Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0634

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

    COM/2015/0634 final - 2015/0287 (COD)

    Brussell, 9.12.2015

    COM(2015) 634 final

    2015/0287(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2015) 274 final}
    {SWD(2015) 275 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali 1 adottata mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2015 ħabbret inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-regoli armonizzati għall-provvista ta’ kontenut diġitali u l-bejgħ onlajn ta’ oġġetti. Din l-inizjattiva hija komposta minn (i) proposta dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, u (ii) proposta dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti.

    Kif kien imħabbar mill-Kummissjoni fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tal-2015, dawn iż-żewġ proposti jibbażaw fuq l-esperjenza miksuba matul in-negozjati għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. B’mod partikolari, huma ma għadhomx isegwu l-approċċ ta’ sistema fakultattiva u sett komprensiv ta’ regoli. Minflok, il-proposti jinkludu sett iffokat u mmirat ta’ regoli armonizzati b’mod sħiħ. Il-proposti jibnu wkoll fuq għadd ta’ emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu dwar il-proposta għal Regolament dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, b’mod partikolari r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-bejgħ onlajn u bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti u l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal ċertu kontenut diġitali li jiġi pprovdut għal eżekuzzjoni korrispettiva oħra għajr flus.

    Filwaqt li dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jkopri speċifikament il-proposta dwar ċerti aspetti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, il-partijiet ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-proposta, il-ġbir tal-għarfien espert u l-valutazzjonijiet tal-impatt jikkonċernaw iż-żewġ proposti, minħabba li dawn iż-żewġ proposti huma previsti bħala pakkett b’għanijiet komuni.

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-għan ġenerali tal-proposti huwa li jikkontribwixxu għal tkabbir aktar malajr tas-Suq Uniku Diġitali, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji. Billi jeliminaw l-ostakoli ewlenin relatati mal-liġi kuntrattwali li jfixklu l-kummerċ transfruntiera, ir-regoli ppreżentati fil-proposti se jnaqqsu l-inċertezza li jiffaċċjaw in-negozji u l-konsumaturi minħabba l-kumplessità tal-qafas legali u l-ispejjeż imġarrbin min-negozji li jirriżultaw minn differenzi fil-liġi kuntrattwali bejn l-Istati Membri. L-inizjattiva se żżid il-fiduċja tal-konsumaturi billi tipprovdi regoli uniformi bi drittijiet ċari tal-konsumaturi.

    Disgħa u tletin fil-mija (39 %) tan-negozji li jbigħu onlajn iżda mhux fuq livell transfruntiera jikkwotaw liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-bejgħ transfruntiera. 2 Dan japplika b’mod partikolari għar-rimedji fil-każ ta’ prodott difettuż kif imsemmi minn 49 % tal-bejjiegħa bl-imnut tal-UE li jbigħu onlajn u 67 % ta’ dawk li bħalissa qegħdin jippruvaw ibigħu jew jikkunsidraw li jbigħu onlajn fuq livell transfruntiera. 3 Ir-regoli differenti tal-liġi kuntrattwali nazzjonali ħolqu spejjeż ta’ darba għall-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu lill-konsumaturi ta’ madwar EUR 4 biljun; dawn l-ispejjeż jaffettwaw l-aktar lill-impriżi mikro u lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dawn il-proposti għandhom l-għan li joħolqu ambjent favorevoli għan-negozju u jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment SMEs, li jbigħu fuq livell transfruntiera. In-negozji għandhom jingħataw ċertezza legali u jevitaw l-ispejjeż bla bżonn ikkawżati mil-liġijiet nazzjonali varji meta jbigħu oġġetti u kontenut diġitali barra mis-suq domestiku tagħhom.

    Fl-2014, kienu biss 18 % tal-konsumaturi li użaw l-Internet għal skopijiet privati li xtraw onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE, filwaqt li 55 % għamlu dan domestikament. 4 Il-konsumaturi jsofru detriment minħabba nuqqas ta’ drittijiet kuntrattwali ċari għal kontenut diġitali difettuż. Kontenut diġitali jkopri firxa wiesgħa ta’ oġġetti, bħall-mużika, il-films, l-applikazzjonijiet, il-logħob, il-filmati, servizzi ta’ “cloud storage” jew xandiriet ta’ avvenimenti sportivi. Il-valur ikkombinat tad-detriment finanzjarju li jirriżulta mill-aktar problema riċenti ffaċċjata mill-konsumaturi bil-kontenut diġitali u l-ħin li qattgħu jipprovaw jirrisolvu dawn il-problemi matul l-aħħar 12-il xahar huwa stmat li jlaħħaq bejn EUR 9 biljun u EUR 11-il biljun. Il-konsumaturi lanqas ma huma kunfidenti meta jiġu biex jixtru onlajn bejn il-fruntieri. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija l-inċertezza tagħhom dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom. Bħala riżultat, huma jispiċċaw jitilfu l-opportunitajiet u jiffaċċjaw firxa aktar limitata ta’ offerti bi prezzijiet inqas kompetittivi.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta għandha l-għan li timla l-lakuna legali attwali fl-acquis tal-konsumaturi fil-livell tal-UE rigward ċerti aspetti kuntrattwali li għalihom bħalissa ma teżisti ebda regola.

    Il-proposta tissupplimenta d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , li diġà armonizzaw b’mod sħiħ ċerti regoli għall-provvista ta’ kontenut diġitali (primarjament rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar). Filwaqt li xi Stati Membri, bħar-Renju Unit u n-Netherlands, diġà adottaw leġiżlazzjoni speċifikament dwar il-kontenut diġitali, bħalissa ma teżisti ebda regola speċifika tal-UE li tipproteġi lill-konsumaturi kontra kontenut diġitali li ma jkunx konformi mal-kuntratt. Għalhekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni malajr sabiex tiġi evitata aktar frammentazzjoni legali possibbli minħabba r-regoli nazzjonali differenti emerġenti.

    Barra minn hekk, il-proposta tindirizza żewġ drittijiet kuntrattwali (il-modifika u t-terminazzjoni ta’ kuntratti fit-tul), li ġew identifikati bħala problematiċi 6 u li bħalissa huma soġġetti biss għall-klawżola ġenerali dwar il-kontroll tal-inġustizzja fid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 7 .

    Il-proposta tissupplimenta wkoll id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 8 , li, fost l-oħrajn, tistabbilixxi parzjalment regoli armonizzati dwar il-kuntratti elettroniċi.

    Il-proposta hija kompatibbli mar-regoli tal-UE eżistenti dwar il-liġi u l-ġuriżdizzjoni applikabbli fis-Suq Uniku Diġitali 9 . Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 10 u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 11 , li jipprovdu regoli li jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni kompetenti u l-liġi applikabbli, japplikaw fl-ambjent diġitali wkoll. Dawn l-istrumenti ġew adottati pjuttost riċentament u l-implikazzjonijiet tal-internet ġew ikkunsidrati mill-qrib fil-proċess leġiżlattiv. Xi regoli jqisu speċifikament it-tranżazzjonijiet li jsiru bl-internet, b’mod partikolari dawk dwar il-kuntratti mal-konsumatur. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali fost l-oħrajn billi jagħtuhom il-benefiċċju tar-regoli mhux derogabbli tal-Istat Membru fejn huma residenti abitwali. Flimkien mar-regoli kuntrattwali ġodda proposti għax-xiri ta’ kontenut diġitali kif stabbilit f’din il-proposta, ir-regoli eżistenti dwar il-liġi internazzjonali privata jistabbilixxu qafas legali ċar għax-xiri u l-bejgħ f’suq diġitali Ewropew, li jieħu f’kunsiderazzjoni kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll dawk tan-negozji. Għalhekk, din il-proposta leġiżlattiva ma titlobx li jsiru bidliet fil-qafas attwali tal-liġi internazzjonali privata tal-UE, fosthom fir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I).

    Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

    L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għandha l-għan li tittratta l-ostakoli ewlenin kollha għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntiera fis-Suq Uniku Diġitali b’mod olistiku. Il-proposta għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ dan l-approċċ olistiku. L-Istrateġija tkopri, fost l-oħrajn, inizjattivi relatati mal-portabbiltà transfruntiera tal-kontenut, ir-rwol tal-pjattaformi, il-Fluss Liberu tad-Dejta, il-Cloud Ewropea, il-piż relatat mal-VAT u l-konsenja tal-pakketti. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-portabbiltà transfruntiera tal-kontenut u tal-Cloud Ewropea, l-Istrateġija tipprevedi t-teħid ta’ azzjonijiet deċiżivi lejn l-iżgurar tal-portabbiltà u tal-interoperabbiltà tal-kontenut, li huwa kruċjali għall-provvista ta’ kontenut diġitali fl-UE. L-Istrateġija tkopri wkoll inizjattivi relatati mal-infurzar / rimedju, jiġifieri l-bidu tal-operat tal-pjattaforma tas-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim 12 u r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) 13 . B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-liġi kuntrattwali armonizzati b’mod sħiħ fl-UE se jiffaċilitaw ukoll l-azzjonijiet ikkoordinati ta’ infurzar meħuda mill-awtoritajiet tal-Kooperazzjoni fil-Ħarsien tal-Konsumaturi 14 . Il-proposta se tkun konsistenti wkoll mal-qafas tal-UE ġenerali dwar id-dritt tal-awtur u se tkun bla preġudizzju għal kwalunkwe drittijiet u obbligi skont il-liġi dwar id-dritt tal-awtur.

    Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali hija rregolata mid-Direttiva 1995/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta 15 u mid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika 16 , li huma applikabbli b’mod sħiħ għall-provvisti ta’ kontenut diġitali. Dawk id-Direttivi diġà jistabbilixxu qafas legali fil-qasam tad-dejta personali fl-Unjoni. L-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta għandhom isiru b’konformità sħiħa ma’ dak il-qafas legali.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li għandu l-għan ewlieni li jtejjeb l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

    Meta jipprovdu kontenut diġitali lill-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn, in-negozji jiġu kkonfrontati b’regoli obbligatorji differenti dwar il-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi. Il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali huma maqsumin f’kategoriji b’mod differenti minn Stat Membru għal ieħor. Skont l-Istat Membru, dawn il-kuntratti jitqiesu bħala kuntratti tal-bejgħ, bħala kuntratti ta’ servizzi jew bħala kuntratti ta’ kiri. Barra minn hekk, il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali xi drabi jinqasmu f’kategoriji b’mod differenti fl-istess Stat Membru skont it-tip ta’ kontenut diġitali offrut. 17 Bħala konsegwenza, għall-kontenut diġitali, id-drittijiet u l-obbligi nazzjonali, kif ukoll ir-rimedji għall-konsumaturi, ivarjaw bejn l-Istati Membri. Filwaqt li wħud minn dawn ir-regoli nazzjonali mhumiex obbligatorji u jistgħu jiġu mmodifikati kuntrattwalment mill-partijiet, hemm oħrajn li huma ta’ karattru obbligatorju.

    Barra minn hekk, bosta Stati Membri riċentament ippromulgaw jew bdew xogħol ta’ tħejjija biex jadottaw regoli obbligatorji speċifiċi dwar kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali. Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali jvarjaw fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tagħhom. Għandu jkun mistenni wkoll li jkun hemm Stati Membri oħrajn li jsegwu din ix-xejra. Jekk l-UE ma tiħux azzjoni, in-negozji b’hekk ikunu kkonfrontati dejjem aktar b’regoli obbligatorji differenti dwar il-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali.

    Il-frammentazzjoni eżistenti u li ġejja toħloq ostakoli għan-negozji biex ibigħu bejn il-fruntieri minħabba li jkollhom iġorru spejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali. In-negozji huma wkoll inċerti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Dan iħalli effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod negattiv. Minħabba l-eteroġeneità tas-suq onlajn għall-kontenut diġitali, ikun diffiċli għas-suq li jegħleb din il-frammentazzjoni.

    Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod adegwat mill-Istati Membri.

    L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva huwa li tneħħi l-ostakoli fil-liġi kuntrattwali tal-konsumatur fid-dinja tal-internet u tgħin sabiex jiġi stabbilit Suq Uniku Diġitali ġenwin għall-benefiċċju tan-negozji u tal-konsumaturi. L-Istati Membri ma jistgħux, b'inizjattiva tagħhom stess, ineħħu l-ostakoli li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali b’mod suffiċjenti. Inizjattiva fil-livell tal-UE jirnexxielha tikseb dan aħjar.

    B’mod aktar speċifiku, l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi lill-konsumaturi bi drittijiet speċifiċi b’mod ikkoordinat u li toħloq ċertezza legali għan-negozji li jridu jbigħu l-kontenut diġitali tagħhom fi Stati Membri oħrajn. Meta jiġi biex jiżviluppa leġiżlazzjoni speċifika dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali, kull Stat Membru individwalment ma jkunx jista’ jiggarantixxi koerenza ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mal-leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri oħrajn. Għalhekk, inizjattiva meħuda fil-livell tal-UE tgħin sabiex ikun żgurat li jiġu żviluppati drittijiet speċifiċi tal-konsumaturi għall-kontenut diġitali b’mod koerenti.

    L-azzjoni fil-livell tal-UE tkun aktar effettiva mill-azzjoni fil-livell nazzjonali.

    Barra minn hekk, inizjattiva fil-livell tal-UE tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur b’mod koerenti, filwaqt li tiżgura li l-konsumaturi kollha fl-UE jibbenifikaw mill-istess livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi. Hija toħloq ċertezza legali għan-negozji li jridu jbigħu l-kontenut diġitali tagħhom fi Stati Membri oħrajn. Inizjattiva bħal din tipprovdi bażi legali konsistenti għall-azzjonijiet koordinati ta’ infurzar peress li d-Direttiva proposta se tkun inkluża fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 18 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, l-azzjonijiet ta’ infurzar ikunu ffaċilitati ħafna mir-regoli uniformi proposti kompletament armonizzati. B’hekk, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE se jissaħħaħ għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-UE. Riżultat bħal dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, minħabba li l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi.

    Il-proposta ma tarmonizzax l-aspetti kollha li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali; fost ħafna eżempji oħrajn, ir-regoli dwar il-konklużjoni tal-kuntratt mhux se jiġu rregolati. Minflok, hija se tiffoka fuq l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni biss ta’ dawk id-drittijiet kuntrattwali obbligatorji mmirati u ewlenin tal-konsumaturi tal-UE, li huma essenzjali fit-tranżazzjonijiet onlajn bejn il-fruntieri u li ġew identifikati bħala ostakoli għall-kummerċ mill-partijiet interessati u huma meħtieġa sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru bl-internet minn barra l-pajjiż. Barra minn hekk, l-għażla tal-forma ġuridika ta’ Direttiva minflok Regolament ikollha, bħala riżultat, konsiderevolment inqas interferenza fil-liġijiet nazzjonali (ara hawn isfel taħt “L-għażla tal-istrument”), minħabba li tagħti libertà lill-Istati Membri sabiex jadattaw l-implimentazzjoni għal-liġi nazzjonali tagħhom.

    L-għażla tal-istrument

    Il-Kummissjoni tippreżenta sett ta’ żewġ Direttivi ta’ armonizzazzjoni sħiħa: Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u għal bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti.

    L-għażla ta’ Direttiva tħalli libertà lill-Istati Membri sabiex jadattaw l-implimentazzjoni għal-liġi nazzjonali tagħhom. Pereżempju, il-proposta ma tiddeterminax jekk il-kuntratt għall-provvista ta’ kontenut diġitali għandux jitqies bħala kuntratt ta’ bejgħ, servizzi, kiri jew sui generis; hija tħalli din id-deċiżjoni f’idejn l-Istati Membri. Regolament ikun jirrikjedi sistema ferm aktar dettaljata u komprensiva minn Direttiva sabiex l-effetti tiegħu jkunu direttament applikabbli. Bħala konsegwenza, konsiderevolment dan ikollu aktar interferenza fil-liġijiet nazzjonali. Dan jista’ jipperikola wkoll il-karattru tal-istrument li jilqa’ għall-ġejjieni, minħabba li, kuntrarju għal Direttiva, ikollu jidħol f’livell ta’ dettalji li ma jippermettix il-marġini jadatta l-implimentazzjoni tar-regoli armonizzati b’mod sħiħ għal suq li qed jagħmel avvanzi teknoloġiċi u kummerċjali mgħaġġla bħal dak għall-kontenut diġitali.

    L-għażla ta’ armonizzazzjoni sħiħa se twassal għal regoli sempliċi u moderni li jneħħu l-ostakoli fil-liġi kuntrattwali u joħolqu qafas legali favorevoli għan-negozji, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-istess livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi fl-UE sħiħa.

    Strument mhux vinkolanti, bħal mudell ta’ kuntratt volontarju, ma jissodisfax l-għan li jittejbu l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. In-negozjanti xorta waħda se jkunu obbligati li jikkonformaw ma’ regoli nazzjonali obbligatorji differenti tal-pajjiż ta’ residenza tal-konsumatur, meta dawn tal-aħħar jipprevedu livell ogħla ta’ ħarsien tal-konsumaturi mill-mudell tal-kuntratt u, b’hekk, xorta waħda jiffaċċjaw spejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni

    Ġiet żviluppata strateġija ta’ konsultazzjoni estensiva bil-għan li tiżgura parteċipazzjoni wiesgħa matul iċ-ċiklu tal-politika kollu ta’ din l-inizjattiva. Din l-istrateġija kienet ibbażata fuq taħlita ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati. Il-Kummissjoni fittxet firxa wiesgħa u bilanċjata ta’ fehmiet dwar din il-kwistjoni billi tat l-opportunità lill-partijiet rilevanti kollha (in-negozji, il-konsumaturi, l-awtoritajiet nazzjonali, l-avukati u l-akkademiċi) jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. 19

    - Konsultazzjoni pubblika: Konsultazzjoni pubblika miftuħa bbażata fuq l-internet u mifruxa fuq 12-il ġimgħa rriżultat f’189 reazzjoni mill-kategoriji kollha ta’ partijiet interessati minn madwar l-UE.

    - Konsultazzjonijiet immirati: Grupp ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati kien kompost minn 22 organizzazzjoni li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ interessi. Il-grupp iltaqa’ seba' (7) darbiet.

    Minn Ġunju sa Awwissu 2015 saru wkoll intervisti fil-fond man-negozji sabiex tinġabar dejta dwar l-ispejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali li jiffaċċjaw l-istess negozji meta jbigħu barra l-pajjiż.

    Fil-qafas tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, fl-2015 intużaw żewġ sondaġġi, wieħed dwar il-konsumaturi 20 u ieħor dwar in-negozji 21 , sabiex tinġabar dejta li tidentifika l-ostakoli transfruntieri ewlenin għas-Suq Uniku Diġitali.

    Fl-aħħar nett, bħala parti minn studju ekonomiku dwar il-kontenut diġitali tal-konsumatur, il-konsumaturi u n-negozji ntalbu jwieġbu dwar it-tip ta’ problemi li ltaqgħu magħhom meta kienu qed jixtru kontenut diġitali. 22

    - Konsultazzjoni tal-Istati Membri: bejn Ġunju u Ottubru 2015 ġew organizzati tliet workshops mal-Istati Membri. Il-kwistjonijiet rilevanti ġew diskussi wkoll mal-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali waqt il-laqgħa tal-kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-Ħarsien tal-Konsumaturi (April 2015) u mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-politika dwar il-konsumatur waqt il-laqgħa tan-Netwerk tal-Politika dwar il-Konsumatur (Mejju 2015).

    Sommarju tar-riżultati

    Maġġoranza ta’ negozji ġenerali jaraw il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE fil-forma ta’ armonizzazzjoni sħiħa; l-industrija tal-IT u l-professjonijiet legali huma aktar maqsumin. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jirrikonoxxu wkoll il-ħtieġa li jaġixxu u jappoġġaw l-armonizzazzjoni sħiħa, diment li jiġi garantit livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi. Maġġoranza tal-Istati Membri li wieġbu jilqgħu wkoll it-teħid ta’ azzjoni fuq il-kontenut diġitali fil-livell tal-UE. Uħud minnhom jispeċifikaw li huma jippreferu armonizzazzjoni sħiħa jew armonizzazzjoni sħiħa mmirata. Stati Membri oħrajn jippreferu li jkun hemm infurzar aħjar u li ssir valutazzjoni tar-regoli eżistenti. Numru minnhom jesprimu l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-regoli għall-oġġetti u l-kontenut diġitali.

    Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li wieġbu huma favur approċċ li jinkludi kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi biss. Il-maġġoranza vasta tal-konsumaturi, tal-Istati Membri u tal-professjonijiet legali huma favur li l-kontenut diġitali pprovdut jiġi kopert mhux biss għal prezz, iżda wkoll bi skambju għal dejta (personali u dejta oħra) ipprovduta mill-konsumaturi. In-negozji huma aktar maqsumin fuq din il-kwistjoni.

    Fuq is-sustanza tar-regoli, il-konsumaturi u l-professjonijiet legali jsostnu li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt bħala l-ewwel rimedju. In-negozji jenfasizzaw li l-fornituri tal-kontenut diġitali għandu jkollhom l-għażla li jġibu l-oġġetti f’konformità qabel jipprovdu l-possibbiltà li l-kuntratt jiġi tterminat. Għal xi assoċjazzjonijiet tal-IT, il-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw il-kuntratt u li jirċievu rimborż tal-prezz, iżda mhux id-dritt li jitolbu li l-kontenut jinġieb f’konformità, minħabba li dan jista’ jirriżulta fi spiża kbira wisq għan-negozjanti. Assoċjazzjonijiet oħrajn tal-IT ma jqisux ir-rimedji għan-nuqqas ta’ konformità bħala xierqa għall-kontenut diġitali. L-Istati Membri huma kważi unanimi fl-appoġġ tagħhom għall-inklużjoni tar-rimedji kollha diġà disponibbli għall-oġġetti. Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li wieġbu jaqblu li n-negozjanti għandhom ikunu jistgħu jimmodifikaw il-karatteristiċi tal-kontenut diġitali fornut b'ċerti kundizzjonijiet (bħall-informazzjoni pprovduta minn qabel lill-konsumatur) u li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jitterminaw il-kuntratti fit-tul.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Primarjament matul l-2014, Grupp ta’ Esperti dwar il-Kuntratti ta’ “Cloud Computing” iltaqa’ seba’ darbiet. Il-Grupp ta’ Esperti kien stabbilit bl-Istrateġija Ewropea għall-“Cloud Computing” u kompost minn prattikanti u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-fornituri u l-klijenti ta’ servizzi cloud, kif ukoll rappreżentanti ta’ professjonijiet legali jew akkademiċi b’għarfien espert fil-kuntratti ta’ cloud computing u fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta personali rilevanti għall-kuntratti ta’ cloud computing.

    Il-kuntratti tal-“cloud computing” kellhom rwol partikolarment importanti fl-identifikazzjoni tal-problemi kuntrattwali relevanti għal din id-Direttiva. Dawn il-kwistjonijiet, li ġew diskussi b’mod estensiv mill-Grupp, huma marbutin mal-kwalità, ir-responsabbiltà jew il-modifika tal-kuntratti. 23

    Il-Kummissjoni straħet ukoll fuq bosta studji legali u ekonomiċi, li kienu kkummissjonati għall-iskop speċifiku ta’ din l-inizjattiva jew bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. 24

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ta opinjoni inizjali dwar l-abbozz ta’ valutazzjoni tal-impatt fis-16 ta’ Ottubru 2015 li ġie mmodifikat fit-teħid f’kunsiderazzjoni tal-kummenti mill-Bord u ppreżentati mill-ġdid. It-tieni opinjoni, li approvat l-abbozz ta’ valutazzjoni tal-impatt soġġett għall-kummenti, ingħatat mill-Bord fid-9 ta’ Novembru 2015. 25

    Ir-rapport rivedut dwar il-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv huma ppubblikati flimkien mal-proposti. 26

    L-alternattivi ta’ politika eżaminati

    Minbarra li eżaminat il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ bidla fil-politika, il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat l-alternattivi tal-politika li ġejjin: (i) għażla 1: regoli mmirati u armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali u għall-oġġetti; (ii) għażla 2: regoli mmirati u armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali u l-applikazzjoni tal-liġi tan-negozjant ikkombinata mar-regoli armonizzati eżistenti dwar l-oġġetti; (iii) għażla 3: regoli mmirati u armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali u ebda bidla politika għall-oġġetti; (iv) għażla 4: regoli ta’ armonizzazzjoni minima għall-kontenut diġitali u ebda bidla politika għall-oġġetti; (v) għażla 5: mudell ta’ kuntratt Ewropew volontarju kkombinat ma’ marka ta’ fiduċja tal-UE.

    Wara analiżi komparattiva tal-impatti ta’ dawn l-għażliet, ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt wasal għall-konklużjoni li l-għażla 1 hija l-aħjar waħda biex tilħaq l-għanijiet ta’ politika. Din l-għażla tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali għan-negozjanti u tiffaċilita l-kummerċ elettroniku bejn il-fruntieri. In-negozji jkunu jistgħu jistrieħu ħafna fuq il-liġi tagħhom stess meta jbigħu bejn il-fruntieri, minħabba li r-regoli ewlenin, li huma rilevanti għall-kummerċ tranfruntiera, ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Filwaqt li r-regoli l-ġodda dwar il-kontenut diġitali jistgħu jinvolvu ċerti spejjeż addizzjonali għan-negozji, dawn l-ispejjeż ikunu limitati meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti, minħabba li d-drittijiet il-ġodda jkunu armonizzati b’mod sħiħ. Għalhekk, dawn jipprovdu lin-negozji b’ambjent legalment ċert u favorevoli għan-negozju. Il-konsumaturi se jkollhom sett ċar ta’ drittijiet madwar l-UE kollha u, b’hekk, se jkunu aktar kunfidenti meta jiġu biex jixtru oġġetti jew jiksbu aċċess għal kontenut diġitali bejn il-fruntieri. Dan se joħloq sitwazzjoni vantaġġuża kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. Il-kompetizzjoni tiżdied, sabiex b’hekk twassal għal żieda globali fil-kummerċ u konsegwentement għal għażla akbar u aħjar bi prezzijiet aktar kompetittivi għall-konsumaturi, b’benefiċċji makroekonomiċi sinifikanti għall-UE.

    In-nuqqas ta’ bidla fil-politika ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Suq Uniku Diġitali, anzi jwassal għar-riskju ta’ impatti ekonomiċi negattivi relattivi għas-sitwazzjoni attwali.

    L-għażla 2 ikollha l-impatt pożittiv ta’ regoli armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali. Għall-oġġetti, din twassal għal żieda fl-inċentivi għall-provvista transfruntiera, minħabba li n-negozjanti jkunu jistgħu jbigħu l-prodotti tagħhom bejn il-fruntieri interament abbażi tal-liġi tagħhom. Sa ċertu punt, il-konsumaturi jistgħu jibbenifikaw minn għażla akbar u prezzijiet orħos. Madankollu, b'għażla bħal din, il-konsumaturi ma jibqgħux jibbenifikaw minn livell ogħla ta’ ħarsien tal-konsumaturi li tipprovdi l-liġi nazzjonali tagħhom. Viċi versa, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenifikaw minn livell potenzjalment ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur tal-liġi tan-negozjanti jekk dik tmur lil hinn mil-liġi nazzjonali tagħhom dwar punti speċifiċi.

    L-għażla 3 jkollha l-impatt pożittiv ta’ regoli armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali, iżda l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali għall-kummerċ transfruntiera jibqgħu għall-oġġetti.

    L-għażla 4 toħloq drittijiet minimi għall-konsumaturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali fl-UE u, għalhekk, sa ċertu punt, iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi. L-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw regoli aktar protettivi. Madankollu, din l-għażla ma tnaqqasx l-ispejjeż għan-negozjanti, li xorta jridu jikkonformaw mar-regoli obbligatorji nazzjonali differenti dwar il-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi li jipprovdu livell ogħla ta’ ħarsien tal-konsumaturi meta jbigħu fi Stati Membri oħrajn.

    L-għażla 5 tista’ tgħin lin-negozji jbigħu l-kontenut diġitali madwar l-UE u tipprovdi lill-konsumaturi b’livell sodisfaċenti ta’ ħarsien tal-konsumaturi, li jiddependi ħafna fuq il-kontenut tar-regoli tal-mudell tal-kuntratt li għandhom jiġu maqbula mill-industrija u fuq il-grad tal-użu u l-aċċettazzjoni tal-marka tal-fiduċja min-negozji tal-UE. Il-konsumaturi jistgħu jkunu aktar kunfidenti li jixtru mingħand negozjanti barranin li tkun ingħatatilhom il-marka tal-fiduċja tal-UE. Madankollu, in-negozjanti xorta waħda jkunu obbligati li jikkonformaw mar-regoli nazzjonali obbligatorji tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur, meta huma jipprevedu livell ogħla ta’ ħarsien tal-konsumaturi mir-regoli tal-mudell tal-kuntratt u, b’hekk, xorta jistgħu jiffaċċjaw spejjeż relatati mal-liġi kuntrattwali.

    L-impatti ewlenin tal-proposta

    Il-valutazzjoni tal-impatt tqis l-impatt taż-żewġ proposti, id-Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u d-Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u għal bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti.

    Iż-żewġ proposti jeliminaw l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali għall-kummerċ onlajn bejn il-fruntieri, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli hija inċentiv għall-kummerċ transfruntiera: li kieku kellhom jitneħħew l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali, ikun hemm 122 000 negozju ieħora li jkunu qegħdin ibigħu onlajn bejn il-fruntieri. L-esportazzjonijiet fl-UE jiżdiedu b’madwar EUR 1 biljun. Iż-żieda fil-kompetizzjoni tal-bejgħ bl-imnut onlajn twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut fl-Istati Membri kollha, għal medja ta’ -0,25 % fil-livell tal-UE. B’riżultat ta’ dan it-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żieda fil-fiduċja tal-konsumaturi li tirriżulta minn drittijiet tal-UE uniformi, ikun hemm domanda addizzjonali mill-konsumaturi. Il-konsum domestiku, li jirrifletti l-benesseri tal-konsumaturi, jiżdied f’kull Stat Membru b’medja tal-UE ta’ +0,23 %, li tikkorrispondi għal madwar EUR 18-il biljun. Bejn 7, 8 u 13-il miljun konsumatur addizzjonali jibdew jixtru onlajn bejn il-fruntieri. L-ammont medju minfuq kull sena minn kull xerrej transfruntiera se jiżdied ukoll b’EUR 40. Iż-żieda fil-provvista u fid-domanda jkollha effetti diretti fuq il-varjabbli makroekonomiċi ewlenin f’kull Stat Membru u fl-UE b’mod ġenerali. Il-PDG reali globali tal-UE mistenni jiggwadanja madwar EUR 4 biljun fis-sena.

    Min se jiġi affettwat u kif

    In-negozji se jiffaċċjaw spejjeż biex jikkonformaw mad-Direttiva l-ġdida, iżda eventwalmet se jibbenifikaw saħansitra aktar mir-regoli armonizzati b’mod sħiħ għall-esportazzjoni ta’ oġġetti u kontenut diġitali madwar l-UE kollha. L-SMEs mhux se jiġu eżentati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida: l-eżenzjonijiet inaqqsu l-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru mingħandhom. Ma hemm ebda ġustifikazzjoni għala l-konsumaturi għandhom jingħataw inqas protezzjoni meta jixtru mingħand l-SMEs minflok mingħand fornituri akbar. Eżenzjoni timmina wkoll il-benefiċċji għall-SMEs li jkollhom sett wieħed ta’ regoli applikabbli madwar l-UE kollha. Għall-kuntrarju, l-inizjattiva se tkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-SMEs, li huma aktar affettwati mill-ispejjeż sabiex jadattaw il-kuntratt tagħhom għar-regoli obbigatorji ta’ Stati Membri oħrajn u ħafna drabi jkunu aktar limitati għas-suq domestiku tagħhom mill-kompetituri akbar tagħhom. Il-kummerċ transfruntiera huwa mod importanti ta’ kif huma jibbenifikaw mill-vantaġġi tal-ekonomiji ta’ skala. L-SMEs jiffaċċjaw problema biex isibu l-klijenti. Se jkun aktar faċli li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata fil-kuntest onlajn, minħabba li l-internet jagħti ċ-ċans li jsir bejgħ onlajn bi prezzijiet imnaqqsin, meta mqabbel mal-kummerċ offlajn.

    Id-drittijiet fundamentali

    Il-proposta għall-provvista ta’ kontenut diġitali se tħalli impatt pożittiv fuq għadd ta’ drittijiet imħarsa skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 38 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi u l-Artikolu 16 dwar il-libertà ta’ intrapriża.

    Sett immirat ta’ regoli armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali għandu jissodisfa l-għan tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi jsaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi madwar l-UE, minħabba li huwa se jipprovdi lill-konsumaturi tal-UE bi drittijiet ċari u speċifiċi meta jixtru / jiksbu aċċess għal kontenut diġitali fuq livell domestiku jew minn Stati Membri oħrajn.

    Sett ta’ regoli armonizzati b’mod sħiħ għal aspetti ewlenin tal-provvista tal-kontenut diġitali jikkontribwixxi wkoll sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 16, minħabba li se jkun aktar faċli għan-negozji biex ibigħu kontenut diġitali fl-UE, kemm fuq livell domestiku kif ukoll bejn il-fruntieri. Għalhekk, il-ħila tagħhom li jespandu n-negozju tagħhom se tissaħħaħ.

    Fl-aħħar nett, drittijiet ċari tal-liġi kuntrattwali jgħinu sabiex jiġi ssodisfat l-għan tal-Artikolu 47 (Id-dritt għal rimedju effettiv) minħabba li tiżdied il-ħila li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ persuna għal rimedju effettiv quddiem il-qrati. Ir-regoli l-ġodda għandhom jikkjarifikaw ir-rimedji disponibbli f’każ ta’ tilwimiet.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet għall-baġit.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    L-Istati Membri se jintalbu jibagħtu lill-Kummissjoni l-miżuri li jimplimentaw id-Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali. Dawn il-miżuri se jistabbilixxu t-test tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se timmonitorja dawn il-miżuri bil-għan li tiżgura li dawn ikunu konformi mad-Direttiva.

    Il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex tevalwa kemm id-Direttiva qiegħda tilħaq l-għanijiet b’mod effettiv. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jintużaw fi proċess ta’ rieżami, li għandu jitwettaq ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u li se jeżamina l-effettività tad-Direttiva.

    Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni

    B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, it-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti titqies bħala ġustifikata.

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta tikkonsisti f’20 artikolu.

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tad-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni b’mod sħiħ ta’ sett ta’ regoli ewlenin li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali. Huwa jikkjarifika li d-Direttiva tinkludi regoli dwar il-konformità tal-kontenut diġitali, ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt, kif ukoll ċerti aspetti li jikkonċernaw id-dritt li jiġi tterminat kuntratt fit-tul u l-modifika tal-kontenut diġitali.

    L-Artikolu 2 fih lista ta’ definizzjonijiet għat-termini użati fid-Direttiva. Xi definizzjonijiet ġejjin mill-acquis attwali, bħad-definizzjoni ta’ konsumatur jew mill-proposta għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Definizzjonijiet oħrajn jirriflettu l-ispeċifiċità tal-kontenut diġitali u jirriflettu l-evoluzzjoni kummerċjali u teknoloġika rapida. Pereżempju, id-definizzjoni ta’ kontenut diġitali hija deliberatament wiesgħa u tinkludi t-tipi kollha ta’ kontenut diġitali, fosthom, pereżempju, films imniżżlin jew strimjati fuq l-internet, il-“cloud storage”, il-mezzi soċjali jew fajls ta’ mmudellar viżiv għall-istampar 3D, sabiex jilqgħu għall-ġejjieni u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li minflok jinħolqu kundizzjonijiet ekwi.

    L-Artikolu 3 jistabbilixxi, abbażi tas-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-Direttiva. Id-Direttiva tkopri biss tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur. Ġew rikonoxxuti problemi relatati mal-liġi kuntrattwali fir-relazzjonijiet B2B, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u dawn se jiġu analizzati fil-kuntest ta’ azzjonijiet oħrajn imħabbra fl-Istrateġija. Id-Direttiva tkopri l-provvista tat-tipi kollha ta’ kontenut diġitali. Hija tkopri wkoll il-kontenut diġitali fornut mhux biss għal ħlas monetarju, iżda wkoll fi skambju għal dejta (personali u oħra) pprovduta mill-konsumaturi, ħlief meta d-dejta tkun inġabret għall-iskop waħdieni li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali. Id-Direttiva ma tkoprix is-servizzi mwettqa b’element sinifikanti ta’ intervent mill-bniedem jew il-kuntratti li jirregolaw servizzi settorjali speċifiċi bħall-kura tas-saħħa, il-logħob tal-azzard jew is-servizzi finanzjarji. L-Artikolu 3 jikkjarifika wkoll li f’każ ta’ kunflitt bejn id-Direttiva u att ieħor tal-UE, l-att l-ieħor tal-UE jieħu preċedenza. B’mod partikolari, huwa jikkjarifika li d-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fl-aħħar nett, huwa jikkjarifika li d-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali sal-punt li ma jiġux irregolati f’din id-Direttiva, bħar-regoli nazzjonali li jipprevedu l-obbligi tal-konsumatur lejn il-fornitur ta’ kontenut diġitali jew li jirregolaw il-kwalifika, il-formazzjoni jew il-validità tal-kuntratti.

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi li d-Direttiva preżenti hija Direttiva b’armonizzazzjoni sħiħa. Huwa jipprekludi lill-Istati Membri, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, milli jadottaw jew iżommu liġijiet li jibqgħu taħt jew li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva. L-effett tal-Artikolu 4 ikkombinat mal-Artikolu 1 huwa li jiddetermina li fl-oqsma l-oħrajn mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma liberi li jipprovdu soluzzjonijiet nazzjonali.

    L-Artikolu 5 jikkjarifika l-modalitajiet u ż-żmien tal-provvista ta’ kontenut diġitali. Il-kontenut diġitali għandu jiġi fornut lill-konsumatur jew lil parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali li tippermetti l-ipproċessar ta’, l-aċċess għal jew it-trasmissjoni ta’ kontenut diġitali lill-konsumatur finali u li magħha l-konsumatur jinsab f’relazzjoni kuntrattwali. Bħala regola awtomatika, il-kontenut diġitali għandu jiġi fornut istantanjament, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    L-Artikolu 6 fih taħlita ta’ kriterji ta’ konformità statutorja u kuntrattwali li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-kwalità tal-kontenut diġitali. Il-kontenut diġitali għandu primarjament ikun konformi ma’ dak li kien imwiegħed fil-kuntratt. Fin-nuqqas ta’ benchmarks espliċiti bħal dawn, il-konformità tal-kontenut diġitali għandha tiġi vvalutata skont kriterju oġġettiv, jiġifieri għandu jkun idoneu għall-iskop li għalih normalment jintuża l-kontenut diġitali tal-istess deskrizzjoni. L-Artikolu 6 jikkjarifika wkoll li meta l-kontenut diġitali jiġi fornut fuq perjodu ta’ żmien, il-kontenut diġitali għandu jkun konformi mal-kuntratt matul id-durata kollha tal-kuntratt u li l-verżjoni tal-kontenut diġitali fornut lill-konsumatur tkun ukoll l-aktar verżjoni riċenti disponibbli f’dak iż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt.

    L-Artikolu 7 jispjega li nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali, li jirriżulta minn integrazzjoni skorretta fil-ħardwer u fis-softwer tal-konsumatur, għandu jkun ugwali għal nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali nnifsu jekk ir-raġunijiet għall-integrazzjoni skorretta jkunu fl-isfera tal-fornitur.

    L-Artikolu 8 fih rekwiżit ta’ konformità addizzjonali li jgħid li l-kontenut diġitali għandu jiġi kklerjat minn kwalunkwe drittijiet ta’ partijiet terzi, fosthom dawk ibbażati fuq proprjetà intellettwali.

    L-Artikolu 9 jimponi l-oneru tal-provi għall-assenza tan-nuqqas ta’ konformità fuq il-fornitur, sakemm l-ambjent diġitali tal-konsumatur ma jkunx kompatibbli mal-kontenut diġitali. Dan it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi mhuwiex limitat fiż-żmien, billi l-kontenut diġitali mhuwiex soġġett għal tkagħbir bl-użu. L-Artikolu 9 jispeċifika li l-konsumatur jikkoopera mal-fornitur sabiex il-fornitur ikun jista’ jiggarantixxi l-ambjent diġitali tal-konsumatur. L-obbligu tal-kooperazzjoni jkun limitat għall-inqas mezz intrużiv teknikament disponibbli għall-fornitur.

    L-Artikolu 10 jgħid liema huma l-każijiet ta’ responsabbiltà tal-fornitur lejn il-konsumatur, jiġifieri meta l-kontenut diġitali ma jkunx konformi mal-kuntratt jew meta l-fornitur jonqos milli jforni l-kontenut kompletament. Minħabba li l-kontenut diġitali jista’ jiġi fornut fuq perjodu ta’ żmien, il-fornitur għandu jinżamm responsabbli wkoll għal kull nuqqas ta’ konformità li jseħħ matul dak il-perjodu.

    L-Artikolu 11 jagħti d-dritt lill-konsumatur li jittermina l-kuntratt minnufih meta l-fornitur ikun naqas milli jforni l-kontenut diġitali kompletament kif stabbilit fl-Artikolu 5.

    L-Artikolu 12 jelenka r-rimedji disponibbli għall-konsumatur f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ forniment jew nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali. Fl-ewwel pass, il-konsumatur ikun intitolat li l-kontenut diġitali tiegħu jinġieb f’konformità fi żmien raġonevoli, mingħajr inkonvenjenza sinifikanti u mingħajr ma jiġġarrbu spejjeż. Fit-tieni pass, il-konsumatur ikun intitolat li jkollu l-prezz imnaqqas jew il-kuntratt itterminat jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun marbut ma’ karatteristiċi ewlenin tal-prestazzjoni.

    L-Artikolu 13 jispjega fid-dettall il-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt għan-nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali. Pereżempju, huwa jistabbilixxi li l-fornitur irodd lura l-prezz jew, jekk l-eżekuzzjoni korrispettiva kienet tikkonsisti f’dejta, joqgħod lura milli juża din id-dejta u kull informazzjoni oħra li l-konsumatur ipprovda bi skambju għall-kontenut diġitali. Huwa jikkjarifika wkoll li l-konsumatur joqgħod lura wkoll milli jkompli juża l-kontenut diġitali wara t-terminazzjoni.

    L-Artikolu 14 jistabbilixxi dritt għad-danni ristrett għal każijiet fejn id-dannu jkun sar lill-kontenut diġitali u lill-ħardwer tal-konsumatur. Madankollu, huwa jgħid li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għad-danni.

    L-Artikolu 15 jelenka l-kundizzjonijiet, bħall-qbil minn qabel u l-informazzjoni minn qabel tal-konsumatur jew id-dritt għall-konsumatur li jittermina l-kuntratt, li taħthom il-fornitur jista’ jimmodifika l-kuntratt għall-provvista tal-kontenut diġitali fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin tal-prestazzjoni.

    L-Artikolu 16 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-konsumatur għandu dritt li jittermina l-kuntratti konklużi għal tul ta’ żmien indeterminat jew għal aktar minn 12-il xahar u, b’hekk, jista’ jbiddel il-fornitur. Pereżempju, il- konsumatur jinnotifika lill-fornitur 14-il jum qabel tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni. L-Artikolu 16 jispjega fid-dettall ukoll il-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt fit-tul. Huwa jistabbilixxi wkoll li l-fornitur joqgħod lura milli juża d-dejta u kwalunkwe informazzjoni oħra li l-konsumatur ipprovda bi skambju għall-kontenut diġitali.

    L-Artikolu 17 jipprovdi lill-fornitur bi dritt għal rimedju f’każ ta’ att jew ommissjoni minn persuna f’ħoloq preċedenti tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li wasslu għar-responsabbiltà tal-fornitur għan-nuqqas ta’ konformità jew għal nuqqas ta’ provvista lejn il-konsumatur. Il-modalitajiet għall-eżerċitar ta’ dan id-dritt għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

    L-Artikolu 18 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.

    L-Artikolu 19 jinkludi l-klawżola dwar in-natura obbligatorja tar-regoli dwar il-liġi kuntrattwali tal-konsumatur, jiġifieri, jiddikjara li kwalunkwe deroga mir-rekwiżiti inklużi fid-Direttiva għad-detriment tal-konsumatur mhijiex vinkolanti fuq il-konsumatur.

    L-Artikolu 20 jipprevedi emendi għal leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Huwa jemenda d-Direttiva 1999/44/KE sabiex jiġu evitati l-koinċidenzi bejn iż-żewġ strumenti. L-Artikolu 20 iżid ukoll referenza għal din id-Direttiva fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera fuq l-infurzar ta’ din id-Direttiva. Huwa jżid ukoll referenza għal din id-Direttiva fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 sabiex ikun żgurat li jiġu mħarsa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stipulati f’din id-Direttiva.

    L-Artikolu 21 jistabbilixxi l-iskadenza għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 22 jistabbilixxi obbligu għall-Kummissjoni li tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

    L-Artikolu 23 jiffissa d-dejta tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

    L-Artikolu 24 jispeċifika d-destinatarji tad-Direttiva.

    2015/0287 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 28 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-potenzjal tat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku għadu ma ġiex sfruttat kompletament. L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa 29 tindirizza b’mod olistiku l-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntiera fl-Unjoni sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal. L-iżgurar ta’ aċċess aħjar lill-konsumaturi għall-kontenut diġitali u l-iffaċilitar għan-negozji sabiex ifornu l-kontenut diġitali huma meħtieġa sabiex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali tal-Unjoni u jiġi stimolat it-tkabbir globali.

    (2)Għall-ilħuq ta’ suq uniku diġitali ġenwin, hemm bżonn tal-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista tal-kontenut diġitali, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

    (3)Id-differenzi fir-regoli nazzjonali obbligatorji tal-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi u nuqqas ta’ regoli ċari tal-liġi kuntrattwali huma fost l-ostakoli ewlenin li jxekklu l-iżvilupp tal-provvista tal-kontenut diġitali, minħabba li ftit li xejn jeżistu regoli mfassla apposta fil-livell tal-Unjoni. In-negozji jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-differenzi fir-regoli nazzjonali obbligatorji tal-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi u inċertezza legali meta jbigħu kontenut diġitali bejn il-fruntieri. In-negozji jiffaċċjaw ukoll spejjeż meta jadattaw il-kuntratti tagħhom, għar-regoli obbligatorji speċifiċi għall-provvista tal-kuntratti tal-kontenut diġitali li diġà qegħdin jinbtu f’bosta Stati Membri u li joħolqu differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni u fil-kontenut bejn ir-regoli nazzjonali speċifiċi li jirregolaw dawn il-kuntratti. F’dawk l-Istati Membri fejn sa issa għad ma hemmx regoli speċifiċi għall-provvista ta’ kontenut diġitali, in-negozjanti li jridu jbigħu bejn il-fruntieri jiffaċċjaw inċertezza, minħabba li spiss ma jkunux jafu liema regoli japplikaw għall-kontenut diġitali fl-Istat Membru li lejh iridu jesportaw, u lanqas il-kontenut ta’ dawk ir-regoli u jekk dawn humiex obbligatorji.

    (4)Il-konsumaturi mhumiex kunfidenti meta jixtru bejn il-fruntieri u speċjalment onlajn. Wieħed mill-fatturi ewlenin għal dan in-nuqqas ta’ fiduċja huwa l-inċertezza dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom u n-nuqqas ta’ qafas kuntrattwali ċar għall-kontenut diġitali. Ħafna konsumaturi tal-kontenut diġitali jesperjenzaw problemi relatati mal-kwalità ta’ jew l-aċċess għall-kontenut diġitali. Pereżempju, jirċievu kontenut diġitali ħażin jew difettuż, jew ma jistgħux jiksbu aċċess għall-kontenut diġitali inkwistjoni. B’riżultat ta’ dan, il-konsumaturi jsofru detriment finanzjarju u mhux finanzjarju.

    (5)Sabiex jirrimedjaw dawn il-problemi, kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq regoli armonizzati b’mod sħiħ għall-provvista ta’ kontenut diġitali li jistabbilixxu drittijiet kuntrattwali għall-Unjoni kollha, li huma essenzjali għal dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet.

    (6)Regoli armonizzati b’mod sħiħ tal-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha jagħmluha aktar faċli għan-negozji li joffru l-kontenut diġitali bejn il-fruntieri. Huma se jkollhom ambjent stabbli tal-liġi kuntrattwali meta jbigħu fuq l-internet u altrimenti mill-bogħod lejn Stati Membri oħrajn. Ir-regoli armonizzati b’mod sħiħ speċifiċi għall-kontenut diġitali madwar l-UE kollha jneħħu l-kumplessità kkawżata mir-regoli nazzjonali differenti li japplikaw bħalissa għall-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali. Dawn jipprevjenu wkoll il-frammentazzjoni legali li altrimenti tirriżulta minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali ġodda li jirregolaw il-kontenut speċifikament diġitali.

    (7)Il-konsumaturi se jibbenifikaw minn drittijiet armonizzati b’mod sħiħ għall-kontenut diġitali f’livell għoli ta’ protezzjoni. Huma se jkollhom drittijiet ċari meta jirċievu kontenut diġitali jew jiksbu aċċess għalih minn kwalunkwe post fl-UE. Dan se jżid il-kunfidenza tagħhom fix-xiri ta’ kontenut diġitali. Dan se jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tad-detriment li qegħdin isofru bħalissa l-konsumaturi, minħabba li se kun hemm sett ta’ drittijiet ċari li jagħtuhom iċ-ċans li jindirizzaw il-problemi li jiffaċċjaw bil-kontenut diġitali.

    (8)Din id-Direttiva għandha tarmonizza b’mod sħiħ sett ta’ regoli ewlenin li sa issa mhumiex irregolati fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, għandha tinkludi regoli dwar il-konformità tal-kontenut diġitali, ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt u ċerti modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji. Din id-Direttiva għandha tarmonizza wkoll ċerti aspetti rigward id-dritt li jiġi tterminat kuntratt fit-tul, kif ukoll ċerti aspetti rigward il-modifikazzjoni tal-kontenut diġitali.

    (9)Bl-armonizzazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti kollha relatati mas-suġġetti rregolati minn din id-Direttiva, hija tipprekludi l-Istati Membri, fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, milli jipprovdu rekwiżiti ulterjuri formali jew sostantivi, bħalma huma perjodu li matulu n-nuqqas ta' konformità jrid isir apparenti, obbligu għall-konsumatur li javża lill-fornitur b'nuqqas ta' konformità f'perjodu speċifiku jew obbligu għall-konsumatur li jħallas għall-użu tal-kontenut diġitali sal-mument tat-terminazzjoni minħabba nuqqas ta' konformità mal-kuntratt.

    (10)Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġijiet nazzjonali sal-punt li s-suġġetti kkonċernati ma jkunux irregolati minn din id-Direttiva, bħalma huma regoli nazzjonali li jipprevedu obbligi tal-konsumatur lejn il-fornitur ta' kontenut diġitali jew ir-regolazzjoni tal-kwalifika, tal-formazzjoni u tal-validità ta' kuntratti jew il-legalità tal-kontenut. L-Istati Membri għandhom ukoll jibqgħu liberi li jipprovdu regoli għall-kundizzjonijiet dettaljati tal-eżerċizzju tad-drittijiet, bħalma hu d-dritt għad-danni sal-punt mhux kopert minn din id-Direttiva, jew regoli li jipprovdu għall-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt li japplikaw flimkien ma' regoli ta' restituzzjoni rregolati minn din id-Direttiva.

    (11)Id-Direttiva għandha tindirizza problemi fost kategoriji differenti ta' kontenut diġitali u tal-forniment tiegħu. Sabiex jipprovdi għal żviluppi teknoloġiċi mgħaġġlin u jżomm valida fil-futur in-natura tal-kunċett ta' kontenut diġitali, dan il-kunċett kif użat f'din id-Direttiva għandu jkun usa' milli hu fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 30 B’mod partikolari partikolari għandu jkopri servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar u l-ħażna ta' dejta. Waqt li hemm bosta manjieri kif il-kontenut diġitali jiġi fornut, bħat-trażmissjoni fuq mezz durabbli, it-tniżżil mill-konsumaturi fuq l-apparat tagħhom, ir-ritrażmissjoni fuq il-web, permess għal aċċess għal kapaċitajiet ta' ħżin ta' kontenut diġitali jew aċċess għall-użu tal-midja soċjali, din id-Direttiva għandha tapplika għall-kontenut diġitali kollu indipendentament mill-mezz użat għat-trażmissjoni tiegħu. Mhuwiex ideali li ssir differenza bejn kategoriji differenti f'dan is-suq li teknoloġikament qed jinbidel bil-ħeffa għax qajla jkun possibbli li tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn il-fornituri. Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-fornituri ta' kategoriji differenti ta' kontenut diġitali. Madankollu din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kontenut diġitali li huwa inkorporat f'oġġetti b'tali mod li jopera bħala parti integrali mill-oġġetti u l-funzjonijiet tiegħu jkunu subordinati għall-funzjonalitajiet ewlenin tal-oġġetti.

    (12)Sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-fornituri ta' kontenut diġitali offrut fuq mezz durabbli, b’rabta mar-rekwiżiti tal-konformità u r-rimedji disponibbli għall-konsumaturi għan-nuqqas ta’ konformità din id-Direttiva għandha tapplika għal oġġetti bħal DVDs u CDs, li jinkorporaw il-kontenut diġitali b'tali mod li l-oġġetti jiffunzjonaw biss bħala trasportaturi tal-kontenut diġitali. Id-Direttiva għandha tapplika għall-kontenut diġitali pprovdut fuq mezz durabbli, indipendentement minn jekk jinbigħx fuq distanza jew f’sitwazzjonijiet wiċċ imb’wiċċ, sabiex tiġi evitata frammentazzjoni bejn il-kanali ta’ distribuzzjoni differenti. Id-Direttiva 2011/83 għandha tkompli tapplika għal dawk l-oġġetti, fosthom għal obbligi marbutin mal-kunsinna tal-oġġetti, ir-rimedji fil-każ tan-nuqqas ta’ kunsinna u l-għamla tal-kuntratt li bih huma pprovduti dawk l-oġġetti. Id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju wkoll għad-dritt ta’ distribuzzjoni applikabbli għal dawn l-oġġetti skont il-liġi dwar id-dritt tal-awtur.

    (13)Fl-ekonomija diġitali, l-informazzjoni dwar individwi spiss u dejjem iktar qed titqies li għandha valur paragunabbli mal-flus fost il-parteċipanti tas-suq. Il-kontenut diġitali spiss jiġi fornut mhux bi skambju ma' prezz imma għal eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus, jiġifieri bl-għoti ta' aċċess għal dejta personali jew dejta oħra. Dawn il-mudelli kummerċjali speċifiċi japplikaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq. L-introduzzjoni ta' differenzjazzjoni skont in-natura tal-eżekuzzjoni korrispettiva tiddiskrimina bejn il-mudelli kummerċjali differenti; hija tipprovdi inċentiv mhux iġġustifikat għan-negozji sabiex jibdew joffru kontenut diġitali bi skambju ma' dejta. Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, difetti fil-karatteristiċi tal-prestazzjoni tal-kontenut diġitali fornut bi skambju ma' eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus jistgħu jħallu impatt fuq l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Għalhekk l-applikabbiltà tar-regoli ta' din id-Direttiva ma għandhomx jiddependu fuq jekk jitħallasx prezz għall-kontenut diġitali speċifiku inkwistjoni.

    (14)Rigward kontenut diġitali fornut mhux bi skambju ma' prezz imma ma' eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus, din id-Direttiva għandha tapplika biss għal kuntratti li fihom il-fornitur jitlob u l-konsumatur attivament jipprovdi dejta, bħall-isem u l-indirizz elettroniku jew ritratti, direttament jew indirettament lill-fornitur pereżempju permezz ta' reġistrazzjoni individwali jew abbażi ta' kuntratt li jippermetti aċċess għar-ritratti tal-konsumatur. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal sitwazzjonijiet li fihom il-fornitur jiġbor id-dejta neċessarja sabiex il-kontenut diġitali jkun jista' jiffunzjona b'konformità mal-kuntratt, pereżempju l-post ġeografiku fejn ikun hemm bżonn sabiex applikazzjoni tal-mowbajl taħdem kif suppost, jew għall-fini uniku li jiġu ssodisfati rekwiżiti legali, pereżempju meta r-reġistrazzjoni tal-konsumatur tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ sigurtà u identifikazzjoni mil-liġijiet applikabbli. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom il-fornitur jiġbor informazzjoni, inkluża dejta personali, bħall-indirizz tal-IP, jew informazzjoni oħra ġġenerata awtomatikament, bħal informazzjoni miġbura u trażmessa permezz ta' cookie, mingħajr ma l-konsumatur iforniha attivament, anki jekk il-konsumatur jaċċetta l-cookie. Hija ma għandhiex tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur ikun espost għal reklamar esklussivament sabiex jinkiseb aċċess għal kontenut diġitali.

    (15)Kontenut iġġenerat mill-konsumaturi għandu jiġi ttrattat fuq l-istess bażi bħal kull kontenut diġitali ieħor li l-konsumatur jipprovdi jew jaħżen tul il-perjodu kemm idum il-kuntratt bħal fajls ta' mużika u vidjows, stampi, logħob jew applikazzjonijiet. Il-kontenut iġġenerat minn konsumaturi jinkludi firxa wiesgħa ta' eżempji fosthom xbihat diġitali, fajls tal-vidjow u tal-awdjo, bloggs, fora ta' diskussjoni, formati ta' kollaborazzjoni bbażati fuq test, posts, chats, tweets, logs, podcasting, kontenut maħluq fuq apparat mobbli, kontenut maħluq fil-kuntest ta' ambjenti virtwali onlajn, klassifikazzjonijiet u kollezzjonijiet ta' links li jirreferu għal kontenut onlajn.

    (16)Sabiex ikunu żgurati sett komuni ta' drittijiet għall-konsumaturi u kundizzjonijiet ugwali għan-negozju, il-konsumaturi għandu jkollhom l-istess rimedji għal kontenut diġitali li ma jkunux konformi mal-kuntratt irrispettivament mill-mod li l-kontenut ikun ġie żviluppat. Konsegwentament id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti għall-iżvilupp ta' kontenut diġitali mfassal apposta għar-rekwiżiti speċifiċi tal-konsumatur inkluż softwer imfassal apposta. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-forniment ta' fajls tal-immudellar viżwali fil-kuntest tal-ipprintjar 3D. Madankollu din id-Direttiva ma għandhiex tirregola oġġetti prodotti bl-użu ta' teknoloġija tal-ipprintjar 3D jew il-ħsara li ssirilhom.

    (17)Il-kontenut diġitali huwa rilevanti ħafna fil-kuntest tal-Internet tal-Oġġetti. Madankollu huwa f'waqtu li jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi ta' responsabbiltà marbutin mal-Internet tal-Oġġetti, inkluża r-responsabbiltà għad-dejta u kuntratti "magna għal magna", b'mod separat.

    (18)Il-kuntratti jistgħu jinkludu termini ġenerali u kundizzjonijiet tal-fornitur li jridu jiġu aċċettati mill-konsumatur. Għal xi kontenut diġitali, il-fornituri spiss jiddeskrivu s-servizz u l-miri tas-servizz miżurabbli fi ftehim dwar il-livell ta' servizz. Dawn il-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz ġeneralment ikunu annessi mal-kuntratt prinċipali u jiffurmaw komponent importanti tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur u l-konsumatur. Dawn għandhom ikunu koperti bid-definizzjoni ta' kuntratt taħt din id-Direttiva, u għalhekk għandhom ikunu konformi mar-regoli stipulati fiha.

    (19)Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal dawk is-servizzi li l-materja prinċipali tagħhom hija l-forniment ta' kontenut diġitali. Għalhekk, id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal servizzi, li jitwettqu personalment mill-fornitur u li fihom il-mezzi diġitali jintużaw biss għal skopijiet ta' aċċess jew ta' kunsinna, bħalma hi traduzzjoni offruta minn persuna jew servizzi ta' pariri professjonali oħrajn fejn l-output tas-servizz biss jitwassal lill-konsumatur b'mezzi diġitali.

    (20)Meta, b'kuntratt wieħed jew grupp ta' kuntratti, il-fornitur joffri kontenut diġitali kkombinat ma' servizzi oħrajn bħal servizzi tat-telekomunikazzjoni jew oġġetti , li ma jaħdmux biss bħala trasportatur tal-kontenut diġitali, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-komponent tal-kontenut diġitali ta' grupp bħal dan. L-elementi l-oħrajn għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli.

    (21)Din id-Direttiva ma għandhiex tittratta d-drittijiet tal-awtur jew aspetti oħrajn tal-forniment ta' kontenut diġitali relatati mal-proprjetà intellettwali. Għalhekk għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe drittijiet jew obbligi skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur u liġijiet oħrajn dwar il-proprjetà intellettwali.

    (22)Il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali hija rregolata mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 u mid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 li huma kompletament applikabbli fil-kuntest ta’ kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali. Dawk id-Direttivi diġà jistabbilixxu qafas legali fil-qasam tad-dejta personali fl-Unjoni. L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom isiru b'konformità sħiħa ma’ dak il-qafas legali.

    (23)Hemm diversi modi kif il-kontenut diġitali jilħaq il-konsumaturi. Huwa f'waqtu li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq tal-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-fornitur li jforni l-kontenut diġitali lill-konsumatur. Fil-prinċipju, meta jitqies li l-fornitur mhuwiex responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' fornitur tal-internet jew ta' pjattaforma elettronika, li l-konsumatur ikun għażel biex jirċievi l-kontenut diġitali, għandu jkun biżżejjed għall-fornitur li jforni l-kontenut diġitali lil din il-parti terza. Rigward iż-żmien tal-provvista, b'konformità mal-prattiċi tas-suq u l-possibbiltajiet tekniċi, il-kontenut diġitali għandu jkun fornut immedjatament, sakemm il-partijiet ma jiddeċidux li jiftiehmu mod ieħor sabiex jipprovdu għal mudelli oħrajn ta' forniment.

    (24)Sabiex jippromwovi l-innovazzjoni fis-Suq Uniku Diġitali u jipprovdi għall-iżviluppi teknoloġiċi riflessi fil-karatteristiċi dejjem jinbidlu tal-kontenut diġitali, huwa ġġustifikat għall-kontenut diġitali li jkun, fuq kollox, konformi ma' dak li kien maqbul fil-kuntratt.

    (25)F'każijiet meta l-kuntratt ma jistipulax livelli limiti ċari u komprensivi biżżejjed sabiex jaċċerta l-konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji ta' konformità oġġettivi li jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux imċaħħda minn drittijiethom. F'każijiet bħal dawn il-konformità mal-kuntratt għandha tiġi vvalutata b'konsiderazzjoni tal-għan li għalih kontenut diġitali tal-istess deskrizzjoni normalment jintuża.

    (26)Minħabba n-natura tiegħu, il-kontenut diġitali jrid jinteraġixxi ma' tagħmir diġitali ieħor li jiffunzjona b'mod xieraq; għalhekk l-interoperabbiltà għandha tifforma parti mill-kriterji ta' konformità. B'mod partikolari jrid jinteraġixxi ma' ħardwer, fosthom il-veloċità tal-ipproċessur u l-karatteristiċi tal-kard tal-grafika, u ma' softwer, inkluża verżjoni speċifika tas-sistema operattiva jew multi-media player speċifiku. Il-kunċett ta' funzjonalità għandu jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jista' jintuża; għandu jirreferi wkoll għall-assenza jew għall-preżenza ta' xi restrizzjonijiet tekniċi bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali jew tal-ikkowdjar reġjonali.

    (27)Waqt li servizzi u teknoloġiji mmexxija mid-dejta jġibu magħhom benefiċċji sinifikanti, dawn joħolqu ukoll xi vulnerabbiltajiet. Kif inhu rrikonoxxut mill-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni huwa essenzjali madwar l-Unjoni Ewropea sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali bħalma hu d-dritt għall-privatezza u għad-dejta personali, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-utenti u tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fl-ekonomija diġitali. Hekk kif is-softwer qiegħed jidħol f'kollox, kwalitajiet bħall-kredibbiltà, is-sigurtà u l-adattabilità għal ħtiġijiet li qed jevolvu wkoll qegħdin isiru preokkupazzjoni ewlenija. Għaldaqstant qiegħed isir dejjem iktar importanti li dawk is-servizzi u t-teknoloġiji bbażati fuq id-dejta jiżguraw li dawk il-kwalitajiet ikunu garantiti, b’mod proporzjonat, għar-rwol u l-funzjoni li jaqdu dawk it-teknoloġiji. B'mod partikolari, il-kwalità f'termini ta' sigurtà u kredibbiltà qiegħda ssir preokkupazzjoni importanti għal servizzi komposti innovattivi li jiddependu fuq l-interkonnessjoni ta' sistemi diversi f'dominji differenti.

    (28)Huma u japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva, il-fornituri għandhom jużaw standards, speċifikazzjonijiet tekniċi miftuħa, prattiċi tajbin u kodiċijiet ta' kondotta, fosthom fejn jidħol il-format ta' dejta li komunement jintuża għall-irkupru ta' kontenut iġġenerat mill-utent jew kwalunkwe kontenut ieħor ipprovdut mill-konsumatur, kemm jekk stabbilit fil-livell internazzjonali, kemm jekk fil-livell Ewropew, u kemm jekk fil-livell ta' settur industrijali speċifiku. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tikkonsidra li tippromwovi l-iżvilupp ta' standards internazzjonali u Ewropej u t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta mill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u organizzazzjonijiet oħrajn rappreżentattivi li jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva.

    (29)Jiġu fornuti ħafna tipi ta' kontenut diġitali fuq perjodu ta' żmien. Pereżempju, konsumaturi jaċċessaw is-servizzi tal-cloud fuq perjodu ta' żmien. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jkun konformi mal-kuntratt matul id-durata tal-kuntratt kollha kemm hi. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-titjib frekwenti tal-kontenut diġitali, speċjalment bl-aġġornamenti, il-verżjoni ta' kontenut diġitali fornut lill-konsumatur għandha tkun l-iktar waħda riċenti disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    (30)Sabiex jaħdem kif imiss, il-kontenut diġitali jrid jiġi integrat b'mod korrett fl-ambjent ta' ħardwer u softwer tal-konsumatur. Meta n-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt tirriżulta minn integrazzjoni inkorretta, din għandha titqies bħala nuqqas ta' konformità mal-kuntratt tal-kontenut diġitali nnifsu, meta tkun ġiet integrata mill-fornitur jew taħt il-kontroll tiegħu, jew mill-konsumatur li segwa l-istruzzjonijiet tal-fornitur għall-integrazzjoni u l-integrazzjoni inkorretta kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-integrazzjoni rikjesti. F'xenarji bħal dawn, l-oriġini tan-nuqqas ta' konformità jirriżulta mill-isfera tal-fornitur.

    (31)Il-konformità għandha tkopri difetti materjali kif ukoll legali. Id-drittijiet ta' partijiet terzi u difetti legali oħrajn effettivament jistgħu jżommu lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali jew uħud mill-karatteristiċi tiegħu skont il-kuntratt jekk jinkisru dawk id-drittijiet tal-parti terza, u jekk meta l-parti terza kif inhu xieraq tobbliga lill-fornitur sabiex jieqaf jikser dawn id-drittijiet u ma jissoktax joffri l-kontenut diġitali inkwistjoni. Difetti legali huma partikolarment importanti għall-kontenut diġitali, li, min-natura tiegħu, huwa suġġett għal drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali. Għalhekk il-fornitur għandu jkun obbligat jiżgura li l-kontenut diġitali huwa ħieles minn kull dritt ta’ parti terza, pereżempju pretensjoni tad-dritt tal-awtur marbuta mal-kontenut diġitali, li tipprekludi lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali skont il-kuntratt.

    (32)Minħabba n-natura speċifika tal-kontenut diġitali bil-kumplessità għolja tiegħu kif ukoll l-għarfien superjuri tal-fornitur u l-aċċess tiegħu għall-kompetenzi, għall-informazzjoni teknika u għall-assistenza teknika avvanzata, huwa l-fornitur li jinsab f'qagħda aħjar mill-konsumatur li jkun jaf ir-raġunijiet għala l-kontenut diġitali ma jkunx konformi mal-kuntratt. Il-fornitur jinsab ukoll f'qagħda aħjar li jivvaluta jekk in-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt jkunx ġej minn inkompatibbiltà tal-ambjent diġitali tal-konsumatur mar-rekwiżiti tekniċi tal-kontenut diġitali. Għalhekk f'każ ta' tilwima għandu jkun il-fornitur li jġib prova li l-kontenut diġitali huwa konformi mal-kuntratt, sakemm il-fornitur ma jġibx prova li l-ambjent diġitali tal-konsumatur mhuwiex kompatibbli mal-kontenut diġitali. Biss meta l-fornitur jipprova li l-ambjent diġitali tal-konsumatur mhuwiex kompatibbli mal-interoperabbiltà u ma' rekwiżiti tekniċi oħrajn, għandu jkun il-konsumatur li jipprova li l-kontenut diġitali mhuwiex f'konformità mal-kuntratt.

    (33)Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u l-protezzjoni tad-dejta personali tal-konsumatur, il-konsumatur għandu jikkoopera mal-fornitur sabiex jippermetti lill-fornitur jaċċerta l-ambjent diġitali tal-konsumatur bl-użu tal-inqas mezzi intrużivi li jkunu għad-dispożizzjoni taż-żewġ partijiet fiċ-ċirkustanzi. Dan spiss jista' jsir, pereżempju, billi l-fornitur jingħata rapporti dwar l-okkorrenzi ġġenerati awtomatikament u dettalji tal-konnessjoni tal-internet tal-konsumatur. Biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali u debitament iġġustifikati fejn bl-aħjar użu tal-mezzi l-oħrajn kollha ma jkunx hemm mod ieħor possibbli, dan jista' jsir ukoll billi jingħata aċċess virtwali għall-ambjent diġitali tal-konsumatur. Madankollu, meta l-konsumatur ma jikkooperax mal-fornitur, huwa f'idejn il-konsumatur li jġib prova li l-kontenut diġitali mhuwiex konformi mal-kuntratt.

    (34)Il-fornitur għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għan-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt u għal kull nuqqas li jipprovdi l-kontenut diġitali. Barra minn hekk, peress li l-kontenut diġitali jista' jkun fornut fuq perjodu ta' żmien, huwa ġġustifikat li l-fornitur għandu jkun responsabbli għal kull nuqqas ta' konformità li jseħħ matul dak il-perjodu.

    (35)Nuqqas min-naħa tal-fornitur li jforni l-kontenut diġitali lill-konsumatur b'konformità mal-kuntratt huwa ksur serju tal-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-fornitur, li għandu jippermetti lill-konsumatur itemm il-kuntratt immedjatament. Meta l-fornitur inizjalment ma jkunx naqas milli jforni l-kontenut diġitali, interruzzjonijiet tal-provvista li jagħmlu l-kontenut diġitali mhux disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur għal perjodu qasir ta' żmien għandhom jitqiesu bħala nuqqas ta' konformità mal-kuntratt, u mhux bħala falliment tal-provvista. B'mod partikolari, ir-rekwiżit tal-kontinwità xierqa tal-kontenut diġitali għandu jkopri wkoll iktar minn interruzzjonijiet tal-provvista għal ħinijiet qosra negliġibbli.

    (36)Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom bħala l-ewwel pass ikunu intitolati li l-kontenut diġitali tagħhom jinġieb lura għall-konformità mal-kuntratt. Skont il-karatteristiċi tekniċi tal-kontenut diġitali, il-fornitur jista' jagħżel mod speċifiku ta' kif iġib il-kontenut diġitali lura f'konformità mal-kuntratt, pereżempju billi joħroġ aġġornamenti jew billi jirrikjedi mill-konsumatur li jaċċessa kopja ġdida tal-kontenut diġitali. Minħabba d-diversità ta' kontenut diġitali, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti skadenzi fissi għall-eżerċizzju tad-drittijiet jew għall-issodisfar tal-obbligi relatati ma' dak il-kontenut diġitali. Skadenzi bħal dawn jistgħu ma jirriflettux din id-diversità u jew ikunu qosra wisq jew twal wisq, skont il-każ. Għaldaqstant huwa aktar f'postu li wieħed jirreferi għal skadenzi raġonevoli. Il-kontenut diġitali għandu jinġieb f'konformità mal-kuntratt fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda ħlas; b'mod partikolari l-konsumatur m'għandux iġarrab xi spejjeż assoċjati mal-iżvilupp ta' aġġornament għall-kontenut diġitali. Bħala t-tieni pass, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jitraħħaslu l-prezz jew li l-kuntratt jitwaqqaf.

    (37)Id-dritt ta' konsumatur li jwaqqaf il-kuntratt għandu jkun limitat għal dawk il-każijiet meta, pereżempju, ma jkunx possibbli li l-kontenut diġitali jinġieb f'konformità u n-nuqqas ta' konformità jfixkel il-karatteristiċi ewlenin tal-prestazzjoni tal-kontenut diġitali. Meta l-konsumatur iwaqqaf il-kuntratt, il-fornitur għandu jrodd lura l-prezz imħallas mill-konsumatur jew, jekk il-kontenut diġitali ma jkunx fornut bi skambju ma' prezz imma ma' aċċess għal dejta pprovduta mill-konsumatur, il-fornitur għandu jibqa' lura milli jużaha, milli jittrasferixxi dik id-dejta lil partijiet terzi jew milli jħalli partijiet terzi jaċċessawha wara li jkun twaqqaf il-kuntratt. L-issodisfar tal-obbligu li ma jużax id-dejta għandu jfisser fil-każ meta l-kontroprestazzjoni tkun tikkonsisti f’dejta personali, li l-fornitur għandu jieħu l-miżuri kollha sabiex jirrispetta r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta billi jħassarha jew jirrendiha anonima b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx jista’ jiġi identifikat b’ebda mod li jista’ raġonevolment jintuża mill-fornitur jew xi persuna oħra. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ kontrollur skont id-Direttiva 95/46/KE, il-fornitur ma għandux ikun obbligat jieħu passi ulterjuri fir-rigward ta' dejta li l-fornitur ikun ipprovda legalment lil partijiet terzi kemm dam il-kuntratt għall-forniment tal-kontenut diġitali.

    (38)Mat-twaqqif il-fornitur għandu wkoll iżomm lura milli juża l-kontenut iġġenerat mill-konsumatur. Madankollu, f'dawn il-każi fejn iktar minn konsumatur wieħed ikun iġġenera kontenut partikolari, il-fornitur ikun intitolat li jibqa' juża l-kontenut iġġenerat mill-konsumatur fejn dawn il-konsumaturi l-oħrajn jagħmlu użu minnu.

    (39)Sabiex ikun żgurat li l-konsumatur jibbenefika minn protezzjoni effettiva fir-rigward tad-dritt li jwaqqaf il-kuntratt, il-fornitur għandu jħalli lill-konsumatur jirkupra d-dejta kollha mtellgħa mill-konsumatur, prodotta mill-konsumatur bl-użu tal-kontenut diġitali jew iġġenerata permezz tal-użu li jagħmel il-konsumatur mill-kontenut diġitali. Dan l-obbligu għandu jkun estiż għal dejta li l-fornitur ikun obbligat li jżomm bil-kuntratt għall-forniment ta' kontenut diġitali kif ukoll għal dejta li l-fornitur ikun effettivament żamm f'relazzjoni mal-kuntratt.

    (40)Meta, wara li jitwaqqaf il-kuntratt minħabba nuqqas ta' konformità mal-kuntratt, il-fornitur jipprovdi lill-konsumatur bil-mezzi tekniċi sabiex jirkupra d-dejta, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jirkupra d-dejta mingħajr ebda spejjeż, pereżempju bħall-ispiża sabiex jitħaddem format ta' dejta użat komunement bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż iġġenerati mill-ambjent diġitali tiegħu stess fosthom l-ispejjeż ta' konnessjoni man-netwerk peress li mhumiex marbutin b’mod speċifiku mas-sejbien tad-dejta.

    (41)Meta l-kontenut diġitali jiġi terminat, il-konsumatur ma għandux jintalab iħallas għall-użu tal-kontenut diġitali li ma jkunx konformi mal-kuntratt għaliex dan ikun qiegħed iċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni effettiva.

    (42)Meta titqies il-ħtieġa li jinħoloq bilanċ bejn l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-fornituri, meta l-kontenut diġitali fornut fuq perjodu ta' żmien bil-ħlas ta’ prezz jagħti lok għad-dritt ta' waqfien, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jwaqqaf biss il-parti tal-kuntratt li tikkorrispondi għaż-żmien li fih il-kontenut diġitali ma kienx f'konformità mal-kuntratt. Madankollu, meta l-kontenut diġitali jkun fornut għal eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus, waqfien parzjali ma jkunx fattibbli minħabba li huwa impossibbli li taqsam b'mod proporzjonat eżekuzzjoni-korrispettiva li mhijiex flus.

    (43)Minħabba n-natura tiegħu, il-kontenut diġitali mhuwiex soġġett għat-tkagħbir bl-użu waqt li jkun qiegħed jintuża u spiss ikun fornut fuq perjodu ta' żmien aktar milli bħala forniment ta' darba. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li ma jiġix previst perjodu li matulu l-fornitur għandu jinżamm responsabbli għal kull nuqqas ta' konformità li jeżisti fiż-żmien tal-forniment tal-kontenut diġitali. Konsegwentament l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jżommu jew jintroduċu perjodu bħal dan. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jibbażaw fuq regoli nazzjonali ta' preskrizzjoni sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali fir-rigward ta' pretensjonijiet abbażi ta' nuqqas ta' konformità ta' kontenut diġitali.

    (44)Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-fornitur għad-danni huwa element essenzjali tal-kuntratti għall-forniment ta' kontenut diġitali. Għalhekk, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kontenut diġitali, dan il-prinċipju għandu jiġi rregolat fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi ma jsofrux detriment jekk il-ħardwer jew is-softwer tagħhom iġarrbu ħsara b'kontenut diġitali li ma jkunx konformi mal-kuntratt. Għaldaqstant, il-konsumaturi għandhom ikunu intitolati għal kumpens għal danni kkawżati lill-ambjent diġitali tal-konsumatur bin-nuqqas ta' konformità tal-kuntratt jew b'falliment tal-provvista tal-kontenut diġitali. Madankollu, għandu jitħalla f'idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għad-danni filwaqt li jitqies il-fatt li t-traħħis fil-prezzijiet għal provvisti ta' kontenut diġitali fil-futur, speċjalment meta offruti minn fornituri bħala kumpens għal telf, neċessarjament iqegħdux lill-konsumatur qrib kemm jista' jkun tal-pożizzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha kieku l-kontenut diġitali kien fornut kif dovut u kien konformi mal-kuntratt.

    (45)Minħabba raġunijiet teknoloġiċi u oħrajn, il-fornitur jista' jiġi obbligat li jbiddel il-karatteristiċi tal-kontenut diġitali fornut fuq perjodu ta' żmien. Dawn il-bidliet spiss ikunu ta' vantaġġ għall-konsumatur billi jtejbu l-kontenut diġitali. Konsegwentament, il-partijiet kontraenti jistgħu jinkludu klawżoli rispettivi fil-kuntratt li jippermettu lill-fornitur li jagħmel modifiki. Madankollu, meta modifiki bħal dawn jolqtu negattivament il-mod kif il-konsumatur jibbenefika minn karatteristiċi ewlenin tal-prestazzjoni tal-kontenut diġitali, dawn jistgħu jgerfxu l-bilanċ tal-kuntratt jew in-natura tal-prestazzjoni dovuta taħt il-kuntratt sal-punt li l-konsumatur kieku forsi ma kienx jasal jikkonkludi kuntratt hekk. Għalhekk, f'każijiet bħal dawn, dawn il-modifiki għandhom ikunu soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

    (46)Il-kompetizzjoni hija element importanti għal Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona tajjeb. Sabiex tiġi stimulata kompetizzjoni bħal din, il-konsumaturi għandhom jingħataw il-kapaċità li jwieġbu għal offerti kompetittivi u li jbiddlu l-fornituri. Sabiex dan jitħaddem fil-prattika, huma għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jkunu mfixklin minn ostakoli legali, tekniċi jew prattiċi, inklużi kundizzjonijiet kuntrattwali jew nuqqas ta' mezzi għall-irkupru tad-dejta kollha mtellgħa mill-konsumatur, prodotta mill-konsumatur bl-użu tal-kontenut diġitali jew iġġenerata permezz tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-kontenut diġitali. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġu protetti l-investimenti eżistenti u l-fiduċja f'kuntratti konklużi. Għalhekk il-konsumaturi għandhom jingħataw id-dritt li jwaqqfu kuntratti fit-tul taħt ċerti kundizzjonijiet bilanċjati. Dan ma jipprekludix li jistgħu jiġu konklużi kuntratti minn konsumaturi għal perjodi kuntrattwali itwal. Madankollu, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jwaqqaf kull relazzjoni kuntrattwali li b'kollox iddum għal perjodu itwal minn 12-il xahar. Sabiex tiġi evitata kull ċirkomvenzjoni ta' dan id-dritt, għandu jkopri kull kuntratt li jwassal biex il-konsumatur jintrabat għal iktar minn 12-il xahar, irrispettivament minn jekk il-kuntratt huwiex ta' tul indeterminat jew jiġix estiż awtomatikament jew wara ftehim sussegwenti bejn il-partijiet.

    (47)In-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt fil-kontenut diġitali finali kif fornut lill-konsumatur spiss ikun dovut għal waħda mit-tranżazzjonijiet f'sensiela, minn min oriġinarjament fassalhom sal-fornitur finali. Filwaqt li l-fornitur finali għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt bejn dawn iż-żewġ partijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-fornitur ikollu drittijiet xierqa vis-à-vis membri differenti fis-sensiela ta' tranżazzjonijiet sabiex ikun jista' jkopri r-responsabbiltà tiegħu lejn il-konsumatur. Madankollu, għandu jitħalla f'idejn il-liġi nazzjonali applikabbli sabiex tidentifika l-membri tas-sensiliet ta' tranżazzjonijiet li l-fornitur finali jista' jeħodha magħhom u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' azzjonijiet bħal dawn.

    (48)Persuni jew organizzazzjonijiet meqjusin mil-liġi nazzjonali li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tad-drittijiet kuntrattwali tal-konsumaturi ma għandhomx jingħataw id-dritt li jiftħu proċedimenti, la quddiem qorti u lanqas quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti li tiddeċiedi fuq ilmenti jew li tiftaħ il-proċedimenti legali xierqa.

    (49)Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi privata internazzjonali, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 u r-Regolament (KE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 34

    (50)Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 għandha tiġi emendata sabiex tirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’rabta ma’ mezz durabbli li jinkorpora kontenut diġitali fejn ikun intuża b’mod esklussiv bħala trasportatur tal-kontenut diġitali lill-konsumatur.

    (51)Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għal din id-Direttiva fl-Anness tiegħu sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-infurzar ta' din id-Direttiva.

    (52)Id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 għandha tiġi emendata sabiex tinkludi referenza għal din id-Direttiva fl-Anness tagħha sabiex tiżgura li l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu mħarsa.

    (53)B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni 38 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata.

    (54)Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tittratta b'mod konsistenti ostakoli relatati mal-liġi tal-kuntratti għall-forniment ta' kontenut diġitali waqt li tipprevjeni l-frammentazzjoni legali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma pjuttost jistgħu, sabiex jiżguraw il-koerenza kumplessiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali permezz ta’ regoli armonizzati tal-liġi tal-kuntratti li jiffaċilitaw l-azzjonijiet koordinati ta’ infurzar ukoll, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (55)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u speċifikament l-Artikoli 16, 38 u 47 tagħha.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-forniment ta' kontenut diġitali lill-konsumaturi, b'mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt, rimedji f'każ ta' nuqqas ta' tali konformità u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dawk ir-rimedji, kif ukoll dwar il-modifikazzjoni u t-terminazzjoni ta' kuntratti bħal dawn.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1."kontenut diġitali" tfisser

    (a)dejta li tiġi prodotta u fornuta f'forma diġitali, pereżempju vidjow, awdjo, applikazzjonijiet, logħob diġitali u kull softwer ieħor,

    (b)servizz li jippermetti l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta' dejta f'forma diġitali, meta t-tali dejta tkun ipprovduta mill-konsumatur, u

    (c)servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta' dejta f’format diġitali pprovduta minn utenti oħra tas-servizz u kull interazzjoni oħra magħha;

    2."integrazzjoni" tfisser l-irbit flimkien tal-komponenti differenti ta' ambjent diġitali sabiex jaġixxu bħala unità koordinata f'konformità mal-għan intenzjonat tagħha;

    3."fornitur" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, indipendentement minn jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li taġixxi, inkluż permezz ta' persuna oħra li taġixxi f'isimha jew għan-nom tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

    4."konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva qed taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa, mill-professjoni ta’ dik il-persuna;

    5."danni" tfisser somma flus li konsumaturi jistgħu jkunu intitolati għaliha bħala kumpens għal ħsara ekonomika lill-ambjent diġitali tagħhom;

    6."prezz" tfisser il-flus dovuti bi skambju għal kontenut diġitali fornut;

    7."kuntratt" tfisser ftehim intenzjonat li jwassal għal obbligi u għal effetti legali oħra;

    8."ambjent diġitali" tfisser ħardwer, kontenut diġitali u kull konnessjoni tan-netwerk sal-punt li dawn jinsabu taħt il-kontroll tal-utent;

    9."interoperabbiltà" tfisser l-abbiltà tal-kontenut diġitali li jwettaq il-funzjonalitajiet kollha tiegħu f'interazzjoni ma' ambjent diġitali konkret;

    10."forniment" tfisser tipprovdi aċċess għal kontenut diġitali jew tagħmlu disponibbli;

    11."mezz durabbli" tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew lill-fornitur li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lil dik il-persuna b'mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta' żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.Din id-Direttiva tapplika għal kull kuntratt li fih il-fornitur jissupplixxi kontenut diġitali lill-konsumatur jew jintrabat li jagħmel dan u, bi skambju, jitħallas prezz jew il-konsumatur attivament jipprovdi eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus fil-forma ta' dejta personali jew kwalunkwe dejta oħra.

    2.Din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt għall-provvista ta’ prodott diġitali żviluppat skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.

    3.Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 11, din id-Direttiva tapplika għal kull mezz durabbli li jinkorpora kontenut diġitali fejn il-mezz durabbli ntuża b’mod esklussiv bħala trasportatur tal-kontenut diġitali.

    4.Din id-Direttiva ma tapplikax għal kontenut diġitali fornut għal eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus sal-punt li l-fornitur jitlob lill-konsumatur jipprovdi dejta personali li l-ipproċessar tagħha jkun strettament meħtieġ għall-prestazzjoni tal-kuntratt jew għall-ilħuq tar-rekwiżiti legali u l-fornitur ma jipproċessahomx iktar b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dan il-għan. Lanqas ma għandha tkun tapplika għal xi dejta oħra li l-fornitur jitlob mingħand il-konsumatur sabiex jipprovdiha għall-fini li jiżgura li l-kontenut diġitali jkun konformi mal-kuntratt jew li jkun jissodisfa r-rekwiżiti legali, u l-fornitur ma jużax din id-dejta għal skopijiet kummerċjali.

    5.Din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti li jirrigwardaw:

    (a)servizzi mwettqin b'element predominanti ta’ interventi mill-bniedem mill-fornitur fejn il-format diġitali jintuża primarjament bħala trasportatur;

    (b)servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/21/KE;

    (c)il-kura tas-saħħa kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/24/UE;

    (d)servizzi tal-azzard li jfissru servizzi, li jinvolvu mħatri għal flus f'logħob ta’ fortuna, inklużi dawk b’element ta’ ħila, bħal-lotteriji, logħob tal-azzard fil-każinos, logħob tal-poker u mħatri, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ benefiċjarju ta’ servizz;

    (e)servizzi finanzjarji.

    6.Meta kuntratt jinkludi elementi minbarra l-forniment ta' kontenut diġitali, din id-Direttiva tapplika biss għall-obbligi u r-rimedji tal-partijiet bħala fornitur u konsumatur tal-kontenut diġitali.

    7.Jekk xi dispożizzjoni ta' din id-Direttiva tmur kontra dispożizzjoni ta' att ieħor tal-Unjoni li jirregola settur jew suġġett speċifiku, id-dispożizzjoni ta' dak l-att l-ieħor tal-Unjoni tieħu preċedenza fuq din id-Direttiva.

    8.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali.

    9.Sakemm mhuwiex irregolat f’din id-Direttiva, din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet ġenerali nazzjonali dwar il-kuntratti bħalma huma regoli dwar il-formazzjoni, il-validità jew l-effetti ta' kuntratti, fosthom il-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta' kuntratt.

    Artikolu 4

    Livell ta’ armonizzazzjoni

    L-Istati Membri ma jistgħux jippreservaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f'din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta' protezzjoni tal-konsumatur.

    Artikolu 5

    Forniment ta' kontenut diġitali

    1.Meta jeżerċita l-kuntratt għall-provvista tal-kontenut diġitali, il-fornitur iforni kontenut diġitali lil

    (a)il-konsumatur; jew

    (b)il-parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali li tagħmel il-kontenut diġitali disponibbli għall-konsumatur jew li tippermetti lill-konsumatur jaċċessah u li ġiet magħżula mill-konsumatur sabiex tirċievi l-kontenut digitali.

    2.Il-fornitur iforni l-kontenut diġitali immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Il-forniment jitqies li seħħ meta l-kontenut diġitali jkun fornut lill-konsumatur jew, meta jkun japplika l-punt (b) tal-paragrafu 1, lill-parti terza magħżula mill-konsumatur, skont liema jiġi l-ewwel.

    Artikolu 6

    Konformità tal-kontenut diġitali mal-kuntratt

    1.Sabiex ikun konformi mal-kuntratt, il-kontenut diġitali, fejn ikun rilevanti:

    (a)ikun tal-kwantità, kwalità, durata u verżjoni u jippossedi l-funzjonalità, l-interoperabbiltà u karatteristiċi oħrajn ta' prestazzjoni bħalma huma l-aċċessibbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà, kif rikjest bil-kuntratt inkluż f'xi informazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti integrali mill-kuntratt;

    (b)ikun tajjeb għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġu l-konsumatur u li l-konsumatur għarraf lill-bejjiegħ dwaru fil-ħin meta ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ aċċetta;

    (c)ikun fornut flimkien ma' kwalunkwe struzzjonijiet u assistenza tal-klijent kif stipulatimill-kuntratt; u

    (d)jkun aġġornat kif stipulat mill-kuntratt.

    2.Sa fejn il-kuntratt ma jkunx jistipula, fejn rilevanti, b'mod ċar u komprensiv, ir-rekwiżiti għall-kontenut diġitali taħt il-paragrafu 1, il-kontenut diġitali jkun adattat għall-għanijiet li għalihom kontenut diġitali tal-istess deskrizzjoni normalment jintuża fosthom l-funzjonalità, l-interoperabbiltà u kull karatteristika oħra ta' prestazzjoni tiegħu, bħall-aċċessibbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà, waqt li jitqies:

    (a)jekk il-kontenut diġitali huwiex fornut bi skambju ma' prezz jew xi eżekuzzjoni korrispettiva li mhjiex flus;

    (b)fejn rilevanti, kwalunkwe standards tekniċi internazzjonali eżistenti jew, fl-assenza ta' standards tekniċi bħal dawn, kodiċijiet ta' kondotta u prattiċi tajbin applikabbli tal-industrija; u

    (c)kwalunkwe stqarrija pubblika magħmula mill-fornitur jew għan-nom tiegħu jew minn persuni oħrajn f'ħoloq preċedenti tal-katina ta' tranżazzjonijiet sakemm il-fornitur ma jurix li

    (i)ma kienx, u ma setax ikun, jaf bid-dikjarazzjoni inkwistjoni;

    (ii)    sakemm ġie konkluż il-kuntratt l-istqarrija ġiet korretta;

    (iii)    id-deċiżjoni li jiġi akkwistat kontenut diġitali ma setgħetx kienet influwenzata mill-istqarrija.

    3.Fejn il-kuntratt jistipula li l-kontenut diġitali jkun fornut fuq perjodu ta' żmien, il-kontenut diġitali għandu jkun konformi mal-kuntratt matul id-durata kollha ta' dak il-perjodu.

    4.Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-kontenut diġitali jkun fornit b’mod konformi mal-aktar verżjoni riċenti tal-kontenut diġitali li tkun disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    5.Sabiex ikun konformi mal-kuntratt il-kontenut diġitali għadu wkoll jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 7 u 8.

    Artikolu 7

    Integrazzjoni tal-kontenut diġitali

    Fejn il-kontenut diġitali jiġi integrat b’mod inkorrett fl-ambjent diġitali tal-konsumatur, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li tirriżulta mill-integrazzjoni inkorretta jitqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali jekk:

    (a)il-kontenut diġitali kien integrat mill-fornitur jew taħt ir-responsabbiltà tal-fornitur; jew

    (b)il-kontenut diġitali kien maħsub li jkun integrat mill-konsumatur u l-integrazzjoni inkorretta kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-integrazzjoni fejn dawk l-istruzzjonijiet ikunu ġew forniti skont il-punt (c) tal-Artikolu 6(1) jew misshom ġew forniti skont l-Artikolu 6(2).

    Artikolu 8

    Id-drittijiet ta’ parti terza

    1.Fl-istess ħin li l-kontenut diġitali jiġi fornut lill-konsumatur, il-kontenut diġitali jkun ħieles minn kull dritt ta' parti terza, fosthom abbażi ta' proprjetà intellettwali, sabiex il-kontenut diġitali jkun jista' jintuża b'konformità mal-kuntratt.

    2.Fejn il-kontenut diġitali jkun fornut fuq perjodu ta' żmien, il-fornitur, għat-tul kollu ta' dak il-perjodu, iżomm il-kontenut diġitali fornit lill-konsumatur ħieles minn kull dritt ta’ parti terza, fosthom dak ibbażat fuq il-proprjetà intellettwali, sabiex il-kontenut diġitali jkun jista’ jintuża skont il-kuntratt.

    Artikolu 9

    L-oneru tal-provi

    1.L-oneru tal-provi fir-rigward tal-konformità mal-kuntratt fiż-żmien indikat fl-Artikolu 10 jkun fuq il-fornitur.

    2.Il-paragrafu 1 ma japplikax meta l-fornitur ma jurix li l-ambjent diġitali tal-konsumatur mhuwiex kompatibbli mal-interoperabbiltà u rekwiżiti tekniċi oħra tal-kontenut diġitali u meta l-fornitur ikun għarraf lill-konsumatur dwar it-tali rekwiżiti qabel ma ġie konkluż il-kuntratt.

    3.Il-konsumatur jikkoopera mal-fornitur sakemm ikun possibbli u neċessarju sabiex ikun iddeterminat l-ambjent diġitali tal-konsumatur. L-obbligu li jikkoopera jkun limitat għall-mezzi tekniċi disponibbli li jkunu l-inqas intrużivi għall-konsumatur. Meta l-konsumatur jonqos li jikkoopera, l-oneru tal-provi fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt ikun fuq il-konsumatur.

    Artikolu 10

    Ir-responsabbiltà tal-fornitur

    Il-fornitur ikun responsabbli lejn il-konsumatur għal:

    (a)kull nuqqas li jforni l-kontenut diġitali;

    (b)kull nuqqas ta' konformità eżistenti fiż-żmien meta l-kontenut diġitali jiġi fornut u

    (c)fejn il-kuntratt jipprevedi li l-kontenut diġitali jkun fornut fuq perjodu ta' żmien, kull nuqqas ta' konformità li jseħħ matul dak il-perjodu.

    Artikolu 11

    Ir-rimedju għan-nuqqas ta' forniment

    Meta l-fornitur ikun naqas li jforni l-kontenut diġitali skont l-Artikolu 5, il-konsumatur ikun intitolat li jittermina l-kuntratt immedjatament taħt l-Artikolu 13.

    Artikolu 12

    Ir-rimedji għan-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt

    1.Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt, il-konsumatur ikun intitolat li jkollu l-kontenut diġitali miġjub f'konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, sakemm dan ikun impossibbli, sproporzjonat jew illegali.

    It-tqegħid tal-kontenut diġitali f'konformità mal-kuntratt għandu jitqies sproporzjonat meta l-ispejjeż li jimponi fuq il-fornitur ma jkunux raġjonevoli. Dawn li ġejjin jitqiesu meta jiġi ddikjarat jekk l-ispejjeż humiex raġonevoli jew le:

    (a)il-valur li jkollu l-kontenut diġitali kieku ma kien f’konformità mal-kuntratt; u

    (b)kemm kien sinifikanti n-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt biex jintlaħaq l-għan li għalih il-kontenut diġitali tal-istess deskrizzjoni normalment jintuża.

    2.Il-fornitur iġib il-kontenut diġitali f'konformità mal-kuntratt skont il-paragrafu 1 fi żmien raġjonevoli miż-żmien meta l-fornitur ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt u mingħajr xi inkonvenjenza sinifikanti għall-konsumatur, b'kont meħud tan-natura tal-kontenut diġitali u l-għan li għalih il-konsumatur kien jeħtieġ dan il-kontenut diġitali.

    3.Il-konsumatur ikun intitolat jew għal tnaqqis proporzjonat tal-prezz bil-manjiera stabbilita fil-paragrafu 4 meta l-kontenut diġitali jkun fornut bi skambju ma' pagament ta' prezz, jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt taħt il-paragrafu 5 u l-Artikolu 13, fejn

    (a)ir-rimedju sabiex il-kontenut diġitali jinġieb f'konformità jkun impossibbli, sproporzjonat jew b’mod illegali;

    (b)il-fornitur ma jkunx lesta r-rimedju fiż-żmien speċifikat fil-paragrafu 2;

    (c)ir-rimedju li l-kontenut diġitali jinġieb f'konformità ikun se joħloq inkonvenjenza sinifikanti lill-konsumatur; jew

    (d)il-fornitur ikun stqarr, jew ikun jidher ċar xorta waħda miċ-ċirkostanzi, li l-fornitur ma jkunx se jġib il-kontenut diġitali f'konformità mal-kuntratt.

    4.It-tnaqqis fil-prezz ikun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur tal-kontenut diġitali li ġie riċevut mill-konsumatur meta mqabbel mal-valur tal-kontenut diġitali li jkun f'konformità mal-kuntratt.

    5.Il-konsumatur jista' jittermina l-kuntratt biss jekk in-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt ifixkel il-funzjonalità, l-interoperabbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn ta' prestazzjoni tal-kontenut diġitali bħalma huma l-aċċessibbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà tiegħu meta rikjest fl-Artiklu 6 il-paragrafi (1) u (2). L-oneru tal-provi li n-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt ma jfixkilx il-funzjonalità, l-interoperabbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn ta' prestazzjoni tal-kontenut diġitali jkun fuq il-fornitur.

    Artikolu 13

    Terminazzjoni

    1.Il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt permezz ta' avviż lill-fornitur mogħti b'kull mezz.

    2.Meta l-konsumatur jittermina l-kuntratt:

    (a)il-fornitur irodd lura lill-konsumatur il-prezz imħallas mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn meta rċieva l-avviż;

    (b)il-fornitur jieħu l-miżuri kollha mistennija sabiex joqgħod lura mill-użu tal-eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus li l-konsumatur ikun ipprovda bi skambju għall-kontenut diġitali u kull dejta oħra miġbura mill-fornitur f'relazzjoni mal-forniment tal-kontenut diġitali fosthom kull kontenut ipprovdut mill-konsumatur bl-eċċezzjoni tal-kontenut li jkun ġie ġġenerat b’mod konġunt mill-konsumatur u oħrajn li jibqgħu jużaw il-kontenut;

    (c)il-fornitur jipprovdi lill-konsumatur mezzi tekniċi sabiex jirkupra l-kontenut kollu pprovdut mill-konsumatur u kull dejta oħra prodotta jew iġġenerata permezz tal-użu tal-kontenut diġitali mill-konsumatur sal-punt li dik id-dejta tkun inżammet mill-fornitur. Il-konsumatur ikun intitolat li jirkupra l-kontenut mingħajr ħlas, mingħajr inkonvenjenzi sinifikanti, fi żmien raġonevoli u f'format ta' dejta użat komunement;

    (d)fejn il-kontenut diġitali ma kienx fornut fuq mezz durabbli, il-konsumatur joqgħod lura milli juża l-kontenut diġitali jew jagħmilha disponibbli għal partijiet terzi, b'mod partikolari billi jħassar il-kontenut diġitali jew inkella jrendih mhux intelliġibbli;

    (e)fejn il-kontenut diġitali kien fornut fuq mezz durabbli, il-konsumatur:

    (i)b'talba tal-fornitur, jirritorna, bi spejjeż tal-fornitur, il-mezz durabbli lill-fornitur mingħajr dewmien żejjed, u f'kullkaż mhux aktar tard minn 14-il jum minn meta rċieva t-talba tal-fornitur, u

    (ii)iħassar kull kopja użabbli tal-kontenut diġitali, irendih mhux intelliġibbli jew inkella jibqa' lura milli jużah jew jagħmlu disponibbli għal partijiet terzi.

    3.Mat-terminazzjoni, il-fornitur jista' jipprevjeni kull użu ulterjuri tal-kontenut diġitali mill-konsumatur, b'mod partikolari billi jagħmel il-kontenut diġitali mhux aċċessibbli għall-konsumatur jew billi jneħħilu l-awtorizzazzjoni tal-kont tal-utent, mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-paragrafu 2.

    4.Il-konsumatur ma jikunx responsabbli sabiex iħallas għal xi użu li jsir mill-kontenut diġitali matul il-perjodu ta’ qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt.

    5.Meta l-kontenut diġitali jkun ġie fornut wara li jitħallas prezz u matul il-perjodu ta' żmien stipulat fil-kuntratt, il-konsumatur jista' jittermina l-kuntratt biss f'relazzjoni għal dik il-parti tal-perjodu ta' żmien meta l-kontenut diġitali ma kienx f'konformità mal-kuntratt.

    6.Fejn il-konsumatur jittermina parti mill-kuntratt b'konformità mal-paragrafu 5, japplika l-paragrafu 2, bl-eċċezzjoni tal-punt (b) fir-rigward tal-perjodu li matulu l-kontenut diġitali kien konformi mal-kuntratt. Il-fornitur irodd lura lill-konsumatur il-parti mill-prezz imħallas li tikkorrispondi mal-perjodu ta' żmien meta l-kontenut diġitali ma kienx f'konformità mal-kuntratt.

    Artikolu 14

    Id-dritt għad-danni

    1.Il-fornitur ikun responsabbli lejn il-konsumatur għal kull dannu ekonomiku lill-ambjent diġitali tal-konsumatur ikkawżat minn nuqqas ta' konformità mal-kuntratt jew minn nuqqas ta' forniment tal-kontenut diġitali. Id-danni jqiegħdu lill-konsumatur qrib kemm possibbli tal-pożizzjoni li fiha kien ikun il-konsumatur kieku l-kontenut diġitali ġie fornut kif xieraq u kien f'konformità mal-kuntratt.

    2.L-Istati Membri jistabbilixxu regoli dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għad-danni.

    Artikolu 15

    Modifika tal-kontenut diġitali

    1.Meta l-kuntratt jipprevedi li l-kontenut diġitali jkun fornut matul il-perjodu ta' żmien stipulat fil-kuntratt, il-fornitur jista' jbiddel il-funzjonalità, l-interoperabbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn ta' prestazzjoni bħalma huma l-aċċessibbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà, sal-punt li dawn l-alterazzjonijiet jaffettwaw negattivament l-aċċess għal jew l-użu tal-kontenut diġitali mill-konsumatur, biss jekk:

    (a)il-kuntratt jistipula hekk;

    (b)il-konsumatur jiġi nnotifikat minn qabel fi żmien raġonevoli dwar il-modifika b'avviż espliċitu fuq mezz durabbli;

    (c)il-konsumatur jitħalla jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas imposti f'mhux inqas minn 30 jum minn meta jirċievi l-avviż; u

    (d)mat-terminazzjoni tal-kuntratt b'konformità mal-punt (c), il-konsumatur jiġi pprovdut b'mezzi tekniċi sabiex jirkupra l-kontenut kollu fornut b'konformità mal-Artikolu 13(2)(c).

    2.Meta l-konsumatur jittermina l-kuntratt b'konformità mal-paragrafu 1, fejn relevanti,

    (a)il-fornitur irodd lura lill-konsumatur il-parti tal-prezz imħallsa korrispondenti għall-perjodu ta’ żmien wara l-modifikazzjoni tal-kontenut diġitali;

    (b)il-fornitur joqgħod lura mill-użu ta' eżekuzzjoni korrispettiva li mhijiex flus li l-konsumatur ikun ipprovda bi skambju mal-kontenut diġitali u kull dejta oħra miġbura mill-fornitur f'relazzjoni mal-forniment tal-kontenut diġitali, inkluż kwalunkwe kontenut ipprovdut mill-konsumatur.

    Artikolu 16

    Id-dritt ta' terminazzjoni ta' kuntratti fit-tul

    1.Meta l-kuntratt jipprevedi għall-forniment ta' kontenut diġitali għal perjodu ta' żmien indeterminat jew fejn it-tul tal-kuntratt inizjali jew ta' kwalunkwe kombinazzjoni ta' perjodi ta' tiġdid jeċċedi t-12-il xahar, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe żmien wara li jiskadi l-perjodu tal-ewwel 12-il xahar.

    2.Il-konsumatur għandu jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt permezz ta' avviż lill-fornitur mogħti bi kwalunkwe mezz. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva 14-il jum wara li jkun riċevut l-avviż.

    3.Meta l-kontenut diġitali jiġi fornut bi skambju għall-ħlas ta' prezz, il-konsumatur jibqa' responsabbli li jħallas il-parti tal-prezz tal-kontenut diġitali fornut li jikkorrispondi għall-perjodu ta' żmien qabel ma t-terminu sar effettiv.

    4.Meta l-konsumatur jittermina l-kuntratt b'konformità ma' dan l-Artikolu:

    (a)il-fornitur għandu jieħu l-miżuri kollha li jistgħu jkunu mistennija sabiex iżomm lura mill-użu tal-eżekuzzjoni korrispettiva li mhix flus li l-konsumatur ikun ipprovda bi skambju għall-kontenut diġitali u kull dejta oħra miġbura mill-fornitur f'relazzjoni mal-forniment tal-kontenut diġitali inkluż kull kontenut ipprovdut mill-konsumatur;

    (b)il-fornitur għandu jipprovdi mezzi tekniċi lill-konsumatur sabiex jirkupra l-kontenut kollu pprovdut mill-konsumatur u kull dejta oħra prodotta jew iġġenerata permezz tal-użu tal-kontenut diġitali mill-konsumatur sal-punt li din id-dejta tkun inżammet mill-fornitur. Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jirkupra l-kontenut mingħajr inkonvenjenza sinifikanti, fi żmien raġjonevoli u f'format ta' dejta użat komunement; u

    (c)fejn ikun applikabbli, il-konsumatur għandu jħassar kull kopja użabbli tal-kontenut diġitali, irendih mhux intelliġibbli jew inkella joqgħod lura milli jużah, inkluż billi jagħmlu disponibbli għal parti terza.

    5.Mat-terminazzjoni, il-fornitur jista' jipprevjeni kull użu ulterjuri tal-kontenut diġitali mill-konsumatur, b'mod partikolari billi jagħmel il-kontenut diġitali mhux aċċessibbli għall-konsumatur jew billi jneħħilu l-awtorizzazzjoni tal-kont tal-utent, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 il-punt (b).

    Artikolu 17

    Id-dritt ta’ rimedju

    Meta l-fornitur ikun responsabbli lejn il-konsumatur minħabba xi nuqqas li jforni l-kontenut diġitali jew nuqqas ta' konformità mal-kuntratt li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn persuna fi stadji aktar bikrin tas-sensiela ta' tranżazzjonijiet, il-fornitur għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra l-persuna jew persuni responsabbli fis-sensielata’ tranżazzjonijiet. Il-persuna kontra min il-fornitur jista' jfittex rimedji u l-azzonijiet rilevanti u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, għandhom ikunu ddeterminati skont il-liġi nazzjonali.

    Artikolu 18

    Infurzar

    1.L-Istati Membri jaraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.

    2.Il-mezzi msemmijin fil-paragrafu 1 jinkludu dispożizzjonijiet li bihom wieħed jew iktar mill-korpi li ġejjin, kif stabbiliti mil-liġi nazzjonali, jistgħu jieħdu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabix jaraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva:

    (a)korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

    (b)organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jkollhom interess leġittimu fil-ħarsien tal-konsumatur;

    (c)organizzazzjonijiet professjonali b’interess leġittimu fit-teħid ta’ azzjoni.

    Artikolu 19

    Natura mandatorja

    Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva, kull terminu kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom jew ivarjahom qabel ma n-nuqqas ta' konformità mal-kuntratt jinġieb għall-attenzjoni tal-fornitur mill-konsumatur, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.

    Artikolu 20

    Emendi għad-Direttiva 1999/44/KE, ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2009/22/KE

    1.Fl-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva 1999/44/KE, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "(b) oġġetti tal-konsum: għandhom ifissru kull oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni ta':

    prodotti mibjugħa permezz ta' eżekuzzjoni jew b'mod ieħor bl-awtorità tal-liġi,

    ilma u gass fejn mhumiex għall-bejgħ f'volum limitat jew fi kwantità fissa,

    l-elettriku,

    mezz durabbli li jinkorpora fih kontenut diġitali fejn ikun intuża b’mod esklussiv bħala trasportatur tal-kontenut diġitali lill-konsumatur kif imsemmi fid-Direttiva (UE) N/XXX 39 ."

    2. Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, għandu jiżdied il-punt li ġej:

    "21. Id-Direttiva (UE) N/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-XX/XX/201X dwar kuntratti għall-forniment ta' kontenut diġitali (ĠU...) "

    3.Fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22/KE, jiżdied il-punt li ġej:

    "16.    Direttiva (UE) N/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-XX/XX/201X dwar kuntratti għall-forniment ta' kontenut diġitali (ĠU...)"

    Artikolu 21

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn (id-dejta ta’ sentejn wara d-dħul fis-seħħ).

    2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif issir it-tali referenza.

    3.L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 22

    Rieżami

    Il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn (id-dejta ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ) tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jeżamina, fost l-oħrajn, il-każ għall-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali fl-isfond tal-kontroprestazzjoni għajr dak kopert minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fornit bi tpartit mar-reklamar jew il-ġbir indirett ta’ dejta.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 24

    L-indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) COM (2015) 192 finali http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market/
    (2) Flash Eurobarometer 396 "Retailers' attitudes towards cross-border trade and consumer protection", 2015.
    (3) Flash Eurobarometer 396 "Retailers' attitudes towards cross-border trade and consumer protection", 2015.
    (4) Sondaġġ tal-Eurostat dwar l-użu tal-ICT fid-djar u minn individwi (2014).
    (5) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64
    (6) Ara, b’mod partikolari, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kuntratti ta’ “Cloud Computing” – Informazzjoni dettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Esperti u l-minuti tal-laqgħat disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/contract/cloud-computing/expert-group/index_en.htm . 
    (7) ĠU L 095, 21.04.1993 p. 29. 
    (8) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
    (9) Spjegazzjoni dettaljata tar-regola tal-UE dwar il-liġi u l-ġuriżdizzjoni applikabbli fis-Suq Uniku Diġitali tista’ tinstab fl-Anness 7 għad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jinkludi l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposti għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti, li temenda l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, SWD (2015) 275.
    (10) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
    (11) ĠU L 177, 4.07.2008, p. 6.
    (12) Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi), ĠU L 165, 18.06.2013, p.1.
    (13) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
    (14) Din id-Direttiva ser temenda r-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-ħarsien tal-konsumaturi sabiex tiżdied referenza ta’ din id-Direttiva fl-Anness ta’ dak ir-Regolament bil-għan li jkunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet ikkoordinati ta’ infurzar mill-awtoritajiet għall-Ħarsien tal-Konsumaturi fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
    (15) ĠU L 281, 23/11/1995, p. 31 - 50) (li għandu jiġi sostitwit mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data] u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).
    (16) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37–47.
    (17) Studju Komparattiv dwar il-kuntratti ta’ “cloud computing” (2014) DLA Piper, p.33 u seq.; Analiżi tal-oqfsa legali applikabbli u suġġerimenti għall-profili ta’ sistema mudell ta’ ħarsien tal-konsumaturi fir-rigward tal-kuntratti għal kontenut diġitali; l-Università ta’ Amsterdam: Iċ-Ċentru għall-Istudju tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea (CSECL); L-Istitut għal-Liġi dwar l-Informazzjoni (IViR): Iċ-Ċentru ta’ Amsterdam għal-Liġi u l-Ekonomija (ACLE) p.32 et. seq.
    (18) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1
    (19) Għal aktar dettalji dwar il-konsultazzjonijiet, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/contract/opinion/index_en.htm . 
    (20) GfK for the European Commission, Consumer survey identifying the main cross-border obstacles to the Digital Single Market and where they matter most (GfK għall-Kummissjoni Ewropea, Sondaġġ dwar il-Konsumaturi li jidentifika l-ostakoli transkonfinali ewlenin għas-Suq Uniku Diġitali u fejn huma l-aktar importanti), 2015.
    (21) Flash Eurobarometer 413 "Companies engaged in online activities" (Il-kumpaniji involuti f’attivitajiet onlajn), 2015 http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_413_en.pdf .
    (22) Studju ekonomiku dwar il-prodotti ta’ kontenut diġitali għall-konsumaturi, ICF International, 2015.
    (23) Grupp ta’ Esperti dwar il-Kuntratti ta’ “Cloud Computing” - informazzoni dettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp u l-minuti tal-laqgħat tiegħu disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/contract/cloud-computing/expert-group/index_en.htm . 
    (24) Ara, b’mod partikolari: - GfK for the European Commission, Consumer survey identifying the main cross-border obstacles to the Digital Single Market and where they matter most (GfK għall-Kummissjoni Ewropea, Sondaġġ dwar il-Konsumaturi li jidentifika l-ostakoli transkonfinali ewlenin għas-Suq Uniku Diġitali u fejn huma l-aktar importanti), 2015.- Sondaġġ tal-Eurostat dwar l-użu tal-ICT fid-djar u minn individwi (2014)- Studju Komparattiv dwar il-kuntratti ta’ “cloud computing” (2014) DLA Piper, p.33 u seq.; Analiżi tal-oqfsa legali applikabbli u suġġerimenti għall-profili ta’ sistema mudell ta’ ħarsien tal-konsumaturi fir-rigward tal-kuntratti għal kontenut diġitali; l-Università ta’ Amsterdam: Iċ-Ċentru għall-Istudju tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea (CSECL); L-Istitut għal-Liġi dwar l-Informazzjoni (IViR): Iċ-Ċentru ta’ Amsterdam għal-Liġi u l-Ekonomija (ACLE) p.32 u seq. http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_413_en.pdf - Flash Eurobarometer 413 "Companies engaged in online activities" (Il-kumpaniji involuti f’attivitajiet onlajn), 2015 .- Studju ekonomiku dwar il-prodotti ta’ kontenut diġitali għall-konsumaturi, ICF International, 2015.
    (25) L-opinjoni tal-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/contract/index_mt.htm .
    (26) Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt u s-sommarju Eżekuttiv huma disponibbli fuq : http://ec.europa.eu/justice/contract/index_mt.htm .
    (27) ĠU L 110, 1.05.2009, p.30. 
    (28) ĠU C , , p. .
    (29) COM (2015) 192 finali.
    (30) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
    (31) ĠU L 281, 23/11/1995, p. 31 - 50) (għandu jiġi sostitwit mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, malli jiġi adottat).
    (32) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37-47.
    (33) ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6-16.
    (34) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
    (35) ĠU L 171,7.7.1999, p.12.
    (36) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
    (37) ĠU L 110, 1.05.2009, p. 30. 
    (38) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
    (39) Id-Direttiva (UE) Nru /XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’.... dwar kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali (ĠU ...)
    Top