IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.10.2015
COM(2015) 549 final
2015/0255(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) u fis-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (is-CCNR) rigward l-adozzjoni ta’ standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Din il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) tas-26 ta’ Novembru 2015 u waqt il-laqgħa tas-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) fir-rigward ta’ standard Ewropew li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
1.1.CESNI
Is-CCNR, fis-sessjoni Plenarja tagħha tar-rebbiegħa fit-3 ta’ Ġunju 2015 adottat ir-Riżoluzzjoni CCNR 2015-I-3 dwar il-ħolqien u l-funzjonament ta’ Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI). Il-missjoni tagħha tinkludi l-adozzjoni ta’ standards tekniċi f’oqsma diversi, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ, l-interpretazzjoni uniformi ta’ dawn l-istandards u l-proċeduri korrispondenti kif ukoll id-deliberazzjonijiet dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent jew oqsma oħra tan-navigazzjoni.
Is-CESNI huwa magħmul minn esperti li jirrappreżentaw lill-Istati Membri tas-CCNR u tal-UE.
Il-partijiet tas-CCNR (il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, il-Belġju u l-Iżvizzera) u l-bqija tal-Istati Membri tal-UE għandhom drittijiet ta’ vot fuq il-bażi ta’ vot wieħed għal kull Stat. L-UE mhix parti tas-CCNR jew tas-CESNI. Madankollu, tista’ tipparteċipa fil-ħidma tas-CESNI, flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li l-missjoni tagħhom tkopri l-oqsma kkonċernati mis-CESNI, iżda mingħajr drittijiet tal-vot.
Il-Kumitat tas-CESNI jadotta standards b’unanimità tal-voti tas-CCNR u l-Istati Membri tal-UE preżenti. Fin-nuqqas ta’ kunsens rigward id-deċiżjoni li l-adozzjoni ta’ standards titqiegħed fuq l-aġenda, is-CESNI tiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-membri preżenti fil-laqgħa. Barra minn hekk, is-CESNI tadotta l-istandards b’unanimità tal-voti tal-Istati Membri tas-CCNR u tal-UE preżenti. Ladarba jiġu deċiżi, l-istandards jingħataw numru ta’ referenza uniku u jiġu ppubblikati.
Is-CCNR sawret esperjenza sinifikanti fl-istabbiliment tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Is-CESNI, li hija stabbilita fil-qafas tas-CCNR u bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE, għalhekk għandha l-għarfien espert meħtieġ u r-rappreżentanza ġeografika sabiex tfassal standards komuni għan-netwerk kollu tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni Ewropea.
1.2.L-istandard Ewropew li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni
Il-ħidma preparatorja dwar standard tekniku uniformi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandu jiġu applikat kemm fl-UE kif ukoll fis-CCNR bdiet fil-qafas tal-Grupp Konġunt ta’ Ħidma eżistenti li jappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/87/KE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE.
Il-Grupp Konġunt ta’ Ħidma qabbel ir-rekwiżiti tekniċi eżistenti applikabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-qafas tas-CCNR u żviluppa soluzzjonijiet uniformi fl-oqsma fejn hemm differenzi.
Is-CESNI kompla ħidmet il-Grupp Konġunt ta' Ħidma u biħsiebu jadotta standard għal rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
Dan l-istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment, il-mudell taċ-ċertifikati u tar-reġistru, id-dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll l-istruzzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ standard tekniku. Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2015, is-CESNI ddeċieda b’mod unanimu li jiskeda l-adozzjoni tal-istandard Ewropew li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għal-laqgħa tas-26 ta’ Novembru 2015. L-istandard se jkun ippreżentat għall-validazzjoni finali waqt il-laqgħa organizzata taħt l-awspiċi tas-CESNI fis-6 ta’ Novembru 2015 bil-ħsieb li jiġi adottat ftit wara. Huwa mistenni li jsir biss xi tibdil żgħir u formali fit-test. L-istandard se jkun ippubblikat permezz ta’ sit web iddedikat għal dan (cesni.eu).
Wara din l-adozzjoni, l-istandard ma jkunx ta' natura li torbot. Madankollu, dan se jservi bħala punt ta’ referenza għas-CCNR, u għal organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, biex isir applikabbli skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom.
Konsegwentement, wara l-adozzjoni tas-CESNI, is-CCNR se tadatta l-qafas leġiżlattiv (ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta’ Bastimenti tar-Renu) bil-ħsieb li tirreferi għall-istandard CESNI u se tiddeċiedi li tagħmel dan l-istandard mandatorju fis-sessjoni plenarja tas-CCNR.
2.LEĠIŻLAZZJONI U KOMPETENZI RILEVANTI TAL-UE
Id-Direttiva 2006/87/KE tiżgura li ċ-ċertifikati tal-Unjoni għan-navigazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma internti jinħarġu għal inġenji li huma konformi mar-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva li għalihom ġiet stabbilita l-ekwivalenza mar-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.
Iċ-ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u ċ-ċertifikati għan-navigazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni huma meqjusa bħala ekwivalenti mill-aspett tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti, b’mod partikolari billi r-rekwiżiti tekniċi fi ħdan il-qafas legali tal-UE kienu bbażati fuq ir-rekwiżiti tekniċi tar-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta’ Bastimenti tar-Renu.
Barra minn hekk, l-Artikolu 20 tad- Direttiva 2006/87/KE jipprevedi li kwalunkwe emenda tal-Anness II abbażi tal-progress tekniku jew tal-iżviluppi f’dan il-qasam li jirriżultaw minn xogħlijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari s-CCNR, għandha tiżgura li ċ-ċertifikati maħruġa skont l-oqfsa regolatorji rispettivi jibqgħu ekwivalenti biex jiggarantixxu livell ekwivalenti ta’ sikurezza.
Għaldaqstant, kwalunkwe żvilupp li ġej minn emendi tar-rekwiżiti tekniċi fil-qafas tas-CCNR jista' jaffettwa d-Direttiva 2006/87/KE.
Barra minn hekk, fl-10 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE attwali bħala parti mill-pakkett NAIADES II. Kif imsemmi fil-premessi ta’ din il-proposta, iż-żamma ta' żewġ settijiet ta’ regoli separati għal rekwiżiti tekniċi għal bastimenti taħt żewġ sistemi legali differenti (tas-CCNR u tal-UE) li joperaw skont ir-regoli u l-proċeduri proprji tagħhom, hija diffiċli u ma tiżgurax iċ-ċertezza legali u s-sikurezza.
Il-proċedura leġiżlattiva tal-proposta msemmija hawn fuq, għamlet progress sostanzjali kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Parlament Ewropew. F’dan il-kuntest, feġġ kunsens kbir dwar il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli tekniċi li japplikaw għan-navigazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni u biex jiġu evitati duplikazzjonijiet mhux meħtieġa. L-idea li fid-Direttiva futura tiġi inkorporata referenza għal standard tekniku stabbilit taħt l-awspiċji tas-CCNR bħala mezz biex jinkisbu dawn l-objettivi ġiet aċċettata b'mod estensiv.
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta’ April 2014, biex b’mod ġenerali appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni.
Fil-Kunsill, intlaħaq l-approċċ ġenerali fil-Kunsill tat-Trasport tal-11 ta’ Ġunju 2015 li jirristruttura t-test tal-proposta tal-Kummissjoni biex tkun iżjed ċara. B’mod partikolari, l-approċċ ġenerali jipprevedi s-sostituzzjoni tal-Anness II tal-proposta li fih ir-rekwiżiti tekniċi b’referenza għal standard tekniku żviluppat fil-qafas tas-CCNR.
In-negozjati interistituzzjonali għadhom għaddejjin bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fl-ewwel qari.
Bħala konklużjoni, l-adozzjoni tal-istandard fil-qafas tas-CCNR hija rilevanti wkoll għall-futur prevedibbli tal-iżvilupp tal-acquis f’dan il-qasam.
3.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI
L-istandard tekniku kien is-suġġett ta’ tħejjija intensiva fil-livell tal-UE u tas-CCNR. Firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat ġew ikkonsultati f’dan ir-rigward. Matul l-iżvilupp ta’ dan l-istandard saru l-laqgħat tekniċi li ġejjin:
–Fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma Konġunt (UE-CCNR): il-laqgħat tas-17 sal-20 ta’ Frar 2014, tat-3 sal-5 ta’ Ġunju 2014, tad-9 sal-11 ta’ Settembru 2014, tad-9 sal-11 ta’ Diċembru 2014, tas-17 sad-19 ta’ Frar 2015, tas-16 sat-18 ta’ Ġunju 2015 u tat-22 sat-23 ta’ Settembru 2015.
–Fil-livell tas-CNNR: il-laqgħat mal-Kumitat tar-Regolamenti ta’ Spezzjoni (RV) tad-9 ta’ April 2014, tal-15 ta’ April 2014 u tat-22 ta’ April 2015 kif ukoll fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tħejjija (PRE) tal-11 ta’ Ġunju 2014, tat-8 ta’ Ottubru 2014, tat-3 ta’ Diċembru 2014, tal-25 ta’ Marzu 2015 u tat-3 ta’ Ġunju 2015.
–Fil-livell tas-CESNI: il-laqgħa tat-28 ta’ Settembru 2015.
Huma ppjanati aktar laqgħat tekniċi fil-21-22 ta’ Ottubru 2015 u fis-6 ta’ Novembru 2015.
Dawn il-laqgħat jippermettu li jintlaħaq ftehim fil-livell ta’ esperti dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
4.IL-ĦTIEĠA GĦAL DEĊIŻJONI SKONT IT-TFUE 218(9)
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jistabbilixxi li "Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni (...) għandu jadotta deċiżjoni (...) li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.".
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, il-proċedura ta' hemmhekk trid tiġi rispettata hekk kif il-kundizzjonijiet t'hemmhekk jiġu ssodisfati. Dawn il-kundizzjonijiet huma: (a) il-qasam rilevanti jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni, (b) il-pożizzjoni tal-Unjoni hija espressa f’sede stabbilita bi ftehim internazzjonali meta dik is-sede tintalab tadotta (c) atti li jkollhom effetti legali. Ġie ċċarat permezz tal-ġurisprudenza li s-sħubija tal-Unjoni fis-sede relevanti mhix prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
Huwa evidenti f’dan il-każ li r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni mhux biss jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni (is-sikurezza tan-navigazzjoni) iżda aktar minn hekk, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha permezz tad-Direttiva 2006/87/KE u l-qasam tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni huwa rregolat fil-parti l-kbira minn regoli komuni tal-Unjoni.
Kemm is-CESNI kif ukoll is-CCNR jissodisfaw it-tieni kriterju, peress li huma korpi stabbiliti skont ftehim internazzjonali.
Għalkemm ir-regoli adottati mis-CESNI mhumiex vinkolanti fihom infushom, huwa ċar li dawn isiru vinkolanti għall-membri tas-CCNR ladarba s-CCNR tadatta l-qafas leġiżlattiv tagħha (ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta’ Bastimenti tar-Renu) b'referenza għall-istandard adottat mis-CESNI u tagħmel dan l-istandard mandatorju fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu. Il-karattru vinkolanti ta’ dan ir-Regolament fost il-membri tas-CCNR huwa stabbilit skont il-Konvenzjoni ta’ Mannheim tas-17 ta’ Ottubru 1868.
Barra minn hekk, huwa ċar ukoll mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li att mhux vinkolanti ta’ organizzazzjoni internazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat bħala “att li jkollu effetti legali” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE meta dan l-att ikun kapaċi li b’mod deċiżiv jinfluwenza l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni. Kif spjegat hawn fuq, il-qafas applikabbli skont il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu għandu jitqies għal kull emenda tad-Direttiva 2006/87/KE. Barra minn hekk, huwa previst li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-Bastimenti tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni adottati mis-CESNI.
Għaldaqstant, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni, l-ewwel fi ħdan is-CESNI qabel l-adozzjoni ta' standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u t-tieni fi ħdan is-CCNR qabel l-emenda tar-Regolamenti għall-Ispezzjoni tal-Bastimenti tar-Renu.
2015/0255 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) u fis-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (is-CCNR) rigward l-adozzjoni ta’ standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna għandu jkollha l-għan li tiżgura uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni.
(2)Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fin-navigazzjoni interna (CESNI) inħoloq fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (is-CCNR) biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.
(3)Is-CESNI huwa mistenni li jadotta standard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2015. Is-sessjoni plenarja tas-CCNR se temenda l-qafas leġiżlattiv tagħha (ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni ta’ Bastimenti tar-Renu) biex isir jirreferi għal dan l-istandard u se tagħmel dan l-istandard mandatorju fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.
(4)Dan l-istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ standard tekniku. Id-Direttiva
2006/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tiżgura li ċ-ċertifikati tal-Unjoni għan-navigazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni jinħarġu għal inġenji li huma konformi mar-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva li għalihom ġiet stabbilita l-ekwivalenza mar-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-10 ta’ Settembru 2013, adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE, li tipprevedi li jitqiesu l-iżviluppi li jirriżultaw f’dan il-qasam minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari dawk tas-CCNR fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
(5)Għalhekk, l-istandard dwar ir-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandu jiġi adottat taħt l-awspiċi tas-CCNR se jaffettwa d-Direttiva
2006/87/KE
, kif ukoll l-iżvilupp prevedibbli tal-acquis f’dan il-qasam.
(6)L-Unjoni la hija membru tas-CESNI u lanqas tas-CCNR. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan l-istandard f’dawn il-korpi.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tas-CESNI tas-26 ta’ Novembru 2015 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-istandard Ewropew li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
2.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tas-sessjoni plenarja tas-CCNR tkun li taqbel mal-emenda tar-Regolamenti għall-Ispezzjoni tal-Bastimenti tar-Renu intiża li tirreferi għall-istandard Ewropew li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni adottat mis-CESNI.
Artikolu 2
1.Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2.Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Bidliet minuri għal din il-pożizzjoni kif imniżżla fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr il-bżonn ta' emendi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President