EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4477

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima” [COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]

ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima”

[COM(2016) 479 final – 2016/0230(COD)]

u dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima”

[COM(2016) 482 final – 2016/0231(COD)]

(2017/C 075/17)

Relatur:

is-Sinjura Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Korelatur:

is-Sur Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Kunsill, 25.8.2016

Parlament Ewropew, 12.9.2016

Kummissjoni Ewropea, 20.7.2016

Bażi legali

Artikolu 192(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

24.11.2016

Adottata fil-plenarja

14.12.2016

Sessjoni plenarja Nru

521

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti f’waqthom min-naħa tal-Kummissjoni biex timplimenta l-impenn tal-UE li tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha sal-2030 fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li fl-istess ħin tikkunsidra l-isfida globali fit-tul ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan jeħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa dwar jekk l-approċċ ta’ politika attwali dwar il-klima tal-UE, fir-rigward ta’ sforzi fil-livelli globali, tal-UE u nazzjonali, huwiex adegwat biex iwitti t-triq għal dinja ħielsa mill-karbonju.

1.2.

Fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma li d-differenzi bejn l-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun ġust u kosteffettiv. Biex tinkiseb kosteffettività ġenwina u b’mod ġust, il-kalkoli tal-kondiviżjoni tal-isforzi għandhom, madankollu, jindirizzaw iż-żewġ aspetti fl-istess ħin u fl-Istati Membri kollha u jiġu stabbiliti l-miri b’tali mod li l-ispejjeż relattivi jkunu l-istess għal kull pajjiż. Minħabba n-nuqqasijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jħoss li huwa importanti li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà u li dawn ikomplu jiġu żviluppati.

1.3.

L-integrazzjoni tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas tal-2030 iwasslu għal element ġdid importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-KESE jemmen li jinħtieġ li l-integrazzjoni għandha sseħħ b’mod li ttejjeb in-newtralità tal-karbonju fit-tul. L-użu sostenibbli u l-ġestjoni attiva ta’ riżorsi naturali b’bażi bijoloġika, jiġifieri bijoekonomija sostenibbli, inkluż il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-produzzjoni tal-ikel li tirrispetta l-klima, huwa element fundamentali ta’ din it-tranżizzjoni u għandu jiġi indirizzat b’attenzjoni sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali.

1.4.

Ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija jitlob approċċ olistiku mill-politika dwar il-klima tal-UE. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati kemm it-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll is-sekwestru tal-karbonju bħalma jiġu kkunsidrati l-isfidi ta’ adattament u s-sigurtà tal-ikel. Il-Ftehim ta’ Pariġi jintroduċi obbligu b’saħħtu li tittieħed azzjoni sabiex it-tisħin globali jinżamm “sew inqas minn 2 oC […] u jsir kull sforz biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1.5 oC”, “biex tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza tal-klima u l-iżvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel”. Għalhekk, huwa importanti li tiġi indirizzata l-ħtieġa għal aktar reżiljenza fis-settur agrikolu filwaqt li jittaffa t-tibdil fil-klima.

1.5.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu r-rwol kruċjali u l-potenzjal tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala bir ta’ karbonju u l-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi assoċjati.

1.6.

Is-sekwestru tal-karbonju mhijiex biss kwistjoni ta’ art tal-foresti iżda l-ewwel u qabel kollox li jiżdied it-tkabbir tal-foresti u l-fotosinteżi qawwija permezz ta’ ġestjoni attiva tal-foresti u ż-żieda fl-użu tal-bijomassa tal-injam għall-prodotti u l-enerġija. Ir-restrizzjoni tal-użu ta’ riżorsi tal-foresti tista’ eventwalment tirriżulta fi tnaqqis tal-bjar minħabba ż-żmien, u għalhekk il-foresti li jikbru bil-mod. B’mod simili, fuq l-uċuh tar-raba’ u tal-bwar, iċ-ċiklu ta’ tkabbir u l-ħsad tar-rendiment jiżguraw li t-tneħħija tad-diossidu tal-karbonju tibqa’ kemm jista’ jkun effiċjenti.

1.7.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-emissjonijiet u t-tneħħija tal- gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jiġu evalwati xjentifikament bi trasparenza u kejl komuni. Huwa jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tal-art u l-foresti b’tali mod li jirriflettu r-rati attwali tal-emissjonijiet u s-sekwestru. Barra minn hekk, il-livelli ta’ referenza nazzjonali għall-foresti jeħtieġ li jkunu stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-użu sostenibbli previst tar-riżorsi tal-foresti. L-UE għandha tiżviluppa wkoll għodda preċiża abbażi ta’ satellita għall-monitoraġġ globali tal-foresti. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati metodi ta’ kontabilità xierqa għas-sekwestru tal-karbonju minn pjanti mingħajr injam f’ħamrija agrikola. Huwa importanti wkoll li tiġi evitata l-kontabilità doppja ta’ emissjonijiet tal-LULUCF relatati mal-bijomassa f’setturi oħra.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri individwali biex jipprovdu politiki nazzjonali ambizzjużi, minn isfel għal fuq (bottom-up) għas-settur tal-LULUCF, bl-involviment mill-qrib tas-soċjetà ċivili fil-proċess fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.9.

Il-KESE jagħraf li s-suċċess ta’ dawn il-proposti ambizzjużi jeħtieġ riżorsi finanzjarji sostanzjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex minbarra l-faċilitajiet ta’ finanzjament eżistenti, tistabbilixxi strument ta’ finanzjament separat, flimkien mal-BEI, biex tappoġġja l-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Hemm ukoll il-ħtieġa għal riċerka intensiva u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati u adottati metodi ġodda għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 (Kondiviżjoni tal-Isforzi 2030) u għal Regolament dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni nediet Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għal mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet. F’din l-opinjoni, il-KESE jesprimi fehmietu dwar ir-regolamenti proposti filwaqt li l-fehmiet dwar il-Komunikazzjoni dwar it-trasport huma ppreżentati f’opinjoni oħra (TEN/609).

2.2.

Il-proposti huma parti mill-implimentazzjoni tal-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra b’tal-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-livell tal-1990. Kif maqbul mill-UE, il-mira tal-2030 tesiġi tnaqqis ta’ 43 % tal-emissjonijiet fis-setturi li jaqgħu taħt l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS) u 30 % f’setturi oħra (mhux ETS), it-tnejn meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-ETS qed tiġi indirizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-KESE esprima fehmietu dwar din ir-reviżjoni fl-opinjoni tiegħu NAT/675.

2.3.

Ir-Regolament propost japplika għal setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS u attivitajiet bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart, kif ukoll l-użu tal-art u l-forestrija. Il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri huma estensjoni għad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi attwali dwar il-miri tal-klima tal-UE għall-2020, mentri l-użu tal-art u l-forestrija huma inklużi għall-ewwel darba fil-qafas tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. S’issa, dawn ġew ikkunsidrati fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kjoto.

2.4.

Il-Kummissjoni tipproponi miri nazzjonali diversifikati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bl-għan li jaderixxu mal-prinċipji ta’ ekwità u kosteffettività mitluba mill-Kunsill Ewropew. Il-miri tal-Istati Membri individwali għall-2030 ivarjaw minn 0 % sa 40 %. Rigward l-użu tal-art u l-forestrija, il-Kummissjoni tipproponi li l-emissjonijiet u l-assorbimenti, ikkalkulati skont ir-regoli tal-kontabbiltà, għandhom ikunu f’bilanċ f’kull Stat Membru.

2.5.

Il-Kummissjoni tipproponi li tissokta sistema ta’ flessibbiltà li tippermetti li l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet jiġu trasferiti bejn l-Istati Membri u matul iż-żmien. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll flessibiltajiet ġodda li jippermettu lis-settur tal-kondiviżjoni tal-isforzi biex iwettaq ċerti kompromessi mal-ETS u s-setturi LULUCF.

2.6.

Ir-regolamenti proposti jindirizzaw ukoll il-monitoraġġ u r-rapportar tal-gassijiet b’effett ta’ serra, inklużi r-regoli ta’ kontabilità għall-użu tal-art u l-forestrija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti f’waqthom mill-Kummissjoni biex timplimenta l-impenn tal-UE li tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha sal-2030 fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Madankollu, huwa jenfasizza l-ħtieġa li fl-istess ħin tiġi kkunsidrata l-isfida globali fit-tul ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan ifisser li l-politiki u l-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-għan fit-tul li tinkiseb dinja newtrali fir-rigward tal-karbonju.

3.2.

Fl-opinjoni tiegħu (NAT/690) il-KESE appella lill-UE biex timmira lejn iż-żieda tal-impatt pożittiv tagħha fuq il-klima globali (“carbon handprint”) minflok ma ssir enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha stess. Għandu għalhekk jitħeġġeġ ukoll il-provvediment ta’ soluzzjonijiet klimatiċi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti ma’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-politika dwar il-klima tal-2030, b’kont meħud tal-fatt li l-Ftehim ta’ Pariġi jirreferi għal mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

3.3.

Fl-opinjoni msemmija hawn fuq il-KESE appella wkoll għal “Unjoni Klimatika” aktar effettiva fejn l-aspetti tal-klima jiġu integrati mill-qrib fil-politiki relatati mas-suq uniku. Id-diviżjoni tal-mira konġunta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’sottomiri nazzjonali tista’ tiċċaqlaq b’mod aktar frammentat u f’direzzjoni diżintegrata. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa wkoll opzjonijiet u possibbiltajiet għal approċċ komunitarju aktar koerenti fis-settur li mhux parti mill-ETS rigward il-politika tal-UE dwar il-klima għall-perjodu ta’ wara l-2030.

3.4.

L-approċċ settorjali, għall-kuntrarju ta’ kondiviżjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri, hija rotta possibbli oħra tal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Il-komunikazzjoni dwar it-trasport hija bbażata fuq dan l-approċċ. Il-KESE jqis li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn kwistjonijiet relatati mas-suq uniku u dawk li huma ta’ natura nazzjonali. B’mod ġenerali, l-approċċ settorjali jaqbel aktar mas-suq uniku, mentri approċċ speċifiku għal kull pajjiż huwa rilevanti fi kwistjonijiet bħall-ġestjoni ta’ riżorsi naturali domestiċi. Dan jgħodd b’mod partikolari fir-rigward tal-politika dwar il-foresti.

3.5.

L-integrazzjoni tal-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas tal-2030 twassal għal element ġdid importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-KESE jqis li jinħtieġ li l-integrazzjoni sseħħ b’mod li ttejjeb in-newtralità tal-karbonju fit-tul u t-tkabbir sostenibbli, minflok tiffoka fuq azzjonijiet fuq perjodu qasir u medju biss.

3.6.

Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiżdied il-ħżin tal-karbonju sservi biex jiġi xprunat l-użu tal-bijomassa bħala materja prima għal diversi tipi ta’ prodotti tal-bijomassa u bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu tal-bijoenerġija sostenibbli flimkien mad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Il-bijoekonomija sostenibbli, jiġifieri l-użu sostenibbli u l-ġestjoni ta’ riżorsi naturali bijoloġiċi, hija element essenzjali fit-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju.

3.7.

Is-settur tal-foresti jista’ jkollu rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, b’hekk iżid l-enerġija rinnovabbli u jippromovi l-konsum sostenibbli. Ir-riżorsi tal-foresti tal-UE qed jikbru, permezz ta’ investimenti fit-tul fil-ġestjoni tal-foresti bl-għan li jiżdiedu l-livelli sostenibbli għall-ħsad fil-futur. Iż-żieda fl-użu tal-bijomassa ser teħtieġ ukoll il-ġestjoni attiva tal-foresti fil-futur.

3.8.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-politika dwar il-klima tal-UE ma għandhiex tistabbilixxi limiti għall-użu tal-foresti, sakemm il-ħsad ma jaqbiżx it-tkabbir tar-riżorsi tal-foresti u jiġu segwiti l-prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Ir-restrizzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien tal-użu tal-foresti tista’ eventwalment tirriżulta fit-tnaqqis tal-bjar.

3.9.

It-tibdil fil-klima huwa wkoll marbut mill-qrib mas-sigurtà tal-ikel, partikolarment fil-livell globali. Għalhekk huwa importanti li wieħed ikun kapaċi jirrispondi b’mod simultanju għall-isfidi ta’ sigurtà tal-ikel u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Id-disponibbiltà tal-art għall-kultivazzjoni u l-pressjonijiet tal-urbanizzazzjoni għandhom iwasslu għal żieda sostenibbli tal-produttività sabiex l-Ewropa tikkontribwixxi sehemha biex tiġi indirizzata l-isfida globali tas-sigurtà tal-ikel.

3.10.

Rigward l-emissjonijiet netti tas-settur agrikolu, il-KESE jfakkar li hemm ukoll proposta ambizzjuża b’mod simili dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet (NEC) u jitlob għall-konsistenza u l-evitar tal-piż ta’ duplikazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ diversi biċċiet ta’ leġislazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposta dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi

4.1.

Il-Kummissjoni laqgħet l-appell tal-Kunsill Ewropew biex jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta’ ġustizzja u kosteffettività fil-proposta tagħha. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-fehma li d-differenzi bejn l-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati sabiex ikunu żgurati kemm il-ġustizzja kif ukoll il-kosteffettività. Dan huwa relatat mad-differenzi fil-karatteristiċi speċifiċi u l-punti tat-tluq tal-pajjiżi, kif ukoll il-potenzjal ekonomiku u soċjali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

4.2.

Il-KESE, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-approċċ propost ma jwassalx għar-riżultat l-aktar effettiv fil-livell tal-UE, peress li l-ġustizzja u l-kosteffettività jiġu kkunsidrati separatament minn xulxin. Biex tinkiseb kosteffettività ġenwina u b’mod ġust, il-kalkoli għandhom ikopru iż-żewġ aspetti fl-istess ħin u fl-Istati Membri kollha.

4.3.

Idealment, tinstab is-soluzzjoni l-aktar kosteffikaċi billi jiġu kkalkulati x-xejriet tal-ispejjeż tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet f’kull pajjiż u jiġu stabbiliti l-miri sal-punt fejn l-ispejjeż marġinali meta mqabbla mal-PDG huma l-istess. Dan għandu jelimina wkoll il-problema possibbli ta’ allokazzjoni żejda. Alternattiva oħra hija li tiġi stabbilita l-istess mira relattiva għal kull pajjiż u mbagħad jintużaw mekkaniżmi ta’ flessibbiltà sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni.

4.4.

Rigward ir-riżultat tal-kondiviżjoni tal-isforzi, il-KESE jinnota li huwa diffiċli li dan jiġi vverifikat. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-preżentazzjoni tad-data u s-suppożizzjonijiet tal-kalkoli kif ukoll fil-metodoloġija użata.

4.5.

Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà, il-KESE jqis li huwa importanti li jitqiesu u jitħejjew għall-impatti possibbli tal-“Brexit” dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Min-naħa l-oħra, in-Norveġja u l-Islanda esprimew l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta mill-UE, li jista’ jkollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kondiviżjoni tal-isforzi.

4.6.

Minħabba n-nuqqasijiet inevitabbli fil-kondiviżjoni tal-isforz, huwa importanti li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà u regoli li jagħmluha possibbli li jinkisbu l-ogħla benefiċċji fl-effiċjenza. Forom ġodda ta’ flessibbiltà transsettorjali għandhom jiġu eżaminati wkoll. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm sistema effiċjenti u trasparenti biex jiġu ssorveljati r-riżultati tal-flessibiltajiet.

4.7.

Il-flessibbiltà li tipprovdi l-possibbiltà ta’ negozjar tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni ta’ miżuri fi Stat ieħor tikkontribwixxi kemm biex tiżdied il-kosteffettività kif ukoll il-ġustizzja. L-opzjoni li jiġu trasferiti l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet matul iż-żmien hija meħtieġa wkoll u għandha tkun inqas ristretta, minħabba li fil-prattika l-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ma jsegwux trajettorja lineari minn sena għal sena.

4.8.

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-opzjoni tal-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mis-settur tal-ETS biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet minn setturi oħra hija milqugħa iżda għandha wkoll l-għan li jiġi ottimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Fl-istess ħin wieħed għandu jirrikonoxxi li l-kanċellazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet f’pajjiż wieħed għandu wkoll impatt fuq pajjiżi oħra, minħabba l-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet madwar l-UE kollha.

4.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibbiltà li jintużaw l-assorbimenti tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF biex jiġu kkumpensati emissjonijiet f’setturi oħra. L-inklużjoni possibbli ta’ ġestjoni tal-foresti f’mekkaniżmi ta’ flessibbiltà għandha titfassal b’tali mod li tinċentiva l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tkabbir tal-foresti u ma tfixkilx l-użu tar-riżorsi tal-foresti bħala materja prima tal-bijoekonomija.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposta dwar l-LULUCF

5.1.

Ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija jitlob approċċ olistiku mill-politika dwar il-klima tal-UE. Minbarra l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-agrikoltura u l-forestrija wkoll qed jaffaċċaw l-isfida li jadattaw għat-tibdil fil-klima peress li huma s-setturi l-aktar milquta minn avvenimenti klimatiċi avversi. Għal din ir-raġuni, għandu jitħeġġeġ pjan ta’ mitigazzjoni bl-inqas impatt negattiv fuq il-produzzjoni. Kif imsemmi fil-proposta tal-Kummissjoni, huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-UE fix-xena globali u jittieħed kont tal-bilanċ globali tal-Ftehim ta’ Pariġi, speċjalment fir-rigward tal-integrità ambjentali u l-effetti negattivi possibbli tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

5.2.

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati mill-bniedem mis-sorsi u l-assorbimenti minn bjar bħall-foresti għandhom ikunu bbilanċjati sat-tieni nofs tas-seklu. Huwa għalhekk kruċjali li jinżammu l-foresti bħala bjar u biex tiġi evitata s-saturazzjoni tal-karbonju fil-foresti li qed jixjieħu.

5.3.

Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, flimkien mal-użu tal-injam bħala materja prima għal prodotti u s-sostituzzjoni tal-karburanti fossili mal-bijoenerġija, huma mezz effettiv biex jiġi kkontrollat il-bilanċ tal-karbonju. Biex jiġi evitat li tiddgħajjef l-integrità ambjentali, l-emissjonijiet fossili minn setturi oħra m’għandhomx jiġu kkumpensati permezz ta’ bjar forestali b’tali mod li jnaqqsu d-disponibbiltà tal-injam għall-iskopijiet tal-bijoekonomija.

5.4.

Il-ġestjoni tal-bjar tal-foresti mhijiex biss kwistjoni ta’ art tal-foresti iżda l-ewwel u qabel kollox it-tisħiħ tat-tkabbir tal-foresti permezz ta’ ġestjoni attiva tal-foresti, u ż-żieda fl-użu tal-prodotti tal-injam. Il-KESE għalhekk iqis li huwa importanti li l-prodotti tal-injam maħsud (HWP) jiġu inklużi fis-settur tal-LULUCF, u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ipprovdut minn dawn għall-ħażna tal-karbonju u l-krediti ġġenerati minn dan. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li jkun permess li l-emissjonijiet ikkawżati mid-deforestazzjoni jiġu kkumpensati permezz ta’ żieda fir-riżorsi tal-foresti miksuba mill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

5.5.

Sabiex jintuża l-potenzjal sinifikanti tal-ġestjoni (1) sostenibbli tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka sforzi intensivi fuq l-iżvilupp tar-regoli tal-kontabilità tal-ġestjoni tal-foresti. Ir-regoli għandhom jirriflettu r-rati attwali tat-tkabbir tal-foresti u s-sekwestru sabiex tiġi evitata l-problema tar-regoli attwali, li hija li f’ċerti każijiet ikun hemm bjar reali li jiġu definiti bħala sors ta’ emissjoni.

5.6.

Ir-regoli ta’ kontabilità proposti dwar il-livelli ta’ referenza għall-foresti huma iktar ikkumplikati minn qabel u ma jħeġġux biżżejjed it-tisħiħ tat-tkabbir tal-foresti jew tal-bijoekonomija. Il-KESE jipproponi li, minflok jiġu stabbiliti kriterji ddetaljati wisq, il-livelli ta’ referenza nazzjonali għall-foresti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skont l-użu previst tar-riżorsi tal-foresti, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħsad annwali ma jaqbiżx it-tkabbir annwali fit-tul.

5.7.

Il-KESE jilqa’ n-nota tal-Kummissjoni li sabiex tiġi evitata l-kontabilità doppja tal-emissjonijiet, l-użu tal-bijomassa fis-settur tal-enerġija għandha titqies bħala newtrali fil-karbonju, skont il-linji ta’ gwida IPCC. Barra minn hekk, kwalunkwe kontabilità doppja oħra tal-emissjonijiet għandha tiġi evitata.

5.8.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tistinka għal regoli ta’ kontabilità globali ssemplifikati għal-LULUCF. Biex jitħeġġu pajjiżi oħra biex jinvolvu ruħhom fil-proċess, ir-regoli għandhom ikunu sempliċi kemm jista’ jkun. Fil-livell internazzjonali, l-UE għandha tikkontribwixxi wkoll l-għarfien tagħha stess fir-rigward tal-inventarji tar-riżorsi tal-foresti u l-metodi ta’ monitoraġġ u b’mod partikolari tiżviluppa sistema satellitari tal-UE bil-kapaċità li tipprovdi data globali attwali.

5.9.

Bħal fil-każ tal-ġestjoni tal-foresti, il-ġestjoni attiva tar-raba’ u tal-bwar tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari globali. It-titjib tal-ġestjoni tar-raba’ u tal-bwar, inkluż il-produttività tal-ħamrija, il-ħsad u t-tħawwil mill-ġdid, isaħħaħ is-sekwestru tal-karbonju u għalhekk għandu jkun akkreditat b’mod xieraq. Il-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-bijomassa tista’ eventwalment tirriżulta f’inqas u inqas tneħħija ta’ gassijiet serra mill-atmosfera minħabba t-tnaqqis tal-fotosinteżi. L-ispeċjalità tal-ħamrija organika għandha tiġi kkunsidrata wkoll u l-possibbiltajiet offruti biex titkompla l-biedja fiha.

5.10.

Sabiex isir użu sħiħ tal-potenzjal sinifikanti tal-ġestjoni tar-raba’ u tal-bwar sabiex jiżdiedu l-bjar tal-karbonju tal-ħamrija u jiġi indikat titjib possibbli fil-prestazzjoni tagħhom, il-KESE jappella għar-riċerka dwar u l-iżvilupp tar-regoli tal-kontabilità għall-bijomassa assoċjata ma’ pjanti annwali u perenni mingħajr injam. Il-potenzjal ta’ approċċ dinamiku għall-ġestjoni tal-ħamrija li jiffoka fuq li jottimizza l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet lokali, jista’ jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-klima u l-ambjent, iżda wkoll jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tal-biedja, speċjalment irziezet żgħar tal-familja.

5.11.

Kollox ma’ kollox, is-suċċess f’Pariġi nkiseb b’approċċ minn isfel għal fuq bl-istabbiliment ta’ miri nazzjonali, ibbażati fuq il-punti b’saħħithom u l-opportunitajiet ipprovduti mill-Istati individwali. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll id-differenzi bejn l-Istati Membri fis-settur tal-LULUCF. Il-politiki għandhom għalhekk jitfasslu fil-livell nazzjonali, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-settur tal-LULUCF għandu jinżamm bħala pilastru separat tal-politika dwar il-klima.

5.12.

Il-KESE ser iħeġġeġ lill-Istati Membri individwali biex jistabbilixxu politiki ambizzjużi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fis-settur tal-LULUCF, filwaqt li tinħoloq viżjoni fit-tul għall-użu sostenibbli tal-art u tal-forestrija, u b’mod partikolari li tinvolvi s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-proċess fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

5.13.

Biex il-politiki ambizzjużi jkunu jistgħu jiġu implimentati, jeħtieġ li jkun hemm riżorsi finanzjarji sostanzjali. Għal dan l-għan, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex, minbarra il-faċilitajiet ta’ finanzjament eżistenti, jitwaqqaf strument ta’ finanzjament separat, flimkien mal-BEI, b’appoġġ għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, hemm ħtieġa ċara għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp immirat lejn metodi ġodda ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Nabuurs et al. 2015. Rwol ġdid għall-foresti u s-settur tal-foresti fil-miri dwar il-klima għal wara l-2020 tal-UE.


Top