This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015XC0925(02)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 317, 25.9.2015, p. 9–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 317/9 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2015/C 317/04)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“MORTADELLA DI PRATO”
Nru tal-UE: IT-PGI-0005-01333 — 8.5.2015
DOP ( ) IĠP ( X )
1. Isem (ismijiet)
“Mortadella di Prato”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
L-isem “Mortadella di Prato” jindika prodott tal-laħam ipproċessat magħmul minn taħlita ta’ laħam tal-majjal, melħ tal-baħar, tewm, ħwawar u alchermes (jew alkermes, fi kwantità ta’ bejn 0,3 u 0,6 %) imdeffes f’casing u soġġett għal trattament bis-sħana. Il-prodott għandu jkollu dawn il-karatteristiċi meta jiġi rilaxxat għall-konsum: piż: bejn 0,5 u 10 kg; forma: ċilindrika jew kemxejn ovali; qisien: tul ta’ bejn 8u 70 cm, dijametru ta’ bejn 6 u 35 cm; karatteristiċi organolettiċi: konsistenza tat-taħlita: soda u kompatta, ratba mal-palat minħabba t-tħin fin; lewn fuq barra: roża li jxaqleb lejn lewn opak; lewn fuq ġewwa: roża skur, permezz tal-effett tal-lewn tal-alchermes, bi tbajja’ bojod minħabba l-preżenza ta’ kubi żgħar tax-xaħam; aroma: aroma ta’ ħwawar penetranti, bi ħjiel ta’ alchermes mill-bidu nett; togħma: tipika tal-prodott minħabba l-kuntrast bejn it-togħma taħraq u qawwija tal-ħwawar, tat-tewm u tal-melħ tal-baħar u t-togħma ħelwa u delikata tal-alchermes; karatteristiċi kimiċi u fiżiċi: proporzjon ta’ xaħam mal-proteini: mhux aktar minn 1,5.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
L-għalf tal-ħnieżer maħsub għall-produzzjoni tal-“Mortadella di Prato” għandu jkun f’forma ta’ brodu jew maxx u jkollu ammont ta’ materja niexfa ta’ mhux inqas minn 45 % tat-total sa 80 kg ta’ piż ħaj u mhux inqas minn 55 % tat-total fil-fażi tat-tismin. Ix-xorrox tal-ħalib (prodott sekondarju tal-baqta) u x-xorrox tal-butir (prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-butir) ma għandhomx jaqbżu l-15-il litru għal kull annimal/kull jum).
Il-“Mortadella di Prato” hi magħmula esklużivament minn dawn il-qatgħat tal-laħam, fil-perċentwali indikati: spalla: minn 40 sa 50 %; xaħam subkutanju: minn 9 sa 15 %; tirqim tal-perżut: minn 10 sa 20 %; raqba: minn 5 sa 15 %; xedaq: minn 5 sa 15 %; żaqq: minn 5 sa 10 %. L-ingredjenti obbligatorji huma: alchermes: minn 0,3 sa 0,6 %; bżar mitħun: minn 0,1 sa 0,3 %; bżar sħiħ: minn 0,1 sa 0,2 %; melħ tal-baħar: minn 2,0 sa 3,0 %: ħwawar mitħuna (kosbor, kannella, noċemuskata, il-qoxra barranija tan-noċemuskata u msimer tal-qronfol): minn 0,1 sa 0,25 %; tewm: minn 0,08 sa 0,2 %; iż-żieda tal-glutamat tas-sodju hija pprojbita. Il-laħam użat irid ikun ġej minn ħnieżer li jiżnu mhux inqas minn 160 kg (+/- 10 %) u meta jinqatlu jrid ikollhom aktar minn disa’ xhur. L-intervall bejn il-qatla tal-ħnieżer u l-ipproċessar tal-laħam ma jridx ikun inqas minn 24 siegħa u mhux aktar minn 96 siegħa.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-istadji li ġejjin fil-produzzjoni tal-“Mortadella di Prato” jridu jseħħu fiż-żona ġeografika u b’mod kontinwu mingħajr intervalli: tirqim, tħin u għaġna; mili u rbit; trattament bil-fwar u tisjir; tlaħliħ u tkessiħ.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-ħin bejn it-tkessiħ u t-tnixxif sussegwenti u l-ippakkjar ma jistax jaqbeż l-20 minuta. Minbarra li jagħti lok għal tkabbir ta’ mikrobi, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-limitu ta’ ħin ikollu l-effett li jħassar il-bilanċ organolettiku delikat tal-prodott, u b’hekk jikkomprometti l-aroma tiegħu u jbiddel il-lewn roża karatteristiku tiegħu.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-“Mortadella di Prato” tista’ tiġi kkummerċjalizzata sħiħa, jew imqatta’ fi flieli ħoxnin jew irqaq. Fuq l-ippakkjar, għandu jidher b’mod ċar u li jista jinqara fuq it-tikketta, il-logo, kif hu riprodott hawn taħt, magħmul minn immaġni ovali maqtugħa lejn in-naħa t’isfel bil-linji li jifformaw rettangolu li jbiddel il-forma ovali, filwaqt li jifforma figura unika.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona li fiha jsiru l-produzzjoni u l-ippakkjar tal-“Mortadella di Prato” tinkludi t-territorju kollu tal-muniċipalità ta’ Prato u tal-muniċipalitajiet ta’ Agliana, Quarrata u Montale fil-Provinċja ta’ Pistoia.
5. Rabta maż-żona ġeografika
It-territorju ta’ Prato huwa kkaratterizzat minn użu razzjonali tal-ilma mix-xmara li taqsmu, il-Bisenzio, u minn nixxigħat oħra. Il-ħtieġa ta’ restawr tal-pjanura tal-għargħar vasta u fertili u l-kunċett ta’ sfruttament tal-ilmijiet tagħha biex tiġi prodotta l-enerġija għat-tħaddim kemm tal-imtieħen kif ukoll tal-makkinarju tessili, bdiet tinħass għall-ewwel darba fis-seklu tnax u wasslet għall-bini tal-hekk imsejħa “gore”, netwerk kbir ta’ kanali artifiċjali li jaqsmu l-pjanura ta’ Prato, u jestendu għall-muniċipalitajiet ġirien ta’ Agliana, Quarrata u Montale li jinsabu fil-Provinċja ta’ Pistoia. Minbarra li jipprovdu l-enerġija, il-gore u n-nixxigħat ippermettew ukoll li tiżviluppa, sa mill-Medju Evu, l-Arte dei Beccai (biċċiera), li, għal raġunijiet ta’ iġjene, kienu jeħtieġu kwantitajiet kbar ta’ ilma ġieri, simili għall-mestier taż-żebbiegħa. Kien proprju dak iż-żmien li ġie stabbilit l-ipproċessar u l-użu tal-laħam tal-majjal, li kellu reputazzjoni partikolari u kien element importanti mill-ekonomija, filwaqt li kien jirrappreżenta s-sors alimentari ewlieni matul ix-xhur tax-xitwa. Kull familja raħħala kienet trabbi l-ħnieżer tagħha, filwaqt li dawk aktar għonja fil-bliet kienu jagħmlu użu mis-sistema tar-ragħa, fejn l-annimali kienu jiġu fdati lir-raħħala għat-tismin, bil-patt li dan isir “a mezzo di ciò che Dio ne fa” (iridu jwettqu nofs dak imwettaq minn Alla). Anki matul is-sekli ta’ wara, il-konsum annwali ta’ laħam tal-majjal kien konsiderevoli, u fil-fatt is-“salsicciari” (dawk li jippoduċu z-zalzett) ta’ Prato kellhom reputazzjoni għolja u kienu soġġetti għal taxxa speċifika minħabba l-importanza tal-qligħ li diġà kienu qed jiksbu dak iż-żmien permezz tal-bejgħ taz-zalzett. Għaldaqstant, il-konfigurazzjoni partikolari tal-passaġġi fuq l-ilma fiż-żona ffavoriet il-qrubija tradizzjonali bejn il-professjoni antika taż-żebbiegħa, li lilha hu attibwit l-ewwel użu tal-kuċċinilja, u dik tal-biċċiera, li ssoktaw bl-użu tal-famuża “grana de tintore” bħala kolorant u taħwira, inkluż fiz-zalzett.
Il-“Mortadella di Prato” għandha reputazzjoni li hija bbażata prinċipalment fuq l-użu tal-alchermes, li joħloq kuntrast bejn it-togħma ħelwa u delikata tiegħu u t-togħma taħraq u qawwija tal-ħwawar, tat-tewm u tal-melħ tal-baħar, u b’hekk jagħti lill-prodott karatteristiċi kompletament oriġinali. In-“know-how” lokali tradizzjonali tagħmel lill-prodott aktar speċifiku permezz ta’ dawn li ġejjin: l-għażla ta’ qatgħat tal-laħam l-aktar adattati għat-tisjir; il-kisba ta’ koeżjoni partikolari fit-taħlita li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-proteini tat-tessuti konnettivi maz-zokkor li jinsab fl-alchermes; il-protezzjoni msaħħa tax-xaħam kontra s-snuħija kkawżata mill-azzjoni batterjostatika u antiossidanti tat-taħlita ta’ ħwawar, bżar iswed, tewm u melħ tal-baħar; u l-garanzija ta’ tnixxif twil u gradwali tal-prodott minħabba l-fatt li qabel jiġi msajjar bi trattament bil-fwar. Dawn huma kollha aspetti li, meta jitqiesu flimkien, jagħmlu l-prodott uniku fix-xena gastronomika Taljana.
Il-preżenza tal-alchermes bħala ingredjent distintiv tal-“Mortadella di Prato” hija indikazzjoni ċara li l-prodott huwa esklussiv u oriġinarju minn Prato. L-alchermes huwa likur ta’ lewn aħmar jgħajjat li jinkiseb esklużivament mill-kuċċinilja, insett parassita mnixxef u mitħun li, għal sekli sħaħ, kien jintuża biex jinżebgħu d-drappijiet minsuġin, jiġifieri dik li tradizzjonalment kienet l-attività ekonomika ewlenija madwar il-gore tal-belt u d-distrett ta’ Prato. Il-familjarità konsiderevoli ta’ Prato mal-kuċċinilja wasslet għal versatilità kbira fl-użu tagħha bħala kolorant fit-tessuti u fi prodotti alimentari u mediċinali. B’mod partikolari, l-użu tal-alchermes fit-tisjir inżamm ħaj fi prodotti li jvarjaw minn prodotti tal-laħam għall-pasti lokali (“pesche di Prato”). Din l-ispeċifiċità, flimkien mal-fatt li l-produtturi fi Prato rnexxielhom jippreżervaw il-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali, saħħet ir-reputazzjoni tal-“Mortadella di Prato”, li mhemmx dubju dwarha u hija appoġġjata minn dokumentazzjoni estensiva. L-ewwel dokumenti ċerti dwar il-“Mortadella di Prato” bħala prodott li joriġina fil-belt ta’ Prato jmorru lura għall-1733, li kien jaħbat żmien il-beatifikazzjoni tas-soru Caterina de’ Ricci, meta s-sorijiet tal-Monasteru Dumnikan ta’ Prato ħejjew ikla għall-mistednin fejn din ġiet ippreżentata bħala speċjalità lokali. Il-“Mortadella di Prato” tissemma aktar tard b’isimha fl-1854 fil-korrispondenza bejn Cesare Guasti u Giovanni Pierallini, f’artikli fil-ġurnal “Lo Zenzero” mill-1862, u tul is-seklu dsatax kollu f’diversi pubblikazzjonijiet ekonomiċi (“L’Italia economica” tal-1868, “l’Italia all’opera” tal-1869), f’rapporti mfassla bit-Taljan, bl-Ingliż u bil-Franċiż għall-Wirjiet Internazzjonali f’Londra u f’Pariġi, u f’nota miktuba minn Kummissarju tal-pulizija Franċiż rigward l-esportazzjoni tal-prodott lejn Franza (1867). Dan jikkonferma li l-prodott kien kiseb ċertu reputazzjoni. B’mod partikolari, rapport minn uffiċjal tal-Wirja Internazzjonali ta’ Londra jiddikjara li l-“Mortadella di Prato” u l-“Mortadella di Bologna” silfu isimhom lill-ġeneru kollu. Hemm ukoll diversi referenzi ddokumentati għall-“Mortadella di Prato” mis-seklu għoxrin f’firxa ta’ pubblikazzjonijiet inklużi l-kotba tar-riċetti lokali u l-gazzetti nazzjonali ta’ kuljum, kif ukoll fil-gastronomija nazzjonali u internazzjonali, u dan juri li l-fama tagħha kibret b’mod konsiderevoli. Il-karatteristiċi partikolari tagħha wasslu biex il-prodott jissemma f’bosta kotba tat-tisjir u gwidi gastronomiċi lokali, nazzjonali u internazzjonali, inkluż fl-ewwel edizzjoni tal-“Guida Gastronomica d’Italia” tat-Touring Club Italiano (1931). Il-fama tagħha hi marbuta wkoll mal-interess fil-prodott li wrew kokijiet ewlenin u figuri magħrufa sewwa fil-kultura u fil-gastronomija internazzjonali, bħall-kittieb Manuel Vázquez Montalbán. Ġiet promossa wkoll bħala espressjoni vera tat-tradizzjoni gastronomika ta’ Prato minn assoċjazzjonijiet bħall-Accademia della cucina italiana (1987) u Slow Food, li fl-2000 iddeżinjatha bħala prodott alimentari protett. Sa mis-seklu tmintax, il-“Mortadella di Prato” bdiet tittiekel flimkien mat-tin jew fit-tisjir tradizzjonali bħala ingredjent f’bosta platti tipiċi, fosthom is-“sedani alla pratese”. Il-prodott jiġi ppreżentat regolarment f’fieri internazzjonali kif ukoll fil-festival tal-ikel u tal-inbid li jsir fi Prato stess: “Divini profumi. Tra bere e sapere, cultura e sapori della provincia di Prato”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni għall-approvazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Mortadella di Prato” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru. 192 tal-20 ta’ Awwissu 2014.
Wieħed jista’ jikkonsulta t-test tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija fuq din il-ħolqa: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew billi jżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar jagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.