IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.5.2016
COM(2016) 353 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
DWAR IL-ĠESTJONI TAL-FOND TA' GARANZIJA TAL-FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI FL-2015
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Kuntest operazzjonali
3.
Kontijiet finanzjarji
4.
L-immaniġġjar tal-FGFEIS fl-2015
5.
Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FGFEIS
1.Introduzzjoni
Il-bażi ġuridika għal dan ir-rapport hija r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ("Ir-Regolament FEIS"). Il-ftehim dwar l-immaniġġjar tal-FEIS u dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE ("il-Ftehim dwar il-FEIS") ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment ("il-BEI") fit-22 ta' Lulju 2015.
L-Artikolu 16(6) tar-Regolament FEIS jiddisponi li l-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Mejju kull sena, tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri rapport annwali dwar l-immaniġġjar tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS ("il-FGFEIS") fis-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FGFEIS u l-bżonn li jiġi rikostitwit. Dan ir-rapport annwali jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-fond tal-FGFEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-FGFEIS fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.
Ir-Regolament FEIS jipprevedi wkoll, fl-Artikolu 16(2), li l-BEI, f'kooperazzjoni mal-Fond Ewropew tal-Investiment (il-"FEI") fejn xieraq, għandu jippreżenta rapport annwali separat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tal-BEI li jkunu koperti mir-Regolament ("operazzjonijiet FEIS"), li għandhom isiru pubbliċi. Sa issa, il-BEI għadu ma adottax ir-rapport annwali għall-2015.
2.Kuntest operazzjonali
Il-Garanzija tal-UE tkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment iffirmati mill-BEI fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni u mill-FEI fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs. Parti minn dawn l-operazzjonijiet hija koperta mill-Garanzija tal-UE, filwaqt li parti oħra titwettaq b'riskju għall-Grupp tal-BEI.
Fl-2015, it-total ta' firem taħt il-FEIS ammonta għal EUR 3 biljun li kopra 19-il Stat Membru, li minnhom EUR 1.2 biljun kienu ffirmati mill-BEI (10 operazzjonijiet) u EUR 1.8 biljun kienu ffirmati mill-FEI (83 operazzjoni). Minn dawn il-firem, fi tmiem l-2015, EUR 1 553 miljun kienu koperti mill-garanzija tal-UE (EUR 1 155 miljun mill-BEI u EUR 398 miljun mill-FEI). L-iskopertura pendenti totali koperta mill-Garanzija tal-UE f'termini ta' żborżi kienet ta' madwar EUR 202 miljun.
Il-BEI u l-FEI huma responsabbli li jivvalutaw u jimmonitorjaw ir-riskju tal-operazzjonijiet individwali u f'Marzu 2016 huma rrapurtaw lura lill-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament FEIS. Abbażi ta' dan ir-rapportar, il-Kummissjoni se teżamina l-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FGFEIS.
Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament FEIS, ir-rapport annwali tal-BEI lill-Parlament Ewropew u lill Kunsill ikun fih informazzjoni speċifika dwar ir-riskju aggregat assoċjat mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment li jsiru skont il-FEIS kif ukoll dwar it-talbiet għal ħlas ta' garanzija.
Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FEIS, il-FGFEIS għandu jkun riżerva ta' likwidità li minnu jitħallas il-BEI fil-każ li ssir eżerċitazzjoni fuq il-garanzija tal-UE. B'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS bejn l-UE u l-BEI, l-eżerċitazzjonijiet jitħallsu mill-FGFEIS jekk l-ammont tagħhom ikun iktar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-kont tal-FEIS. Il-Kont tal-FEIS, immaniġġjat mill-BEI, ġie stabbilit għall-għan li jinġabru r-rikavati tal-UE li jirriżultaw minn operazzjonijiet iggarantiti mill-FEIS u ammonti rkuprati u sa fejn iwassal il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta' eżerċitazzjonijiet taħt il-garanzija tal-UE.
Il-FGFEIS jiġi fornut progressivament, b'kont meħud taż-żieda fl-iskopertura li ġġarrab il-Garanzija tal-UE.
Ir-riżorsi tal-FGFEIS huma mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u investiti b'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba skont regoli prudenzjali xierqa.
3.Kontijiet finanzjarji
Ma kienx hemm fondi fil-FGFEIS fil-31 ta' Diċembru 2015. Konsegwentement, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea ma jinkludux il-FGFEIS.
Riċevibbli ta' EUR 1 399 423, li tikkorrespondi għad-dħul nett tal-UE li jinbet mill-operazzjonijiet garantiti tal-FEIS tal-2015 ġie mniżżel fid-dikjarazzjonijiet finanzjari tal-2015 tal-UE u kkreditat lill-Kont tal-FEIS f'Jannar tal-2016.
L-iskopertura tal-garanzija tal-UE b'relazzjoni mal-operazzjonijiet żborżati tal-FEIS pendenti ammontat għal EUR 201 899 614 fil-31 ta' Diċembru 2015, mill-ammont massimu kumplessiv ta' EUR 16 000 000 000 iggarantit mill-UE (l-Artikolu 11 tar-Regolament FEIS). L-ammont ta' EUR 201 899 614 ġie mniżżel bħala obbligazzjoni kontinġenti fin-noti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2015 tal-UE.
Tranżazzjonijiet sinifikanti
Fl-2015 ġiet impenjata approprjazzjoni tal-baġit ta' EUR 1,35 biljun marbuta mal-proviżjonament tal-FGFEIS fl-2016 u l-2017.
Din hija divulgata taħt il-kapitolu "Impenji baġitarji pendenti li għadhom mhux minfuqa" tan-noti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-2015.
4.L-immaniġġjar tal-FGFEIS fl-2015
Fl-21 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016)165 li tapprova l-linji gwida tal-ġestjoni tal-assi tal-Fond ta’ Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.
Fl-2015 qatt ma kien hemm fondi fil-FGFEIS. L-ewwel rapport dwar il-ġestjoni, il-prestazzjoni u r-riskju finanzjarji tal-assi tal-FGFEIS għaldaqstant se jiġu ppreżentati fl-2017 għas-sena 2016.
5.Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FGFEIS
Sa tmiem l-2015, għaxar attivitajiet b’kopertura ta’ garanzija tal-FEIS ġew iffirmati mill-BEI għal ammont totali ta’ EUR 1 155 miljun, li minnhom EUR 202 miljun ġew żborżati. Jekk ikun hemm xi telf dovut għal dawn l-operazzjonijiet, dan jiġi kopert mill-Garanzija tal-UE skont it-termini stabbiliti fil-Ftehim dwar il-FEIS. B'mod partikolari, il-Garanzija tal-UE fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni tingħata fil-forma ta' kopertura ta' parti mill-ewwel telf tal-portafoll għal operazzjonijiet tad-dejn tal-BEI u fil-forma ta' garanzija sħiħa għal operazzjonijiet ta' ekwità jew tat-tip tal-ekwità fejn il-BEI jinvesti b'riskju tiegħu fuq bażi ta' pari passu tal-istess ammont ta' riżorsi.
L-operazzjonijiet tal-FEI iffirmati fl-2015 taħt il-kopertura tal-garanzija tal-FEIS jammontaw għal madwar EUR 398 miljun; jekk ikun hemm xi telf minħabba dawn l-operazzjonijiet, dan ikun kopert primarjament mill-kontribuzzjonijiet tal-Faċilità ta' Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs u l-Faċilità ta' Garanziji għal Self COSME.
Skont ir-regolamenti tal-FEIS, l-ammont fil-mira tal-FGFEIS huwa stabbilit għal 50 % tal-obbligi ta' garanzija totali tal-UE, li bħalissa qegħdin EUR 16-il biljun. Minħabba l-livell relattivament limitat ta’ firem u żborżamenti sal-aħħar tal-2015, ma hemmx elementi suffiċjenti li jippermettu valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira bbażat fuq operazzjonijiet proprji. L-ewwel rapport dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont fil-mira u l-livell tal-FGFEIS għaldaqstant se jiġi ppreżentat sal-31 ta' Mejju 2017 għas-sena 2016.
Bħalissa, fil-baġit tal-UE hemm previst li madwar EUR 500 miljun se jitħallsu fil-FGFEIS matul l-2016.
Minħabba li d-daqs tal-portafoll tal-operazzjonijiet tal-FEIS huwa mistenni li jiżdied konsiderevolment biż-żmien, u wkoll minħabba limitazzjonijiet baġitarji matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-FEIS, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjonijiet iktar dettaljati iktar 'il quddiem.