IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2016
COM(2016) 167 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0167
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the application of Directive 2009/20/EC on the insurance of shipowners for maritime claims
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi
COM/2016/0167 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2016
COM(2016) 167 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi
1.INTRODUZZJONI
Id-Direttiva 2009/20/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "id-Direttiva") daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2009. Id-Direttiva għandha l-għan li tinkoraġġixxi mġiba responsabbli mill-operaturi ekonomiċi kollha, biex tittejjeb il-kwalità tat-trasport merkantili u tiġi żgurata s-sikurezza fuq il-baħar.
Dan ir-rapport għandu l-għan li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, skont l-Artikolu 8 tagħha.
Ir-rapport joqgħod fuq ir-riżultati ta' stħarriġ li sar mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) fuq it-talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2 , kif ukoll fuq informazzjoni u dejta miksuba mill-bażi tad-dejta tal-ispezzjonijiet 3 (komunement magħruf bħala "THETIS" 4 ) stabbilita skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE 5 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port kif emendata. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda lment dwar id-Direttiva sa mid-data tal-applikazzjoni tagħha (jiġifieri l-1 ta' Jannar 2012) 6 .
2.SFOND
Bid-Direttiva, ir-rekwiżit għas-sidien ta' vapuri li jkollhom assigurazzjoni adegwata li tkopri l-vapuri tagħhom, kif approvat fir-Riżoluzzjoni A.898(21) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) 7 , flimkien mal-prinċipju tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà skont il-Protokoll tal-1996 għall-Konvenzjoni tal-1976 dwar il-Limitazzjoni tar-Responsabbiltà għal Pretensjonijiet Marittimi (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "LLMC 1996") isir obbligatorju fl-UE. Id-Direttiva tistipula li l-vapuri kollha li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru kif ukoll kwalunkwe vapur li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz li jkun dieħel f'portijiet tal-UE (jew – f'xi każijiet – ikun qiegħed jopera fl-ilmijiet territorjali ta' Stat Membru) għandhom ikunu koperti bl-assigurazzjoni għall-ammont li jkun daqs l-ammont massimu rilevanti għar-responsabbiltà stabbilit fid-dispożizzjonijiet ta' LLMC 1996 8 .
LLMC 1996 tistabbilixxi d-dritt tas-sidien ta' vapuri (inkluż kerrejja, maniġers, u operaturi) u tas-salvors biex jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom għal varjetà ta' pretensjonijiet marittimi relatati mal-operazzjoni ta' vapur. Il-kalkolu tal-limiti skont il-Konvenzjoni huwa bbażat fuq it-tunnellaġġ tal-vapur inkwistjoni. LLMC 1996 żiedet il-limiti tar-responsabbiltà meta mqabbla mal-Konvenzjoni ta' qabilha (LLMC 1976). Dawn il-limiti żdiedu iżjed mill-OMI fl-2012, u daħlu fis-seħħ fit-8 ta' Ġunju 2015.
Għall-finijiet tad-Direttiva, m'hemmx definizzjoni tat-terminu "vapur" bħala tali. Id-Direttiva tapplika għal vapuri ta' mill-inqas 300 tunnellata gross, u teskludi "vapuri tal-gwerra, vapuri awżiljari tal-gwerra jew vapuri li huma proprjetà ta' jew operati mill-Istat użati għal servizz pubbliku mhux kummerċjali". Minkejja dan, id-definizzjoni ta' "sid ta' vapur" hija limitata b'mod ċar għal vapuri li jbaħħru, u tinkludi, minbarra s-sid reġistrat, kwalunkwe persuna responsabbli għall-operazzjoni tal-vapur. 9 Għalhekk, id-Direttiva tapplika biss għall-vapuri li jbaħħru. Tajjeb li wieħed jinnota li dan huwa l-każ ukoll ta' LLMC 1996, li ma tinkludix definizzjoni ta' "vapur", u huwa permezz tad-definizzjoni ta' "sid ta' vapur" li l-applikazzjoni tagħha hija ugwalment limitata għall-vapuri li jbaħħru. Id-Direttiva ġiet immudellata fuq LLMC 1996, u l-istorja tan-negozjati tad-Direttiva tafferma x-xewqa tal-koleġiżlatur li la jżid u lanqas jemenda d-definizzjonijiet tal-Konvenzjoni 10 .
3.TRASPOŻIZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI
L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali kienet l-1 ta' Jannar 2012. L-Istati Membri kollha nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom għad-Direttiva. L-ebda emendi ma ġew ikkomunikati sa mill-2012 għal-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni nazzjonali fl-Istati Membri.
4.APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA
Din it-taqsima tar-Rapport teżamina l-applikazzjoni tad-Direttiva billi ssegwi s-sekwenza tad-dispożizzjonijiet tagħha. Kif jindika l-Artikolu 1, id-Direttiva tirregola "ċerti aspetti" tal-obbligi tas-sidien ta' vapuri li jkollhom assigurazzjoni għal pretensjonijiet marittimi. Id-Direttiva hija komplementari għall-istrumenti internazzjonali li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tas-sidien ta' vapuri għal tipi speċifiċi ta' ħsarat 11 , kif ukoll għar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali li jikkonċernaw ir-responsabbiltà kriminali u amministrattiva tas-sidien ta' vapuri 12 .
4.1 Kamp ta’ applikazzjoni u Definizzjonijiet (l-Artikoli 2 u 3)
L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva abbażi tad-daqs (jiġifieri t-tunellaġġ) u t-tip ta' vapuri (jiġifieri jeskludi vapuri tal-gwerra u vapuri li huma proprjetà tal-Istat użati għal servizz pubbliku mhux kummerċjali). L-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma tippreżenta l-ebda diffikultà għall-Istati Membri.
Ir-relazzjoni tal-obbligi skont id-Direttiva mal-obbligi skont il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens, inkluż l-assigurazzjoni obbligatorja, li huma elenkati fl-Anness għad-Direttiva, hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 2(3) tagħha. Id-Direttiva speċifikament tgħid li hija "mingħajr preġudizzju għal" dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, l-obbligu tal-assigurazzjoni stabbilit skont id-Direttiva japplika b'żieda – mhux f'kontradizzjoni – mal-obbligu li jkun hemm assigurazzjoni adegwata jew sigurtà finanzjarja oħra skont dawn il-konvenzjonijiet, fl-Istati Membri fejn japplikaw dawn il-konvenzjonijiet.
L-approċċi tal-Istati Membri jvarjaw f'dan ir-rigward. Dan huwa minħabba żewġ fatturi. L-ewwel, l-Istati Membri għadhom ma rratifikawx il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha elenkati fl-Anness tad-Direttiva. 13 Barra minn hekk, l-Istati Membri għażlu mezzi differenti kif jittrasponu l-Artikolu 2(3) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Jiġifieri, ftit Stati Membri biss għażlu li jirreferu għal dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali u r-relazzjoni tagħhom mad-Direttiva; filwaqt li Stati Membri oħra ma jirreferux b'mod espliċitu għall-Anness tad-Direttiva fil-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali tagħhom. Minkejja dan, il-konvenzjonijiet internazzjonali u d-Direttiva mhumiex kontradittorji imma strumenti komplementari, u l-istrumenti msemmija fl-Anness jikkostitwixxu lex specialis fuq it-tipi speċifiċi ta' ħsarat li jkopru li jirriżultaw minn attivitajiet ta' tbaħħir differenti, jiġifieri l-ġarr ta' żejt bil-baħar fit-tankers, il-ġarr ta' sustanzi noċivi u potenzjalment perikolużi (HNS) bil-baħar, it-tniġġis taż-żejt tal-bunker, it-tneħħija ta' vapuri mkissrin. Fl-2008 l-Istati Membri kienu impenjaw ruħhom b'mod strett biex jirratifikaw il-Konvenzjonijiet kollha elenkati fl-Anness 14 , u l-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu progress f'dan ir-rigward 15 .
Kif deskritt fit-Taqsima 2 t'hawn fuq, id-Direttiva ma fihiex definizzjoni tat-terminu "vapur" bħala tali. Madankollu, fid-dawl tal-Artikoli 2(2) u 3(a) il-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa limitat għal vapuri li jbaħħru u teskludi b'mod speċifiku l-vapuri tal-gwerra jew vapuri oħra li huma proprjetà tal-Istat jew huma operati minnu li jintużaw għal servizz pubbliku mhux kummerċjali. Barra minn hekk, l-applikabbiltà tagħha għal tipi differenti ta' vapuri hija marbuta wkoll mal-ambitu tal-kontroll tal-Istat tal-bandiera u tal-Istat tal-port, li huma ż-żewġ mekkaniżmi ta' infurzar tad-Direttiva. Sakemm il-vapur ikun eliġibbli għal Spezzjoni ta' Kontroll mill-Istat tal-Port skont id-Direttiva 2009/16/KE, huwa mistenni li tista' titwettaq spezzjoni biex tikkonferma l-applikabbiltà u l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
L-Artikolu 3 tad-Direttiva fih definizzjoni ta' "sid ta' vapur" li hija konformi ma' LLMC 1996. Dan l-istrument tal-aħħar huwa wkoll identifikat b'mod ċar fit-taqsima tad-definizzjonijiet tad-Direttiva bħala t-test konsolidat tal-Konvenzjoni LLMC tal-1976 kif emendata mill-Protokoll tal-1996. Finalment, il-kunċett ta' "assigurazzjoni" huwa ddefinit b'mod mhux eżawrjenti, b'kopja verbatim tad-definizzjoni ta' assigurazzjoni li tinsab fir-Riżoluzzjoni A.898(21) tal-OMI. Jiġifieri tagħmel referenza għall-"assigurazzjoni ta' indennizz tat-tip ipprovdut attwalment mill-membri tal-International Group of P&I Clubs" bħala eżempju ta' kopertura rilevanti.
4.2 L-obbligu li jkollhom assigurazzjoni (l-Artikolu 4)
L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi l-obbligu li s-sidien ta' vapuri li ġejjin ikollhom assigurazzjoni adegwata:
(a) dawk li l-vapur tagħhom itajjar il-bandiera ta' Stat Membru;
(b) dawk li l-vapur tagħhom ikun dieħel f'port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru; u
(c) dawk li l-vapur tagħhom ikun qiegħed jopera fl-ilmijiet territorjali ta' Stat Membru, sakemm l-Istat Membru rilevanti jkun għażel li jinkludi dan it-traffiku fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi internazzjonali dwar il-passaġġ innoċenti.
Id-Direttiva tistipula wkoll li l-assigurazzjoni għandha tkopri pretensjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' LLMC 1996 bħala pretensjonijiet soġġetti għal limiti. L-ammont tal-assigurazzjoni għal kull vapur u għal kull inċident għandu jkun daqs l-ammont massimu rilevanti għal-limitazzjoni ta' responsabbiltà skont LLMC 1996.
L-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom ta' Stati tal-bandiera u Stati tal-port għandhom jirrikjedu lis-sidien ta' vapuri biex jikkonformaw mal-obbligu rilevanti skont id-Direttiva. L-Istati Membri kollha nnominaw awtoritajiet kompetenti nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva.
Madankollu, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istat tal-bandiera, ftit Stati Membri biss irrapportaw li kienet se ssir il-verifika tal-validità taċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni rilevanti, b'mod partikolari l-kontroll u l-verifika tal-konformità rigward il-kopertura tar-responsabbiltà 16 . B'mod simili, fir-rigward tal-kontroll tal-Istat tal-port, mhux l-Istati Membri kollha taw indikazzjoni effettiva ta' kif se tiġi vverifikata l-adegwatezza taċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni, miżmum minn vapuri li jtajru bandiera barranija meta jidħlu fil-portijiet tagħhom. Numru limitat biss ta' Stati Membri rrapportaw lill-Kummissjoni li l-verifika tal-validità taċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni ssir matul l-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-Istat tal-port, b'mod partikolari fir-rigward tal-kopertura tar-responsabbiltà.
Fir-rigward tal-possibbiltà li jirrikjedu assigurazzjoni għall-vapuri li joperaw fl-ilmijiet territorjali tal-Istati Membri, diversi Stati Membri rrapportaw li ttrasponew dan ir-rekwiżit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni ma kisbitx biżżejjed informazzjoni biex taċċerta kif l-Istati Membri japplikaw dan ir-rekwiżit 17 .
4.3 Spezzjonijiet u konformità permezz tal-kontroll tal-Istat tal-Port (l-Artikolu 5)
L-Artikolu 5 tad-Direttiva jistipula li l-vapuri li jidħlu fil-portijiet ta' Stat Membru u jtajru l-bandiera ta' Stat ieħor huma meħtieġa li jkollhom assigurazzjoni li tkopri pretensjonijiet marittimi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva. L-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-port skont id-Direttiva permezz ta' spezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port, imwettqa fil-qafas tad-Direttiva 2009/16/KE 18 .
Filwaqt li l-bastimenti soġġetti għall-kontroll tal-Istat tal-Port mhumiex fil-mira tal-ispezzjoni fuq il-bażi tal-istatus tal-assigurazzjoni tagħhom 19 , kwalunkwe spezzjoni ta' vapur minn Stat tal-port, skont id-Direttiva 2009/16/KE, għandha tinkludi verifika li ċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, qiegħed jinġarr abbord. Il-verifika taċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni hija parti mill-ispezzjoni tal-Kontroll tal-Istat tal-Port skont l-Anness IV, il-punt 41 tad-Direttiva 2009/16/KE. L-ebda spezzjoni tal-Kontroll tal-Istat tal-Port ma tista' tiġi rreġistrata fuq THETIS, sakemm il-verifika tal-preżenza ta' ċertifikat tal-assigurazzjoni ma tiġix irrapportata kif xieraq. Inħoloq modulu ġdid fuq THETIS ("THETIS-I") għar-reġistrazzjoni ta' nuqqasijiet fl-Istati Membri skont id-Direttiva, li ilu jopera sa mill-1 ta' Lulju 2013. Minkejja li mhux kull bastiment jiġi spezzjonat ma' kull żjara, il-kopertura sistematika tal-ispezzjonijiet offruta mir-reġim tal-UE tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tfisser li kull bastiment individwali li jidħol fil-portijiet tal-UE jiġi spezzjonat, bħala medja, kull 11-il xahar.
Barra minn hekk, diversi Stati Membri rrapportaw li huma jirrikjedu notifika tal-assigurazzjoni mill-vapuri li jkunu deħlin fil-portijiet tagħhom qabel id-dħul, bl-użu prinċipalment tas-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni Marittima tal-Unjoni 20 (SafeSeaNet, (SSN)). Ir-rekwiżiti ta' notifika qabel id-dħul huma utli biex jiġu mmirati vapuri għall-ispezzjoni u biex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni iżjed effikaċi u razzjonali tad-Direttiva. Tajjeb li wieħed jinnota li, skont l-Artikolu 16(1)(d) tad-Direttiva 2002/59/KE, vapuri li ma nnotifikawx, jew li m'għandhomx, ċertifikati ta' assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni u regoli internazzjonali, għandhom jiġu kkomunikati lill-istazzjonijiet kostali kkonċernati fi Stati Membri oħra li jkunu qegħdin matul ir-rotta ppjanata tal-bastiment.
Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ din il-prattika, li taqdi wkoll l-objettivi ta' din id-Direttiva, kif indikat fil-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien ta' vapuri 21 , li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva.
Barra minn hekk, in-notifika tal-assigurazzjoni qabel id-dħul, flimkien mal-potenzjal għas-simplifikazzjoni tar-rapportar li toffri l-SSN, jistgħu jirriżultaw f'mezz effettiv biex jiġu indirizzati l-inċertezzi li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tas-sid ta' vapur u d-disponibbiltà ta' kumpens meta vapur ikun jeħtieġ assistenza 22 fl-ilmijiet tal-UE jew qrib tagħhom. L-użu tal-SSN biex tinkiseb u tiġi kondiviża l-informazzjoni dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni ta' vapuri deħlin fil-portijiet tal-UE jista' jkun partikolarment utli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jeżaminaw il-possibbiltà li jipprovdu akkomodazzjoni għal vapur li jeħtieġ assistenza biex isib lok ta' rifuġju 23 .
Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-Direttiva minn vapur li jkun dieħel fil-port ta' Stat Membru u jtajjar bandiera ta' Stat differenti, jiġifieri n-nuqqas ta' kopertura tal-assigurazzjoni adegwata, id-detenzjoni tal-vapur hija possibbli skont id-Direttiva 2009/16/KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jipprovdi għodda addizzjonali għal dawk previsti fid-Direttiva 2009/16/KE. Dik l-għodda, li l-applikazzjoni tagħha titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, tipprevedi l-espulsjoni ta' vapuri li ma jkunux konformi mill-port ta' Stat Membru b'notifika parallela lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat, li għandha bħala riżultat ir-rifjut tad-dħul tal-vapur ikkonċernat f'portijiet ta' Stati Membri oħra. In-notifika ssir permezz tal-SSN, bl-użu ta' mudell ta' "rapport tal-inċident" żviluppat għal dak il-għan 24 . Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din il-possibbiltà tal-espulsjoni; minkejja li l-espulsjoni ta' vapuri tibqa' każ veru rari fl-UE.
4.4 Ċertifikazzjoni tal-assigurazzjoni (l-Artikolu 6)
L-Artikolu 6 tad-Direttiva jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu ssodisfati biex jaffermaw l-eżistenza ta' assigurazzjoni adegwata abbord il-vapur, skont l-Artikolu 4. L-eżami tal-kontenut minimu formali ta' ċertifikat, kif preskritt fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, huwa l-fokus prinċipali matul il-verifika tal-assigurazzjoni. Il-kontroll tal-awtentiċità taċ-ċertifikat u l-eżami tal-limiti ta' responsabbiltà skont LLMC 1996 huma inqas komuni fost l-Istati Membri 25 . Numru limitat ta' Stati Membri 26 jidher li għandhom linji gwida nazzjonali fis-seħħ rigward il-verifika tal-assigurazzjoni.
Kwistjoni rilevanti, fejn l-approċċi tal-Istati Membri jvarjaw, hija l-aċċettazzjoni fil-prattika – l-aktar matul il-kontroll tal-Istat tal-port – taċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni f'format elettroniku. Huwa importanti li wieħed jinnota li s-settur tal-assigurazzjoni laqa' tajjeb l-użu – kważi b'mod esklussiv – taċ-ċertifikati elettroniċi (eż. Ċertifikat tad-Dħul ta' P&I); u l-OMI approvat "Linji gwida għall-Użu ta' Ċertifikati Elettroniċi" 27 fit-tbaħħir, li jistgħu jkunu pertinenti għall-verifika tal-assigurazzjoni wkoll. Il-verżjonijiet elettroniċi taċ-ċertifikati għandhom karatteristiċi speċifiċi, u hemm proċeduri fis-seħħ li jippermettu l-awtentikazzjoni tagħhom u l-verifika sussegwenti. Sabiex jiġi żgurat li l-użu taċ-ċertifikati elettroniċi għall-finijiet ta' din id-Direttiva jiġi aċċettat u jkun applikabbli fl-Istati Membri kollha, għandha tiġi prevista aktar kunsiderazzjoni ta' din il-kwistjoni.
4.5 Penali għan-nuqqas ta' konformità tal-vapuri tagħhom stess (l-Artikolu 7)
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni mill-Istat tal-bandiera tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Artikolu 7 jippreskrivi l-istabbiliment ta' sistema ta' penali għal każijiet ta' ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali promulgati f'dan il-qasam. Il-penali nazzjonali stabbiliti skont din id-dispożizzjoni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fuq il-bażi tal-eżami tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għall-istħarriġ tal-EMSA, l-interpretazzjoni ta' dan ir-rekwiżit skont id-Direttiva tvarja fost l-Istati Membri, notevolment fir-rigward tal-ammonti korrispondenti tal-penali finanzjarji. Ma ġew irrapportati l-ebda każijiet ta' impożizzjoni ta' penali għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva minn vapuri bil-bandiera fi Stat Membru, skont din id-dispożizzjoni 28 .
5.DEJTA TA' INFURZAR
L-infurzar tal-obbligi imposti mid-Direttiva fuq is-sidien ta' vapuri huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-informazzjoni miġbura mit-tweġibiet tal-Istati Membri għall-istħarriġ imwettaq mill-EMSA, b'referenza għat-tqabbil tagħhom mad-dejta disponibbli minn fuq THETIS.
5.1 Implimentazzjoni tal-Istat tal-Bandiera tal-UE
Rapporti mill-Istati Membri fuq THETIS dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port fuq vapuri li jtajru bandiera ta' Stat Membru ieħor tal-UE jindikaw li, fir-rigward ta' vapuri li jtajru bnadar tal-UE, 13-il każ ta' nuqqas ta' konformità relatati ma' ċertifikati tal-assigurazzjoni ġew identifikati bejn Lulju 2013 u l-aħħar ta' Settembru 2015 29 . Meta dan jitqabbel man-numru totali ta' 45 każ ta' nuqqas ta' konformità relatati maċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni fuq vapuri rreġistrati fuq THETIS matul l-istess perjodu, jista' jiġi konkluż li l-vapuri li jtajru bandiera tal-UE jirrappreżentaw kważi terz (29 %) mit-total tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità.
Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li l-perċentwal ta' vapuri mhux konformi li jtajru bandiera tal-UE f'relazzjoni man-numru totali ta' spezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port ta' dawn il-vapuri huwa baxx ħafna, jiġifieri 0,1 %. Barra minn hekk, il-perċentwal ta' nuqqas ta' konformità ta' vapuri bil-bandiera tal-UE huwa iżjed baxx meta mqabbel ma' vapuri b'bandiera mhux tal-UE (rispettivament 0,1 % meta mqabbel ma' 0,15 % għal vapuri mhux tal-UE 30 ).
Minkejja, li kif deskritt hawn fuq, ftit każijiet ta' nuqqas ta' konformità minn vapuri li jtajru bnadar nazzjonali tal-UE ġew irrapportati permezz ta' THETIS, l-ebda Stat Membru ma rrapporta li impona xi penali fuq vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu għal nuqqas ta' kopertura tal-assigurazzjoni adegwata skont id-Direttiva.
5.2 Kontroll tal-Istat tal-Port
Mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri wettqu numru sinifikanti ta' verifiki skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva fil-qafas tal-ispezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port kif muri fl-Anness A ta' dan ir-rapport 31 .
Minn meta beda jopera l-modulu speċjalizzat fuq THETIS (THETIS-I) fl-1 ta' Lulju 2013 u sa Settembru 2015, ġie rreġistrat total ta' 34 944 spezzjoni. L-infurzar tal-Kontroll tal-Istat tal-Port identifika total ta' 45 nuqqas skont id-Direttiva kif muri fl-Anness B ta' dan ir-rapport 32 . Meta mqabbel mat-total ta' 34 944 spezzjoni, 45 nuqqasijiet ifissru rata ta' konformità ta' 99,87 %, li hija għolja b'mod sinifikanti 33 .
Fid-dettall, fis-sena, il-perċentwali rispettivi ta' nuqqas ta' konformità 34 f'relazzjoni man-numru totali ta' spezzjonijiet ta' vapuri huma: 0.15 % għall-2013, 0.09 % għall-2014 u 0.16 % għall-2015. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet 35 , l-Istati Membri talbu rettifika tan-nuqqas rilevanti qabel it-tluq u biss f'4 mill-45 (jiġifieri 9 %) inħarġet ordni ta' detenzjoni 36 .
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) 37 li jikkonċernaw il-possibbiltà li tinħareġ ordni ta' espulsjoni għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva. Fost l-Istati Membri li japplikaw din il-possibbiltà, skont l-informazzjoni fuq THETIS, Stat Membru wieħed biss 38 ħareġ ordni ta' espulsjoni (maħruġa fl-2013 u mneħħija fl-2015). Barra minn hekk, Stat Membru ieħor 39 ħareġ żewġ ordnijiet ta' espulsjoni, notifikati kif xieraq permezz tal-SSN lil Stati Membri oħra u kkomunikati lill-Kummissjoni, imma mhux irreġistrati fuq THETIS għaliex dawn l-ordnijiet ta' espulsjoni nħarġu qabel Lulju tal-2013, meta bdiet topera "THETIS-I".
Finalment, xi Stati Membri 40 applikaw ukoll penali ta' natura finanzjarja fuq vapuri bil-bnadar ta' Stati Membri mhux tal-UE li daħlu fil-portijiet tagħhom u nstabu li mhumiex f'konformità mad-Direttiva.
6. KONKLUŻJONIJIET
Id-Direttiva ilha fis-seħħ għal kważi erba' snin u tidher li qiegħda taħdem tajjeb fil-ksib tal-objettivi tagħha. B'mod partikolari, kif juru r-rekords tal-konformità abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-biċċa l-kbira tal-vapuri li jtajru bnadar tal-UE jew li jidħlu f'portijiet tal-UE jkollhom assigurazzjoni adegwata f'konformità mad-Direttiva. Is-sistema stabbilita skont id-Direttiva, għalhekk, tagħti assigurazzjoni raġonevoli li, jekk inċident li jinvolvi tali vapur jirriżulta f'telf għal parti terza, u konsegwentement jirriżulta fi pretensjonijiet marittimi kif definiti f'LLMC 1996, il-vittmi se jkunu jistgħu jirċievu kumpens mingħand sid il-vapur u l-assiguratur tiegħu, sal-ammont tal-limitu rilevanti tar-responsabbiltà.
Xi kwistjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi skont id-Direttiva, kif deskritti fir-rapport preżenti, jistgħu jitjiebu iżjed permezz tal-użu msaħħaħ tas-sistemi eżistenti ta' informazzjoni operazzjonali u skambju biex tinkiseb applikazzjoni iżjed uniformi tad-Direttiva, kemm mill-perspettiva tal-Istat tal-bandiera kif ukoll tal-Istat tal-port.
ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128.
L-istħarriġ eżamina l-applikazzjoni tad-Direttiva bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Diċembru 2014. Dan kien jinkludi Kwestjonarju mibgħut mill-EMSA lill-Istati Membri, li għalih wieġbu 25 Stat Membru (ES, LU u NL ma weġbux).
L-informazzjoni estratta għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta' Settembru 2015, ara l-Annessi A, B u C ta' dan ir-Rapport.
ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.
Preċiża sal-15 ta' Diċembru 2015.
Riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-OMI A.898(21) tal-4 ta' Frar 2000, "Linji gwida għar-Responsabbiltajiet tas-Sidien ta' Vapuri fir-rigward tal-Pretensjonijiet Marittimi".
Mhux l-Istati Membri kollha huma parti għal-LLMC 1996. 23 Stat Membru rratifikawha, filwaqt li AT, CZ, IT, PT u SK għadhom ma rratifikawx din il-Konvenzjoni. Dan ma jaffettwax l-obbligi ta' dawn l-Istati tal-aħħar skont id-Direttiva.
Ara infra Taqsima 4.1.
Ara d-Dokument 14287/2/08 REV 2 ADD 1, Pożizzjoni Komuni adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2008 li tikkonċerna l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi:
L-Anness għad-Direttiva fih lista ta' dawn l-istrumenti:
- Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1992 dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt ("CLC 1992");
- Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1996 dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għal Ħsara Kkaġunata mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u li Jagħmlu l-Ħsara ("Konvenzjoni HNS");
- Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-2001 dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-Bunker ("Konvenzjoni dwar iż-Żejt tal-Bunkers");
- Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Nairobi tal-2007 dwar it-Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Bastimenti ("Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Bastimenti").
Il-lista li hemm fl-Anness tad-Direttiva tinkludi r-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-garanziji finanzjarji tas-sidien tal-bastimenti tiddeskrivi wkoll ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u r-regoli nazzjonali u oħrajn tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-attivitajiet ta' tbaħħir, ara COM(2005) 593final u SEC/2005/1517.
Skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata mill-OMI fil-5 ta' Novembru 2015, l-istatus tal-4 konvenzjonijiet internazzjonali elenkati fl-Anness tad-Direttiva (ara n-nota 11 f'qiegħ il-paġna) fl-UE huwa dan li ġej: 26 Stat Membru huma partijiet għal CLC 1992, l-ebda Stat Membru ma huwa parti sa issa għall-Konvenzjoni HNS, 28 Stat Membru huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar iż-Żejt tal-Bunkers, u 6 Stati Membri huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Vapuri Mkissrin. Il-ħolqa li ġejja fiha informazzjoni aġġornata dwar ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet kollha tal-OMI:
http://www.imo.org/en/About/Conventions/StatusOfConventions/Documents/Status%20-%202015.pdf
Dokument tal-Kunsill Nru 15859/08 ADD 1, tad-19/11/2008, "Dikjarazzjoni mill-Istati Membri dwar is-Sigurtà Marittima".
B'mod partikolari, fir-rigward tal-Konvenzjoni HNS, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti paralleli li jawtorizzaw lill-Istati Membri jsiru partijiet għall-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni HNS, fl-interess tal-Unjoni, ara COM(2015) 304final u COM(2015) 305final, adottati fit-22.6.2015.
Stat Membru wieħed irrapporta li juża l-proċedura tar-reġistrazzjoni biex jikkontrolla t-twettiq tal-obbligu tas-sid ta' vapur, u Stat Membru ieħor irrapporta li jwettaq verifiki rilevanti fl-uffiċċji tas-sidien ta' vapuri.
Stat Membru wieħed biss irrapporta li l-verifika tal-assigurazzjoni għall-vapuri li jtajru bandiera barranija, fl-ilmijiet territorjali tiegħu, kienet ir-responsabbiltà tas-Sistemi kostali tat-Traffiku tal-Bastimenti (VTS).
Xi Stat Membri rrapportaw li, sabiex jikkonfermaw il-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva, jistgħu jwettqu spezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port taħt reġim nazzjonali.
L-ispezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port ivarjaw fil-frekwenza skont ir-riskju li jippreżentaw il-vapuri: l-iżjed vapuri perikolużi jiġu spezzjonati l-iżjed ta' spiss, filwaqt li dawk il-bastimenti li jgħaddu mill-ispezzjoni mingħajr problemi huma soġġetti għal inqas spezzjonijiet frekwenti. Vapuri li b'mod persistenti jkunu substandard jistgħu jiġu pprojbiti mill-ilmijiet Ewropej (ara https://portal.emsa.europa.eu/web/thetis/refusal-of-access ); filwaqt li l-Kummissjoni tippubblika listi ta' sidien ta' vapuri li b'mod persistenti jkunu substandard ( https://portal.emsa.europa.eu/web/thetis/company-performance ), skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta' Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2012 tal-14 ta' Diċembru 2012 (ĠU L 347 15.12.2012 p. 10).
Is-SafeSeaNet (SSN) ġiet stabbilita skont id-Direttiva 2002/59/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE, ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, kif emendata. L-SSN hija mħaddma mill-EMSA.
SEC/2005/1517 u COM(2005) 593final, ara s-supra nota 11.
"'Vapur li jeħtieġ assistenza' tfisser, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni SAR dwar is-salvataġġ ta' persuni, vapur f'sitwazzjoni, li tista' twassal għat-telf tiegħu jew għal periklu ambjentali jew ta' navigazzjoni" skont l-Artikolu 3(v) tad-Direttiva 2002/59/KE.
"‘Lok ta' rifuġju’ tfisser port, il-parti ta' port jew irmiġġ protettiv jew post fejn isorġi, jew xi żona oħra għall-kenn identifikata minn Stat Membru biex takkomoda bastimenti li jkollhom bżonn l-għajnuna" skont l-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2002/59/KE.
Linji Gwida tar-Rapportar tal-Inċidenti tal-SSN v.2, l-Appendiċi 7
Fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-Kwestjonarju li waslu għand l-EMSA matul l-istħarriġ tagħha.
Erba' Stati Membri skont ir-riżultati tal-istħarriġ tal-EMSA.
IMO FAL.5/Circ.39/Rev.1, 7 ta' Ottubru 2014, tinsab fuq:
http://www.imo.org/en/OurWork/Facilitation/Electronic%20Business/Pages/default.aspx
"FAL 39 qablet li ċertifikati elettroniċi għandhom jiġu trattati bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati stampati tradizzjonali, sakemm iċ-ċertifikati u s-sit web użat biex jiġu aċċessati jikkonformaw mal-linji gwida approvati mill-Organizzazzjoni u li jkun hemm disponibbli abbord il-vapur struzzjonijiet speċifiċi għall-verifika."
Ara infra Taqsima 5.1.
Ara l-Anness A.
Bħala total: 13 331 spezzjoni ta' vapuri bil-bandiera tal-UE żvelaw 13-il nuqqas u 21 613-il spezzjoni fuq vapuri bil-bandiera mhux tal-UE żvelaw 32 nuqqas. Ara l-Anness C.
Somma totali ta' 58 768 spezzjoni tal-Kontroll tal-Istat tal-Port irreġistrati fuq THETIS mill-Istati Membri tal-UE bejn Jannar 2012 u Settembru 2015.
Irreġistrati fuq THETIS minn Lulju 2013 sa Settembru 2015.
Ir-rata ta' nuqqas ta' konformità tal-vapuri kollha li jidħlu fil-portijiet tal-Istati Membri tal-UE hija ta' 0,13 %.
Skont ir-rekords fuq THETIS minn Lulju 2013 sa Settembru 2015.
N.B.: Skont id-dejta fuq THETIS, in-nuqqasijiet "rettifikati" u "li għandhom jiġu rettifikati qabel it-tluq" kienu 33 minn 45.
Ara l-Anness B. N.B.: Stat Membru wieħed irrapporta detenzjoni fi tweġiba għall-istħarriġ tal-EMSA, li ma ġietx irreġistrata fuq THETIS; għalhekk, ma ġietx inkluża fit-tabella fl-Anness B.
Tliet Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni u qegħdin japplikaw biss il-miżura ta' detenzjoni fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, permezz tal-Kontroll tal-Istat tal-Port.
Ara l-Anness B.
Ara l-Anness B.
6 Stati Membri rrapportaw l-applikazzjoni ta' penali finanzjarji fuq vapuri bi bnadar barranin meta wieġbu għall-istħarriġ tal-EMSA.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2016
COM(2016) 167 final
ANNESSI
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi
ANNESS-A– THETIS-I Spezzjonijiet reġistrati
Spezzjonijiet tal-PSC mill-Istati Membri tal-UE — Lulju 2013 sa Settembru 2015 (inklużi)
|
Sena |
Spezzjonijiet tal-PSC fuq vapuri tal-UE minn Stati Membri tal-UE |
Spezzjonijiet tal-PSC fuq vapuri li mhumiex tal-UE minn Stati Membri tal-UE |
Total ta’ spezzjonijiet tal-PSC minn Stati Membri tal-UE |
|
2013 (mill-1/7/12013) |
2727 |
4541 |
7268 |
|
2014 |
6014 |
9825 |
15839 |
|
2015 (sat-30/9/2015) |
4590 |
7247 |
11837 |
|
Totali |
13331 |
21613 |
34944 |
ANNEX-B — THETIS Nuqaasijiet reġistrati
Nuqqasijiet relatati tal-assigurazzjoni – Lulju 2013 sa Settembru 2015 (inklużi)
|
Pajjiż |
Azzjoni li ttieħdet |
Noti ta’ spjega |
||
|
Spezzjoni — nuqqasijiet identifikati (inklużi nuqqasijiet li jikkawżaw detenzjoni - tkeċċija) |
Detenzjoni tal-UE |
Tkeċċija |
||
|
Il-Belġju |
5 |
2 |
0 |
Il-Belġju rreġistra 5 nuqqasijiet tal-UE (assigurazzjoni) u ħareġ ordni ta’ detenzjoni skont id-Direttiva f’żewġ każijiet. |
|
Il-Kroazja |
1 |
0 |
0 |
|
|
Id-Danimarka |
5 |
0 |
0 |
|
|
Il-Ġermanja |
12 |
0 |
0 |
|
|
Il-Greċja* |
0 |
0 |
0 |
* Il-Greċja ma rrappurtatx żewġ każijiet ta’ tkeċċija THETIS-I, li madankollu kienu nnotifikati permezz ta’ SSN. L-ordnijiet ta’ tkeċċija sussegwentement tneħħew; madankollu, m’hemm l-ebda referenza għalihom f’THETIS-I peress li seħħew qabel l-istabbiliment ta’ modulu THETIS-I. |
|
L-Irlanda |
1 |
0 |
0 |
|
|
L-Italja |
6 |
0 |
0 |
|
|
Il-Litwanja |
1 |
0 |
0 |
|
|
In-Netherlands |
3 |
0 |
0 |
|
|
Il-Polonja |
2 |
0 |
0 |
|
|
Ir-Rumanija |
2 |
0 |
1 |
Ir-Rumanija rreġistrat 2 nuqqasijiet tal-UE (assigurazzjoni) u ħarġet ordni ta’ detenzjoni skont id-Direttiva f’każ wieħed. |
|
Is-Slovenja |
1 |
1 |
0 |
Is-Slovenja rreġistrat każ 1 ta' nuqqasijiet tal-UE (assigurazzjoni) u ħarġet ordni ta’ detenzjoni skont id-Direttiva f’dan il-każ. |
|
Spanja |
5 |
1 |
0 |
Spanja rreġistrat 5 każijiet ta' nuqqasijiet tal-UE (assigurazzjoni) u ħarġet ordni ta’ detenzjoni skont id-Direttiva f’każ wieħed. |
|
Ir-Renju Unit |
1 |
0 |
0 |
|
|
Totali |
45 |
4 |
1 |
Nota għal pajjiżi nieqsa: L-ispezzjonijiet twettqu, iżda nħareġ l-ebda nuqqas. |
ANNESS-C — Grafika
Spezzjonijiet THETIS tal-PSC — Nuqqasijiet relatati mal-assigurazzjoni