Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0527(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ

    ĠU C 172, 27.5.2015, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 172/8


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ

    (2015/C 172/03)

    IL-KUNSILL TAL-UE U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

    FILWAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI, KIF JINSAB FL-ANNESS, U B’MOD PARTIKOLARI DAWN LI ĠEJJIN:

    1.

    L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha, li jenfasizzaw il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji u li jiġu indirizzati l-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, kif ukoll ir-Rapport ta’ sinteżi dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1), li jelenka fost l-eżiti ewlenin tiegħu r-rwol siewi tas-settur tal-isport bħala strument ta’ koeżjoni u inklużjoni soċjali.

    2.

    Il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2014-2017 (2), li jenfasizza l-kontribut importanti tal-isport għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-potenzjal kbir tas-settur li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Waħda mit-tliet prijoritajiet tal-Pjan ta’ Ħidma - “L-isport u s-soċjetà” - tenfasizza r-rabtiet tal-isport mal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    3.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2006 dwar ir-rikonoxximent tal-valur tat-tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ Ewropej (3) tenfasizza li t-tagħlim mhux formali u informali jista’ jgħin liż-żgħażagħ jiksbu għarfien, ħiliet u kompetenzi addizzjonali u jikkontribwixxi għall-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom, u b’hekk itejjeb il-prospettivi tagħhom għall-impjieg; u li rikonoxximent akbar ta’ dawn għandu jingħata l-kunsiderazzjoni dovuta mill-impjegaturi, l-edukazzjoni formali u s-soċjetà ċivili inġenerali.

    4.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (4), li tidentifika opportunitajiet u mekkaniżmi li jgħinu biex l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll biex tiżdied il-motivazzjoni għal tagħlim tul il-ħajja.

    JIRRIKONOXXU LI:

    5.

    Il-parteċipazzjoni fl-isport tal-massa (5), filwaqt li l-ewwel u qabel kollox hija attività ta’ rikreazzjoni fiżika, iġġib magħha valur miżjud addizzjonali fir-rigward ta’ soċjetà fl-Ewropa aktar b’saħħitha u b’mod ġenerali aktar inklużiva u sostenibbli. Din tista’ tiżviluppa attitudnijiet u valuri soċjali pożittivi, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi, inklużi l-ħiliet trasversali (6) bħall-abbiltà tal-ħsieb kritiku, it-teħid ta’ inizjattivi, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħidma kollaborattiva (7).

    6.

    Jeħtieġ li nirreaġixxu għar-rekwiżiti li qed jiżdiedu ta’ ekonomija tal-għarfien avvanzata, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-ħiliet trasversali u l-abbiltà li dawn il-ħiliet jiġu applikati bejn diversi setturi; fi żmien fejn dak li jitlob is-suq tax-xogħol qed jinbidel spiss, l-impjegaturi jagħtu valur kbir lill-ħiliet trasversali, iżda spiss jindikaw li l-impjegati ġodda huma neqsin minn ħiliet bħal dawn.

    7.

    Fir-rigward tal-kontribut tal-isport għall-iżvilupp tal-ħiliet trasversali, hemm potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat, speċjalment għaż-żgħażagħ, peress li l-ħiliet li ġew akkwistati permezz tat-tagħlim mhux formali (8) u informali (9) huma siewja għall-iżvilupp personali u professjonali, inkluż fis-suq tax-xogħol u fit-tagħlim tul il-ħajja (10).

    8.

    Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-valur tal-ħiliet trasversali miksuba b’tagħlim mhux formali u informali permezz tal-isport tal-massa, l-ewwel passi huma s-sensibilizzazzjoni u l-viżibilità primarjament fost il-parteċipanti nfushom, ġenituri, voluntiera u persunal, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali, inklużi impjegaturi.

    JENFASIZZAW LI:

    9.

    L-isport jagħti kontribut għall-objettivi strateġiċi tal-Unjoni ta’ tkabbir, impjiegi u koeżjoni soċjali, inklużi l-isfidi urġenti li l-Ewropa qed tiffaċċja attwalment bħar-rati għolja persistenti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ (11) fl-Ewropa. Sabiex l-isport ikompli jiżviluppa l-potenzjal kollu tiegħu f’dan ir-rigward, huwa importanti li ssir ħidma biex jittieħed approċċ transsettorjali li jinvolvi oqsma ta’ politika oħrajn bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-impjieg, l-affarijiet soċjali u s-saħħa pubblika.

    10.

    L-isport mhux tradizzjonali (12) huwa ta’ spiss partikolarment attraenti għaż-żgħażagħ, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, u l-possibiltajiet li dan joffri jistgħu jiġu esplorati aktar.

    11.

    Persunal kompetenti, inklużi l-voluntiera, fl-isport tal-massa huma essenzjali għas-sensibilizzazzjoni, biex jiġu sfruttati l-valur miżjud u l-benefiċċji li dan jista’ joffri fir-rigward tal-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali.

    F’DAN IL-KUNTEST JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE, B’KONT DOVUT TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    12.

    Joħolqu aktar sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati fl-isport tal-massa, fis-soċjetà u fost l-impjegaturi li l-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fl-isport tal-massa għandhom valur miżjud personali, soċjali u ekonomiku li jista’ jintuża f’setturi.

    13.

    Jikkooperaw u jiskambjaw prattika tajba ma’ setturi rilevanti oħrajn u fost l-Istati Membri tal-UE dwar il-benefiċċji pożittivi tal-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni formali permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali fl-isport tal-massa.

    14.

    Jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-persunal kompetenti, inklużi l-voluntiera, fl-isport tal-massa bil-ħsieb li jissaħħu l-valuri soċjali u edukattivi, kif ukoll il-ħiliet trasversali, permezz tal-isport tal-massa.

    15.

    Jinkoraġġixxu sħubiji innovattivi bejn il-fornituri tat-tagħlim formali u mhux formali, kif ukoll bejn is-settur taż-żgħażagħ u dak tal-isport, sabiex jiġu żviluppati approċċi ta’ tagħlim li jistgħu jkunu adattati fis-settur tal-isport tal-massa.

    16.

    Jippromwovu l-awtovalutazzjoni tal-ħiliet, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li tinkludi l-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport tal-massa, kif ukoll l-użu ta’ passaporti ta’ ħiliet u l-mudelli ta’ CV l-aktar komuni, speċjalment il-Europass.

    17.

    Jagħmlu użu minn arranġamenti eżistenti li għandhom l-għan li jippermettu l-validazzjoni ta’ ħiliet u esperjenzi miksuba f’tagħlim mhux formali u informali fl-isport.

    18.

    Ikomplu jtejbu l-parteċipazzjoni ġenerali taż-żgħażagħ fl-isport tal-massa, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, f’livell nazzjonali u dak lokali, u jisfruttaw il-potenzjal pożittiv tal-isport mhux tradizzjonali f’dan ir-rigward.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA U LILL-ISTATI MEMBRI BIEX, FIL-LIMITI RISPETTIVI TAL-KOMPETENZA TAGĦHOM:

    19.

    Jippromwovu l-valur tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport tal-massa minn dawk li qed jitgħallmu sabiex ikunu jistgħu jintużaw b’mod effettiv fis-setturi kollha għall-finijiet tal-impjieg, il-mobbiltà fit-tagħlim jew it-tagħlim tul il-ħajja.

    20.

    Jirrikonoxxu u jintegraw l-eżiti pożittivi tal-ħiliet trasversali żviluppati permezz tas-settur tal-isport tal-massa fil-politiki nazzjonali u Ewropej u fi strateġiji dwar l-isport, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg.

    21.

    Jirrikonoxxu u jappoġġaw il-kontributi tal-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa fl-għoti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali.

    22.

    Jesploraw il-potenzjal għal kooperazzjoni mas-settur taż-żgħażagħ, b’mod speċjali fir-rigward ta’:

    a.

    l-applikazzjoni ta’ metodi u għodod ta’ tagħlim mhux formali fil-qasam tal-isport;

    b.

    l-użu ta’ attivitajiet sportivi fil-metodi ta’ tagħlim mhux formali fis-settur taż-żgħażagħ;

    c.

    l-inkoraġġiment ta’ aktar proġetti ffinanzjati mis-Servizz Volontarju Ewropew li jinvolvu voluntiera żgħażagħ minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-settur tal-isport;

    d.

    l-użu ta’ attivitajiet sportivi bħala għodda għall-inklużjoni soċjali u s-sensibilizzazzjoni, inkluż fir-rigward tal-kontribut tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Ewropa.

    23.

    Jinkoraġġixxu inizjattivi, fejn xieraq, inkluż taħt il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, dwar il-valur edukattiv tal-isport, kif ukoll dak dwar it-tisħiħ tal-komunitajiet soċjalment inklużivi.

    24.

    Jikkooperaw biex jogħlew l-istandards fit-taħriġ u l-ikkowċjar u fl-edukazzjoni ta’ dawk li jħarrġu u l-kowċijiet kif ukoll il-voluntiera, billi jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza bejn dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet kkonċernati fl-isport;

    25.

    Jinkoraġġixxu l-volontarjat fl-isport u l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat fl-isport, b’mod partikolari fil-kisba ta’ ħiliet trasversali, jiġi rikonoxxut il-volontarjat bħala forma importanti ta’ tagħlim mhux formali u tiżdied il-mobbiltà nazzjonali u transkonfinali ta’ voluntiera żgħażagħ.

    26.

    Jinkoraġġixxu l-użu effettiv tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE bħall-Programm Erasmus+ bħala opportunità għall-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, biex jiżdiedu wkoll l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva kif ukoll il-parteċipazzjoni fl-isport tal-massa.

    27.

    Jagħmlu użu mill-proċess ta’ segwitu tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

    28.

    Twettaq studju dwar il-kontribut tal-isport għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, inklużi aspetti tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fl-isport tal-massa.

    29.

    Tintegra d-dimensjoni tal-isport fid-diskussjonijiet u l-avvenimenti dwar il-politiki eżistenti dwar il-ħiliet, sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni u jiġu esplorati modi aktar konkreti biex jinkisbu ħiliet trasversali fl-isport u permezz tiegħu.

    30.

    Tkompli, inkluż fi ħdan il-mandat tal-gruppi ta’ esperti stabbiliti bil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, bil-ġbir ta’ data, l-aħjar prattika u l-analiżi tal-importanza soċjali u ekonomika tal-isport u ta’ kif l-isport tal-massa jikkontribwixxi għall-oqsma bħall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet personali u trasversali.

    31.

    Tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-prattika tajba, it-tagħlim effettiv bejn il-pari u n-netwerking fost l-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sport tal-massa li huwa aktar aċċessibbli, attraenti, diversifikat, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

    JISTIEDNU LILL-MOVIMENT TAL-ISPORT JIKKUNSIDRA:

    32.

    Il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni, speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom, li l-ħiliet miksuba fl-isport u permezz tiegħu jistgħu jkunu ta’ valur speċjali li jista’ jintuża f’oqsma oħra.

    33.

    L-investiment f’persunal kompetenti li qed juża l-aktar metodi aġġornati fil-ħidma tiegħu biex dan ikun jista’ jibbenefika b’mod sħiħ mill-valuri addizzjonali li l-isport jista’ jagħti, inklużi dawk tal-kisba tal-ħiliet.

    34.

    Il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni fost il-persunal fl-isport dwar il-benefiċċji pożittivi tal-ħiliet trasversali miksuba f’attivitajiet sportivi permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali u l-valur miżjud soċjali u ekonomiku ġenerali tal-isport tal-massa.

    35.

    L-esplorazzjoni tal-potenzjal għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattika tajba ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ metodi u għodod ta’ tagħlim mhux formali fil-qasam tal-isport.

    36.

    L-iskambju tal-aħjar prattika dwar kif jitrawwem u jiġi ddiversifikat il-moviment tal-isport tal-massa, u l-iskambju ta’ prattika tajba fir-rigward tal-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ sport tal-massa, eż l-isport mhux tradizzjonali.


    (1)  Dokument 16559/14.

    (2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.

    (3)  ĠU C 168, 20.7.2006, p. 1.

    (4)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

    (5)  “L-isport tal-massa” tfisser l-isport organizzat ipprattikat fil-livell lokali mill-isportivi mhux professjonali, u l-isport għal kulħadd. Sors: Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

    (6)  Diversi aġenziji u organizzazzjonijiet taw ismijiet differenti lil dawn il-ħiliet, li jvarjaw minn “kompetenzi ewlenin” għal “ħiliet interpersonali”, “ħiliet trasferibbli” jew “ħiliet essenzjali”, “ħiliet ewlenin għax-xogħol” jew “ħiliet ewlenin għall-impjegabbiltà”. Skont il-Glossarju tan-Netwerk Ewropew għall-Politika dwar l-Iggwidar Tul il-Ħajja, il-ħiliet trasversali huma rilevanti għal impjiegi u okkupazzjonijiet minbarra dawk li għandhom attwalment jew li kellhom reċentement. Dawn il-ħiliet jistgħu wkoll ikunu nkisbu permezz ta’ attivitajiet mhux marbuta max-xogħol jew dawk ta’ rikreazzjoni jew permezz ta’ parteċipazzjoni f’edukazzjoni jew taħriġ. B’mod aktar ġenerali, dawn huma ħiliet, li ġew mitgħallma f’kuntest wieħed jew biex jindirizzaw sitwazzjoni jew problema partikolari u li jistgħu jiġu ttrasferiti għal kuntest ieħor.

    (7)  COM(2012)669 final.

    (8)  Definizzjoni: “tagħlim mhux formali” tfisser tagħlim li jseħħ permezz ta’ attivitajiet ippjanati (f’termini ta’ objettivi tat-tagħlim u ħin għat-tagħlim) li jinkludu xi forma ta’ appoġġ għat-tagħlim (eż. relazzjoni bejn student u għalliem), iżda li mhux parti mis-sistema formali ta’ edukazzjoni u taħriġ; Sors: ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50

    (9)  Definizzjoni: “tagħlim informali” tfisser tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum marbutin max-xogħol, il-familja jew ir-rikreazzjoni li mhuwiex organizzat jew strutturat f’termini ta’ objettivi, ħin jew appoġġ għat-tagħlim; dan jista’ ma jkunx intenzjonali mill-perspettiva ta’ min qed jitgħallem; Sors: ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50

    (10)  L-evidenza tissuġġerixxi li fir-rigward tal-akkwist ta’ ħiliet barra mill-edukazzjoni formali, 52 % tal-Ewropej iqisu li huwa possibbli li wieħed jitgħallem ħiliet li jistgħu jintużaw aktar tard f’setturi oħra (eż. soluzzjoni tal-problemi, ħidma ma’ oħrajn, eċċ.). Sors: Ewrobarometru Speċjali 417 (2014) “Żona Ewropea għall-ħiliet u l-kwalifiki”, p. 12.

    (11)  Aktar minn 5 miljun żagħżugħ (taħt il-25 sena) kienu qiegħda fl-UE-28 fit-tieni kwart tal-2014. Dan jirrappreżenta rata ta’ qgħad ta’ 21,7 %, filwaqt li r-rata ta’ NEET (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) ir-rata kienet ta’ 13 %. Sors: Eurostat

    (12)  Forom emerġenti ġodda ta’ sports li huma attraenti għaż-żgħażagħ, pereżempju — l-istreet soccer, il-ġinnastika urbana u l-parkour, l-iskateboarding/longboarding, l-istunt blading, l-istreetball u ż-żfin urban.


    ANNESS

    FILWAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU TA’ DIN IL-KWISTJONI

    1.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (1) fejn il-kompetenza soċjali hija marbuta mal-benessri personali u soċjali li jitlob fehim ta’ kif l-individwi jistgħu jiżguraw l-aħjar saħħa fiżika u mentali, inkluż bħala riżorsa għall-individwu nnifsu u għall-familja tiegħu, u għall-ambjent soċjali immedjat tiegħu, u l-għarfien ta’ kif stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa jista’ jikkontribwixxi għal dan. Sabiex ikun hemm parteċipazzjoni interpersonali u soċjali tajba huwa essenzjali li jiġu mifhuma l-kodiċi ta’ kondotta u l-manjieri ġeneralment aċċettati fis-soċjetajiet u l-ambjenti differenti (eż. fuq ix-xogħol). Il-ħiliet ewlenin ta’ din il-kompetenza jinkludu l-abbiltà li l-individwu jikkomunika b’mod kostruttiv f’ambjenti differenti, ikun tolleranti, jesprimi u jifhem opinjonijiet differenti, jinnegozja bil-kapaċità li titrawwem il-fiduċja, u li jħoss l-empatija. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jifilħu għall-istress u l-frustrazzjoni u jesprimuhom b’mod kostruttiv u għandhom ukoll jiddistingwu bejn l-oqsma personali u dawk professjonali.

    2.

    Il-Linji Gwida Ewropej għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali (2) jenfasizzaw li l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali qiegħda titqies dejjem aktar bħala mezz ta’ kif jittejjeb it-tagħlim tul il-ħajja u fl-ambiti kollha tagħha. Aktar pajjiżi Ewropej qed jenfasizzaw l-importanza li jsir viżibbli u jingħata valur lit-tagħlim li jseħħ barra l-istituzzjonijiet formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, pereżempju fuq ix-xogħol, f’attivitajiet tal-ħin liberu u d-dar.

    3.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (3) jenfasizzaw li l-aċċess għal diversi aspetti tal-isport u l-parteċipazzjoni fihom huma importanti għall-iżvilupp personali, is-sens ta’ identità u appartenenza tal-individwu, il-benessri fiżiku u mentali, l-awtonomizzazzjoni, il-kompetenzi u n-netwerks soċjali, il-komunikazzjoni interkulturali u l-impjegabbiltà.

    4.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rwol tal-attivitajiet volontarji fl-isport għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva (4) jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet ta’ volontarjat fl-isport bħala għodda importanti għat-titjib tal-kompetenzi u l-ħiliet, f’forma ta’ tagħlim mhux formali u informali wkoll.

    5.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2013 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ — reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 (5), jistiednu lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trasversali kif deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

    6.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-kontribut tal-isport għall-ekonomija tal-UE, u b’mod partikolari għat-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali (6), jirrikonoxxu li permezz tal-involviment fl-isport, iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu ħiliet u kompetenzi personali u professjonali speċifiċi li jtejbu l-impjegabbiltà. Dawn jinkludu t-tagħlim dwar kif titgħallem, il-kompetenzi soċjali u ċiviċi, it-tmexxija, il-komunikazzjoni, il-ħidma f’tim, id-dixxiplina, il-kreattività, l-intraprenditorija.


    (1)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

    (2)  Linji Gwida Ewropej għall-Validazzjoni tat-Tagħlim Mhux Formali u Informali. Cedefop (2009).

    (3)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.

    (4)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 24.

    (5)  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.

    (6)  ĠU C 32, 4.2.2014, p. 2.


    Top