Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0095

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U L-GRUPP TAL-EWRO Is-Semestru Ewropew 2016: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 {SWD(2016) 71 sa SWD(2016) 96}

COM/2016/095 final

Strasburgu, 8.3.2016

COM(2016) 95 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U L-GRUPP TAL-EWRO



Is-Semestru Ewropew 2016: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali,
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011

{SWD(2016) 71 sa SWD(2016) 96}


1.    Introduzzjoni

Is-Semestru Ewropew huwa strument importanti biex iwassal ir-riformi fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE. Huwa jipprovdi enfasi u koordinament lill-isforzi tal-Istati Membri kollha dwar riformi makroekonomiċi, baġitarji u strutturali. Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi lejn it-Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 1 ,
is-Semestru Ewropew 2016 ikompli fuq il-proċess issimplifikat li nbeda fl-2015.
Dan jintegra ż-Żona tal-Euro u d-dimensjonijiet nazzjonali, u jpoġġi enfasi aktar b'saħħitha fuq ix-xogħol, il-prestazzjoni soċjali, l-investiment u l-kompetittività. Huwa jħeġġeġ il-konverġenza u jirrikonoxxi l-appoġġ lir-riformi minn fondi Ewropej, b'mod partikolari mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u l-assistenza teknika.

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 2 , il-Kummissjoni poġġiet enfasi dwar il-bżonn li jiġi kkonsolidat l-irkupru, li jitpoġġa fi triq sostenibbli u li jitħaffef il-proċess ta' konverġenza 'l fuq. L-isfidi u l-prijoritajiet taż-Żona tal-Euro kienu mniżżla wkoll fir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. 3 Li tiġi sewgita konvergenza ekonomika u soċjali 'l fuq huwa essenzjali biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn u fl-Istati Membri. F'dan id-dawl, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu vantaġġ mill-irkupru moderat li għaddej biex ipoġġu enfasi fuq it-tliet prijoritajiet li jmiss: li jerġa' jitnieda l-investiment, li jsegwi riformi strutturali biex jimmodernizza l-ekonomiji tal-UE u politiki fiskali responsabbli.

Ir-rapporti tal-pajjiżi skont is-Semestru Ewropew 2016 inħarġu fi żmien kruċjali biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku u jiġi żgurat li dan ikun appoġġat mill-miżuri u l-politiki meħtieġa biex jiġi żblukkat aktar tkabbir. Ir-rapporti juru li qed isir sforz mill-Istati Membri f'dan ir-rigward. Filwaqt li wħud mir-riformi jafu jieħdu s-snin biex iħallu l-frott, matul iż-żmien ir-riformi strutturali se jagħtu bażi ulterjuri għal tkabbir sostenibbli, ekonomija kompetittiva, xogħol u investiment. Minħabba l-veloċità tal-bidla potenzjali fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi f'ekonomija globalizzata, hija ħtieġa urġenti li jsir l-aħjar użu mill-fatturi preżenti li jwasslu għat-tkabbir u jiġi aċċellerat il-pass tar-riformi biex titrawwem il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ ukoll li l-politika ekonomika u soċjali tindirizza l-influss riċenti ta' immigranti u refuġjati, b'mod partikolari biex tipprovdi għall-bżonnijiet immedjati tagħhom u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

L-involviment mill-qrib tal-Parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati oħra fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi huwa fundamentali għal riżultati tajba. Jeħtieġ li tissaħħaħ l-effettività u s-sjieda tal-isforzi ta' riforma fl-Istati Membri. Dan huwa rifless fil-gwida li tat il-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-proċess ta' tħejjija tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll kuntatti aktar mill-qrib mal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali biex tiddiskuti l-kisbiet ewlenin tas-Semestru Ewropew. L-impenn tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandu wkoll jiġi żviluppat aktar.

Ir-rapporti tal-pajjiżi li saru għal 26 Stat Membru 4 jagħtu ħarsa lill-iżviluppi ekonomiċi u soċjali ġenerali f'kull Stat Membru. Ir-rapporti jivvalutaw il-progress li sar fl-indirizzar tal-kwistjonijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2015 u għal 18-il Stat Membru - jinkludu reviżjoni fil-fond skont il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni tipproponi li taġġorna l-istatus ta' għadd ta' Stati Membri skont dik il-proċedura. Ir-rapporti jkopru wkoll oqsma ta'

importanza makroekonomika, bħall-politiki dwar il-klima u l-enerġija , li huma soġġetti għal proċessi ta' politika separati 5 .

L-analiżi tieħu kont ukoll tas-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri. Hija bbażata fuq l-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni 6 u tibni fuq l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' pjanijiet baġitarji għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro tal-2016, maħruġa f'Novembru 2015,
kif ukoll fuq il-gwida 7 li l-Kummissjoni adottat is-sena li għaddiet dwar kif jiġi żgurat li
l-qafas fiskali komuni jkun ta' appoġġ għall-impjiegi tal-UE u l-aġenda tat-tkabbir.

Ir-rapporti tal-pajjiżi terzi janalizzaw f'aktar dettall l-ostakli għall-investiment identifikati mill-
Kummissjoni s-sena li għaddiet u ppreżentati flimkien mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir 2016. Huwa neċesarju li l-Istati Membri jaħdmu ma' xulxin mill-qrib u mal-istituzzjonijiet tal-UE biex jindirizzaw dawn l-ostakli fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u biex jagħtu riżultat fuq it-tielet pilastru tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa 8 .

Dawn ir-Rapporti tal-Pajjiżi se jservu bħala bidu għad-djalogu mal-Istati Membri fuq l-isfidi ekonomiċi u soċjali li jaffaċċjaw. Dan id-djalogi flimkien mar-rakomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro għandhom jalimentaw it-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma li għandhom jiġu ppreżentati f'April. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni mhix se toħroġ rakkomandazzjonijiet
dwar kwistjonijiet li mhumiex identifikati bħala sfidi fir-rapporti tal-pajjiżi u se tipproponi għadd limitat ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal kull Stat Membru. Dawn ikunu jagħmlu differenza kif xieraq fuq il-bażi tas-severità tal-isfidi, kif inhu rifless ukoll fis-sitwazzjoni speċifika għall-pajjiż skont il-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi.

2.    Kuntest ekonomiku

L-ekonomija Ewropea qed tfittex l-irkupru ekonomiku tagħha filwaqt li r-riskji esterni żdiedu. Bit-tkabbir tal-PDG fl-2015 li kien biss ta' 3 %, l-ekonomija dinjija qed tnaqqas ir-ritmu u t-triq ta' rkupru tagħha tinvolvi diversi riskji. 9 Filwaqt li l-akbar ekonomiji avvvanzati qed jgħaddu minn irkupri kontinwi jew ċikli li jimmaturaw, ħafna ekonomiji tas-suq emerġenti qed jaffrontaw prospetti diffiċli. It-tkabbir fiċ-Ċina mistenni jkompli jonqos, u dan jaffettwa l-aktar ekonomiji oħra emerġenti u li qed jiżviluppaw u jkollu impatt fuq il-flussi ta' kapital globali.

L-ekonomija Ewropea sa issa rnexxielha żżomm ir-riskji 'l bogħod, iżda l-impatt ta' ambjent estern anqas favorevoli qed jibda jinħass dejjem aktar. It-tnaqqis drastiku ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija għandu jkompli jappoġġa l-poter ta' akkwist tal-familji. Il-wasla ta' numri mingħajr preċedent ta' refuġjati u migranti wasslet għal nefqa pubblika addizzjonali dovuta minħabba ż-żieda fir-riċeviment u miżuri oħra relatati mar-refuġjati. Il-kundizzjonijiet monetarji se jibqgħu favorevoli ħafna u l-politika fiskali hija mistennija li tappoġġa l-irkupru din is-sena. Madankollu, il-konsegwenzi negattivi mit-tkabbir bil-mod barra l-UE jistgħu jkunu akbar mill-effett kummerċjali dirett. Il-prezzijiet baxxi tal-komoditajiet jistgħu wkoll ikunu riskju jekk iwasslu għal instabilità fl-ekonomija dinjija. Riċentement il-volatilità fis-suq finanzjarju żdiedet konsiderevolment. B'mod partikolari, l-istokks tal-bank kienu qed jesperjenzaw tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet u l-primjums tar-riskji sovrani komplew jikbru għal xi Stati Membri.

L-irkupru fl-UE jibqa' bil-mod u fraġli, li jissottolinja l-bżonn li jiżdiedu r-riformi strutturali, jitħeġġeġ l-investiment u tinbena ekonomija aktar kompetittiva.
L-irkupru huwa dgħajjef kemm fil-perspettiva storika kif ukoll imqabbel mal-ekonomiji avvanzati oħra. It-tkabbir ekonomiku tal-UE huwa previst li jkun 1,9 % tal-PDG din is-sena u li jogħla għal 2 % fl-2017.
2017. Ir-rati tal-qgħad huma mistennija jkomplu jaqgħu minn 9.5 % fl-2015 għal 9 % fl-2016
fl-UE, u t-tnaqqis għandu jkun aktar evidenti fl-Istati Membri fejn ir-riformi fis-suq tax-xogħol ġew implimentati. Il-konsum privat mistenni jibqa' l-mutur ewlieni għat-tkabbir, appoġġat minn swieq tax-xogħol dejjem jitjiebu u introjtu disponibbli reali dejjem jiżdied.
Id-dgħufija tad-domanda dinjija tnaqqas il-prospetti għal irkupru mmexxi mill-esportazzjoni.
Hekk kif id-dgħufija tad-domanda dinjija tnaqqas il-prospetti għal irkupru mmexxi mill-esportazzjoni, żieda mill-ġdid fl-investiment mil-livelli baxxi preżenti tkun essenzjali biex tappoġġa rkupru ekonomiku fuq bażi aktar wiesgħa u treġġa' lura x-xejra 'l isfel fit-tkabbir potenzjali.

3. Il-progress fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż



Fil-kuntest tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika ġenerali, l-Istati Membri għamlu xi progress fl-indirizzar tal-kwistjonijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fl-2015. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2016 juru li l-progress sena wara sena baqa' f'livell simili. Meta wieħed iħares fuq perjodu ta' żmien itwal, huwa ċar li l-implimentazzjoni ta' riformi ewlenin tieħu ż-żmien biex timmaterjalizza. Dan jista' jkun kemm minħabba l-kumplessità tar-riformi mwettqa, bħar-riforma tas-swieq tax-xogħol u l-prodotti, is-sistemi tal-pensjonijiet u s-setturi bankarji, u l-kalendarji tal-elezzjonijiet nazzjonali. F'għadd ta' Stati Membri (id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Kroazja, il-Polonja u l-Portugall), l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali jew presidenzjali saru fl-2015 jew kmieni fl-2016. Kemm l-għadd kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fl-2014 u l-2015 inbidlu wkoll. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-valutazzjoni sħiħa tagħha meta tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġodda f'Mejju.

Komplessivament, l-Ewropa tinsab fi triqitha biex tissodisfa parti mil-miri tal-istrateġija Ewropa 2020. L-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tat-tibdil fil-klima u l-enerġija, minħabba li ħafna minnhom mistennija jilħqu l-miri tagħhom dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija sal-2020. Skont l-aktar dejta riċenti disponibbli, l-UE tinsab ukoll fit-triq it-tajba fil-miri tagħha dwar l-edukazzjoni, hekk kif 17-il Stat Membru diġà laħqu l-miri tagħhom dwar it-tluq bikri mill-iskola u 12-il Stat Membru laħqu l-miri tagħhom dwar il-kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja. Filwaqt li l-mira tal-impjiegi xorta se tkun diffiċli li tintlaħaq għal ħafna Stati Membri, is-sitwazzjoni tal-impjiegi tjiebet kważi fl-Istati Membri kollha. Lejn l-aħħar tal-2015, l-impjieg żdied b'1,1 % u laħaq ir-rata fil-livell ta' qabel il-kriżi ta' 70,5 %. Ir-rata ta' impjieg qed tikber aktar malajr għan-nisa, għalkemm id-differenza bejn is-sessi għadha sinifikanti. Jeħtieġ aktar sforzi biex titnaqqas id-differenza fir-rata ta' impjieg bejn l-irġiel u n-nisa. In-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp bħala perċentwal tal-PDG żdiedet ukoll f'madwar nofs l-Istati Membri iżda
l-mira tal-UE xorta tidher diffiċli li tintlaħaq. Jibqgħu jippersistu problemi partikolari fl-ilħuq tal-mira għall-faqar minħabba li l-għadd ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ewropa żdied minħabba l-krizi ekonomika. Madankollu, l-aktar tendenzi riċenti huma aktar pożittvi u l-għadd ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali jidher li naqas f'aktar minn nofs l-Istati Membri. Din it-tendenza hija mistennija tkompli fl-2015 f'konformità mal-kundizzjonijiet imtejba tax-xogħol. L-Appendiċi 2 jipprovdi ħarsa ġenerali tal-miri kollha tal-istrateġija Ewropa 2020.

4. L-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi

L-UE u l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro qed jagħmlu progress fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomiji tagħhom. Xi wħud mill-iżbilanċi huma l-wirt tal-kriżi, iżda ħafna minnhom kienu fis-seħħ qabel ma bdiet u kkontribwixxew għall-impatt profond tal-kriżi. Il-fatt li l-ekonomiji tal-UE jitpoġġew fit-triq ta' bbilanċjar mill-ġdid sostenibbli huwa importanti mhux biss għall-Istati Membri individwali,
iżda wkoll għall-UE u ż-Żona tal-Euro b'mod ġenerali, bil-ħsieb li tinkiseb reżistenza aħjar għal xokkijiet futuri u jsir ċaqliq lejn tkabbir aktar sostenibbli, koeżiv u akbar.

Ir-reviżjonijiet fil-fond jagħtu analiżi komprensiva tal-iżbilanċi esperjenzati mill-Istati Membri. Ir-reviżjonijiet fil-fond jagħmlu differenza bejn l-aġġustamenti mmexxija minn fatturi ċikliċi u minn dawk li jirriżultaw minn riformi strutturali u jikkonfermaw li huma biss dawn tal-aħħar li jagħtu pedament għal tkabbir sostenibbli. Minħabba l-importanza ta' rabtiet kummerċjali u finanzjarji bejn il-pajjizi tal-UE, l-analiżi tistħarreġ ukoll l-implikazzjonijiet transfruntieri tal-ibbilanċjar mill-ġdid, u tenfasizza fuq il-bżonn li dan iseħħ kemm f'pajjiżi bi stokks kbar ta' obbligi esterni u f'dawk b'bilanċi pożittivi. It-tnaqqis tal-livelli ta' dejn jibqa' urġenti. Filwaqt li f'xi każijiet, it-tnaqqis tad-dejn pubbliku jew privat qed jagħmel progress, il-livelli għolja tagħhom xorta jistgħu jagħmlu lill-ekonomiji vulnerabbli għal xokkijiet potenzjali. F'każijiet oħra, livelli ta' dejn baxxi, li iżda qed jogħlew jistgħu jkunu sinjal ta' vulnerabilitajiet li qed jiżdiedu.

4.1. L-ibbilanċjar mill-ġdid fl-UE u fiż-Żona tal-Euro

L-aġġustament tal-iżbilanċi eżistenti huwa mfixkel minn diversi fatturi. Tkabbir nominali mrażżan u livelli baxxi ħafna ta' inflazzjoni jfixklu l-proċess ta' diżingranaġġ. Id-dgħufija tad-domanda dinjija tnaqqas il-prospetti għal irkupru mmexxi mill-esportazzjoni. Il-qgħad għoli li jippersisti f'xi Stati Membri jista' jnaqqas it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni, ukoll minħabba t-telf ta' ħiliet u l-impjegabilità.

Il-korrezzjoni ta' żbilanċi esterni qed tagħmel progress. F'pajjiżi b'obbligi esterni għolja, id-defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti tal-perjodu ta' qabel il-kriżi tnaqqsu b'mod konsiderevoli jew marru f'bilanċ pożittiv. Bl-għajnuna ta' fatturi esterni, il-kompetittività tal-ispejjeż tjiebet b'mod ġenerali. F'xi Stati Membri, hemm evidenza ta' aġġustament strutturali f'temini ta' riżorsi li jmorru fis-settur kummerċjabbli. Il-kont kurrenti taż-Żona tal-Euro bħalissa qed jirreġistra wieħed mill-akbar bilanċi pożittivi fid-dinja. Il-bilanċ pożittiv ta' wħud mill-Istati Membri jispikka f'termini ta' daqs u jindika li kemm id-domanda kif ukoll l-investiment interni huma mrażżna.

Il-vulnerabilitajiet assoċjati ma' livelli għolja ta' dejn jibqgħu sors ta' tħassib.
F'ħafna pajjiżi, il-proċess ta' tiswija tal-karta tal-bilanċ qed jagħmel progress, bid-diżingranaġġ li għaddej fis-settur domestiku u tal-kumpaniji. Madankollu, dan id-diżingranaġġ huwa spiss marbut ma' tnaqqis fl-infiq. F'xi pajjiżi, il-livell ta' dejn privat relattiv mal-PDG niżel minħabba rkupru robust fit-tkabbir. L-istokk ta' obbligi jibqa' f'livell storikament għoli f'għadd ta' Stati Membri. F'pajjiżi li fihom il-pressjonijiet tad-diżingranaġġ ikunu ta' piż għall-irkurpu u jnaqqsu l-prospetti għall-investiment u l-konsum, hemm ħtieġa addizzjonali li ssir enfasi fuq il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għat-titjib tal-produttività u l-kompetittività biex jiġi limitat l-impatt tad-diżingranaġġ fuq it-tkabbir u l-impjieg.

Is-settur bankarju żied il-kapitalizzazzjoni tiegħu, iżda l-pressjonijiet marbuta mal-kreditu u l-kwalità tal-assi deterjorati u l-profittabilità baxxa għadhom hemm. Il-banek għamlu progress sostanzjali fl-aġġustament tal-karti tal-bilanċ tagħhom u l-istituzzjonijiet bankarji huma ġeneralment kapitalizzati tajjeb u likwidi. Fl-istess ħin, minħabba l-kombinazzjoni ta' diversi fatturi, is-settur bankarju f'xi pajjiżi għadu qed jirreġistra sehem għoli ta' self mhux produttiv u kwalità ħażina tal-assi. Jekk ma jiġux indirizzati, dawn id-dgħufijiet jistgħu jirriżultaw fi tkabbir imrażżan tal-kreditu u f'allokazzjoni tal-kreditu subottimali. Barra minn hekk, l-ambjent ta' tkabbir baxx u rata baxxa tal-imgħax għandu impatt fuq il-profitti fis-settur bankarju.

Ir-riformi strutturali huma meħtieġa biex jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi fost id-ditti, is-setturi u r-reġjuni, biex jiżdiedu l-produttività, il-kompetittività u l-impjegabilità sostenibbli. L-Istati Membri jeħtieġ li jtejbu r-riallokazzjoni tar-riżorsi disponibbli, billi jċaqalquhom lejn is-setturi negozjabbli u l-aktar ditti produttivi li joperaw f'kull settur tal-ekonomija. Dan jista' jiġi megħjun billi r-riformi jiftħu s-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, biex jagħtu wkoll spinta lis-suq intern tal-UE, u bir-riformi strutturali biex jiġu eliminati l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' prodotti u servizzi.

4.2. L-implimentazzjoni tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Il-Kummissjoni tejbet it-trasparenza tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-valutazzjonijiet fir-rapporti tal-pajjiżi jirriflettu l-impenji meħuda fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar passi lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 10 , fosthom aktar trasparenza fl-implimentazzjoni tal-proċedura. Ir-riżultati tar-reviżjonijiet fil-fond qed jiġu ppreżentati b'mod aktar effettiv fir-rapporti tal-pajjiżi permezz ta' tabelli sommarji, li jiddeskrivu s-sorsi ta' żbilanċi u juru r-riżultati ewlenin fir-rigward tal-iżvilupp tal-varjabbli ekonomiċi rilevanti, ir-rispons ta' politika u l-lakuni pendenti fil-politika. Is-servizzi tal-Kummissjoni se joħorġu wkoll kompendju li se jiġbor l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi f'dokument wieħed.

Il-Kummissjoni qed tissimplifika u tistabbilizza l-kategoriji ta' żbilanċi makroekonomiċi. Biex tiġi żgurata komunikazzjoni aktar effettiva u aktar sempliċi, il-kategorii tal-iżbilanċi makroekonomiċi din is-sena ġew issimplifikati mis-sitta eżistenti għal erbgħa: l-ebda żbilanċi, żbilanċi, żbilanċi eċċessivi u żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva. Dawn il-kategoriji se jinżammu stabbli fis-snin li ġejjin. Se jiġi attivat monitoraġġ speċifiku f'każ ta' żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi u se jiġi modulat skont il-gravità tal-isfidi sottostanti. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż se jitfasslu biex jirriflettu n-natura tal-iżbilanċi, fid-dawl tal-miżuri ta' riforma proposti mill-Istati Membri fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali.

Tabella 1: Il-kategorizzazzjoni tal-iżbilanċi fil-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Kategoriji preċedenti

Kategoriji ssimplifikati

L-ebda żbilanċi

L-ebda żbilanċi

Żbilanċi, li jeħtieġu azzjoni politika u monitoraġġ

Żbilanċi

Żbilanċi, li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ

Żbilanċi, li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku

Żbilanċi eċċessivi, li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku

Żbilanċi eċċessivi

Żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva*

Żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva

Il-kategorija tal-"iżbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva" timplika l-ftuħ tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Fir-reviżjonijiet fil-fond tqiesu wkoll il-konsegwenzi fuq pajjiżi oħra u kwistjonijiet sistemiċi.
L-ewwel rieżami fil-fond L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi tqis il-fatt li approċċ ikkoordinat fil-livell taż-Żona tal-Euro huwa garantit li jindirizza l-iżbilanċi, filwaqt li jappoġġa l-irkupru. Il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi. għandha l-għan li tevita l-iżbilanċi korrettivi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-pajjiż innifsu, għaż-Żona tal-Euro jew għall-UE Fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016 tagħha 11 li ġie ppubblikat flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, il-Kummissjoni kkunsidrat li 18-il Stat Membru għandhom ikunu soġġetti għal rieżami fil-fond biex jiġi vvalutat f'aktar dettall is-severità tal-iżbilanċi possibbli.

Inqas Stati Membri mis-sena li għaddiet huma kkunsidrati li għandhom żbilanċi. Mit-18-il Stat Membru li jeħtieġu aktar analiżi, ir-rieżamijiet fil-fond sabu li sitt Stati Membri ma huma qed jesperjenzaw l-ebda żbilanċi, seba' Stati Membri qed jesperjenzaw żbilanċi, erba' Stati Membri qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi u Stat Membru wieħed qed jesperjenza żbilanċi eċċessivi li jeħtieġu azzjoni korrettiva. Għall-Kroazja u l-Portugall, il-Kummissjoni se tirrevedi l-valutazzjoni tagħha f'Mejju, b'kont meħud tal-livell ta' ambizzjoni tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom (PRN). L-Appendiċi 3 jipprovdi sommarju tas-sejbiet mir-rieżamijiet fil-fond skont l-Istat Membru.



Tabella 2: Eżitu tar-rieżamijiet fil-fond tal-2016 (kategoriji simplifikati)

L-ebda żbilanċi

BE, EE, HU, AT, RO, UK

Żbilanċi*

DE, IE, ES, NL, SI, FI, SE

Żbilanċi eċċessivi*

BG, FR, IT, PT

*Kemm il-kategorija tal-"iżbilanċi" kif ukoll dik tal-"iżbilanċi eċċessivi" jinvolvu monitoraġġ speċifiku, biex jiġu modulati skont il-gravità tal-isfidi.

Fil-kategoriji simplifikati tal-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi, is-sorveljanza se tinkludi l-monitoraġġ speċifiku għall-Istati Membri kollha kkonċernati bi żbilanċi u żbilanċi eċċessivi. Il-monitoraġġ speċifiku għandu jiżgura s-sorveljanza msaħħa tar-reazzjoni politika għall-iżbilanċi identifikati, permezz ta' djalogu intensifikat mal-awtoritajiet nazzjonali, missjonijiet ta' esperti u rapporti ta' progress regolari li għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri. Kuntatti bħal dawn se jgħinu wkoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-Istati Membri kkonċernati.
Il-monitoraġġ jista' jvarja skont in-natura eżatta tal-iżbilanċ. Bħala regola, il-pajjiżi li jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi se jkunu soġġetti għal monitoraġġ aktar strett. Il-pajjiżi fil-kategorija "żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva" se jkunu soġġetti għall-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (PŻE), li tinvolvi rakkomandazzjonijiet ta' politika biex jirrimedjaw l-iżbilanċi u segwitu permezz ta' pjan ta' azzjoni korrettiva.

5. Riformi mill-Istati Membri

Sar progress fir-riformi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dawn l-isforzi ta' riforma jeħtieġ li jkunu appoġġati u msaħħa biex l-ekonomiji jitħejjew għal xokkijiet u tisħiħ tal-kompetittività fil-futur. Is-saħħa u s-sostenibbiltà tal-irkupru jiddependu fuq il-veloċità u l-effettività tal-adozzjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi. Il-fondi tal-UE, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jistgħu u għandhom jintużaw biex jiffaċilitaw ir-riformi. Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-sena l-oħra identifikaw kwistjonijiet li kienu fil-qalba tad-diskussjoni tal-politika ekonomika u soċjali fl-Istati Membri, f'diversi każijiet ir-rapporti tal-pajjiżi jindikaw żviluppi ġodda, bħall-influss ta' migranti u refuġjati.

L-aspetti kwalitattivi tar-riformi huma importanti għas-suċċess. Allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi lejn ditti aktar produttivi żżid ir-rati ta' produttività u ta' tkabbir. Barra minn hekk, din iżżid l-investiment minn ditti aktar effiċjenti, u ssaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir fit-tul tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Ir-riformi fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol jieħdu l-ħin biex iwasslu r-riżultati iżda huma jiskattaw din ir-riallokazzjoni tar-riżorsi, u jattivaw l-investiment u jimmodernizzaw il-bażi produttiva tal-ekonomija tal-UE.

Ir-riformi fil-livell tal-Istati Membri huma meħtieġa biex jikkumplimentaw lil dawk meħuda fil-livell tal-UE. Kien hemm għadd ta' riformi politiċi u għodod miftehma fil-livell tal-UE, li għandhom il-mira li jagħtu ambjent ta' negozju aħjar u ambjent regolatorju aktar ċert u aktar stabbli, bħall-istrateġija tas-suq uniku, is-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija, l-unjoni tas-swieq kapitali, il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari u l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar. It-taqsima ta' hawn isfel tispjega l-progress tal-Istati Membri fl-avvanz tar-riformi fl-oqsma identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-sena li għaddiet.

5.1    It-tnedija mill-ġdid tal-investiment 

It-titjib tal-kundizzjonijiet ta' investiment jeħtieġ azzjoni fuq diversi aspetti. Hemm il-bżonn li jiġi attirat aktar finanzjament privat għall-investimenti fl-ekonomija reali u li jiġi żgurat investiment pubbliku ta' kwalità tajba. F'konformità mal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, biex l-investiment jibda' jagħti kontribut aktar bsaħħtu fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, huwa meħtieġ li jitjieb il-finanzjament ta' riskju, biex jinħoloq ambjent aħjar għall-investiment u biex jiġu żviluppati proġetti ta' investiment strutturati aħjar u aktar viżibbli. Il-Kummissjoni diġà implimentat numru ta' riformi fil-livell Ewropew biex jixprunaw l-investiment bħall-proposta taħt Solvibbilità II. Is-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew ukoll identifikazzjoni dettaljata tal-isfidi ewlenin tal-investiment f'kull Stat Membru 12 . Dawn jinkludu l-ostakli regolatorji u amministrattivi, l-akkwist pubbliku, it-tassazzjoni, is-sistemi ġudizzjarji, l-aċċess għal oqfsa ta' finanzi u ta' insolvenza, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u r-regolamenti settorjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat il-bżonn li jkun hemm aktar aċċess u aċċess diversifikat għal sorsi ta' finanzjament u l-bżonn li testendi l-prijoritajiet lil hinn mill-infrastruttura tradizzjonali biex jiġi inkluż il-kapital uman u l-investiment soċjali relatat.

Sa issa l-investiment naqas milli jitfaċċa bħala mutur bsaħħtu tal-irkupru. 13 L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw ambjent li jwassal għall-investiment - billi jneħħu l-ostakli, jipprovdu prevedibbiltà regolatorja akbar, isaħħu s-suq uniku, jidentifikaw pjan stabbli tal-proġetti u jiżguraw koordinazzjoni u ppjanar mill-livelli kollha tal-amministrazzjoni. Għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja fuq l-investiment għadu qed jinħass, filwaqt li oħrajn esperjenzaw ċaqliċ fil-bilanċ relattiv bejn l-investiment pubbliku u l-investiment privat jew tan-negozju. L-Irlanda hija eżempju ta' Stat Membru li fih, wara proċess ta' aġġustament kbir u diffiċli, l-investiment privat qawwi qed ikollu rwol ċentrali fl-irkupru ekonomiku.

Il-fondi tal-UE komplew ikollhom rwol ewlieni f'għadd ta' Stati Membri. Fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja, il-fondi tal-UE jammontaw għal sehem kbir mill-investiment. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex ittejjeb il-mod kif jiġuu ġestiti u investiti l-fondi. Ir-rati ta' assorbiment jistgħu jiżdiedu permezz ta' kapaċità amministrattiva msaħħa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u ta' assistenza teknika, filwaqt li jagħtu kontribut ukoll għall-aħjar taħlita tal-fondi tal-UE differenti.

Fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma marbuta mill-qrib mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-isfidi makroekonomiċi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Lil ħinn mil-livelli ta' assorbiment, huwa importanti li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jitpoġġew fl-aktar użu effettiv f'termini ta' indirizzar tal-isfidi ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri. L-ipprogrammar imdewwem ta' wħud mill-fondi issa jitlob għal sforzi żejda, biex jiġi żgurat żbors aktar mgħaġġel u mingħajr xkiel. Xi wħud mill-Istati Membri xorta għad iridu jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante, inkella l-Kummissjoni tista' tissospendi d-dividendi interim tal-programm ikkonċernat. L-iffinanzjar skont il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (inkluż aktar minn EUR 4,1 biljun għas-settur tat-trasport waħdu) u fondi tal-UE oħra ġestiti b'mod dirett huwa addizzjonali għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, u dawn l-opportunitajiet għandhom jiġu kkombinati bl-aħjar mod. Taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, iktar minn EUR 450 biljun huma disponibbli għall-Istati Membri bejn l-2014 u l-2020 biex jiffinanzjaw it-tkabbir intelliġenti u inklussiv, il-kompetittività u l-koeżjoni.

Minkejja li sar xi progress, l-ostakli għall-investiment baqgħu jippersistu f'xi setturi ewlenin f'ħafna Stati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ għas-servizzi, l-industriji tan-netwerk u l-kostruzzjoni. L-ambjent ta' negozju relattivament favorevoli fi Stati Membri bħall-Estonja u r-Renju Unit jaġixxi bħala inċentiv għall-investiment. Madankollu, għadd ta' Stati Membri huma kkaratterizzati minn ostakli għall-investiment fil-forma ta' piż amministrattiv, burokrazija, amministrazzjoni pubblika ineffiċjenti, inċertezza legali jew ambjenti leġiżlattivi li qed jinbidlu, u nuqqas ta' trasparenza li tfixkel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ġew identifikati proċeduri kumplessi jew twal fi proġetti fuq skala kbira f'diversi Stati Membri. Dawn jistgħu joħolqu ostakli ta' dħul jew ta' twaqqif, pereżempju fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi professjonali. F'uħud mill-Istati Membri, l-aċċess diffiċli għall-finanzi jaġġixxi wkoll bħala xkiel għall-investiment.

Użu mill-ġdid tas-self lill-ekonomija reali

Is-settur finanzjarju kompla bit-tnaqqis tal-kundizzjonijiet ta' kreditu. Minkejja t-tnaqqis fit-tkabbir ta' kreditu f'pajjiżi fejn għaddej id-diżingranaġġ, qed ikun hemm żviluppi pożittivi fil-provvista tal-kreditu. Skont l-istħarriġ dwar is-self tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Jannar 2016 14 , il-banek irrappurtaw tnaqqis nett ulterjuri kontinwu ta' standards ta' kreditu fuq is-self lil intrapriżi u lil unitajiet domestiċi għax-xiri ta' djar, u fuq il-kreditu lill-konsumatur. Il-kompetizzjoni baqgħet il-fattur ewlieni li jmexxi t-tnaqqis fl-istandards ta' kreditu tal-banek fuq self lil intrapriżi. Il-banek komplew inaqqsu t-termini u kundizzjonijiet għal self ġdid fil-kategoriji ta' self kollha, b'mod partikolari għall-intrapriżi. Il-progress li qed isir fit-tisħiħ tal-banek jappoġġa wkoll kundizzjonijiet ta' kreditu aktar faċli.

Sar xi progress fit-titjib tal-aċċess għall-finanzi. Diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ jew żiedu l-inizjattivi biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi. L-Ungerija nediet l-Iskema Fondi għat-Tkabbir. Bħalissa għaddejjin ukoll diversi inizjattivi biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi għal intrapriżi żgħar u medji, b'mod partikolari bl-użu tal-fondi tal-UE. Pereżempju, il-Portugall għamel ir-riżorsi għall-investiment fl-ekwità u l-kapital tar-riskju disponibbli permezz tal-fondi strutturali u l-fondi nazzjonali. Malta qed tgħaqqad fondi lokali u tal-UE biex tagħti l-krediti ta' taxxa, għotjiet jew garanziji finanzjarji lill-SMEs.

L-oqfsa ta' insolvenza ttejbu f'għadd ta' Stati Membri. Il-Kroazja rrevediet il-leġiżlazzjoni tal-insolvenza korporattiva u personali. L-Irlanda introduċiet bidliet fil-qafas tal-insolvenza bil-għan li żżid l-użu ta' insolvenza personali u ta' skemi ta' falliment. Spanja introduċiet qafas ġdid ta' insolvenza personali u għamlet il-proċeduri ta' insolvenza korporattiva u l-proċeduri barra l-qorti aktar flessibbli.

5.2    It-twettiq ta' riformi strutturali biex jiġu mmodernizzati l-ekonomiji

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, il-Kummissjoni enfasizzat fuq il-koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri, bil-għan li jkun hemm produttività ogħla u konverġenza 'l fuq; il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà fil-politiki tas-suq tax-xogħol; u l-bżonn għal swieq tal-prodott u tas-servizzi aktar integrati u aktar kompetittivi.

L-impjieg u l-politika spoċjali

L-impjieg qed jikber kemm fl-UE kif ukoll fiż-Żona tal-Euro. Il-qgħad, inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ, qed jonqos. Fl-istess ħin, il-qgħad fit-tul kien għadu qed jikber fl-2015 meta mqabbel mal-2014 minkejja li, matul is-sena, ġie osservat tnaqqis gradwali. Il-qgħad fit-tul jikkonċerna 10,5 miljun ruħ u huwa responsabbli għal 48 % tal-qgħad totali. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ta' 20 %, li jfisser li 4,5 miljun żagħżugħ huma qiegħda. F'xi Stati Membri, ħafna żgħażagħ qed jitilqu mill-pajjiż. Fil-Greċja, Spanja, il-Kroazja u l-Italja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jammonta għal madwar 40 % jew aktar. Barra minn hekk, għadd ta' Stati Membri għandhom livelli għolja ta' żgħażagħ li mhumiex qegħdin f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, li jilħqu iktar minn 20 % fil-Bulgarija u l-Italja.

Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-kompetittività tal-UE, jibqa' importanti li, fuq żmien medju, il-pagi reali jkomplu jsegwu l-produttività. Numru ta' pajjiżi għamlu sforzi biex itejbu s-sensibilità tas-swieq tax-xogħol tagħhom u biex jiffaċilitaw it-tkabbir tal-kumpaniji. Dan kien jinkludi t-tneħħija ta' xi regoli dwar limiti għall-kumpaniji u t-titjib tal-prevedibbiltà tar-riżultati ta' tilwim industrijali, li jistgħu jiffaċilitaw ir-reklutaġġ inizjali mill-kumpaniji. Filwaqt li kien hemm allinjament ġenerali tal-iżviluppi fil-pagi mal-livelli ta' produttività fl-UE, il-progress f'dan il-qasam fi ftit Stati Membri kien limitat. B'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2015, ġew konklużi ftehimiet għall-moderazzjoni tal-pagi bejn is-setturi fil-Finlandja għall-2014-2015 u fi Spanja għall-2015-2017. Ġew introdotti mekkaniżmi ġodda biex jistabbilixxu l-paga minima fl-Irlanda u ġiet introdotta paga minima mandatorja nazzjonali fil-Ġermanja.

Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tiġi ffaċċjata s-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol. It-tnaqqis tad-distakk regolatorju bejn kuntratti miftuħa u mhux standard jista' jrawwem it-tranżizzjonijiet lejn kuntratti miftuħa u jippromwovi l-ħolqien tal-impjieg stabbli, jinċentivizza lill-impjegaturi u l-impjegati biex jinvestu fil-ħiliet u fit-tagħlim tul il-ħajja. Ir-riformi f'dan is-sens komplew fl-2015, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, speċjalment f'pajjiżi li qed jesperjenzaw duwalità konsiderevoli tas-suq tax-xogħol bħall-Italja u l-Polonja. Bħala parti minn riforma komprensiva tas-suq tax-xogħol, l-Italja ssimplifikat l-arranġamenti kuntrattwali u l-proċeduri tal-liġi tax-xogħol u naqqset l-ambitu għall-integrazzjoni mill-ġdid wara tkeċċijiet inġusti.

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, implimentata issa għat-tielet sena, qed tagħti riżultati. 
Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE qed titjieb, u l-isforzi lejn tranżizzjonijiet aħjar mill-iskola għax-xogħol ġew intensifikati, inkluż permezz tal-attivazzjoni bikrija u s-sensibilizzazzjoni għal dawk li mhumiex qegħdin f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Sensibilizzazzjoni mtejba, sostenn mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għaż-żgħażagħ speċifiku iżjed, disinn imtejjeb ta' strumenti attivi tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ u fokus aktar qawwi fuq apprendistati ta' kwalità huma fost ir-riżultati ewlenin. Ir-riformi fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ aċċelleraw, partikolarment fl-Istati Membri li jiffaċċjaw sfidi sinifikanti, bħall-Italja u l-Portugall, u fl-Istati Membri li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-UE li permezz tiegħu, jistgħu jiġu indirizzati miżuri innovattivi fuq skala kbira u riformi strutturali.

Filwaqt li sar progress biex il-persuni qiegħda jinġiebu lura għas-suq tax-xogħol, jeħtieġ aktar riformi tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Għadd ta' Stati Membri bħal Spanja, Franza, il-Latvja u l-Finlandja nedew miżuri attivi ġodda li jimmiraw dawk li ilhom tul ta' żmien bla xogħol. L-Italja qed tibda tirriforma l-governanza tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u ssaħħaħ ir-rabtiet ma' politiki passivi. Madankollu, xi sfidi oħra għadhom iridu jiġu indirizzati, bħall-koordinazzjoni insuffiċjenti bejn l-impjieg u s-servizzi soċjali, in-nuqqas ta' involviment u sħubiji mal-impjegaturi, ir-rati ta' parteċipazzjoni relattivament baxxi fil-miżuri attivi ta' politika tas-suq tax-xogħol u l-finanzjament insuffiċjenti tagħhom. Barra minn hekk, xi pajjiżi ma jipprovdux approċċi individwalizzati abbażi ta' tfassil ta' profil, tqabbil tal-ħiliet jew konsulenza intensiva. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-integrazzjoni ta' dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil fis-suq tax-xogħol adottata mill-Kunsill f'Diċembru 2015 15 toffri lill-Istati Membri gwida dwar kif għandhom iżidu l-isforzi biex jindirizzaw il-qgħad fit-tul.

Il-faqar jeħtieġ rispons politiku komprensiv. Ittieħdu jew qed jittieħdu passi f'għadd ta' Stati Membri fir-rigward tal-assistenza soċjali u, b'mod partikolari, l-adegwatezza u / jew il-kopertura tad-dħul minimu. Minħabba li l-appoġġ tad-dħul għandu jkun ikkombinat ma' tqabbil tajjeb tas-suq tax-xogħol, qed jiġu introdotti wkoll inċentivi finanzjarji u mhux finanzjarji varji biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn għas-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu d-disinn ta' sistemi ta' benefiċċji tal-qgħad fid-Danimarka u l-Italja u benefiċċji għal dawk f'impjieg f'Malta. Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, xi Stati Membri, bħar-Renju Unit, qed jippruvaw jissimplifikaw diversi benefiċċji billi jintegrawhom fi skemi usa'. Minħabba tħassib dwar l-effetti tal-faqar li dejjem jiżdied fost it-tfal, ċerti Stati Membri żiedu l-benefiċċji soċjali korrispondenti. Sar progress limitat dwar l-inklużjoni tar-Roma fl-Istati Membri rilevanti.

L-integrazzjoni b'suċċess tal-migranti u r-refuġjati f'ċerti Stati Membri titlob attenzjoni partikolari. L-influss kbir ta' migranti u refuġjati matul l-aħħar sena hija sfida ewlenija għal ħafna Stati Membri u l-UE. Madankollu, huwa wkoll opportunità, speċjalment għall-Istati Membri li għaddejjin minn bidliet demografiċi. L-esperjenza fil-passat ta' flussi ta' refuġjati tissuġġerixxi li dawn jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet akbar biex jintegraw fis-suq tax-xogħol miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-integrazzjoni b'suċċess teħtieġ, fost affarijiet oħrajn, valutazzjoni bikrija tal-ħiliet, l-għarfien rapidu tal-kwalifiki u taħriġ tal-lingwa xieraq għall-aċċess bikri u effettiv għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Minħabba s-sehem kbir ta' tfal u żgħażagħ (madwar 26 %), is-sistemi edukattivi b'mod partikolari jridu jadattaw malajr u joffru programmi mfassla apposta għall-ħiliet bażiċi u lingwistiċi. Barra minn hekk, l-integrazzjoni b'suċċess tan-nisa jistħoqqilha attenzjoni partikolari.

Il-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ tibqa toħloq tħassib f'ħafna Stati Membri. Għalkemm is-sehem ta' studenti li jitilqu l-iskola kmieni niżel għal medja ta' 11,1 %, disa' Stati Membri għadhom 'il fuq mill-mira strateġika ewlenija tal-Ewropa 2020 ta' 10 %. Dawn id-dgħufijiet strutturali jpoġġi l-potenzjal ta' tkabbir tal-Ewropa f'riskju. Bosta Stati Membri qegħdin jiżviluppaw strateġiji ta' ħiliet u jimplimentaw riforma strutturali tas-sistemi edukattivi tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka adottat riforma tal-edukazzjoni superjuri u l-Bulgarija adottat l-Att dwar l-Edukazzjoni Preprimarja u l-Edukazzjoni fl-Iskola, li jipprovdi qafas ġuridiku kkonsolidat għat-titjib tal-kwalità u l-ekwità tal-edukazzjoni fil-livelli primarji u sekondarji. L-Italja introduċiet riforma tal-iskola li żżid l-awtonomija tal-iskola, bl-introduzzjoni ta' komponenti bbażati fuq il-mertu għas-salarji tal-għalliema u t-titjib tas-sistema ta' reklutaġġ tal-għalliema.

Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għandu jitnaqqas aktar. Bosta Stati Membri ħadu miżuri biex inaqqsu t-tassazzjoni tax-xogħol. Pereżempju, Franza u l-Estonja ħadu passi biex inaqqsu t-tassazzjoni tax-xogħol fuq dawk li jaqilgħu dħul baxx. Barra minn hekk, ġew implimentati riformi tat-tassazzjoni tax-xogħol f'xi Stati Membri kkaratterizzati minn rati ta' qgħad għoljin, bħall-Belġju, Spanja u l-Italja. Madankollu, il-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol, b'mod partikolari fuq dħul baxx, tibqa' għolja f'bosta Stati Membri u saħansitra żdiedet f'xi pajjiżi.

Ambjent tan-negozju u industriji ta' netwerk

Ambjent regolatorju favorevoli iktar għan-negozju u għall-impjieg se jħeġġeġ l-investiment privat. It-titjib tal-prattiki tal-amministrazzjoni pubblika, l-eliminazzjoni tal-korruzzjoni, l-introduzzjoni tat-trasparenza, regolamenti prevedibbli u ħfief jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-progress jista' jiġi rrappurtat f'dan is-sens. L-Italja ħadet passi biex tirriforma ulterjorment u taċċellera l-proċeduri ta' esklużjoni ta' insolvenza. Franza kompliet issegwi aġenda ambizzjuża ta' simplifikazzjoni li tinkludi sa issa aktar minn 600 miżura, li minnhom madwar terz ġew implimentati sa issa. Il-Kroazja għamlet xi progress fit-titjib tal-qafas tal-preinsolvenza u l-insolvenza għall-entitajiet korporattivi. Malta introduċiet numru ta' sistemi teknoloġiċi u proċedurali ġodda biex tnaqqas il-burokrazija u d-dewmien fil-qrati ċivili. Fil-Latvja, sar progress sostanzjali dwar l-oqfsa ta' medjazzjoni u arbitraġġ. Il-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja jibqgħu sfida f'ċerti Stati Membri, anki jekk ir-riformi tal-ġustizzja għamlu xi progress fl-Italja, il-Latvja u s-Slovenja.

Hemm aktar lok għat-tnaqqis tal-burokrazija, it-tisħiħ kemm tal-effiċjenza amministrattiva kif ukoll tal-kwalità regolatorja. Id-dewmien fil-proċeduri ta' liċenzjar għadu sinifikanti u aktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri għadhom jimponu ħlas lil start-ups fuq il-limitu ta' EUR 100 kif issuġġerit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar. Ir-riformi strutturali ħafna drabi jiġu posposti min-nuqqas ta' kapaċità ta' implimentazzjoni u strutturi istituzzjonali instabbli. L-effiċjenza tal-investiment pubbliku hija ta' spiss imxekkla min-nuqqasijiet relatati mal-evalwazzjoni tal-proġetti, l-akkwist, l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni dgħajfa bejn il-livelli differenti ta' gvern. Il-provvista ta' servizzi elettroniċi tal-gvern avvanzati u integrati sew għan-negozji tibqa' sfida f'ħafna Stati Membri.

L-akkwist pubbliku għadu qasam li jeħtieġ aktar titjib. Għal xi Stati Membri, in-nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku jibqa' wieħed mis-sorsi ewlenin ta' irregolaritajiet misjuba fil-verifiki tal-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Dawn jaġixxu bħala deterrent għall-investiment u l-funzjonament korrett tas-suq uniku. L-akkwist pubbliku huwa wkoll qasam fejn hemm tħassib dwar il-korruzzjoni.

L-investimenti fin-netwerks tal-enerġija u tat-trasport jikkontribwixxu għal swieq integrati u li jaħdmu aħjar, sigurtà tal-provvista mtejba, u huma essenzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. It-tlestija ta' interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass bejn Spanja u Franza, pereżempju, se tkun kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u t-titjib tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija. L-investimenti fil-kapaċità ta' trasmissjoni tal-elettriku kif ukoll l-interkonnessjonijiet tal-gass mal-Istati Baltiċi u bejniethom qed jimxu 'l quddiem ukoll bil-għan li jintegraw dawn l-Istati Membri fin-netwerks u s-swieq tal-enerġija Ewropej. L-aħħar tlestija l-konnessjonijiet tal-elettriku bejn it-tliet Stati Baltiċi u l-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja u ġġib il-proporzjon ta' interkonnessjonijiet għal madwar 25 %, b'aktar investimenti fl-interkonnessjonijiet li għaddejjin bejn l-Istati Baltiċi. Spanja stabbilixxiet fond biex ittejjeb l-aċċess mill-art tal-portijiet marittimi.

Il-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE teżiġi t-tneħħija tad-defiċits tal-infrastruttura f'netwerks ta' komunikazzjoni diġitali. Iż-żieda mistennija fid-domanda ta' networks ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja ma għandhiex tiġi ttardjata minn reazzjonijiet tard min-naħa tal-provvista. F'ċerti Stati Membri, minkejja sforzi sinifikanti biex titjieb il-kopertura ta' netwerks ta' infrastruttura tal-komunikazzjoni ta' ġenerazzjoni ġdida, se jkun diffiċli biex tintlaħaq il-mira tal-Aġenda Diġitali dwar il-kopertura tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmissta' 30 Mbps jew aktar għal kulħadd sal-2020.

Ir-riformi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi

In-numru ta' restrizzjonijiet fis-setturi tas-servizzi għadu għoli f'ħafna Stati Membri tal-UE. Kif rifless fl-aħħar stimi tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku 16 , ir-restrizzjonijiet regolatorji għandhom impatt detrimentali li ġie ppruvat fuq l-investiment, it-tkabbir u l-impjieg. Ir-rekord tas-Semestru Ewropew f'dan il-qasam juri li r-riformi jaħdmu.

Ir-rekord tas-Semestru Ewropew f'dan il-qasam juri li r-riformi jaħdmu. L-OECD 17 stmat li r-riformi strutturali introdotti fl-Italja fl-2012 għandom iżidu l-PDG b'1,5 punti perċentwali ħames snin wara l-introduzzjoni tagħhom. Ħafna minn dawn ir-riformi huma tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-Italja fil-kuntest tas-Semestru. Riformi oħra taw riżultati viżibbli aktar malajr. Bi tweġiba għal rakkomandazzjoni maħruġa lil Spanja fl-2012, l-introduzzjoni ta' liċenzi espliċiti għall-ftuħ ta' stabbilimenti kummerċjali wasslet għall-ftuħ ta' 7 000 stabbiliment żejjed fl-ewwel nofs tal-2013.

Ir-rapporti tal-pajjiżi juru progress pożittiv iżda xorta kajman fir-riforma tas-swieq tas-servizzi f'ħafna Stati Membri. Il-kontribut tas-settur tas-servizzi tan-negozju għall-produttività tal-manifattura u tas-setturi tas-servizzi l-oħra huwa essenzjali għall-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE. Il-livell u n-numru ta' restrizzjonijiet li jipprevalu fis-swieq tas-servizzi tan-negozju professjonali, speċjalment fl-inġinerija, il-kontabilità, l-arkitettura u s-servizzi legali, jistħoqqilhom attenzjoni speċjali.

Ir-riformi fis-servizzi professjonali jistgħu jipprovdu riżultati tanġibbli, iżda l-progress qed isir partikolarment bil-mod. Wara rakkomandazzjoni fl-2011, is-Slovenja adottat fl-2012 programm immirat lejn id-derogolamentazzjoni tal-professjonijiet. Inħarġu rakkomandazzjonijiet ulterjuri fis-snin sussegwenti, li wasslu għad-deregolamentazzjoni sħiħa jew is-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-professjonijiet f'bosta setturi (il-kostruzzjoni, il-bejgħ bl-imnut, it-turiżmu) fil-preżent. Il-Polonja bdiet fl-2012 proċess gradwali u estensiv ta' riformi tal-professjonijiet regolati. Ir-riforma kopriet 248 professjoni u, għal ħafna minnhom, l-ostakli eżistenti tneħħew parzjalment, filwaqt li għal 70 minnhom ir-restrizzjonijiet tneħħew kompletament. Il-Polonja adottat it-tielet u l-aħħar porzjon ta' din ir-riforma ta' deregolamentazzjoni fl-2015. Wara rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż fl-2014 dwar is-servizzi legali, l-Irlanda kienet għamlet progress sinifikanti sal-aħħar tal-2015, bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni għall-ftuħ ta' dawn is-swieq.

Is-settur tal-kostruzzjoni jista' jipprovdi kontribut importanti għall-konsolidazzjoni tal-irkupru, iżda r-riformi huma meħtieġa. L-irkupru tas-settur wara l-kriżi qed isir bil-mod u diffiċilment u r-riformi jikkontribwixxu għall-attivazzjoni mill-ġdid tiegħu, għalkemm il-livelli mhux sostenibbli ta' qabel il-kriżi ma għandhomx jittieħdu bħala referenza. Fl-2015, il-Kummissjoni wettqet rieżami fil-fond tal-ostakli fis-settur tal-kostruzzjoni, li kkonferma d-diversità wiesgħa tat-trattament bejn l-Istati Membri.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fuq is-settur tal-kostruzzjoni nħarġu biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet regolatorji fid-Danimarka, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja fis-snin riċenti. Sa issa, il-progress kien limitat. Sa minn Gunju 2015, Liġi ġdida dwar il-Kostruzzjoni ssimplifikat l-obbligi amministrattivi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni fil-Polonja. Madankollu, din indirizzat biss numru limitat ta' kwistjonijiet. Fl-Iżvezja, ġiet assenjata kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga u toħroġ bi proposti dwar kif tista' tittejjeb il-kompetizzjoni fis-setturi tal-kostruzzjoni tad-djar u tal-materjali tal-bini. Fis-Slovakkja, ġiet adottata emenda għall-Att dwar il-Kostruzzjoni f'Settembru 2015 biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-kisba ta' permessi għall-użu tal-art u tal-kostruzzjoni.

It-tisħiħ tal riformi biex jitnaqqsu l-ostakli regolatorji fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ikollu impatt pożittiv konsiderevoli. Żieda fil-pressjonijiet kompetittivi wara tnaqqis fl-ostakli itejjeb l-istruttura tas-suq u d-dinamiċi tal-investiment, li jwassal għad-dħul ta' kumpaniji aktar effiċjenti u innovattivi. Il-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet orħos, aktar varjetà, innovazzjoni u kwalità ogħla, u b'hekk jiġi stimolat il-konsum.

Kollox ma' kollox, l-Istati Membri għamlu xi progress fit-titjib tal-ambjent regolatorju fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, iżda xorta hemm bżonn ta' aktar sforzi. B'mod partikolari, hemm lok fejn jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' stabbiliment. Il-Finlandja neħħiet il-liġi li tirregola l-ħinijiet tal-ftuħ u ttieħdu xi passi wkoll biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' stabbiliment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut permezz ta' emendi għall-ippjanar tal-użu tal-art. Fi Spanja, ir-riforma tal-2014 fis-settur tal-bejgħ bl-imnut stabbilit ir-raġunijiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u operattivi. Madankollu, il-benefiċċji ta' din ir-riforma jistgħu jinħasdu biss fil-prattika meta l-komunitajiet awtonomi jadottaw l-atti implimentattivi meħtieġa.

Ir-rapporti tal-pajjiżi jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aktar riformi mmirati lejn it-tnaqqis tal-ostakli fis-swieq tal-prodotti. L-Italja wettqet riformi fis-snin riċenti biex tnaqqas ir-restrizzjonijiet tas-suq u żżid il-kompetizzjoni permezz ta' pakkett ta' liberalizzazzjoni fl-2012 u pjan ta' privatizzazzjoni u liġi dwar il-kompetizzjoni aktar riċenti. Huwa mistenni li ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni u l-pjan ta' privatizzazzjoni jistgħu jkabbru lill-PDG bi kważi 0,2 % fl-2020. Xi Stati Membri għadhom juru livell komparattivament għoli ta' piż regolatorju għas-swieq tal-prodotti fis-setturi bħall-elettriku, il-gass, it-telekomunikazzjonijiet, il-posta, il-ferrovija u t-trasport bit-triq.

Ir-riformi għal kull Stat Membru biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u biex tinkiseb ekonomija ferm aktar ċirkolari se jikkontribwixxu lejn l-istimolu tal-investimenti. Diversi Stati Membri qed jieħdu passi f'din id-direzzjoni. Programmi ta' ekonomija ċirkolari ġew stabbiliti fil-Belġju u fin-Netherlands. Il-Portugall adotta Impenn lejn Tkabbir Ekoloġiku billi għamel sensiela estensiva ta' miżuri li jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti, ekoloġika u b'livell baxx ta' karbonju.

L-innovazzjoni

L-innovazzjoni hija mutur għall-immodernizzar tal-ekonomija, tattira l-investiment u tappoġġa t-tkabbir ekonomiku. Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għall-innovazzjoni jeħtieġ kombinazzjoni ta' inċentivi finanzjarji u rabta aktar b'saħħitha bejn in-negozju u l-akkademja. Sabiex jiġu stimulati r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għadd li dejjem jikber ta' Stati Membri jenfasizzaw miżuri ta' appoġġ indiretti, bħall-inċentivi fiskali. Pereżempju, il-Polonja introduċiet inċentivi ġodda fuq ir-riċerka u t-taxxa għall-iżvilupp fil-bidu tal-2016. Hemm ukoll eżenzjonijiet mit-taxxa ġodda għall-fondi fuq il-bejgħ ta' stokks ta' kumpaniji kwalifikanti, li huma mistennija li jipprovdu stimolu għall-finanzjament ta' ekwità għan-negozji innovattivi. L-Estonja nediet inizjattivi li jippromwovu l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku u pprovdiet finanzjament għal bosta ċentri tat-teknoloġija u sistema ta' vawċer tal-innovazzjoni, li tippermetti l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju biex jikkooperaw mal-universitajiet u ċ-ċentri ta' kompetenza. Madankollu, ir-rabta bejn l-akkademja, ir-riċerka u l-innovazzjoni tan-negozju għandha bżonn tissaħħaħ f'ħafna Stati Membri, speċjalment f'dawk fejn il-prestazzjoni ġenerali tal-innovazzjoni reċentement staġnat jew saħansitra naqset, u f'oħrajn fejn għad hemm distakk sinifikanti fil-prestazzjoni tal-mexxejja fl-innovazzjoni, minkejja xi progress riċenti.

5.3    Il-politiki fiskali responsabbli

Għalkemm id-defiċits tal-baġit nominali tnaqqsu sostanzjalment fis-snin riċenti u huma pproġettati li jkomplu jonqsu, diversi Stati Membri qed jonqsu milli jilħqu l-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment mill-massimu milħuq fl-2014. It-tnaqqis tad-defiċit matul il-perjodu 2015-2017 kien xprunat l-aktar mill-irkupru ekonomiku u n-nefqa tal-imgħax iktar baxxa, filwaqt li oġġetti oħra ta' dħul u nefqa huma b'mod ġenerali espansjonisti. Bħala riżultat, id-defiċit strutturali huwa mistenni li jiżdied bi ftit fiż-Żona tal-Euro u li jistabbilizza fl-UE wara snin ta' titjib kontinwu. Il-politiki fiskali għandhom jiġu evalwati skont l-għanijiet paralleli tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-irkupru moderat.

It-tkabbir jista' jiġi appoġġat billi l-kompożizzjoni tad-dħul u n-nefqa ssir iktar favorevoli għat-tkabbir. Jeħtieġ li jsir aktar progress fuq it-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Biex jitkompla jinbena fuq il-progress li sar dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u t-titjib fl-amministrazzjoni tat-taxxa, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex is-sistemi tat-taxxa jsiru aktar ġusti u aktar effettivi, biex jiġu indirizzati d-diżinċentivi għall-ħolqien tax-xogħol, biex tingħata prijorità lin-nefqa li jiffavorixxi t-tkabbir u biex jiġi ppreservat l-investiment pubbliku produttiv. F'dan ir-rigward, it-tnaqqis ulterjuri mbassar fil-proporzjon ta' investiment pubbliku għall-PDG matul il-perijodu 2015-2017 juri li hemm bżonn ta' aktar sforzi.

Kaxxa 1. Aġġornament dwar is-sorveljanza permezz tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Fil-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tal-2016 għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, ippubblikata f'Novembru 2015, il-Kummissjoni indikat li għal erba' pajjiżi (Spanja, l-Italja, il-Litwanja u l-Awstrija 18 ), dawn il-pjanijiet ħolqu riskju ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Seba' pajjiżi (il-Belġju, l-Irlanda, Franza, il-Latvja, Malta, is-Slovenja u l-Finlandja) instabu li kienu ġeneralment konformi, filwaqt li l-Ġermanja, l-Estonja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovakkja kienu konformi mar-rekwiżiti għall-2016. Il-Portugall ma ppreżentax l-abbozz ta' pjan baġitarju tiegħu sal-iskadenza iżda fit-22 ta' Jannar 2016, minħabba l-elezzjonijiet nazzjonali f'Ottubru 2015 u ż-żmien meħtieġ sabiex jiġi ffurmat gvern ġdid.

Wara l-finalizzazzjoni tal-baġits 2016 għal ħafna mill-Istati Membri, it-tbassir tax-xitwa 2016 tal-Kummissjoni jipprovdi bażi għall-valutazzjoni ta' kif l-Istati Membri ħadu kont tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tagħhom u ħadu azzjoni fuq l-impenji tagħhom li saru fil-Grupp tal-Euro.

Huwa mbassar li Spanja ma laħqitx il-mira ta' defiċit nominali tagħha għall-2015 u huwa pproġettat li ma tlaħħaqx tagħmel korrezzjoni f'waqtha u dejjiema sal-2016, filwaqt li l-isforz fiskali rrakkomandat mhux qed isir.

Rigward il-Belġju, il-Finlandja u l-Italja, il-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ mill-qrib tal-konformità mal-kriterju tad-dejn u tenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni qawwija u kontinwa tal-konformità mal-aġġustamenti strutturali rrakkomandati skont il-Patt. Il-Kummissjoni se terġa' tevalwa s-sitwazzjoni f'Mejju abbażi tad-dejta tar-riżultati għall-2015, il-Programmi ta' Stabbiltà li jmiss u t-tbassir tar-Rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni.

Il-Portugall ippreżenta l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tiegħu fit-22 ta' Jannar 2016. Fl-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz Pjan Baġitarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pjanijiet tal-gvern huma f'riskju ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u stiednet lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri neċessarji fil-proċess baġitarju nazzjonali sabiex jiżguraw li l-baġit tal-2016 ikun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Kummissjoni se terġa' tevalwa s-sitwazzjoni f'Mejju abbażi tal-programm ta' riforma nazzjonali tal-Portugall.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi baġitarji tal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, abbażi tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u l-Programmi ta' Stabbiltà jew Konverġenza li għandhom jiġu ppreżentati sa nofs April, u se tipprovdi r-rakkomandazzjonijiet tagħha f'Mejju, flimkien ma' passi proċedurali oħrajn skont il-Patt kif meħtieġ.

Ir-rapporti tal-pajjiżi jinkludu wkoll valutazzjoni tar-rispons tal-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet li jsejħu għat-tisħiħ tad-dimensjoni istituzzjonali u fuq terminu itwal ta' żmien tal-politika fiskali tagħhom.

L-istituzzjonijiet fiskali u l-governanza, u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi

Bosta Stati Membri ħadu passi biex isaħħu bosta aspetti tal-oqfsa fiskali tagħhom. Qed isir progress lejn oqfsa fiskali nazzjonali aktar b'saħħithom, li huma importanti għall-kisba u ż-żamma ta' politiki fiskali adegwati. Il-Bulgarija adottat leġiżlazzjoni li tispeċifika l-kundizzjonijiet li jiggwidaw il-korrezzjoni ta' nuqqasijiet, il-Kroazja għamlet xi sforzi biex ittejjeb l-eżattezza tal-ippjanar baġitarju u biex tissikka l-kontroll tan-nefqa, il-Portugall irriforma aktar il-Liġi dwar il-Qafas Baġitarju u s-Slovenja adottat leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni għar-regola kostituzzjonali ta' bilanċ baġitarju. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti li jimmonitorjaw l-applikazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali u l-pjanijiet fiskali ġew stabbiliti jew imsaħħa f'ħafna mill-Istati Membri. Sal-lum, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja jibqgħu l-uniċi Stati Membri li ma lleġiżlawx għat-twaqqif ta' kunsilli fiskali.

Il-Kummissjoni qed tirrevedi t-traspożizzjoni tar-regoli stabbiliti fl-hekk imsejjaħ Patt Fiskali, 19 li huma maħsuba biex isaħħu l-konsistenza bejn l-oqfsa fiskali nazzjonali u Ewropej u jtejbu s-sjieda tagħhom fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija involuta fil-konsultazzjonijiet mal-Partijiet Kontraenti, bil-għan li tagħtihom l-opportunità li jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 8(1) tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, qabel l-adozzjoni tar-rapport tagħha fl-2016.

Iż-żieda mbassra fin-nefqa marbuta mal-età tista' toħloq riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu medju sa twil. Il-popolazzjoni qed tixjieħ b'mod rapidu fl-UE u fiż-Żona tal-Euro b'mod partikolari. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija mistennija li tonqos b'rata medja annwali ta' 0,4 % matul l-erbgħin sena li ġejjin. Ix-xjuħija għandha impatt dirett fuq il-finanzi pubbliċi minħabba n-nefqa fuq il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Jekk ma jittiħdux miżuri korrettivi, aktar minn nofs l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi ta' sostenibbiltà medji jew għoljin. 20 Sar progress tajjeb f'ħafna pajjiżi u l-isfidi ta' sostenibbiltà fit-tul naqsu sa mill-bidu tal-kriżi, b'mod partikolari minħabba r-riformi tal-pensjonijiet implimentati u l-konsolidazzjoni fiskali riċenti. Madankollu, għad hemm sfidi sinifikanti li jridu jiġu ffaċċjati f'termini ta' żviluppi proġettati fin-nefqa relatata mal-età.

Il-progress fir-riforma tas-sistemi ta' pensjonijiet ivarja fost l-Istati Membri. Is-sistema tal-pensjonijiet kienet identifikata bħala sfida fit-tul f'għadd ta' Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja) fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-sena l-oħra. Il-Belġju adotta l-aħħar parti tar-riforma tal-pensjonijiet li ġiet miftiehma fl-2014, b'mod partikolari ż-żieda fl-età tal-irtirar statutorju għal 66 sena fl-2025 u 67 sena fl-2030. Fil-Finlandja, il-Parlament adotta riforma tal-pensjonijiet f'Novembru 2015. B'mod partikolari, l-iżjed età bikrija ta' eliġibbiltà għall-pensjoni se tiżdied gradwalment għal 65 sal-2025. Sa mill-2027, l-iżjed età bikrija ta' eliġibbiltà għall-pensjoni se tkun marbuta mal-istennija tal-ħajja biex il-perjodu li wieħed iqatta' jaħdem meta mqabbel ma' dak li wieħed iqatta' rtirat jibqa' fil-livell tal-2025. Fi Franza, il-ftehim ta' Ottubru 2015 bejn l-imsieħba soċjali huwa mistenni jtejjeb il-qagħda finanzjarja tal-iskema tal-pensjoni komplementari.

Għal għadd ta' Stati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikaw li s-sistemi tas-saħħa jeħtieġu attenzjoni partikolari. Il-progress fir-riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, bil-għan li jissarraf f'effiċjenza u f'aċċess affordabbli għas-servizzi, ivarja fost l-Istati Membri. L-Irlanda, Spanja u r-Rumanija ħadu azzjoni biex jikkontrollaw n-nefqa fuq il-mediċini. Ir-Rumanija għamlet progress fir-rimedju tal-użu ineffiċjenti tar-riżorsi u l-Irlanda għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-finanzjament ibbażat fuq l-attività. Is-Slovakkja saħħet ir-rwol ta' gwardjani tal-prattikanti ġenerali kif ukoll il-verifiki finanzjarji u s-sistema ta' informazzjoni tagħha. Ir-Repubblika Ċeka qed ittejjeb l-effiċjenza fl-isptar, it-trasparenza kontrattwali bejn l-assiguraturi u l-fornituri u ċ-ċentralizzazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku. Ir-riformi li nbdew f'għadd ta' Stati Membri jridu jkomplu u jsiru aktar profondi sabiex tkun żgurata bażi ta' finanzjament sostenibbli għas-sistemi tas-saħħa kif ukoll aċċess adegwat għal kulħadd għal kura tas-saħħa effettiva.

6.    Il-passi li jmiss



Wara d-diskussjonijiet fil-Kunsill u d-djalogu usa' mal-Parlament Ewropew, is-sħab soċjali u l-partijiet interessati, ir-rakkomandazzjonijiet għall-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro ġew imħaddna mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Frar 2016.

L-analiżi ppreżentata fir-rapporti tal-pajjiżi se tiġi diskussa mal-Istati Membri fil-laqgħat bilaterali. Il-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kummissarji se jżuru l-Istati Membri biex jiltaqgħu mal-gvernijiet, il-Parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati oħra.

L-isfidi identifikati huma mistennija li jiġu indirizzati mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom kif ukoll il-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tagħhom, li għandhom jiġu ppubblikati u ppreżentati lill-Kummissjoni sa nofs April. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jikkonsultaw mill-qrib il-parlamenti nazzjonali u s-sħab soċjali waqt it-tħejjija tal-programmi nazzjonali tagħhom.

 

Appendiċi 1 - Sorveljanza integrata ta' żbilanċi makroekonomiċi u fiskali

Eżitu tar-rieżamijiet fil-fond tal-2016 skont il-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi (Macroeconomic Imbalances Procedure, MIP) 21

Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

(OTM: objettiv ta' terminu medju ta' żmien / PŻE proċedura ta' defiċit eċċessiv 22

Kummenti, inkluż tibdil sa mit-
8 ta' Marzu 2016

BE

L-ebda żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju 23

Ħruġ mill-MIP

BG

Żbilanċi eċċessivi

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

CZ

Fergħa preventiva

Tilħaq l-OTM

DK

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

DE

Żbilanċi

Fergħa preventiva

Taqbeż l-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn

EE

L-ebda żbilanċi

Fergħa preventiva

Taqbeż l-OTM

IE

Żbilanċi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2015

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju 24

EL

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2016

Bi programm ta' assistenza finanzjarja ddedikat

ES

Żbilanċi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2016

[Rakkomandazzjoni fiskali awtonoma fid-dawl tar-riskji għall-korrezzjoni f'waqtha]

FR

Żbilanċi eċċessivi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2017

HR

Żbilanċi eċċessivi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2016

IT

Żbilanċi eċċessivi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn

CY

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2016

Bi programm ta' assistenza finanzjarja ddedikat

LV

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

LT

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

LU

Fergħa preventiva

Taqbeż l-OTM

HU

L-ebda żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn

Ħruġ mill-MIP

MT

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn

NL

Żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju

AT

L-ebda żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju

PL

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

PT

Żbilanċi eċċessivi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2015

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju

RO

L-ebda żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

Ħruġ mill-MIP

SI

Żbilanċi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2015

Għad mhux fl-OTM; soġġett għar-regola tad-dejn tranżitorju

SK

Fergħa preventiva

Għad ma tilħaqx l-OTM

FI

Żbilanċi

Fergħa preventiva

Għad mhux fl-OTM; dejn 'il fuq minn 60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG

SE

Żbilanċi

Fergħa preventiva

Tilħaq l-OTM

UK

L-ebda żbilanċi

Fergħa korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni: 2016-17

Ħruġ mill-MIP

(Is-sitwazzjoni fit-8 ta' Marzu 2016)



Appendiċi 2 - Il-progress lejn il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020

Miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-UE

Dejta tal-2010

L-aħħar dejta disponibbli

Fl-2010, abbażi ta' xejriet riċenti

1. Iż-żieda fir-rata ta' impjiegi tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena għal mill-inqas 75 %

68,6 %

69,2 % (2014)
70,5 % (3Q 2015)

Il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx

2. Iż-żieda fl-investiment pubbliku u privat konġunt fir-RuŻ għal 3 % tal-PDG

1,93 %

2,03 % (2014)

Il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx

3a. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990

Tnaqqis ta' 14,3 %

Tnaqqis ta' 23 % (2014)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

3b. Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %

12,8 %

16 % (2014)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

3c. Progress lejn żieda ta' 20 % fl-effiċjenza enerġetika

Żieda ta' 5,6 % (għall-konsum tal-enerġija primarja)

Żieda ta' 15,7 % (2014)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

4 a. It-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 %

13,9 %

11,2 % (2014)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

4b. Iż-żieda fis-sehem tal-popolazzjoni bejn it-30 u l-34 sena li lestew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 %

33,8 %

37,9 % (2014)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

5. It-tneħħija ta' mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali

Żieda ta' 1,4 miljuni (meta mqabbel mas-sena bażi tal-2008)

Żieda ta' 4,5 miljuni (2014)

Il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx



L-Appendiċi 3 - Sejbiet mir-rieżamijiet fil-fond skont l-Istat Membru

Il-Belġju mhu qed jesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. Il-prestazzjoni dgħajfa tal-esportazzjoni u l-kompetittività flimkien mad-dejn pubbliku għoli, jistgħu joħolqu riskji fil-futur. Madankollu, żviluppi riċenti jindikaw stabbilizzazzjoni tal-ishma tas-suq tal-esportazzjoni u tnaqqis fit-tkabbir tal-pagi. Anki jekk id-dejn pubbliku huwa għoli u mhux qed jonqos b'mod stabbli, li jimplika vulnerabilitajiet, ir-riskji għal żmien qasir jidhru li qed jiġu kkontrollati. Il-miżuri tal-politika riċenti jinkludu l-moderazzjoni tal-pagi u t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Biex tiġi żgurata d-durabilità tal-korrezzjoni, se jkunu meħtieġa riformi strutturali tal-qafas tal-iffissar tal-pagi. L-isforz fiskali meħtieġ biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi huwa iktar eżiġenti fil-kuntest tat-tkabbir nominali imrażżan.

Il-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. L-ekonomija hija kkaratterizzata mill-fraġilitajiet fis-settur finanzjarju li jifdal u d-dejn korporattiv għoli fil-kuntest ta' qgħad għoli. Għalkemm il-likwidità u l-profittabilità tas-settur bankarju tjiebu, valutazzjoni aktar robusta tas-settur tista' tkun ibbażata biss fuq ir-rieżami tal-kwalità li ġej u t-testijiet tal-istress. Il-qgħad fit-tul żdied ulterjorment fil-kuntest ta' kwistjonijiet ta' aġġustament marbuta ma' tfixkil fis-suq tax-xogħol, filwaqt li n-nuqqas ta' qbil fil-ħiliet ifixkel il-ħolqien tal-impjiegi. B'ħarsa 'l quddiem, il-pjan għar-riforma u l-iżviluppa tas-sorveljanza bankarja għad irid jiġi implimentat bis-sħiħ u t-titjib tal-effiċjenza tal-proċedura ta' insolvenza jibqa' sfida, bi proposti leġiżlattivi qed jiġu ppreparati. Barra minn hekk, il-vulnerabbiltajiet fis-settur mhux bankarju għad iridu jiġu indirizzati.

Il-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Il-bilanċ pożittiv kbir u persistenti tal-kont kurrenti huwa ta' rilevanza transfruntiera u jirrifletti tfaddil eċċessiv u investiment baxx kemm fis-setturi privati kif ukoll pubbliċi. L-investiment domestiku dgħajjef ixekkel it-tkabbir potenzjali u d-dipendenza qawwija fuq id-domanda esterna tinvolvi riskji makroekonomiċi fil-kuntest ta' domanda barranija baxxa. Filwaqt li l-konsum privat issaħħaħ xi ftit, jidher li l-investiment għadu dgħajjef. L-investiment pubbliku naqas, minkejja l-ispazju fiskali disponibbli u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli, u l-passi meħuda biex jiżdied l-investiment pubbliku mhumiex biżżejjed biex timtela l-lakuna tal-investiment fl-infrastruttura. Jeħtieġ aktar azzjoni biex jiġu ffaċilitati l-kundizzjonijiet għall-investiment privat, inkluż billi jiġi rriformat is-settur tas-servizzi u titjieb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa.

L-Estonja mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. L-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità li dejjem jikbru jistgħu jesponu lill-pajjiż għal telf kompetittiv, iżda huma mbassra li jimmoderaw fid-dawl tal-produttività li tikber u t-tkabbir fil-pagi reali li jonqos. Il-prezzijiet tad-djar żdiedu b'mod qawwi, għalkemm skont l-iżviluppi tad-dħul, u l-provvista tad-djar hija mistennija li taġġusta għad-domanda li qed tirkupra. Madankollu, aktar żidiet fil-prezzijiet jistgħu jkunu ta' riskju għall-ekonomija reali, li jeħtieġ attenzjoni. Jeħtieġ li l-isforzi politiċi biex tingħata spinta lill-produttività u l-esportazzjonijiet ta' valur miżjud ogħla jiġu intensifikati u l-isforzi biex tingħata spinta lill-provvista tax-xogħol u jitħaffu l-pressjonijiet tal-pagi għadhom fi stadju bikri. Bosta politiki makroprudenzjali li ġew implimentati b'impatt fuq il-prezzijiet tad-djar għad iridu jiġu evalwati.

L-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Stokks kbar ta' obbligi esterni netti u ta' dejn pubbliku u privat jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet, minkejja t-titjib. L-obbligi esterni netti qed jonqsu ħafna, fid-dawl ta' bilanċ pożittiv kbir tal-kont kurrenti u żieda fil-kompetittività. Id-dejn pubbliku u d-dejn privat qed jonqsu bħala riżultat tal-kundizzjonijiet ta' tkabbir favorevoli. Il-banek huma rikapitalizzati sew u l-profitabbiltà tal-banek qed titjieb. Is-self mhux produttiv qed jonqos minn livelli għolja. Minkejja rebound qawwi fil-prezzijiet tal-proprjetà fl-2014, ma hemm l-ebda evidenza ċara ta' valutazzjoni eċċessiva. Madankollu, l-ekonomija tibqa' esposta għal tbandil ċikliku potenzjalment sinifikanti u xokkijiet esterni. Ittieħed sett wiesa' ta' miżuri ta' politika, b'mod partikolari matul il-programm ta' assistenza finanzjarja, biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin f'termini ta' tiswija tas-settur bankarju, l-oqfsa ta' insolvenza, is-suq tad-djar u s-sostenibbiltà fiskali.

Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Żbilanċi kbar fl-istokks fil-forma ta' dejn estern u intern, kemm pubbliku kif ukoll privat, ikomplu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet fil-kuntest ta' qgħad għoli u għandhom rilevanza transfruntiera. Il-bilanċ tal-kont kurrenti u l-kost-kompetittività qed jitjiebu iżda l-obbligi esterni netti mhumiex previsti li jilħqu livelli prudenti malajr. Id-diżingranaġġ tas-settur privat qed iseħħ u issa qed jiġi appoġġat minn kundizzjonijiet ta' tkabbir favorevoli, filwaqt li d-dejn pubbliku jibqa' jiżdied. Ittieħdu miżuri fis-settur finanzjarju, l-oqfsa ta' insolvenza korporattiva u personali u l-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-impjiegi. Madankollu, jeħtieġ aktar azzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess tal-iffissar tal-pagi, l-innovazzjoni u l-ħiliet u l-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Franza qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Id-dejn pubbliku kbir flimkien mat-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività deterjorati jistgħu jimplikaw riskji fil-futur, b'rilevanza transfruntiera. Id-dejn pubbliku jibqa' jiżdied u l-iżviluppi reċenti ma jindikawx għal titjib ċar fil-kompetittività u l-produttività. Għalkemm il-marġini ta' profitt żdiedu, l-ebda rkupru fl-investiment mhuwa pproġettat qabel l-2017. Ittieħdu miżuri ta' politika biex jitnaqqas il-porzjon tat-taxxa tax-xogħol u l-impenji ta' politika ġew intensifikati dan l-aħħar. Madankollu, l-implimentazzjoni effettiva tar-riforma strutturali tibqa' essenzjali, inkluż rigward is-sistema tal-iffissar tal-pagi, it-tfixkil regolatorju għat-tkabbir tal-kumpaniji, filwaqt li jeħtieġ li l-ambizzjoni tar-rieżami tal-infiq tiġi intensifikata.

Il-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Il-vulnerabilitajiet huma marbuta mal-livelli għoljin ta' dejn pubbliku, korporattiv u estern fil-kuntest ta' qgħad għoli. L-irkupru ekonomiku modest huwa mistenni li jttaffi d-diżingranaġġ korporattiv u t-titjib fil-bilanċ tal-kont kurrenti għandu jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-obbligi esterni, iżda d-dejn pubbliku huwa mistenni li jkompli jiżdied. Fis-settur bankarju, is-self mhux produttiv jibqa' għoli u l-profitabbiltà hija dgħajfa. Jeħtieġ aktar sforzi ta' konsolidazzjoni u titjib fil-governanza fiskali. Għalkemm ittieħdu miżuri biex jitjieb il-qafas tal-insolvenza u tissaħħaħ il-flessibilità tas-suq tax-xogħol, għad hemm lakuni sostanzjali ta' politika li jibqgħu jeħtieġu azzjonijiet speċifiċi ta' politika, b'mod partikolari rigward il-governanza tal-impriżi proprjetà tal-istat, l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u r-riżoluzzjoni tas-self mhux produttiv.

L-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Id-dejn għoli tal-gvern u d-dinamiċi twal ta' produttività dgħajfa jimplikaw riskji fil-futur, b'rilevanza transfruntiera. Minkejja t-tkabbir moderat fil-pagi, il-kompetittività għadha dgħajfa kif id-dinamiċi tal-produttività qed jiddeterjoraw, li jillimita l-aġġustament tal-ispiża tax-xogħol għal kull unità. Ir-riżoluzzjoni bil-mod tas-self mhux produttiv hija ta' piż fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Il-qgħad fit-tul għoli huwa ta' piż għall-prospetti ta' tkabbir. It-tnaqqis tad-dejn pubbliku jkun jeħtieġ bilanċi pożittivi primarji ogħla u tkabbir nominali sostnut fil-futur. Ittieħdet azzjoni politika sabiex jiġu riformati l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, jiġi indirizzat is-self mhux produttiv, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-edukazzjoni. Għad fadal lakuni fil-politika, speċjalment fir-rigward tal-privatizzazzjonijiet, il-qafas kollettiv ta' negozjar, ir-rieżami tal-infiq, il-miżuri għall-ftuħ tas-suq, it-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

L-Ungerija mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. Għalkemm il-bżonnijiet ta' estensjoni tad-dejn estern għoli u s-sehem ta' self mhux produttiv jibqgħu sors ta' tħassib, ir-riskji marbuta mal-obbligi esterni u interni tnaqqsu. It-tnaqqis immarkat fl-obbligi esterni netti kien immexxi minn bilanċi pożittivi għoljin tal-kontijiet kurrenti u kapitali. Il-flussi tal-kreditu għas-settur privat jibqgħu mrażżna fil-kuntest ta' profitabbiltà bankarja baxxa. Ittieħdu miżuri ta' politika biex l-ambjent regolatorju jsir aktar prevedibbli fis-settur finanzjarju, jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-banek, jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn miżmum fil-munita barranija u jiġu introdotti skemi ta' self sussidjati. L-impatt ta' dawn il-miżuri reċenti fuq is-self bankarju għadu jrid jimmaterjalizza. Barra minn hekk, il-lakuni fil-politika jibqgħu rigward il-kompetittività li mhix tal-ispejjeż, il-produttività u l-ambjent tan-negozju globali.

In-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. Il-bilanċ pożittiv kbir u persistenti tal-kont kurrenti huwa ta' rilevanza transfruntiera. Il-bilanċ pożittiv jirrifletti prinċipalment il-karatteristiċi strutturali tal-ekonomija u l-ambjenti tal-politika rigward korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Is-settur tad-djar huwa kkaratterizzat minn stokk tad-dejn kbir ħafna u minn bżonnijiet ta' diżingranaġġ. Il-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti naqas bi ftit mill-2013 minħabba l-kundizzjonijiet ċikliċi mtejba iżda d-diżingranaġġ tad-djar jikkontribwixxi għaż-żamma tal-bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti fl-ogħla livell tiegħu. Ittieħdu miżuri biex jappoġġaw il-proċess ta' diżingranaġġ tad-djar, iżda l-introduzzjoni gradwali qed issir bil-mod. Pakkett ta' miżuri fiskali huwa mistenni li jsaħħaħ il-konsum u b'hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-bilanċ pożittiv fl-2016.

L-Awstrija mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. L-espożizzjoni tal-banek Awstrijaċi barra mill-pajjiż u s-self f'munita barranija jimplikaw potenzjal għal effetti indiretti negattivi, anki fid-dawl tal-pożizzjonijiet kapitali tal-banek u l-prospetti ta' profitt. Madankollu, l-espożizzjonijiet barranin tal-banek tnaqqsu filwaqt li miżuri ta' kapitalizzazzjoni u ta' tnaqqis tar-riskju mtejba huma mistennija li jappoġġaw gradwalment il-kapaċità ta' self tas-settur bankarju. Ir-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji kellu impatt fuq il-finanzi pubbliċi, imma issa qed javvanza mingħajr il-ħtieġa għal appoġġ pubbliku addizzjonali. Miżuri ta' sorveljanza saħħew il-kapaċità tal-ġarr ta' riskju u r-reżiljenza tas-settur bankarju domestiku u tejbu l-bażi ta' finanzjament lokali u l-kwalità tal-assi tal-operazzjonijiet barra mill-pajjiż. L-ishma tas-suq ta' esportazzjoni ddeterjoraw iżda qed jistabbilizzaw wara snin ta' telf.

Il-Portugall qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. L-istokks kbar ta' obbligi esterni netti, id-dejn privat u pubbliku u sehem għoli ta' self mhux produttiv jikkostitwixxu vulnerabilitajiet f'kuntest ta' qgħad elevat. Il-kont kurrenti aġġusta ruħu għal bilanċ pożittiv żgħir. Filwaqt li d-dejn tal-familji naqas, id-dejn korporattiv għadu ta' piż fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji. Id-dejn pubbliku huwa mistenni li jonqos gradwalment minn livell għoli ħafna. Ittieħdet azzjoni politika fir-rigward tas-settur finanzjarju, l-aċċess għall-finanzi, il-proċeduri ta' insolvenza, il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Madankollu, il-lakuni fil-politika għadhom jippersistu fir-rigward tas-swieq ta' prodotti u servizzi, ir-ristrutturar tad-dejn korporattiv, il-kwistjonijiet fiskali u ċerti oqsma magħżula tas-suq tax-xogħol.

Ir-Rumanija mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. Ir-riskji huma marbuta mal-istokk għoli ta' obbligi barranin netti, il-vulnerabbiltajiet tas-settur bankarju u l-politika fiskali pro-ċiklika flimkien ma' tkabbir qawwi fil-pagi. F'kuntest ta' rkupru msaħħaħ, l-obbligi esterni netti naqsu minn livell għoli. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, ittieħdet azzjoni biex jissaħħaħ is-settur finanzjarju. Is-settur bankarju issa huwa kkapitalizzat sew u likwidu iżda diversi inizjattivi leġiżlattivi diskussi bħalissa jistgħu jkunu ta' riskju għall-istabbiltà tiegħu. Il-pagi pubbliċi u l-paga minima żdiedu u ġie implimentat tnaqqis fit-taxxa. Dan joħloq ir-riskju li politika fiskali ssir pro-ċiklika.

 

Is-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Id-dgħjufijiet fis-settur bankarju, id-dejn korporattiv, u r-riskji fiskali jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Qed isir progress fit-tnaqqis tal-obbligi barranin, is-settur bankarju stabilizza ruħu u l-vulnerabbiltajiet fis-settur korporattiv qed jiġu indirizzati permezz ta' ristrutturazzjonijiet operattivi u finanzjarji. Il-pressjonijiet ta' diżingranaġġ qed jittaffu iżda xorta huma ta' piż fuq il-prospetti ta' investiment u ta' rkupru korporattiv. L-ambjent tan-negozju għadu mxekkel mill-piż amministrattiv. Ittieħdu miżuri ta' politika rigward il-governanza korporattiva tal-"bank ħażin" u sar progress sinifikanti fir-rigward tal-governanza tal-impriżi statali. Madankollu l-progress dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kien limitat, u l-istrateġija dwar l-investiment barrani dirett għad trid tiġi implimentata bis-sħiħ. Jeħtieġ aktar azzjoni biex jibda jonqos id-dejn.

Il-Finlandja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Il-Finlandja rreġistrat telf fil-kompetittività marbut mat-tnaqqis fis-setturi u l-kumpaniji ewlenin u t-tkabbir fil-pagi ogħla mill-produttività, li jirriżulta fi tnaqqis drastiku fil-bilanċ tal-kont kurrenti. Id-dejn privat huwa kbir, li jista' jikkostitwixxi vulnerabbiltà, għalkemm is-settur finanzjarju huwa sod. Il-kost kompetittività bdiet titjieb gradwalment u t-tnaqqis drastiku fl-ishma tas-suq ta' esportazzjoni kkalma, filwaqt li l-kont kurrenti miexi lejn bilanċ pożittiv. Il-pressjonijiet ta' diżingranaġġ huma mistennija li jibqgħu limitati. Żidiet moderati fil-pagi ġew miftiehma mis-sħab soċjali u tnedew inizjattivi biex jerġa' jitqajjem it-tkabbir fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata u biex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet. Il-miżuri reċenti fuq l-ipoteki fuq id-djar jistgħu jillimitaw it-tkabbir tad-dejn domestiku.

L-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Id-dejn domestiku għoli u li qed jiżdied assoċjat ma' prezzijiet tad-djar għoljin u li qed jikbru fil-kuntest ta' flussi ta' kreditu pożittivi joħolqu riskji ta' korrezzjoni mħawda b'implikazzjonijiet għall-ekonomija reali u s-settur bankarju. Ma saret l-ebda korrezzjoni tal-prezzijiet tad-djar u l-muturi attwali tat-tkabbir tal-prezzijiet tad-djar probabbilment se jibqgħu fis-seħħ fil-futur qrib. Ittieħdu miżuri ta' politika fil-qasam makroprudenzjali, li jistgħu madankollu jibqgħu insuffiċjenti. Kollox ma' kollox, għad fadal lakuni fil-politika fil-qasam tat-tassazzjoni relatata mad-djar, l-amortizzazzjoni tal-ipoteki, il-funzjonament tal-provvista tad-djar u s-suq tal-kiri.

Ir-Renju Unit mhu qed jesperjenza l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. Id-dejn tas-settur domestiku għoli u l-livelli elevati tal-prezzijiet tad-djar kif ukoll id-defiċits kbar tal-kontijiet kurrenti jistgħu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Madankollu, il-karti ta' bilanċ tad-djar huma b'saħħithom fl-aggregat u kemm il-livelli ta' dejn domestiku kif ukoll it-tkabbir tal-prezzijiet tad-djar naqsu mill-2014. Barra minn hekk, ir-riskji assoċjati mad-defiċit kbir tal-kont kurrenti jittaffew minn qafas istituzzjonali favorevoli u obbligi baxxi f'munita barranija, u d-defiċit huwa mistenni li jonqos hekk kif il-kundizzjonijiet ċikliċi ħżiena jbattu. Diversi inizjattivi tal-gvern għad iridu jibdew jeżerċitaw impatt materjali fuq l-iżbilanċ bejn il-provvista tad-djar u d-domanda għalihom.

____________________________

(1) COM(2015) 600.
(2) COM(2015) 690.
(3)

 Id-Dokument tal-Kunsill 14860/1/15 REV 1, kif approvat mill-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016.

(4) Minbarra l-Greċja u Ċipru, li huma soġġetti għal programmi ta' assistenza makroekonomiċi.
(5) COM(2015) 572, L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015; COM(2015) 576, Ir-rapport fuq il-progress tal-azzjoni klimatika.
(6) Il-Kummissjoni Ewropea, Tbassir Ekonomiku Ewropew, Xitwa 2016.
(7) COM(2015) 12.
(8) COM(2014) 903.
(9) Il-Kummissjoni Ewropea, Tbassir Ekonomiku Ewropew, Xitwa 2016.
(10) COM(2015) 600.
(11) COM(2015) 691.
(12) SWD(2015) 400.
(13) Il-Kummissjoni Ewropea, Tbassir Ekonomiku Ewropew, Xitwa 2016.
(14) L-istħarriġ ta' Jannar 2016 dwar is-self bankarju taż-Żona tal-Euro tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-aħħar tliet xhur tal-2015.
(15)

 Dokument tal-Kunsill 14361/15.

(16)

 COM(2015) 550.

(17)

 OECD, l-Italja. Riformi Strutturali: L-Impatt fuq it-Tkabbir u l-Impjieg. Frar 2015.

(18) Fil-każ tal-Awstrija, l-abbozz ta' pjan baġitarju nstab li huwa ġeneralment konformi wara li ssir korrezzjoni għall-ispejjeż addizzjonali ppjanati marbuta mal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati u migranti.
(19) jiġifieri, il-parti fiskali tat-Trattat dwar il-Koordinazzjoni ta' Stabbiltà u Governanza fl-UEM.
(20)

Għal valutazzjoni tal-isfidi ta' sostenibbiltà fiskali, ara Il-Kummissjoni Ewropea (2016), "Fiscal Sustainability Report 2015", European Economy, Institutional papers, Nru 18.

(21)  Kemm il-kategorija tal-"iżbilanċi" kif ukoll dik tal-"iżbilanċi eċċessivi" jinvolvu monitoraġġ speċifiku, biex jiġu modulati skont il-gravità tal-isfidi.
(22)  Il-kategorizzazzjoni abbażi tar-riżultat stmat għall-2016 kif rifless fit-tbassir tax-xitwa 2016 tal-Kummissjoni.
(23)  Ir-regola tad-dejn: Jekk ir-referenza ta' 60 % għall-proporzjon ta' dejn mal-PDG ma tkunx rispettata, l-Istat Membru kkonċernat se jitpoġġa fi proċedura ta' defiċit eċċessiv, wara li jittieħed kont tal-fatturi rilevanti kollha u l-impatt taċ-ċiklu ekonomiku, jekk id-differenza bejn il-livell ta' dejn tiegħu u r-referenza ta' 60 % ma titnaqqasx b'1/20 kull sena (fuq medja ta' tliet (3) snin). Ir-regola tad-dejn tranżitorju: Kull Stat Membru fi proċedura ta' defiċit eċċessiv jingħata perjodu ta' tliet snin wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv biex jilħaq ir-regola tad-dejn. Dan ma jfissirx li r-regola tad-dejn ma tapplika xejn matul dan il-perjodu billi l-Istati Membri għandhom jagħmlu progress suffiċjenti lejn il-konformità matul dan il-perjodu tranżitorju. Valutazzjoni negattiva tal-progress li jsir lejn il-konformità mal-valur referenzjarju tad-dejn matul il-perjodu tranżitorju tista' twassal għall-ftuħ ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv.
(24)  Jiddependi mill-abrogazzjoni tad-deċiżjoni ta' PŻE ibbażata fuq id-dejta tar-riżultati għall-2015.
Top