Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(14)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta taċ-Ċentru

    ĠU C 409, 9.12.2015, p. 122–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 409/122


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta taċ-Ċentru

    (2015/C 409/14)

    INTRODUZZJONI

    1.

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (l-ECDC – minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”), li jinsab fi Stokkolma, ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti prinċipali taċ-Ċentru huma li jiġbor u jxerred data dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-bniedem u li jipprovdi opinjonijiet xjentifiċi dwar dan is-suġġett. Huwa meħtieġ ukoll jikkoordina n-netwerk Ewropew ta' korpi li jaħdmu f'dan il-qasam (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni, il-Qorti qieset ix-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet taċ-Ċentru kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (8).

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    11.

    Ir-rata kumplessiva ta' eżekuzzjoni tal-baġit kienet għolja f'livell ta' 99 % (92 % fl-2013). Madankollu, ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu wkoll relattivament għoljin, f'livell ta' EUR 1,6 miljun, jiġifieri 25 % għat-Titolu II – nefqa amministrattiva (2013: EUR 1,7 miljun, jiġifieri 26 %) u EUR 8,1 miljun jiġifieri 49 % għat-Titolu III – nefqa operazzjonali (2013: EUR 7,9 miljun, jiġifieri 44 %). Ir-riporti għat-Titolu II kienu prinċipalment relatati mal-akkwist ippjanat ta' ħardwer u softwer tal-IT (EUR 1 miljun) fit-tieni nofs tal-2014, li l-pagament għalihom mhuwiex dovut sal-2015. Għat-Titolu III, ir-riporti kienu jikkonċernaw proġetti pluriennali (EUR 4,7 miljun), ICT għall-appoġġ ta' attivitajiet operazzjonali (EUR 1,6 miljun) li għalihom ġew implimentati attivitajiet u saru pagamenti skont il-ħtiġijiet operazzjonali, u konsultazzjoni tal-esperti (EUR 1,2 miljun) għall-organizzazzjoni ta' laqgħat li saru fl-2014 u li kienu għadhom ma ġewx iffatturati fi tmiem is-sena u ta' laqgħat li saru fl-ewwel tliet xhur tal-2015.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    12.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Settembru 2015.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

    (8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2012

    Fl-2012, iċ-Ċentru ta għotjiet lil istituzzjonijiet ta' riċerka u individwi. In-nefqa totali tal-għotjiet ammontat għal EUR 7 52  000, li tirrappreżenta 1,4 % tan-nefqa operattiva 2012. Il-verifikazzjonijiet ex ante taċ-Ċentru qabel ir-rimborż tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji jikkonsistu f'analiżi fl-uffiċċju tal-klejms għall-ispejjeż u parzjalment f'ċertifikati tal-awditjar maħruġa minn ditti indipendenti tal-awditjar ikkuntrattati mill-benefiċjarji. Iċ-Ċentru normalment ma jikseb ebda dokument mill-benefiċjarji biex jissostanzja l-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tal-ispejjeż ikklejmjati. Sabiex isaħħaħ il-kontrolli, iċ-Ċentru adotta strateġija ta’ verifikazzjoni ex post u ppjana għall-implimentazzjoni tagħha fl-2012. Madankollu, huwa esperjenza dewmien ta’ 10 xhur biex jikseb aċċess għal kuntratt tal-awditjar interistituzzjonali u, fiż-żmien tal-awditu, kienet għadha ma saret ebda verifikazzjoni ex post tan-nefqa tal-għotjiet 2012. Dokumentazzjoni ta’ sostenn miksuba miċ-Ċentru f’isem il-Qorti pprovdiet aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti.

    Għadha għaddejja

    2013

    Għalkemm iċ-Ċentru tejjeb il-ġestjoni tiegħu tal-proċeduri ta' akkwist, għal proċedura partikolari mnedija fl-2013 kien hemm informazzjoni konfliġġenti bejn l-avviż tal-kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti li setgħu affettwaw il-proċess kompetittiv u r-riżultat tal-proċedura. Pagamenti li saru fl-2013 taħt il-kuntratt qafas u ż-żewġ kuntratti speċifiċi kkonċernati kienu jammontaw għal EUR 1 08  000. Wara l-awditu tal-Qorti, iċ-Ċentru ħa azzjoni korrettiva immedjata u l-kuntratt qafas ġie kkanċellat.

    Ikkompletata

    2013

    Ir-rata kumplessiva ta' eżekuzzjoni tal-baġit kienet relattivament baxxa (92 %). Il-kanċellazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet 2013 dehru fit-titoli kollha tal-baġit.

    M/A

    2013

    L-ammonti riportati ta' approprjazzjonijiet impenjati kienu relattivament għoljin, f'livell ta' EUR 1 7 14  484 (26 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 7 9 07  139 (44 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

    M/A

    2013

    Għat-Titolu II, dan kien prinċipalment marbut ma' ħardwer u softwer tal-IT (EUR 1 0 86  203), u mal-evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru li għadha għaddejja (EUR 2 10  000).

    M/A

    2013

    Għat-Titolu III, l-approprjazzjonijiet impenjati riportati kienu prinċipalment jikkonċernaw proġetti pluriennali (EUR 4 6 20  605), u oġġetti tal-IT għall-appoġġ ta' attivitajiet operazzjonali (EUR 1 9 62  443) li għalihom ġew implimentati attivitajiet u saru pagamenti skont il-ħtiġijiet operazzjonali. Madankollu, ġew innutati dgħufijiet fir-rigward tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni baġitarja għal laqgħat operazzjonali, prinċipalment minħabba livelli ta' attendenza u spejjeż ta' lukandi u ta' titjiriet stmati b'mod eċċessiv. Għal-linja tal-baġit rispettiva, 29 % tal-approprjazzjonijiet 2013 (EUR 6 55  142) u 59 % tal-ammonti riportati mill-2012 (EUR 4 55  820) ġew ikkanċellati. Barra minn hekk, 38 % tal-approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 għal laqgħat operazzjonali (li jammontaw għal EUR 5 94  758) ġew riportati għall-2014.

    M/A


    ANNESS II

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Stokkolma)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

    L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jiġu evitati l-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana (fiżika u mentali). Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert (bikri) għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.

    Kompetenzi taċ-Ċentru

    (Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    Għanijiet

    Li jsaħħaħ id-difiżi tal-Ewropa kontra mard li jittieħed; speċifikament, li jidentifika, jivvaluta u jikkomunika danni (theddid) attwali u li jistgħu jinqalgħu għas-saħħa tal-bniedem minn mard trasmissibbli.

    Għalhekk, iċ-Ċentru jħaddem netwerks ta’ sorveljanza ddedikati, jipprovdi opinjonijiet xjentifiċi, iħaddem is-sistema ta’ twissija bikrija u tweġiba (EWRS) u jipprovdi għajnuna xjentifika u teknika u taħriġ.

    Kompiti

    Li jħaddem netwerks ta’ sorveljanza ddedikati għall-mard u jtejjeb il-kapaċità tal-attivitajiet tan-netwerks. Iċ-Ċentru għandu rwol speċifiku fil-ġabra, fil-validazzjoni, fl-analiżi u fit-tixrid ta' data.

    Li jagħti parir awtorevoli u espert u opinjonijiet u studji xjentifiċi dwar mard trasmissibbli.

    Li jħaddem l-EWRS u jiżviluppa proċeduri għall-identifikazzjoni ta' theddid għas-saħħa li jista’ jinqala’.

    Li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-pjanifikazzjoni tal-istat ta' tħejjija u fit-taħriġ.

    Li jinforma lill-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati dwar ix-xogħol tiegħu.

    Governanza

    Bord tal-Amministrazzjoni

    Kompożizzjoni

    Membru nnominat minn kull Stat Membru, żewġ membri nnominati mill-Parlament Ewropew u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    Kompiti

    Il-Bord jadotta l-programm annwali u l-baġit taċ-Ċentru u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.

    Direttur

    Maħtur mill-Bord tal-Amministrazzjoni fuq il-bażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

    Forum Konsultattiv

    Kompożizzjoni

    Rappreżentant ta’ kull Stat Membru u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni mingħajr id-dritt għall-vot.

    Kompiti

    Il-Forum għandu jiżgura l-eċċellenza xjentifika tax-xogħol taċ-Ċentru u l-indipendenza tal-attivitajiet u l-opinjonijiet tiegħu.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2014 (2013)

    Baġit Finali

    EUR 60,4 (58,3) miljun

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2014

    Postijiet awtorizzati: 194 (198)

    Postijiet okkupati: 183 (190)

    Postijiet oħra: 92 (95)

    Total: 275 (285), assenjati għad-dmirijiet li ġejjin:

    kompiti operazzjonali: 213 (186)

    kompiti amministrattivi u ta’ appoġġ: 63 (99)

    Prodotti u servizzi fl-2014 (2013)

    44 (42) theddida għas-saħħa identifikati u mmonitorjati bl-użu tal-Għodda tat-Traċċar tat-Theddid (Threat Tracking Tool) (TTT). Din iċ-ċifra tirreferi għal theddid ġdid fl-2014, li jiżdied mat-theddid li huwa mmonitorjat fuq bażi ta' darbtejn kull ġimgħa, ta' darba kull xahar u staġunali.

    52 (52) rapport ta’ theddid ta' kull ġimgħa dwar mard trasmissibbli, mibgħuta lil 614-il (400) riċevitur. Ir-rapporti jsiru disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-ECDC kull ġimgħa u rreġistraw aktar minn 15  000 żjara fl-2014 (8  000 żjara fl-2013).

    Għoti ta’ appoġġ lill-intelliġenza dwar l-epidemiji għal 2 (2) avvenimenti kbar li jiġbdu l-massa.

    Tħejjija ta’ 3 (3) valutazzjonijiet tar-riskju, 26 (12-il) valutazzjoni rapida tar-riskju ġdida u 13-il (9) aġġornament dwar il-valutazzjoni rapida tar-riskju.

    Eżerċizzju wieħed (wieħed) ta' simulazzjoni mwettaq għall-ittestjar u t-titjib tal-istat ta' tħejjija u r-rispons għal mard trasmissibbli.

    115 (117)-il sieħeb imħarreġ fil-Programm Ewropew dwar it-Taħriġ tal-Epidemjoloġija tal-Intervent (EPIET) u l-Programm Ewropew dwar it-Taħriġ tal-Mikrobijoloġija tas-Saħħa Pubblika (EUPHEM).

    102 (112-il) espert tas-saħħa pubblika minn 26 pajjiż tal-UE-ŻEE, 3 pajjiżi tat-tkabbir tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u 7 pajjiżi terzi (il-Kanada, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Palestina, l-Iżvizzera u l-Ukrajna) ipparteċipaw fil-moduli ta' taħriġ qosra taċ-Ċentru.

    1 2 00  000(9 45  000) viżitatur fuq il-portal web taċ-Ċentru.

    209 (216-il) artikolu xjentifiku ppubblikat. Fattur tal-impatt fuq 5 snin: 5,09(5,46)

    Is-Seba' Jum Ewropew ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi organizzat fit-18 ta' Novembru, bil-parteċipazzjoni ta' aktar minn 40 pajjiż. L-ECDC ikkoopera mas-sħab tiegħu f'reġjuni oħra fid-dinja, u mexxa kampanja matul din il-ġimgħa dwar l-użu prudenti mill-antibijotoċi fl-Istati Uniti, fl-Awstralja u fi New Zealand.

    17,4(16,3) miljun rekord uniku fil-bażi tad-data ta’ TESSy; 1  676(1  492) utent attiv minn 58 (57) pajjiż.

    Pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar l-Epidemjoloġija. L-ECDC nieda l-Atlas ta' Sorveljanza tal-Mard li Jittieħed, għodda bbażata fuq l-internet li permezz tagħha d-data ta' sorveljanza fuq il-livell tal-UE ssir disponibbli f'format interattiv. Sa tmiem l-2014, l-ECDC kien qed jippubblika data fuq il-livell tal-UE, u xi data internazzjonali, għal erba' mardiet permezz tal-Atlas.

    16 (18)-il rapport ta' sorveljanza ppubblikat, li jinkludu rapporti annwali dwar it-tuberkulożi, l-HIV/AIDS u l-ġlieda kontra l-mikrobijoreżistenza.

    41 (41) bullettin ta’ kull ġimgħa dwar l-influwenza/ħarsa ġenerali lejn is-sorveljanza tal-influwenza għall-2014.

    88 (89) opinjoni xjentifika prodotta, ibbażati fuq talbiet tal-partijiet interessati.

    Organizzazzjoni tat-tmien Konferenza Ewropea Xjentifika dwar l-Epidemjoloġija Applikata tal-Mard Li Jittieħed (ESCAIDE) mill-5 sas-7 ta' Novembru 2014 fi Stokkolma, b’608 (550) parteċipant.

    Pubblikazzjoni ta' kull ġimgħa tal-ġurnal xjentifiku Eurosurveillance, li kiseb fattur tal-impatt ta' 4,65 (5,49) għall-2014, li ppermetta li Eurosurveillance jibqa' fost l-aqwa 10 ġurnali fil-kategorija ta' mard li jittieħed.

    Rapport finali tat-tieni evelwazzjoni esterna u indipendenti tal-ECDC.

    L-ECDC kellu rwol importanti fl-appoġġ lill-UE u r-rispons internazzjonali għall-Ebola, inkluż l-iskjerament tal-persunal tal-ECDC fil-Guinea.

    Twettiq tal-ewwel stħarriġ annwali tal-partijiet interessati.

    Sors: Anness ipprovdut miċ-Ċentru.


    IT-TWEĠIBA TAĊ-ĊENTRU

    11.

    Iċ-Ċentru jilqa' l-kumment tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit (99 %) u li huma identifikaw ukoll il-fatt li r-riporti għoljin huma ġustifikati għall-ħtiġijiet operattivi.


    Top