Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(40)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 362–370 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/362


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2015/C 409/40)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA – minn hawn “il quddiem ‘l-Aġenzija’)” li tinsab fi Brussell, twaqqfet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE (1) biex tieħu post l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport. L-Aġenzija ġiet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2014 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 għat-tmexxija ta’ azzjonijiet tal-UE b’rabta mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm tal-Orizzont 2020 għall-Finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (2) u l-programm Marco Polo.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Il-livell ta’ riporti għall-approprjazzjoni impenjati kien għoli għat-Titolu II f’livell ta’ EUR 0,8 miljun, jiġifieri 25 % (2013: EUR 0,7 miljun/27 %) u għat-Titolu III f’livell ta’ EUR 0,4 miljun, jiġifieri 56 % (2013: EUR 0,1 miljun/22 %). Il-kawżi prinċipali kienu x-xiri ta’ tagħmir għall-ispazju addizzjonali tal-uffiċċji mikri biex jakkomoda l-għadd akbar tal-persunal tal-Aġenzija, kuntratti tal-IT konklużi kif ippjanat fit-tieni nofs tal-2014 iżda fatturati fl-2015, u nefqa relatata ma’ Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz mal-Kummissjoni li l-fatturi tagħhom ma kinux waslu sal-2015.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

12.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 65.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 62 and 68 flimkien mal-Artikoli 53 u 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 162 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2013

L-Aġenzija ma twettaqx verifikazzjonijiet ex ante sodisfaċenti dwar l-ispejjeż ffatturati mill-maniġer tal-bini għall-bini tagħha. Il-biċċa l-kbira mill-kuntratti, fatturi u rċevuti ta’ bażi ma kinux disponibbli għall-Aġenzija.

Ikkompletata

2013

Skont il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (1) u d-Direttiva tal-VAT tal-UE, (2) l-Aġenzija hija eżenti minn taxxi indiretti. Madankollu, sa tmiem l-2013 hija kienet ħallset iżda ma kklejmjatx lura EUR 1 13  513 f’VAT fuq spejjeż għall-bini għall-perjodu 2011 sa 2013.

Ikkompletata

2013

Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-baġit kienet sodisfaċenti għat-Titoli I u III, ir-rata ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati kienet għolja għat-Titolu II f’livell ta’ 27 % (EUR 6 66  119). Dawn ir-riporti kienu prinċipalment relatati ma’ prodotti u servizzi tal-IT ikkuntrattati u/jew ordnati fi tmiem is-sena li se jiġu pprovduti kif ippjanat tard fl-2013 jew fl-2014 (EUR 2 96  486), u fatturi għal spejjeż tal-2013 li ma ġewx riċevuti sa tmiem is-sena (EUR 2 86  197).

M/A


(1)  Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 115, 9.5.2008, p. 266).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


ANNESS II

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 26, 170, 171, 172, 174, 179, 180 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern. Is-suq intern għandu jikkomprendi arja (żona) li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat. L-Unjoni għandha jkollha wkoll l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u tal-industrija tagħha.

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha.

Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, u sabiex iċ-ċittadini fl-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, l-Unjoni għandha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu stabbiliti u jiġu żviluppati netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija. L-azzjoni mill-Unjoni għandha tfittex li tiffaċilita l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà ta’ netwerks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għalihom.

Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida dwar il-miri, il-prijoritajiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati fl-isfera tan-netwerks trans-Ewropej (TENs).

L-Unjoni għandha wkoll tinkoraġġixxi lill-impriżi inklużi l-SMEs, liċ-ċentri ta’ riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkooperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment […] bid-definizzjoni ta’ standards komuni u bit-tneħħija ta’ xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni.

Kompetenzi tal-Aġenzija

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE tat-23 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks

Id-Deċiżjoni C (2013) 9235 tat-23 ta’ Diċembru 2013 li tiddelega s-setgħat lil-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks

Għanijiet

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi għat-twettiq tal-kompiti relatati mal-programmi tal-Unjoni. Taħt id-Deċiżjoni l-ġdida C(2013) 9235 li tiddelega s-setgħat lil-INEA l-Aġenzija timmaniġġa l-partijiet residwi tal-programmi TEN-T u Marco Polo u t-tliet setturi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (trasport, enerġija u telekomunikazzjoni) li jippromwovu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività permezz ta’ investiment immirat fl-infrastruttura fil-livell Ewropew. Hi timmaniġġa wkoll partijiet mill-programm Orizzont 2020 fl-oqsma tar-riċerka “Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat” u “Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti” biex trawwem it-tkabbir billi tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni.

L-INEA għalhekk twaqqfet biex tmexxi l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tas-CEF u Orizzont 2020 abbażi tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament TEN-T, ir-Regolament Marco Polo, ir-Regolament CEF, il-Linji Gwida tat-TEN-T u tat-TEN-E u r-Regolamenti tal-Orizzont 2020, u biex tkompli tmexxi l-Programmi TEN-T u Marco Polo. Issa tinsab taħt is-superviżjoni tad-Direttorati Ġenerali prinċipali tagħha – id-DĠ MOVE, id-DĠ ENER, id-DĠ CNECT u d-DĠ RTD – li jżommu r-responsabbiltà għall-kwistjonijiet ta’ politika rispettivi.

L-INEA hija responsabbli mit-tmexxija tal-implimentazzjoni teknika u finanzjarja ta’ dawn il-programmi billi ssegwi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett kollu kemm hu. Fix-xogħol tagħha ta’ kuljum hija timmira li ttejjeb l-effettività u l-flessibbiltà tal-implimentazzjoni bi spiża inqas waqt li simultanjament timmobilizza livell għoli ta’ kompetenza billi tirrekluta aktar persunal speċjalizzat. Hija taħdem ukoll biex issaħħaħ ir-rabtiet mal-partijiet interessati ewlenin; ittejjeb il-koordinazzjoni tal-fondi ma’ strumenti oħra tal-UE, tgħolli l-profil u l-benefiċċji tal-finanzjament mill-UE u tipprovdi appoġġ/feedback lill-Kummissjoni.

Governanza

Kumitat ta’ Tmexxija

L-attivitajiet tal-Aġenzija huma ssorveljati minn Kumitat ta’ Tmexxija li huwa magħmul minn ħames membri (wieħed minn kull wieħed mid-Direttorati Ġenerali prinċipali u wieħed mid-DĠ HR) u erba’ osservaturi maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kumitat jadotta l-organigramma tal-Aġenzija u l-programm ta’ ħidma annwali tagħha wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, kif ukoll il-baġit amministrattiv, ir-rapport annwali tal-attività u l-kontijiet annwali tal-Aġenzija.

Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, id-Direttur imexxi l-Aġenzija flimkien mal-Kumitat ta’ Tmexxija, jistabbilixxi sistemi ta’ ġestjoni u kontroll intern adattati għall-kompiti fdati lill-Aġenzija, u jħejji r-rapporti li jkunu se jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS) u l-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija (IAC).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Aġenzija tal-baġit amministrattiv tagħha, id-deċiżjoni ta’ kwittanza tiġi indirizzata lid-Direttur. Il-Kummissjoni jibqa’ jkollha obbligu ta’ rendikont għall-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali ddelegat mill-Kummissjoni lill-Aġenzija.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014

Baġit operazzjonali 2014

Total ta’ EUR 3  059 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn ġie ttrasferit lill-INEA għat-tmexxija taż-żewġ Programmi Qafas taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020, jiġifieri s-CEF (EUR 2  692 miljun) u Orizzont 2020 (EUR 367 miljun).

Il-valur totali tal-pagamenti li saru mill-Aġenzija fl-2014 kien ta’ EUR 606 miljun, li minnhom tħallsu EUR 590 miljun għall-programm TEN-T u EUR 16-il miljun għall-ikkompletar tal-programm Marco Polo.

L-INEA timplimenta l-baġit operazzjonali tal-Kummissjoni taħt deċiżjoni ta’ delega.

Baġit amministrattiv 2014

EUR 13,4 miljun fil-forma ta’ sussidju ta’ 100 % mill-UE, li l-Aġenzija timplimenta b’mod awtonomu.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2014

Persunal temporanju: 49 post elenkati fit-tabella tal-persunal, li minnhom 44 kienu okkupati.

Persunal kuntrattwali: 113-il post ippjanati, li minnhom 107 kienu okkupati.

Total tal-persunal: 162 (151 okkupati).

Assenjati għal:

(a)

attivitajiet operazzjonali: 121 (113 okkupati)

(b)

attivitajiet amministrattivi: 41 (38 okkupati)

Prodotti u servizzi 2014

Minbarra l-partijiet residwi tal-Programm TEN-T, l-INEA ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Programm Marco Polo II minn aġenzija eżekuttiva oħra (EASME) fi Frar 2014. Matul it-tieni nofs tal-2014, l-INEA gradwalment ħadet ukoll f’idejha l-attivitajiet iddelegati reċentement għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (għat-Trasport u l-Enerġija) kif ukoll għal sfidi tas-soċjetà 3 (Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti) u 4 (Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat) taħt Orizzont 2020. It-trasferiment tal-attivitajiet iddelegati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-Telekomunikazzjoni kellu jseħħ fi tmiem Jannar 2015.

Il-programm TEN-T 2007-2013

Ġew evalwati l-proposti ppreżentati taħt is-sejħiet annwali u pluriennali 2013 għal proposti, u għall-finanzjament intgħażlu 106 proposti għal EUR 320,7 miljun. Sussegwentement, ġew adottati 104 deċiżjonijiet ta’ finanzjament ġodda (ġew annullati 2 deċiżjonijiet qabel l-adozzjoni). Fi tmiem l-2014, l-INEA kienet qed tmexxi 439 proġett li kienu għadhom għaddejjin. Azzjoni waħda li kienet għadha għaddejja mill-programm TEN-T għall-2000-2006 baqgħet miftuħa wkoll. L-INEA għamlet użu sħiħ mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli, b’medja ta’ 17-il jum bħala żmien nett biex isir il-pagament.

Programm Marco Polo II

Wara l-evalwazzjoni tas-sejħa 2013 għal proposti ta’ Marco Polo mill-EASME u t-trasferiment sussegwenti tal-programm, l-INEA ħejjiet u ffirmat 26 ftehim ta’ għotja ġdid. Fi tmiem l-2014, 80 proġett kienu għadhom għaddejjin. L-INEA għamlet użu sħiħ mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament, b’medja ta’ 27-il jum bħala żmien nett biex isir il-pagament.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Trasport

F’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ MOVE, l-INEA ħejjiet is-sejħiet pluriennali u annwali 2014 għal proposti, għal finanzjament totali ta’ EUR 11 biljun u EUR 930 miljun rispettivament (is-sejħiet ġew ippubblikati f’Settembru 2014, bi skadenza għall-proposti fi Frar 2015).

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija

F’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ ENER, l-INEA ħejjiet is-sejħa pluriennali 2014 għal proposti, għal finanzjament totali ta’ EUR 750 miljun (għeluq is-sejħa f’Awwissu 2014). Sussegwentement, ġew evalwati l-proposti riċevuti taħt din is-sejħa, u għall-finanzjament intgħażlu 34 proposta għal EUR 647,3 miljun. L-Aġenzija issa qed tħejji ftehimiet korrispondenti ta’ għotja.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Telekomunikazzjoni

Arranġamenti għat-trasferiment kellhom jiġu maqbula f’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ CNECT. Sa tmiem Jannar 2015, l-INEA kellha tieħu f’idejha t-tħejjija ta’ ftehimiet ta’ għotja wara s-sejħa 2014 tal-Internet aktar Sikur, it-tnedija tas-sejħa 2014 tal-Identifikazzjoni elettronika u t-tħejjija ta’ sejħiet oħra li għandhom jitniedu fl-2015.

Orizzont 2020 – Enerġija

L-INEA appoġġat id-Direttorati Ġenerali prinċipali fl-evalwazzjoni ta’ tliet sejħiet għal proposti tal-H2020 – Enerġija u s-sottosejħiet korrispondenti. Wara l-finalizzazzjoni tal-listi ta’ klassifika, ġew ittrasferiti 28 proposta lill-Aġenzija u l-fażi ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja ġiet iffinalizzata b’suċċess fi ħdan l-iskadenza ta’ tmien xhur.

Orizzont 2020 – Trasport

L-INEA appoġġat lid-Direttorati Ġenerali prinċipali matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tas-sejħiet miftuħa għal proposti, tal-H2020 – Trasport. It-trasferiment ta’ dawn is-sejħiet kellu jseħħ fil-bidu tal-fażi ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja kmieni fl-2015. Barra minn hekk, il-fażi ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja ġiet iffinalizzata b’suċċess għal proposta waħda li għaddiet f’idejn l-INEA f’Awwissu. Tliet proġetti taħt is-sejħa tat-Tkabbir Blu ġew ittrasferiti f’Novembru; it-tħejjija ta’ ftehimiet ta’ għotja għal dawn il-proġetti tinsab għaddejja bħalissa taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija.

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija tikkonferma li r-riporti huma relatati prinċipalment mat-tliet tipi ta’ nfiq li tirreferi għalihom il-Qorti. Dan huwa nfiq li jew ma setax jiġi fatturat fl-2014 peress li huwa relatat ma’ servizzi pprovduti sat-tmiem is-sena, jew ma setax jiġi pospost sal-2015; għaldaqstant, ir-riporti relatati ma’ dan l-infiq huma ġġustifikati b’mod sħiħ.


Top