This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AR2868
Opinion of the European Committee of the Regions — The European pillar of social rights
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
ĠU C 88, 21.3.2017, p. 59–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 88/59 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
(2017/C 088/12)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
1. |
jilqa’ l-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi ser tgħin biex timplimenta l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu. 3 TUE, jiġifieri li “għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali” (…), “tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal” u “tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri”; |
2. |
jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ssegwi l-prinċipju tas-sussidjarjetà meta tipproponi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u li tirrispetta l-kompetenzi wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali u sottonazzjonali fil-politika soċjali; għandu jiġi żgurat ukoll li l-kontenut tal-pilastru huwa kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar; |
3. |
jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tniedi konsultazzjoni miftuħa dwar pilastru tad-drittijiet soċjali għaliex, wara snin ta’ kriżi b’rati għoljin ta’ qgħad u awsterità, kien hemm bżonn kbir ta’ diskussjoni politika dwar inizjattiva ġdida għad-drittijiet soċjali; jikkunsidra li l-Pilastru jista’ jagħti kontribut għall-koordinazzjoni tal-politiki u d-drittijiet soċjali fl-Istati Membri u jrawwem konverġenza ‘l fuq; |
4. |
jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni biex jiġu diskussi l-ambitu u l-kontenut tal-pilastru soċjali futur u jenfasizza l-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan id-dibattitu, speċjalment bit-tisħiħ u l-enfasi fuq l-importanza tad-dimensjoni territorjali għal temi soċjoekonomiċi li jagħmlu parti mill-approċċ politiku globali tal-UE u ta’ approċċ ibbażat fuq il-post fil-waqt tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjoekonomiċi; |
5. |
itenni l-appell tiegħu għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali bejn il-livell Ewropew u dak nazzjonali tal-gvernijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jitlob għal parteċipazzjoni aktar mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’din il-koordinazzjoni (1); |
6. |
jinsisti li dan il-pilastru soċjali għandu jiġi żviluppat abbażi ta’ valur miżjud lokali, reġjonali u nazzjonali li jista’ jintwera u għandu jkun ta’ natura orizzontali, biex jiġi żgurat li tiġi kkunsidrata aħjar id-dimensjoni soċjali tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), li hi kruċjali għall-funzjonament u l-vijabilità tal-UEM u għal-leġittimità tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea; |
7. |
jenfasizza li sabiex din l-inizjattiva tissarraf f’salvagwardji soċjali b’saħħithom inkluż l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, edukattivi, soċjali, flimkien ma’ servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, u tas-sigurtà soċjali, tista’ titqies bħala għodda ta’ koordinazzjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali, għall-ġlieda kontra d-dumping soċjali, biex isir progress fil-konverġenza ‘l fuq tal-istandards soċjali fiż-żona tal-euro u biex jiġu kkonsolidati l-għanijiet tal-UE għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli; |
8. |
itenni t-talba tiegħu li, sabiex tittejjeb id-dimensjoni soċjali tal-UEM, huwa kruċjali li jiġu indirizzati d-distakki reġjonali, permezz tal-immodernizzar, fejn adatt, tal-leġislazzjoni attwali u billi jiġu previsti miżuri ġodda ta’ appoġġ favur livell ogħla ta’ konverġenza; jissuġġerixxi għaldaqstant li l-indikaturi tad-disparità reġjonali għandhom jiżdiedu mat-tabella tal-valutazzjoni tal-indikaturi soċjali tal-UEM (2); |
9. |
jistenna li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali ser tkompli ssaħħaħ id-drittijiet soċjali, kemm individwali kif ukoll kollettivi, elenkati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (3); |
10. |
jilqa’ l-fatt li tqajmu sfidi ewlenin tal-politika dwar il-ġeneru fl-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, bħalma huma l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll is-segregazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol (punt 5); id-diskrepanzi bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet (punti 5 u 13), in-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja (punti 5 u 18) kif ukoll id-diversi piżijiet fuq in-nisa minħabba l-kura fit-tul ta’ qraba (punt 17). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tispjega wkoll jekk il-miżuri proposti humiex biżżejjed biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa jew jekk hijiex meħtieġa, barra minn hekk, aktar integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi; |
11. |
jilqa’ l-fatt li għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni tirreferi biss għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-Istati Membri tal-UE “l barra miż-żona tal-euro ġew mistiedna wkoll biex jipparteċipaw; |
12. |
jenfasizza li koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u fiskali fiż-żona tal-euro għandha timxi id f’id ma’ kunsiderazzjoni sħiħa tad-dimensjoni soċjali tal-UEM; |
13. |
jitlob li titpoġġa enfasi akbar fuq il-finanzjament tal-politika soċjali, li hija sfida partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn l-isfidi jirriżultaw mhux biss minħabba li l-infiq fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jvarja ħafna madwar l-Ewropa, iżda wkoll għax l-investiment globali fil-livell sottonazzjonali qed jonqos (4); |
14. |
jenfasizza l-importanza ta’ aġenda soċjali Ewropea b’saħħitha, li fiha l-kompetittività u l-ġustizzja soċjali jikkomplementaw lil xulxin, b’pagi ġusti, qasam li fih l-UE għandha biss setgħat ta’ koordinazzjoni u li hu determinat minn kull Stat Membru jew bil-liġi jew permezz ta’ negozjar kollettiv, u fi kwalunkwe każ b’rispett sħiħ tat-tradizzjonijiet u l-prattiki tiegħu, bħala komponent ewlieni; tali aġenda għandha tkun konformi mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; |
15. |
jenfasizza li, fid-dawl taż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd dejjem jikber ta’ persuni li qed jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar f’dawn l-aħħar snin, il-pilastru soċjali għandu jqis ukoll il-ħtieġa urġenti li jitnaqqas il-faqar, jippromovi l-inklużjoni soċjali u jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; |
16. |
jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-livelli tal-gvern, is-setturi u l-partijiet interessati differenti, inkluż rwol aktar b’saħħtu tal-imsieħba soċjali, u l-introduzzjoni ta’ strument effiċjenti għad-djalogu ċivili li jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni; |
17. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi awtoritajiet lokali u reġjonali użaw il-politiki tal-akkwist pubbliku tagħhom sabiex jinkoraġġixxu u jesiġu li l-kuntratturi jħallsu pagi ġusti lill-persunal tagħhom, li tista’ tkun ta’ lieva addizzjonali sabiex l-organizzazzjonijiet jitħeġġu jadottaw prattiki ġusti fl-impjiegi. Ifakkar għal dan il-għan li l-liġi tal-UE ma tipprekludix l-esklużjoni minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ offerent li jirrifjuta li jintrabat li jħallas il-paga minima lill-persunal ikkonċernat (5); |
18. |
jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-proposta tal-Kummissjoni ma tpoġġix aktar enfasi fuq l-indirizzar tal-isfidi li jakkumpanjaw dinja tax-xogħol li qed tinbidel, inkluż iż-żieda tad-diġitalizzazzjoni, li għandha tkun indrizzata b’fokus partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-forza tax-xogħol. Fil-fatt, l-emerġenza ta’ forom ta’ xogħol mhux standard iwasslu għal riskji ġodda ta’ kwistjonijiet mhux ċari f’termini ta’ drittijiet tax-xogħol u aċċess għall-għajnuna soċjali: għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi sew il-flessibilità fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà; |
19. |
ifakkar li, f’kuntest tad-diġitalizzazzjoni aċċellerata tal-ekonomija u tas-soċjetà, huwa importanti li ċ-ċittadini, u b’mod partikolari l-persuni aktar anzjani, jiġu pprovduti bil-ħiliet diġitali meħtieġa biex jinkiseb mudell soċjali iżjed inklużiv; |
20. |
jenfasizza li l-kisba tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja huma importanti iktar minn qatt qabel fid-dawl tar-realtajiet tax-xogħol li qed jinbidlu u jissottolinja kemm huwa importanti li l-ħiliet jitqabblu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; |
21. |
huwa tal-fehma li l-leġittimità demokratika tal-UEM tista’ tissaħħaħ biss jekk iċ-ċittadini Ewropej ikunu konvinti li l-prinċipju tal-progress soċjali u l-ugwaljanza tal-opportunità qed jitħares sabiex l-impjieg u n-normi soċjali ma jitqisux biss bħala periferiċi għall-proċess tal-aġġustament makroekonomiku; |
22. |
iħeġġeġ biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom ta’ implimentazzjoni tal-politiki tal-impjieg u soċjali adegwati, inkluż l-appoġġ u l-bini tal-kapaċità sabiex jiġu żviluppati politiki dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, f’konformità mal-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea. Dan jitlob li nindirizzaw l-isfidi lokali u reġjonali f’dawn l-oqsma u li niffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell lokali u reġjonali; |
23. |
jinnota li l-Ewropa qed taffaċċja sfidi soċjali kbar, b’differenzi ekonomiċi u demografiċi notevoli madwar ir-reġjuni Ewropej, b’għadd kbir ta’ żgħażagħ li qed jaffaċċjaw bosta sfidi bħal sistema edukattiva li ma taqbilx mal-ħtiġijiet tas-suq, diffikultajiet sabiex isibu impjieg, ostakli għall-mobbiltà speċjalment għaż-żgħażagħ li jgħixu f’komunitajiet żgħar, li jinsabu f’żoni periferiċi, ultraperiferiċi, ta’ gżejjer jew żoni rurali, mobbiltà furzata jew iżolament soċjali. Għalhekk ma hemmx soluzzjoni politika waħda tajba għal kulħadd, u kwalunkwe intervent ta’ politika – kemm jekk pubbliku u kemm jekk privat – għandu jqis l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali, bħal fil-każ ta’ reġjuni li qed jaffaċċjaw sfidi demografiċi u/jew eżodu tal-imħuħ, waqt li jiżgura opportunitajiet soċjali, ekonomiċi u edukattivi minimi għaż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, fid-dawl tar-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ persistentement għolja, il-KtR itenni l-importanza li jiġu estiżi l-benefiċċji tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tkopri żgħażagħ sal-età ta’ 30 sena (u mhux biss sa 25 sena) (6); |
24. |
jinsisti li l-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali għandu jqis bħala prijorità l-ħtieġa għal aċċess universali għal sistemi soċjali u servizzi pubbliċi ta’ kwalità filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam; |
25. |
jenfasizza r-rwol tal-gvern reġjonali u lokali biex ikun minn tal-ewwel li jħaddem prattiki ta’ xogħol flessibbli u joħloq kundizzjonijiet ġusti fuq il-post tax-xogħol, b’konsultazzjoni mal-ħaddiema u t-trejdjunjins u abbażi tal-prinċipji tal-ugwaljanza u r-rispett; |
26. |
jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tintroduċi miżuri ta’ inċentivi għall-pajjiżi tal-UEM li jimplimentaw riformi biex jilħqu l-għanijiet soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jiġġieldu l-iżbilanċi soċjali; |
27. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; barra dan jistenna li l-Kummissjoni tipproponi kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro, li tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha; li tkun tippermetti wkoll koordinazzjoni Ewropea tal-politiki antiċikliċi; |
28. |
ifakkar li l-qgħad għal żmien twil jista’ joħloq ċiklu vizzjuż li jwassal għal nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, erożjoni tal-ħiliet, tnaqqis fil-potenzjal ta’ dħul u żieda fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali permanenti; |
29. |
jirrimarka li l-popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ ser twassal għal distakki fis-swieq tax-xogħol f’ħafna Stati Membri, u li l-ħaddiema mobbli jistgħu jgħinu jindirizzaw din l-isfida; jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li n-numru ta’ ħaddiema mobbli fl-Ewropa għadu baxx wisq biex is-suq jitqies bħala suq tax-xogħol Ewropew reali; huwa għalhekk essenzjali li l-kwalifiki tal-professjonisti mobbli fl-UE jkunu rikonoxxuti b’mod rapidu, sempliċi u affidabbli (7); |
30. |
jenfasizza li ċ-ċittadini anzjani huma fost il-gruppi tal-popolazzjoni l-iktar f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, huma primarjament persuni li jgħixu f’żoni rurali periferiċi jew f’żoni urbani żvantaġġjati li huma affettwati. Barra minn hekk, l-anzjani huma ta’ spiss dawk li jkomplu jgħixu f’komunitajiet b’popolazzjoni mnaqqsa jew saħansitra li qed tispiċċa; |
31. |
kif diġà ntqal fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘Ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika’, jeħtieġ li jinħolqu servizzi pubbliċi aktar effettivi u effiċjenti u jiġu stabbiliti approċċi ġodda għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-benessri fiżiku, mentali u soċjali taċ-ċittadini kollha. Għandna naħtfu l-opportunitajiet offruti mit-tibdil demografiku, li jinkludu opportunitajiet ta’ impjieg assoċjati mas-servizzi għall-persuni anzjani li jagħmlu parti mill-‘ekonomija tal-fidda’ (servizzi fiżiċi, diġitali, u dawk marbutin ma’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, eċċ.). L-aċċess għal dawn is-servizzi hu dritt fundamentali tagħhom; |
32. |
jirrimarka li l-Ewropej qed jgħixu ħajja itwal, u għalhekk l-ispejjeż tas-saħħa u l-kura soċjali ser jiżdiedu sostanzjalment għal madwar 9 % tal-PDG tal-UE fl-2050; f’dan is-sens l-ICT tista’ tkun alleat qawwi għaż-żamma ta’ kura ta’ saħħa u kura soċjali kosteffiċjenti u ta’ kwalità għolja, minħabba li tagħti s-setgħa lin-nies ta’ kull età biex jimmaniġġjaw aħjar is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, fi kwalunkwe post; |
33. |
ifakkar li l-investiment fl-ICT jipprovdi għodda ewlenija għar-reġjuni u l-bliet fl-isforzi tagħhom sabiex jiffaċċjaw l-isfida ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Investiment bħal dan jista’ jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja, jappoġġja l-inklużjoni soċjali, jgħinhom jibqgħu infurmati dwar żviluppi ġodda fil-livell Ewropew u nazzjonali, jippermetti li l-esperjenza u l-ħiliet akkumulati jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-soċjetà u jistimulaw il-kompetittività u t-tkabbir fil-livell lokali u reġjonali permezz ta’ prodotti u servizzi ġodda; |
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-emendar tal-Anness
34. |
fil-Punt 2a (Kapitolu I), wara l-frażi: ‘It-trattament ugwali għandu jiġi żgurat… l-użu ħażin jew l-abbuż ta’ relazzjonijiet tax-xogħol mhux permanenti’, żid, ‘anke billi tissaħħaħ il-konformità fir-rigward tal-istandards ta’ kuntratti ta’ impjieg mitlubin mill-kumpaniji biex ikunu jistgħu jingħataw aċċess għall-fondi tal-UE u b’hekk jiġu evitati r-riskji ta’ dumping soċjali’; |
35. |
Punt 2b (Kapitolu I) għandu jkun ifformulat kif ġej: ‘Il-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tista’ taġevola d-dħul fis-suq tax-xogħol u żżomm l-abbiltà ta’ min iħaddem li jwieġeb malajr għaċ-ċaqliq fid-domanda; madankollu, għandha tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn kuntratti miftuħa.’; |
36. |
l-ewwel sentenza tal-punt 7c (Kapitolu II) għandha tinqara kif ġej: ‘Is-sensja ta’ ħaddiem, li jkun lesta b’suċċess il-perjodu ta’ prova, trid tkun iġġustifikata, preċeduta minn perjodu ta’ avviż raġonevoli definit fuq livell nazzjonali, u għandu jkun hemm kumpens adegwat marbut magħha, jekk is-sensja mhix ġustifikata, kif ukoll aċċess għal rikors rapidu u effikaċi għal sistema tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim imparzjali’; |
37. |
l-ewwel sentenza tal-punt 8a (Kapitolu II) għandha tinqara kif ġej: ‘L-impjieg għandu jkollu remunerazzjoni ġusta b’mod li jippermetti standard tal-għajxien deċenti. Salarji, u fejn applikabbli, il-pagi minimi għandhom jiġu ffissati permezz ta’ mekkaniżmu trasparenti u prevedibbli minn kull Stat Membru jew permezz tal-liġi jew tan-negozjar kollettiv, u dejjem b’rispett sħiħ tat-tradizzjonijiet u l-prattiki tiegħu. L-iffissar tal-pagi għandu jissalvagwardja l-aċċess għall-impjieg u l-motivazzjoni biex wieħed ifittex xogħol, il-pagi għandhom jevolvu f’konformità mal-iżviluppi ta’ produttività’; |
38. |
Il-punt 11 (a) (Kapitolu III) għandu jinqara: ‘Il-benefiċċji u s-servizzi ta’ ħarsien soċjali għandhom jiġu integrati kemm jista’ jkun, tal-anqas f’territorji ġirien u fejn l-awtoritajiet lokali jaqdu rwol ikbar, sabiex tissaħħaħ il-koerenza u l-effikaċja ta’ dawn il-miżuri u tkun appoġġata l-integrazzjoni fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol’; |
39. |
l-ewwel sentenza tal-punt 12a (Kapitolu III) għandha tinqara kif ġej: ‘Kulħadd għandu jkollu aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba kif ukoll kura tal-anzjani u/jew persuni dipendenti, u l-bżonn ta’ kura tas-saħħa jew il-kura tal-anzjani ma għandux iwassal għal faqar jew pressjoni finanzjarja.’; |
40. |
l-ewwel sentenza tal-punt 12c (Kapitolu III) għandha tinqara kif ġej: ‘Il-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt, għandhom ikunu żgurati liv ta’ mard bi ħlas (li jirrifletti d-drittijiet li jkunu kisbu taħt is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali) matul perjodi ta’ mard; għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fi skemi ta’ assigurazzjoni’. Benefiċċju fi flus f’każ ta’ mard ma jistax jiġi stabbilit mingħajr kunsiderazzjoni tar-regoli l-oħra tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru. Inkella, dan iwassal għal talbiet għal sigurtà soċjali li mhumiex marbuta mal-kontribuzzjonijiet personali, li jmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
41. |
l-ewwel sentenza tal-punt 13(a) (Kapitolu III) għandha tinqara:‘..pereżempju billi l-perjodi ta’ kura jiġu rikonoxxuti b’mod adegwat fejn il-ħaddiem xorta għandu dritt għal ħlas ta’ paga jew kumpens għal telf ta’ dħul, skont id-drittijiet dovuti tal-ħaddiema taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali. Skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għal rashom fl-iskemi tal-pensjoni’; |
42. |
Il-punt 15a (Kapitolu III) għandu jinqara kif ġej: ‘Għandhom jiġu żgurati benefiċċji adegwati minimi, skont il-prattika nazzjonali, għal dawk mingħajr riżorsi suffiċjenti għal standard tal-għajxien deċenti Għall-persuni li huma fl-età tax-xogħol u tajbin għax-xogħol, din il-garanzija mill-Istat ta’ ammont minimu ta’ sussistenza għandha tkun marbuta ma’ rekwiżiti ta’ kooperazzjoni, bħal pereżempju l-parteċipazzjoni f’miżuri attivi ta’ appoġġ immirati għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol. Il-fatt li persuna tirċievi dawn il-benefiċċji ma għandux joħloq ostakli għall-impjieg.’; |
43. |
Il-punt 18(b) (Kapitolu III) għandu jinqara: ‘Għandhom jittieħdu miżuri fi stadju bikri u għandhom jiġu adottati approċċi preventivi sabiex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal, inklużi miżuri speċifiċi biex titħeġġeġ l-attendenza ta’ tfal minn ambjenti żvantaġġati. Is-sistemi ta’ protezzjoni għandhom jiġu adattati għal dan il-għan, b’enfasi fuq il-protezzjoni tat-tfal u l-familji bi tfal żgħar.’; |
44. |
Il-punt 19(a) (Kapitolu III) għandu jinqara kif ġej: ‘Għandu jingħata aċċess għal abitazzjoni soċjali jew għall-għajnuna għall-abitazzjoni primarjament lil dawk l-aktar foqra jew nies soċjalment vulnerabbli inklużi persuni mingħajr dar kif ukoll persuni li jgħixu f’abitazzjoni ta’ ħsara għal saħħithom, mhux xierqa jew okkupata’. L-akkomodazzjoni soċjali ta’ standard inferjuri għandha tiġi abolita. Persuni vulnerabbli li ma jingħatawx akkomodazzjoni alternattiva għandhom ikunu protetti minn żgumbrament.” (1) Kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti, il-KtR jipproponi li għandu jitwessa’ l-ambitu tad-definizzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali sabiex jirrifletti l-fatt li l-Istati Membri jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni fl-ippjanar, l-allokazzjoni, l-iffinanzjar u l-organizzazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali u sabiex ikun garantit id-dritt demokratiku għall-għażla, u tingħata prijorità lid-dritt għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli minħabba li s-swieq tad-djar attwali ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni. (2) Fir-rigward tal-iżgumbramenti, dawn ma għandhomx jiġu pprojbiti per se peress li dan ikun jippreġudika d-dritt għal proprjetà u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-protezzjoni kontra l-iżgumbramenti għandha għalhekk tkun limitata għal persuni vulnerabbli u tkun komplementata mir-rekwiżit tal-provvediment ta’ akkomodazzjoni alternattiva. (3) M’għandux ikun hemm dritt legali għal għajnuna lil familji bi dħul baxx jew medju biex ikunu sidien ta’ darhom, bħalma hu wkoll il-każ fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, speċjalment għaliex is-siwi ekonomiku u soċjali ta’ dan id-dritt jiddependi miċ-ċirkostanzi globali, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll mill-prijoritajiet ta’ politika li, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jeħtieġ li jiġu deċiżi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
45. |
Il-punt 20(a) (Kapitolu III) għandu jinqara kif ġej: “L-aċċess affordabbli għal servizzi essenzjali ta’ interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-komunikazzjoni elettronika, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi finanzjarji, għandu jiġi żgurat għal kulħadd. Għandhom ikunu ffaċilitati miżuri ta’ appoġġ għall-aċċess għal dawk is-servizzi.” Il-kunċett ta’ “servizzi essenzjali” mhuwiex komponent tal-liġi Ewropea primarja jew sekondarja, kuntrarju għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara wkoll l-Artikolu 36 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali). Barra minn hekk, l-aċċess għal dawn is-servizzi għandu jittejjeb għal kulħadd u mhux biss għall-persuni fil-bżonn. |
Brussell, 11 ta’ Ottubru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Opinjoni tal-KtR dwar “Id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (CdR 6863/2013).
(2) Riżoluzzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni Ewropea (COR-2015-5929).
(3) Kapitolu IV – Solidarjetà.
(4) https://www.oecd.org/els/soc/OECD2014-Social-Expenditure-Update-Nov2014-8pages.pdf.
(5) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kawża C-115/14 (tas-17 ta’ Novembru 2015) sabet li l-leġislazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jesegwixxi s-servizzi koperti minn kuntratt pubbliku, hija kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-UE.
(6) CDR789-2013.
(7) Il-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.