EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0620(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 204, 20.6.2015, p. 24–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/24


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 204/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI PROTETTA TAL-ORIĠINI JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEGORAFIKA PROTETTA

Talba għall-approvazzjoni ta’ emendi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“HUILE D’OLIVE DE NICE”

Nru tal-UE: FR-PDO-0105-01278 – 17.11.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Syndicat interprofessionnel de l’olive de Nice

Box 58 MIN Fleurs 6

06296 Nice Cedex 3

FRANZA

Tel. +33 497257644

Fax +33 493176404

Email: aoc.olive@aocolivedenice.com

Is-Syndicat interprofessionnel de l’olive de Nice huwa magħmul minn produtturi u proċessuri tal-“Huile d’olive de Nice” u għandu interess leġittimu li jippreżenta talba għal emenda.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott milquta mill-emenda/i

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Oħrajn: Il-Kontrolli

4.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda fl-ispeċifikazzjoni ta’ DPO jew ta’ IĠP irreġistrata li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    Emenda fl-ispeċifikazzjoni ta’ DPO jew ta’ IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti), li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet riveduta u msaħħa.

B’mod partikolari, qed jiġi speċifikat li huwa tip ta’ żejt “misjur u b’aroma tal-frott” b’togħma predominanti simili għal dik tal-lewż. Skont ir-riżultati ta’ avvenimenti ta’ dewqan tal-prodott li ilhom jiġu organizzati għal diversi snin u l-ħidma mwettqa mis-Centre technique oléicole (CTO) tal-Association française interprofessionnelle de l’oléiculture (AFIDOL), li ġabret ir-riżultati ta’ aktar minn 10 snin ta’ analiżi, l-“Huile d’olive de Nice” huwa prinċipalment ikkaratterizzat minn aroma ta’ lewż (frisk jew niexef) iżda wkoll minn togħmiet sekondarji bħall-qaqoċċ nej, ġummar, ħuxlief, għaġina u ħjiel ta’ lumi. Dawn it-togħmiet jikkumplimentaw dawk tal-frott imqadded, u tuffieħ misjur msemmija fl-ispeċifikazzjoni ppreżentata meta saret t-talba għar-reġistrazzjoni tad-DOP.

Barra minn hekk, sabiex il-prodott jiġi deskritt aħjar, huwa propost li l-livell massimu tal-qawwa tat-togħma jiġi stabbilit għal 2 u l-livell ta’ mrar għal 1,5, skont l-iskala organolettika tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOOC). Dawn il-limiti ġew stabbiliti wkoll fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-ħidma mwettqa mis-Centre technique oléicole (CTO).

Il-kontenut massimu ta’ aċidità libera ġie mnaqqas għal 1 g/100 g minflok 1,5 g/100 g, inizjalment għal raġunijiet ta’ preżervazzjoni tal-kwalità kemm jista’ jkun possibbli.

Il-valur tal-perossidu taż-żejt taż-żebbuġa meta ż-żejt jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq huwa limitat għal 16-il milliekwivalenti ta’ perossidu tal-ossiġnu għal kull kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa sabiex il-kwalità taż-żejt tiġi ppreżervata għall-konsumatur.

L-indikazzjoni dwar in-natura “verġni” taż-żejt tneħħiet peress li l-kwalità tirrigwarda biss il-karatteristiċi analitiċi taż-żejt u l-“Huile d’olive de Nice” jista’ jappartjeni jew għall-kategorija “verġni” jew inkella għall-dik “extra verġni”.

Żona ġeografika

Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġew ikkoreġuti xi żbalji li nstabu fl-ismijiet tal-muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini; iżda dawn l-emendi ma jibdlux il-limiti taż-żona ġeografika tal-produzzjoni, li jibqgħu l-istess.

Barra minn hekk, ġew iċċarati id-diversi stadji li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni: “L-operazzjonijiet kollha mill-produzzjoni taż-żebbuġ sat-trasformazzjoni tagħhom f’żejt taż-żebbuġa iridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata”.

Barra minn hekk, il-metodi ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art ġew speċifikati skont il-proċeduri nazzjonali l-ġodda.

Prova tal-oriġini

Minħabba l-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, it-taqsima msejħa “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika identifikata” ġiet ikkonsolidata biex tinkludi l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ żamma ta’ reġistri relatati mat-traċċabbiltà tal-prodott u mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni.

Dik it-taqsima ġiet ukoll estiża biex tinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mar-reġistri u mad-dokumenti ta’ dikjarazzjoni li jippermettu t-traċċabilità u l-kontroll tal-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni.

Metodu ta’ produzzjoni

Varjetajiet għad-dakra

Din l-emenda tikkonsisti fit-tneħħija tar-referenza għall-kwantità massima ta’ żebbuġ miksuba minn varjetajiet għad-dakra jew varjetajiet lokali qodma awtorizzati għall-produzzjoni taż-żejt u inizjalment stabbilita għal 5 % (identiku għan-numru ta’ siġar miksuba minn dawn il-varjetajiet f’ġonna tas-siġar tal-frott). Tradizzjonalment, iż-żebbuġ fl-imsaġar jinħasdu f’darba, u l-kwantitajiet ta’ żebbuġ maqtugħ minn siġar tal-varjetajiet għad-dakra jew tal-varjetajiet lokali qodma s-soltu jiġu inklużi fil-volum globali ta’ żebbuġ li jasal fil-mitħna biex minnu jsir iż-żejt DOP u huma żgħar ħafna. Sabiex titqies din il-preżenza marġinali ta’ żebbuġ minn varjetajiet għad-dakra, il-frażi “Iż-żjut għandhom jiġu esklussivament minn żebbuġ tal-varjetà Cailletier”. ġiet sostitwita b’“Iż-żjut ġejjin minn żebbuġ tal-varjetà Cailletier.”

Fl-aħħar nett, ġiet miżjuda definizzjoni għall-“varjetajiet lokali qodma”. Dawn huma “varjetajiet imħawla qabel il-ġlata tal-1956 irrappreżentati minn għadd sinifikanti ta’ siġar fiż-żona tal-produzzjoni”.

Id-densità tat-tħawwil

L-emenda għandha l-għan li tqis is-sitwazzjoni partikulari tas-siġar taż-żebbuġ imħawlin f’għelieqi mtarrġa meta mqabbla ma’ siġar taż-żebbuġ imħawlin fil-wita, peress li dawn il-pjantaġġuni f’għelieqi weqfin ħafna jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-pjantaġġuni tad-denominazzjoni ta’ oriġini, tant li din hija waħda mill-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Dan it-tip ta’ tħawwil ma jfixkilx l-iżvilupp tal-għeruq tas-siġar u ma jostakolax id-dawl peress li l-artijiet huma mżerżqin. Għaldaqstant qed nipproponu li jitqies kemm hi għolja kull għalqa meta wieħed jiġi biex jikkalkola d-distanza minima meħtieġa bejn is-siġar u li ma tiġix infurzata l-erja minima ta’ 24 m2 għal kull siġra f’każijiet bħal dawn.

Ir-regoli dwar id-distanza minima bejn is-siġar (li hija ta’ 4 metri) ġew iċċarati għal siġar imħawlin mis-27 ta’ April 2001 ’il quddiem (li hija d-data tal-pubblikazzjoni tal-ewwel digriet li rrikonoxxa d-DOP).

Koltivazzjoni mħallta

Skont id-drawwiet lokali, huwa permess li jkun hemm siġar tal-frott mifruxa fil-masġar li ma jaffettwawx il-kwalità finali tal-prodott, sakemm dawn ma jaqbżux il-5 % tal-għadd ta’ siġar f’dik ir-roqa’ art.

Irrigazzjoni

Qed nipproponu li tiġi stabbilita skadenza għat-tisqija minflok id-dispożizzjoni inizjali li kienet tawtorizza t-tisqija “sakemm iż-żebbuġ jibda jieħu l-kulur”, minħabba li din id-dispożizzjoni mhijiex preċisa u d-data meta ż-żebbuġ jibda jieħu l-kulur tista’ tvarja xi ftit skont ir-reġjuni ġeografiċi differenti fiż-żona ġeografika (dawk ta’ mal-kosta jew dawk interni) u għalhekk jistgħu jinħolqu xi problemi ta’ kontroll.

B’hekk l-iskadenza ġiet stabbilita għall-1 ta’ Novembru.

Rendiment

Ir-rendiment massimu awtorizzat ġie miżjud għal 10t/ha minflok 6t/ha. Is-siġar fl-imsaġar tal-frott imħawla reċentement illum il-ġurnata qegħdin jagħmlu l-frott u qed jipproduċu kważi 8-10 t/ha. Barra minn hekk, mhijiex ħaġa rari li wieħed jiltaqa’ ma’ imsaġar taż-żebbuġ li għandhom mijiet ta’ snin u f’dan il-każ, is-siġar ikunu ħarġu ammont kbir ta’ friegħi u b’hekk jipproduċu ammont kbir ta’ żebbuġ. Il-fatt li l-produtturi saru professjonisti u li l-irqajja’ tal-art inħadmu mill-ġdid ukoll għen biex is-siġar jagħtu iktar frott.

Barra minn hekk, ġie speċifikat il-metodu tal-kalkolu tar-rendiment sabiex ma jkunx hemm lok għal interpretazzjoni differenti tiegħu. Għaldaqstant, ġie indikat li dan ir-rendiment għandu jiġi kkalkulat skont il-kwantità maħsuda (u mhux skont il-produzzjoni totali tas-siġra li tinkludi ż-żebbuġ li jkun waqa’ mal-art u ma nġabarx u li ma jgawdix mid-denominazzjoni).

Ġiet speċifikata l-età ta’ meta s-siġar jibdew jipproduċu (minimu ta’ ħames snin) sabiex ikun żgurat li ż-żebbuġ li qed jintuża għandu kwalità suffiċjenti.

Id-data tal-ħsad

Għall-ewwel, id-data tal-bidu tal-ħsad kienet stabbilita permezz ta’ digriet prefettorali fuq proposta mill-awtorità kompetenti.

Bil-għan li l-proċeduri amministrattivi fil-livell nazzjonali jiġu ssimplifikati, qed isir suġġeriment li din id-data tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tal-INAO abbażi ta’ proposta ġġustifikata tal-grupp.

Il-ħsad

L-espressjoni “theżżiż tal-friegħi biex jaqa” ż-żebbuġ permezz ta’ mezzi mekkaniċi’ ġiet sostitwita bl-espressjoni “metodi mekkaniċi” Din l-emenda purament editorjali ma tibdilx id-diversi tekniki ta’ ħsad awtorizzati għad-DOP “Huile d’olive de Nice”.

L-Istat ta’ saħħa ta’ żebbuġ użat

Skont it-test oriġinali tal-ispeċifikazzjoni, iż-żebbuġ li jasal fil-mitħna għandu jkun “b’saħħtu”. Il-kliem oriġinali ġie emendat sabiex, minn naħa waħda, jispeċifika l-istat ta’ saħħa mistennija u, min-naħa l-oħra, biex ikun spezzjonat iż-żebbuġ użat minflok dawk li huma konsenjati. Id-dispożizzjoni hija kif ġej:

“Iż-żebbuġ użat huwa b’saħħtu. Madankollu, kull lott jista’ jkun fih mhux aktar minn 3 % ta’ żebbuġ imdewwed, imnaqqar mill-għasafar jew iffriżat. Żebbug immuffat jew iffermentat mhux kopert mid-denominazzjoni tal-oriġini.”

Il-proċess ta’ estrazzjoni taż-żejt

F’konformità mal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar ippressar kiesaħ, it-temperatura massima tal-pejst taż-żebbuġ matul il-proċess ta’ estrazzjoni taż-żejt tnaqqset minn 30 °C għal 27 °C.

Fl-interess ta’ abbozzar ċar, il-produtturi riedu jelenkaw il-proċessi differenti u t-trattamenti awtorizzati kollha meta jiġi prodott ż-żejt taż-żebbuġa. Dawn li ġejjin ġew miżjuda: it-tneħħija tal-weraq, it-tifrik, it-tagħġin, l-estrazzjoni permezz ta’ ċentrifugazzjoni jew bl-għasir.

Kundizzjonijiet tal-ħżin

Biex tiġi ppreservata kemm jista’ jkun il-kwalità tal-prodott meta jitqiegħed fuq is-suq, żdied dan li ġej:

“L-‘Huile d’olive de Nice’ jinħażen f’kontenitur tal-ikel f’postijiet xierqa għall-preservazzjoni tal-prodott u l-protezzjoni mid-dawl, l-arja u s-sħana sabiex jinżammu l-karatteristiċi tal-prodott.”

Tikkettar

Il-frażijiet tat-tikketti li speċifikament jirreferu għad-denominazzjoni ġew immodifikati biex jibdew jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Barra minn hekk, is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP, kif ukoll il-frażi “appellation d’origine protégée” jew “A.O.P.” huma fost ir-referenzi li jridu jkunu inklużi fuq it-tikketti tal-prodotti koperti bid-denominazzjoni tal-oriġini “Huile d’olive de Nice”.

Oħrajn: spezzjoni

Minħabba l-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, it-taqsima msejħa “Rekwiżiti nazzjonali” issa fiha tabella, li tindika l-punti ewlenin li għandhom jiġu ċċekkjati, il-valuri ta’ referenza tagħhom u l-metodi ta’ evalwazzjoni li għandhom jintużaw.

DOKUMENT UNIKU

“HUILE D’OLIVE DE NICE”

Nru tal-UE: FR-PDO-0105-01278 — 17.11.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Huile d’olive de Nice”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir. marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L“Huile d’olive de Nice” huwa tip ta’ żejt taż-żebbuġa “misjur u b’aroma tal-frott”. Għandu togħma predominanti simili għal dik tal-lewż. B’mod partikolari jistgħu jkunu preżenti dawn it-togħmiet sekondarji: qaqoċċ nej, ġummar, ħuxlief, weraq, ħaxix, għaġina, tuffieħ misjur, frott imqadded u ħjiel ta’ lumi.

L-intensità tar-riħa hija inqas minn jew ugwali għal 2 u l-imrar inqas minn jew ugwali għal 1,5 skont l-iskala organolettika tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC).

Iż-żejt jiġi prinċipalment mil-varjetà Cailletier.

Il-kontenut tal-aċidità libera, espress f’termini ta’ aċidu olejku, huwa ta’ inqas minn jew ugwali għal 1 g/100 g ta’ żejt taż-żebbuġa. Il-valur tal-perossidu huwa limitat għal 16-il milliekwivalenti ta’ perossidu tal-ossiġnu għal kull kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa meta ż-żejt jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Iż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott minn żebbuġ miksub minn imsaġar fejn mhux inqas minn 95 % tas-siġar huma tal-varjetà Cailletier u mhux aktar minn 5 % huma ta’ varjetajiet tad-dakra u “varjetajiet lokali qodma” (varjetajiet imħawla qabel l-ġlata tal-1956, b’għadd sinifikanti ta’ siġar fiż-żona ta’ produzzjoni).

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċessi kollha mill-produzzjoni taż-żebbuġ sat-trasformazzjoni tagħhom f’żejt taż-żebbuġa jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih qed jirreferi l-isem irreġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-frażijiet obbligatorji previsti fil-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikketti tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Huile d’olive de Nice” għandu jkollhom fuqhom l-indikazzjonijiet li ġejjin

l-isem id-denominazzjoni tal-oriġini “Huile d’olive de Nice” u l-kelmiet “appellation d’origine protégée” jew “A.O.P.”.

Dawn id-dettalji għandhom ikunu kollha fejn jidhru.

Huma għandhom jiġu ppreżentati b’ittri prominenti, li jinqraw faċilment, li ma jitħassrux u li jkunu kbar biżżejjed u jispikkaw sew mill-isfond li fuqu jiġu stampati biex ikunu jingħarfu b’mod ċar mill-bqija tal-indikazzjonijiet l-oħra miktuba u mpinġija fuq it-tikketta.

is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għad-DOP.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ddefinita tal-produzzjoni għall-“Huile d’olive de Nice” tinsab fil-muniċipalitajiet li ġejjin tad-dipartiment tal-Alpes-Maritimes:

Aiglun, Antibes, Biot, Bouyon, Cannes, Clans, Conségude, Les Ferres, Malaussène, Mandelieu-la-Napoule, Massoins, Nice, Roquestéron-Grasse, La Tour, Tournefort, Vallauris u Villars-sur-Var,

il-muniċipalitajiet tad-distretti awtonomi li ġejjin: Le Bar-sur-Loup (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Caussols u Courmes), Breil-sur-Roya, Cagnes-sur-Mer-Centre, Cagnes-sur-Mer-Ouest, Le Cannet, Carros, Contes, L’Escarène, Grasse-Nord, Grasse-Sud, Lantosque, Levens, Menton-Est, Menton-Ouest (minbarra l-muniċipalità ta’ Roquebrune-Cap-Martin), Mougins, it-13-il distrett awtonomu ta’ Nice, Roquebillière (minbarra l-muniċipalità ta’ Belvédère), Roquesteron, Saint-Laurent-du-Var-Cagnes-sur-Mer-Est, Saint-Vallier-de-Thiey (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Escragnolles u Saint-Vallier-de-Thiey), Sospel (minbarra l-muniċipalità ta’ Moulinet), Vence, Villefranche-sur-Mer (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Cap-d’Ail u Saint-Jean-Cap-Ferrat).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Din iż-żona ġeografika tifforma parti minn żona akbar karatterizzata mill-lokalizzazzjoni tradizzjonali tal-imsaġar taż-żebbuġ u mill-istabbilimenti tal-ipproċessar, u hija bbażata fuq il-fattizzi oriġinali tal-pajżaġġ naturali (it-topografija, it-tip ta’ ħamrija u l-klima).

L-imsaġar taż-żebbuġ ta’ Nizza jinsabu fil-qalba ta’ reġjun fejn jiltaqgħu l-muntanji u l-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-ilma jiskula mix-xmara Var u l-widien tat-tributarji tagħha, jiġifieri x-xmajjar Vésubie, Tinée u Estéron. It-tkabbir taż-żebbuġ żviluppa ‘l isfel minn dawn il-widien, li huma inqas weqfin minn dawk li jinsabu aktar ‘il fuq mix-xmara. Dawn l-imsaġar taż-żebbuġ tal-muntanji jinsabu fuq għoljiet, witat subkostali u artijiet fil-ġnub tal-muntanji li ħafna drabi jkunu mtarrġa. Il-ħamrija, li hija partikolarment adattata għat-tkabbir taż-żebbuġ, hija kolluvjali u mimlija biċċiet tal-ġebel tal-franka li jkun nqasmu bil-ġlata jew tal-franka mħallta mat-tafal, u hija ħamrija taflija u ramlija.

Iż-żona fejn jitkabbar iż-żebbuġ għandha klima Mediterranja, xi drabi mżewqa bit-temp tal-muntanji. It-temperaturi huma moderati (it-temperatura tvarja minn 4 sa 11-il°C fix-xitwa), tagħmel ħafna xita (bejn 800 u 1 100 mm) u l-esponiment għax-xemx huwa eċċellenti(2 760 siegħa fis-sena). Qatt ma tagħmel ġlata estrema fiż-żoni kostali u hija xi ħaġa rari fiż-żoni interni li mhumiex ogħla minn 750 metru. F’dawn iċ-ċirkostanzi u fin-nuqqas ta’ riħ qawwi, il-varjetà Cailletier, li hija siġra twila bi friegħi twal u mdendlin, matul is-sekli stabbiliet ruħha bħala l-varjetà dominanti tal-imsaġar ta’ Nizza.

Is-siġar taż-żebbuġ minn dejjem kienu fost l-uċuħ tar-raba’ ewlenin għan-nies tal-“Kontea ta’ Nizza” (li kienet diviżjoni amministrattiva fl-Istati tad-Dar ta’ Savoja mill-1526 sal-1847) u tal-Côte d’Azur. Iż-żebbuġ ġeneralment jibda jinħasad f’Novembru u dan il-proċess idum għaddej sa April, b’perjodu ta’ qtugħ aktar intensiv bejn Jannar u Marzu, meta jinħasad iż-żebbuġ li “jkun beda jibdel il-kulur” (mill-inqas 50 % taż-żebbuġ ikun lewn l-inbid aħmar).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-“Huile d’olive de Nice” jinkiseb prinċipalment mill-varjetà taż-żebbuġ lokali Cailletier (mill-inqas 95 % tas-siġar taż-żebbuġ fl-imsaġar). L-“Huile d’olive de Nice” huwa tip ta’ żejt taż-żebbuġa “misjur u b’aroma tal-frott” apprezzat għal palat ħafif tiegħu (dan huwa żejt li ftit li xejn huwa morr u pikkanti).

Għandu togħma predominanti simili għal dik tal-lewż. Ċerti togħmiet sekondarji xi ftit jew wisq preżenti skont it-tip ta’ żejt, bħall-“ġummar”, “l-għaġina” jew ħjiel ta’ “lumi” huma bl-istess mod tipiċi tal-“Huile d’olive de Nice”.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għal IĠP)

Il-karatteristiċi taż-żona ġeografika ffurmaw il-pajsaġġ taż-żona ta’ tkabbir taż-żebbuġ u l-karatteritiċi speċifiċi tal-“Huile d’olive de Nice”.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, id-dipartiment tal-Alpes-Maritimes (li jinsab fit-tarf nett tal-Alpi li jibqgħu neżlin għal ġol-baħar), għandu żona ta’ art agrikola limitata. L-art tajba għall-ħrit hija rariu s-siġar taż-żebbuġ jitħawlu fl-għelieqi mtarrġa magħmula mill-bniedem. L-imsaġar taż-żebbuġ ta’ Nizza jiffurmaw pajsaġġ karatteristiku li jinkludi għoljiet imżerżqa msaħħa bil-ħitan tal-ġebel niexef li jżommu l-ħamrija u jservu ta’ lqugħ kontra l-erożjoni. F’ċerti żoni mhedda, it-tkabbir taż-żebbuġ huwa l-uniku alternattiva minflok ma l-art tiġi abbandunata.

Il-klima Mediterranja speċifika li nsibu fiż-żona ġeografika, li hija kkaratterizzata minn ftit riħ qawwi u ftit ġlata, minn ammont kbir ta’ xemx u minn xita abbondanti fir-rebbiegħa u fil-ħarifa, hija ideali għat-tkabbir taż-żebbuġ f’imsaġar li jinsabu sa 700 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar. Ir-reġjun tal-“Huile d’olive de Nice” huwa kkaratterizzat minn żoni kostali u muntanji medji.

F’dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi, il-varjetà Cailletier, li adattat ruħha perfettament għalihom, tirrappreżenta 95 % tas-siġar taż-żebbuġ taż-żona ġeografika. Fuq din l-art partikolari, din il-varjetà tipikament baxxa tradizzjonalment tinħasad mis-siġar twal fi żjara waħda. Il-ħsad isir tard mhux ħażin meta mqabbla ma’ żoni oħra tat-tkabbir taż-żebbuġ, b’mod partikolari fil-muntanji medji, fejn il-ħsad huwa estiż sa tmiem ix-xitwa, wara l-bidu ta’ maturazzjoni. Dan huwa possibbli grazzi għall-klima moderata.

L-użu ta’ din il-varjetà lokali flimkien ma’ ħsad tardiv huma kruċjali biex jinkisbu t-togħmiet moderati u partikulari tal- “Huile d’olive de Nice”, pereżempju “tal-lewż” iżda wkoll tal-“ġummar”, l-“għaġina” u l-ħjiel ta’ “lumi”, li tawh r-reputazzjoni tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament (2))

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-0e3dc185-56cd-4d6b-be3e-d82ae3a731ce/telechargement


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


Top