IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2016
COM(2016) 469 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
RAPPORT ANNWALI 2015
DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0469
REPORT FROM THE COMMISSION ANNUAL REPORT 2015 ON SUBSIDIARITY AND PROPORTIONALITY
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI RAPPORT ANNWALI 2015 DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI RAPPORT ANNWALI 2015 DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
COM/2016/0469 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2016
COM(2016) 469 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
RAPPORT ANNWALI 2015
DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
RAPPORT ANNWALI TAL-2015
DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
1. introduzzjoni
Dan huwa t-23 rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fit-tfassil tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 2) ta’ mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
Ir-rapport iħares lejn kif l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea implimentaw dawn iż-żewġ prinċipji fl-2015 u kif evolviet il-prassi meta mqabbel mas-snin preċedenti. Huwa jipprovdi wkoll analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni li kienu s-suġġett ta’ opinjonijiet motivati matul is-sena. Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn il-mekkaniżmi ta' kontroll tas-sussidjarjetà u d-djalogu politiku bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni, dan ir-rapport għandu jitqies bħala kumplimentari għar-rapport annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2015 dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali 1 .
2. applikazzjoni tal-prinċipji mill-istituzzjonijiet
2.1. Il-Kummissjoni
Qabel ma ngħatat il-kariga tagħha f’Novembru 2014, il-Kummissjoni ta’ Juncker impenjat ruħha li tkun “akbar u aktar ambizzjuża fuq l-affarijiet il-kbar, u iżgħar u aktar modesta fuq l-affarijiet iż-żgħar”. Hija impenjat ruħha wkoll biex tpoġġi s-sussidjarjetà fil-qalba tal-proċess demokratiku Ewropew. Għaldaqstant, il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 ppropona numru limitat ta’ inizjattivi ġodda u ħabbar l-irtirar ta’ għadd kbir ta’ proposti pendenti. Dan ippermetta li l-ħidma tiffoka fuq l-għaxar prijoritajiet stabbiliti fil-Linji Gwida Politiċi 2 .
Bħala waħda mill-ewwel azzjonijiet biex twettaq dan l-impenn, f’Mejju 2015 il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar ġdid. Il-politika l-ġdida għandha l-għan li taħdem b’mod aktar trasparenti u inklużiv biex isiru proposti aħjar, u jiġi żgurat li r-regoli eżistenti jwettqu l-għanijiet tagħhom b’mod aktar effettiv. Din tistabbilixxi rabtiet b’saħħithom rigward kif il-Kummissjoni tiżviluppa, tgħarraf, tikkonsulta, tivvaluta, tivverifika l-kwalità tal-miżuri ta’ politika tagħha u tevalwahom. Dan il-Qafas għar-Regolamentazzjoni Aħjar il-ġdid jippermetti wkoll lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità b’mod aktar integrat u komprensiv minn qabel.
Il-qafas il-ġdid ta’ Regolamentazzjoni Aħjar jgħin biex jiġi żgurat li meta jiġu żviluppati politiki ġodda, il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din il-valutazzjoni issa ssir fi stadji differenti fiċ-ċiklu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Fl-istadju bikri tal-proċess tal-ippjanar tal-politika, il-pjanijiet direzzjonali u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jiġu ppubblikati għall-inizjattivi l-ġodda ewlenin kollha 3 . Dawn jipprovdu deskrizzjoni preliminari tal-inizjattiva u x-xogħol ta’ evalwazzjoni eżistenti. Huma jiddeskrivu wkoll il-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt u x-xogħol ta’ konsultazzjoni. Il-pjanijiet direzzjonali u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jinkludu wkoll ġustifikazzjoni inizjali għall-azzjoni fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dawn l-aspetti jiġu mbagħad żviluppati aktar u analizzati fil-valutazzjonijiet tal-impatt sħaħ, għal dawk l-inizjattivi fejn dawn isiru.
Fl-2015, il-Kummissjoni introduċiet ukoll konsultazzjoni u mekkaniżmi ta’ reazzjoni għal inizjattivi ġodda ta’ politika. Dawn il-mekkaniżmi japplikaw matul il-proċess mill-bidu, matul it-tħejjija, sal-adozzjoni. Barra minn hekk, issaħħew il-konsultazzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika eżistenti. Għaldaqstant, żdiedu l-possibilitajiet li l-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra jsegwu inizjattivi ta’ politika, u jagħtu opinjonijiet dwarhom. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati - bħal awtoritajiet reġjonali u lokali, negozji, organizzazzjonijiet u membri tal-pubbliku ġenerali - jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif il-Kummissjoni qed tiżviluppa proposti speċifiċi u kif kwistjonijiet dwar sussidjarjetà u proporzjonalità jiġu ttrattati mill-bidu. Għalhekk, il-politika l-ġdida ta' Regolamentazzjoni Aħjar tippermetti lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tħassib li jista' jkollhom il-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità mill-aktar stadju bikri. Barra minn hekk, immedjatament wara li l-Kummissjoni tadotta proposta u qabel ma jibda l-proċess leġiżlattiv, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri jistgħu għal darb’oħra jsemmgħu leħinhom dwar proposti speċifiċi u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom, inkluż dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, bħala input għall-proċess leġiżlattiv.
Barra minn hekk, fl-2015 il-Kummissjoni nediet is-sit web “Ħaffef il-Piż — Semma’ Leħnek” 4 kif ukoll il-Pjattaforma REFIT il-ġdida. Dawn ipprovdew mezzi ġodda biex jikkomunikaw mal-Kummissjoni dwar il-possibilità ta’ piżijiet eċċessivi u ineffiċjenzi ta’ miżuri regolatorji eżistenti. Dawn jistgħu jinkludu mistoqsijiet dwar is-sussidjarjetà jew il-proporzjonalità.
Fl-aħħar nett, il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja kull proposta leġiżlattiva jistabbilixxi kif il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Analiżi tas-sussidjarjetà
Il-gwida l-ġdida ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-"istrumenti" li jakkumpanjawha jeħtieġu li titwettaq analiżi tas-sussidjarjetà meta tiġi kkunsidrata inizjattiva ġdida f’oqsma fejn l-UE m’għandhiex kompetenza esklużiva u meta tiġi evalwata r-rilevanza u l-valur miżjud Ewropew ta’ interventi eżistenti. Il-Kummissjoni tindirizza s-sussidjarjetà kemm għal inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. L-objettiv tal-analiżi għandu żewġ għanijiet: l-ewwel nett, biex jiġi vvalutat jekk azzjoni fuq il-livell nazzjonali hijiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv rilevanti; it-tieni, biex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni tal-Unjoni tipprovdix valur miżjud meta mqabbla ma’ azzjoni meħuda mill-Istati Membri.
Skont il-linji gwida l-ġodda u l-istrumenti, parti prinċipali tal-analiżi hija li tiġi evalwata r-“rilevanza tal-Unjoni” tal-inizjattiva li qed tiġi kkunsidrata. Akbar ma tkun ir-rilevanza, aktar ikun probabbli li azzjoni tal-Istati Membri biss ma tkunx biżżejjed. Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali huma: l-ambitu ġeografiku, in-numru ta’ negozji jew partijiet oħra affettwati, l-għadd ta’ Stati Membri kkonċernati, u l-impatt ekonomiku. Barra minn hekk, l-analiżi tiddetermina b’mod kwalitattiv – u sa fejn possibbli f’termini kwantitattivi – jekk hemmx problema transfruntiera sinifikanti. Pereżempju, il-valutazzjoni ta’ kemm il-problema ambjentali hija minħabba l-attivitajiet ta’ Stati Membri oħra. Sitwazzjonijiet rilevanti li jinvolvu effetti transfruntiera (bħal tniġġis) jew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital. L-analiżi tkopri wkoll kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi li azzjoni tal-Unjoni jista’ jkollha mqabbla ma' azzjoni mill-Istati Membri.
Analiżi tal-proporzjonalità
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jaqbżu dawk meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati 5 . L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija rigward l-iżgurar li l-approċċ u l-forza ta' politika jkunu jaqblu mal-objettiv. Il-proporzjonalità hija msemmija b’mod ċar fil-valutazzjonijiet tal-impatt, 6 l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità 7 .
Il-Linji Gwida l-ġodda għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-istrumenti jeħtieġu li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkunsidraw:
jekk il-miżuri humiex konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;
jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata l-problema u jintlaħaq l-objettiv b’mod sodisfaċenti;
jekk l-inizjattiva hija limitata għal dawk l-aspetti li l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu b’mod sodisfaċenti weħidhom u fejn l-UE tista’ tagħmel aħjar;
jekk l-azzjoni jew l-għażla tal-istrument hijiex sempliċi kemm jista’ jkun, konsistenti mal-ksib sodisfaċenti tal-objettiv u infurzar effettiv;
jekk il-kostijiet jinżammux baxxi kemm jista’ jkun u jkunux proporzjonati tajjeb mal-objettiv li jrid jinkiseb;
jekk hemmx ġustifikazzjoni soda għall-għażla ta’ strument (Regolament, Direttiva, jew metodi regolatorji alternattivi); kif ukoll
jekk l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti sew u ċirkustanzi partikolari fi Stati Membri individwali jkunux rispettati.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt
Meta valutazzjoni tal-impatt tkun meħtieġa – bħalma huwa l-każ kull meta jkunu mistennija impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali – il-partijiet ikkonċernati jkunu mistiedna jikkummentaw dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni u dwar soluzzjonijiet possibbli għall-problemi identifikati. Abbażi tat-tweġibiet għal din il-konsultazzjoni u ta' kontributi rilevanti oħra, il-valutazzjonijiet tal-impatt janalizzaw kif l-għażliet eżaminati jikkonformaw mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar adottati f’Mejju 2015 jipprovdu aktar gwida għall-valutazzjoni tal-ħtieġa għal azzjoni Ewropea u l-valur miżjud li din iġġib magħha.
Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (il-kumitat indipendenti li jivvaluta l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni) ġie riformat fil-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-2015 u ġie sostitwit minn Bord tal-Iskrutinju Regolatorju l-ġdid fl-1 ta’ Lulju 2015. Il-Bord huwa magħmul minn sitt membri full-time, inklużi tlieta minn barra l-Kummissjoni. Il-President jinħatar fil-livell ta' Direttur Ġenerali. Il-membri kollha huma indipendenti u jaħdmu f’kapaċità personali bbażata fuq l-għarfien espert individwali tagħhom. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jivvaluta wkoll l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità maġġuri flimkien mal-valutazzjonijiet tal-impatt.
Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma parti mill-kontroll tal-kwalità li l-Bord iwettaq rigward il-Valutazzjonijiet tal-Impatt. Ħafna mill-opinjonijiet tal-Bord jikkontestaw u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-mod li bih il-problema li qed tiġi kkunsidrata tkun ġiet definita. Id-deskrizzjoni tal-problema hija spiss marbuta direttament jew indirettament mad-dritt tal-UE biex taġixxi u għalhekk hija relatata mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barra minn hekk, id-diskussjoni ta’ għażliet ta’ politika u l-impatt potenzjali tagħhom hija marbuta mill-qrib mal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-għan huwa li dejjem tinstab l-għażla l-aktar proporzjonata skont il-problema tal-politika minħabba l-objettivi dikjarati.
Fl-2015, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt u sussegwentement il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju analizzaw 30 valutazzjoni tal-impatt. Sebgħa minn dawn (23 %) kienu ġġudikati bħala li jeħtieġu titjib fir-rigward jew tas-sussidjarjetà inkella l-proporzjonalità, jew it-tnejn li huma. Il-każijiet li ġejjin mill-2015 huma partikolarment sinifikanti:
Dwar il-proposta għal Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi, 8 il-Bord talab ġustifikazzjoni aħjar ta’ għaliex l-għażliet ta’ awtoregolamentazzjoni mill-industrija u l-adozzjoni ta’ standards Ewropej volontarji ma kinux ġew ikkunsidrati. Il-Bord talab għal evidenza aktar konvinċenti – u għal rappurtar aħjar tal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati – rigward għaliex dawn l-għażliet ma kinux ikkunsidrati fattibbli. Barra minn hekk, il-Bord qies li r-rapport ma ġġustifikax biżżejjed il-klawsola ta’ proporzjonalità proposta. Ir-rapport irċieva opinjoni negattiva. Ir-rapport ġie konsegwentement imtejjeb u ngħata verżjoni emendata lill-Bord.
Dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta għat-trażmissjoni tal-gass, 9 il-Bord talab sabiex il-ħtieġa għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea tintwera aħjar. Huwa rrakkomandat li l-valutazzjoni tal-impatt għandha tippreżenta aktar evidenza dwar il-problemi identifikati, rigward ftehimiet ta’ interkonnessjoni, skambju ta' dejta, unitajiet u għoti ta' riħa u l-impatt negattiv tagħhom fuq il-kummerċ u l-integrazzjoni tas-swieq tal-gass fl-Unjoni Ewropea. Il-Bord ikkunsidra li x-xenarju ta’ referenza għandu jiġu żviluppat aktar biex jitqies aħjar l-impatt ta’ tnaqqis fil-produzzjoni tal-gass Ewropew, varjetà ikbar ta’ sorsi ta’ importazzjonijiet u t-tielet pakkett tal-enerġija dwar il-kummerċ tal-gass transfruntier u l-kwalità tal-gass fl-Unjoni Ewropea. Il-kummenti tal-Bord ġew ikkunsidrati fil-verżjoni finali.
Dwar il-proposta għal Regolament dwar il-portabbiltà transfruntiera ta’ servizzi ta’ kontenut online, 10 il-Bord talab biex il-valutazzjoni tal-impatt tippreżenta aktar evidenza sabiex issostni l-ħtieġa biex l-UE taġixxi. Huwa rrakkomanda li tittieħed konsiderazzjoni ta’ inizjattivi oħra tas-suq uniku diġitali u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni. Il-Bord talab ukoll għal aktar evidenza dwar jekk is-suq tas-servizzi tal-kontenut online jista’ maż-żmien, isolvi l-problemi transfruntiera identifikati mingħajr leġiżlazzjoni. Il-kummenti tal-Bord ġew ikkunsidrati fil-biċċa l-kbira fil-verżjoni finali.
Kif juru dawn l-eżempji, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt u Bord tal-Iskrutinju Regolatorju għenu biex itejbu l-analiżi ta’ kif il-proposti jikkonformaw mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Permezz ta' dan, dawn provdew informazzjoni kritika għal proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi tal-Kummissjoni.
Evalwazzjonijiet u verifiki tal-Idoneità
Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma wkoll kruċjali għall-evalwazzjonijiet retrospettivi u l-kontrolli tal-idoneità li twettqu fl-2015. Dawn ivvalutaw jekk l-azzjonijiet Ewropej qed jagħtux ir-riżultati mistennija f’termini ta’ effiċjenza, effettività, koerenza, rilevanza u valur miżjud Ewropew. Dawn ivvalutaw ukoll jekk dawn l-azzjonijiet jibqgħux meħtieġa, jew jekk l-objettivi jistgħux jintlaħqu aħjar b’modi oħra. Il-Kummissjoni hija impenjata biex "l-ewwel tevalwa", fi kliem ieħor, biex tanalizza l-prestazzjoni passata qabel tikkunsidra bidliet leġiżlattivi potenzjali. Billi tinġabar evidenza u jiġu identifikati l-lezzjonijiet li jistgħu jkunu ta' kontribut fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-UE qed tqis l-evalwazzjoni tal-politika tal-UE parti integrali u permanenti fit-tfassil tal-politika tagħha.
Il-Kummissjoni normalment tipproduċi bejn 100 u 120 evalwazzjoni kull sena (122 fl-2015). Peress li l-ewwel waħda saret fl-2012, il-Kummissjoni wettqet seba' (7) verifiki tal-idoneità, li tnejn (2) minnhom kienu fl-2015). L-eżempji segwenti jenfasizzaw evalwazzjonijiet fejn tqajmu l-kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, valur miżjud Ewropew u proporzjonalità:
Fiscalis u Dwana 2013 – Il-programmi Fiscalis u Dwana jappoġġaw sistemi tal-IT li jippermettu l-iskambju u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u dwak doganali tal-Istati Membri b’mod rapidu u sikur. Dan in-netwerk komuni jiżgura li kull amministrazzjoni nazzjonali tkun teħtieġ li tikkonnettja darba biss biex tkun tista' tiskambja informazzjoni ma’ kwalunkwe minn dawn l-Istati Membri. L-evalwazzjonijiet tal-2015 ikkonfermaw il-valur miżjud Ewropew qawwi tal-programmi. Jekk infrastruttura bħal din ma tkunx disponibbli, Stat Membru jkollu jikkollega 27 darba mas-sistemi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra. Dan joħloq kostijiet amministrattivi ogħla b’mod sostanzjali 11 .
Akkwist pubbliku – L-evalwazzjoni tal-2011 tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea sabet li l-iffrankar iġġenerat mid-direttivi Ewropej dwar l-akkwist pubbliku jaqbeż b'mod sinifikanti l-kostijiet għax-xerrejja u l-fornituri pubbliċi. Madankollu, l-evalwazzjoni ssuġġeriet ukoll li jista’ jkun hemm ċerti oqsma fejn il-kostijiet tat-tmexxija tal-proċeduri regolati jistgħu ma jkunux proporzjonati mal-benefiċċji. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ miżuri biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti u tiġi introdotta aktar flessibbiltà għall-Istati Membri biex l-akkwist pubbliku jsir aktar effiċjenti u aktar strateġiku. Il-proposti tal-Kummissjoni ġew adottati b'mod sinifikanti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u l-leġiżlazzjoni emendata, li daħlet fis-seħħ f’April 2014, bħalissa qed tiġi implimentata mill-Istati Membri. F’ħames Stati Membri, l-iffrankar tal-kostijiet ġie stmat f'firxa ta’ 29 sa 58 %.
Prospett – Id-Direttiva dwar il-Prospett ġiet evalwata fl-2015 fil-kuntest tal-programm dwar l-Idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni 12 . Dan kien fil-biċċa l-kbira konsegwenza għat-tħassib tal-partijiet konċernati dwar il-kostijiet għolja għat-tħejjija tal-prospetti. Huwa vvaluta wkoll ir-reġim proporzjonat ta’ divulgazzjoni, introdott fl-2011, li jnaqqas il-piż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-evalwazzjoni sabet li intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ma kinux użati sal-punt mistenni minħabba li r-rekwiżiti tad-divulgazzjoni kienu ta’ piż kbir wisq. Għaldaqstant, sa tmiem l-2015, abbażi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni adottat proposta riveduta li ttejjeb ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Il-proposta riveduta tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji (speċjalment intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) u tagħmel il-prospett għodda aktar ta' valur ta’ informazzjoni għal investituri potenzjali. Il-potenzjal stmat ta’ ffrankar għall-intrapriżi żgħar u medji huwa f'firxa ta’ EUR 45–67 miljun fis-sena.
2.2. Segwitu għal opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali
Fl-2015, il-Kummissjoni rċeviet tmien opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà 13 . Dan kien tnaqqis ta’ 62 % meta mqabbel mal-21 li waslu fl-2014. L-opinjonijiet motivati li daħlu fl-2015 kienu jammontaw għal proporzjon relattivament iktar baxx (2 %) tan-numru globali ta’ opinjonijiet li l-Kummissjoni rċeviet fl-istess sena fil-kuntest tad-djalogu politiku (350).
L-għadd ta’ opinjonijiet motivati li waslu fl-2015 huwa l-aktar ammont baxx li wasal f’sena kalendarja peress li l-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà ġiet introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona fl-2009. Għandu jiġi nnutat ukoll li n-numru totali ta’ opinjonijiet ippreżentati mill-Parlamenti nazzjonali fl-2015 fil-qafas tad-djalogu politiku naqas ukoll b’mod sinifikanti 14 .
Bħal fis-snin ta’ qabel, l-opinjonijiet motivati komplew ivarjaw bil-bosta fil-forma. L-argumenti mressqa mill-Parlamenti nazzjonali f’sostenn għall-konklużjonijiet tagħhom li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kien inkiser kienu differenti wkoll. It-tmien opinjonijiet motivati maħruġa fl-2015 kienu marbuta ma' tliet proposti tal-Kummissjoni. Il-proposta li wasslet għall-aktar opinjonijiet motivati, jiġifieri l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi, 15 iġġenerat ħames opinjonijiet motivati. Inħarġu żewġ opinjonijiet motivati dwar il-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom, 16 u nħarġet opinjoni motivata waħda dwar il-proposta li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni 17 . Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 3 ta' hawn taħt u l-Anness ta' dan ir-rapport.
It-tnaqqis sinifikanti fin-numru totali ta’ opinjonijiet motivati maħruġa fl-2015 irriżulta fi tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ opinjonijiet motivati maħruġa għal kull kamra. Tmienja biss minn 41 kamra ħarġu opinjoni motivata fl-2015 (meta mqabbel ma' 15-il kamra fl-2014). L-opinjoni motivati inħarġu mis-Senat Ċek, il-Poslanecká sněmovna Ċek, il-Congreso de los Diputados / Senado Spanjol, l-Országgyűlés Ungeriż, it-Tweede Kamer Olandiża, il-Camera Deputaților Rumena, ir-Riksdag Żvediż u n-Národná Rada Slovakka. L-ebda kamra ma ħarġet aktar minn opinjoni waħda.
Minkejja l-għadd żgħir ta’ opinjonijiet motivati ippreżentati fl-2015, numru ta’ kmamar komplew jagħmlu l-appell tagħhom biex il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà jissaħħaħ. F’Jannar, it-Tweede Kamer Olandiża organizzat laqgħa informali fi Brussell dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali, li ddiskutiet ukoll modi biex jittejjeb il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. F’Mejju u f’Ottubru, grupp ta’ ħidma informali tal-Parlamenti nazzjonali ltaqgħu f’Varsavja u fil-Lussemburgu rispettivament biex jiddiskutu titjib possibbli tal-mekkaniżmu. Abbażi tad-diskussjonijiet f’dan il-grupp ta’ ħidma, il-LIV COSAC stiednet lill-Kummissjoni biex tqis barra l-festi tal-Milied/l-Ewwel tas-sena, kif ukoll il-perjodi ta’ btala tal-istituzzjonijiet tal-UE mill-kalkolu tal-perjodu tat-tmien ġimgħat li matulu l-Parlamenti nazzjonali jistgħu joħorġu opinjoni motivata. Hija stiednet lill-Presidenza li jmiss tal-COSAC biex tippreżenta segwitu dwar din il-kwistjoni lill-COSAC. Sejħet ukoll lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi biex tiżgura kwalità aqwa u risposti aktar fil-ħin għal opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-COSAC innutat l-appoġġ wiesa’ għal forma msaħħa ta’ djalogu politiku, magħrufa wkoll bħala “karta ħadra”, li permezz tagħha grupp ta’ Parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal leġiżlazzjoni ġdida jew emendata.
2.3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
a) Il-Parlament Ewropew
Fl-2015, il-Parlament Ewropew formalment irċieva 254 sottomissjoni mill-Parlamenti nazzjonali. Tmienja minn dawn kienu opinjonijiet motivati filwaqt li 246 kienu kontribuzzjonijiet (jiġifieri sottomissjonijiet li ma jqajmux kwistjonijiet relatati mal-prinċipju tas-sussidjarjetà). Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw tnaqqis minuri meta mqabbel mal-2014, meta 18-il opinjoni motivata u 269 kontribuzzjoni ntbagħtu uffiċjalment lill-Parlament Ewropew.
Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Legali (il-Kumitat JURI) huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-Kumitat JURI jaħtar “rapporteur permanenti” għas-sussidjarjetà għal perjodu ta’ sitt xhur abbażi ta’ rotazzjoni fost il-gruppi politiċi. Laura Ferrara (EFDD/IT) kienet ir-rapporteur permanenti matul l-ewwel nofs tal-2015. Hija kienet segwita minn Sajjad Karim (ECR/ir-Renju Unit) għat-tieni nofs tas-sena. Ir-rapporteur jissorvelja l-opinjonijiet motivati li jaslu. Il-kwistjonijiet imqajma jistgħu jiġu diskussi fil-Kumitat JURI u jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet lill-kumitat responsabbli għas-suġġett tal-proposta inkwistjoni.
Rapport huwa mfassal ukoll regolarment mill-Kumitat JURI dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Nhar it-13 ta’ Ottubru 2015, il-Kumitat adotta rapport imfassal minn Sajjad Karim dwar ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni għall-2012 u l-2013. Il-Kumitat jikkontribwixxi wkoll lejn ir-rapporti biannwali tal-COSAC dwar kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà. Minħabba li l-Kumitat huwa responsabbli biex jivverifika l-bażi ġuridika tal-proposti, kif ukoll ir-Regolamentazzjoni Aħjar u l-programm REFIT, il-Kumitat JURI jagħti wkoll attenzjoni partikolari għall-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
Barra minn hekk, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew kompla jassisti lill-Parlament Ewropew biex jiġu kkunsidrati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità f’xogħlu:
- billi analizza fil-fond u b'mod sistematiku l-aspetti tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u ġibed l-attenzjoni lejn xi tħassib espress, b’mod partikolari mill-Parlamenti nazzjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni;
- billi żgura li dawn il-prinċipji jiġu rispettati b’mod sħiħ fix-xogħol tal-Parlament Ewropew stess, pereżempju meta jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt tal-emendi sostantivi tiegħu stess jew l-analiżi tal-valur miżjud tal-proposti tal-Parlament għal leġiżlazzjoni ġdida, ibbażata fuq l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell Ewropew;
- billi analizza fil-fond l-aspetti tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità meta jsir abbozz tal-valutazzjonijiet tal-impatt, b’enfasi fuq il-valur miżjud tal-UE fuq l-infiq nazzjonali jew azzjonijiet.
Fl-2015, il-Parlament Ewropew ħejja 13-il stima inizjali, valutazzjoni tal-impatt waħda ta' emendi parlamentari sostantivi u sitt valutazzjonijiet tal-impatt ex post. Barra minn hekk, huwa ħejja erba’ rapporti dwar il-kost tan-non-Ewropa u żewġ valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropej.
Il-Parlament Ewropew beda wkoll approċċ ġdid, aktar ġenerali biex jiġi vvalutat il-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell Ewropew, billi jitfassal rapport tal-“kost tan-non-Ewropa”, 18 li jelenka l-kisbiet ta’ azzjonijiet fil-livell Ewropew propost mill-Parlament Ewropew.
b) Il-Kunsill
L-obbligi tal-Kunsill għal skrutinju tas-sussidjarjetà tal-Parlamenti nazzjonali jikkonsistu prinċipalment fi twassil lill-Parlamenti nazzjonali tal-abbozz ta’ atti leġiżlattivi li ma joriġinawx mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew. Abbażi ta' dan, il-Kunsill irid jibgħat l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi kollha li joriġinaw minn grupp ta’ Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Bank Ewropew tal-Investiment 19 .
Fl-4 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill bagħat lill-Parlamenti nazzjonali il-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali l-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha 20 .
Bħala korollarju ta’ dan l-obbligu, il-Kunsill jgħaddi kull opinjoni tal-Parlament nazzjonali dwar proposti leġiżlattivi li joriġinaw minn grupp ta’ Stati Membri lill-Istati Membri proponenti. Bl-istess mod, il-Kunsill jibgħat lill-istituzzjoni kkonċernata l-opinjonijiet li waslu mill-Parlamenti nazzjonali dwar il-proposti leġiżlattivi li joriġinaw mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Kunsill ma rċieva l-ebda opinjoni mill-Parlamenti nazzjonali fl-2015 dwar il-proposta msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Barra minn hekk, il-Kunsill iżomm lill-Istati Membri infurmati dwar l-opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, fl-2015, is-Segretarjat tal-Kunsill qassam lid-delegazzjonijiet, aktar minn disa' (9) opinjonijiet motivati 21 u 86 opinjoni maħruġa fid-djalogu politiku, dwar proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni.
Fl-aħħar, bħala parti mix-xogħol leġiżlattiv tiegħu, il-Kunsill jivverifika l-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità meta jagħmel rieżami tal-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni.
2.4. Il-Kumitat tar-Reġjuni
Fl-2015, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta u implimenta t-tielet Programm ta’ Ħidma dwar is-Sussidjarjetà 22 . Mill-Programm ta’ Ħidma għall-2015 tal-Kummissjoni, il-Kumitat għażel għadd ta’ inizjattivi prijoritarji li għandhom jiġu mmonitorjati mil-lat tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà bl-użu tal-kriterji li ġejjin:
a) L-inizjattivi għandhom jippreżentaw interess politiku ċar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;
b) L-inizjattivi għandhom jindirizzaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
c) L-inizjattivi għandhom ikollhom dimensjoni potenzjali ta' sussidjarjetà.
Fost l-inizjattivi prijoritarji magħżula kienet il-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom. 23 Rigward din il-proposta, il-Kumitat tar-Reġjuni kkonsulta l-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sussidjarjetà tiegħu, li jikkonsisti minn 13-il prattikant mil-livell lokali u reġjonali. Il-grupp ikkonkluda li l-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, għalkemm xi esperti qajmu dubji dwar jekk, fil-fatt, il-proposta tippermettix lill-Istati Membri biex jimponu projbizzjonijiet nazzjonali u miżuri restrittivi fuq ikel u għalf modifikat ġenetikament. Il-Kumitat tenna dan it-tħassib billi fl-opinjoni tiegħu kkunsidra li “għażla ta' projbizzjoni tinvolvi ostakoli sproporzjonati, li l-ewwel iridu jingħelbu mill-Istat Membru qabel ma dan ikun jista’ jagħmel użu minn din l-għażla fil-livell nazzjonali u jimponi projbizzjoni; dan iqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà u jindika li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jinkiser b'mod ċar taħt din il-proposta.” 24
Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta erba’ opinjonijiet f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, 25 bil-valutazzjoni tal-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità:
Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta li jinħoloq programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi 26 , in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej, il-Kumitat tar-Reġjuni jikkunsidra li l-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Madankollu, il-Kumitat enfasizza “li l-involviment effettiv tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom fil-programm ISA2 se jkun essenzjali biex jinkisbu bis-sħiħ l-għanijiet tiegħu u jiġi ggarantit ir-rispett kontinwu tal-prinċipji tas-sussidjarjetà waqt l-implimentazzjoni tal-programm.” 27
L-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi 28 sab ukoll li l-proposta hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. F'dan ir-rigward il-Kumitat sostna: "Minħabba li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa l-kontribut biex jitniedu mill-ġdid l-investimenti fuq livell Ewropew b'aspetti transnazzjonali ċari, il-KtR jikkunsidra li l-abbozz tar-regolament huwa konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-KtR iqis li l-abbozz ta' Regolament huwa l-istrument legali xieraq, minħabba li d-dispożizzjonijiet finanzjarji tiegħu jeħtieġ li jkunu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.” 29
Fl-opinjoni tiegħu 30 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki għall-impjiegi tal-Istati Membri 31 , il-Kumitat tar-Reġjuni għaraf li “filwaqt li dawn il-linji gwida dwar l-impjiegi huma indirizzati lill-Istati Membri, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li, meta wieħed iqis il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tagħhom fl-oqsma koperti minn dawn il-linji gwida u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, huma essenzjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u għall-komunikazzjoni ġenerali dwar l-Istrateġija”. 32
Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tiegħu 33 dwar il-Pakkett tat-Trasparenza tat-Taxxa, 34 il-Kumitat kien konvint minn "argumenti persważivi għall-kollox dwar il-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew" fil-memorandum ta' spjegazzjoni li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva u kkonkluda li l-proposta hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Avveniment kbir ta’ sussidjarjetà fl-2015 kien is-seba' (7) Konferenza Interistituzzjonali dwar is-Sussidjarjetà, organizzata b’mod konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament Fjamming. Il-konferenza saret fis-17 ta’ Novembru 2015 fil-Parlament Fjamming fi Brussell. Attendew aktar minn 200 parteċipant minn diversi istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, li jirrappreżentaw il-livelli kollha rilevanti ta’ governanza. Il-Konferenza, li ssir kull sentejn u għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskrutinju tas-sussidjarjetà, wasslet għal skambju ġenwin ta’ fehmiet bejn l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-monitoraġġ tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk il-Konferenza pprovdiet opportunità biex jiġi diskuss kif il-proposti fil-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2015 isiru realtà prattika. Il-Konferenza laqqgħet flimkien atturi istituzzjonali ewlenin, inkluż l-ewwel Viċi President Frans Timmermans, il-Ministru Lussemburgiż Nicolas Schmit f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, u l-President tal-Kumitat JURI tal-Parlament Ewropew, Pavel Svoboda (PPE/CZ). Id-dibattitu għamilha ċara li r-Regolamentazzjoni Aħjar u l-applikazzjoni prattika tagħha hija kwistjoni ta’ importanza primarja mhux biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jġibu valur miżjud uniku għall-iżvilupp ta’ politika Ewropea u għall-proċess leġiżlattiv. Ġie kkunsidrat ukoll li l-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prerekwiżit biex tinkiseb Regolamentazzjoni Aħjar. Barra minn hekk, il-Konferenza wasslet għal skambju ta’ esperjenza prattika bejn l-atturi minn livelli differenti ta’ governanza u serviet ta’ okkażjoni biex jingħaqdu l-attivitajiet tal-Presidenza tal-Lussemburgu u l-viżjoni tal-Presidenza Olandiża li jmiss 35 .
Deskrizzjoni aktar dettaljata ta’ attivitajiet relatati mas-sussidjarjetà hija pprovduta fir-Rapport Annwali dwar is-Sussidjarjetà 2015 maħruġ mill-Kumitat tar-Reġjuni 36 .
2.5. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Is-sentenza ewlenija fl-2015 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża C-508/13, L-Estonja vs Il-Parlament u l-Kunsill 37 . F’dan il-każ, l-Estonja talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34/UE 38 għal ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandha ssir għad-Direttiva inġenerali, u mhux individwalment għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha (paragrafu 51). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex maħsub biex jillimita l-kompetenza tal-UE abbażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru individwali. Dan sempliċement jirrikjedi li l-azzjoni proposta tista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni (paragrafu 53). It-tielet, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti fakkret li huwa suffiċjenti li jiġi żvelat l-objettiv essenzjali mixtieq mill-istituzzjoni. Ikun eċċessiv li tkun meħtieġa dikjarazzjoni speċifika tar-raġunijet għal kull waħda mill-għażliet tekniċi meħuda (paragrafu 60). Barra minn hekk, bħala parteċipant fil-proċedura leġiżlattiva li twassal għall-adozzjoni tad-Direttiva, l-Estonja ma setgħetx validament issostni li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet għall-għażla tal-miżuri (paragrafu 61).
Dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti fakkret il-ġurisprudenza kostanti tagħha li għaliha l-leġiżlatura tal-UE trid tingħata diskrezzjoni wiesgħa fl-oqsma li jinvolvu l-għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, li fihom hija tintalab twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Dan ifisser li l-legalità tal-miżuri adottati f’dan il-qasam tista’ tkun affettwata biss jekk il-miżura mhijiex xierqa b'mod ċar fid-dawl tal-objettiv li tixtieq tilħaq l-istituzzjoni kompetenti (paragrafu 29). Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-Estonja bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta jiġi kkunsidrat li l-Estonja ma kinitx stabbiliet li d-diversi għażliet magħmula mil-leġiżlatura tal-UE qabżu l-limiti tad-diskrezzjoni tagħha (paragrafi 32 sa 38). B’mod partikolari, il-Qorti ċaħdet l-argument li l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien inkiser peress li l-leġiżlatura tal-UE ma kinitx ikkunsidrat is-sitwazzjoni partikolari tagħha bħala Stat Membru b’amministrazzjoni elettronika avvanzata. Hija nnutat li d-Direttiva kkontestata għandha impatt fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, it-tentattiv ta’ tali bbilanċjar, b’kunsiderazzjoni mhux għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha, ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (paragrafu 39).
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tas-26 ta' Novembru 2015 tat sentenza fil-Kawża T-461/13, Spanja vs Il-Kummissjoni, 39 li tikkonferma li l-prinċipju tas-sussidjarjetà mhuwiex applikabbli fil-qasam tar-rieżami tal-għajnuna mill-Istat (paragrafu 182).
3. każijiet ewlenin fejn tqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rilokazzjoni f'każ ta' kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida 40 .
F’rispons għall-kriżi tar-refuġjati u skont l-aġenda Ewropea tagħha dwar il-Migrazzjoni, 41 fid-9 ta’ Settembru 2015 il-Kummissjoni adottat proposta 42 għal mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi li għandha l-għan li tintroduċi mekkaniżmu ta’ solidarjetà strutturat. Il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal dan f’kull ħin biex tgħin lil kwalunkwe Stat Membru li jkun qiegħed iġarrab sitwazzjoni ta’ kriżi u pressjoni estrema fis-sistema tal-ażil tiegħu wara’ influss kbir u sproporzjonat ta’ ċittadini mhux tal-UE. Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal dawn futuri jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli. Din hija parti minn pakkett ta’ proposti li jinkludi r-rilokazzjoni ta’ emerġenza ta’ 120 000 refuġjat mill-Greċja, l-Ungerija u l-Italja 43 , lista komuni Ewropea ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri 44 u li l-politika ta’ ritorn issir aktar effettiva 45 .
Il-Parlamenti nazzjonali ħarġu ħames opinjonijiet motivati 46 dwar il-proposta, li jirrappreżentaw seba' voti. Fl-opinjonijiet motivati tagħhom, il-Parlamenti nazzjonali argumentaw: li l-mekkaniżmu propost jikkostitwixxi indħil inaċċettabbli fis-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri; li l-motivazzjoni ma kinitx suffiċjenti; u li bl-introduzzjoni ta’ skema ta' distribuzzjoni obbligatorja permanenti minflok miżuri provviżorji, il-proposti kisru l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-ġustifikazzjoni għall-għażla tal-Artikolu 78(2)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala l-bażi ġuridika ġiet ikkontestata wkoll.
Fit-tweġibiet tagħha, il-Kummissjoni fakkret li l-kriżi tar-refuġjati poġġiet is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri taħt pressjoni kbira ħafna, li tista’ tfixkel l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Dublin. F'dan ir-rigward, is-sistema attwali ma tippermettix għal deroga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, u b’hekk tiġġenera żbilanċi u f’xi każijiet tiggrava l-kriżi.
Il-Kummissjoni argumentat ukoll li mekkaniżmu ta’ kriżi għar-rilokazzjoni ta’ applikanti jippermetti lill-UE, li mingħajr ma jkollha tgħaddi minn proċedura ta’ adozzjoni twila kull darba, twieġeb għal sitwazzjoni urġenti u tgħin lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni enfasizzat li azzjoni minn Stati Membri individwali ma tkunx biżżejjed biex tindirizza dawn is-sitwazzjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet mhux ikkoordinati ma tkunx kapaċi tikseb rispons komprensiv għall-influss sproporzjonat ta’ persuni u lanqas tqassim xieraq tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri.
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom 47
Meta talab l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew bħala President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati. Skont is-sistema attwali, l-Istati Membri qatt ma rnexxielhom jiksbu maġġoranza kwalifikata favur jew kontra l-awtorizzazzjoni, u b’hekk dejjem iħallu d-deċiżjoni finali dwar l-awtorizzazzjoni f'idejn il-Kummissjoni. Fit-22 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal rieżami tar-Regolament eżistenti, li tippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali, u li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel jew għalf ġenetikament modifikati, wara li dawn ikunu ġew awtorizzati fuq livell Ewropew. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu biss taħt il-kundizzjoni li d-derogi nazzjonali jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jkunux relatati ma’ raġunijiet sanitarji u ambjentali. Dawn jiġu vvalutati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
Il-Kummissjoni rċeviet żewġ opinjonijiet motivati, li jsostnu, minn naħa, li l-proposta ma tipprovdix lill-Istati Membri biżżejjed opportunità għal projbizzjoni nazzjonali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament minħabba li din hija kwistjoni pubblika sensittiva 48 u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment tad-deċiżjoni biex jiġi ristrett jew projbit l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati lill-Istati Membri ma kienx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-Istati Membri mhux dejjem ikunu jistgħu jieħdu tali deċiżjonijiet b’mod li ma jippreġudikax il-funzjonament tas-suq uniku 49 .
Fit-tweġibiet tagħha l-Kummissjoni argumentat li l-proposta ma tittrasferixxix il-kompetenza sħiħa biex jiġi deċiż dwar l-awtorizzazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati lill-Istati Membri, iżda tipprovdi biss il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom, wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-UE. Għalhekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-proposta ma taffettwax l-aspetti tal-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi modifikati ġenetikament li jkunu indirizzati aħjar fuq livell Ewropew.
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
Fit-18 ta’ Marzu 2015, bħala parti mill-aġenda tagħha biex tindirizza l-evitar tat-taxxa korporattiva u l-kompetizzjoni dannuża tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa. Dan inkluda proposta biex jiġi introdott l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-taxxa 50 . Il-proposta teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa biex jirrapportaw regolarment lil Stati Membri oħrajn dwar id-deċiżjonijiet transfruntieri tat-taxxa li jkunu ħadu. L-Istati Membri mbagħad ikunu jistgħu jitolbu għal iktar informazzjoni dettaljata dwar deċiżjoni partikolari. L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa jkun jippermetti lill-Istati Membri biex jidentifikaw prattiki abbużivi tat-taxxa mill-kumpaniji u għaldaqstant jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, l-għan tal-proposta huwa li tiġi promossa kompetizzjoni tat-taxxa aktar b’saħħitha, peress li jkun inqas probabbli li l-awtoritajiet tat-taxxa joffru trattament selettiv għat-taxxa lill-kumpaniji ladarba din tkun miftuħa għal skrutinju minn kumpaniji oħra bħalhom.
Il-Kummissjoni rċeviet opinjoni motivata waħda 51 . Hija sostniet li ċerti partijiet tal-proposta, inkluża l-formulazzjoni wiesgħa tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-ipprezzar bilaterali u multilaterali bħala parti minn ftehimiet reċiproċi bejn l-Istati milquta, kienu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa u li l-proposta ma kinitx konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-ġlieda kontra prattiki dannużi tat-taxxi li ddgħajjef il-funzjonament tas-suq uniku kien ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kienet ħadet perspettiva wiesgħa ta’ x’tip ta’ informazzjoni għandu jkun kopert mill-proposta. Għalhekk il-marġini ta’ diskrezzjoni li fih id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu ta’ ħsara u għandhom jiġu skambjati jiġi minimizzat. Dan jiżgura wkoll li d-Direttiva jkun ikollha effett reali fil-prattika.
Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 52 .
4. Konklużjoni
L-2015 kienet l-ewwel sena sħiħa li kienet taħt il-Kummissjoni l-ġdida, li kienet impenjat ruħha li tpoġġi s-sussidjarjetà fil-qalba tal-proċess demokratiku Ewropew. Din is-sena kien hemm l-inqas għadd ta’ opinjonijiet motivati li waslu minn Parlamenti nazzjonali minn meta ġie introdott il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà bit-Trattat ta’ Lisbona fl-2009.
Sadanittant, fl-2015 kien hemm ukoll interess akbar minn Parlamenti nazzjonali biex jiddiskutu l-bidliet għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. L-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar adottata f’Mejju pprovdiet ukoll linji gwida ġodda li jiżguraw li l-proposti l-ġodda jikkonformaw bis-sħiħ mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Il-Parlament Ewropew kompla jittratta l-kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità fil-kuntest tal-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi u kompla l-approċċ ġenerali tiegħu li jivvaluta l-valur miżjud Ewropew billi jfassal ir-"rapport tal-kost tan-non-Ewropa". Fl-aħħar nett, il-Kumitat tar-Reġjuni kompla l-ħidma tiegħu rigward kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà, speċjalment bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tat-tielet Programm ta’ Ħidma tas-Sussidjarjetà tiegħu u billi jospita s-seba' (7) Konferenza dwar is-Sussidjarjetà.
COM(2016) 471 finali.
Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku — Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss ( http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf )
http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_mt.htm .
Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jsiru biss għal inizjattivi fejn huwa previst impatt sinifikanti u fejn l-inizjattiva għalhekk se tkunu akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt.
http://ec.europa.eu/priorities/democratic-change/better-regulation/feedback/index_en.htm .
L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt, il-proporzjonalità hija kriterju essenzjali li għandu jiġi kkunsidrat fit-tqabbil tal-għażliet tal-politika.
Il-kontroll tal-idoneità huwa evalwazzjoni komprensiva ta’ qasam ta’ politika li normalment jindirizza kif diversi atti leġiżlattivi relatati kkontribwew (jew le) biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika. Il-kontrolli tal-idoneità huma partikolarment xierqa biex jidentifikaw ix-xogħol doppju, l-inkonsistenzi, is-sinerġiji u l-impatti kumulattivi ta’ regolament.
COM(2015) 615 finali tat-2 ta' Diċembru - Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi.
C(2015)2823.
COM(2015) 627 finali tad-9 ta' Diċembru 2015 - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern
SWD(2015) 124 finali tas-26 ta’ Ġunju 2015 – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar eżempji ta’ valur miżjud tal-UE, li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba.
COM(2014) 368 finali tat-18 ta' Ġunju 2014 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar iI Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi.
Ara l-Anness għal dan ir-rapport.
350 mqabbla ma' 506 fl-2014.
COM(2015) 450 finali tad-9 ta' Settembru 2015 - Proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rilokazzjoni f'każ ta' kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida.
COM(2015) 177 finali tat-22 ta' April 2015 - Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom
COM(2015) 135 finali tat-18 ta' Marzu 2015 - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.
L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa 2014-19, It-tielet edizzjoni: April 2015, Unità tal-Valur Miżjud Ewropew http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/536364/EPRS_STU%282015 % 29536364_EN.pdf ..
L-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2.
Dok. 14306/15.
Inkluż waħda li waslet wara l-iskadenza ta’ tmien (8) ġimgħat.
KtR 01517/2015 , adottata mill-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni fil15 ta’ April 2015.
COM(2015) 177 finali tat-22 ta' April 2015.
Ir-Regola 55.2.
COM(2014) 367 finali tas-26 ta’ Ġunju 2014 — Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (ISA2): L-interoperabbiltà bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku.
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013, COM(2015)10 finali.
COM(2015) 98 finali tat-2 ta' Marzu 2015 - Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi.
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Għal strument aħjar għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020: il-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni" (KtR 175/2010 fin).
COM(2015) 129 finali tat-18 ta’ Marzu 2015 - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE; u COM(2015) 135 finali tat-18 ta' Marzu 2015.
Ir-rapport dwar il-messaġġi ewlenin tal-Konferenza huwa disponibbli fuq: http://portal.cor.europa.eu/subsidiarity/Pages/default.aspx .
Disponibbli wara l-adozzjoni mill-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni f'Ġunju 2016 fuq: http://portal.cor.europa.eu/subsidiarity/Pages/default.aspx .
UE:C(2015)403.
Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.
UE:T:2015:891.
COM(2015) 450 finali tad-9 ta' Settembru 2015.
COM(2015) 240 finali tat-13 ta' Mejju 2015.
COM(2015) 450 finali tad-9 ta' Settembru 2015.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015.
COM(2015) 452 finali tad-9 ta' Settembru 2015.
COM(2015) 453 finali u C(2015) 6250 finali.
Il-Poslanecká sněmovna Ċeka, is-Senát Ċek, l-Országgyűlés Ungeriż, il-Camera Deputaților Rumena u n-Národná Rada Slovakka.
COM(2015) 177 finali tat-22 ta' April 2015.
It-Tweede Kamer Olandiża.
Il-Congreso de los Diputados Senado u s-Senado Spanjol.
COM(2015) 135 finali tat-18 ta' Marzu 2015.
Il-Riksdag Żvediża.
Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/2015/UE tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni - ĠU L 332, 18.12.2014, p. 1-10.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2016
COM(2016) 469 final
ANNESS
għar-
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
Rapport Annwali 2015
dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
Anness
Lista ta’ dokumenti tal-Kummissjoni li dwarhom il-Kummissjoni rċeviet opinjonijiet motivati 1 dwar il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà mill-Parlamenti nazzjonali fl-2015
|
Dokument tal-Kummissjoni |
Titlu |
Numru ta’ opinjonijiet motivati (Protokoll Nru 2) |
Numru ta' voti (Protokoll Nru 2) 2 |
Kmamar nazzjonali li ressqu opinjonijiet motivati |
|
|
1 |
COM (2015) 450 |
Proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rilokazzjoni f'każ ta' kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida. |
5 |
7 |
CZ Senát (vot wieħed (1)) CZ Poslanecká sněmovna (vot wieħed (1)) HU Országgyűlés (żewġ (2) voti) RO Camera Deputaților (vot wieħed (1)) SK Národná Rada (żewġ (2) voti) |
|
2 |
COM (2015) 177 |
Proposta għal Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom |
2 3 |
3 |
ES Congreso de los Diputados / Senado (iż-żewġt ikmamar - żewġ (2) voti) NL Tweede Kamer (vot wieħed (1)) |
|
3 |
COM (2015) 135 |
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni |
1 |
2 |
SE Riksdag (żewġ (2) voti) |
|
TOTAL |
8 |
12 |
|||
Biex tikkwalifika bħala opinjoni motivata kif definit fil-Protokoll Nru 2, opinjoni tkun trid tiddikjara għaliex Parlament nazzjonali jkun iqis li proposta leġiżlattiva ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u trid tintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien tmien ġimgħat mit-trażmissjoni tal-proposta leġiżlattiva lill-Parlamenti nazzjonali.
Skont il-Protokoll Nru 2, kull Parlament nazzjonali għandu żewġ voti; fil-każ ta’ sistema bikamerali, kull kamra jkollha vot wieħed. Meta opinjonijiet motivati joriġinaw minn mill-inqas terz (għal proposti skont l-Artikolu 76 tat-TFUE kwart) tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali, ikun intlaħaq il-livell limitu tal-karta safra u l-abbozz tal-att leġiżlattiv irid jiġi rivedut. 19 minn 56 vot jirrappreżentaw terz tal-voti kollha allokati.
Li minnhom waħda ġiet b’mod konġunt miż-żewġt ikmamar Spanjoli, Congreso de los Diputados u s-Senado.