IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2015
COM(2015) 180 final
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-proposta għandha l-għan li tittrasponi fil-liġi tal-Unjoni l-miżuri tal-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran adottat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT) fil-laqgħat annwali tagħha tal-perjodu mill-2012 sal-2014. L-ICCAT hija l-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) responsabbli għall-ġestjoni tal-ispeċijiet tat-tonn u tal-ispeċijiet simili għalih fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra li jmissu miegħu, li l-Unjoni hija Parti Kontraenti fiha. Il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn ġie stabbilit fl-2006 u daħal fis-seħħ fl-2007.
L-ICCAT għandha s-setgħa tadotta deċiżjonijiet (“rakkomandazzjonijiet”) għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-sajd fil-qasam ta’ kompetenza tagħha. Dawn l-atti jorbtu legalment u huma maħsubin b’mod ewlieni għall-Partijiet Kontraenti tal-ICCAT, iżda jinkludu wkoll ċerti obbligi għall-operaturi (pereżempju għall-kaptan tal-bastiment). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT jidħlu fis-seħħ sitt xhur wara li jiġu adottati u, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni safejn dawn ma jkunux diġà koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Xi miżuri tal-ICCAT marbutin mat-tonn ġew trasposti permezz tar-Regolament (UE) Nru 544/2014 tal-15 ta’ Mejju 2014 li emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009. L-għan ta’ dik l-emenda kien li jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni l-miżuri dwar l-istaġuni tas-sajd li l-ICCAT adottat fl-2012 u fl-2013. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u effettiva tal-miżuri kollha tal-pjan ta’ rkupru adottat bejn l-2012 u l-2014 fl-Unjoni Ewropea kollha, din il-proposta se ddaħħal dawn il-miżuri f’Regolament dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran. Dan ir-Regolament se jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009.
2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Ma kien hemm bżonn issir l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew valutazzjoni tal-impatt.
3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
Sommarju tal-azzjoni proposta
L-inizjattiva leġiżlattiva tindirizza t-tħassib li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u effettiva tal-aħħar miżuri tal-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn tal-ICCAT fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-miżuri rilevanti ta’ konservazzjoni u ġestjoni stabbiliti bir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT ma japplikawx direttament għall-bastimenti individwali jew għaċ-ċittadini individwali tal-Istati Membri tal-Unjoni. Għalhekk, jeħtieġ li l-miżuri tal-ICCAT marbutin mat-tonn li ġew adottati fl-2012, fl-2013 u fl-2014 jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni. Il-proposta fiha miżuri tekniċi bħal dawk dwar l-attivitajiet ta’ trasferiment u tqegħid fil-gaġeġ tat-tonn ħaj, fosthom miżuri dwar l-użu tal-kameras sterjoskopiċi biex tingħata stima tal-kwantitajiet ta’ tonn u tal-għadd ta’ tonn mitluq il-baħar, ir-rekwiżiti tar-rappurtar dwar il-qabdiet u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT.
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħħal obbligu ta’ ħatt l-art li se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem għall-qabdiet tat-tonn. Madankollu, skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament, l-obbligu ta’ ħatt l-art huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, bħal dawk li ġejjin mir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex timplimenta t-tali obbligi internazzjonali fil-liġi tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikulari, d-derogi mill-obbligu tal-ħatt l-art. Għalhekk, għandu jitħalla jiġi skartat it-tonn f’ċerti sitwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta’ Novembru 2014, iżda dan l-iskartar mhux kopert direttament minn din il-proposta.
Il-bażi legali
L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà
Il-proposta taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax għaliha.
Il-prinċipju tal-proporzjonalità
Il-proposta se tiżgura li l-miżuri rilevanti tal-ICCAT jiġu trasposti fil-liġijiet tal-Unjoni mingħajr ma jsir aktar milli hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq.
L-għażla tal-istrument
L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ rkupru kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Minħabba l-għadd ta’ elementi ġodda u ta’ bidliet li kien hemm, għall-finijiet taċ-ċarezza, tas-simplifikazzjoni u taċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament se jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda spiża addizzjonali għall-Unjoni.
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-għan tal-politika komuni tas-sajd, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, hu li jkun żgurat sfruttament tar-riżorsi tal-baħar ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.
(2)L-Unjoni hija Parti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”).
(3)Waqt il-15-il Laqgħa Speċjali tagħha fl-2006, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“l-ICCAT”), li ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni, adottat ir-Rakkomandazzjoni 06-05 biex jiġi stabbilit pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jintemm fl-2022 (“il-pjan ta’ rkupru”). Din ir-Rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2007.
(4)Ir-Rakkomandazzjoni 06-05 tal-ICCAT ġiet trasposta fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1559/2007 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
(5)Waqt is-16-il Laqgħa Speċjali tagħha fl-2008, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 08-05 li temenda r-Rakkomandazzjoni 06-05.
Sabiex jinbena l-istokk mill-ġdid, il-pjan ta’ rkupru stabbilit fl-2006 u emendat fl-2008 saħħaħ l-iskema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta u stabbilixxa tnaqqis gradwali fil-livell tal-qabdiet totali permissibbli mill-2007 sal-2011, restrizzjonijiet fuq is-sajd f’ċerti żoni u f’ċerti perjodi taż-żmien, daqs minimu ġdid għat-tonn, miżuri dwar l-attivitajiet tas-sajd sportivi u rikreattivi u miżuri marbutin mal-kapaċità tas-sajd u tat-trobbija tal-ħut.
(6)Ir-Rakkomandazzjoni 08-05 tal-ICCAT ġiet trasposta fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007.
(7)Waqt is-17-il Laqgħa Speċjali tagħha fl-2010, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 10-04 li temenda r-Rakkomandazzjoni 08-05. Sabiex jinbena l-istokk mill-ġdid, ir-Rakkomandazzjoni 10-04 stabbiliet iktar tnaqqis fil-livell tal-qabdiet totali permissibbli u fil-kapaċità tas-sajd u saħħet il-miżuri ta’ kontroll, b’mod partikulari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet tat-trasferiment u t-tqegħid fil-gaġeġ. Hija pprevediet ukoll l-għoti ta’ pariri addizzjonali fl-2012 mill-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (SCRS) dwar l-identifikazzjoni tal-postijiet fejn ibid il-ħut u dwar il-ħolqien ta’ żoni tal-kenn.
(8)Sabiex il-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni riveduti mogħtija fir-Rakkomandazzjoni 10-04 jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 500/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(9)Waqt it-18-il Laqgħa Speċjali tagħha fl-2012, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 12-03 li temenda r-Rakkomandazzjoni 10-04. Sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-pjan ta’ rkupru, hija stabbiliet miżuri tekniċi dwar l-attivitajiet ta’ trasferiment u tqegħid fil-gaġeġ tat-tonn ħaj, rekwiżiti ġodda tar-rappurtar dwar il-qabdiet, l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT u bidliet fl-istaġuni tas-sajd. Barra minn hekk, hija saħħet ir-rwol tal-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (SCRS) b’rabta mal-valutazzjoni tal-istokk tat-tonn.
(10)Waqt it-23 Laqgħa Normali tagħha fl-2013, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 13-07 li temenda r-Rakkomandazzjoni 12-03 billi ddaħħal bidliet żgħar fl-istaġuni tas-sajd li ma jaffettwawx il-flotta tal-Unjoni. Barra minn hekk, ġiet adottata wkoll ir-Rakkomandazzjoni 13-08 li tikkumplimenta l-pjan ta’ rkupru. Din ir-Rakkomandazzjoni stabbiliet proċedura komuni għall-użu tas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi biex tingħata stima tal-kwantitajiet ta’ tonn fil-mument tat-tqegħid fil-gaġeġ u daħħlet data flessibbli tal-bidu tal-istaġun tas-sajd għad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u għad-dgħajjes tas-sajd bir-rixa fil-Lvant tal-Atlantiku.
(11)Sabiex il-miżuri essenzjali mogħtija fir-Rakkomandazzjonijiet 12-03 u 13-08, bħal dawk dwar l-istaġuni tas-sajd, jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 kompla jiġi emendat bir-Regolament (UE) Nru 544/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(12)Waqt id-19-il Laqgħa Speċjali tagħha fl-2014, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 14-04 li temenda r-Rakkomandazzjoni 13-07 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni 13-08. Filwaqt li ġew issimplifikati xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ kontroll eżistenti, il-proċeduri għall-użu tal-kameras sterjoskopiċi fil-mument tat-tqegħid fil-gaġeġ ġew spjegati iktar u fil-pjan ta’ rkupru ddaħħlu miżuri marbutin mal-attivitajiet ta’ tluq tal-ħut fil-baħar u mat-trattament tal-ħut mejjet.
(13)Ir-Rakkomandazzjoni 14-04 torbot legalment lill-Unjoni.
(14)L-emendi kollha tal-pjan ta’ rkupru li l-ICCAT adottat fl-2012, fl-2013 u fl-2014 li għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi tal-Unjoni jridu jiddaħħlu fiha. Minħabba li din it-traspożizzjoni tikkonċerna pjan li l-għanijiet u l-miżuri tiegħu ġew iddefiniti mill-ICCAT, dan ir-Regolament ma jkoprix il-kontenut kollu tal-pjanijiet multiannwali stabbiliti skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(15)Jeħtieġ li jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni l-emendi futuri tal-pjan ta’ rkupru li jkunu jorbtu legalment. Sabiex it-tali emendi jiddaħħlu malajr fil-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) għandha tingħata s-setgħa tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa partikularment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Hija u tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dokumenti rilevanti jintbagħtu b’mod simultanju, fil-ħin u kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(16)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ trasferiment u ta’ tqegħid fil-gaġeġ u mar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-attivitajiet tal-bastimenti u tat-tunnari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Hija għandha tuża dawk is-setgħat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.
(17)Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw immedjatament f’każijiet iġġustifikati kif xieraq marbutin mal-attivitajiet ta’ trasferiment u ta’ tqegħid fil-gaġeġ u mar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-attivitajiet tal-bastimenti u tat-tunnari, fejn ikun hemm raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza li jeżiġu hekk.
(18)Għall-finijiet taċ-ċarezza, tas-simplifikazzjoni u taċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament għandu jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009.
(19)Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 issa m’għadhomx jgħoddu, l-iktar minħabba li issa huma koperti minn atti oħra tal-Unjoni, u għalhekk għandhom jitħassru. Xi dispożizzjonijiet oħra għandhom jiġu aġġornati biex jirriflettu l-bidliet li seħħew fil-leġiżlazzjoni, b’mod partikulari dawk li ġew mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(20)B’mod partikulari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar, permezz ta’ approċċ globali u integrat, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli kollha tal-Politika Komuni tas-Sajd, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Dawk l-atti issa jkopru ċerti kwistjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 u b’mod partikulari l-Artikolu 33 tiegħu dwar il-miżuri ta’ infurzar u l-Anness VIII tiegħu dwar it-trażmissjoni tal-messaġġi tas-Sistema tal-Monitoraġġ tal-Bastimenti. Għalhekk, dawk id-dispożizzjonijiet m’hemmx bżonn jiddaħħlu f’dan ir-Regolament.
(21)Skont l-Artikolu 49(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011, il-fatturi ta’ konverżjoni adottati mill-SCRS japplikaw għall-kalkolu tal-piż sħiħ ekwivalenti tat-tonn ipproċessat, inkluż għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
(22)Barra minn hekk, skont l-Artikolu 95 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/156/UE. Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tistabbilixxi, fost l-oħrajn, punti ta’ riferiment u għanijiet fil-mira għall-kontroll tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
(23)Il-paragrafu 2.c tar-Rakkomandazzjoni 06-07 tal-ICCAT jistabbilixxi programm ta’ teħid tal-kampjuni sabiex jiġi stmat l-għadd ta’ ħut skont id-daqs fil-kuntest tal-attivitajiet tat-trobbija tat-tonn. Dik id-dispożizzjoni ġiet trasposta fil-liġi tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009. Dan ir-Regolament m’hemmx bżonn jipprevedi speċifikament il-programm ta’ teħid tal-kampjuni, minħabba li l-ħtiġijiet ta’ dak il-programm issa huma koperti għalkollox mill-programmi stabbiliti permezz tal-paragrafu 83 tar-Rakkomandazzjoni 14-04, li għandha tiġi trasposta fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ dan ir-Regolament. Dak il-paragrafu jipprevedi l-użu ta’ sistemi ta’ kameras sterjoskopiċi jew ta’ tekniki alternattivi li jipprovdu l-istess livell ta’ preċiżjoni, u jkopri l-attivitajiet kollha ta’ tqegħid fil-gaġeġ sabiex jiġu rfinati l-għadd u l-piż tal-ħut.
(24)Permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, iddaħħal obbligu ta’ ħatt l-art li beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem għall-qabdiet tat-tonn. Madankollu, skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament, l-obbligu ta’ ħatt l-art huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, bħal dawk li ġejjin mir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex timplimenta t-tali obbligi internazzjonali fil-liġi tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikulari, d-derogi mill-obbligu tal-ħatt l-art. Għalhekk, għandu jitħalla jiġi skartat it-tonn f’ċerti sitwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta’ Novembru 2014. Għaldaqstant, dan ir-Regolament m’għandux bżonn ikopri dawn l-obbligi tal-iskartar,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-Pjan ta’ rkupru ddefinit fl-Artikolu 3(1) min-naħa tal-Unjoni.
2.Dan ir-Regolament japplika għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
Artikolu 2
Għan
F’konformità mal-Pjan ta’ rkupru ddefinit fl-Artikolu 3(1), l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li tinkiseb bijomassa li tkun tikkorrispondi bi probabbiltà ta’ mill-inqas 60 % mar-rendiment massimu sostenibbli sal-2022.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Pjan ta’ rkupru” tfisser il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn (Thunnus thynnus), li ilu japplika sa mill-2007 u li se jdum japplika sal-2022 u li ġie rrakkomandat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“l-ICCAT”);
(2)
“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment bil-mutur użat għall-finijiet tal-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi tat-tonn, jew maħsub għal dawn il-finijiet, inklużi l-bastimenti tal-qbid, il-bastimenti tal-ipproċessar tal-ħut, il-bastimenti ta’ appoġġ, il-bastimenti tal-irmunkar, il-bastimenti involuti fit-trażbord u l-bastimenti tat-trasport mgħammra b’tagħmir biex jittrasportaw il-prodotti tat-tonn, u l-bastimenti awżiljarji, minbarra l-bastimenti għat-trasport tal-kontejners;
(3)
“bastiment tal-qbid” tfisser bastiment użat għall-finijiet tal-qbid kummerċjali tar-riżorsi tat-tonn;
(4)
“bastiment tal-ipproċessar” tfisser bastiment li fuqu l-prodotti tas-sajd issirilhom waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin jew aktar qabel ma dawn jiġu ppakkjati: it-tqattigħ fi fletti jew fi flieli, l-iffriżar u/jew l-ipproċessar;
(5)
“bastiment awżiljarju” tfisser kull bastiment użat għat-trasport tat-tonn mejjet (mhux ipproċessat) minn ġo gaġġa tat-trasport jew tat-trobbija tal-ħut, minn tartarun jew minn tunnara għal port magħżul u/jew għal bastiment tal-ipproċessar;
(6)
“bastiment tal-irmunkar” tfisser kull bastiment li jintuża biex jirmonka l-gaġeġ;
(7)
“bastiment ta’ appoġġ” tfisser kull bastiment tas-sajd ieħor imsemmi fil-punt (2);
(8)
“sajd attiv” tfisser, għal kull bastiment tal-qbid u għal kull tunnara, il-fatt li dawn jintużaw għas-sajd għat-tonn matul staġun tas-sajd partikulari;
(9)
“attività konġunta tas-sajd” tfisser kull attività li ssir bejn żewġ bastimenti tas-sajd bil-purse seine jew aktar fejn il-qabda ta’ bastiment tas-sajd bil-purse seine partikulari tiġi allokata għal bastiment tas-sajd bil-purse seine ieħor jew għal bastimenti tas-sajd bil-purse seine oħrajn skont skema partikulari ta’ allokazzjoni;
(10)
“attivitajiet ta’ trasferiment” tfisser:
(i)kull trasferiment tat-tonn ħaj mix-xibka tal-bastiment tal-qbid għall-ġagga tat-trasport;
(ii)kull trasferiment tat-tonn ħaj mill-gaġġa tat-trasport għal gaġġa oħra tat-trasport;
(iii)kull trasferiment tal-gaġġa bit-tonn minn bastiment tal-irmunkar għal bastiment ieħor tal-irmunkar;
(iv)kull trasferiment tat-tonn ħaj minn farm tal-ħut għal ieħor;
(v)kull trasferiment tat-tonn ħaj mit-tunnara għall-gaġġa tat-trasport;
(11)
“trasferiment ta’ kontroll” tfisser kull trasferiment ieħor li jsir fuq talba tal-operaturi tas-sajd jew tal-operaturi tal-farms tal-ħut jew fuq talba tal-awtoritajiet ta’ kontroll sabiex jiġi vverifikat l-għadd ta’ ħut li jkun qed jiġi ttrasferit;
(12)
“tunnara” tfisser tagħmir fiss immażżrat mal-qiegħ li s-soltu jkollu xibka li twassal it-tonn għal ġo magħlaq jew għal ġo sensiela ta’ kompartimenti magħluqin fejn jinżamm qabel jittella’;
(13)
“tqegħid fil-gaġeġ” tfisser it-trasferiment tat-tonn ħaj mill-gaġġa tat-trasport jew mit-tunnara għal ġol-gaġeġ tat-trobbija tal-ħut;
(14)
“trobbija tal-ħut” tfisser it-tqegħid tat-tonn fil-gaġeġ fil-farms tal-ħut u l-għalf sussegwenti tagħhom bil-għan li dawn jismnu u li tiżdied il-bijomassa totali tagħhom;
(15)
“farm tal-ħut” tfisser installazzjoni użata għat-trobbija tat-tonn maqbud bit-tunnari jew bil-bastimenti tas-sajd bil-purse seine;
(16)
“kapaċità ta’ trobbija tal-ħut” tfisser il-kapaċità ta’ farm tal-ħut li jżomm il-ħut għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija tiegħu f’tunnellati”;
(17)
“ħsad” tfisser il-qtil tat-tonn fil-farms tal-ħut jew fit-tunnari;
(18)
“trażbord” tfisser il-ħatt tal-ħut kollu jew ta’ kwalunkwe ħut li jkun jinsab abbord bastiment tas-sajd għal fuq bastiment ieħor tas-sajd. Il-ħatt tat-tonn mejjet minn fuq bastiment tas-sajd bil-purse seine jew bastiment tal-irmunkar għal fuq bastiment awżiljarju m’għandux jitqies bħala trażbord;
(19)
“sajd sportiv” tfisser sajd mhux kummerċjali li min jipprattikah ikun jifforma parti minn organizzazzjoni sportiva nazzjonali jew ikun ingħata liċenzja sportiva nazzjonali;
(20)
“sajd rikreattiv” tfisser sajd mhux kummerċjali li min jipprattikah ma jkunx jifforma parti minn organizzazzjoni sportiva nazzjonali jew ma jkunx ingħata liċenzja sportiva nazzjonali;
(21)
“kamera sterjoskopika” tfisser kamera b’żewġ lentijiet jew aktar, li jkollha sensur separat tal-immaġni jew qafas separat tal-films għal kull lenti, li jippermettulha tieħu immaġnijiet tridimensjonali;
(22)
“kamera ta’ kontroll” tfisser kamera sterjoskopika u/jew vidjokamera normali użata biex jitwettqu l-kontrolli previsti minn dan ir-Regolament;
(23)
“dokument dwar il-qabdiet tat-tonn” jew “dokument elettroniku dwar il-qabdiet tat-tonn” tfisser dokument dwar il-qabdiet tat-tonn. Ir-referenzi għad-dokument dwar il-qabdiet tat-tonn għandhom jeħdulhom posthom ir-referenzi għad-dokument elettroniku dwar il-qabdiet tat-tonn, skont il-każ.
(24)
“Stat Membru responsabbli” tfisser l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu tkun tinsab it-tunnara jew ikun jinsab il-farm tal-ħut jew, jekk dawn ikunu jinsabu fl-ibħra internazzjonali, l-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-operatur tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut;
(25)
“Kompitu II” tfisser il-Kompitu II kif iddefinit mill-ICCAT fil-manwal tagħha tal-qasam għall-istatistika u t-teħid tal-kampjuni tat-tonn tal-Atlantiku u tal-ħut li jixbah lit-tonn imsejjaħ “Field manual for statistics and sampling Atlantic tunas and tuna-like fish”;
(26)
“PKK” tfisser Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni u Partijiet, Entitajiet jew Entitajiet tas-Sajd Mhux Kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha;
(27)
“SCRS” tfisser il-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika tal-ICCAT;
(28)
“żona tal-Konvenzjoni” tfisser iż-żona ġeografika koperta mill-miżuri tal-ICCAT stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni.
Artikolu 4
Tul tal-bastimenti
It-tulijiet kollha tal-bastimenti msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala t-tul kollu tagħhom.
KAPITOLU II
Miżuri ta’ ġestjoni
Artikolu 5
Kundizzjonijiet marbutin mal-miżuri ta’ ġestjoni
1.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-qbid u tat-tunnari tiegħu jkunu proporzjonati mal-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.
2.Fil-kuntest tal-Pjan ta’ rkupru m’għandu jsir l-ebda trasferiment ’il quddiem ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ ħsad.
3.Għandu jkun ipprojbit il-kiri ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
Artikolu 6
Tressiq tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd, tal-pjanijiet għas-sajd u tal-pjanijiet għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut
1.Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:
(a)pjan tas-sajd għall-bastimenti tal-qbid u għat-tunnari li jintużaw għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran; u
(b)pjan għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd li jiżgura li l-kapaċità tas-sajd tagħhom tkun proporzjonata mal-kwota allokata lilhom.
2.Il-Kummissjoni għandha tiġbor il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u tintegrahom fil-pjan tal-Unjoni għas-sajd u għall-ġestjoni tal-kapaċità li għandu jintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-ICCAT.
3.
Sal-15 ta’ April ta’ kull sena, kull Stat Membru li jkun beħsiebu jibdel il-pjan tal-ICCAT li jkun fis-seħħ għall-kapaċità tat-trobbija tal-ħut għandu jibgħat pjan għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut lill-Kummissjoni, li għandha tibagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Artikolu 7
Pjanijiet għas-sajd
1.Il-pjan annwali għas-sajd imressaq minn kull Stat Membru għandu jidentifika l-kwoti allokati għal kull grupp ta’ rkaptu msemmi fl-Artikoli 10 u 11 u għandu jispeċifika b’mod partikulari:
(a)il-bastimenti tal-qbid ta’ aktar minn 24 metru inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(a), il-kwota individwali allokata għalihom u l-miżuri li huma fis-seħħ biex jiġi żgurat li jitħarsu l-kwoti individwali u l-kwoti tal-qabdiet inċidentali totali; u
(b)għall-bastimenti tal-qbid ta’ inqas minn 24 metru u għat-tunnari, tal-inqas il-kwota allokata għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għall-gruppi ta’ bastimenti li jużaw tip ta’ rkaptu simili.
2.L-Istat Membru rilevanti għandu jibgħat lill-Kummissjoni kull emenda sussegwenti tal-pjan annwali għas-sajd jew tal-kwoti individwali allokati għall-bastimenti tal-qbid ta’ aktar minn 24 metru li huma inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) mill-inqas tliet ijiem qabel titwettaq l-attività li tikkorrispondi ma’ dik l-emenda. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn l-emendi lis-Segretarjat tal-ICCAT tal-inqas 48 siegħa qabel ma titwettaq l-attività li tikkorrispondi ma’ dik l-emenda.
Artikolu 8
Pjanijiet għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd
1.Il-pjan annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd imressaq minn kull Stat Membru għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.L-għadd massimu ta’ tunnari rreġistrati fi Stat Membru partikulari u ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru partikulari li jistgħu jistadu għat-tonn, iżommuh abbord, jittrażbordawh, jittrasportawh jew iħottuh l-art għandu jiġi stabbilit skont it-Trattat u f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
3.L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru partikulari li jkunu qed jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru li jkunu stadu għat-tonn, żammewh abbord, ittrażbordawh, ittrasportawh jew ħattewh l-art fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-1 ta’ Lulju 2008, u għat-tunnellaġġ gross totali korrispondenti. Dak il-limitu għandu japplika skont it-tip ta’ rkaptu għall-bastimenti tal-qbid.
4.Għall-bastimenti awtorizzati jistadu għat-tonn skont id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2), fl-Anness I huma stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali biex jiġi stabbilit l-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd.
5.L-għadd massimu ta’ tunnari ta’ Stat Membru użati biex jiġi mistad it-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat għall-għadd ta’ tunnari awtorizzati minn dak l-Istat Membru sal-1 ta’ Lulju 2008.
6.
B’deroga mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 5, għall-2015, l-2016 u l-2017, f’każ li Stat Membru jkun jista’ juri li l-kapaċità tas-sajd tiegħu tista’ ma tippermettilux juża l-kwota kollha tiegħu, dak l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li fil-pjanijiet annwali tiegħu għas-sajd imsemmija fl-Artikolu 7 jinkludi għadd ikbar ta’ bastimenti u tunnari.
7.
B’deroga mill-paragrafi 3 u 6, għall-2015, l-2016 u l-2017, kull Stat Membru għandu jillimita l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine tiegħu li ma jkunux awtorizzati jistadu għat-tonn skont id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)(b) għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine li huwa jkun awtorizza fl-2013 jew fl-2014.
8.
Meta Stat Membru jkun qed jistabbilixxi l-pjanijiet tiegħu għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd, il-kapaċità tas-sajd tiegħu għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-aħjar rati tal-qbid għal kull bastiment u rkaptu li jkunu ġew stmati fl-2009 mill-SCRS u maqbulin mill-ICCAT waqt il-Laqgħa ta’ bejn is-sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Konformità tal-ICCAT li saret fl-2010. F’każ li l-SCRS jirrevedi dawn ir-rati tal-qbid, l-Istati Membri dejjem għandhom japplikaw l-aħħar rati tal-qbid maqbulin mill-ICCAT.
Artikolu 9
Pjanijiet għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut
1.Il-pjan għall-ġestjoni tat-trobbija tal-ħut imressaq minn kull Stat Membru għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Għal kull Stat Membru, il-kapaċità massima tat-trobbija tat-tonn u tat-tismin tiegħu u l-ammont massimu ta’ tonn salvaġġ maqbud li kull Stat Membru jista’ jalloka għandhom jiġu stabbiliti skont it-Trattat u f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
3.Il-kapaċità massima tat-trobbija tat-tonn u tat-tismin tiegħu ta’ Stat Membru għandha tkun limitata għall-kapaċità tat-trobbija tat-tonn u tat-tismin tiegħu tal-farms tal-ħut ta’ dak l-Istat Membru li kienu rreġistrati fir-reġistru tal-ICCAT tal-faċilitajiet tat-trobbija tal-ħut fl-1 ta’ Lulju 2008, jew li kienu awtorizzati u ddikjarati lill-ICCAT f’dik id-data.
4.L-ammont massimu ta’ tonn salvaġġ maqbud li jista’ jiddaħħal fil-farms tal-ħut ta’ Stat Membru għandu jkun limitat għal-livell tal-kwantitaijiet imdaħħlin irreġistrati mal-ICCAT mill-farms tal-ħut ta’ dak l-Istat Membru fl-2005, l-2006, l-2007 jew l-2008.
5.Fi ħdan il-kwantità massima ta’ tonn salvaġġ maqbud imdaħħal fil-farms tal-ħut imsemmi fil-paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jalloka lill-farms tal-ħut tiegħu l-ammont annwali massimu ta’ tonn li jista’ jiddaħħal fihom.
KAPITOLU III
MIŻURI TEKNIĊI
TAQSIMA 1
L-ISTAĠUNI TAS-SAJD
Artikolu 10
Bastimenti tas-sajd bil-konz, bastimenti tas-sajd bil-purse seine, bastimenti tat-tkarkir użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku, tunnari u s-sajd sportiv u rikreattiv
1.Is-sajd għat-tonn minn bastimenti tal-qbid ta’ iktar minn 24 metru li huma bastimenti tas-sajd bil-konz użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku fuq skala kbira għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju, minbarra fiż-żona li tinsab fil-Punent ta’ 10◦fil-Punent u fit-Tramuntana ta’ 42◦fit-Tramuntana, kif ukoll fiż-żona ekonomika esklussiva tan-Norveġja, fejn dan it-tip ta’ sajd għandu jkun permess mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Jannar.
2.Is-sajd għat-tonn bil-purse seines għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mis-26 ta’ Mejju sal-24 ta’ Ġunju, minbarra fiż-żona ekonomika esklussiva tan-Norveġja, fejn dan it-tip ta’ sajd għandu jkun permess mill-25 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Ottubru.
3.Is-sajd għat-tonn mill-bastimenti tat-tkarkir użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku matul il-perjodu mis-16 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Ottubru.
4.Is-sajd rikreattiv u sportiv għat-tonn għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran mis-16 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Ottubru.
5.Is-sajd għat-tonn bi rkaptu ieħor minbarra dak imsemmi fil-paragrafi 1 sa 4 u fl-Artikolu 11, fosthom bit-tunnari, għandu jkun permess matul is-sena kollha.
Artikolu 11
Dgħajjes tas-sajd bil-lixka u dgħajjes tas-sajd bir-rixa
1.Is-sajd għat-tonn mid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u mid-dgħajjes tas-sajd bir-rixa għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Ottubru.
2.Dejjem jekk ma tiġix affettwata l-protezzjoni tal-postijiet fejn ibid il-ħut u jekk it-tul totali tal-istaġun tas-sajd għal dak it-tip ta’ sajd ma jaqbiżx il-perjodu ta’ erba’ xhur, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi dwar data tal-bidu differenti għas-sajd bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u bid-dgħajjes tas-sajd bir-rixa li jtajru l-bandiera tagħhom u li jistadu fil-Lvant tal-Atlantiku.
3.Fil-pjan tas-sajd tiegħu msemmi fl-Artikolu 7, kull Stat Membru għandu jispeċifika jekk inbidlux id-dati tal-bidu għal dak it-tip ta’ sajd u l-koordinati taż-żoni kkonċernati.
TAQSIMA 2
DAQS MINIMU, QABDIET INĊIDENTALI MIŻMUMIN U QABDIET INĊIDENTALI TOTALI
Artikolu 12
L-obbligu tal-ħatt l-art
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluża kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 13
Daqs minimu
1.Id-daqs minimu tat-tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun ta’ 30 kg jew ta’ 115-il ċm f’tul sal-furketta.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, għandu japplika daqs minimu għat-tonn ta’ 8 kg jew ta’ 75 ċm f’tul sal-furketta fil-każijiet tas-sajd li ġejjin:
(a)it-tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku mid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u mid-dgħajjes tas-sajd bir-rixa;
(b)it-tonn maqbud fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut;
(c)it-tonn maqbud fil-Mediterran permezz tas-sajd artiġjanali mal-kosta għall-ħut frisk b’dgħajjes tas-sajd bil-lixka, b’bastimenti tas-sajd bil-konz jew b’dgħajjes tas-sajd bix-xlief.
3.Il-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-deroga msemmija fil-paragrafu 2 huma stabbiliti fl-Anness I.
4.L-Istati Membri kkonċernati għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-bastimenti biex dawn jistadu skont id-deroga msemmija fil-paragrafu 2. Il-bastimenti kkonċernati għandhom jitniżżlu fil-lista tal-bastimenti tal-qbid imsemmija fl-Artikolu 19(1)(a). Għal dan il-għan, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19 u 20.
Artikolu 14
Qabdiet inċidentali miżmumin
1.Għall-bastimenti kollha tal-qbid u t-tunnari kollha użati għas-sajd attiv għat-tonn, għandhom ikunu permessi qabdiet inċidentali miżmumin ta’ ammont massimu ta’ 5 % ta’ tonn li jiżen bejn 8 u 30 kg jew li jkollu tul sal-furketta ta’ bejn 75 u 115-il ċm.
2.Il-perċentwali ta’ 5 % msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-qabdiet kollha tat-tonn fl-għadd ta’ ħut miżmum abbord il-bastiment jew fit-tunnara fi kwalunkwe ħin wara kull attività tas-sajd.
3.Il-qabdiet inċidentali miżmumin għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru li huwa responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara.
4.L-Artikoli 23, 28, 29 u 30 għandhom japplikaw għall-qabdiet inċidentali tat-tonn.
Artikolu 15
Qabdiet inċidentali totali
1.Kull Stat Membru għandu jalloka kwota speċifika għall-finijiet tal-qabdiet inċidentali totali tat-tonn u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan meta jibagħtilha l-pjan tas-sajd tiegħu.
2.Il-bastimenti tal-Unjoni li ma jkunux qegħdin jistadu b’mod attiv għat-tonn għandhom jevitaw li l-qabdiet inċidentali totali tat-tonn tagħhom jaqbżu, fi kwalunkwe ħin wara attività tas-sajd, il-5 % tal-qabdiet totali abbord fil-piż jew l-għadd ta’ ħut. Il-kalkolu ta’ dak il-perċentwali skont l-għadd ta’ ħut għandu japplika biss għat-tonn u għall-ispeċijiet simili għalih ġestiti mill-ICCAT.
3.Kull Stat Membru għandu jnaqqas mill-kwota tiegħu l-ħut mejjet kollu maqbud bħala parti mill-qabdiet inċidentali totali msemmija fil-paragrafu 2. Għall-Istati Membri li m’għandhomx kwota għat-tonn, il-qabdiet inċidentali totali kkonċernati għandhom jitnaqqsu mill-kwota speċifika tal-Unjoni għall-qabdiet inċidentali totali tat-tonn stabbilita skont it-Trattat u f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
4.Jekk il-kwota allokata għall-Istat Membru tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat jew tat-tunnara kkonċernata tkun diġà ntużat kollha, għandu jiġi evitat li jinqabad kwalunkwe tonn. It-tonn mejjet għandu jinħatt l-art u jiġi kkonfiskat u għandha tittieħed azzjoni xierqa ta’ segwitu marbuta miegħu. F’konformità mal-Artikolu 27, kull Stat Membru għandu jibgħat it-tagħrif dwar it-tali kwantitajiet fuq bażi annwali lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tibagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT.
5.Il-proċeduri msemmijin fl-Artikoli 25, 28, 29, 30 u 54 għandhom japplikaw għall-qabdiet inċidentali totali.
TAQSIMA 3
UŻU TAL-INĠENJI TAL-AJRU
Artikolu 16
Użu tal-inġenji tal-ajru
Għandu jkun ipprojbit l-użu tal-inġenji tal-ajru kollha għat-tiftix tat-tonn, fosthom l-użu tal-ajruplani, tal-ħelikopters jew ta’ kwalunkwe tip ta’ vettura tal-ajru oħra mingħajr ekwipaġġ.
KAPITOLU IV
IS-SAJD SPORTIV U RIKREATTIV
Artikolu 17
Kwota speċifika għas-sajd sportiv u rikreattiv
Kull Stat Membru għandu jirregola s-sajd sportiv u rikreattiv billi jalloka kwota speċifika għall-finijiet ta’ dak it-tip ta’ sajd u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan meta jibagħtilha l-pjan tas-sajd tiegħu.
Artikolu 18
Is-sajd sportiv u rikreattiv
1.Kull Stat Membru li għandu kwota għat-tonn għandu jirregola s-sajd sportiv u rikreattiv billi joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti għall-għanijiet tas-sajd sportiv u rikreattiv.
2.Għas-sajd sportiv u rikreattiv, m’għandux ikun permess li wieħed jaqbad iktar minn tonna waħda għal kull bastiment kuljum.
3.It-tonn kollu li jinħatt l-art għandu jinħatt sħiħ jew bil-garġi mneħħijin u/jew imnaddaf.
4.Il-kummerċjalizzazzjoni tat-tonn maqbud waqt is-sajd sportiv u rikreattiv għandha tkun ipprojbita.
5.Kull Stat Membru għandu jirreġistra d-dejta dwar il-qabdiet mis-sajd sportiv u rikreattiv, fosthom il-piż u t-tul ta’ kull tonna maqbuda waqt dan it-tip ta’ sajd, u jibgħat id-dejta għas-sena ta’ qabel lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lill-SCRS.
6.Kull Stat Membru għandu jnaqqas l-għadd ta’ ħut mejjet maqbud waqt is-sajd sportiv u rikreattiv mill-kwota li huwa jkun alloka skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 17.
KAPITOLU V
MIŻURI TA’ KONTROLL
TAQSIMA 1
REĠISTRI TAL-BASTIMENTI U TAT-TUNNARI
Artikolu 19
Reġistri tal-bastimenti
1.Kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku, xahar qabel il-bidu tal-istaġuni tas-sajd imsemmija fl-Artikoli 10 u 11, meta jkun applikabbli, jewinkella xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni:
(a)lista tal-bastimenti kollha tal-qbid li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd għal dan; u
(b)lista tal-bastimenti l-oħra kollha tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, minbarra l-bastimenti tal-qbid, li jkunu awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
2.Iż-żewġ listi għandhom jiġu stabbiliti skont il-format mogħti fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tat-tagħrif meħtieġa.
3.F’sena kalendarja partikulari, bastiment tas-sajd jista’ jiġi inkluż fiż-żewġ listi msemmija fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx inkluż fihom it-tnejn fl-istess ħin.
4.Il-listi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu isem il-bastiment u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni (in-numru CFR) kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004.
5.M’għandu jiġi aċċettat l-ebda tressiq b’lura. Il-bidliet sussegwenti fil-listi msemmija fil-paragrafu 1 waqt sena kalendarja għandhom jiġu aċċettati biss jekk il-bastiment tas-sajd innotifikat ikun miżmum milli jipparteċipa minħabba raġunijiet operattivi leġittimi jew forza maġġuri. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b’dan il-fatt, u għandu jipprovdi:
(a)id-dettalji kollha tal-bastiment(i) tas-sajd maħsuba biex jieħdu post bastiment inkluż fil-listi msemmija fil-paragrafu 1; u
(b)rendikont komprensiv tar-raġunijiet li jiġġustifikaw din is-sostituzzjoni u kwalunkwe evidenza jew referenza rilevanti ta’ appoġġ.
6.Il-Kummissjoni għandha tibgħat it-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 lis-Segretarjat tal-ICCAT sabiex dawk il-bastimenti jkunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn jew fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra kollha tas-sajd (minbarra l-bastimenti tal-qbid) li huma awtorizzati jistadu għat-tonn.
7.
L-Artikolu 8a(2), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001 għandu japplika bl-emendi meħtieġa.
Artikolu 20
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti
1.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux imniżżlin fir-reġistri tal-ICCAT imsemmija fl-Artikolu 19(1) m’għandhomx ikunu awtorizzati jistadu għat-tonn, iżommuh abbord, jittrażbordawh, jittrasportawh, jittrasferixxuh, jipproċessawh jew iħottuh l-art fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
2.
L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn u għandu jitlob lill-bastiment jipproċedi immedjatament lejn port magħżul minnu meta jitqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota individwali.
Artikolu 21
Reġistri tat-tunnari awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn
1.
Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku, lista tat-tunnari kollha tiegħu li jkunu awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd għal dan. Dik il-lista għandha tinkludi isem it-tunnari u n-numru tagħhom fir-reġistru u għandha tiġi stabbilita skont il-format mogħti fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tat-tagħrif meħtieġa.
2.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat din il-lista lis-Segretarjat tal-ICCAT sabiex dawk it-tunnari jkunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru tal-ICCAT tat-tunnari li huma awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn.
3.
It-tunnari tal-Unjoni li ma jkunux imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT m’għandhomx ikunu awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn, għaż-żamma tiegħu, għat-trasferiment tiegħu, għat-tqegħid tiegħu fil-gaġeġ u għall-ħatt l-art tiegħu fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
4.
L-Artikolu 8a(2), (4), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001 għandu japplika bl-emendi meħtieġa.
Artikolu 22
Attivitajiet konġunti tas-sajd
1.
Kwalunkwe attività konġunta tas-sajd għat-tonn għandha tkun awtorizzata biss bil-kunsens tal-Istat Membru (jew tal-Istati Membri) tal-bandiera kkonċernat(i). Sabiex jingħata din l-awtorizzazzjoni, kull bastiment tas-sajd bil-purse seine għandu jkun mgħammar biex jistad għat-tonn u għandu jkollu kwota individwali. L-attivitajiet konġunti tas-sajd imwettqin flimkien ma’ PKK oħrajn m’għandhomx ikunu permessi.
2.
Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikseb it-tagħrif li ġej mingħand il-bastimenti tas-sajd tiegħu li jkunu qed japplikaw għal awtorizzazzjoni biex jieħdu sehem f’attività konġunta tas-sajd:
(a)it-tul ta’ żmien tal-attività;
(b)l-identità tal-operaturi involuti fiha;
(c)il-kwoti tal-bastimenti individwali;
(d)l-iskema ta’ allokazzjoni tal-qabdiet involuti bejn il-bastimenti tas-sajd involuti; u
(e)it-tagħrif dwar il-farms tal-ħut fejn ikun se jittieħed it-tonn.
3.
Kull Stat Membru għandu jibgħat it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fl-Anness VI mill-inqas 15-il jum qabel ma tibda l-attività. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Istat tal-bandiera tal-bastimenti l-oħra tas-sajd li jkunu se jieħdu sehem fl-attività konġunta tas-sajd mill-inqas għaxart ijiem qabel ma tibda l-attività.
4.
F’każ ta’ forza maġġuri, m’għandhiex tapplika l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 3 għat-tagħrif mitlub fil-paragrafu 2(e). F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu aġġornament dwar dak it-tagħrif lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-avvenimenti li kienu jikkostitwixxu l-forza maġġuri. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Taqsima 2
Qabdiet
Artikolu 23
Rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni
1.
Minbarra li jikkonforma mal-Artikoli 14, 15, 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, jekk ikun applikabbli, il-kaptan ta’ bastiment tal-qbid tal-Unjoni għandu jdaħħal fil-ġurnal ta’ abbord it-tagħrif imniżżel fil-Parti A tal-Anness II.
2.
Il-kaptani tal-bastimenti tal-irmunkar, tal-bastimenti awżiljarji u tal-bastimenti tal-ipproċessar għandhom jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet B, C u D tal-Anness II.
Artikolu 24
Rapporti tal-qabdiet mibgħuta mill-kaptani u mill-operaturi tat-tunnari
1.
Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid li jkunu qed jistadu b’mod attiv għat-tonn għandhom jibagħtu t-tagħrif mill-ġurnal ta’ abbord lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera ta’ kuljum, fosthom in-numru tar-reġistru tal-ICCAT, isem il-bastiment, il-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni, id-data, il-ħin, il-post (il-latitudni u l-lonġitudni) u l-piż u l-għadd tat-tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni. Huma għandhom jibagħtu dak it-tagħrif b’mod elettroniku fil-format stabbilit fl-Anness V matul il-perjodu kollu li fih il-bastiment ikun awtorizzat jistad għat-tonn.
2.
Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd bil-purse seine għandhom joħorġu r-rapporti ta’ kuljum kif imsemmi fil-paragrafu 1 għal attività tas-sajd fuq il-bażi ta’ attività tas-sajd b’attività tas-sajd, inklużi dawk l-attivitajiet li matulhom ma jkunu qabdu xejn.
3.
L-operatur għandu jibgħat ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu kuljum sa mhux aktar tard mid-9.00 GMT għall-ġurnata ta’ qabel għall-bastimenti tas-sajd bil-purse seine u għall-bastimenti ta’ iktar minn 24 metru u sa mhux aktar tard minn nofsillejl tat-Tnejn għall-ġimgħa ta’ qabel li tkun intemmet f’nofsillejl GMT tal-Ħadd għall-bastimenti tal-qbid l-oħrajn.
4.
L-operaturi tat-tunnari użati għas-sajd attiv għat-tonn għandhom jibagħtu rapport tal-qabdiet ta’ kuljum, fosthom in-numru tar-reġistru tal-ICCAT, id-data, il-ħin, il-qabdiet (il-piż u l-għadd tal-ħut maqbud), inkluż meta ma jkunu qabdu xejn. Huma għandhom jibagħtu dak it-tagħrif b’mod elettroniku fi żmien 48 siegħa lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tagħhom fil-format stabbilit fl-Anness V matul il-perjodu kollu li fih huma jkunu awtorizzati jistadu għat-tonn.
5.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli ddettaljati għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-attivitajiet tal-bastimenti u tat-tunnari skont il-paragrafi 1 sa 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
Artikolu 25
Rapporti tal-qabdiet ta’ kull ġimgħa u ta’ kull xahar mibgħuta mill-Istati Membri
1.
Malli jirċievi r-rapporti tal-qabdiet imsemmija fl-Artikolu 24, kull Stat Membru għandu jgħaddihom mill-ewwel lill-Kummissjoni b’mod elettroniku u huwa għandu jipprovdi minnufih lill-Kummissjoni r-rapporti tal-qabdiet ta’ kull ġimgħa għall-bastimenti tal-qbid u għat-tunnari kollha skont il-format stabbilit fl-Anness V. Kull ġimgħa, il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT skont il-format mogħti fil-Linji gwida għat-tressiq tad-dejta u tat-tagħrif meħtieġa mill-ICCAT.
2.
Qabel il-ħmistax-il jum ta’ kull xahar, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li jkun inħatt l-art, ġie ttrażbordat, inqabad fit-tunnari jew tqiegħed fil-gaġeġ matul ix-xahar ta’ qabel mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew mit-tunnari li huma rreġistrati fih. It-tagħrif mibgħut għandu jkun imqassam skont it-tip ta’ rkaptu, inklużi l-qabdiet inċidentali totali, il-qabdiet mis-sajd sportiv u rikreattiv u l-attivitajiet tas-sajd li matulhom ma jinqabad l-ebda ħut. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT minnufih.
Artikolu 26
Tagħrif dwar l-eżawriment tal-kwoti
1.Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni meta jitqies li l-kwota allokata għal grupp ta’ rkaptu msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament tkun laħqet it-80 %.
2.Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni meta jitqies li l-kwota allokata għal grupp ta’ rkaptu msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament jew għal attività konġunta tas-sajd jew għal bastiment tas-sajd bil-purse seine tkun ġiet eżawrita.
3.Mat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat id-dokumentazzjoni uffiċjali li tagħti provi tas-sejħa għall-waqfien mis-sajd jew għal ritorn lura fil-port li l-Istat Membru ħareġ għall-flotta, il-grupp ta’ rkaptu, l-attività konġunta tas-sajd jew il-bastimenti tas-sajd li għandhom kwota individwali, u li tinkludi indikazzjoni ċara tad-data u l-ħin tal-għeluq tas-sajd.
Artikolu 27
Rappurtar ta’ kull sena tal-qabdiet mill-Istati Membri
1.Sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bit-tagħrif iddettaljat dwar il-qabdiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li kien hemm matul is-sena tas-sajd ta’ qabel. Dan it-tagħrif għandu jinkludi:
a)isem kull bastiment tal-qbid u n-numru tal-ICCAT tiegħu;
b)il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet għal kull bastiment tal-qbid;
c)il-qabdiet totali ta’ kull bastiment tal-qbid matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet, inkluż meta ma nqabad l-ebda ħut;
d)l-għadd totali ta’ jiem li matulhom kull bastiment tal-qbid ikun stad fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjonijiet; u
e)l-qabda totali li kien hemm barra l-perjodu tal-awtorizzazzjoni (il-qabdiet inċidentali totali), inkluż meta ma nqabad l-ebda ħut.
2.Għall-bastimenti li mhumiex awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran iżda li jkunu qabdu t-tonn bħala qabda inċidentali, it-tagħrif li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fl-istess data mogħtija fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:
a) isem il-bastiment u n-numru tal-ICCAT tiegħu jew in-numru tiegħu fir-reġistru nazzjonali, jekk dan ma jkunx irreġistrat mal-ICCAT; u
b)l-qabdiet totali tat-tonn.
3.Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’kull tagħrif dwar il-bastimenti li mhumiex koperti mill-paragrafi 1 u 2, iżda li huwa magħruf jew preżunt li stadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT it-tagħrif li hija tkun irċeviet skont il-paragrafi 1, 2 u 3.
Taqsima 3
Ħatt l-art u trażbord
Artikolu 28
Portijiet magħżulin
1.Kull Stat Membru għandu jagħżel xi portijiet jew postijiet qrib ix-xatt (il-portijiet magħżulin) fejn ikunu permessi l-attivitajiet tal-ħatt l-art tat-tonn jew tat-trażbord tiegħu.
2.Biex port jiġi stabbilit bħala port magħżul, l-Istat Membru tal-port għandu jispeċifika l-ħinijiet meta jkunu permessi l-ħatt l-art u t-trażbord u l-postijiet fejn dawn l-attivitajiet ikunu permessi.
3.Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lista tal-portijiet magħżulin lill-Kummissjoni, li, min-naħa tagħha, għandha tibgħat dan it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.M’għandux ikun permess li wieħed iħott l-art jew jittrażborda mill-bastimenti tas-sajd kwalunkwe kwantità ta’ tonn mistad fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran f’postijiet oħra minbarra l-portijiet jew il-postijiet qrib ix-xatt magħżulin mill-PKK u mill-Istati Membri skont il-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 29
Il-ħatt l-art
1.L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta’ iktar minn 12-il metru li huma inklużi fil-lista tal-ICCAT tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 19. In-notifika qabel il-wasla skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw.
2.Barra minn hekk, mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla tagħhom fil-port, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta’ tul totali ta’ inqas minn 12-il metru li huma inklużi fil-lista tal-ICCAT imsemmija fl-Artikolu 19 għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw, tal-inqas b’dan li ġej:
(a)il-ħin stmat tal-wasla tagħhom;
(b)l-istima tal-kwantità ta’ tonn miżmum abbord; u
(c)it-tagħrif dwar iż-żona ġeografika fejn ikunu saru l-qabdiet.
3.Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) Nru 404/2011 għan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-istima tal-kwantitajiet ta’ tonn miżmum abbord tista’ tintbagħat fil-ħin miftiehem tan-notifika qabel il-wasla.
4.L-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port għandhom iżommu reġistru tan-notifiki kollha ta’ qabel għas-sena attwali.
5.Il-qabdiet kollha li jinħattu l-art għandhom ikunu kkontrollati mill-awtoritajiet ta’ kontroll rilevanti tal-Istat Membru tal-port u għandu jiġi spezzjonat perċentwali tagħhom abbażi ta’ sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju li tinvolvi l-kwota, id-daqs tal-flotta u l-isforz tas-sajd. Id-dettalji kollha ta’ din is-sistema ta’ kontroll adottata minn kull Stat Membru għandhom jingħataw fil-pjan ta’ spezzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 51. Din is-sistema ta’ kontroll għandha tapplika wkoll għall-attivitajiet tal-ħsad.
6.L-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port għandhom jibagħtu rekord tal-ħatt l-art lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment fi żmien 48 siegħa minn meta jintemm il-ħatt l-art.
7.Minbarra li jikkonformaw mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, wara kull vjaġġ il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni għandhom jibagħtu dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, irrispettivament minn kemm ikunu twal dawk il-bastimenti:
a)lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment;
b)u, jekk il-ħatt l-art ikun seħħ f’port ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ PKK oħra, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jew tal-PKK ikkonċernata.
8.Kull qabda li tinħatt l-art għandha tintiżen.
Artikolu 30
It-trażbord
1.B’deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, it-trażbord tat-tonn fuq il-baħar fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun ipprojbit fiċ-ċirkustanzi kollha.
2.Il-bastimenti tas-sajd għandhom jittrażbordaw il-qabdiet tat-tonn fil-portijiet magħżulin biss, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28.
3.
L-Istat Membru tal-port għandu jiżgura kopertura sħiħa tal-ispezzjoni waqt il-ħinijiet kollha tat-trażbord u fil-postijiet kollha tat-trażbord.
4.Qabel jidħlu fi kwalunkwe port u mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla, il-kaptani tal-bastiment tas-sajd li jkunu qed jirċievu l-ħut jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jibagħtu t-tagħrif li ġej lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK li l-port tagħha huma jkunu jridu jużaw:
(a)id-data u l-ħin stmati tal-wasla tagħhom u l-port tal-wasla;
(b)l-istima tal-kwantità ta’ tonn miżmum abbord u t-tagħrif dwar iż-żona ġeografika fejn ikun inqabad;
(c)isem il-bastiment tas-sajd li qed jittrażborda l-ħut u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn jew fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra tas-sajd li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran;
(d)isem il-bastiment tas-sajd li qed jirċievi l-ħut u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn jew fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra tas-sajd li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran; u
(e)it-tunnellaġġ tat-tonn li għandu jiġi ttrażbordat u ż-żona ġeografika fejn ikun inqabad.
5.Il-bastimenti tas-sajd m’għandhomx jitħallew jittrażbordaw il-ħut sakemm ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel għal dan mill-Istat tal-bandiera tagħhom.
6.Qabel ma jibda t-trażbord, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jittrażbordaw il-ħut għandhom jgħarrfu lill-Istat tal-bandiera tal-bastimenti tagħhom b’dan li ġej:
(a)il-kwantitajiet ta’ tonn li għandhom jiġi ttrażbordati;
(b)id-data meta għandu jsir it-trażbord u l-port fejn dan għandu jsir;
(c)l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun se jirċievi l-ħut u n-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn jew fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra tas-sajd li huma awtorizzati jistadu għat-tonn; u
(d)iż-żona ġeografika fejn inqabad it-tonn.
7.Kull trażbord għandu jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fil-port magħżul. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha:
(a)tispezzjona l-bastiment li jkun irċieva l-ħut hekk kif dan jasal fil-port u tivverifika t-tagħbija u d-dokumentazzjoni marbuta mal-attività tat-trażbord; u
(b)tibgħat rekord tat-trażbord lill-awtorità tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid li jkun ittrażborda l-ħut fi żmien ħamest ijiem minn meta jintemm it-trażbord.
8.B’deroga mill-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jimlew u jibagħtu d-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti, irrispettivament minn kemm ikunu twal dawk il-bastimenti. Id-dikjarazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard minn 48 siegħa wara d-data tat-trażbord fil-port skont il-format stabbilit fl-Anness III.
Taqsima 4
L-attivitajiet ta’ trasferiment
Artikolu 31
L-awtorizzazzjoni ta’ trasferiment
1.Qabel kull attività ta’ trasferiment, il-kaptan ta’ bastiment tal-qbid jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara minn fejn joriġina t-trasferiment ikkonċernat għandu jibgħat notifika minn qabel tat-trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu, li jkun fiha:
(a)l-isem tal-bastiment tal-qbid, tal-bastiment tal-irmunkar, tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara u n-numru tagħhom fir-reġistru tal-ICCAT;
(b)il-ħin stmat tat-trasferiment;
(c)l-istima tal-kwantità ta’ tonn li għandu jiġi ttrasferit;
(d)tagħrif dwar il-pożizzjoni fejn ikun se jsir it-trasferiment (il-latitudni/il-lonġitudni) u n-numri identifikabbli tal-gaġeġ;
(e)isem il-bastiment tal-irmunkar li jkun se jirċievi l-ħut, l-għadd ta’ gaġeġ irmunkati u, fejn ikun xieraq, in-numru tiegħu fir-reġistru tal-ICCAT; u
(f)il-port, il-farm tal-ħut jew il-gaġġa fejn ikun se jittieħed it-tonn.
2.Għal dan il-għan, kull gaġġa għandha tingħata numru uniku. In-numri għandhom jinħarġu permezz ta’ sistema ta’ numerar uniku li tinkludi mill-inqas tliet ittri tal-kodiċi tal-alfa li jikkorrispondu għall-bandiera tal-bastimenti tal-irmunkar, segwiti minn tliet numri.
3.Il-bastimenti tas-sajd, il-farms tal-ħut u t-tunnari m’għandhomx jitħallew jagħmlu t-trasferiment sakemm ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel għal dan mill-Istat tagħhom. L-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli għandhom jiddeċiedu jekk jagħtux l-awtorizzazzjoni għal kull attività ta’ trasferiment jew le. Għal dan il-għan, kull attività ta’ trasferiment għandha tingħata numru uniku ta’ identifikazzjoni, li għandu jintbagħat lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd, lill-operatur tat-tunnara jew lill-operatur tal-farm tal-ħut skont il-każ. F’każ li tingħata l-awtorizzazzjoni, dak in-numru għandu jkun fih il-kodiċi tal-Istat Membru bi tliet ittri, l-erba’ numri li juru s-sena u t-tliet ittri “AUT” (awtorizzazzjoni), segwiti minn numri sekwenzjali. F’każ li l-awtorizzazzjoni tiġi rrifjutata, dak in-numru għandu jkun fih il-kodiċi tal-Istat Membru bi tliet ittri, l-erba’ numri li juru s-sena u t-tliet ittri “NEG” (mingħajr awtorizzazzjoni), segwiti minn numri sekwenzjali.
4.
F’każ li l-ħut imut waqt li jkun qed jiġi ttrasferit, l-Istati Membri responsabbli u l-operaturi involuti fl-attività ta’ trasferiment għandhom jimxu skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XII.
5.L-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-bastiment tal-irmunkar, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandu jagħti l-awtorizzazzjoni biex isir it-trasferiment jew jirrifjutaha, skont il-każ, fi żmien 48 siegħa minn meta tintbagħat in-notifika minn qabel tat-trasferiment.
6.L-awtorizzazzjoni tat-trasferiment mill-Istat Membru responsabbli m’għandhiex tippreġudika l-awtorizzazzjoni tal-attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ.
Artikolu 32
Rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ trasferiment
1.L-Istat Membru li jkun responsabbli għall-bastiment, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara m’għandux jawtorizza t-trasferiment jekk, malli jirċievi n-notifika minn qabel tat-trasferiment, huwa jqis li:
(a)il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut m’għandhomx kwota biżżejjed;
(b)l-operatur tal-bastiment tal-qbid jew tat-tunnara ma rrappurtax kif suppost il-kwantità tal-ħut, jew ma kienx hemm awtorizzazzjoni biex din il-kwantità tinżamm fil-gaġeġ, jew li din il-kwantità ma tqisitx għall-konsum tal-kwota li tista’ tkun applikabbli;
(c)il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut mhumiex awtorizzati jistadu għat-tonn; jew
(d)il-bastiment tal-irmunkar iddikjarat bħala l-bastiment li se jirċievi l-ħut ittrasferit mhuwiex irreġistrat fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra kollha tas-sajd (minbarra l-bastimenti tal-qbid) li huma awtorizzati jistadu għat-tonn, imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b), jew mhuwiex mgħammar b’Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS).
2.Jekk it-trasferiment ma jiġix awtorizzat:
(a)l-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara għandu joħroġ ordni tar-rilaxx lill-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew lill-operatur tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut, skont il-każ, u javżahom li t-trasferiment mhuwiex awtorizzat u li l-ħut għandu jintelaq il-baħar;
(b)il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara għandu jitlaq il-ħut il-baħar skont il-każ; u
(c)it-tonn għandu jintelaq il-baħar skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness XI.
Artikolu 33
Il-monitoraġġ permezz ta’ vidjokamera
1.Għall-attivitajiet tat-trasferiment, il-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew tal-bastiment tal-irmunkar jew l-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara li jkun qed jittrasferixxi t-tonn għandu jiżgura li l-attivitajiet tat-trasferiment jiġu mmonitorjati permezz ta’ vidjokamera fl-ilma sabiex jiġi vverifikat l-għadd ta’ ħut li jkun qed jiġi ttrasferit. L-istandards minimi u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandhom ikunu skont l-Anness IX.
2.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-bastimenti, għall-farms tal-ħut jew għat-tunnari għandu jiżgura li r-reġistrazzjonijiet bil-vidjow imsemmija fil-paragrafu 1 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispetturi u tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT.
3.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-bastimenti, għall-farms tal-ħut jew għat-tunnari għandu jiżgura li r-reġistrazzjonijiet bil-vidjow imsemmija fil-paragrafu 1 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispetturi u tal-osservaturi nazzjonali tal-Unjoni.
4.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-bastimenti, għall-farms tal-ħut jew għat-tunnari għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jevita kull tibdil, editjar jew manipulazzjoni tar-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjow.
Artikolu 34
Verifika mwettqa mill-osservaturi reġjonali tal-ICCAT u t-tnedija ta’ investigazzjoni u t-twettiq tagħha
1.
Kif imsemmi fil-Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT stabbilit fl-Artikolu 49 u fl-Anness VII, l-osservaturi reġjonali tal-ICCAT abbord il-bastiment tal-qbid jew fil-post fuq tunnara għandhom jirreġistraw l-attivitajiet ta’ trasferiment imwettqin u jagħmlu rapport dwarhom, josservaw il-qabdiet ittrasferiti u jagħmlu stima tagħhom, u jivverifikaw l-entrati li saru fl-awtorizzazzjoni tat-trasferiment minn qabel imsemmija fl-Artikolu 31 u fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT imsemmija fl-Artikolu 36.
2.F’każ li jkun hemm differenza ta’ aktar minn 10 % fl-għadd tal-istimi tal-qabda magħmulin mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT, mill-awtoritajiet ta’ kontroll rilevanti u/jew mill-kaptan tal-bastiment tal-qbid jew mir-rappreżentant tat-tunnara, jew meta r-reġistrazzjoni bil-vidjow ma tkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed jew ma tkunx ċara biżżejjed biex isiru t-tali stimi, l-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandu jniedi investigazzjoni dwar dan li għandha tintemm qabel il-ħin tat-tqegħid fil-gaġeġ fil-farm tal-ħut jew fi kwalunkwe każ fi żmien 96 siegħa minn meta titnieda. Sakemm joħorġu r-riżultati ta’ dik l-investigazzjoni, m’għandux jiġi awtorizzat it-tqegħid fil-gaġeġ u t-taqsima tal-qabdiet tad-dokument dwar il-qabdiet tat-tonn m’għandhiex tiġi vvalidata.
3.Madankollu, meta r-reġistrazzjoni bil-vidjow ma tkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed jew ma tkunx ċara biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta’ tonn, l-operatur jista’ jitlob lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment, tat-tunnara jew tal-farm tal-ħut biex jagħmel trasferiment ġdid u biex jibgħat ir-reġistrazzjoni korrispondenti bil-vidjow lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT.
4.Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqin minn spettur, l-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT biss meta l-osservazzjonijiet tagħhom ikunu konformi mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT u meta t-tagħrif li jinsab fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment ikun konsistenti mal-osservazzjonijiet tagħhom, inkluża reġistrazzjoni konformi bil-vidjow, kif meħtieġ skont l-Artikolu 33(1). Huma għandhom jiffirmaw dik id-dikjarazzjoni b’isem miktub b’mod ċar u b’numru ċar tal-ICCAT.
5.L-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom jivverifikaw ukoll li d-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT tintbagħat lill-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar jew lir-rappreżentant tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara.
Artikolu 35
Miżuri biex jiġu stmati l-għadd ta’ tonn li għandu jitqiegħed fil-gaġeġ u l-piż tiegħu
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri u l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex ikomplu jeżaminaw il-metodi biex itejbu l-istimi kemm tal-għadd ta’ tonn u kemm tal-piż tiegħu fil-mument tal-qabda tiegħu u tat-tqegħid tiegħu fil-gaġeġ. Sat-22 ta’ Awwissu ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun ħa, u din għandha tibgħat dawn ir-rapporti lill-SCRS.
Artikolu 36
Dikjarazzjoni tat-trasferiment
1.Malli tintemm l-attività ta’ trasferiment, il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid jew tal-irmunkar jew l-operaturi tat-tunnari jew tal-farms tal-ħut għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT u jibagħtuha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tagħhom, skont il-format stabbilit fl-Anness IV.
2.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-bastimenti, għall-farms tal-ħut jew għat-tunnari li minnhom joriġinaw it-trasferimenti għandhom jagħtu numru lill-formoli tad-dikjarazzjoni ta’ trasferiment. Is-sistema ta’ numerar għandha tinkludi l-kodiċi tal-Istat Membru bi tliet ittri, segwit mill-erba’ numri li juru s-sena, u tliet numri sekwenzjali segwiti mit-tliet ittri “ITD” (SM-20**/xxx/ITD).
3.Id-dikjarazzjoni oriġinali tat-trasferiment għandha takkumpanja t-trasferiment tal-ħut. Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid, l-operatur tat-tunnara, il-kaptan tal-bastiment tal-irmunkar jew l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni.
4.Il-kaptani tal-bastimenti li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta’ trasferiment (inklużi l-bastimenti tal-irmunkar) għandhom jirrappurtaw l-attivitajiet tagħhom skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 37
Atti ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-attivitajiet ta’ trasferiment skont l-Artikoli 31 sa 36. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
Taqsima 5
L-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ
Artikolu 38
L-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ
1.
Qabel ma tibda kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ, għandu jiġi pprojbit li jiġu mmażżrati gaġeġ tat-trasport f’żona ta’ nofs mil nawtiku mill-faċilitajiet tal-farm tal-ħut.
2.Qabel kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandha tgħarraf lill-Istat Membru jew lill-PKK responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara bil-kwantitajiet tal-ħut maqbuda minn dak il-bastiment tal-qbid jew f’dik it-tunnara u għandha titlobhom awtorizzazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ.
3.L-attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ m’għandhiex tibda qabel ma tingħata awtorizzazzjoni minn qabel għal dan mingħand:
(a) il-PKK jew l-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara; jew
(b)il-PKK jew l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut jekk ikun hemm qbil dwar dan fost l-Istati Membri involuti jew mal-PKK tal-bandiera involuta.
4.Il-PKK jew l-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni biex il-ħut jitqiegħed fil-gaġeġ jew jirrifjutawha, jekk ikun hemm bżonn, fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta ssir it-talba u minn meta jintbagħat it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2. Jekk il-PKK jew l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut ma jirċievu l-ebda tweġiba fi żmien jum tax-xogħol dwar dan, huma jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni tagħhom biex il-ħut jitqiegħed fil-gaġeġ.
5.It-tonn għandu jitqiegħed fil-gaġeġ qabel il-15 ta’ Awwissu, sakemm l-Istat Membru jew il-PKK responsabbli għall-farm tal-ħut li jkun qed jirċievi l-ħut ma jipprovdix raġunijiet iġġustifikati kif xieraq għal dan. Dawn ir-raġunijiet għandhom jingħataw mar-rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ.
Artikolu 39
Rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fil-gaġeġ
1.L-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandu jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fil-gaġeġ, jekk dan ikun applikabbli, jekk, malli jirċievi t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 38(2), huwa jqis li:
(a)il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut ma kellhomx kwota biżżejjed għat-tonn li tqiegħed fil-gaġġa;
(b)l-operatur tal-bastiment tal-qbid jew tat-tunnara ma rrappurtax kif suppost il-kwantità tal-ħut jew li din il-kwantità ma tqisitx għall-kalkolu tal-kwota applikabbli;
(c)il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara li ġie ddikjarat li qabdu l-ħut mhumiex awtorizzati jistadu għat-tonn.
2.Jekk it-tqegħid fil-gaġeġ ma jiġix awtorizzat, l-Istat Membru jew il-PKK responsabbli għall-bastiment tal-qbid għandu jitlob lill-Istat Membru jew lill-PKK responsabbli għall-farm tal-ħut biex jissekwestra l-qabdiet u jirrilaxxa l-ħut billi joħroġ ordni tar-rilaxx.
3.
Malli jirċievi l-ordni tar-rilaxx, l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jitlaq il-ħut il-baħar skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XI.
Artikolu 40
Id-dokumentazzjoni dwar il-qabdiet tat-tonn
L-Istati Membri li huma responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jipprojbixxu kwalunkwe tqegħid fil-gaġeġ, għall-finijiet tat-trobbija, ta’ tonn li ma jkollux miegħu d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-ICCAT skont ir-Regolament (UE) Nru 640/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-dokumentazzjoni trid tkun preċiża u kompluta u trid tkun ġiet ikkonfermata u vvalidata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bastimenti tal-qbid jew tat-tunnari.
Artikolu 41
Spezzjonijiet
L-Istati Membri li huma responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jispezzjonaw kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ li ssir fil-farms tal-ħut.
Artikolu 42
Il-monitoraġġ permezz ta’ vidjokamera
1.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jiżgura li l-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ jiġu mmonitorjati permezz ta’ vidjokamera fl-ilma. Għandha ssir reġistrazzjoni bil-vidjow għal kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness IX.
2.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jiżgura li r-reġistrazzjonijiet bil-vidjow imsemmija fil-paragrafu 1 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispetturi u tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT.
3.Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jiżgura li r-reġistrazzjonijiet bil-vidjow imsemmija fil-paragrafu 1 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispetturi u tal-osservaturi nazzjonali tal-Unjoni.
4. Kull Stat Membru li huwa responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jevita kull tibdil, editjar jew manipulazzjoni tar-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjow.
Artikolu 43
Tnedija ta’ investigazzjonijiet u twettiq tagħhom
1.Fejn ikun hemm differenza ta’ aktar minn 10 % fl-għadd tat-tonn stmat mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT, mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru rilevanti u mill-operatur tal-farm tal-ħut, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jniedi investigazzjoni dwar dan b’kooperazzjoni mal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara.
2.Sakemm joħorġu r-riżulati ta’ dik l-investigazzjoni, m’għandux isir ħsad u t-taqsima tat-trobbija tad-dokument dwar il-qabdiet tat-tonn m’għandhiex tiġi vvalidata.
3.L-Istati Membri responsabbli għall-farm tal-ħut u għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara li jkunu qed iwettqu l-investigazzjonijiet jistgħu jużaw it-tagħrif l-ieħor li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi r-riżultati tal-programmi msemmija fl-Artikolu 44, biex itemmu l-investigazzjoni tagħhom.
Artikolu 44
Miżuri u programmi biex jiġu stmati l-għadd ta’ tonn li għandu jitqiegħed fil-gaġeġ u l-piż tiegħu
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri u l-azzjonijiet kollha meħtieġa kif imsemmi fl-Artikolu 35.
2.Programm li juża sistemi ta’ kameras sterjoskopiċi jew tekniki alternattivi li jipprovdu l-istess livell ta’ preċiżjoni għandu jkopri l-attivitajiet kollha tat-tqegħid fil-gaġeġ sabiex jiġi rfinat l-għadd ta’ ħut f’kull attività tat-tqegħid fil-gaġeġ u l-piż tiegħu.
3.Dak il-programm għandu jiġi implimentat skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness X.
4.L-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jibgħat ir-riżultati ta’ dak il-programm lill-Istat Membru li jkun responsabbli għall-bastiment jew għat-tunnara u lill-Kummissjoni skont il-Parti B tal-Anness X. Il-Kummissjoni mbagħad għandha tibagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT li għandu jibagħtu lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT.
5.F’każ li r-riżultati tal-programm juru li l-kwantitajiet tat-tonn li jkun qed jitqiegħed fil-gaġeġ ikunu jvarjaw mill-kwantitajiet tat-tonn iddikjarati bħala maqbudin u ttrasferiti, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jniedi investigazzjoni dwar dan b’kooperazzjoni mal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara. Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jkunu ntbagħtu r-riżultati msemmija fil-paragrafu 4 jew jekk l-eżitu tal-investigazzjoni juri li l-għadd tat-tonn jew il-piż medju tiegħu huwa aktar minn dak iddikjarat bħala maqbud u ttrasferit, l-awtoritajiet tal-PKK jew tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid jew tat-tunnara għandhom joħorġu ordni tar-rilaxx għall-ammont żejjed, li għandu jiġi rrilaxxat skont il-proċeduri stabbiliti fl-Anness XI.
6.Skont il-proċeduri stabbiliti fil-punt 3 tal-Parti B tal-Anness X u wara r-rilaxx, jekk dan ikun applikabbli, il-kwantitajiet li joħorġu mill-programm għandhom jintużaw:
a) biex jiġu stabbiliti ċ-ċifri aħħarin tal-qabda li għandhom jitnaqqsu mill-kwota nazzjonali; u
b) biex dawn iċ-ċifri jitniżżlu fid-dikjarazzjonijiet dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u fit-taqsimiet rilevanti tad-dokument dwar il-qabdiet tat-tonn.
7.Sat-30 ta’ Awwissu ta’ kull sena, kull Stat Membru responsabbli għall-farms tal-ħut għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-programmi, u din għandha tibgħat dawn ir-rapporti lill-SCRS.
8.
It-trasferiment tat-tonn ħaj minn ġo gaġġa tat-trobbija tal-ħut għal ġo gaġġa oħra tat-trobbija tal-ħut m’għandux iseħħ jekk ma jkunx hemm l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat li huwa responsabbli għall-farm tal-ħut għal dan u jekk dawn l-awtoritajiet ma jkunux preżenti waqt it-trasferiment.
9.
Jekk ikun hemm differenza ta’ 10 % jew iktar bejn il-kwantitajiet tat-tonn iddikjarati bħala maqbudin mill-bastiment jew fit-tunnara u l-kwantitajiet stabbiliti permezz tal-kameras ta’ kontroll, kif imsemmi fil-paragrafu 5 u fl-Artikolu 43, dan għandu jikkostitwixxi nuqqas potenzjali ta’ konformità min-naħa tal-bastiment ikkonċernat jew tat-tunnara kkonċernata u l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jsegwi dan kif xieraq.
Artikolu 45
Ir-rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ
1.
Fi żmien ġimgħa minn meta titlesta l-attività tat-tqegħid fil-gaġeġ, l-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jibgħat rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ li jkun fih l-elementi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness X lill-Istat Membru jew lill-PKK tal-bastimenti li jkunu qabdu t-tonn jew tat-tunnari li fihom ikun inqabad it-tonn, kif ukoll lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport għandu jkun fih ukoll it-tagħrif inkluż fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ kif stabbilit fl-Artikolu 4b u fl-Anness Ia tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lis-Segretarjat tal-ICCAT.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ m’għandhiex titqies li tkun tlestiet sa ma tiġi konkluża kwalunkwe investigazzjoni li tkun tnediet u, jekk ikun applikabbli, sa ma titlesta kwalunkwe attività tar-rilaxx li dwarha tkun inħarġet ordni.
Artikolu 46
Atti ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ skont l-Artikoli 38 sa 45. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
Taqsima 6
Monitoraġġ u sorveljanza
Artikolu 47
Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti
1.L-obbligi mogħtija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 dwar it-tagħmir ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għandhom japplikaw għall-bastimenti kollha tal-irmonk u tal-irmunkar imniżżlin fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti msemmi fl-Artikolu 19(6), irrispettivament mit-tul tagħhom.
2.Il-bastimenti tas-sajd ta’ iktar minn 15-il metru li huma inklużi fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti tal-qbid imsemmi fl-Artikolu 19(1)(a) jew fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti l-oħra msemmi fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament għandhom jibdew jittrażmettu d-dejta tal-VMS lill-ICCAT mill-inqas 15-il jum qabel ma jiftaħ l-istaġun tas-sajd u għandhom ikomplu jittrażmettu dik id-dejta għal mill-inqas 15-il jum wara li jintemm l-istaġun tas-sajd, sakemm ma tintbagħatx talba minn qabel lill-Kummissjoni biex il-bastiment jitneħħa mir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti.
3.Għall-finijiet ta’ kontroll, it-trażmissjoni tad-dejta tal-VMS mill-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn m’għandhiex tiġi interrotta meta l-bastiment ikun fil-port, sakemm ma tkunx qed tintuża sistema ta’ dikjarazzjoni tad-dħul fil-port u tal-ħruġ minnu.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jgħaddu l-messaġġi tal-VMS li jaslu mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom lill-Kummissjoni u lil korp magħżul minnha f’ħin reali u billi jużaw il-format “https data feed”. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn il-messaġġi b’mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) il-messaġġi tal-VMS mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-inqas kull sagħtejn meta dawn il-bastimenti jkunu qed jistadu fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran;
(b) f’każ ta’ ħsara teknika fil-VMS, il-messaġġi alternattivi mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jaslu skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 404/2011 jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa minn meta jaslu fiċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom;
(c) il-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jingħataw numru sekwenzjali (b’identifikatur uniku) sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni;
(d) il-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jkunu konformi mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 404/2011.
6.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-messaġġi kollha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bastimenti ta’ spezzjoni tiegħu jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali u jkunu limitati biss għall-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar.
Artikolu 48
Programm ta’ osservaturi nazzjonali
1.Għall-bastimenti li jistadu b’mod attiv għat-tonn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-osservaturi nazzjonali jkopru tal-inqas il-livelli li ġejjin tagħhom, f’perċentwali:
(a)20 % tal-bastimenti tat-tkarkir tagħhom użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku (li fihom aktar minn 15-il metru);
(b)20 % tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tagħhom (li fihom aktar minn 15-il metru);
(c)20 % tad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka tagħhom (li fihom aktar minn 15-il metru);
(d)100 % tal-bastimenti tal-irmunkar; u
(e)100 % tal-attivitajiet tal-ħsad mit-tunnari.
2.Lill-osservaturi nazzjonali l-Istati Membri għandhom joħorġulhom dokumenti uffiċjali ta’ identifikazzjoni.
3.Il-kompiti tal-osservaturi nazzjonali għandhom ikunu, b’mod partikulari, li:
(a)jimmonitorjaw il-konformità tal-bastimenti tas-sajd u tat-tunnari ma’ dan ir-Regolament;
(b)jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd u jagħmlu rapporti dwarhom, li għandhom jinkludu dan li ġej:
(i)l-ammont ta’ ħut maqbud (inklużi l-qabdiet inċidentali totali), li jinkludi wkoll it-tqassim tal-ispeċijiet, bħal dawk miżmuma abbord jew skartati ħajjin jew mejtin;
(ii)il-latitudni u l-lonġitudni taż-żona fejn inqabad il-ħut;
(iii)il-kejl tal-isforz kif iddefinit mill-ICCAT fil-manwal tagħha tal-qasam għall-irkapti differenti (bħan-numru ta’ settijiet u n-numru ta’ snanar); u
(iv)id-data meta nqabad il-ħut;
(c)josservaw il-qabdiet u jagħmlu stima tagħhom, u jivverifikaw id-dejta mdaħħla fil-ġurnal ta’ abbord; u
(d)josservaw u jirreġistraw il-bastimenti li jistgħu jkunu qed jistadu b’mod li jikser il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ICCAT.
4.Barra minn hekk, l-osservaturi nazzjonali għandhom iwettqu ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta’ dejta tal-Kompitu II kif iddefinit mill-ICCAT, meta dan ikun meħtieġ mill-ICCAT, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS.
5.F’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4, kull Stat Membru għandu wkoll:
(a)jiżgura li l-osservaturi nazzjonali jkunu preżenti b’mod rappreżentattiv mil-lat temporali u spazjali fuq il-bastimenti u t-tunnari tiegħu, sabiex ikun żgurat li l-Kummissjoni tirċievi dejta u tagħrif xierqa u adegwati dwar il-qabdiet u l-isforz u dwar aspetti xjentifiċi u ta’ ġestjoni oħrajn, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-flotot u tal-attivitjiet tas-sajd;
(b)jiżgura li jkun hemm protokolli sodi tal-ġbir tad-dejta;
(c)jiżgura li l-osservaturi nazzjonali jkunu mħarrġa u approvati kif suppost qabel ma jintbagħtu fuq ħidma; u
(d)jiżgura, sa fejn ikun prattikabbli, tfixkil mill-inqas għall-ħidma tat-tunnari u tal-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni.
6.Id-dejta u t-tagħrif li jinġabru permezz tal-programm ta’ osservaturi ta’ kull Stat Membru għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju ta’ kull sena. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-dejta u dak it-tagħrif lill-SCRS u lis-Segretarjat tal-ICCAT kif xieraq.
Artikolu 49
Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT
1.Il-Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu u kif speċifikat iktar fl-Anness VII għandu japplika fl-Unjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li osservatur reġjonali tal-ICCAT jkun preżenti:
(a)fuq kull bastiment tas-sajd bil-purse seine li huwa awtorizzat jistad għat-tonn;
(b)waqt kull trasferiment tat-tonn minn fuq il-bastimenti tas-sajd bil-purse seine;
(c)waqt kull trasferiment tat-tonn minn ġot-tunnari għal ġol-gaġeġ tat-trasport;
(d)waqt kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ tat-tonn fil-farms tal-ħut;
(e)waqt il-ħsad kollu tat-tonn mill-farms tal-ħut.
3.Il-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li ma jkollhomx osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord m’għandhomx jiġu awtorizzati jistadu għat-tonn jew joperaw f’dan il-qasam.
4.L-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-farms tal-ħut għandhom jiżguraw li jkun hemm osservatur reġjonali tal-ICCAT preżenti waqt kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ u waqt il-ħsad kollu tal-ħut minn dawk il-farms tal-ħut.
5.L-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom ikunu inkarigati, b’mod partikulari, li:
(a)josservaw u jimmonitorjaw il-konformità tal-attivitajiet tas-sajd u tat-trobbija tal-ħut mal-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, mal-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;
(b)jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet tat-trasferiment tal-ICCAT imsemmija fl-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament, ir-rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ imsemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament u d-dokumenti dwar il-qabdiet tat-tonn meta dawn jaqblu li t-tagħrif mogħti fihom huwa konsistenti mal-osservazzjonijiet tagħhom; u
(c)iwettqu ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta’ kampjuni, kif meħtieġ mill-ICCAT, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS.
6.L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-kaptani, l-ekwipaġġ u s-sidien tal-farms tal-ħut, tat-tunnari u tal-bastimenti ma jfixklux, jintimidaw, jindaħlu, jinfluwenzaw, jikkorrompu jew jippruvaw jikkorrompu lill-osservaturi reġjonali tal-ICCAT fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Taqsima 7
Spezzjonijiet u kontroverifiki
Artikolu 50
L-iskema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta
1.L-iskema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta stabbilita fl-Anness VIII għandha tapplika fl-Unjoni.
2.L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandhom jaħtru spetturi u jwettqu spezzjonijiet fuq il-baħar fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT.
3.Jekk, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn 15-il bastiment tas-sajd li jtarju l-bandiera ta’ Stat Membru partikulari li jkunu qed iwettqu attivitajiet tas-sajd għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni, dak l-Istat Membru għandu jibgħat bastiment ta’ spezzjoni għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kontroll fuq il-baħar fiż-żona tal-Konvenzjoni għall-perjodu kollu li matulu dawk il-bastimenti jkunu hemmhekk. Dak l-obbligu għandu jitqies li jkun tħares f’każijiet fejn l-Istati Membri jikkooperaw biex jibagħtu bastiment ta’ spezzjoni jew f’każijiet fejn jintbagħat bastiment ta’ spezzjoni tal-Unjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni.
4.Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha jistgħu jaħtru spetturi tal-Unjoni għall-iskema tal-ICCAT.
5.Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni għall-Unjoni. Flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tfassal programmi ta’ spezzjoni konġunta biex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-obbligu tagħha fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu qed jistadu għat-tonn għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u mal-perjodi meta dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw u maż-żoni ġeografiċi fejn dawn għandhom jintużaw.
6.Sal-1 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-ispetturi u tal-bastimenti ta’ spezzjoni li beħsiebhom jassenjaw għall-iskema tal-ICCAT matul dik is-sena. Permezz ta’ dan it-tagħrif, il-Kummissjoni għandha tfassal, flimkien mal-Istati Membri, pjan għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-iskema tal-ICCAT kull sena, li hija għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Istati Membri.
Artikolu 51
Trażmissjoni tal-pjanijiet ta’ spezzjoni
1.Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet ta’ spezzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont:
a)l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-parametri referenzjarji għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stabbiliti fil-Programm ta’ Kontroll u Spezzjoni Speċifiku għat-Tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran stabbilit skont l-Artikolu 95 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; u
b)il-Programm ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll għat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran stabbilit skont l-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2.Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet nazzjonali ta’ spezzjoni u tintegrahom fil-pjan ta’ spezzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta’ spezzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex l-ICCAT tkun tista’ tapprovah, flimkien mal-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1).
Artikolu 52
Spezzjonijiet f’każ ta’ ksur
1.L-Istat Membru tal-bandiera għandu jieħu azzjoni skont il-paragrafu 2 meta bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu:
(a)ikun naqas milli jirrapporta dak li hu mitlub minnu skont l-Artikoli 23 u 24; jew
(b)ikun kiser id-dispożizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, mill-Artikoli 89 sa 93 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u mill-Kapitolu IX tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008.
2.L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li ssir spezzjoni fiżika taħt l-awtorità tiegħu fil-portijiet tiegħu jew minn persuna oħra maħtura minnu meta l-bastiment ma jkunx jinsab f’wieħed mill-portijiet tiegħu.
Artikolu 53
Kontroverifika
1.Kull Stat Membru għandu jivverifika, inkluż bl-użu tar-rapporti ta’ spezzjoni, tar-rapporti tal-osservaturi u tad-dejta tal-VMS, is-sottomissjoni tal-ġurnali ta’ abbord u tat-tagħrif rilevanti rreġistrat fil-ġurnali ta’ abbord tal-bastimenti tas-sajd tiegħu, fid-dokumenti dwar it-trasferiment jew it-trażbord u fid-dokumenti dwar il-qabdiet tat-tonn skont l-Artikolu 109 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2.
Kull Stat Membru għandu jwettaq kontroverifiki fuq il-ħatt l-art kollu, fuq it-trażbord kollu u fuq it-tqegħid kollu fil-gaġeġ bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment tas-sajd jew il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment jew tat-trażbord u l-kwantitajiet irreġistrati fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art jew tat-tqegħid fil-gaġeġ, u fi kwalunkwe dokument rilevanti ieħor, bħal fattura u/jew noti tal-bejgħ skont l-Artikolu 109 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
Taqsima 8
Kummerċjalizzazzjoni
Artikolu 54
Miżuri tas-suq
1.Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 u għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom ikunu pprojbiti l-kummerċ tal-Unjoni fit-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran u l-ħatt l-art, l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet, it-tqegħid fil-gaġeġ għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija, l-esportazzjonijiet mill-ġdid u t-trażbord tiegħu li ma jkollhomx magħhom id-dokumentazzjoni preċiża, sħiħa u vvalidata stabbilita f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) Nru 640/2010 u fl-Artikolu 4b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001.
2. Il-kummerċ tal-Unjoni fit-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran u l-importazzjonijiet, il-ħatt l-art, it-tqegħid fil-gaġeġ għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija, l-ipproċessar, l-esportazzjonijiet, l-esportazzjonijiet mill-ġdid u t-trażbord tiegħu għandhom ikunu pprojbiti:
a)jekk dan it-tonn ikun inqabad minn bastimenti tas-sajd jew f’tunnari li l-Istat tagħhom ma jkollux kwota, limitu fuq il-qbid jew sforz tas-sajd allokat għalih għat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran skont it-termini tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT; jew
b)jekk dan it-tonn ikun inqabad minn bastimenti tas-sajd jew f’tunnari li l-kwoti individwali tagħhom ikunu eżawriti jew li l-Istat tagħhom ikun eżawrixxa l-opportunitajiet tas-sajd tiegħu.
3.Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 u għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, għandhom ikunu pprojbiti l-kummerċ tal-Unjoni, l-importazzjonijiet, il-ħatt l-art, l-ipproċessar u l-esportazzjonijiet mill-farms tat-trobbija u tat-tismin tal-ħut li ma jkunux konformi mar-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 55
Evalwazzjoni
Kull sena, sal-15 ta’ Settembru, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport iddettaljat lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom ta’ dan ir-Regolament. Abbażi tat-tagħrif li l-Istati Membri jkunu bagħtulha, kull sena, sal-15 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport iddettaljat lis-Segretarjat tal-ICCAT dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 14-04 tal-ICCAT.
Artikolu 56
Finanzjament
Il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jitqies li huwa pjan multiannwali fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 57
Proċedura għall-emendi
1.
Sa fejn huwa meħtieġ, sabiex fil-liġi tal-Unjoni jiġu inkorporati l-emendi tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-pjan għall-irkupru tat-tonn li jsiru obbligatorji għall-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda d-dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ atti delegati adottati skont l-Artikolu 58.
Artikolu 58
Eżerċizzju tad-delega għall-emendi
1.Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Il-Kummissjoni għandha tingħata d-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 57 għal perjodu taż-żmien mhux determinat.
3.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 57 fi kwalunkwe ħin. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.
4.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.
5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 57 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 59
Implimentazzjoni
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 60
Tħassir
1.Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 b’dan qed jitħassar.
2.Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mogħtija fl-Anness XIII.
Artikolu 61
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President