IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2016
COM(2016) 374 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
RAPPORT DWAR IL-KONVERĠENZA TAL-2016
(imħejji f'konformità mal-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
{SWD(2016) 191 final}
1.L-ISKOP TAR-RAPPORT
L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-TFUE) jitlob li l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirrapportaw lill-Kunsill, mill-anqas darba kull sentejn, jew wara talba ta' xi wieħed mill-Istati Membri b'deroga, dwar il-progress miksub mill-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom dwar il-kisba ta' unjoni ekonomika u monetarja. lr-Rapporti dwar il-Konverġenza l-aktar riċenti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Ġunju 2014.
Ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-2016 ikopri s-seba' Stati Membri li ġejjin b'deroga: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, u l-Iżvezja. Valutazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f'dawn l-Istati Membri hija pprovduta f'Anness Tekniku ma' dan ir-Rapport.
Il-kontenut tar-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa rregolat mill-Artikolu 140(1) tat-TFUE. Dan l-Artikolu jitlob li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE). Ir-rapporti jridu jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza għall-issodisfar tal-kriterji tal-konverġenza (l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-finanzi pubbliċi, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax għal żmien twil), u billi jitqiesu fatturi oħrajn imsemmija fl-aħħar sottoparagrafu tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE. L-erba' kriterji ta' konverġenza huma żviluppati fi Protokoll anness mat-Trattati (il-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza).
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien mal-kriżi fiż-żona tal-euro tad-dejn sovran, kixfu distakki fis-sistema ta' governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u wrew li l-istrumenti tagħha jeħtieġ li jintużaw b'mod aktar komprensiv. Bil-għan li jiġi garantit il-funzjonament sostenibbli tal-UEM, beda jsir tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-Unjoni. Il-valutazzjoni ta’ konverġenza għaldaqstant hija allinjata mal-approċċ usa' tas-Semestru Ewropew li jikkunsidra b'mod integrat l-isfidi tal-politika ekonomika li qed taffaċċa l-UEM biex tiżgura sostenibbiltà fiskali, kompetittività, stabbiltà tas-suq finanzjarju u tkabbir ekonomiku. L-innovazzjonijiet ewlenin fil-qasam tar-riforma ta’ governanza, it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-proċess ta' konverġenza ta’ kull Stat Membru u s-sostenibbiltà tagħha, jinkludu, inter alia t-tisħiħ tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv kif imsaħħa mir-riforma tal-2011 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u strumenti ġodda fil-qasam tas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dan ir-rapport iqis il-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Konverġenza tal-2016 u r-riżultati mill-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi.
Kriterji ta' konverġenza
L-eżami tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, mal-Artikolu 130 u mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE jinkludi valutazzjoni tal-osservanza tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (l-Artikolu 123) u l-projbizzjoni tal-aċċess privileġġat (l-Artikolu 124); konsistenza mal-għanijiet tas-SEBĊ (l-Artikolu 127(1)) u l-kompiti (l-Artikolu 127(2)) u aspetti oħra relatati mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fis-SEBĊ.
Il-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet huwa definit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet [...] jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbah lil dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet”.
L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “l-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet […] għandu jfisser li Stat Membru jkollu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1,5 % dik tal-aħjar tliet Stati Membri, f’dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”. Ir-rekwiżit ta’ sostenibilità jimplika li l-prestazzjoni tal-inflazzjoni sodisfaċenti għandha prattikament tiġi attribwita għall-andament tal-kostijiet tad-dħul u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-prezzijiet b’mod strutturali, aktar milli għall-influwenza ta’ fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi valutazzjoni tal-fatturi li għandhom impatt fuq il-prospettiva tal-inflazzjoni u hija kkomplementata b'referenza għall-aktar tbassir riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni rigward l-inflazzjoni. Relatat ma’ dan, ir-rapport jevalwa wkoll jekk hux probabbli li l-pajjiż jissodisfa l-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin.
Il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni kien ikkalkolat li huwa ta' 0,7 % f'April 2016, bil-Bulgarija, is-Slovenja u Spanja bħala "t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni".
Huwa meħtieġ li jiġu esklużi mil-lista tal-pajjiżi "bl-aħjar prestazzjoni" dawk il-pajjiżi li r-rati ta’ inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra. Tali pajjiżi fil-passat kienu identifikati fir-Rapporti dwar il-Konverġenza tal-2004, l-2010, l-2013 u l-2014. Fil-mument preżenti, ikun xieraq li jiġu identifikati Ċipru u r-Rumanija bħala pajjiżi f'din il-kategorija, peress li r-rata ta' inflazzjoni tagħhom iddevjat b'marġni wiesa' mill-medja taż-żona tal-euro u jekk jiġu inklużi dan jaffettwa b'mod mhux dovut lill-valur referenzjarju u b'hekk il-ġustizzja tal-kriterji. Fil-każ ta' Ċipru, l-inflazzjoni profondament negattiva kienet tirrifletti l-aktar il-ħtiġijiet ta' aġġustament u s-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-ekonomija. Fil-każ tar-Rumanija, kien prinċipalment minħabba tnaqqis kbir fir-rata tal-VAT. F'dan l-isfond, il-Bulgarija, is-Slovenja u Spanja, l-Istati Membri bit-tieni l-aktar livell baxx ta' rati ta' inflazzjoni, jintużaw għall-kalkolu tal-valur referenzjarju.
Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta l-finanzi pubbliċi huwa definit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE bħala “s-sostenibilità tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern: dan jirriżulta meta jkun wasal għall-ksib ta' pożizzjoni finanzjarja tal-gvern mingħajr defiċit eċċessiv kif stabbilit skont l-Artikolu 126(6)”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji tal-konverġenza jiddikjara li dan il-kriterju jfisser li “fil-waqt tal-eżami l-Istat Membru ma jkunx suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm defiċit eċċessiv". Bħala parti mit-tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-UEM, il-leġiżlazzjoni sekondarja relatata mal-finanzi pubbliċi ġiet imsaħħa fl-2011, inklużi r-regolamenti l-ġodda li jemendaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
It-TFUE jirreferi għall-kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) bħala “l-osservanza tal-marġini ta' fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-anqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-euro”.
L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jipprevedi li: “Il-kriterju fuq il-parteċipazzjoni f'Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea (…) ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal mill-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro b'inizjattiva tiegħu stess għall-istess perijodu”.
Il-perjodu rilevanti ta' sentejn għall-valutazzjoni tal-istabbiltà tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport huwa bejn id-19 ta' Mejju 2014 u t-18 ta' Mejju 2016. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterju tal-istabbiltà tar-rati tal-kambju, il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni l-iżviluppi fl-indikaturi awżiljari bħall-iżviluppi f’riżervi barranin, ir-rati tal-imgħax għal perjodu ta’ żmien qasir, kif ukoll ir-rwol tal-miżuri tal-politika, inklużi interventi fis-swieq tal-kambju, kif ukoll l-assistenza finanzjarja internazzjonali, fejn ikun rilevanti, biex tinżamm l-istabbiltà tar-rata tal-kambju. Bħalissa, l-ebda mill-Istati Membri vvalutati f'dan ir-Rapport dwar il-Konverġenza ma jipparteċipa fl-ERM II. Id-dħul fl-ERM II jiġi deċiż b'talba ta' Stat Membru b'kunsens tal-parteċipanti kollha tal-ERM II.
Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE jitlob li “d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru b'deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju" tkun tidher "fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul”. L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta’ mgħax (…) ifisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata tal-imgħax nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati tal-imgħax jitqiesu abbażi ta’ titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.
Il-valur referenzjarju għar-rata tal-imgħax ġie kkalkolat li kien 4,0% f'April 2016.
L-Artikolu 140(1) tat-TFUE jitlob ukoll l-eżami ta’ fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomika. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-swieq, l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fil-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kostijiet tal-unità lavorattiva u indiċi oħra ta' prezzijiet. Dawn tal-aħħar huma koperti fil-valutazzjoni tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-fatturi addizzjonali huma indikaturi importanti li juru li l-integrazzjoni ta' Stat Membru fiż-żona tal-euro, se tipproċedi mingħajr diffikultajiet u twessa' l-opinjonijiet fuq is-sostenibbiltà tal-konverġenza.
2.IL-BULGARIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Bulgarija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet u l-imperfezzjonijiet jeżistu fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fi żmien l-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Bulgarija matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' -1,0 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta' 0,7 %. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali tal-HICP fil-Bulgarija ilha negattiva mis-sajf tal-2013, bir-reċessjoni kkawżata minn taħlita aktar qawwija mis-soltu ta’ fatturi diżinflazzjonarji. L-inflazzjoni laħqet l-aktar punt baxx tagħha ta’ -2,4% f’Jannar 2015 li mbagħad żdied għal -0,3 % f’Mejju 2015, qabel ma reġa' naqas. L-inflazzjoni bażi kienet negattiva matul il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar sentejn, inkluż fil-bidu tal-2016. Inflazzjoni negattiva ġiet sostnuta fost l-oħrajn b’domanda domestika dgħajfa u tnaqqis fil-prezzijiet ta’ importazzjoni. F’April 2016, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar -2,5 %.
L-inflazzjoni hija mistennija li tiżdied gradwalment hekk kif l-effett mill-waqgħa fil-prezzijiet tal-prezz tal-prodott bażiku jonqos bil-mod, għalkemm huwa mistenni li jibqa’ negattiv matul ħafna mill-2016. Għaldaqstant, it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi inflazzjoni medja annwali ta’ -0,7% fl-2016 u 0,9% fl-2017. Il-livell baxx tal-prezzijiet fil-Bulgarija (47% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) huwa indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fuq perjodu twil.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Bulgarija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali niżel minn 0,8 % tal-PDG fl-2013 għal 5,4 % fl-2014 l-aktar minħabba miżuri ta' appoġġ lis-settur finanzjarju. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG kien ta' 2,1% fl-2015, u skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa previst li jiżdied għal 2,0 % fl-2016 u għal 1,6% fl-2017, bis-suppożizzjoni ta' ebda bidla ta' politika, bis-sostenn tal-irkupru ekonomiku. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross baqa’ baxx fil-livell ta' 26,7 % tal-PDG fl-2015 u huwa previst li jiżdied għal 28,1% tal-PDG fl-2016 u għal 28,7% tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016, il-Bulgarija hija mistennija tikkonforma b’mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, se jkun hemm bżonn miżuri ulterjuri fl-2016 u fl-2017 biex tiġi ggarantita l-konformità. Il-qafas fiskali Bulgaru dan l-aħħar issaħħaħ permezz ta’ passi leġiżlattivi suċċessivi, u l-attenzjoni issa qed tiġi ffukata fuq l-implimentazzjoni.
Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-lev Bulgaru mhux qed jipparteċipa fl-ERM II. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru jsegwi l-objettiv primarju tiegħu ta’ stabbilità fil-prezzijiet permezz ta’ rata tal-kambju ċentrali fil-kuntest ta’ Ftehim dwar Bord tal-Valuta (CBA). Il-Bulgarija introduċiet is-CBA tagħha fl-1 ta' Lulju 1997, u rabtet il-lev Bulgaru mal-mark Ġermaniż u aktar tard mal-euro. Indikaturi addizzjonali, bħal żviluppi fir-riżervi ta' munita barranija, u rati tal-imgħax għal żmien qasir jindikaw li l-perċezzjoni tar-riskju tal-investituri fir-rigward tal-Bulgarija baqgħet favorevoli. Ilqugħ imdaqqas ta’ riżerva uffiċjali għadu jservi ta' sostenn għar-reżiljenza tas-CBA. Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ sentejn, il-lev Bulgaru baqa’ stabbli fil-konfront tal-euro, skont it-tħaddim tas-CBA.
Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għat-tul fil-Bulgarija fis-sena sa April 2016 kienet ta' 2,5 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 4,0%. Ir-rati tal-imgħax għat-tul fil-Bulgarija naqsu minn madwar 3,5% fl-2014 għal madwar 2,5% minn kmieni fl-2015. Id-differenza fil-firxa fil-konfront ta’ bonds referenzjali għal żmien twil taż-żona tal-euro żdiedet b’mod sinifikanti fit-tieni nofs tal-2014, parzjalment marbuta ma’ problemi bankarji tal-Bulgarija, imma mbagħad naqset fl-2015. Kmieni fl-2016, il-firxa fil-konfront tal-bonds ta' referenza Ġermaniżi kibret bi ftit għal madwar 230 punt bażi.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tal-Bulgarija kellu surplus sinifikanti fl-2015. It-titjib fil-kummerċ u fil-bilanċi tal-kontijiet kapitali mill-2013 sal-2015 innewtralizza għalkollox id-deterjorament fil-kont tal-introjtu sekondarju. L-ekonomija Bulgara hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Bulgarija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Bulgarija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' livell għoli ta' sjieda barranija tas-sistema bankarja tagħha. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, il-Bulgarija kienet soġġetta għal rieżami profond fl-2016, li minnu rriżulta li l-Bulgarija għadha għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. L-ekonomija hija karatterizzata minn fraġilitajiet li għadhom jeżistu fis-settur finanzjarju u minn dejn korporattiv għoli fil-kuntest ta’ aġġustament tas-suq tax-xogħol limitat.
3.IR-REPUBBLIKA ĊEKA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika Ċeka – b’mod partikolari l-Att Nru 6/1993 tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar iċ-Česká národní banka (il-liġi taċ-ČNB) – mhijiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta’ konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-objettivi taċ-ČNB u l-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi ČNB fiha wkoll xi imperfezzjonijiet rigward il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju u l-kompiti tas-SEBĊ.
Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Repubblika Ċeka matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' 0,4 %, taħt il-valur referenzjarju ta’ 0,7 %. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
It-tkabbir fil-prezz kien moderat b’mod sinifikanti fl-2014, b’rata ta’ inflazzjoni annwali tal-HICP li b'medja naqset għal 0,4%. Dan kien dovut l-aktar minħabba kontribuzzjoni negattiva kbira mill-prezzijiet tal-enerġija, li jirriflettu t-trasferiment ta' tnaqqis qawwi fil-prezzijiet taż-żejt għall-prezzijiet tal-fjuwil domestiku, filwaqt li naqsu wkoll il-kontribuzzjonijiet tal-inflazzjoni tal-ikel u s-servizzi. L-inflazzjoni żdiedet kemxejn matul l-ewwel nofs tal-2015 iżda mbagħad naqas għal darb’oħra fit-tieni nofs tas-sena fost tnaqqis ġdid fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija. Għalhekk fl-2015, ir-rata ta’ inflazzjoni annwali tal-HICP laħqet medja ta’ 0,3%. Kmieni fl-2016, din żdiedet kemxejn u f’April 2016 kienet 0,5%.
Huwa previst li l-inflazzjoni tibqa’ mrażżna fl-2016 minħabba li t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt u tal-ikel matul it-tieni nofs tal-2015 se jkompli jeżerċita impatt negattiv fuq ir-rata ta’ sena b’sena. Fl-istess ħin, il-pressjoni domestika tal-prezzijiet mistennija tissaħħaħ aktar tul il-perjodu ta’ tbassir, partikolarment fir-rigward tal-prezzijiet tas-servizzi. B'hekk it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li l-inflazzjoni annwali tal-HICP tilħaq medja ta' 0,5 % fl-2016 u 1,4 % fl-2017. Il-livell tal-prezzijiet fir-Repubblika Ċeka (madwar 63% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezz għal żmien twil.
Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Ir-Repubblika Ċeka mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali naqas b'mod sostanzjali minn 1,9% tal-PDG fl-2014 għal 0,4 % tal-PDG fl-2015. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa previst li jilħaq 0,7% tal-PDG fl-2016, u 0,6 % fl-2017 bis-suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross naqas mill-ogħla punt tiegħu ta' 45,1% tal-PDG fl-2013 għal 41,1 % tal-PDG fl-2015. Huwa pproġettat li jonqos għal 40,9% tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016, ir-Repubblika Ċeka hija mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-qafas fiskali tar-Repubblika Ċeka huwa fost l-aktar dgħajfa fl-UE. L-adozzjoni tal-pakkett ta’ riforma mmirat lejn li ssaħħu ġiet imdewma b’mod ripetut, u ssospendiet it-tlestija tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali fl-ordinament ġuridiku Ċek, li kienet mistennija sal-aħħar tal-2013.
Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-Koruna Ċeka mhijiex qed tipparteċipa fl-ERMII. Ir-Repubblika Ċeka topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Fis-7 ta' Novembru 2013, iċ-ČNB ħabbar li kien se jintervjeni fis-suq tal-muniti barranin biex idgħajjef il-koruna, sabiex ir-rata tal-kambju kontra l-euro taqbeż is-27 CZK/EUR. Minħabba dan, il-koruna ddgħajfet malajr minn anqas minn 26 CZK/EUR għal 27 CZK/EUR. Il-koruna ġiet innegozjata b'medja ta' madwar 27.5 CZK/EUR matul l-2014 u l-ewwel nofs tal-2015, fost volatilità baxxa. Hija ssaħħet għal qrib 27 CZK/EUR f’nofs l-2015 u mbagħad baqgħet qrib dak il-limitu minimu stipulat miċ-ČNB matul it-tieni nofs tal-2015 u kmieni fl-2016. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-koruna ssaħħet fil-konfront tal-euro b 1,6%.
Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata tal-imgħax medja għal żmien twil fir-Repubblika Ċeka fis-sena sa April 2016 kienet ta' 0,6 %, ferm taħt il-valur referenzjarju ta' 4%. Ir-rati tal-imgħax għal perjodu twil fir-Repubblika Ċeka segwew xejra 'l isfel minn kmieni fl-2014 sa April 2015, filwaqt li naqsu minn aktar minn 2,4% għal anqas minn 0,3%. Ir-rati tal-imgħax għal żmien twil telgħu għal aktar minn 1% f’Ġunju 2015 iżda mbagħad reġgħu naqsu gradwalment matul it-tieni nofs tal-2015. Id-differenza fil-firxa kontra l-bonds ta' referenza Ġermaniżi kibret għal madwar 25 punt ta' bażi kmieni fl-2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tar-Repubblika Ċeka baqa’ b'surplus matul l-aħħar sentejn, u żdied minn anqas minn 1% tal-PDG fl-2014 għal aktar minn 3% tal-PDG fl-2015. L-ekonomija Ċeka hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-punteġġi rċevuti mir-Repubblika Ċeka fil-klassifiki internazzjonali tjiebu f’dawn l-aħħar snin, b'konverġenza qrib il-medja taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju Ċek huwa integrat tajjeb ħafna fis-settur finanzjarju tal-UE, l-aktar permezz ta’ grad għoli ta' sjieda barranija ta' intermedjarji finanzjarji.
4.IL-KROAZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Kroazja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Kroazja hija għalkollox kompatibbli mad-dmir ta' konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Kroazja matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' -0,4%, taħt il-valur referenzjarju ta' 0,7%. Din hija mistennija tonqos taħt il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fil-Kroazja laħqet medja ta’ 0,2 % fl-2014 minħabba li l-prezzijiet dejjem jonqsu ta’ prodotti industrijali mhux relatati mal-enerġija u l-ikel mhux ipproċessat naqqsu t-tkabbir tar-rata nominali. Ir-rata tal-inflazzjoni naqset f’xejra negattiva f’Diċembru 2014 u mbagħad baqgħet negattiva matul il-biċċa l-kbira tal-2015 minħabba t-tnaqqis rapidu fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk fl-2015, l-inflazzjoni tal-HICP laħqet medja ta’ -0,3%. Kmieni fl-2016 kompliet tonqos u f’April 2016 kienet -0,9 %.
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni annwali tal-HICP hija pproġettata li tibqa’ negattiva matul l-2016, primarjament bħala riżultat tal-waqgħa fil-prezzijiet tal-enerġija. Din mistennija tkun pożittiva fl-2017 hekk kif jonqos l-impatt negattiv ta’ prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi filwaqt li t-tkabbir ekonomiku kontinwu għandu jappoġġa t-tkabbir tal-prezzijiet tal-konsumatur. L-inflazzjoni annwali tal-HICP hija mbassra li tilħaq medja ta’ -0,6% fl-2016 u 0,7% fl-2017. Il-livell tal-prezzijiet fil-Kroazja (madwar 65% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet fit-tul.
Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Kroazja bħalissa hija s-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014), li l-Kunsill irrakkomanda li għandu jiġi kkoreġut sal-2016. Wara li żdied għal 5,5% tal-PDG fl-2014, id-defiċit tal-gvern ġenerali niżel għal 3,2% tal-PGD fl-2015. It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit jitniżżel għal 2,7 % tal-PDG l-2016 u 2,3 % tal-PDG fl-2017. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PGD huwa previst li jilħaq il-quċċata ta’ 87,6% tal-PGD fl-2016 u mbagħad jonqos ftit fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016, hemm riskju li l-Kroazja ma tikkonformax b’mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant, se jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri biex tiġi żgurata l-konformità fl-2017. Minkejja xi titjib riċenti, il-qafas fiskali tal-Kroazja jibqa' relattivament dgħajjef f’termini ta’ disinn u eżekuzzjoni, l-aktar minħabba l-kobor u l-frekwenza ta’ reviżjonijiet tal-pjan baġitarju, il-firxa tat-tranżazzjonijiet mhux fil-baġit u n-nuqqas ta’ salvagwardji fir-rigward tal-indipendenza tal-korp nazzjonali ta’ monitoraġġ.
Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-kuna Kroata mhijiex qed tipparteċipa fl-ERM II. L-HNB (Bank Nazzjonali Kroat) jopera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli amministrat b'mod aktar strett bħala r-rabta nominali ewlenija biex jikseb l-objettiv primarji tiegħu ta' stabilità fil-prezzijiet. Ir-riżervi internazzjonali miżmuma mill-HNB kienu jinsabu fir-reġjun ta' aktar minn EUR 12-il biljun matul l-2014. Dawn żdiedu għal aktar minn EUR 14-il biljun fl-ewwel kwart tal-2015 iżda mbagħad reġgħu naqsu u kienu madwar EUR 13,7 biljun (31% tal-PDG) sa tmiem l-2015. Il-kambju tal-kuna mqabbel mal-euro baqa' pjuttost stabbli matul l-aħħar sentejn, u kien qed joxxilla madwar 7.6 HRK/EUR. Dan kompla jsegwi tendenza fi ħdan is-sena ta' apprezzament temporanju fir-rebbiegħa bħala riżultat ta' dħul tal-kambju barrani ġġenerat mis-settur tat-turiżmu.
Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fuq terminu twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal tul fil-Kroazja fis-sena sa April 2016 kienet ta' 3,7%, taħt il-valur referenzjarju ta' 4%. Ir-rati ta’ mgħax fit-tul fil-Kroazja naqsu minn 5% kmieni fl-2014 għal madwar 3% fit-tieni kwart tal-2015 imma mbagħad reġgħu żdiedu għal madwar 3,9% fit-tieni nofs tal-2015. Il-firxa fil-konfront tal-bonds ta' referenza Ġermaniżi kienet ta' madwar 350 punt ta' bażi kmieni fl-2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Is-surplus estern tal-Kroazja (jiġifieri l-kontijiet kurrenti u l-kapitali kkombinati) żdied b’mod sinifikanti, minn 1% tal-PDG fl-2014 għal madwar 5,6% tal-PDG fl-2015, parzjalment minħabba t-telf imġarrab minn banek barranin minħabba konverżjoni leġiżlata ta' self f'CHF. L-ekonomija Kroata hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Kroazja hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju huwa integrat ħafna fis-sistema finanzjarja tal-UE permezz ta' sjieda barranija ta' banek domestiċi. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, il-Kroazja kienet soġġetta għal rieżami profond fl-2016, li minnu rriżulta li l-Kroazja għadha għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet kienu marbuta ma’ livelli għolja ta’ dejn pubbliku, korporattiv u estern fil-kuntest ta’ rata għolja ta’ qgħad.
5.L-UNGERIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Ungerija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank (MNB) – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet jikkonċernaw l-iktar l-indipendenza tal-MNB, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi dwar l-MNB fiha wkoll imperfezzjonijiet ulterjuri rigward l-integrazzjoni tal-MNB fis-SEBĊ.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Ungerija matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' 0,4 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 0,7 %. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP fl-Ungerija tul l-aħħar sentejn kienet tirrifletti prinċipalment xejriet globali u kienet immexxija l-aktar mill-waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt. Din fl-2014 kienet tinsab fir-reġjun taż-żero u laħqet l-aktar punt baxx tagħha ta’ -1,4% fil-bidu tal-2015, hekk kif id-domanda domestika ma ġġenerat l-ebda pressjoni inflazzjonarja, fil-kuntest ta’ stennijiet ta' inflazzjoni storikament baxxi. L-inflazzjoni tal-HICP żdiedet għal 1% sa tmiem l-2015, parzjalment minħabba l-prezzijiet tal-ikel mhux ipproċessat. Fil-bidu tal-2016, l-inflazzjoni naqset għal darb’oħra, l-aktar bis-saħħa ta’ tnaqqis tal-VAT fuq ċerti prodotti tal-laħam u tnaqqis ieħor fil-prezz taż-żejt. F’April 2016, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 0,3%.
L-inflazzjoni hija prevista li tiżdied għal 0,4% fl-2016 u għal 2,3% fl-2017, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kumissjoni, l-aktar minħabba żviluppi anqas favorevoli fil-prezzijiet tal-prodott bażiku u t-tisħiħ tad-domanda domestika. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fl-Ungerija (madwar 57 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali niżel minn 2,6% tal-PDG fl-2013 għal 2,3% fl-2014 l-aktar minħabba żidiet fid-dħul. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG kien ta' 2,0% fl-2015, u skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa previst li jibqa' f'dak il-livell kemm fl-2016 kif ukoll fl-2017, bis-suppożizzjoni li ma jkun hemm ebda bidla ta' politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross baqa’ baxx fil-livell ta' 75,3% tal-PDG fl-2015 u huwa previst li jonqos aktar għal 74,3% tal-PDG fl-2016 u għal 73% tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2016, hemm riskju għoli li l-Ungerija ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, minħabba li hemm riskju għoli ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ fl-2016 kif ukoll, taħt politiki mhux mibdula, fl-2016 u l-2017 meħuda flimkien. Għaldaqstant, se jkunu meħtieġa aktar miżuri fis-sentejn li huma sabiex tiġi żgurata l-konformità. It-tiġdid estensiv tal-qafas fiskali Ungeriż li tnieda fl-2011 huwa kważi lest, iżda l-effikaċja tagħha għadha trid tiġi stabbilita.
L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-forint Ungeriż mhuwiex qed jipparteċipa fl-ERM II. L-Ungerija topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Il-forint iddepprezza fis-sajf tal-2014 għal madwar 314 HUF/EUR, iżda reġa' kiseb dak it-telf fil-ħarifa, minħabba li ċ-ċiklu li jbaxxi r-rati ġie sospiż fl-Ungerija u l-MNB ipprovda likwidità tal-munita barranija għal konverżjonijiet tal-munita relatati mas-self ipotekarju għall-abitazzjoni. Il-forint reġa' ddgħajjef f’Jannar 2015 (għal 316.5 HUF/EUR), wara d-deċiżjoni mill-SNB li l-frank Żvizzeru jitħalla japprezza. Imbagħad huwa ssaħħaħ għal madwar 299 f’April wara aktar tħaffif monetarju fiż-żona tal-euro, sakemm l-MNB wieġeb bi tnaqqis fir-rata ta’ politika f’Ġunju 2015. Minn hemm ’il quddiem, il-forint kien ġeneralment stabbli fil-konfront tal-euro u nnegozja l-aktar fil-medda ta’ 310 sa 315. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-forint waqa' kontra l-euro bi kważi 1%.
L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fis-sena sa April 2016 kienet ta' 3,4 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 4,0 %. Ir-rata medja ta’ mgħax f’perjodi għal żmien twil ta’ kull xahar naqset minn madwar 6% kmieni fl-2014 għal kważi 3% sa kmieni fl-2015, minħabba titjib fil-fiduċja fis-suq fi sfond ta’ tfittxija globali għal rendiment. Ir-rati ta’ mgħax għal żmien twil żdiedu temporanjament għal kważi 3,9% f’nofs l-2015, flimkien ma’ rendiment taż-żona tal-euro u tal-Istati Uniti dejjem jiżdied, u mbagħad kienu fi fluttwazzjoni b’madwar 3,3% mill-ħarifa tal-2015. Id-differenza fil-firxa għal żmien twil fil-konfront tal-bonds ta' referenza Ġermaniżi kienet ta' madwar 290 punt bażi f'April 2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern irreġistra surplus kbir matul dawn l-aħħar snin, b’żieda minn madwar 6% tal-PDG fl-2014 għal madwar 9% tal-PDG fl-2015, li l-aktar tirrifletti assorbiment għoli tal-fondi tal-UE. L-assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti mogħtija lill-Ungerija mill-UE u mill-FMI fil-ħarifa tal-2008 tħallset lura bis-sħiħ sa April 2016. L-ekonomija Ungeriża hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Ungerija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Ungerija huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja tal-UE.
6.IL-POLONJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Polonja – b’mod partikolari l-Att dwar in-Narodowy Bank Polski (NBP) u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja - mhumiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tad-dazju skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, l-Att dwar il-BNP fih ukoll xi nuqqasijiet li jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-NBP fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Polonja matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' -0,5%, taħt il-valur referenzjarju ta' 0,7%. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP saret negattiva f’Awwissu 2014 u naqset sa minimu ta’ -1,3% fi Frar 2015, u rkuprat gradwalment fil-bidu tal-2016. Dawn l-iżviluppi kienu mmexxija l-aktar minn tnaqqis globali fil-prezzijiet taż-żejt u tal-ikel. F’April 2016, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar -0,5%.
L-inflazzjoni mistennija li tiżdied biss b'mod gradwali għal 0,0% fl-2016 u għal 1,6% fl-2017, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-ambjent ta' inflazzjoni globali baxxa u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodott bażiku għandom jibbilanċjaw impulsi pożittivi mill-aċċellerazzjoni mistennija fil-pagi. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Polonja (qrib il-55% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) jissuġġerixxi potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Il-Polonja mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali niżel minn 4,0% tal-PDG fl-2013 għal 3,3% fl-2014 l-aktar minħabba miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG tjieb għal 2,6% fl-2015, u skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa previst li jibqa' fil-livell ta' 2,6 % tal-PDG fl-2016 u jonqos għal 3,1% fl-2017, bis-suppożizzjoni ta' ebda bidla ta' politika. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa previst li jiżdied minn 51,3% fl-2015 għal 52,7% fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2016, hemm riskju għoli li l-Polonja ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, minħabba li hemm riskju għoli ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ fl-2016 kif ukoll, taħt politiki mhux mibdula, fl-2017. B'hekk jinħtieġu miżuri ulterjuri għal konformità fl-2016 u fl-2017. Il-Polonja hija l-uniku pajjiż tal-UE li ma għandux jew ma jippjanax li jistabbilixxi kunsill fiskali indipendenti.
Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Iż-zloty Pollakk mhuwiex qed jipparteċipa fl-ERM II. Il-Polonja topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Wara li stabilizza sew sa tmiem l-2014 f'madwar 4.1-4.3 PLN/EUR, iz-zloty apprezza ħafna sa April 2015 sa 4.0 PLN/EUR, appoġġat minn tkabbir ekonomiku dejjem jaċċellera, mit-tħaffif tal-BĊE u t-tmiem taċ-ċiklu ta' tħaffif monetarju fil-Polonja. Wara dan huwa reġġa' lura x-xejra, milqut minn inċertezzi politiċi domestiċi. Il-volatilità fir-rata tal-kambju fil-bidu tal-2016 kienet immexxija minn fatturi bħal deklassifikazzjoni tal-kreditu, riskji globali u kompressjoni ta’ primjums tar-riskju. Il-Polonja ilha mill-2009 tibbenefika minn arranġament ta' Linja ta’ Kreditu Flessibbli mal-FMI. Imqabbla ma' April 2014, ir-rata tal-kambju tal-izloty kontra l-euro kienet madwar 2,9% aktar dgħajfa f'April 2016.
Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fis-sena sa April 2016 kienet ta' 2,9 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 4,0 %. Din niżlet minn aktar minn 4% kmieni fl-2014 għal madwar 3% f'nofs l-2015. Imbagħad naqset għal 2,7 % matul l-2015 hekk kif il-fiduċja fis-suq tjiebet u żdiedet daqsxejn fil-bidu tal-2016. B'riżultat ta' dan, il-firxiet fir-rati tal-imgħax għal żmien twil fil-konfront tal-bond ta' referenza Ġermaniż kienu qegħdin madwar 280 punt ta' bażi kmieni fl-2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-bilanċ estern tal-Polonja tjieb b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, u ilu f'surplus mill-2013, immexxi minn bilanċ imsaħħaħ fil-kummerċ. L-ekonomija Pollakka hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Polonja hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Polonja huwa integrat sew fis-sistema finanzjarja tal-UE kif ikkonfermat mill-għadd sostanzjali ta’ banek b'sidien barranin.
7.IR-RUMANIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fir-Rumanija - b'mod partikolari l-Liġi Nru 312 dwar l-Istatut tal-Bank tar-Rumanija (il-Liġi tal-BNR) – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra minn hekk, il-Liġi tal-BNR fiha imprefezzjonijiet marbuta mal-indipendenza tal-bank ċentrali u mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro għar-rigward tal-objettivi tal-BNR u l-kompiti tas-SEBĊ kif stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tas-SEBĊ/BĊE.
Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Rumanija matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' -1,3%, sew taħt il-valur referenzjarju ta' 0,7%. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP qabdet it-triq tan-niżla matul l-aħħar sentejn, l-aktar permezz ta’ tnaqqis suċċessiv tal-VAT u livell baxx ta’ prezzijiet globali taż-żejt, minkejja li l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet kienu qed jikbru fost domanda domestika qawwija appoġġata minn stimolu fiskali u żidiet kbar fil-pagi. L-inflazzjoni varjat bejn 1% u 2% għall-biċċa l-kbira tal-2014, u daħlet f’territorju negattiv f’Ġunju 2015 (-0,9%) wara t-tnaqqis tar-rata tal-VAT għal xi prodotti tal-ikel minn 24% għal 9%. Din ir-rata ta’ inflazzjoni annwali tal-HICP ilha negattiva minn dak iż-żmien. Minn Jannar 2016, l-inflazzjoni tal-HICP naqset għal darb’ oħra permezz ta’ tnaqqis tar-rata standard tal-VAT b’4 punti perċentwali, u f’April 2016 kienet -2,6% .
It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi inflazzjoni annwali tal-HICP medja ta’ -0,6% fl-2016 u li terġa’ tiżdied għal 2,5% fl-2017, hekk kif jonqos l-impatt tranżitorju ta’ tnaqqis fir-rata tal-VAT għall-prodotti tal-ikel, minħabba li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tagħlaq u l-pressjonijiet domestiċi qed jiżdiedu. Riskji pożittivi huma relatati l-aktar ma’ akkumulu aktar qawwi milli kien mistenni ta’ pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet u aċċellerazzjoni taż-żieda fil-pagi. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Rumanija (madwar 52 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2014) huwa indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil.
Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. Ir-Rumanija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali niżel minn 2,1% tal-PDG fl-2013 għal 0,9% tal-PDG fl-2012 l-aktar minħabba trażżin fin-nefqa u ġbir tat-taxxa aħjar. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG kien ta' 0,7% fl-2015, u skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa previst li jkompli nieżel għal 2,8% tal-PDG fl-2016 u għal 3,4% fl-2017, bis-suppożizzjoni li ma jkun hemm ebda bidla ta' politika. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jiżdied minn 38,4% tal-PDG fl-2015 għal 40,1% tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2016, hemm riskju għoli li r-Rumanija ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, minħabba li hemm riskju għoli ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ fl-2016 kif ukoll, taħt politiki mhux mibdula tal-2017. B'hekk jinħtieġu miżuri ulterjuri għal konformità fl-2016 u fl-2017. Ir-Rumanija adottat sett komprensiv ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-qafas fiskali, iżda l-effett dixxiplinarju tagħhom huwa mnaqqas minħabba implimentazzjoni mhux effettiva.
Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-leu Rumen mhuwiex qed jipparteċipa fl-ERM II. Ir-Rumanija topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Ir-rata tal-kambju tal-leu kontra l-euro wriet fluttwazzjoni relattivament limitata bejn ir-rebbiegħa tal-2014 u kmieni fl-2016, appoġġata mill-programm ta’ assistenza tal-UE u l-FMI sal-aħħar tal-2015. Il-Leu fil-biċċa l-kbira nnegozja fil-medda ta’ 4.4-4.5 RON/EUR matul il-perjodu ta’ valutazzjoni. Dan iddgħajef kemxejn tard fl-2014, l-aktar minħabba ż-żieda fl-averżjoni tar-riskju globali, u ssoda moderatament fil-bidu tal-2015, appoġġat minn tħaffif monetarju addizzjonali fiż-żona tal-euro. Dan batta lejn l-aħħar tal-2015 minħabba l-inċertezzi politiċi domestiċi iżda rkupra fil-bidu tal-2016. Imqabbel ma' April 2014, ir-rata tal-kambju tal-leu kontra l-euro għalhekk baqgħet bażikament l-istess f'April 2016.
Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fuq terminu twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal tul fir-Rumanija fis-sena sa April 2016 kienet ta' 3,6 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 4,0 %. Ir-rati tal-imgħax għal żmien twil naqsu gradwalment minn aktar minn 5% fir-rebbiegħa tal-2014 għal anqas minn 4% fi tmiem l-2014 u kienu qed jiċċaqilqu temporanjament għal anqas minn 3% fi Frar 2015. Dawn reġgħu żdiedu f’nofs l-2015 u laħqu l-4% u varjaw madwar it-3,5% minn hemm’ il quddiem. Minħabba f'hekk, id-distakk tal-firxa tar-rata tal-imgħax għal żmien twil fil-konfront tal-bond ta' referenza Ġermaniż tbaxxa minn aktar minn 500 punt ta' bazi tard fl-2012 għal madwar 330 punt ta' bazi f'April 2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq. Il-bilanċ estern tar-Rumanija ilu b’surplus mill-2013, u dan jirrifletti, b’mod partikolari, defiċit iżgħar fil-kummerċ tal-merkanzija. Ir-Rumanija kienet benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja internazzjonali għall-programmi matul l-2009-2015. L-ewwel programm ta' sentejn ta' assistenza finanzjarja konġunt bejn l-UE u l-FMI fl-2009 kien ġie segwit minn żewġ programmi suċċessuri mogħtija fl-2011 u fl-2013. Għall-kuntrarju tal-ewwel programm, dawn ġew ittrattati bħala prekawzjonarji, u ma ntalab l-ebda finanzjament. L-ekonomija Rumena hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tar-Rumanija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tar-Rumanija huwa integrat sew fis-sistema finanzjarja tal-UE kif ikkonfermat mill-għadd sostanzjali ta’ banek barranin.
8.L-IŻVEZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fl-Iżvezja - partikolarment l-Att dwar is-Sveriges Riksbank, l-Istrument tal-Gvern u l-Liġi dwar il-Politika tar-Rata tal-Kambju - mhijiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. Inkompatibbiltajiet u imperfezzjonijiet jeżistu fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro.
L-Iżvezja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Iżvezja matul it-12-il xahar sa April 2016 kienet ta' 0,9%, fuq il-valur referenzjarju ta' 0,7%. Huwa previst li fix-xhur li ġejjin din tirritorna taħt il-valur referenzjarju.
Ir-rata tal-inflazzjoni medja fl-Iżvezja laħqet 0,7% fl-2015, minn 0,2% fl-2014, l-aktar minħabba d-deprezzament tal-krona, iż-żidiet fit-taxxi kif ukoll l-espansjoni tad-domanda domestika appoġġata minn politika monetarja akkomodanti. F’April 2016, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet madwar 1,0 %.
L-inflazzjoni tal-HICP hija mistennija li tiżdied b’mod moderat matul l-2016 minħabba t-tkabbir attwalment qawwi, filwaqt li l-prezzijiet baxxi taż-żejt u tal-prodott bażiku għandhom effett ta’ tnaqqis. Ma hija prevista l-ebda pressjoni 'l fuq minn xi element tal-HICP u l-iżviluppi rigward il-pagi huma previsti li jibqgħu moderati. Għaldaqstant, it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi inflazzjoni medja annwali ta’ 0,9 % fl-2016 u 1,2 % fl-2017. Il-livell tal-prezzijiet tal-konsumatur fl-Iżvezja mqabbel maż-żona tal-euro żdied b'mod gradwali mindu l-Iżvezja ngħaqdet mal-UE fl-1995, għal 124% fl-2014.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi. L-Iżvezja mhijiex soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-gvern ġenerali tjieb minn 1,6% tal-PDG fl-2014 għal 0,0% tal-PDG fl-2015, u dan jirrifletti prinċipalment żieda qawwija fid-dħul mit-taxxa, appoġġata minn konsum privat għoli u żidiet fit-taxxi. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa mistenni jilħaq 0,4% tal-PDG fl-2016 u 0,7% fl-2017. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern ġenerali laħaq il-43,4% tal-PDG fl-2015 u huwa previst li jonqos gradwalment fis-snin li ġejjin għal 41,3% tal-PDG fl-2016 u għal 40,1% tal-PDG fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016, l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma b’mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-Iżvezja għandha qafas fiskali nazzjonali qawwi, li huwa rifless ukoll fir-rekord estensiv tagħha tad-dixxipplina baġitarja.
L-Iżvezja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Il-krona Żvediża mhijiex qed tipparteċipa fl-ERM II. L-Iżvezja topera reġim ta' rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Bejn kmieni fl-2013 u l-bidu tal-2015, il-krona kienet fuq xejra ta’ deprezzament, u naqset b'mod ġenerali bi kważi 14% kontra l-euro fost tħaffif monetarju deċiżiv fl-Iżvezja. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-krona waqgħet kontra l-euro bi kważi 1,6% bi fluttwazzjoni fuq il-medja ta' 9,30 SEK/EUR.
L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fl-Iżvezja fis-sena sa April 2016 kienet ta' 0,8%, sew taħt il-valur referenzjarju ta' 4,0%. Ir-rati tal-imgħax għal żmien twil fl-Iżvezja komplew jonqsu fl-2014, u laħqu l-aktar livell baxx ta' 0,3% f’April 2015, qabel ma rkupra xi ftit sa kmieni fl-2016. Minn kmieni fl-2014 il-firxa fil-konfront tal-bond ta’ referenza Ġermaniż naqset, minħabba t-treġġigħ lura parzjali ta’ flussi ta’ rifuġju miż-żona tal-euro fl-eqqel tal-kriżi. Il-firxa kienet ta’ madwar 68 punt bażi fl-aħħar ta’ April 2016.
Ġew eżaminati wkoll fatturi addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Is-surplus fuq il-bilanċ estern tal-Iżvezja ilu relattivament stabbli b’madwar 6% mill-2010. L-ekonomija Żvediża hija integrata fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Iżvezja hija aħjar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Iżvezja hija integrata tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, speċjalment permezz ta' rabtiet fil-grupp finanzjarju Nordiku-Baltiku. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, l-Iżvezja kienet soġġetta għal rieżami profond fl-2016, li minnu rriżulta li l-Iżvezja għadha għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi.