huwa li jinkiseb approċċ ta' kwalità għolja u b'ħafna livelli għalimmaniġġjar tar-riskju li fl-istess ħin ikun effettiv u effiċjenti. L-Istrateġija tidentifika seba' għanijiet prinċipali, jiġifieri:

I.it-titjib tal-kwalità tad-dejta u s-sistemi ta' arkivjar;

II.l-iżgurar tad-disponibbiltà tad-dejta fil-katina tal-provvista u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti tar-riskju fost l-awtoritajiet doganali;

III.l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll u mitigazzjoni tar-riskju fejn meħtieġ;

IV.it-tisħiħ tal-kapaċità;

V.il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-setturi u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u oħrajn fuq il-livell tal-Istati Membri u tal-UE;

VI.it-tijib tal-kooperazzjoni man-negozju; kif ukoll

VII.l-użu tal-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni doganali internazzjonali.

Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi sensiela ta' azzjonijiet (li jammontaw għal total ta' 22 azzjoni u 54 azzjoni sekondarja) li jridu jittieħdu għal kull għan. Ġie żviluppat pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, li jidentifika 64 riżultat. Il-maġġoranza tal-azzjonijiet jitwettqu minn jew inkella taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni hija megħjuna fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Immaniġġjar tar-Riskju, li huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha. Dan il-grupp ikkontribwixxa għall-preparazzjoni ta' dan ir-Rapport.

2Valutazzjoni globali

2.1Skop u metodoloġija

Dan ir-Rapport jagħti valutazzjoni kwalitattiva ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2 . Dan jenfasizza l-progress li sar taħt kull wieħed mis-seba' għanijiet prinċipali u jagħti xi konklużjonijiet preliminari. Minħabba l-perjodu qasir li għadda sa mit-tnedija tal-azzjonijiet, dan ir-Rapport ma jfittixx li jivvaluta l-impatt tagħhom.

L-informazzjoni ppreżentata f'dan ir-Rapport inkisbet permezz ta' stħarriġ imwettaq fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri. Din kopriet l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet individwali (kemm dawk li nbdew diġà kif ukoll dawk li għadhom iridu jiġu mnedija), u ppermettiet lill-Kummissjoni tidentifika kemm l-istejjer ta' suċċess kif ukoll l-isfidi ffaċċjati, u tiġbor kummenti u suġġerimenti dwar il-proċess ta' implimentazzjoni globalment 3 .

L-istħarriġ juri li, meta kien qed jitħejja dan ir-Rapport, jiġifieri 18-il xahar fil-proċess ta' implimentazzjoni, il-maġġoranza l-kbira tal-azzjonijiet u l-azzjonijiet sekondarji stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tnedew diġà u qed jitwettqu 4 .

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, anness ma' dan ir-rapport, jagħti informazzjoni ulterjuri dwar il-progress li sar fuq l-azzjonijiet u l-azzjonijiet sekondarji individwali.

2.2L-ewwel għan — It-titjib tal-kwalità tad-dejta u s-sistemi ta' arkivjar

L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni jitolbu li jiġi stabbilit qafas legali li jiżgura li dejta ta' kwalità għolja dwar informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija relatata mal-movimenti fil-katina ta' provvista hija disponibbli u tintuża korrettament mill-awtoritajiet doganali u mill-awtoritajiet kompetenti oħrajn għall-iskop ta' immaniġġjar tar-riskju. L-introduzzjoni ta' "arkivjar multiplu" huwa ċentrali biex tiġi żgurata l-kwalità tad-dejta — jiġifieri l-arkivjar ta' informazzjoni relatata mal-istess kompitu speċifiku minn operaturi differenti — u t-tneħħija tal-eżenzjonijiet eżistenti għal kunsinni postali u ta' valur baxx. Il-qafas legali jikkonsisti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 5 u r-regoli dettaljati li hemm fl-atti delegati 6 u ta' implimentazzjoni 7 .Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tibda tapplika mill-1 ta' Mejju 2016 u l-iżvilupp u l-ammeljorament tas-sistemi rilevanti tal-IT meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha ser jitwettqu fil-perjodu ta' żmien stabbilit fil-Programm ta' Ħidma għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 8 .

L-għan ta' qafas legali komplut li jipprovdi rekwiżiti għal arkivjar multiplu u titjib tal-kwalità tad-dejta b'hekk twettaq u baqa' biss l-implimentazzjoni tiegħu.

2.3It-tieni għan — L-iżgurar tad-disponibbiltà tad-dejta fil-katina tal-provvista, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti tar-riskju u r-riżultati ta' kontroll

It-titjib tal-kwalità tad-dejta u s-sistemi ta' arkivjar u l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-kondiviżoni tad-dejta fil-katina tal-provvista u l-informazzjoni rilevanti tar-riskju bejn l-awtoritajiet doganali jiddependu fuq l-iżvilupp u d-disponibbiltà tas-sistemi tal-IT meħtieġa, jiġifieri, b'mod partikolari s-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida.

Sistemi tal-IT għal proċeduri doganali oħrajn għandhom jiġu żviluppati wkoll jew aġġornati bħala parti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

Is-Sistema tal-Kontroll tal-Importazzjoni

Azzjoni prijoritarja waħda identifikata mill-Istrateġija hija l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-IT xierqa għat-titjib tal-kwalità tad-dejta, is-sistemi tal-arkivjar u d-disponibbiltà tad-dejta għall-iskoperta ta' riskji tas-sigurtà u s-sikurezza fil-punt tad-dħul tal-prodotti. L-iżvilupp ta' Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni ġdida huwa r-riżultat ewlieni taħt din il-prijorità. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, ippreparat każ ta' negozju u dokument ta' viżjoni fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u studji ta' fattibbiltà esterni 9 .

Is-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni ġdida se tirriżulta f'titjib sinifikanti għall-immaniġġjar tar-riskju doganali tal-UE. Repożitorju komuni ta' informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija huwa importanti ħafna għat-titjib meħtieġ fil-kwalità u d-disponibbiltà tad-dejta u jikkostitwixxi prerekwiżit fundamentali. Bl-introduzzjoni tal-arkivjar multiplu u ż-żieda mistennija fil-volum ta' informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija — minn madwar 40 miljun dikjarazzjoni fis-sena fis-sistema attwali għal madwar 400 miljun taħt is-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida — approċċ deċentralizzat ser ikollu piż kbir għad-dwana u l-kummerċ. Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mwettqa fl-2013 u analiżi ulterjuri tal-opzjonijiet possibbli diġà identifikaw li huwa biss approċċ ċentralizzat li jista' jkopri l-ħtieġa għal livell għoli ta' disponibbiltà tas-sistema, u ser jiżgura approċċ armonizzat lejn l-immaniġġjar tar-riskju doganali fuq l-informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija. Ir-repożitorju komuni ser jippermetti l-ħażna u l-ipproċessar tal-volum miżjud ta' informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija u ser jippermetti lill-Istati Membri kollha fi kwalunkwe katina tal-provvista biex iwettqu valutazzjoni tar-riskju effettiva u effiċjenti direttament u simultanjament bl-użu tal-informazzjoni fir-repożitorju. Dan ser jippermetti wkoll li l-informazzjoni rilevanti għar-riskju u r-riżultati tal-kontroll jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri.

It-tnedija tal-fażi ta' elaborazzjoni formali għall-ICS 2.0 ġiet imdewma, iżda għaddejja l-ħidma biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti relatati mal-baġit, il-governanza, l-istrateġija u l-ippjanar tal-kunsinna, il-modalità operattiva u att ta' implimentazzjoni ddedikat għas-sistema tal-IT u l-kapaċità tal-proġett. Għandu jiġi segwit approċċ pragmatiku gradwali (bl-użu ta' "blokki tal-bini") għall-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni tiegħu.

2.4It-tielet għan — L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll u mitigazzjoni tar-riskju fejn meħtieġ ("valutazzjoni antiċipata — kontroll fejn meħtieġ")

Il-progress li sar f'dan il-qasam huwa, l-aktar, minħabba l-progress li sar fuq l-attivitajiet li diġà qed jitwettqu fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Istrateġija, jiġifieri dawk relatati mal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet. Tħejja sett ta' skedi informattivi (f'kooperazzjoni mal-Istati Membri) għal biċċiet magħżula ta' leġiżlazzjoni li jistabbilixxu projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti, li jridu jiġu kkontrollati fil-fruntiera esterna tal-UE. L-iskedi informattivi jagħtu deskrizzjoni tal-qafas leġiżlattiv, ir-rwol tad-dwana u l-kontrolli tad-dokumenti u fiżiċi li jridu jiġu applikati. Dawn jipprovdu bażi li fuqha jiġi ddeterminat it-twaqqit tal-kontrolli doganali u jekk humiex meħtieġa rakkomandazzjonijiet ulterjuri għall-awtoritajiet doganali u oħrajn.

Is-servizzi tal-Kummissjoni ppreparaw gwida biex tappoġġja l-preparazzjoni jew ir-reviżjoni tal-atti legali tal-UE dwar kif għandu jiġi previst l-involviment tad-dwana li jinkludi kif l-immaniġġjar tar-riskju doganali għandu jiġi kkunsidrat.

2.5Ir-raba' għan — It-tisħiħ tal-kapaċità biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju u żieda fir-rispons għal riskji ġodda identifikati

Il-progress kien bil-mod minkejja d-diversi azzjonijiet li kienu għaddejjin maħsuba għat-tkattir tal-kapaċità tal-Istati Membri u tal-UE biex jimplimentaw il-qafas kurrenti ta' mmaniġġjar tar-riskju doganali. Filwaqt li l-Istati Membri kienu attivi fl-identifikazzjoni ta' inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta’ mmaniġġjar tar-riskju fil-livell nazzjonali u fis-sejba ta' modi ta' kif għandhom jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet, hemm kwistjonijiet relatati mal-kapaċità tal-Istati Membri biex jimplimentaw soluzzjonijiet u l-kapaċità tal-UE biex tipprovdi appoġġ ta' kapaċità xierqa ta' analiżi tar-riskju lill-Istati Membri permezz tal-inizjattiva ta' Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida.

Fl-2015, l-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri vvalutaw u identifikaw il-ħtieġa għal sistema tal-IT imtejba biex jaqsmu l-informazzjoni dwar ir-riskji, jiġifieri Sistema ta' Mmaniġġjar tar-Riskji Doganali tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Ġew evalwati l-kriterji tar-riskju komuni kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE. Tnedew proġetti pilota mill-Istati Membri sabiex tiġi vvalutata u ttestjata l-implimentazzjoni tal-kriterji tar-riskju komuni. B'mod parallel, l-għodda tal-estrazzjoni tad-dejta u d-disinji għall-analiżi tad-dejta ġew ittestjati fuq id-dejta disponibbli fil-livell tal-UE. L-għan ta' dawn it-testijiet kien l-identifikazzjoni ta' kapaċitajiet possibbli ulterjuri għall-immaniġġjar tar-riskju u t-titjib tal-immirar, b'mod partikolari għat-trasport ikkontejnerizzat.

Bħala parti mill-proċess kontinwu ta' żvilupp ta' kriterji komuni għas-sensiela sħiħa ta' riskji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri bdew jaħdmu fuq id-definizzjonijiet tar-riskji finanzjarji differenti u jirrevedu l-kriterji tar-riskju eżistenti għas-sigurtà u s-sikurezza, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri wkoll ħadu passi biex jiżguraw l-implimentazzjoni armonizzata tal-kriterji tar-riskju.

Fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni, dawn diġà rnexxilhom jiksbu sinerġiji bl-eżerċizzju tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali.



2.6Il-ħames għan — Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u oħrajn fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE

Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tjiebet b'mod ġenerali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-politika mhux doganali.

Pereżempju, ġiet żviluppata metodoloġija għall-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-awtoritajiet doganali u dawk tas-sorveljanza tas-suq fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti. Ħarsa ġenerali lejn din il-metodoloġija ġiet kondiviża mal-Istati Membri f'Diċembru 2015 10 .

It-titjib jista' jinkiseb f'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet tal-fruntieri oħrajn dwar l-aspett tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni relatata mal-kontrolli tal-merkanzija mwettqa mill-vjaġġaturi jew mill-membri tal-ekwipaġġ. Il-kwistjoni kienet enfasizzata fil-komunikazzjoni ta' April 2016 Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 11 .

Qed titwettaq evalwazzjoni kontinwa tal-kooperazzjoni bejn il-gwardjani doganali u tal-fruntieri, li tinkludi l-implimentazzjoni tal-linji gwida ta' April 2013 12 . Ir-riżultati inizjali juru livell tajjeb ta' kooperazzjoni b'mod ġenerali u ġie identifikat sett ta' prattiki tajbin.

Mis-7 sa 8 ta' Mejju 2015, f'Riga ġie organizzat seminar ta' livell għoli dwar il-kontrolli tal-passiġġieri għat-titjib tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn. Is-seminar identifika aġenda għal ħidma u kooperazzjoni ulterjuri bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet tal-fruntieri oħrajn, li tinkludi d-disponibbiltà ta' dejta antiċipata dwar il-passiġġieri għall-użu mid-dwana. Sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-Frontex 13 , tnieda djalogu formali li jiffoka fuq il-funzjonijiet li jaqgħu fil-qafas tal-aġenzija u dawk tad-dwana, li jinkludi l-immaniġġjar tar-riskju doganali.

It-taqsima tal-immaniġġjar tar-riskju tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali vvalutat l-implikazzjonijiet fir-rigward tad-dwana, tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni prevista skont id-Direttivi tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API). Li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tad-dwana fl-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIUs) u/jew l-aċċess tad-dwana għal din id-dejta, skont id-Direttiva (UE) 2016/681 14 , huwa importanti għal superviżjoni doganali effettiva u effiċjenti tal-merkanzija fit-traffiku tal-passiġġieri. Id-dejta hija meqjusa ta' valur kbir għall-identifikazzjoni tar-riskji relatati mal-bagalji tal-passiġġieri (jew il-flus kontanti li jġorru l-passiġġieri) u tippermetti lid-dwana twettaq kontrolli mmirati u bbażati fuq ir-riskju mal-wasla, u b'hekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu filwaqt li jiġu rispettati l-protezzjoni tad-dejta u s-salvagwardji tal-privatezza.

L-iżgurar tal-kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi jibqa' sfida (inkluż, f'ċertu każijiet, bejn id-dipartimenti responsabbli għall-kontrolli doganali/l-immaniġġjar tar-riskju u dawk responsabbli mill-investigazzjonijiet f'amministrazzjoni doganali). Matul il-perjodu ta' rapportar, ingħatat attenzjoni partikolari lit-titjib tal-komunikazzjoni u l-ispjegazzjoni tar-rwol tal-immaniġġjar tar-riskju, u l-kapaċitajiet tad-dwana eżistenti u dawk possibbli fil-futur. B'riżultat ta' dan, ittejjeb il-fehim reċiproku tar-responsabbiltajiet differenti tal-awtoritajiet tad-dwana u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħrajn, iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet ta' għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni ġie estiż bl-emendar tar-Regolament dwar l-għajnuna reċiproka 15 . Ir-Regolament emendat joffri bażi legali usa' għal għadd ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li jkun hemm konformità aħjar mill-operaturi ekonomiċi mal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola. L-aċċess għad-dejta miġbura skont ir-Regolament emendat għall-immaniġġjar tar-riskju jtejjeb l-immaniġġjar tar-riskju doganali fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

Kontribuzzjoni waħda li saret mid-dwana għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 16 hija l-iżvilupp ta' regoli speċifiċi dwar ir-riskju (kriterji ta' riskju komuni) għas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru. Intlaħaq qbil dwar sett preliminari ta' kriterji ta' riskju komuni. Minħabba li l-kriterji komuni fid-dominju tal-merkanzija tal-ajru jikkonċernaw mhux biss l-awtoritajiet tad-dwana iżda anke awtoritajiet oħrajn, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru ta' Analiżi tal-Intelligence tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet doganali nazzjonali, u l-esperti tal-avjazzjoni ċivili u kontra t-terroriżmu għalhekk kienu involuti fl-iżvilupp tagħhom. Il-kriterji tar-riskju komuni għall-merkanzija tal-ajru għalhekk huma bbażati fuq reazzjonijiet transettorjali u multidixxiplinari mill-partijiet kollha rilevanti u ser jikkumplimentaw il-miżuri tas-sigurtà eżistenti tal-avjazzjoni ċivili għall-merkanzija u l-posta bħala livell addizzjonali ta' sigurtà. Minħabba li r-regoli l-ġodda dwar ir-riskju se jibdew japplikaw biss abbażi tas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida, dawn mhumiex sejrin jiġu implimentati qabel it-tmiem tal-2020.

L-Istrateġija tappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-pjan ta' azzjoni tagħha, adottat mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014. B'mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) li ġie żviluppat bħala meta-proġett għat-titjib tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari bil-għan li jissaħħu aktar is-sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni marittima komuni u l-iskambju ta’ data. Bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-katina tal-provvista u li tiġi appoġġjata s-sorveljanza bbażata fuq ir-riskju tal-moviment tal-merkanzija fid-domunju marittimu, is-CISE jippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità terrorista u organizzata (eż. il-kuntrabandu tal-oġġetti, it-traffikar tal-armi u n-narkotiċi u l-movimenti transfruntieri tad-dħul tal-flus kontanti mill-kummerċ illegali). L-aġenziji rilevanti tal-UE 17 huma mistiedna jinfurzaw il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Il-proġett ta' Validazzjoni Preoperazzjonali "EUCISE2020" ser jittestja s-CISE fuq skala kbira sal-2017-18, segwit minn implimentazzjoni gradwali sal-2020.

Kwalunkwe kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija hawn fuq sejra tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

2.7Is-sitt għan — It-titjib tal-kooperazzjoni mal-kummerċ

Il-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-kummerċ diġà tjiebet permezz tat-tisħiħ tal-kunċett tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO). Bidliet fil-kunċett tal-AEO ġew introdotti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-atti ta' delega u ta' implimentazzjoni tiegħu u dawn il-bidliet kienu jeħtieġu aġġornament tal-linji gwida tal-AEO 18 .

Il-Grupp tan-Netwerk tal-AEO, maħluq fl-2007 biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-AEO, nieda t-tieni inizjattiva tiegħu ta' monitoraġġ fl-2013, imfassla biex tiżgura applikazzjoni korretta u uniformi tar-regoli tal-AEO. L-eżerċizzju tal-monitoraġġ ikkonferma li l-kunċett tal-AEO huwa sod u affidabbli. L-Istati Membri żviluppaw proċeduri robusti li jiggarantixxu mmaniġġjar ta' kwalità għolja, effiċjenti u konsistenti tal-kunċett.

Fl-2015, inħolqu żewġ gruppi fil-mira speċifiċi fis-Sistema ta' Mmaniġġjar tar-Riskji Doganali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riskju relatat mal-proċessi u l-proċeduri tal-AEO: grupp wieħed għall-iskambju ta' informazzjoni sensittiva fil-proċess tal-AEO u grupp ieħor għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-irregolaritajiet li jinvolvu pajjiż sieħeb tal-AEO.

Il-progress kien aktar bil-mod fl-oqsma bħat-titjib tal-għarfien tal-ktajjen tal-provvista.

Il-ħolqien ta' qafas legali li jiżgura d-disponibbiltà ta' dejta ta' kwalità għolja għal skopijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju wassal għall-kwistjoni jekk u kif id-dejta sottomessa mill-kummerċjanti u inkluża fid-dikjarazzjonijiet doganali għall-pakketti tal-posta (jiġifieri d-dikjarazzjoni CN23) tistax tkun disponibbli u tistax tintuża mill-ġdid għas-sottosmissjoni ta' dikjarazzjoni sommarja tad-dħul għas-sigurtà u s-sikurezza u tad-dikjarazzjoni doganali. Din id-diskussjoni hija pertinenti wkoll minħabba l-volum dejjem jiżdied ta' kunsinni żgħar li jintbagħtu bħala riżultat tal-kummerċ elettroniku. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, l-operaturi tal-posta, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u l-imsieħba internazzjonali (l-Istati Uniti, il-Kanada u ċ-Ċina) kienu involuti fl-analiżi tal-għażliet disponibbli fil-mudell globali tal-posta tal-Unjoni Postali Universali. Tkun xi tkun l-opzjoni li tintgħażel, huwa importanti li din tkun tista' topera fis-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida.

2.8Is-seba' għan — L-użu tal-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni doganali internazzjonali

Tnedew għadd ta' attivitajiet u dawn għadhom għaddejjin bil-għan li jitjieb l-immaniġġjar tar-riskju tal-katina tal-provvista permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali.

Is-suċċessi jinkludu r-reviżjoni tal-Qafas tal-Istandards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali(WCO) 19 , l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, eż. dwar informazzjoni ta' qabel it-tagħbija tal-merkanzija tal-ajru 20 , u l-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku tal-kunċetti tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) 21 . Qed jitwettqu għadd ta' proġetti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE (eż. fil-kuntest tal-proġett pilota tar-Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Sikuri maċ-Ċina 22 ). Madankollu, sabiex jirnexxu, dawn il-proġetti sejrin jeħtieġu li jinħolqu sistemi tal-IT affidabbli.

3. Konklużjonijiet preliminari

Ir-riforma tal-immaniġġjar tar-riskju doganali hija eżerċizzju li jeħtieġ ħafna riżorsi. L-ilħuq tar-riżultati jeħtieġ iż-żmien. Għalkemm tnedew għadd kbir ta' azzjonijiet, il-progress ma kienx wieħed bilanċjat.

Il-progress kien jispikka l-aktar fir-rigward tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-dwana, filwaqt li kien aktar bil-mod għal dawk l-azzjonijiet li jeħtieġu żieda fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn, b'mod partikolari l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà.

F'dan l-istadju tal-proċess ta' implimentazzjoni, l-isfida ewlenija hija relatata mal-IT. Filwaqt li nstabu soluzzjonijiet fattibbli, eż l-iżgurar tad-disponibbiltà tad-dejta, l-iskambju ta' informazzjoni u analiżi awtomatizzata tar-riskju, is-suċċess tal-implimentazzjoni jiddependi kemm fuq l-ammeljorament ta' sistemi tal-IT eżistenti kif ukoll fuq l-iżvilupp u t-tnedija ta' sistemi ġodda (jew mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni jew mingħajru, jew mill-Kummissjoni).

In-nuqqas ta' finanzjament għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT meħtieġa huwa kwistjoni ewlenija li tostakola l-progress, b'mod partikolari fir-rigward tas-Sistema ta' Kontroll tal-Importazzjonijiet il-ġdida. Filwaqt li hija rikonoxxuta bħala Sistema tal-Informazzjoni Ewropea fir-Regolament dwar id-Dwana 2020, il-baġit tal-programm Dwana 2020 mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-IT.

Limitazzjonijiet simili tar-riżorsi jeżistu fil-livell tal-Istati Membri. F'ċertu Stati Membri, jista' jkun diffiċli li jkunu ġġustifikati r-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT meħtieġa minħabba n-numru ta' dikjarazzjonijiet li jridu jiġu pproċessati.

Fin-nuqqas ta' riżorsi addizzjonali, numru ta' azzjonijiet mhux ser ikunu jistgħu jiġu implimentati sal-aħħar tal-2020, kif previst fl-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni. Id-dewmien jista' jaffettwa wkoll l-implimentazzjoni tal-impenji għal aspetti relatati mad-dwana fil-Kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

Hija meħtieġa wkoll analiżi ulterjuri tal-impatt tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari fir-rigward tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

F'dan l-istadju tal-proċess ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ma jsir ebda tibdil għall-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni.

L-avvenimenti u l-iżviluppi esterni 23 li mhumiex inklużi fil-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni jistgħu, madankollu, jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni u jistgħu jeħtieġu bidliet għal azzjonijiet speċifiċi u l-prijoritizzazzjoni ta' ċerti azzjonijiet sekondarji. Il-pjan direzzjonali għalhekk jeħtieġ li jiġi aġġornat.

Ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali ser jiġu kkunsidrati.

Id-disponibbiltà tar-riżorsi għal implimentazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet għall-immaniġġjar tar-riskju doganali identifikati fl-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni, inkluż bħala appoġġ għall-analiżi tar-riskju transnazzjonali fil-proċeduri kollha tad-dwana, ser teħtieġ kunsiderazzjoni fil-fond.

(1)  COM(2014) 527 final.
(2)  Ma kienx hemm disponibbli indikaturi tar-riżultati kwantitattivi biex jitkejjel il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija.
(3)  L-istħarriġ kopra l-Istati Membri kollha u għaxar dipartimenti tal-Kummissjoni (id-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali, id-DĠ Baġit, id-DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs, id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, id-DĠ Ġustizzja u Konsumaturi, id-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd, id-DĠ Mobilità u Trasport, id-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi).
(4)  Mill-54 azzjoni sekondarja identifikati mill-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni, 41 ġew ikkompletati jew qed jitwettqu (jiġifieri 76 %). Barra dan, mill-64 riżultat identifikati fil-pjan direzzjonali, 11 ġew ikkompletati (jiġifieri 17 %) u 34 qed jiġu finalizzati (jiġifieri 53 %).
(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(6)

     Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1). Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi elettroniċi rilevanti għadhom mhux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta' April 2016 li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).
(9)  Il-każ ta' negozju u d-dokumenti ta' viżjoni ġew ippreżentati lill-Grupp tal-Politika Doganali fit-3 ta' Diċembru 2015.
(10)  Il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Doganali u l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq (MSA) dwar l-immaniġġjar tar-riskju fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti u l-kontrolli dwar il-konformità fuq il-merkanzija importata.
(11)  COM(2016)205, 6.4.2016
(12)  Il-linji gwida għall-kooperazzjoni bejn il-Gwardji tal-Fruntieri u l-Amministrazzjonijiet doganali li jaħdmu fil-fruntieri esterni, April 2013.
(13)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
(14)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).
(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 2015/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 243, 18.9.2015, p. 1) ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2016 kif ukoll l-atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/345 (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 38) u 2016/346 (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 40).
(16)  COM(2015) 185 final.
(17)  EMSA, EFCA, FRONTEX, EDA, EUROPOL u ESA.
(18)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/customs/policy_issues/customs_security/aeo_guidelines_en.pdf.
(19)

     Iċ-ċiklu ta' reviżjoni tal-Qafas SAFE tal-WCO, approvat mill-Kunsill tal-WCO f'Ġunju 2015, introduċa emenda għall-Qafas SAFE tal-WCO, inkluż dwar l-informazzjoni ta' qabel it-tagħbija tal-merkanzija tal-ajru.

(20)  jiġifieri fil-grupp ta' ħidma konġunta tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-WCO fuq l-informazzjoni dwar il-merkanzija tal-ajru.
(21)

     Jeżistu ftehimiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-AEU fin-Norveġja, l-Iżvizzera, Andorra, l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina. in-negozjati għadhom għaddejjin mal-Kanada. Teżisiti sistema ta' skambju ta' dejta awtomatizzat għar-rikonoxximent reċiproku maċ-Ċina, il-Ġappun, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti.

(22)

     Il-proġett pilota tar-Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Sikuri, li tneda fl-2006, għandu l-għan li jittestja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà u s-sikurezza maħruġa taħt il-Qafas SAFE tal-WCO fil-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina. Fl-2014, il-grupp ta' esperti tal-IT tal-SSTL beda jiżviluppa għodda ġdida tal-IT għall-iskambju tad-dejta li ser jippermetti l-iskambju ta' volumi ikbar, u konsegwentement aktar siewja ta' dejta.

(23)  eż. l-attakki terroristiċi ta' Pariġi tal-2015 u ta' Brussell tal-2016, ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 24/2015 Tackling intra-Community VAT fraud: More action needed.
Top