EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0377

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

COM/2016/0377 final

Strasburgu, 7.6.2016

COM(2016) 377 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi


1. INTRODUZZJONI

Is-soċjetajiet Ewropej huma dejjem aktar differenti u se jibqgħu isiru dejjem aktar differenti. Illum, hemm 20 miljun ċittadin mhux tal-UE li jgħixu fl-UE u li jammontaw għal 4% tat-total tal-popolazzjoni tagħha 1 . Il-mobilità tal-bnedmin, fi gradi varji u għal diversi raġunijiet differenti, se tkun karatteristika inerenti tas-seklu 21 għall-Ewropa kif ukoll b'mod globali, li jfisser li l-UE mhux biss għandha bżonn issir aktar effettiva f'dik li hija l-ġestjoni tal-flussi migratorji, iżda wkoll fil-politiki ta' integrazzjoni tagħha għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi 2 .

L-UE ilha għal bosta snin Tappoġġa lill-Istati Membri fil-politiki ta' integrazzjoni tagħhom. Fl-2014 il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni afferma mill-ġdid il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ Integrazzjoni tal-UE adottati fl-2004, li stabbilixxew approċċ komuni madwar l-UE għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 3 . Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea fasslet Aġenda Ewropea 4 għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, fejn appellat għal approċċ imsaħħaħ u koerenti lejn l-integrazzjoni, f'oqsma ta' politika u f'livelli governattivi differenti. Matul dawk is-snin, bosta Stati Membri żviluppaw politiki ta' integrazzjoni proprji, skont il-kuntesti nazzjonali tagħhom, u l-UE kellha rwol importanti f'li tappoġġa wħud minn dawn l-azzjonijiet.

Madankollu, minkejja l-isforzi li saru, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi madwar l-UE għadhom sejrin agħar miċ-ċittadini tal-UE f'dak li jirrigwarda l-eżiti ta' xogħol, edukazzjoni u inklużjoni soċjali 5 . Fl-istess waqt, il-miżuri riċenti li ttieħdu biex titjieb il-ġestjoni tan-numru kbir ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni li bħalissa qiegħda tiffaċċja l-UE, inklużi miżuri dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni 6 , enfasizzaw il-ħtieġa li dawk l-Istati Membri b'inqas esperjenza fl-integrazzjoni jiżviluppaw strateġiji ta' integrazzjoni effettivi.

L-iżgurar li dawk kollha li bi dritt u b'mod leġittimu jinsabu fl-UE, irrispettivament mit-tul tas-soġġorn tagħhom, jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu huwa essenzjali għall-benesseri, il-prosperità u l-koeżjoni futuri tas-soċjetajiet Ewropej. Fi żmien meta d-diskriminazzjoni, il-preġudizzju, ir-razziżmu u l-ksenofobija qegħdin jiżdiedu, hemm imperattivi legali, morali u ekonomiċi għall-ħarsien tad-drittijiet, il-valuri u l-libertajiet fundamentali tal-UE u biex din tkompli l-ħidma lejn soċjetà aktar koeżiva inġenerali. L-integrazzjoni b'suċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi hija kwistjoni ta' interess komuni għall-Istati Membri kollha.

L-investiment tar-riżorsi u tal-enerġija fil-politiki ta' integrazzjoni llum jikkontribwixxu biex jagħmlu l-Ewropa soċjetà aktar għanja, koeżiva u inklużiva fit-tul. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 7 enfasizzat il-ħtieġa ta' politiki ta' integrazzjoni effettivi għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Fid-dawl tal-isfidi migratorji attwali, u kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 8 , issa wasal iż-żmien li nanalizzaw mill-ġdid u nsaħħu l-approċċ komuni fl-oqsma tal-politika u ninvolvu lill-atturi rilevanti kollha – inklużi l-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan huwa appoġġjat ukoll mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016, li ssejjaħ inter alia għall-parteċipazzjoni sħiħa u l-integrazzjoni bikrija taċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi, inklużi r-refuġjati 9 .

Kif stipulat fl-Artikolu 79 (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għalkemm il-kompetenza dwar l-integrazzjoni hija l-aktar f'idejn l-Istati Membri, l-UE tista' tistabbilixxi miżuri sabiex tipprovdi inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti b'mod legali fit-territorju tagħhom u għandha rwol importanti biex tappoġġa, tħeġġeġ u tikkoordina l-azzjonijiet u l-politiki tal-Istati Membri f'dan il-qasam. Fil-kuntest attwali, ħafna Stati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw sfidi simili, u l-livell tal-UE jista' żid il-valur permezz tal-appoġġ strutturali li huwa jipprovdi. Dan il-Pjan ta' Azzjoni jipprovdi qafas ta' politika komuni li għandu jgħin lill-Istati Membri hekk kif ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni nazzjonali tagħhom għall-migranti minn pajjiżi terzi, u jiddeskrivi l-politika, l-appoġġ operattiv u finanzjarju li se tagħtihom il-Kummissjoni biex Tappoġġahom fl-isforzi tagħhom.

2. L-ISFIDI U L-OPPORTUNITAJIET TAL-INTEGRAZZJONI

L-evidenza turi li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għadhom qegħdin jiffaċċjaw ostakoli fis-sistema tal-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, u fl-aċċess għal djar deċenti 10 . Huma f'riskju akbar ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti, anki meta jkollhom impjieg. It-tfal huma esposti għal riskju partikolarment għoli ta' faqar.

Bħalma nnutat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' April 2016 11 , il-politiki nazzjonali dwar l-ekonomija u s-soċjetà se jkollhom jindirizzaw l-influss reċenti ta' migranti u refuġjati minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari biex jipprovdu għall-ħtiġijiet immedjati tagħhom u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Din se tkun sfida għal bosta Stati Membri iżda bil-kundizzjonijiet adatti għal integrazzjoni mgħaġġla u li tirnexxi, hija wkoll opportunità, b'mod speċjali għall-Istati Membri li għaddejjin minn bidliet demografiċi. Dan jinkludi l-aspett ekonomiku, peress li l-evidenza turi li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom kontribuzzjoni fiskali pożittiva netta jekk ikunu integrati tajjeb fil-waqt, li tibda b'integrazzjoni bikrija fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol 12 .

Jekk nonqsu milli nilliberaw il-potenzjali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE dan ikun ħela enormi ta' riżorsi, kemm għall-individwi kkonċernati nfushom kif ukoll b'mod aktar ġenerali għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna 13 . Hemm riskju ċar li l-kost tan-nuqqas ta' integrazzjoni jkun ogħla mill-kost tal-investiment fil-politiki ta' integrazzjoni.

Il-ħtiġijiet ta' integrazzjoni individwali jvarjaw ħafna skont ir-raġuni li kellha l-persuna biex tiġi fl-UE u ż-żmien li mistennija toqgħod fil-pajjiż kif ukoll il-ħiliet, il-livell ta' edukazzjoni u l-esperjenzi ta' xogħol tagħha. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi b'ħiliet kbar li jiġu għal skopijiet ekonomiċi spiss jibbenefikaw mill-appoġġ tal-impjegaturi tagħhom biex jintegraw, pereżempju permezz ta' lezzjonijiet fil-lingwa, kif ukoll tan-netwerk li jipprovdi l-ambjent tax-xogħol. Ċittadini ta' pajjiżi terzi oħrajn jistgħu ma jingħatawx dan l-appoġġ. Ir-refuġjati li jkunu għadhom kemm waslu b'mod partikolari jiffaċċjaw problemi speċifiċi, bħall-vulnerabbiltà minħabba t-trawmi li jgħaddu minnhom, in-nuqqas ta' dokumenti inklużi dawk rigward kwalifiki, in-nuqqas ta' attività qabel u waqt il-proċedura ta' asil 14 , iżda wkoll ostakoli kulturali u lingwistiċi u riskji ta' stigmatizzazzjoni fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u tal-proprjetà, li mhumiex limitati għar-refuġjati biss.

L-azzjonijiet għall-appoġġ tal-integrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi ma għandhomx bżonn, u ma għandhomx ikunu bi żvantaġġ għall-miżuri li minnhom jibbenefikaw gruppi jew minoritajiet oħrajn vulnerabbli jew żvantaġġati. Fil-fatt l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi hija u għandha tkun parti integrali mill-isforzi ta' modernizzar u bini ta' politiki inklużivi dwar is-soċjetà, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, is-saħħa u l-ugwaljanza biex jiġu offruti opportunitajiet sinifikanti għal kulħadd biex jipparteċipa fis-soċjetà u fl-ekonomija. L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 15 għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapital uman u l-impjegabbiltà tiegħu fl-Ewropa, u b'hekk tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tal-UE. Fl-istess waqt, miżuri speċifiċi mmirati jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' integrazzjoni ta' gruppi partikolari ta' migranti minn pajjiżi terzi, kemm jekk għadhom kemm waslu dan l-aħħar u huma eliġibbli biex joqogħdu kif ukoll jekk ilhom xi snin fl-UE 16 .

3. NIBNU SOĊJETAJIET KOEŻIVI

L-iżvilupp ta' politiki ta' integrazzjoni effettivi, kemm għal dawk iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li għadhom kemm waslu dan l-aħħar u huma eliġibbli li joqogħdu kif ukoll għal dawk li ilhom aktar fl-UE, jinvolvi l-investiment fit-tul. Miżuri ta' integrazzjoni effettivi u ġusti jeħtieġu investimenti politiċi, soċjali, u finanzjarji suffiċjenti li se jservu ta' ġid għall-komunitajiet kollha tagħna fit-tul.

L-esperjenza turi li l-politiki ta' integrazzjoni jaħdmu l-aħjar meta jitfasslu biex jiżguraw sistemi koerenti li jkunu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-awtonomizzazzjoni għal kulħadd fis-soċjetà – iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-komunitajiet li jkunu joqogħdu fihom. Dan ifisser li l-integrazzjoni għandha tmur lil hinn mill-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti: biex l-integrazzjoni tkun effettiva, trid tkun ibbażata fuq prinċipji li jikkaratterizzaw l-għajxien f'soċjetajiet Ewropej diversi.

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq valuri fundamentali fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiġbor fiha bosta drittijiet ta' importanza kruċjali għall-proċess ta' integrazzjoni, inklużi l-libertajiet tal-kelma u tar-reliġjon, kif ukoll id-drittijiet għall-ugwaljanza u nondiskriminazzjoni. Li wieħed jifhem u jsostni dawn il-valuri fundamentali huwa element essenzjali għall-ħajja u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà ospitanti. Fl-istess waqt, dawn id-drittijiet jipproteġu wkoll liċ-ċittadin tal-pajjiż terz u jrawmu l-inklużjoni tiegħu fis-soċjetà. Bl-istess mod, il-Kunsill iddiskuta l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-kuntest tad-Djalogu Annwali tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tad-Dritt 17 , li afferma mill-ġdid l-importanza li nkunu ggwidati minn valuri fundamentali, kif ukoll iċ-ċentralità tal-prinċipju ta' proċess bilaterali ta' integrazzjoni.

Dan il-proċess dinamiku bilaterali ta' integrazzjoni jfisser mhux biss li wieħed jistenna li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jħaddnu valuri fundamentali tal-UE u jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti iżda wkoll li jiġu offruti opportunitajiet sinifikanti biex jipparteċipaw fl-ekonomija u s-soċjetà tal-Istat Membru fejn jispiċċaw joqogħdu.

Li wieħed jikkontribwixxi b'mod attiv u jitħalla jikkontribwixxi għall-ħajja politika, kulturali u soċjali huwa daqstant importanti biex jinħoloq sens ta' appartenenza u sensazzjoni ta' stabbiltà sħiħa fis-soċjetà ospitanti u għall-bini ta' soċjetajiet soċjo-ekonomikament b'saħħithom. L-iżvilupp ta' soċjetajiet akkoljenti, diversi u inklużivi huwa proċess li jeħtieġ l-impenn kemm taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kif ukoll tas-soċjetà li tilqagħhom. Il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, inkluż id-djalogu interkonfessjonali bejn il-komunitajiet reliġjużi, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u tal-valuri Ewropej hija essenzjali.

4. PRIJORITAJIET TA' POLITIKA EWLENIN U GĦODOD TA' APPOĠĠ GĦALL-INTEGRAZZJONI MADWAR L-UE

L-integrazzjoni b'suċċess hija proċess li jseħħ maż-żmien, iżda, aktar importanti minn hekk, f'diversi oqsma ta' politika differenti – eż. l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-intraprenditorija, il-kultura – u f'kuntesti differenti. Ibbażat fuq l-Aġenda Ewropea dwar l-Integrazzjoni 2011, dan il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi l-prijoritajiet ta' politika u l-għodod li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet.

4.1 Prijoritajiet ta' politika

Jeħtieġ li tingħata prijorità lil miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri biex isaħħu u jappoġġjaw l-integrazzjoni fl-oqsma ta' politika ewlenin.

4.1.1 Miżuri ta' qabel it-tluq/ta' qabel il-wasla

L-għoti ta' appoġġ minn kmieni kemm jista' jkun, liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-proċess ta' migrazzjoni nstab li huwa karatteristika essenzjali tal-integrazzjoni b'suċċess. Kull meta jkun fattibbli, punt ta' tluq jinkludi miżuri ta' qabel it-tluq u ta' qabel il-wasla li jkunu mmirati kemm lejn dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi kif ukoll lejn is-soċjetà li tilqagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu ta' ġid għall-individwi jkunu xi jkunu r-raġunijiet tagħhom għalfejn emigraw b'mod legali lejn l-UE, iżda jistgħu jkunu partikolarment importanti biex titħejja r-risistemazzjoni tar-refuġjati. Billi jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-impenn tagħhom fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar ir-Risistemazzjoni ta' Ġunju 2015 18 , l-Iskema ta' Ammissjoni Umanitarja għat-Turkija 19 u l-iskema ta' risistemazzjoni wieħed għal kull wieħed taħt id-Dikjarazzjoni tal-UE u t-Turkija 20 , l-iżvilupp ulterjuri ta' miżuri ta' qabel it-tluq li jiffaċilitaw l-integrazzjoni se jkun dejjem aktar importanti, b'mod partikolari fid-dawl tas-sistema ta' risistemazzjoni strutturata li dalwaqt tkun disponibbli, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' April 2016 21 .

Għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati, b'mod partikolari dawk li jkunu ġejjin għal raġunijiet ta' xogħol jew ta' familja iżda wkoll għar-rifuġjati biex jiġu risistemati, it-taħriġ fil-lingwa u taħriġ relatat max-xogħol qabel jitilqu jista' jħaffef l-integrazzjoni fl-ambjent futur tagħhom. Jekk jitfasslu b'mod konġunt mill-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni, il-miżuri ta' qabel it-tluq instabu li huma partikolarment effettivi biex iħaffu l-integrazzjoni. Madankollu, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ta' tranżitu fir-rigward ta' din il-kwistjoni għadha mhijiex żviluppata biżżejjed. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Sħubija ġdid mal-pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 22 , il-Kummissjoni tipproponi approċċ koerenti u mfassal apposta biex tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, strumenti, għodod u gwidi, biex jinkisbu sħubiji komprensivi ma' pajjiżi terzi għal ġestjoni aqwa tal-migrazzjoni. Pereżempju, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma' xi pajjiżi terzi magħżula biex twettaq l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni ffirmat fis-Summit ta' Valletta dwar il-Migrazzjoni f'Novembru 2015 23 , inkluż dwar il-miżuri ta' qabel it-tluq.

Biex ir-refuġjati jiġu risistemati, huwa essenzjali li dawn jingħataw informazzjoni dwar il-pajjiż ta' risistemazzjoni, jingħataw għajnuna biex jibnu aspettattivi realistiċi dwar il-ħajja ġdida tagħhom, jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, u jiġu mgħallma l-lingwa u ħiliet oħrajn li jistgħu jgħinuhom jirnexxu fl-ambjent il-ġdid tagħhom biex l-integrazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata ladarba jaslu fil-pajjiżi ta' destinazzjoni tagħhom.

L-użu innovattiv tat-teknoloġija, tal-mezzi soċjali u tal-internet jeħtieġ li jkun sfruttat f'kull stadju tal-proċess ta' integrazzjoni wkoll, inkluż qabel it-tluq. Ċerti Stati Membri żviluppaw għodod onlajn, pereżempju applikazzjonijiet tat-telefon, sabiex jinformaw lil persuni li jfittxu l-asil u li jkunu għadhom kemm waslu dwar id-drittijiet tagħhom u dwar is-soċjetà ospitanti, jew sabiex jipprovdu taħriġ bażiku fil-lingwa jew informazzjoni prattika ħafna li tiffaċilita l-ħajja ta' kuljum.

Bl-istess mod, il-miżuri ta' qabel il-wasla jistgħu jgħinu lill-komunitajiet li jkunu se jilqgħu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jħejju għall-wasla tagħhom, billi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' empatija u fehim biex jingħelbu l-preġudizzji u għat-trawwim ta' attitudni miftuħa u akkoljenti. Ħafna Stati Membri diġà jorganizzaw xi forma jew oħra ta' miżuri ta' qabel il-wasla għall-komunitajiet li jkunu se jilqgħu refuġjati risistemati. Pereżempju, in-Netwerk SHARE, ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u maħsub biex jgħaqqad flimkien lill-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej u l-imsieħba tas-soċjetà ċivili tagħhom li huma involuti fir-risistemazzjoni u l-integrazzjoni tar-refuġjati, żviluppa x-"Share City Curriculum" (Kurrikulu dwar il-Qsim tal-Belt), Sett ta' Għodda għall-Akkoljenza, l-Appoġġ u l-Awtonomizzazzjoni ta' Refuġjati Risistemati 24 . 

Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-impenji dwar ir-risistemazzjoni, il-Kummissjoni se tagħti aktar appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri biex jorganizzaw miżuri effettivi għal qabel it-tluq, u ttejjeb il-kooperazzjoni mal-atturi internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM). Il-Kummissjoni pproponiet li l-Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Asil ikollha rwol essenzjali fl-iffaċilitar u l-monitoraġġ tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, inkluż fil-qasam tal-miżuri ta' integrazzjoni ta' qabel it-tluq 25 . 

Il-Kummissjoni se:

Tniedi proġetti li jappoġġjaw il-miżuri ta' qabel it-tluq u qabel il-wasla għall-komunitajiet lokali, inkluż fil-kuntest tal-programmi dwar ir-risistemazzjoni b'enfasi fuq pajjiżi terzi ta' prijorità.

Taħdem mal-Istati Membri sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi magħżulin fir-rigward tal-miżuri ta' qabel it-tluq, inkluż taħt il-Pjan ta' Azzjoni La Valletta.

Filwaqt li jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex:

Jippromwovu programmi ta' sponsorizzazzjoni privati 26 għar-risistemazzjoni tar-refuġjati, sabiex jinvolvu b'mod attiv lill-komunitajiet lokali fil-proċess ta' integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Jikkunsidraw jieħdu sehem fi proġetti ta' diversi partijiet ikkonċernati għar-risistemazzjoni tar-refuġjati bħall-proġett tal-UE għall-Iffaċilitar tar-risistemazzjoni u l-Ammissjoni tar-Refuġjati permezz tal-iskambju ta' Għarfien Ġdid 27 .

Jipprovdu informazzjoni qabel it-tluq biex iħejju lill-individwi għall-wasla fl-UE, inkluż billi jaħtru Uffiċjali ta' Kollegament għall-Integrazzjoni fl-Ambaxxati fil-pajjiżi terzi ewlenin.

4.1.2 L-Edukazzjoni

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma fost l-aktar għodda qawwija għall-integrazzjoni u l-aċċess għalihom għandu jkun żgurat u mħeġġeġ kmieni kemm jista' jkun. L-akkwiżizzjoni ta' ħiliet bażiċi hija l-pedament għal aktar tagħlim u l-opportunità għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali.

It-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' destinazzjoni huwa kruċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex il-proċess ta' integrazzjoni tagħhom jirnexxi. Jeħtieġ li l-programmi lingwistiċi ta' integrazzjoni jiġu pprovduti fl-istadju l-aktar bikri possibbli wara l-wasla, filwaqt li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-kompetenzi lingwistiċi ta' kull persuna u jikkombinaw it-tagħlim tal-lingwa mat-tagħlim ta' ħiliet u kompetenzi oħrajn jew esperjenzi ta' xogħol. Jeħtieġ li jsir sforz speċjali biex ikun żgurat li dawn il-korsijiet jilħqu lin-nisa kif ukoll lill-irġiel.

It-tfal kollha, irrispettivament mill-ambjent ta’ familja tagħhom jew l-isfond kulturali jew is-sess tagħhom, għandhom id-dritt għall-edukazzjoni li tkompli ssawwar l-iżvilupp tagħhom. Jista' jkun li l-edukazzjoni tat-tfal refuġjati ġiet interrotta jew f'xi każijiet għandu mnejn ma setgħux imorru skola u jkunu jeħtieġu appoġġ imfassal apposta fosthom lezzjonijiet ta' rkupru. L-għalliema jeħtieġu l-ħiliet neċessarji biex jgħinuhom u jeħtieġ li jkunu megħjuna f'xogħlhom fi klassijiet li dejjem aktar qed ikunu varjati, biex jiġu evitati wkoll il-falliment fl-iskola u s-segregazzjoni edukattiva.

L-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal hija fundamentali għall-integrazzjoni ta' familji u tfal minn pajjiżi terzi. Hija taqdi rwol essenzjali biex wieħed jitgħallem jgħix flimkien f’soċjetajiet eteroġeni u jakkwista kompetenzi lingwistiċi. L-investiment fl-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal irriżulta effettiv fl-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u biex jiżgura li t-tfal kollha jingħataw il-possibbiltà li jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-kisba tal-fehim tal-liġijiet, tal-kultura u tal-valuri tas-soċjetà li tilqagħhom hija kruċjali għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi biex jifhmu r-responsabbiltajiet marbuta mal-ħajja l-ġdida tagħhom fis-soċjetà li tilqagħhom u jipparteċipaw b'mod attiv fiha. L-edukazzjoni taqdi rwol kbir fis-soċjalizzazzjoni tat-tfal u tista' trawwem il-koeżjoni soċjali u l-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u s-soċjetajiet li jilqgħuhom. Jeħtieġ li l-kwistjoni tal-introduzzjoni ta' korsijiet ta' edukazzjoni ċivika fl-iskejjel sekondarji tiġi esplorata aktar. It-tagħlim mhux formali (eż. fl-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, kultura u sport) ukoll għandu rwol ewlieni biex jikkumplimenta l-integrazzjoni permezz tal-edukazzjoni formali fl-iskejjel jew fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja.

Taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri sabiex tippromwovi t-titjib tal-ħiliet ta' persuni bi ftit ħiliet u b'livell baxx ta' kwalifiki li jista' jkun ta' ġid għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi 28 .

Il-Kummissjoni se:

Tipprovdi valutazzjoni u taħriġ tal-lingwa onlajn għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu, b'mod speċjali lir-refuġjati, permezz tal-appoġġ lingwistiku Erasmus+ onlajn (100,000 liċenzja għal korsijiet tal-lingwa onlajn disponibbli għar-refuġjati għal perjodu ta' tliet snin).

Tappoġġa avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari dwar il-miżuri ta' politika ewlenin bħal klassijiet ta' akkoljenza, valutazzjoni tal-ħiliet u tal-lingwa, appoġġ għat-tfal mhux akkumpanjati, sensibilizzazzjoni interkulturali, rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi u l-integrazzjoni fl-edukazzjoni għolja.

Tappoġġa lill-komunità tal-iskola fil-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva u fl-indirizzar ta' ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti migranti permezz tal-pjattaforma COM onlajn School Education Gateway (Portal Edukazzjoni Skolastika) .

Tneħħi l-ostakoli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bniet u subien ta' pajjiżi terzi għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal permezz tal-iżvilupp tal-Qafas Ewropew ta' Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal (ECEC), li jinkludi għajnuna lill-persunal tal-ECEC biex jindirizza s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-familji.

Tappoġġa t-titjib tal-ħiliet ta' ħaddiema bi ftit ħiliet u b'livell baxx ta' kwalifiki fil-kuntest tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa.

Filwaqt li jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex:

Jipprovdu lill-għalliema u lill-persunal tal-iskejjel bil-ħiliet meħtieġa sabiex iġestixxu d-diversità u jippromwovu l-ingaġġar ta' għalliema bi sfond ta' migrazzjoni.

Jippromwovu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni tat-tfal ta' migranti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.

4.1.3 L-Integrazzjoni fis-Suq tax-Xogħol u l-aċċess għat-Taħriġ Vokazzjonali

L-impjieg huwa parti ewlenija mill-proċess ta' integrazzjoni. Li wieħed isib xogħol huwa fundamentali biex jieħu sehem fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż ospitanti, filwaqt li jkun żgurat l-aċċess għal akkomodazzjoni u kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti kif ukoll għall-inklużjoni ekonomika. L-integrazzjoni f'waqtha u sħiħa fis-suq tax-xogħol tista' tgħin ukoll biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu għal ħiliet speċifiċi fl-UE kif ukoll biex tittejjeb is-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali fuq sfond ta' popolazzjoni u forza tax-xogħol li qegħdin jixjieħu. Fil-fatt, l-impjieg huwa normalment l-uniku element determinati l-aktar importanti fil-kontribuzzjoni fiskali netta komplessiva taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi 29 . L-appoġġ lill-intraprenditorija, inkluż permezz tal-aċċess għal skemi eżistenti ta' għajnuna ta' mikrokreditu, huwa wkoll mezz essenzjali biex tiżdied il-kontribuzzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali.

Madankollu, ir-rati tal-impjieg taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għadhom taħt il-medja taċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri 30 . Ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma kkwalifikati żżejjed jew għandhom ħiliet aktar milli huwa meħtieġ għall-impjieg tagħhom jew jaħdmu f’kundizzjonijiet inqas tajbin f’dak li jirrigwarda pagi, protezzjoni tal-impjieg, rappreżentanza żejda f’ċerti setturi u prospetti ta’ karriera 31 . In-nisa għandhom it-tendenza li jkollhom rati ta' impjieg u ta’ attività partikolarment baxxi 32 u għaldaqstant enfażi speċjali fuq l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hija indispensabbli.

L-iffaċilitar tal-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-ħiliet tal-individwi jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Dan huwa partikolarment importanti għar-refuġjati, li jista’ ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa biex jippruvaw l-edukazzjoni preċedenti u l-kwalifiki tagħhom, li l-edukazzjoni tagħhom setgħet ġiet interrotta jew jista’ jkun li ma kellhomx edukazzjoni formali.

Fis-Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi 33 tas-16 ta’ Marzu 2016, l-imsieħba soċjali minn diversi industriji tal-UE ppreżentaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-kriżi tar-refuġjati 34 , fejn saħqu fuq l-importanza tal-integrazzjoni tar-refuġjati fit-taħriġ, fl-impjiegi u fis-soċjetà inġenerali u talbu għal soluzzjoni komprensiva għall-analiżi u l-validazzjoni tal-ħiliet, filwaqt li tqiesu l-ħtiġijiet ekonomiċi.

Anki jekk il-liġi tal-UE diġà tipprovdi li r-refuġjati għandu jkollhom l-istess aċċess għas-suq tax-xogħol bħaċ-ċittadini, il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol – integrati kif ukoll immirati - sejrin jibqgħu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li xi Stati Membri jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol ferm qabel l-iskadenza ta’ disa’ xhur fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza (eż. fil-Belġju, fl-Italja, fir-Rumanija). Tilqa’ wkoll it-tħaffif tal-kundizzjonijiet (il-Ġermanja) għall-persuni li jfittxu l-asil biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, kif ukoll inizjattivi li jorbtu l-kollokament ta’ dawk li jfittxu asil u ta’ refuġjati mal-opportunitajiet ta’ xogħol (eż. l-Isvezja, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Portugall, l-Estonja). Minkejja dawn l-iżviluppi madankollu, fil-prattika għad fadal ostakoli sinifikanti biex wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol.

L-integrazzjoni bikrija fit-taħriġ vokazzjonali b’dimensjoni qawwija ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol tista’ tkun partikolarment effettiva għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba li tipprovdilhom il-bażi għall-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol u l-progressjoni lejn livell ogħla ta’ kwalifiki. Il-Kummissjoni se timmobilizza inizjattivi u programmi ta’ politika eżistenti (l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, Erasmus+, Edukazzjoni u Taħriġ 2020, eċċ.) sabiex tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari u l-qsim ta’ prattiki promettenti dwar l-integrazzjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. 

Finalment, l-attivazzjoni u l-intervent bikrija ta’ żgħażagħ vulnerabbli Barra mill-Edukazzjoni, impjieg jew Taħriġ (NEETs), fosthom ċittadini żgħażagħ minn pajjiżi terzi, huma essenzjali biex tiġi żgurata l-integrazzjoni mgħaġġla tagħhom fl-edukazzjoni, fl-apprendistati, fit-traineeships jew fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet li tkompli ttejjeb l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni lejn żgħażagħ vulnerabbli NEETs, inklużi dawk li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fi ħdan il-qafas eżistenti ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, u bil-parteċipazzjoni tas-settur privat, fejn possibbli. 

Taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni se tiżviluppa miżuri u għodod sabiex tappoġġa t-tfassil ta’ profili ta’ ħiliet u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki għal ċittadini minn pajjiżi terzi 35 .

Il-Kummissjoni se:

Tiżviluppa repożitorju onlajn ta’ prattiki promettenti fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għar-refuġjati u, fejn hemm prospetti tajbin li tingħatalhom protezzjoni, għal dawk li jfittxu l-ażil, bħala sors għal dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri.

Taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: a) tiżviluppa “Sett ta’ għodda għall-Ħiliet u l-Kwalifiki” sabiex tappoġġa l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ ħiliet u kwalifiki għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu; b) tiżgura li tinġabar informazzjoni aħjar dwar il-prattiki u d-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki f’pajjiżi differenti permezz tal-portal Europass; c) u ttejjeb it-trasparenza u l-fehim ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiżi terzi, permezz tar-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

Tipprovdi appoġġ speċifiku għar-rikonoxximent bikri ta’ kwalifiki akkademiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi inklużi r-refuġjati, anki permezz tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn iċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC) u l-persunal tat-taħriġ fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza.

Tniedi proġetti (taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u taħt il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) li jippromwovu l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, l-inserzjoni rapida fis-suq tax-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali u l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Tidentifika l-aħjar prattiki għall-promozzjoni u l-appoġġ għall-intraprenditorija tal-migranti u tiffinanzja proġetti pilota għat-tixrid tagħhom.

Filwaqt li jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex:

Jappoġġjaw l-inserzjoni rapida fis-suq tax-xogħol ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu, permezz ta’, pereżempju, valutazzjoni bikrija tal-ħiliet u l-kwalifiki, taħriġ ikkombinat fil-lingwa u fuq ix-xogħol, gwida speċifika u mentoraġġ.

Ineħħu l-ostakoli biex jiżguraw aċċess effettiv għat-taħriġ vokazzjonali u għas-suq tax-xogħol għar-refuġjati u, fejn ikun hemm prospetti tajbin li jingħataw protezzjoni, għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu asil.

Jivvalutaw, jivvalidaw u jirrikonoxxu mill-aktar fis possibbli l-ħiliet u l-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, permezz tal-użu sħiħ tal-għodod disponibbli fil-livell tal-UE. 

Jinkoraġġixxu l-intraprenditorija permezz ta’ taħriġ fin-negozju u l-mentoraġġ imfassal apposta u bil-ftuħ ta' strutturi ta’ appoġġ fl-intraprenditorija integrata għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.1.4 L-aċċess għal servizzi bażiċi 

L-aċċess għal djar adegwati u affordabbli huwa kundizzjoni bażika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jibdew ħajja fis-soċjetà l-ġdida iżda dan jippreżenta sfida kbira fil-kuntest tal-influssi attwali, kemm f’dak li jirrigwarda l-fażi inizjali ta’ akkoljenza kif ukoll fis-sejba ta’ soluzzjonijiet għal residenzi fit-tul li xorta waħda jipprovdu possibbiltajiet adegwati ta’ impjieg. Għalkemm ir-responsabbiltà fir-rigward ta' politiki tad-djar hija kompetenza nazzjonali, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri kemm meta jiffaċċjaw sfidi immedjati ta’ akkomodazzjoni relatati mal-kriżi tar-refuġjati, kif ukoll meta tipprovdilhom finanzjament għal akkomodazzjoni soċjali adegwata u affordabbli 36 . Il-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ wkoll jipprovdi appoġġ, bħal finanzi għaċ-ċentri ta’ akkoljenza, akkomodazzjoni temporanja matul il-fażi ta’ applikazzjoni għall-asil, u akkomodazzjoni soċjali aktar fit-tul għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jingħataw l-asil 37 .

In-Netwerk Ewropew il-ġdid dwar l-Integrazzjoni u s-Sħubiji taħt l-Aġenda Urbana għall-UE 38 (ara 4.2.1 aktar ’l isfel), se joffri qafas għall-ibliet, għall-Istati Membri u għal partijiet ikkonċernati oħrajn biex jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar id-dimensjoni urbana tad-diversità u tal-migrazzjoni, fosthom dwar l-indirizzar tal-iżolament ġeografiku u l-gettoizzazzjoni, u se jidentifika ostakoli u azzjonijiet konkreti.

L-evidenza turi li l-mard u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa jistgħu jkunu ostakolu fundamentali u kontinwu għall-integrazzjoni, li jħalli impatt fuq virtwalment l-oqsma kollha tal-ħajja u li jaffettwa l-kapaċità tad-dħul fl-impjieg, fl-edukazzjoni, fit-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti u fl-interazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi. B’mod partikolari, matul l-ewwel fażi ta’ akkoljenza, l-iżgurar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa essenzjali iżda ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiffaċċjaw problemi partikolari biex jaċċessaw servizzi regolari tas-saħħa, fejn ikollhom jiffaċċjaw sistemi ta’ kura tas-saħħa mhux familjari għalihom, u problemi ta’ komunikazzjoni effettiva mal-persunal tal-kura tas-saħħa. Il-Kummissjoni se tiffinanzja proġetti li jappoġġaw l-aħjar prattiki fil-provvediment tal-kura tas-saħħa għal individwi vulnerabbli, speċjalment għar-refuġjati. Barra minn hekk, hija żviluppat, flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), Reġistru tas-Saħħa Personali, sabiex tgħin biex jiġu identifikati l-bżonnijiet tas-saħħa taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jiġi ffaċilitat il-provvediment tal-kura tas-saħħa.

Il-Kummissjoni se:

Tippromwovi l-użu ta’ fondi tal-UE għall-akkoljenza, l-edukjazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-infrastrutturi tas-saħħa u dawk soċjali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, sabiex jipprovdi finanzjament għal akkomodazzjoni u faċilitajiet tas-saħħa temporanji għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu u għall-akkomodazzjoni soċjali. 

Tippromwovi l-iskambji ta’ tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri u l-ibliet fil-forma ta’ żjarat ta’ studju, evalwazzjonijiet bejn il-pari u l-qsim tal-aħjar prattiki dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi tal-akkomodazzjoni, fosthom l-iżolament ġeografiku u l-gettoizzazzjoni.

Tappoġġa l-aħjar prattiki fl-għoti tal-kura lil ċittadini vulnerabbli ta’ pajjiżi terzi u lir-refuġjati, inklużi nisa, tfal u anzjani taħt il-Programm tas-Saħħa.

Tiżviluppa moduli ta’ taħriġ pilota għall-professjonisti tas-saħħa għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u għar-refuġjati, bl-għan li ttejjeb u ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-professjonisti tas-saħħa tal-ewwel linja, u tippromwovi approċċ ħolistiku għall-kura tas-saħħa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tar-refuġjati.

Filwaqt li jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex:

Jiżguraw approċċ integrat, billi jikkoordinaw il-politiki dwar l-akkomodazzjoni ma’ aċċess ekwu għall-impjiegi, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali u kollaborazzjoni bejn is-setturi inkluż permezz tat-tisħiħ tal-komunikazzjoni bejn il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

Joħolqu netwerks ta’ kompetenzi tal-esperti tas-saħħa, pereżempju fir-rigward tas-saħħa mentali - b’mod speċjali l-istress post trawmatiku - tar-refuġjati, f’kollaborazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet tas-saħħa, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa għall-prevenzjoni u d-detezzjoni bikrija ta’ problemi u l-provvediment ta’ appoġġ u trattamenti.

4.1.5 Il-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni soċjali

L-involviment taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi nfushom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ integrazzjoni huwa essenzjali biex jittejbu l-eżiti tal-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom. L-integrazzjoni ma tirrigwardax biss it-tagħlim tal-lingwa, is-sejba ta’ dar jew ta’ xogħol. Tirrigwarda wkoll il-qadi ta’ rwol attiv fil-komunità lokali, reġjonali u nazzjonali proprja, l-iżvilupp u s-sosteniment ta’ kuntatti reali bejn persuna u oħra permezz ta’ attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi u saħansitra impenn politiku.

Meta jkunu qegħdin jiġu żviluppati politiki ta’ integrazzjoni fil-livell tal-UE, tal-pajjiż jew fuq livell lokali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aspetti tas-sessi, lis-sitwazzjoni tat-tfal – inklużi t-tfal mhux akkumpanjati u separati 39 – u lil dik ta’ persuni f’sitwazzjoni potenzjalment vulnerabbli, inklużi vittmi ta' vjolenza abbażi ta' sess u persuni li jappartjenu lil minoritajiet reliġjużi u etniċi li jistgħu jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni jew ma’ ostakoli sproporzjonati ta’ integrazzjoni.

Il-Kummissjoni se tiddjaloga mal-Istati Membri sabiex tiżgura li t-tħassib dwar id-dimensjoni tal-ġeneri u s-sitwazzjoni tan-nisa migranti jiġi kkunsidrat fil-politiki ppjanati u fl-inizjattivi ta’ finanzjament, inkluż fl-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi tal-UE 40 .

Il-promozzjoni ta' skambji mas-soċjetà li tilqagħhom permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat, sport u kultura mill-bidu nett tiffaċilita d-djalogu u l-fehim reċiproku. Jista' jkollha benefiċċji kemm għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu (billi ġġiegħlhom iħossuhom parti mill-komunità l-ġdida tagħhom u tgħinhom jifhmu l-valuri u l-istandards ewlenin), kif ukoll għas-soċjetà ospitanti, billi żżid l-aċċettazzjoni u tgħin fil-bini ta' attitudni akkoljenti. Il-klabbs sportivi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-kultura fl-UE diġà qegħdin jinvolvu b'mod attiv individwi li għadhom kemm waslu fl-attivitajiet tagħhom. Is-Servizz Volontarju Ewropew jappoġġja x-xogħol volontarju pereżempju fiċ-ċentri ta' akkoljenza. Għaldaqstant joħloq konnessjonijiet bejn dawk li jkunu qegħdin ifittxu asil u Ewropej żgħażagħ u jikkontribwixxi għal fehim aqwa tal-kultura u tal-valuri Ewropej min-naħa tal-persjuni li jkunu qegħdin ifittxu asil.

Kulħadd fl-UE - kemm jekk ċittadin tal-UE kif ukoll jekk le - huwa mħares bil-liġi mid-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol jew fl-aċċess għax-xogħol fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin u mid-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, fil-protezzjoni soċjali u fl-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi għal raġunijiet ta' oriġini razzjali jew etnika 41 . L-infurzar ta' dawn id-drittijiet irid ikun żgurat mill-Istati Membri u jeħtieġ qbil minn kmieni dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jitlesta l-qafas kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon, fost oħrajn 42 .

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni ta' approċċ pożittiv lejn id-diversità, kif ukoll il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u b'mod partikolari d-diskors ta' mibgħeda, kemm permezz tal-implimentazzjoni ta' regoli rilevanti tal-UE 43 kif ukoll permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u permezz ta' miżuri ta' politika mmirati, huma, u għandhom ikunu, parti integrali minn politiki effettivi ta' integrazzjoni.

Il-Kummissjoni se:

Tnedi proġetti għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, tad-diversità kulturali u tal-valuri komuni Ewropej permezz ta' kultura, films u arti (Ewropa Kreattiva).

Tniedi proġetti sabiex tippromwovi l-inklużjoni soċjali permezz taż-żgħażagħ u l-isport (Erasmus+).

Tipproponi li tagħti aktar prijorità, fi ħdan is-Servizz Volontarju Ewropew, lill-attivitajiet dedikati lill-integrazzjoni tar-refuġjati u ta' persuni li jfittxu asil fil-komunitajiet ospitanti l-ġodda tagħhom.

L-iżvilupp ta' manwali u għodod għall-prattikanti dwar is-sensibilizzazzjoni u l-espressjoni kulturali; id-djalogu interkulturali; il-parteċipazzjoni attiva ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-ħajja politika, soċjali u kulturali u fl-isports fis-soċjetajiet ospitanti; u l-kontribut tax-xogħol taż-żgħażagħ.

Tniedi proġetti taħt fondi differenti tal-UE li jippromwovu: il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, soċjali u kulturali u fl-isports; l-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-vjolenza abbażi ta' sess, ir-razziżmu u l-ksenofobija, inklużi r-reati ta' mibgħeda u d-diskors ta' mibgħeda, u t-trawwim ta' fehim aqwa bejn il-komunitajiet, inklużi l-komunitajiet reliġjużi.

Tkompli taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill lejn l-adozzjoni tad-direttiva kontra d-diskriminazzjoni.

Filwaqt li jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex:

Jippromwovu l-iskambji mas-soċjetà ospitanti mill-bidu nett permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat, sport u kultura.

Iżidu l-parteċipazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-istrutturi demokratiċi lokali.

Jinvestu fi proġetti u miżuri maħsuba biex jiġġieldu l-preġudizzju u l-isterjotipi (eż. kampanji ta' sensibilizzazzjoni, programmi ta' edukazzjoni).

Jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u mad-drittijiet tal-vittmi u jinfurzaw b'mod strett il-leġiżlazzjoni dwar it-trattament indaqs u kontra d-diskriminazzjoni. 

Jorganizzaw programmi ta' orjentazzjoni ċivika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kollha bħala mezz għat-trawwim tal-integrazzjoni fis-soċjetà ospitanti u tal-promozzjoni tal-fehim u r-rispett tal-valuri tal-UE.

4.2 Għodod ta' appoġġ għall-integrazzjoni

4.2.1 Il-koordinazzjoni tal-politiki

L-integrazzjoni tal-immigranti hija prijorità politika li trid tiġi segwita mhux biss f'diversi oqsma ta' politika iżda wkoll f'livelli differenti (UE, nazzjonali, reġjonali u lokali) u bl-involviment ta' partijiet ikkonċernati mhux governattivi (organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi d-dijaspori u l-komunitajiet tal-migranti, kif ukoll organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin).

Biex tindirizza l-isfidi enfasizzati hawn fuq, jeħtieġ li l-UE twettaq rwol aktar prominenti fil-koordinazzjoni u l-kollegament bejn id-diversi atturi u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea se ttejjeb in-Netwerk attwali tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni 44 f'Netwerk ta' Integrazzjoni Ewropew bi rwol ta' koordinazzjoni aktar b'saħħtu u b'mandat ta' tagħlim reċiproku. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iskambji bejn l-Istati Membri fi ħdan in-Netwerk permezz ta' attivitajiet ta' tagħlim immirati bħal żjarat ta' studju, evalwazzjonijiet bejn il-pari, għajnuna reċiproka u sessjonijiet ta' ħidma ta' tagħlim bejn il-pari fuq aspetti speċifiċi tal-integrazzjoni. In-Netwerk se jippromwovi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u netwerks oħrajn fil-livell tal-UE tal-Istati Membri f'oqsma ta' politika relatati (l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza, eċċ.).

Mill-2009, Forum dwar l-Integrazzjoni fil-livell Ewropew 45 jipprovdi pjattaforma fejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jiddiskutu kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni. Mill-2015, il-Forum dwar l-Integrazzjoni inbidel fil-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, li jkopri firxa usa' ta' suġġetti relatati wkoll mal-migrazzjoni u l-asil.

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni għall-politika tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ, tal-kultura u tal-isports kif ukoll tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali tindirizza l-isfidi relatati mal-integrazzjoni tal-migranti. Fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-Impjiegi u t-Tkabbir ġew stabbiliti miri fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, immirati lejn il-monitoraġġ u l-promozzjoni ta' riformi strutturali. L-eżiti ta' integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri ġew analizzati u mmonitorjati wkoll fir-Rapporti tal-Pajjiżi u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew, b'enfażi fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u fl-edukazzjoni, sabiex jippromwovu eżiti u inklużjoni soċjali aqwa 46 .

F'Novembru 2015, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddeċidew li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva, l-ugwaljanza, l-ekwità, in-nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetenzi ċiviċi taħt il-qafas strateġiku tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ 2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ 47 u l-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016-2018 48 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħolqot Sħubija taħt l-Aġenda Urbana għall-UE li tiffoka fuq l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, fejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ibliet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili se jiżviluppaw flimkien azzjonijiet konkreti sabiex jippromwovu l-integrazzjoni. Dan ix-xogħol kien imsaħħaħ bit-tnedija ta' diskussjoni politika bejn il-Kummissjoni u l-ibliet Ewropej għall-promozzjoni tal-integrazzjoni fit-tul 49 . L-għan globali huwa li jissaħħaħ id-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili (li jinkludi lill-komunitajiet ta' migranti u organizzazzjonijiet tad-dijaspora) permezz ta' laqgħat regolari biex jiġu diskussi l-politiki tal-integrazzjoni u l-kwistjonijiet ta' finanzjament.

4.2.2 Finanzjament

Is-suċċess ta' politiki ta' integrazzjoni jiddependi fuq ir-relazzjoni bejn qafas ta' politika strateġiku, koordinat u multidimensjonali u appoġġ ta' fondi adegwati.

L-UE appoġġjat l-azzjonijiet ta' integrazzjoni permezz ta' finanzjament iddedikat u b'mod aktar wiesa' permezz ta' strumenti li jindirizzaw il-koeżjoni soċjali u ekonomika madwar l-Istati Membri. Taħt iċ-ċiklu preċedenti (2007-2013), intefqu EUR 825 miljun taħt il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni. L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni 50 uriet li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-proġetti ffinanzjati taħt il-Fond ma kinux jitwettqu b'mod ieħor. F'bosta Stati Membri, il-Fond ikkontribwixxa għall-infurzar u l-espansjoni ta' attivitajiet ta' NGOs u ta' atturi lokali dwar l-integrazzjoni, u rawwem id-djalogu u l-iskambju ta' ideat u prattiki tajba fost il-partijiet ikkonċernati involuti fil-proċess ta' integrazzjoni 51 . Minbarra dan l-appoġġ dedikat, ammonti sostanzjali kienu wkoll disponibbli għall-Istati Membri taħt il-Fondi Strutturali biex jappoġġjaw il-miżuri relatati mal-integrazzjoni biex jitjiebu l-inklużjoni soċjali, l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Pereżempju, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ikkofinanzja azzjonijiet li laħqu aktar minn ħames (5) miljun individwi bħal dawn 52 . Dan il-finanzjament madankollu rrappreżenta biss parti mill-investiment globali li sar fl-Istati Membri.

Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 kurrenti, l-Istati Membri allokaw EUR 765 miljun għall-integrazzjoni taħt il-programmi nazzjonali tagħhom tal-AMIF. Din iċ-ċifra turi tnaqqis żgħir mill-perjodu preċedenti filwaqt li l-ħtiġijiet huma attwalment akbar u issa qed jirriżulta li mhijiex adegwata għas-sitwazzjoni attwali minħabba l-investiment globali li l-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu.

Kien fid-dawl ta' dan li l-President Juncker, fl-indirizz tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea f'Settembru 2015 53 , qal li l-Istati Membri kellhom jerġgħu jikkunsidraw il-politiki tagħhom ta' appoġġ, ta' integrazzjoni u ta' inklużjoni u inkariga lill-Kummissjoni biex tinvestiga kif il-Fondi tal-UE jistgħu jappoġġjaw dawn l-isforzi. Is-servizzi tal-Kummissjoni segwew fuq dan billi mmappjaw il-potenzjal tad-diversi Fondi għal ġestjoni maqsuma biex jappoġġjaw l-integrazzjoni kif ukoll ir-rwol li jistgħu jaqdu l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Il-Kummissjoni pproduċiet dokumenti ta' gwida sabiex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-użu strateġiku u kkoordinat ta' Fondi rilevanti tal-UE għal riżultati aktar rapidi u effettivi fuq il-post 54 .

Hemm disponibbli ammonti sinifikanti għall-Istati Membri għall-perjodu ta' pprogrammar kurrenti taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), u hemm lok konsiderevoli fejn dawn il-fondi jistgħu jappoġġjaw il-miżuri ta' integrazzjoni. B'mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġjaw l-investiment relatat mal-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol 55 . Pereżempju, taħt l-FSE, hemm disponibbli EUR 21 biljun għall-Istati Membri kollha għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni, filwaqt li taħt il-FEŻR, l-Istati Membri għandhom allokati EUR 21,4 biljun. IL-FEŻR jista' jikkontribwixxi għal miżuri li jappoġġjaw l-investimenti fl-infrastruttura għall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni, kif ukoll is-settur tal-abitazzjoni, is-saħħa, l-għajnuna għall-bidu tan-negozju u r-riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali ta' komunitajiet imċaħħda f'żoni urbani u rurali, inkluż permezz tal-Programm ta' Azzjonijiet Innovattivi Urbani 56 .

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jista' jikkontribwixxi fl-appoġġ lill-integrazzjoni taħt il-prijorità Nippromwovu l-Inklużjoni Soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali, li jammonta għal total ta' EUR 14,4 biljun u li jinkludi l-possibbiltajiet ta' ħolqien ta' xogħol u l-provvediment ta' servizzi bażiċi u azzjoni għall-inklużjoni soċjali.  57  

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem b'mod attiv mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tiżgura li l-istrumenti kollha ta' finanzjament jintużaw sal-massimu u b'mod integrat u strateġikament koordinat. Hija tippromwovi l-iskambju ta' esperjenzi fost l-atturi u l-fondi u ssaħħaħ il-kapaċità tal-atturi involuti sabiex tiżgura approċċ koerenti. Djalogu intensiv u tagħlim reċiproku diġà qegħdin iseħħu permezz tal-Kumitat AMIF-ISF 58 . Eżempju ieħor huwa n-Netwerk ta' Kooperazzjoni Transnazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew għall-Migrazzjoni li għadu kemm jiġi stabbilit, li jiġbor fih l-Awtoritajiet ta' Ġestjoni tal-FSE, lill-imsieħba soċjali u atturi rilevanti oħrajn sabiex jiskambjaw esperjenzi dwar kif jużaw l-aħjar il-fondi tal-FSE (anki fil-kuntest ta' sinerġiji mal-AMIF) għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tkompli tintensifika d-djalogu strateġiku tagħha mal-Istati Membri individwali permezz ta' laqgħat dedikati u billi tipprovdi gwida mfassla apposta sabiex timmassimizza l-użu tal-finanzjament disponibbli u sabiex tesplora possibbiltajiet oħra taħt programmi eżistenti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jagħmlu l-aħjar użu mill-mekkaniżmi ta' sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi tal-UE 59 . L-Istati Membri għandhom jagħtu l-opportunitajiet l-aktar wesgħin lill-organizzazzjonijiet, b'mod speċjali dawk b'approċċi innovattivi, sabiex jipparteċipaw f'sejħiet għal proposti taħt il-programmi nazzjonali taħt dawn il-Fondi.

Finalment, il-Kummissjoni timmira li ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Istati Membri għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fil-kuntest tal-abbozz ta' baġit 2017.

5. IL-PASSI LI JMISS

B'dan il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi l-prijoritajiet ta' politika u għodod għal azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE b'appoġġ għall-azzjoni dwar l-integrazzjoni meħuda fil-livell tal-Istati Membri, bl-għan li jkomplu jiġu żviluppati u msaħħa l-politiki ta' integrazzjoni madwar l-UE. Fl-isforzi tagħna biex nibnu soċjetajiet aktar reżiljenti, koeżivi u finalment b'saħħithom, wasal iż-żmien li jkun hemm tibdil minn kulħadd. Il-Kummissjoni se tkompli ddaħħal il-prijorità tal-integrazzjoni tal-immigranti, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni fl-azzjonijiet u l-oqsma kollha rilevanti ta' politika, u tistenna li l-Istati Membri jagħmlu l-istess.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-politiki u l-eżiti ta' integrazzjoni billi tkompli tibni fuq l-għodod u l-indikaturi attwali u tiżviluppahom aktar, anki billi tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti 60 . Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-eżiti tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u tipprovdi gwida lill-Istati Membri, fejn xieraq, fil-qafas tas-Semestru Ewropew 61 .

Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna jaġġornaw u jsaħħu l-politiki ta' integrazzjoni tagħhom għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti b'mod legali, billi jibnu fuq dan il-Pjan ta' Azzjoni, fid-dawl ta' sfidi ġodda futuri u sabiex jiżguraw li l-politiki rilevanti kollha jkunu mmirati biex jappoġġaw l-objettiv tal-bini ta' soċjetajiet aktar koeżivi. L-Istati Membri għandhom ukoll jeżaminaw b'mod strateġiku kif, minbarra l-finanzjament tal-AMIF imfassal għall-integrazzjoni, jistgħu jgħaddu fil-ħin appoġġ finanzjarju rilevanti ieħor taħt il-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u strumenti ta' finanzjament tal-UE oħrajn biex jappoġġjaw l-objettivi ta' integrazzjoni tagħhom, u jtejbu s-sinerġiji u l-komplementaritajiet f'diversi oqsma ta' politika u f'diversi livelli.

Il-Kummissjoni se tirrieżamina b'mod regolari l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippreżentati f'dan il-Pjan ta' Azzjoni u l-progress miksub u se tidentifika aktar azzjonijiet meħtieġa, u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

----------------------------------------

ĦARSA SĦIĦA LEJN L-AZZJONIJIET PREVISTI FIL-LIVELL TAL-UE 2016-2017

Azzjonijiet fil-livell tal-UE b'appoġġ għall-Istati Membri

Żmien indikattiv

Atturi Ewlenin

Miżuri ta' qabel it-tluq/qabel il-wasla

Jitniedu proġetti għall-appoġġ ta' miżuri effettivi ta' qabel it-tluq u qabel il-wasla, inkluż fil-kuntest tal-programmi dwar ir-risistemazzjoni, (eż. taħriġ fil-lingwa, informazzjoni dwar il-kultura u l-valuri tal-pajjiż ta' destinazzjoni, eċċ.) taħt l-AMIF

2016/2017

COM, SM, soċjetà ċivili, pajjiżi terzi

Ħidma mal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward ta' miżuri ta' qabel it-tluq taħt il-Pjan ta' Azzjoni La Valletta

2016

COM, SM, pajjiżi terzi

L-Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Asil se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-miżuri ta' integrazzjoni ta' qabel it-tluq

2016-2017

COM, SM

Edukazzjoni

Jiġu pprovduti valutazzjoni u tagħlim onlajn tal-lingwa permezz ta' Erasmus+ għal madwar 100,000 ċittadin minn pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu, b'mod partikolari refuġjati

2016

COM

Jingħata appoġġ lill-avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar il-klassijiet ta' akkoljenza, il-valutazzjoni tal-ħiliet u tal-lingwa, l-appoġġ għat-tfal mhux akkumpanjati, sensibilizzazzjoni interkulturali, rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi u l-integrazzjoni fl-edukazzjoni għolja.

2016-2017

COM, SM

Jinħolqu Netwerks ta' Politika Ewropea għar-riċerkaturi, għall-prattikanti, u għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali/reġjonali biex jikkondividu prattiki tajbin fir-rigward tal-integrazzjoni ta' individwi li jkunu għadhom kemm waslu permezz ta' edukazzjoni formali u mhux formali.

2017

COM

Jitneħħew l-ostakoli għall-parteċipazzjoni tat-tfal migranti bniet u subien ta' pajjiżi terzi fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal permezz tal-iżvilupp tal-Qafas Ewropew ta' Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal (ECEC), li jinkludi assistenza u għajnuna lill-persunal tal-ECEC biex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-familji migranti.

2016

COM, SM

Jitħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet ta' persuni bi ftit ħiliet u b'livell baxx ta' kwalifiki fil-kuntest tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa

2016-2017

COM, SM

L-iffinanzjar ta' proġetti u sħubiji transnazzjonali b'appoġġ għall-edukazzjoni inklużiva, għat-taħriġ u għaż-żgħażagħ b'attenzjoni partikolari fuq proġetti relatati mal-migrazzjoni u mad-djalogu interkulturali permezz ta' Erasmus+

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

Tkompli l-analiżi tal-eżiti ta' integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-qafas tas-Semestru Ewropew

kull sena

COM

Jingħata appoġġ lill-għalliema u lill-persunal tal-iskejjel dwar kif jippromwovu l-edukazzjoni inklużiva u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' studenti migranti u tal-integrazzjoni tar-refuġjati permezz ta' korsijiet onlajn u attivitajiet ta' żvilupp professjonali permezz tal-pjattaforma onlajn School Education Gateway

2016

COM

Suq tax-xogħol u taħriġ vokazzjonali

L-iżvilupp ta' "Sett ta' Għodda għall-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi" taħt l-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa biex jgħin fl-identifikazzjoni f'waqtha ta' ħiliet u kwalifiki għal dawk li jfittxu l-asil, għar-refuġjati u għal ċittadini ta' pajjiżi terzi oħrajn.

2016-2017

COM, SM

Jitjieb ir-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi permezz ta', fost oħrajn:

Taħriġ tal-persunal fil-faċilitajiet ta' akkoljenza biex jingħata bidu aktar rapidu għall-proċeduri ta' rikonoxximent

Titjib tal-aċċess għall-proċeduri ta' rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali

Titjib tal-mezzi ta' komunikazzjoni għall-qsim tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri ENIC-NARIC u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi NGOs li jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet edukattivi fil-faċilitajiet ta' akkoljenza

Żvilupp ta' sett ta' għodda għall-evalwaturi kredenzjali li jikkontribwixxu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi tar-refuġjati.

2016-2017

COM, SM

Jissaħħu t-trasparenza u l-fehim tal-kwalifiki miksuba f'pajjiżi terzi, permezz tar-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, (proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa) li jtejbu l-implimentazzjoni tiegħu u jwessgħu l-ambitu tiegħu biex jinkludi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti konnessjonijiet ma' oqfsa ta' kwalifiki ta' reġjuni oħrajn tad-dinja

2016-2017

COM, SM

L-iffinanzjar ta' proġetti li jippromwovu: l-inserzjoni "rapida" fis-suq tax-xogħol u taħriġ vokazzjonali (eż. permezz tal-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-ħiliet, taħriġ tal-lingwa ffokat fuq l-impjiegi, taħriġ fuq il-post tax-xogħol) l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati u tan-nisa (EaSI/AMIF)

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-promozzjoni tal-qsim ta' prattiki promettenti li jirrigwardaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz tan-netwerks u l-programmi eżistenti (in-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-Koordinaturi tal-garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Programm ta' Tagħlim Reċiproku u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali)

2016

COM, SM

L-iżvilupp ta' repożitorju onlajn ta’ prattiki promettenti li jirrigwardaw l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol bħala sors għal dawk li jfasslu l-politiki fl-Istati Membri.

2016

COM, SM

Science4Refugee (Xjenza għar-Refuġjati): inizjattiva li tqabbel lir-refuġjati u lil dawk li jfittxu asil li ġejjin minn sfond xjentifiku ma' pożizzjonijiet adattati fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta' riċerka fl-UE.

2016-2017

COM

Provvediment ta' fondi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-muniċipalitajiet u tal-awtoritajiet lokali f'dak li għandu x'jaqsam ma' prattiki ta' akkoljenza u ta' integrazzjoni għar-refuġjati, b'attenzjoni speċjali fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol

2016/2017    

COM, MS, LRA (Awtoritajiet Lokali u Reġjonali)

Tkompli l-analiżi tal-eżiti ta' integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-qafas tas-Semestru Ewropew

kull sena

COM

Jissaħħu l-attivitajiet ta' komunikazzjoni lejn żgħażagħ vulnerabbli NEETs, inklużi dawk li għandhom sfond ta' migrazzjoni, fi ħdan l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

2016-2017

COM, SM

Tidentifika l-aħjar prattiki għall-promozzjoni u l-appoġġ għall-intraprenditorija tal-migranti u tiffinanzja proġetti pilota għat-tixrid tagħhom.

2016

COM, SM

Kompetizzjoni ta' Innovazzjoni Soċjali sabiex jiġu ppremjati l-innovazzjonijiet fil-prodotti, fit-teknoloġiji, fis-servizzi u fil-mudelli li jistgħu jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta' ċittadini oħrajn ta' pajjiżi terzi.

2016

COM, is-settur privat

Il-promozzjoni tal-qsim ta' prattiki promettenti li jirrigwardaw l-integrazzjoni fl-ETV (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) u t-tagħlim bejn il-pari permezz ta' inizjattivi ta' politika u programmi eżistenti (l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, Erasmus+, FSE, Edukazzjoni u Taħriġ 2010)

2016-2017

COM, SM, is-settur privat

L-aċċess għal servizzi bażiċi

Il-promozzjoni tal-użu ta’ fondi tal-UE għall-akkoljenza, l-edukjazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-infrastrutturi tas-saħħa u dawk soċjali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi

2016-2017

COM

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, sabiex jipprovdi finanzjament għal akkomodazzjoni u faċilitajiet tas-saħħa temporanji għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu u għall-akkomodazzjoni soċjali.

2016-2017

COM, SM, BEI

Il-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri dwar kif jindirizzaw l-isfidi tal-akkomodazzjoni

2017

COM, SM

L-appoġġ tal-aħjar prattiki fl-għoti tal-kura lil ċittadini vulnerabbli ta’ pajjiżi terzi u lir-refuġjati, inklużi nisa, tfal u anzjani taħt il-Programm tas-Saħħa (Pjan ta' Ħidma Annwali 2016).

2016

COM, SM, partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-saħħa

L-iżvilupp ta' moduli ta’ taħriġ pilota għall-professjonisti tas-saħħa u għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi dwar is-saħħa għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, bl-għan li jittejbu u jissaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-professjonisti tas-saħħa tal-ewwel linja, u jiġi mħeġġeġ approċċ ħolistiku għall-kura tas-saħħa tal-individwi.

2016-2017

COM, SM, partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-saħħa



Il-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni soċjali

L-iżvilupp ta' manwali u għodod għall-prattikanti dwar is-sensibilizzazzjoni u l-espressjoni kulturali; id-djalogu interkulturali; il-parteċipazzjoni attiva ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-ħajja politika, soċjali u kulturali u fl-isports fis-soċjetajiet ospitanti; u l-kontribut tax-xogħol taż-żgħażagħ

2016-2017

COM, SM, partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni

Tnedija ta' proġetti għall-promozzjoni tad-Djalogu interkulturali u tal-valuri Ewropej permezz ta' kultura, films u arti (Ewropa Kreattiva)

2016

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-finanzjament ta' proġetti li jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-ħajja politika, soċjali u kulturali taħt l-AMIF

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-finanzjament ta' netwerks ta' bliet, ġemellaġġ ta' bliet u proġetti tas-soċjetà ċivili dwar il-parteċipazzjoni ċivika, inkluż għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, taħt il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini

2016-2020

COM, MS, LRA, soċjetà ċivili

L-indirizzar tal-ksenofobija billi titqajjem sensibilizzazzjoni u jiġu promossi l-aħjar prattiki kontra atti u diskors ta’ ksenofobija fil-kuntest tal-Grupp Ġdid ta’ Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza

2016 ’il quddiem

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-promozzjoni ta' proġetti li jittrattaw l-integrazzjoni tar-refuġjati taħt is-Servizz Volontarju Ewropew (parti mill-programm Erasmus+)

2016

COM, MS, soċjetà ċivili

Il-finanzjament ta' proġetti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, inklużi r-reati ta' mibgħeda u d-diskors ta' mibgħeda, inizjattivi għall-ħolqien ta' fehim aqwa bejn il-komunitajiet u t-trawwim ta' attivitajiet u proġetti interreliġjużi u interkulturali u NGOs tal-UE li jiġġieldu d-diskriminazzjoni taħt il-programm REC

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-ħolqien ta' paġna elettronika b'punt uniku ta' kuntatt li tipprovdi informazzjoni dwar il-proġetti rilevanti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-UE u inizjattivi li jrawmu t-tolleranza u jiġġieldu r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni

2016

COM

Il-finanzjament ta' proġetti għat-tixrid u r-repetizzjoni ta' prattiki tajbin li jippromwovu l-inklużjoni soċjali fil-livell lokali, inkluż dwar l-integrazzjoni permezz ta' Erasmus+

2016-2017

COM

L-iżvilupp ta' sett ta' għodda għal dawk li jfasslu l-politiki u għall-ħaddiema żgħażagħ relatat mal-kontribut tax-xogħol taż-żgħażagħ u tagħlim formali u mhux formali fl-integrazzjoni

2016-2017

COM, SM, partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni

Il-finanzjament ta' proġetti kulturali u awdjoviżivi transnazzjonali b'appoġġ għall-integrazzjoni tar-refuġjati, taħt Ewropa Kreattiva

2016

COM, soċjetà ċivili

It-tnedija ta' proġetti għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali permezz taż-żgħażagħ u l-isport permezz ta' Erasmus+

2016

COM, SM, soċjetà ċivili

Il-finanzjament ta' proġetti għall-identifikazzjoni bikrija, il-protezzjoni u l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi vittmi tat-traffikar, inkluża attenzjoni fuq it-tfal u l-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati taħt l-AMIF

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

It-tkomplija tal-ħidma mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill lejn l-adozzjoni tad-Direttiva kontra d-diskriminazzjoni.

L-identifikazzjoni u t-tixrid ta' prattiki tajbin dwar l-appoġġ lin-nisa

2016-2017

COM, SM, soċjetà ċivili

Għodod għall-koordinazzjoni, il-finanzjament u l-monitoraġġ

It-tisħiħ tan-Netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni u t-tibdil tiegħu f'"Netwerk ta' Integrazzjoni Ewropew" li jippromwovi t-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri

2016-2017

COM, SM

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn id-diversi livelli ta' governanza, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, permezz ta' Sħubija taħt l-Aġenda Urbana tal-UE li tiffoka fuq l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

2016-2017

COM, MS, LRA

Appoġġ lill-azzjonijiet innovattivi fil-livell lokali permezz ta' finanzjament immirat, inkluż taħt il-Programm ta' Azzjonijiet Innovattivi Urbani

2016-2017

COM, LRA

It-titjib tal-koordinazzjoni u tal-allinjament strateġiku tal-istrumenti ta' finanzjament kollha rilevanti tal-UE sabiex jiżdied l-impatt tal-appoġġ tal-UE fuq l-integrazzjoni globali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi

2016-2017

COM, SM

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni permezz ta' skambji u żjarat dedikati mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli tal-Fondi rilevanti tal-UE

2016-2017

COM, SM

Fil-kuntest tal-prinċipju ta' sħubija u r-responsabbiltà kondiviża, jissaħħaħ l-involviment tal-atturi kollha rilevanti inkluż permezz tal-appoġġ lill-iskambju tal-esperjenza bejn atturi differenti fl-użu tal-finanzi tal-FSE għall-integrazzjoni tar-refuġjati permezz tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni Transnazzjonali tal-FSE fi kwistjonijiet ta' Migrazzjoni

2016-2017

COM, SM, atturi oħrajn

Jitkompla l-iżvilupp tal-evidenza fl-integrazzjoni fil-livell tal-UE, inkluż permezz tal-monitoraġġ tal-eżiti ta' integrazzjoni fil-livell lokali

2016-2017

COM, SM, anki f'kooperazzjoni mal-OECD

Il-monitoraġġ tal-inklużjoni soċjali u tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini migranti ta' pajjiżi terzi fis-soċjetà minn perspettiva ta' drittijiet fundamentali

2016

L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali

(1)

Ara: Eurostat (2015).

(2)

Dan il-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-integrazzjoni tal-migranti inklużi r-refuġjati li huma ċittadini ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE u li jinsabu fl-UE b'mod legali. Ma jirrigwardax liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li għandhom sfond ta' migrazzjoni billi l-ġenituri jew in-nanniet tagħhom kienu emigraw minn pajjiż terz lejn l-Ewropa, u lanqas ma jirrigwarda liċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u tal-membri tal-familja tagħhom.

(3)

Ara: Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014: http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/jha/82745.pdf .

(4)

Ara: COM(2011) 455 final tal-20.7.2011.

(5)

Ara d-dejta tal-Eurostat: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Migrant_integration_statistics_-_overview u OECD/Unjoni Ewropea (2015), Indicators of Immigration Integration 2015 – Settling In (L-Indikaturi tal-Integrazzjoni tal-Immigrazzjoni – Nistabbilixxu Ruħna):  http://www.oecd.org/els/mig/Indicators-of-Immigrant-Integration-2015.pdf .

(6)

Ara r-rapporti tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni: COM (2016) 165 final; COM (2016) 222 final; COM(2016) 360 final.

(7)

Ara: COM(2015)240 final tat-13.5.2012.

(8)

 Ara: COM(2016) 197 final tas-6.4.2016.

(9)

Ara: Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa għal approċċ ħolistiku tal-UE għall-migrazzjoni (2015/2095(INI)).

(10)

 Fl-2015, ir-rata tal-impjieg taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kienet 12,4 pp aktar baxxa minn dik taċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti, bin-nisa jkollhom rati partikolarment baxxi. Il-migranti minn pajjiżi terzi spiss ma jsibux impjieg adattat għall-kapaċitajiet tagħhom, anki meta jkollhom diploma universitarja. In-nuqqas ta' progress fl-edukazzjoni huwa darbtejn ogħla fost il-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni (42%) meta mqabbla ma' studenti b'ġenituri li twieldu fil-pajjiż (20%), u xorta għoli għal dawk tat-tieni ġenerazzjoni (imwielda fil-pajjiż b'ġenituri mwielda f'pajjiż barrani) (34%). Fl-2014, 49 % taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali meta mqabbla ma' 22 % taċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. 18.2 % tal-popolazzjoni żgħażugħa li ma twildux fl-UE kienu qegħdin jiffaċċjaw deprivazzjoni materjali estrema. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kienu aktar fiċ-ċans li jgħixu f'familja   numeruża mill-popolazzjoni mwielda fil-pajjiż.

(11)

Ara: Is-Semestru Ewropew 2016: Il-Valutazzjoni tal-progress fir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2016) 95 final/2).

(12)

Ara pereżempju l-OECD, "The Fiscal Impact of Immigration in OECD Countries" (L-Impatt Fiskali tal-Immigrazzjoni fil-Pajjiżi tal-OECD), fl-"International Migration Outlook 2013" (Prospetti dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali) u r-Rieżami ta' Politika tal-Kummissjoni Ewropea, "Policy Review - Research on Migration: Facing Realities and Maximising Opportunities 2016" (Riċerka dwar il-Migrazzjoni: Niffaċċjaw ir-Realtajiet u Nimmassimizzaw l-Opportunitajiet ).

(13)

Ara: Id-dokument ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea: " An Economic Take on the Refugee Crisis " (L-Aspett Ekonomiku tal-Kriżi tar-Refuġjati).

(14)

L-Istati Membri għandhom obbligi speċifiċi taħt il-liġi tal-UE - b'mod partikolari taħt id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza (2013/33/UE) u d-Direttiva dwar standards għall-kwalifika (2011/95/UE) - li jipprovdu kondizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa mill-bidu lil dawk li jfittxu asil, sabiex jassiguraw aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi ladarba jingħata l-istatus ta' protezzjoni, kif ukoll sabiex jiżguraw trattament ugwali rigward ir-rikonoxximent ta' diplomi u jipprovdu għal faċilitazzjoni speċifika.

(15)

Ara: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien għat-tisħiħ tal-kapital uman, tal-impjegabbiltà u tal-kompetittività (COM(2016) 381), li dalwaqt tkun disponibbli.

(16)

Ara: http://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/gac/2016/05/24/

(17)

Ara: C(2015) 3560 final

(18)

Ara: C(2015) 9490

(19)

Ara: http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/

(20)

 Ara: COM(2016) 197 final tas-6.4.2016.

(21)

Ara: L-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2016) 385, 7 ta’ Ġunju 2016).

(22)

Ara: http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/international-summit/2015/11/ACTION_PLAN_EN_pdf/

(23)

Ara r-rapport finali: http://www.eurocities.eu/eurocities/news/-Building-a-resettlement-network-of-European-cities-and-regions-SHARE-project-publication-WSPO-A9SHLX .

(24)

Ara: COM(2016) 197 final tas-6.4.2016.

(25)

Taħt il-programmi ta' sponserizzazzjoni privati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew il-gruppi ta' individwi jappoġġjaw l-ispiża ta' risistemazzjoni u jieħdu ħsieb l-ewwel integrazzjoni ta' refuġjati risistemati f'kooperazzjoni mal-komunitajiet lokali.

(26)

Il-proġett EU-FRANK: L-Iffaċilitar tar-risistemazzjoni u l-Ammissjoni tar-Refuġjati permezz tal-iskambju ta' Għarfien Ġdid: proġett iffinanzjat mill-UE immexxi mill-Aġenzija Svediża għall-Migrazzjoni 2016-2020.

(27)

Ara: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien għat-tisħiħ tal-kapital uman, tal-impjegabbiltà u tal-kompetittività (COM(2016) 381), li dalwaqt tkun disponibbli.

(28)

Ara: Id-dokument ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea: " An Economic Take on the Refugee Crisis "(L-Aspett Ekonomiku tal-Kriżi tar-Refuġjati).

(29)

Ara s-sit web tal-Eurostat: Migrant integration in the EU labour market (L-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol tal-UE) tas-6.06.2016.

(30)

Aktar minn 40% tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ edukazzjoni jaħdmu f’impjiegi ta’ ħiliet medji jew baxxi meta mqabbla ma’ madwar 20% fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti, Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol.

(31)

Fl-2015, ftit inqas minn nofs il-popolazzjoni tan-nisa ċittadini ta’ pajjiżi terzi kellhom xogħol, aktar minn 16-il punt perċentwali inqas mir-rata tal-impjieg ta’ nisa b’ċittadinanza tal-UE.

(32)

Is-Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi jiġbor flimkien lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-imsieħba soċjali tal-UE darbtejn fis-sena sabiex jiddiskutu kwistjonijiet topiċi.

(33)

Ara: https://www.etuc.org/sites/www.etuc.org/files/press-release/files/14.03.16_final_eco_soc_partners_message_refugee_crisis.pdf

(34)

Ara: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien għat-tisħiħ tal-kapital uman, tal-impjegabbiltà u tal-kompetittività (COM(2016) 381), li dalwaqt tkun disponibbli.

(35)

L-akkomodazzjoni soċjali tista’ tkun appoġġjata taħt il-programmi tal-2014-2020 tal-Fond Strutturali u ta’ Investiment Ewropew.

(36)

S'issa, ġew approvati tliet selfiet għal total ta’ madwar EUR 800 miljun f’finanzjamenti ta’ self għall-benefiċċju ta’ madwar 250,000 refuġjat (Ġermanja u Franza, spiża totali tal-proġett ta’ madwar EUR 1,6 biljun b’self ieħor li qed jiġi evalwat). Il-Bank Ewropew tal-Investiment ukoll qed jiffinanzja l-ispejjeż ta’ appoġġ edukattiv u soċjali addizzjonali għar-refuġjati flimkien ma’ investimenti għall-akkomodazzjoni.

(37)

Ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/themes/urban-development/agenda/ .

(38)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2016) 85 final.

(39)

Din is-sena l-Kumitat Konsultattiv għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi (struttura ta' governanza mmexxija mill-Kummissjoni) se joħroġ opinjoni dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

(40)

Ara: Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000.

(41)

Ara: Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali COM/2008/0426 final.

(42)

Ara: Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali.

(43)

Ara: https://ec.europa.eu/migrant-integration/index.cfm?action=furl.go&go=/the-eu-and-integration/eu-actions-to-make-integration-work .

(44)

Il-Forum dwar l-Integrazzjoni kien stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fi sħubija mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(45)

Ara: http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/country-specific-recommendations/index_mt.htm ..

(46)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=URISERV:ef0016&from=MT  

(47)

See http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13631-2015-INIT/mt/pdf .

(48)

Ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/newsroom/news/2016/04/04-05-2016-long-term-management-of-migratory-flows-a-new-partnership-between-the-commission-and-european-cities .

(49)

Ara: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52011DC0847&from=MT

(50)

 Il-proġetti ffokaw l-aktar fuq it-taħriġ fil-lingwa, l-orjentazzjoni ċivika, l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-iskambji mas-soċjetà ospitanti/id-djalogu interkulturali, il-bini tal-kapaċità ta' partijiet ikkonċernati fil-politika dwar l-integrazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' għodod u ta' indikaturi.

(51)

Fondi oħrajn, bħal Erasmus+, iffinanzjaw aktar minn 200 proġett fl-2014-15 li jittrattaw ir-refuġjati jew li jindirizzaw l-isfidi relatati mal-inklużjoni tar-refuġjati.

(52)

Ara: http://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/state_of_the_union_2015_en.pdf .

(53)

  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/financing/fundings/docs/synergies_between_amif_and_other_eu_funds_in_relation_to_migrants_en.pdf u http://ec.europa.eu/esf/BlobServlet?docId=14499&langId=en .

(54)

Il-finanzjament huwa disponibbli wkoll taħt iż-żewġ fondi għall-bini tal-kapaċità, il-governanza tajba u l-appoġġ lill-SMEs, li jista' jikkontribwixxi wkoll għall-investiment globali fl-appoġġ lill-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(55)

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet gwida speċifika għall-Istati Membri fl-2015 sabiex tindirizza s-segregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni ta' komunitajiet emarġinati, fosthom il-migranti, taħt il-programmi tal-Fondi SIE. Ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/informat/2014/thematic_guidance_fiche_segregation_en.pdf  

(56)

Taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jista' jikkontribwixxi għall-integrazzjoni soċjali tal-migranti billi jipprovdilhom taħriġ professjonali u edukazzjoni kif ukoll appoġġ għall-bidu jekk ikunu jridu jaħdmu għal rashom. Jista' wkoll jappoġġja l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp lokali integrati li jistgħu jipprovdu wkoll firxa wiesgħa ta' servizzi lill-migranti. Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jista' jappoġġja l-provvediment ta' għajnuna materjali bażika u/jew miżuri ta' inklużjoni soċjali lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jekk ikunu parti mill-grupp fil-mira definit fil-livell nazzjonali. ERASMUS+ jipprovdi EUR 400 miljun lill-Istati Membri sabiex itejbu l-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni. L-UE qiegħda tiffinanzja r-riċerka dwar l-integrazzjoni tal-migranti taħt il-Programm Qafas 7 u taħt Orizzont 2020. Għal sinteżi dwar is-sejbiet l-aktar rilevanti tar-riżultati relatati ara "Research on Migration: Facing Realities and Maximising Opportunities - A Policy Review" (Riċerka dwar il-Migrazzjoni: Niffaċċjaw ir-Realtajiet u Nimmassimizzaw l-Opportunitajiet - Rieżami ta' Politika) 2016, pp 51-87.

(57)

Fond għas-Sigurtà Interna.

(58)

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1–7.

(59)

Pereżempju, l-UE nediet tqabbil internazzjonali konġunt ta' eżiti ta' integrazzjoni mal-OECD li jipprovdi punti ta' referenza għal dawk li jfasslu l-politiki sabiex iqabblu r-riżultati f'pajjiżhom ma' dawk ta' pajjiżi oħrajn u jidentifikaw il-prattiki tajbin. OECD/Unjoni Ewropea 2015, Indicators of Immigration Integration 2015 – Settling In. (L-Indikaturi tal-integrazzjoni tal-Immigrazzjoni - Nistabbilixxu ruħna). L-eżiti tal-integrazzjoni f'livell lokali se jiġu analizzati wkoll fil-ġejjieni. L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bħalissa qiegħda taħdem fuq il-monitoraġġ tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tal-migranti u tad-dixxendenti tagħhom fis-soċjetà minn perspettiva ta' drittijiet fundamentali u fl-2017 se tippubblika r-riżultati tat-tieni sensiela tal-akbar stħarriġ fl-UE dwar l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni, ta' vittimizzazzjoni tar-reati ta' mibgħeda u ta' parteċipazzjoni soċjetali ta' migranti u minoritajiet (EU-MIDIS II).

(60)

Ara r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2016 adottati fit-18 ta' Mejju 2016: http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/country-specific-recommendations/index_mt.htm .

Top