IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.5.2016
COM(2016) 267 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2016)
kif meħtieġ skont l-Arikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu
{SWD(2016) 159 final}
I.IL-KUNTEST
It-traffikar tal-bnedmin huwa x-xiri, il-bejgħ u l-isfruttar ta’ adulti u tfal. Dan huwa fenomenu li għandu effett ħażin fuq l-individwi, is-soċjetà u l-ekonomija. It-traffikanti jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tan-nies, li jistgħu jkunu aggravati minn fatturi bħalma huma l-faqar, id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza fuq in-nisa, in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, kunflitt etniku, u diżastri naturali.
It-traffikar tal-bnedmin huwa reat xprunat mid-domanda u l-profitt. Il-profitti, fl-ekonomiji legali u illegali, jirriżultaw f'relazzjoni kumplessa bejn il-provvista u d-domanda li jridu jiġu indirizzati sabiex ir-reat jiġi eradikat.
It-traffikar tal-bnedmin hija vjolazzjoni serja tad-drittijiet fundamentali, u huwa espliċitament projbit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll elenkat bħala reat fl-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Reati elenkati fl-Artikolu 83 huma magħrufin bħala “reati Ewropej”. Dawn huma reati partikolarment serji b’dimensjoni transfruntiera.
Kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija għalhekk essenzjali, kif rifless fid-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (“id-Direttiva kontra t-traffikar”). L-Artikolu 20 tad-Direttiva jipprevedi li, sabiex isir kontribut għal strateġija koordinata u konsolidata tal-Unjoni kontra t-traffikar, “l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Koordinatur ta’ Kontra t-Traffikar (ATC) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, li fuq il-bażi tagħha l-ATC għandu jikkontribwixxi għal rapportar imwettaq mill-Kummissjoni kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin”.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ħatret Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, li jkun responsabbli għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-konsistenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u atturi internazzjonali, u għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u t-titjib tal-politiki eżistenti tal-UE biex jiġi ttrattat it-traffikar tal-bnedmin.
Dan huwa l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin mill-adozzjoni tad-direttiva kontra t-traffikar. Skont il-Premessa 27 u l-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva, ir-rapport huwa maqsum fi tliet taqsimiet ewlenin: ix-xejriet tat-traffikar tal-bnedmin, riżultati speċifiċi ta’ azzjonijiet kontra t-traffikar, u statistika pprovduta mill-Istati Membri. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jagħti informazzjoni fattwali dettaljata u komprensiva li tikkumplimenta l-informazzjoni inkluża f’dan ir-rapport. Barra minn hekk, ir-rapport jeżamina l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni u kwalunkwe partijiet interessati rilevanti oħrajn permezz tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016 (“l-Istrateġija tal-UE”). Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport huma użati sabiex tiġi enfasizzata l-orjentazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni u se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ strateġija għal wara l-2016 dwar it-traffikar tal-bnedmin, li għandha tiġi ppubblikata fl-2016.
Barra minn hekk, ir-rapport jeżamina l-politiki ewlenin tal-UE li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, inklużi fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti 2015-2020; il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019;
il-qafas il-ġdid dwar l-attivitajiet tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE għall-2016-2020 u l-impenn strateġiku tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2019.
Dan ir-rapport jiffoka fuq kwistjonijiet li jenfasizzaw l-approċċ komprensiv tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u l-Istrateġija tal-UE. B’mod partikolari, jeżamina l-progress miksub fl-implimentazzjoni “tat-tliet Ps”, il-prosekuzzjoni (b’enfasi fuq l-investigazzjonijiet finanzjarji), il-protezzjoni (b’enfasi fuq it-twaqqif ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment) u l-prevenzjoni (b’enfasi fuq l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu r-reat kif ipprovdut mill-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar).
Ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni minn tliet sorsi prinċipali: informazzjoni miġbura mir-Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti (“NREMs”) u ppreżentata lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar mill-Istati Membri skont l-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar; kontribuzzjonijiet ippreżentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li pparteċipaw fil-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Pjattaforma elettronika tal-UE għas-Soċjetà Ċivili; kif ukoll informazzjoni mill-aġenziji rilevanti tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali.
L-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri prinċipalment tkopri l-perjodu 2011-2013. Madankollu, ir-rapport fih ukoll informazzjoni aktar aġġornata, inkluża data statistika għas-snin 2013–2014.
II.XEJRIET U SFIDI FL-INDIRIZZAR TAT-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN FL-UE
Il-valutazzjoni tal-iskala preċiża tar-reat kumpless tat-traffikar tal-bnedmin fil-livell tal-UE hija diffiċli minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ attivitajiet kriminali oħra u d-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni, permezz tal-Eurostat, ilha tiġbor l-istatistika rilevanti. L-aħħar rapport tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin
ġie ppubblikati fl-2015 u jkopri l-perjodu 2010-2012.
Ix-xejriet fid-data statistika għall-perjodu 2013-2014, mogħtija mill-Istati Membri għal dan ir-rapport huma konsistenti max-xejriet fil-perjodu preċedenti. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li din id-data tirreferi għal “vittmi rreġistrati" (kemm identifikati kif ukoll preżunti). Madankollu, minħabba l-kumplessità tal-fenomenu, hemm raġunijiet sodi biex wieħed jistenna li ċ-ċifri reali ta’ vittmi ta’ traffikar fl-UE huma sostanzjalment ogħla.
B’kollox ġew irreġistrati 15 846 "vittma rreġistrata" (kemm identifikati kif ukoll preżunti) tat-traffikar fl-UE.
It-traffikar għal skop ta’ sfruttament sesswali għadu l-aktar forma mifruxa (67 % tal-vittmi rreġistrati), segwit minn sfruttament tax-xogħol (21 % tal-vittmi rreġistrati). It-12 % l-oħra kienu rreġistrati bħala vittmi tat-traffikar għal forom oħra ta’ sfruttament.
Iktar minn tliet kwarti tal-vittmi rreġistrati kienu nisa (76 %).
Mill-inqas 15 % tal-vittmi rreġistrati kienu tfal.
Ħamsa u sittin fil-mija (65 %) tal-vittmi rreġistrati kienu ċittadini tal-UE.
L-aktar ħames pajjiżi ta' ċittadinanza tal-UE għal vittmi rreġistrati fl-2013-2014 kienu r-Rumanija, il-Bulgarija, l-Pajjiżi l-Baxxi, l-Ungerija u l-Polonja. Dawn huma l-istess pajjiżi bħas-snin 2010-2012.
L-aktar ħames pajjiżi ta’ ċittadinanza li mhumiex fl-UE kienu n-Niġerja, iċ-Ċina, l-Albanija, il-Vjetnam u l-Marokk.
Mas-6 324 persuna kellhom kuntatt formali mal-pulizija jew mas-sistema tal-ġustizzja kriminali b’rabta ma’ reati ta’ traffikar tal-bnedmin.
B’kollox, 4 079 prosekuzzjoni u 3 129 kundanna għat-traffikar tal-bnedmin ġew irrappurtati fl-UE.
Analiżi aktar dettaljata tad-data statistika hija disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
Imqabbla fuq bażi annwali, in-numru totali tal-vittmi rreġistrati fil-bażi ta’ data għall-2013-2014 huwa anqas minn dak irreġistrat fuq dokument ta’ ħidma tal-Eurostat għall-2010-2012 (8 034 fl-2013 u 7 812 fl-2014; meta mqabbla ma’ 9 710 fl-2010, 9 438 fl-2011 u 10 998 fl-2012). Għalkemm il-metodi użati għall-ġbir tad-data għaż-żewġ perjodi kienu simili, ma jkunx xieraq f’dan l-istadju li wieħed iqabbel id-data, kemm bejn iż-żewġ eżerċizzji kif ukoll bejn snin individwali, minħabba d-differenzi possibbli ta’ metodi ta’ reġistrazzjoni u d-definizzjonijiet legali. Għal din ir-raġuni, id-diskrepanza fit-totali annwali, u b’mod partikolari r-raġunijiet għalfejn inqas vittmi ta’ traffikar ġew irreġistrati, huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati u analizzati aktar. Barra minn hekk, il-konsistenza tal-vittmi f’termini ta’ pajjiżi tal-oriġini, il-pajjiżi tad-destinazzjoni, forma ta’ sfruttament u profil tal-età u s-sess tal-vittmi matul il-perjodu ta’ ħames snin (2010-2014) juri li, minkejja l-isforzi li saru, is-sitwazzjoni ma nbidlitx.
Abbażi ta’ din l-evidenza, huwa importanti li l-Istati Membri jkomplu l-isforzi biex jitjieb il-ġbir ta’ data (l-informazzjoni mqassma skont l-età u skont il-ġeneru) dwar it-traffikar tal-bnedmin għall-monitoraġġ tal-fenomenu. Il-ġbir tad-data huwa ugwalment importanti biex jitkejjel l-impatt ta’ miżuri biex jiġi indirizzat it-traffikar. Il-konsistenza tax-xejriet statistiċi matul iż-żewġ perjodi tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestigaw ir-reat, iħarrku lill-awturi u jidentifikaw vittmi potenzjali. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu dan. Dan se jinvolvi l-ħruġ ta’ gwida aħjar u ġbir ta’ data dwar indikaturi addizzjonali biex jitjiebu l-kredibbiltà u l-komparabbiltà tad-data.
Xejriet fil-forom ta' sfruttament
It-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu soċjali li jieħu ħafna forom. Jiżviluppa maż-żmien, ta’ spiss skont id-domanda u l-kreattività tat-traffikanti. Il-lista ta’ forom differenti ta’ sfruttament fid-Direttiva kontra t-traffikar mhijiex eżawrjenti b’tali mod li forom ġodda ta’ sfruttament jistgħu jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ traffikar tal-bnedmin.
L-Istati Membri u l-atturi l-oħra għandhom jallokaw sforzi u riżorsi kontra t-traffikar b’mod proporzjonali biex jindirizzaw effettivament kull forma ta’ traffikar tal-bnedmin, inklużi forom emerġenti, u jiżguraw li jiġu mmonitorjati x-xejriet tat-traffikar.
It-traffikar għall-iskop ta’ sfruttament sesswali
It-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta’ sfruttament sesswali huwa bil-wisq l-iżjed tip mifrux ta’ traffikar fl-UE. Skont id-data statistika għall-2013-2014, kien hemm 10 044 vittma reġistrati (67 % tat-total tal-vittmi rreġistrati) ta’ dan it-tip ta’ sfruttament, li primarjament teffettwa lin-nisa u lit-tfajliet (95 % tal-vittmi rreġistrati), għalkemm xi Stati Membri rrappurtaw żieda fin-numru tal-vittmi rġiel. Il-maġġoranza tal-vittmi jinstabu fl-industrija tas-sess. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li t-traffikanti qed jersqu dejjem aktar minn forom viżibbli għal forom inqas viżibbli ta’ traffikar għal sfruttament sesswali u li qed jabbużaw mill-istatus ta' “ħaddiema għal rashom”.
Skont il-Europol, "f’pajjiżi fejn il-prostituzzjoni hija legali u regolata, huwa possibbli li xogħol relatat mas-sess jiġi affettwat mit-talba għal xogħol irħis" f’dawn il-pajjiżi u “huwa ħafna aktar faċli għat-traffikanti li jixtiequ jużaw ambjent legali sabiex jisfruttaw il-vittmi tagħhom”. Qed jinbidlu wkoll ix-xejriet, b’bidla minn forom ta’ prostituzzjoni viżibbli għal inqas viżibbli.
Id-data miġbura għal dan ir-rapport tissuġġerixxi li, minkejja l-isforzi li saru sa issa, it-traffikar għall-isfruttament sesswali ma ġiex indirizzat b’mod effikaċi u ma naqasx. L-Istati Membri għandhom ikomplu u jintensifikaw l-isforzi biex jiġi miġġieled it-traffikar għall-isfruttament sesswali.
It-traffikar għall-iskop ta’ sfruttament ta' ħaddiema
Diversi Stati Membri rrapportaw li t-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet tal-isfruttament tax-xogħol qed jiżdied (21 % tat-total tal-vittmi rreġistrati). L-Istati Membri qed jirrappurtaw ukoll żieda fin-numru ta’ vittmi rġiel ta’ dan it-tip ta’ traffikar, pereżempju fis-settur agrikolu. Dejta statistika għall-2013-2014 turi li 74 % tal-vittmi rreġistrati tal-isfruttament tax-xogħol kienu rġiel.
It-traffikanti jisfruttaw lakuni fl-infurzar u l-kontroll ta’ leġiżlazzjoni dwar permessi tax-xogħol, viżi, id-drittijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol bl-ebda mod ma huwa fenomenu ġdid fl-UE u, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika, id-domanda għal xogħol irħis żdiedet, b’persuni traffikati lejn u fl-UE biex iwettqu xogħol bi ħlas baxx jew bla ħlas, li jgħixu u jaħdmu f’kundizzjonijiet li ma jirrispettawx id-dinjità tal-bniedem tagħhom.
Is-servitù domestika hija forma ta’ traffikar għall-isfruttament tax-xogħol li hija partikolarment diffiċli li tinkixef. Hija taffettwa primarjament lin-nisa u l-bniet. Billi din isseħħ fi djar privati, il-vittmi ta’ spiss huma iżolati, bi ftit jew l-ebda opportunità biex jirrapportaw jew jaħarbu l-isfruttament.
Filwaqt li huwa importanti li jiġi enfasizzat li mhux kull sitwazzjonijiet ta’ sfruttament fis-suq tax-xogħol tal-UE huma riżultat ta’ traffikar tal-bnedmin, xi wħud jistgħu jkunu. F’dawn il-każijiet, il-vittmi kollha tat-traffikar għall-isfruttament fuq ix-xogħol, għandhom jiġu identifikati sew u megħjuna.
It-traffikar għal forom oħra ta’ sfruttament
Skont id-data statistika għall-2013-2014, forom oħra ta’ sfruttament jirrappreżentaw 12 % tan-numru totali tal-vittmi.
Forom oħra ta’ sfruttament irrappurtati mill-Istati Membri jinkludu t-traffikar għall-iskop ta’ t-talb furzat, attività kriminali, iż-żwiġijiet furzati, żwiġijiet foloz, jew it-tneħħija tal-organi, it-traffikar ta’ trabi u tfal żgħar għal adozzjoni, it-traffikar ta’ nisa tqal għal bejgħ tat-trabi tat-twelid tagħhom, it-traffikar għall-produzzjoni tal-kannabis u t-traffikar tad-droga, il-kuntrabandu jew il-bejgħ tad-drogi.
L-Istati Membri qed jirrappurtaw ukoll każijiet li fihom persuni jaqgħu vittmi ta’ diversi forom ta’ sfruttament, pereżempju fejn huma traffikati għal skop ta’ sfruttament kemm sesswali kif ukoll fil-qasam tax-xogħol, jew traffikati għal sfruttament tax-xogħol furzat u mġiegħla li jipparteċipaw f'attività kriminali.
Rapporti mill-Istati Membri jissuġġerixxu li l-isfruttament ta’ persuni b’diżabbiltajiet fiżiċi, mentali u ta’ żvilupp qed jiżdied. Żieda ġiet irrappurtata wkoll fit-traffikar ta’ persuni bi sfond etniku Rom, biex jiġu sfurzati jittallbu. Vittmi tat-traffikar qed jintużaw ukoll bħala kurrier tad-droga, sfruttati fil-kultivazzjoni tal-kannabis, jew użati biex jitwettqu frodi fil-benefiċċji. L-Istati Membri jirrapportaw ukoll li n-nisa tqal qed jiġu reklutati u sfurzati jbigħu t-trabi tat-twelid tagħhom.
Żwiġijiet sfurzati u żwiġijiet foloz huma dejjem aktar rappurtati fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin mill-Istati Membri. Il-Europol tindika li huwa possibbli li wieħed jistenna li l-krizi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati kurrenti se jirriżultaw f’iktar żwiġijiet sfurzati minħabba ż-żieda tat-tentattivi mill-migranti u dawk li jfittxu l-ażil biex jiksbu residenza leġittima.
Xejriet fit-traffikar tat-tfal
It-traffikar tat-tfal huwa rrappurtat mill-Istati Membri bħala waħda mix-xejriet li qed tiżdied b’mod sinifikanti fil-pajjiżi tal-UE. Id-data statistika għall-2013-2014 turi li mill-15 846 tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar fl-UE, mill-inqas 2 375 kienu tfal.
In-netwerks tat-traffikar jolqtu lil familji żvantaġġati soċjalment u ekonomikament u jmexxu familji f’dejn li ma jistgħux iħallsu lura. F’dan il-kuntest, it-tfal jittieħdu mill-ġenituri bħala forma ta’ ħlas lura tad-dejn.
It-tfal huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli li jintlaqtu mit-traffikati. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata jagħżlu li jittraffikaw it-tfal peress li huma faċli biex jirreklutaw u jiġu sostitwiti malajr. Għalkemm it-traffikar tat-tfal huwa prevalenti f’sitwazzjonijiet mhux relatati mal-migrazzjoni, l-informazzjoni li waslet tindika li l-fenomenu ħrax minħabba l-kriżi kontinwa tal-migrazzjoni, waqt li l-għadd ta’ tfal li jaslu fl-UE żdied b’mod esponenzjali. Proporzjon sinifikanti ta’ dawk it-tfal mhumiex akkumpanjati, jivvjaġġaw lejn u fl-UE mingħajr adult responsabbli, jew jitħallew mhux akkumpanjati wara li jidħlu fl-UE.
L-identifikazzjoni ta’ tfal li huma vittmi tat-traffikar u l-istabbiliment tal-identità vera tagħhom hija problema li qed tikber, peress li l-vulnerabbiltà tagħhom tagħmilhom il-mira preferuta ta’ traffikanti.
It-traffikar tat-tfal għal kriminalità u sfruttament sesswali sfurzat qed jiżdied. Il-vittmi tfal jinsabu f’riskju għoli mhux biss li jiġu traffikati mill-ġdid iżda wkoll jgħaddu minn vittimizzazzjoni sekondarja — jiġu ttrattati bħala awturi ta’ reat aktar milli bħala vittmi tat-traffikar.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsiru sforzi komuni u koordinati għall-prevenzjoni u l-indirizzar tat-traffikar tat-tfal, it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà ta’ tfal li jinsabu f’riskju, il-provvediment ta' appoġġ adegwat għall-vittmi tfal, u l-iżgurar li jkun dimensjoni tal-protezzjoni tat-tfal tiġi integrata f’kull miżuri mmirati lejn it-tfal, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ ta' sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal u l-kooperazzjoni transfruntiera.
It-tendenzi fit-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata
It-traffikar tal-bnedmin huwa normalment marbut mal-kriminalità organizzata, għalkemm hemm xi każijiet fejn għadd żgħir ta’ vittmi huma sfruttati lokalment u fejn kriminali individwali jaġixxu b'organizzazzjoni limitata. L-organizzazzjonijiet kriminali involuti fit-traffikar huma karatterizzati minn netwerks individwali u flessibbli li jadattaw malajr u huma marbuta permezz ta’ rabta ta’ parantela jew etniċità. Ir-rwoli ta’ spiss huma interkambjabbli bejn il-membri u l-organizzazzjonijiet normalment għandhom preżenza f’għadd ta’ pajjiżi.
Bħala forma serja ta’ kriminalità organizzata u ta’ theddida sinifikanti għas-sigurtà, it-traffikar tal-bnedmin teħtieġ rispons ta’ politika koordinata u mmirata fil-livell tal-UE, kif iddikjarat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. It-tweġiba għandha tinvolvi wkoll l-indirizzar ta’ reati oħra relatati ma’ xulxin, bħall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, it-traffikar tad-drogi, iċ-ċiberkriminalità u l-pedopornografija, it-traffikar tal-migranti u l-frodi tal-benefiċċji. Il-preżenza ta’ dawn ir-reati relatati spiss ifisser li t-traffikar tal-bnedmin ma jiġix investigat jew irreġistrat bħala tali. Il-forom ta’ traffikar tal-bnedmin u l-kapaċità ta’ traffikanti li jevolvu kontinwament biex jaddattaw għal sitwazzjonijiet ġodda jagħmlu r-reat saħansitra aktar diffiċli biex jiġi investigat u jitħarrku n-nies dwaru.
Ix-xejriet tat-traffikar fil-kuntest tal-immigrazzjoni u l-ażil
Skont il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-istat attwali tal-Implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet ta’ Prijorità bl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
, hemm evidenza qawwija li l-kriżi tal-migrazzjoni ġiet sfruttata minn netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin biex jiġu mmirati dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal. It-traffikanti jabbużaw dejjem aktar mis-sistemi tal-ażil, li mhux dejjem ikunu marbuta ma’ mekkaniżmi ta’ referenza nazzjonali. Żieda qawwija inkwetanti f'nisa u bniet Niġerjani li qed jitilqu mil-Libja ġiet identifikata (4 371 fil-perjodu bejn Jannar u Settembru 2015 meta mqabbel ma' 1 008 fis-sena preċedenti, li 80 % minnhom huma meqjusa mill-IOM Italja li huma vittmi ta' traffikar), u hemm tħassib ġenerali dwar riskju li qed jikber ta' traffikar għall-isfruttament sesswali.
Bħala waħda mill-għodod biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni matul l-2015, l-UE saħħet b’mod sostanzjali l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u t-traffikar ta’ bnedmin hija waħda mill-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni mal-Afrika, il-pajjiżi Balkani tal-Punent u t-Turkija.
Għandha tiġi żgurata l-koordinazzjoni fuq l-art fil-qafas ta’ approċċ “hotspots” bejn l-atturi differenti kollha involuti fil-proċedura ta’ skrinjar, identifikazzjoni, teħid tal-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u f’faċilitajiet ta’ akkoljenza fl-ewwel linja oħra sabiex jidentifikaw malajr u jirreferu lill-vittmi tat-traffikar u jipprovdu livelli xierqa ta’ attenzjoni u protezzjoni. Dan għandu jinkludi l-provvediment ta’ persunal fuq quddiem nett b’taħriġ xieraq.
Xejriet fl-użu tal-internet u teknoloġiji ġodda
L-internet u t-teknoloġiji l-ġodda jippermettu li gruppi tal-kriminalità organizzata li jaċċessaw numru kbir ta’ vittmi potenzjali, jaħbu l-attivitajiet tagħhom u jwettqu firxa wiesgħa ta’ atti kriminali f’perjodu iqsar ta’ żmien u fuq skala ħafna akbar minn qatt qabel. L-Istati Membri rrapportaw li ħafna vittmi tat-traffikar, speċjalment għal sfruttament sesswali u ta’ xogħol, jiġu reklutati onlajn.
Jeħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jipprevjenu u jindirizzaw l-użu tat-teknoloġiji ġodda bħala strument ta’ reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.
III.IR-RIŻULTATI TA’ AZZJONIJIET BIEX JIĠI INDIRIZZAT IT-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN
Ħafna mill-Istati Membri enfasizzaw id-diffikultà li tkejjel ir-riżultati u l-impatt tal-azzjonijiet ta’ kontra t-traffikar. Madankollu, huma biss ftit li żviluppaw indikaturi relevanti, u evalwaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom.
Sabiex jiġu żgurati politiki u azzjonijiet, li jħarsu 'l quddiem, il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjonijiet sistematiċi tal-istrateġiji tal-Istati Membri u l-pjanijiet ta’ azzjoni u l-kejl tar-riżultati u l-impatt tal-azzjoni meħuda huma importanti ħafna.
Din it-taqsima tar-rapport tenfasizza l-azzjonijiet ewlenin li ttieħdu mill-Istati Membri fi tliet oqsma tematiċi ewlenin stabbiliti f’din id-Direttiva u l-istrateġija tal-UE kontra t-traffikar. Dawn l-oqsma huma diskussi f’aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jinkludi wkoll eżempji mill-Istati Membri, u l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-oqsma rispettivi.
IV.Il-Liġi kriminali, investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet
Żieda fl-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ dan il-qafas politiku u legali tal-UE.
Il-livell ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni għadu baxx b’mod inkwetanti, speċjalment meta mqabbel man-numru ta’ vittmi identifikati. Għalkemm l-investigazzjonijiet f’dan il-qasam jeħtieġu ġabra sostanzjali ta’ evidenza sabiex issir kundanna, l-informazzjoni miġbura għal dan ir-rapport tindika li l-Istati Membri ma jużawx l-għodod investigattivi biżżejjed. L-investigazzjonijiet finanzjarji huma fil-biċċa l-kbira mmexxija fuq bażi ta’ każ b’każ u mhux b’mod sistematiku u ta’ spiss huma limitati għal investigazzjonijiet ta’ rkupru ta’ assi. Dan imur kontra l-istandards u rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF) tal-Kunsill.
Huwa rrappurtat ukoll li jitpoġġa piż eċċessiv fuq il-vittmi kemm qabel kif ukoll matul il-proċedimenti kriminali. Xi informazzjoni li tissuġġerixxi li l-vittmi spiss jiġu rifjutati assistenza f'għases tal-pulizija jew identifikat ħażin bħala delinkwenti, u sussegwentement jiġu pproċessati u misjuba ħatja.
Skont l-informazzjoni li waslet, hemm evidenza ta’ sforzi biex jiġu organizzati investigazzjonijiet konġunti u jistabbilixxu timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, u l-esperjenzi pożittivi miksuba minn dawn, flimkien ma’ żieda f’kooperazzjoni madwar l-UE kollha f’dan il-qasam.
L-informazzjoni tenfasizza wkoll problemi prattiċi li jagħmlu s-sekwestri u konfiski f’każijiet li jinvolvu t-traffikar tal-bnedmin, inklużi problemi minħabba l-iskoperta ta’ qligħ mill-kriminalità u kooperazzjoni internazzjonali ineffiċjenti meta l-flus ikunu mibgħuta lejn pajjiż barra mill-UE. Huwa rrapurtat li l-investigazzjonijiet finanzjarji wasslu għal aktar sekwestri u għalhekk aktar konfiski.
It-traffikanti ta’ spiss jabbużaw minn strutturi kummerċjali leġittimi biex jaħbu l-attivitajiet illeċiti tagħhom. Id-Direttiva kontra t-traffikar toħloq obbligi legali fuq in-negozji, speċifikament ir-responsabbiltà u s-sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi għal reati ta' traffikar tal-bnedmin (l-Artikolu 5). Għalkemm attività ta’ negozju tista’ kemm tipperpetwa t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll tikkontribwixxi biex jinqered, il-parti l-kbira tal-kumpaniji mhumiex konxji tar-rabtiet, u ftit Stati Membri biss ħarrku l-persuni legali kif meħtieġ skont l-Artikolu 5.
L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni turi b’mod ċar li huwa importanti li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi biex jiżdied in-numru ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, u sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-vittmi u x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti għal ġbir ta’ evidenza. Jistgħu jagħmlu dan billi jiżviluppaw taħriġ regolari u mfassal apposta għal investigaturi, prosekuturi u imħallfin u billi jużaw b’mod sistematiku l-investigazzjonijiet finanzjarji (kif rakkomandat mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja) u għodod investigattivi effettivi oħra mmexxija mill-intelligence, li jistgħu jipprovdu diversità ta’ evidenza biex jintużaw minbarra x-xhieda tal-vittmi. Għandhom ukoll jiddedikaw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jindirizzaw kif xieraq dan ir-reat.
V.L-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza
Approċċ iffukat fuq il-vittma hija fil-qalba tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-UE kontra t-traffikar. Dan ifisser it-twaqqif ta' mekkaniżmi xierqa għall-identifikazzjoni bikrija ta’ vittmi u l-għoti ta’ assistenza u appoġġ, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti.
Il-provvediment ta' aċċess mingħajr kundizzjonijiet għal assistenza, appoġġ u protezzjoni lill-vittmi jibqgħu sfida għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. It-traffikar jibqa' “reat inviżibbli”, minħabba li l-għadd ta’ vittmi identifikati għadu baxx. Bosta vittmi ta’ traffikar mhumiex identifikati, u għalhekk ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Ġie espress tħassib dwar it-trattament tal-vittmi waqt proċedimenti kriminali, fejn huma suġġetti għal intimidazzjoni u vittimizzazzjoni sekondarja.
Assistenza u appoġġ speċifiċi għas-sess u l-età għadhom inadegwati, u hemm nuqqas ta’ servizzi għal vittmi rġiel tat-traffikar. Postijiet ta’ kenn u akkomodazzjoni mhux dejjem ikunu attrezzati biex jaqdu l-bżonnijiet tal-vittmi, u ħafna tfal u adulti jisparixxu minn xelters li ma jipprovdux kura adegwata.
Filwaqt li l-Istati Membri jirrapportaw dwar miżuri sensittivi għat-tfal, ir-rata ta' riferiment tat-tfal għadha baxxa, u proċeduri biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema huma inadegwati. Għadhom jippersistu l-problemi mal-ħatra tal-kustodja għall-vittmi tfal, u l-firxa wiesgħa ta’ prassi diversi madwar l-UE żżid saff addizzjonali ta’ kumplessità, partikolarment f’sitwazzjoni transfruntiera.
Miżura speċifika previsti fl-istrateġija tal-UE u kkonfermata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew jaġġornaw Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment sabiex jikkoordinaw l-atturi involuti fl-identifikazzjoni, assistenza, protezzjoni u integrazzjoni mill-ġdid. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, madwar nofs l-Istati Membri fformalizzaw il-Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment tagħhom. Filwaqt li l-Istrateġija tal-UE ssejjaħ għal approċċ ibbażat fuq l-integrazzjoni tas-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal, l-involviment ta’ servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal f’mekkaniżmi ta’ riferiment jibqa’ limitat. L-Istati Membri rrappurtaw li l-forniment ta’ servizzi lill-vittmi tjieb fil-kwalità minn mindu ġew introdotti mekkaniżmi ta’ kwalità. Madankollu, għadu diffiċli li jitkejjel l-impatt ġenerali tagħhom.
Kooperazzjoni transnazzjonali, inklużi mekkaniżmi ta’ riferiment transnazzjonali, huwa wkoll essenzjali għal vittmi li huma ttraffikati barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. F’dan ir-rigward, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandha rwol ewlieni fl-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar vittmi tat-traffikar u dawk li jisfruttawhom, peress li din hija l-akbar bażi ta' data għar-reġistrazzjoni ta’ persuni nieqsa fl-Ewropa kollha. Il-Sistema futura ta’ Dħul Ħruġ se tgħin fid-detezzjoni u l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar billi taħżen data dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ persuni, kemm dawk eżentati mill-viża kif ukoll detenturi tal-viża.
Il-vittmi kollha għandhom jiġu trattati b’mod ugwali, u l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-istess sforz sabiex jidentifikaw, jipproteġu u jassistu vittmi ta’ kull forma ta’ sfruttament. Il-vittmi għandhom ikunu fil-qalba tal-politika kontra t-traffikar. L-ebda forma ta’ sfruttament ma għandu jiġu injorati, u l-ħtiġijiet tal-vittmi għandhom jiġu kkunsidrati wara valutazzjoni individwali.
Il-vittmi għandhom jiġu kkunsidrati primarjament bħala detenturi ta’ drittijiet, u għandhom ikunu kapaċi jifhmu u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha fil-livell nazzjonali biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar, b’konformità mal-obbligu li tingħata l-għajnuna u l-appoġġ hekk kif ikun hemm indikazzjoni ta’ mottivi raġonevoli biex jitwemmen li huma vittmi. Il-formalizzazzjoni jew it-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Riferiment huwa pass importanti f’din id-direzzjoni. Tali mekkaniżmi għandhom ikunu mmonitorjati u evalwati regolarment u b’mod sinifikanti, f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika.
Għall-vittmi tfal tat-traffikar, għandu jkun hemm approċċ integrat lejn il-ħarsien tat-tfal. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-istandards tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż l-aħjar interessi tat-tfal, u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ tutela. Fl-aħħar nett, il-ħolqien ta’ twissija ta' tfal nieqsa fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen huwa pass kruċjali biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tfal.
VI.Il-Prevenzjoni
L-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti huma għodda essenzjali biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, dawn l-għodod jidħlu fis-seħħ ladarba r-reat ikun diġà sar u l-vittmi jkunu diġà sofrew ksur serju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. L-eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin jista’ jinkiseb biss jekk ir-reat ikun prevenut milli jseħħ fl-ewwel istanza billi tintuża l-għodda kollha disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.
Il-prevenzjoni jeħtieġ li titqiegħed fil-kuntest usa’ ta' reat, li huwa xprunat mill-profitt u d-domanda. Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jiżgura li dawk li jagħmlu qligħ minn reat u jisfruttaw il-vittmi jitressqu quddiem il-ġustizzja.
L-Istati Membri rrappurtaw azzjoni estensiva dwar miżuri ta’ prevenzjoni f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva kontra t-traffikar, bħal taħriġ u sensibilizzazzjoni. Huwa rrappurtat li, wara taħriġ ta’ persunal fuq quddiem nett, kien hemm żieda fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin. Madankollu, ftit huwa magħruf dwar l-effetti reali ta’ din l-azzjoni fuq id-domanda u l-prevenzjoni.
Informazzjoni riċevuta tindirizza wkoll in-natura ad hoc ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, in-nuqqas ta’ taħriġ speċjalizzat u speċifiku għall-ġeneru u approċċ li jiffoka fuq it-tfal. Huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal attivitajiet ta’ taħriġ imfassla apposta, b’mod partikolari li jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet tal-forom differenti ta’ traffikar.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jenfasizzaw ir-rwol tas-settur privat fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.
Il-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi tal-vittmi
Dimensjoni li l-Istati Membri ffokaw fuqha inqas hija bidla leġiżlattiva mmirata lejn dawk li jużaw is-servizzi tal-vittmi tat-traffikar, kif rakkomandat fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Sal-lum, madwar nofs l-Istati Membri jittrattaw l-użu ta’ servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar bl-għarfien li dawn huma ttraffikati bħala reat kriminali.
Din id-Direttiva tas-Sanzjonijiet kontra min iħaddem, li għandha portata simili iżda inqas wiesgħa, diġà stabbiliet li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet kriminali fuq min iħaddem li juża xogħol jew servizzi minn ċittadini ta’ pajjiż terz b’residenza illegali bl-għarfien li huma vittmi ta’ traffikar. Għalhekk hemm ħtieġa ċara li tiġi żgurata l-konsistenza u jimtlew kwalunkwe lakuni legali eżistenti li jistgħu jirriżultaw f’impunità.
Ħafna drabi, il-kriminalizzazzjoni ta’ min juża servizzi tal-vittmi tat-traffikar tikkonċerna tal-prostituzzjoni. Fil-każ tal-prostituzzjoni tat-tfal, id-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal tgħin ukoll indirettament fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-att ta’ involviment f’attivitajiet sesswali ma’ tfal, fejn isir rikors għall-prostituzzjoni tiġi kriminalizzata u soġġett għal livell minimu ta’ piena ta’ ħabs.
L-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni tindika b’mod ċar il-ħtieġa għal salvagwardji b’saħħithom li jiżguraw li mhumiex il-vittmi jiġi penalizzat, iżda dawk li jisfruttaw u jużawhom. Sakemm dan ma jiġix indirizzat, il-vittmi se jiġu trattati bħala kriminali u jiġu kastigati huma stess, filwaqt li l-awturi u l-utenti jgawdu minn dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni. It-teħid ta' miżuri, inklużi miżuri legali, biex jiġi żgurat it-tnaqqis tad-domanda li trawwem it-traffikar għall-forom kollha ta’ sfruttament huwa fundamentali għal dan l-għan.
VII.Appoġġ finanzjarju biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin u jiġu implimentati l-obbligi legali
Waħda mill-isfidi l-aktar importanti fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, identifikata mill-Istati Membri kif ukoll l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, hija r-riżorsi limitati disponibbli għal miżuri kontra t-traffikar, għajnuna lill-vittmi u miżuri ta’ prevenzjoni fil-livell nazzjonali. Il-kriżi ekonomika globali kellha wkoll impatt negattiv fuq l-allokazzjoni ta’ fondi bħal dawn.
Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, għajnuna prattika lill-vittmi ma tkunx ipprovduta mill-istat jew awtoritajiet lokali, iżda minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Għalhekk huwa importanti li l-finanzjament ikun iggarantit għal dawn l-organizzazzjonijiet, biex ikunu jistgħu jipprovdu assistenza effiċjenti u sostenibbli fuq perjodu qasir u fit-tul lill-vittmi tat-traffikar.
L-allokazzjonijiet baġitarji għandhom ikunu biżżejjed biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin b’mod effikaċi, u dan għandu jsir b’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. L-użu effiċjenti mill-Istati Membri tal-fondi kollha tal-UE rilevanti għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali effettivi jistgħu jiksbu riżultati tanġibbli u jkollhom impatt fit-tul.
KONKLUŻJONIJIET
Il-kontribuzzjonijiet għal dan ir-rapport mingħand l-Istati Membri u partijiet interessati oħra tagħmilha possibbli li jiġu enfasizzati għadd ta’ sfidi ewlenin li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu jindirizzaw bħala prijorità, billi jiddedikaw sforzi u riżorsi xierqa.
F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw u jagħtu prijorità lil kull forma ta’ sfruttament; iżidu n-numru u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet; jaħdmu fuq it-titjib tal-ġbir tad-data fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin; jiffokaw fuq l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi kollha, fosthom billi jpoġġu fis-seħħ mekkaniżmi adatti biex jagħmlu dan; jiżguraw li l-vittmi kollha jiġu offruti protezzjoni u assistenza; jieħdu miżuri speċifiċi għall-ġeneru u approċċ li jiffoka fuq it-tfal fl-azzjoni kollha; jiffokaw fuq il-vittmi l-iktar vulnerabbli inklużi t-tfal f’riskju; jipprovdu appoġġ xieraq lill-vittmi tfal; jipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin billi jindirizzaw id-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta’ sfruttament; jevalwaw b’mod sistematiku l-istrateġiji nazzjonali u l-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom; jallokaw riżorsi adegwati biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin; u jikkooperaw b’mod effettiv mas-soċjetà ċivili.
Huwa importanti li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-gvernijiet u korpi indipendenti biex b’mod regolari biex jieħdu sehem fin-netwerk tal-UE tar-Rapporteurs Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti ("NREMs"), sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu f’livell operazzjonali, strateġiku u ta' monitoraġġ b’mod infurmat u koordinat.
Ir-ratifika tal-istrumenti kollha relevanti internazzjonali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-effikaċja u l-koerenza ta’ sforzi konġunti. F’dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni, il-ġbir ta’ data, ir-riċerka, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandu jkun inkoraġġit biex jiġi massimizzat l-impatt tal-azzjonijiet u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri.
L-adozzjoni tad-Direttiva kontra t-traffikar u l-proċess ta' traspożizzjoni fil-livell nazzjonali ħolqu momentum importanti fit-tqajjim ta’ kuxjenza dwar l-iskala tal-fenomenu fl-UE, u l-ħtieġa li tiġi indirizzata b’firxa wiesgħa ta’ għodod dwar il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, bl-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-prevenzjoni tar-reat, il-prosekuzzjoni tal-awturi u l-aktar importanti, il-protezzjoni tal-vittmi.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tiżgura rispons ikkoordinat u konsistenti biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni se tippubblika żewġ rapporti oħra meħtieġa skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, dwar il-konformità u l-kriminalizzazzjoni, flimkien ma’ strateġija għal wara l-2016 dwar it-traffikar tal-bnedmin.