Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(03)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/27


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju

(2015/C 409/03)

INTRODUZZJONI

1.

L-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (minn hawn ‘il quddiem “l-Uffiċċju”), li jinsab f’Riga, ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu prinċipali tal-Uffiċċju huwa li jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, li jiġbor u janalizza tagħrif dwar komunikazzjonijiet elettroniċi u jxerred fost l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali l-aħjar prattiki regolatorji bħal approċċi komuni, metodoloġija jew linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Uffiċċju. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONII TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-Maniġer Amministrattiv japprova l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, il-Qorti qieset ix-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Uffiċċju kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (8).

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Kien hemm titjib fil-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati li żdied għal 98 % (2013: 87 %). Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati żdied għal EUR 0,9 miljun, jiġifieri 23 % (2013: EUR 0,5 miljun, 13 %), b’mod partikolari fir-rigward ta’ attivitajiet operazzjonali (it-Titolu III) bħal studji li għaddejjin bħalissa dwar komunikazzjonijiet elettroniċi.

12.

L-għadd kbir ta’ trasferimenti tal-baġit biddel l-istruttura tal-baġit inizjali b’mod konsiderevoli: it-Titolu I (spejjeż għall-persunal) tnaqqas bi 17 %, it-Titolu II (nefqa amministrattiva) tnaqqas b’44 % u t-Titolu III (nefqa operazzjonali) ġie miżjud b’60 %, prinċipalment sabiex jiġu ffinanzjati studji li għaddejjin bħalissa (il-paragrafu 11).

13.

Id-dispożizzjoni fil-baġit 2014 għal kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-EFTA (9) li għandhom status ta’ osservatur fil-BEREC ma mmaterjalizzatx fin-nuqqas ta’ ftehimiet mal-pajjiżi tal-EFTA.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

14.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Uffiċċju. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(9)  Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

L-Uffiċċju kien għadu ma adottax u ma implimentax l-istandards kollha ta’ kontroll intern.

Ikkompleta (adozzjoni)

Għadha għaddejja (implimentazzjoni)

2012

L-Uffiċċju kien għadu ma implimentax l-Istandards ta’ Kontroll Intern dwar “Objettivi u indikaturi tal-prestazzjoni” (ICS 5), “Proċessi u proċeduri” (ICS 8), “Ġestjoni dokumentarja” (ICS 11) u “Informazzjoni u Komunikazzjoni” (ICS 12).

Ikkompletata

2012

Madwar EUR 1 01  000, 45 % tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2011, ġew ikkanċellati. Approprjazzjonijiet għall-2012 ta’ EUR 5 45  000, 17 % tal-approprjazzjonijiet totali għall-2012, ma ntużawx u kellhom jiġu kkanċellati wkoll. Il-livell ta’ riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 kien għoli f’livell ta’ EUR 6 11  000 jew 19 % tat-total. Dan jindika diffikultajiet fl-ippjanar u/jew fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Uffiċċju. Ir-riporti għall-2012 kienu fil-biċċa l-kbira relatati ma’ reklutaġġi mdewma u mal-assenza ta’ politika effettiva biex tiżgura l-preżentazzjoni u r-rimborż f’waqthom ta’ spejjeż ta’ missjonijiet ikklejmjati minn esperti.

M/A

2013

Kien hemm titjib konsiderevoli fir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit, li jindika ppjanar aħjar u implimentazzjoni tal-attivitajiet aktar f’waqtha. Għalkemm il-livell ta’ riporti mill-2012 li ġew ikkanċellati għadu relattivament għoli f’livell ta’ 28 % (2012: 45 %), ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati naqsu għal EUR 4 61  983 jew 13 % (2012: EUR 6 11  223 jew 19 %). Ir-riporti kienu fil-biċċa l-kbira relatati ma’ kuntratti ffirmati fit-tieni nofs tal-2013 għal attivitajiet ippjanati fl-2013 u fl-2014.

M/A

2013

Mill-1  183 rimborż għal esperti li saru fl-2013, 1  078 saru tard. Fejn il-pagamenti saru tard, dawn iddewmu b’medja ta’ 78 jum fl-ewwel nofs tal-2013 meta mqabbla ma’ 33 jum fit-tieni nofs tal-2013.

Għadha għaddejja


ANNESS II

L-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riga)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Approssimazzjoni ta’ liġijiet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Kompetenzi tal-Uffiċċju

(Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Is-setgħat tal-Uffiċċju kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

L-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 6 għandu jipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u professjonali lill-BEREC.

Huwa għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi.

Governanza

l-Uffiċċju għandu Kumitat ta’ TmexxijaManiġer Amministrattiv. Dawn jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltajiet amministrattivi u finanzjarji kollha, inkluża t-tmexxija tal-persunal.

Madankollu, il-Kumitat ta’ Tmexxija biss huwa responsabbli għall-ħatra tal-persunal (l-Artikolu 7(4)).

Il-Bord tar-Regolaturi jipprovdi gwida dwar is-servizzi u l-prodotti speċifikati hawn taħt fit-taqsima “Prodotti u servizzi fl-2014”.

Riżorsi disponibbli għall-Uffiċċju fl-2014 (2013)

Baġit Finali: EUR 4 1 62  874,00(EUR 3 5 57  218,93) (baġit emendat u inkluż dħul assenjat intern)

Persunal fil-31 ta’ Diċembru: 24 (25)

Prodotti u servizzi fl-2014

Taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, l-Uffiċċju pprovda s-servizzi li ġejjin:

servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lill-BEREC;

ġbir ta’ tagħrif mill-NRAs u skambju u trasmissjoni ta’ informazzjoni;

tixrid tal-aħjar prattiki regolatorji fost l-NRAs fi ħdan l-UE u lil partijiet terzi;

assistenza liċ-Chairperson fit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju;

appoġġ lill-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti stabbiliti mill-Bord tar-Regolaturi.

Sors: Anness ipprovdut mill-Uffiċċju.


IT-TWEĠIBA TAL-UFFIĊĊJU

11.

L-Uffiċċju BEREC jieħu nota tal-kumment dwar il-ġestjoni baġitarja rigward it-titjib tal-approprjazzjonijiet impenjati għal 98 % meta mqabbla mal-2013: 87 %. Il-baġit 2014 ġie abbozzat fl-2012 meta l-Uffiċċju BEREC kien għadu fil-fażi bikrija tiegħu tal-ġestjoni baġitarja. Minn dak iż-żmien, qed jintużaw għodod għat-titjib tal-monitoraġġ regolari li wassal għal ippjanar aħjar.

L-Uffiċċju BEREC jirrikonoxxi r-rilevanza kbira tal-kwistjoni mressqa mill-osservazzjoni tal-Qorti rigward il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati li żdied għal 0,9 miljun euro, jiġifieri 23 % (2013: 0,5 miljun euro, 13 %), b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet operattivi (titolu III) bħal studji li għaddejjin dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan kien minħabba talbiet sinifikanti mill-Kumitat tat-Tmexxija biex jitniedu proġetti operattivi (studju dwar in-Newtralità Netta, madwar 3 90  000 EUR, BEREC-Nett ta’ 1 05  000 EUR, Studji settorjali ta’ madwar aktar minn 2 60  000 EUR). Minbarra dan, it-tibdil sinifikanti ta’ ġestjoni ittardja implimentazzjoni bikrija tal-proġetti msemmija hawn fuq peress li f’April 2014 inħatar Maniġer Amministrattiv ġdid u f’Awwissu 2014 inħatar Kap tal-Unità tal-Ġestjoni ta’ Programmi ġdid.

L-Uffiċċju BEREC għandu fil-mira t-tnaqqis tal-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2015.

12.

L-Uffiċċju BEREC jifhem l-importanza kbira tal-kwistjoni mressqa mill-osservazzjoni tal-Qorti rigward l-għadd kbir ta’ trasferimenti baġitarji li biddlu l-istruttura tal-baġit inizjali b’mod konsiderevoli: titolu I (spejjeż ta’ persunal) tnaqqas bi 17 %, titolu II (nfiq amministrattiv) tnaqqas b’44 % u titolu III (nfiq operattiv) żdied b’60 %, prinċipalment biex jiġu ffinanzjati studji li għaddejjin. L-Uffiċċju qed jaħdem kontinwament biex titjieb is-sistema tal-ippjanar ibbażata fuq l-attività li tista’ twassal għal tnaqqis ulterjuri ta’ trasferimenti baġitarji.

13.

L-Uffiċċju BEREC jieħu nota tal-kumment li, id-dispożizzjoni baġitarja tal-2014 għal kontributi mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-EFTA (1) li jkollhom status ta’ osservatur f’BEREC, ma saritx realtà fin-nuqqas ta’ ftehimiet mal-pajjiżi tal-EFTA. Konsegwentement, il-baġit 2015 ġie kkoreġut kif xieraq. Madankollu, il-ftehim tal-EFTA jiġi nnegozjat bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi kkonċernati u l-Uffiċċju BEREC m’għandux is-setgħa li jinfluwenza n-negozjati u l-proċess ta’ ffirmar tal-ftehim.


(1)  Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles


Top